Proċedura : 2014/0079(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0055/2014

Testi mressqa :

A8-0055/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/01/2015 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0002

RAKKOMANDAZZJONI     ***
PDF 171kWORD 79k
5.12.2014
PE 537.372v02-00 A8-0055/2014

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Mayotte, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea

(07911/2014 – C8‑0008/2014 – 2014/0079(NLE))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: Alain Cadec

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Mayotte, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea

(07911/2014 – C8‑0008/2014 – 2014/0079(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (07911/2014),

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Mayotte, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea (07953/2014),

–       wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43 kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt a), u l-paragrafu 7, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8‑0008/2014),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0055/2014),

1.      Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tas-Seychelles.


ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPA) jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles fil-qasam tas-sajd. Dan il-ftehim ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli tat-tonn bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles daħal fis-seħħ fl-10 ta' Mejju 2003 u ġie mġedded darbtejn wara din id-data. Dan huwa l-iktar ftehim importanti li l-Unjoni qatt stabbiliet fl-Oċean Indjan, u bhekk is-Seychelles saru l-ewwel sħab f'din iż-żona.

Il-ftehim preżenti huwa "ftehim ta' aċċess", inizjalat fit-3 ta' April 2014, bejn ir-Repubblika tas-Seychelles u l-Unjoni Ewropea. Huwa jikkonċerna l-aċċess tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Mayotte.

It-territorju tal-Mayotte sar reġjun ultraperiferiku tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Jannar 2014. Għal dan il-għan, iż-żona ekonomika esklużiva (ŻEE) tal-Mayotte issa hija parti integrali mill-ilmijiet tal-Unjoni. Billi l-konservazzjoni tar-riżorsi hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 3 tat- TFUE), hija r-responsabilità tal-Unjoni li tiġġestixxi r-riżorsi tal-baħar u li tinnegozja u tiġġestixxi l-ftehimiet bilaterali fir-rigward tal-Mayotte.

Minħabba l-viċinanza ġeografika tal-Mayotte u s-Seychelles u qabel mainbidel l-istejtus tal-Mayotte, ir-relazzjonijiet ta’ bejn il-bastimenti tas-sajd Ewropej u dawk tas-Seychelles u tal-Mayotte kienu rregolati minn ftehim privat. Dan il-ftehim privat kien jippermetti lil total ta' madwar tletin bastiment, fosthom 8 bastimenti tas-Seychelles, li jistadu għal speċijiet migratorji fl-ilmijiet tal-Mayotte filwaqt li jippermetti l-iżvilupp tas-settur tas-sajd tal-Mayotte bis-saħħa ta' tariffi mħallsa direttament mis-sidien tal-bastimenti lis-servizzi tal-Istat Franċiż tal-Mayotte.

Il-ftehim preżenti bejn ir-Repubblika tas-Seychelles u l-Unjoni Ewropea (għall-Mayotte) ġie negozjat biex jippermetti lil għadd limitat ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tas-Seychelles, li għandhom id-drawwa storika li jistadu fl-ilmijiet tal-Mayotte, li jibqgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom ta' sajd fiż-ŻEE tal-Mayotte fir-rispett tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

Dan il-ftehim ta' aċċess huwa ta' importanza strateġika minħabba n-natura migratorja tar-riżorsi tat-tonn. Huwa jissodisfa wkoll talba mir-Repubblika tas-Seychelles biex tiġi stabbilita reċiproċità tal-SFPA, jiġifieri ftehim li jippermetti lis-sidien tal-bastimenti tas-Seychelles li jistadu fl-ilmijiet Ewropej. Dan il-ftehim se jippermetti li jinżammu r-relazzjonijiet privileġġjati li l-Unjoni Ewropea għandha mar-Repubblika tas-Seychelles.

Il-ftehim preżenti għandu jiġi adottat mill-Kunsill bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew skont il-proċedura leġiżlattiva ta' approvazzjoni li jiddisponi għaliha l-Artikolu 289(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Kontenut tal-Ftehim

Dan il-ftehim "ta' aċċess", li qatt għadu ma sar wieħed bħalu, huwa eċċezzjonali għaliex jagħti l-permess lil bastimenti li jtajru bandiera ta' pajjiż terz li jistadu fl-ilmijiet Ewropej. Huwa jagħmel dispożizzjoni għall-aċċess għaż-żona ta' bejn l-24 u l-100 mil lil 8 bastimenti tas-sajd tat-tonn bit-tartarun u lil 2 bastimenti ta' forniment li jtajru l-bandiera tas-Seychelles, għal perjodu ta' sitt snin li jista' jiġġedded. Iż-żona bejn 0 sa 24 mil tibqa' riżervata għas-sajd lokali tal-Mayotte.

Is-sidien tal-bastimenti jħallsu t-tariffi direttament lill-Unjoni Ewropea bil-għan li jiksbu awtorizzazzjoni għas-sajd abbord. Dawn it-tariffi jinġabru minn Franza f'isem l-Unjoni Ewropea u jergħu jitqassmu lill-Mayotte b'tali mod li jissodisfaw b'mod effikaċi l-bżonnijiet settorjali tal-gżira f’dawk li huma infrastruttura portwarja, żbark, kontroll u tqegħid fis-suq tal-prodotti.

Informazzjoni teknika:

•   Bħal fil-każ tal-ftehim privat preċedenti, dan il-ftehim jippermetti lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tas-Seychelles li jistadu għal speċijiet migratorji ħafna fir-rispett tar-regoli tal-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan (CTOI).

•   Huwa jiggarantixxi r-rispett tar-riżoluzzjonijiet tal-CTOI dwar il-ġestjoni tajba u l-preservazzjoni tar-riżorsi, partikolarment permezz tal-ġestjoni tal-isforz tas-sajd. Il-ftehim jirrispetta r-regoli tal-politika komuni tas-sajd tal-Unjoni Ewropea u jippermetti bhekk li jkun hemm iktar trasparenza milli fil-każ tal-ftehim privat preċedenti.

•   Il-bastimenti tas-Seychelles li jistadu fil-qafas ta' dan il-ftehim għandhom jiżbarkaw il-qabdiet tagħhom f'Victoria, port tas-Seychelles, sabiex jiżviluppaw l-ekonomija tas-Seychelles tas-sajd u tal-ipproċessar. Il-ftehim preċedenti ma kienx jiddefinixxi port ta' żbark.

•   Il-kontroparti tal-ftehim hija bbażata fuq it-tariffi tas-sidien tal-bastimenti. Huma kkalkulati skont it-tunnellaġġ li jinqabad. Meta mqabbla mal-ftehim privat preċedenti, it-tariffi żdiedu billi kienu ta' EUR 100 għal kull tunnellata. Issa, it-tariffi huma ta' EUR 110 għal kull tunnellata matul l-ewwel sena, EUR 115 għat-tieni u t-tielet sena, EUR 120 għar-raba' u l-ħames sena, u EUR 125 għas-sitt sena.

•   Il-ftehim fih tliet klawsoli importanti:

- klawsola ta' denunzja f'każ ta' ċirkostanzi serji b'rabta man-non-rispett tal-impenji meħuda minn waħda mill-partijiet.

- klawsola ta' sospensjoni tal-ftehim prevista f'każ ta' ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem, tal-prinċipji demokratiċi, tal-Istat tad-Dritt u tal-ġestjoni tajba tal-affarijiet pubbliċi, kif stabbiliti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Cotonou kif ukoll f'każ ta' non-rispett tad-drittijiet fundamentali tax-xogħol previsti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

- klawsola ta' reviżjoni ta' nofs it-term se tippermetti li ssir il-valutazzjoni tal-effikaċja tal-ftehim tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

•   Qed jiġi stabbilit kumitat imħallat bil-għan li jikkontroll l-applikazzjoni tal-ftehim preżenti. Il-partijiet huma liberi li jiddefinixxu min jipparteċipa fil-laqgħat b'rabta ma' dan il-kumitat.

•   Billi dawn huma ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea, mhemmx konsegwenzi finanzjarji għall-ispejjeż attribwibbli għall-baġit tal-Unjoni.

Opinjoni tar-rapporteur

Ir-rapporteur tagħkom jixtieq jagħti opinjoni favorevoli għal dan il-ftehim għaliex huwa ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet, jibbenefika lill-iżvilupp ekonomiku tal-Mayotte u tas-Seychelles u jirrispetta r-regoli tal-politika komuni tas-sajd u tal-CTOI fil-qasam tal-preservazzjoni tar-riżorsi.

Madankollu,billi l-proċedura ta' approvazzjoni ma tippermettix li l-Parlament Ewropew jimmodifika l-kontenut tal-ftehim, ir-rapporteur tagħkom jinsisti dwar ċerti punti importanti:

Għalkemm l-ispeċijiet immirati huma differenti bejn is-sajd lokali u l-bastimenti tas-Seychelles, u għalkemm dan huwa konformi mal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, ir-rapporteur jiddeplora l-fatt li dan il-ftehim ma jirriżervax żona iktar estiża mill-24 mil marittimu għas-sajd lokali tal-Mayotte.

Ir-rapporteur tagħkom jenfasizza li s-sajjieda tal-Mayotte għandhom ikunu assoċjati mal-laqgħat tal-kumitat imħallat stabbilit bil-ftehim preżenti, u għandhom jiġu involuti fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim. F'dan ir-rigward, ir-rapporteur tagħkom talab l-impenn formali tal-gvern Franċiż li jiddistribwixxi mill-ġdid b'mod imparzjali t-totalità tas-somma tat-tariffi lill-Mayotte b'tali mod li s-sajjieda tal-Mayotte ikunu jistgħu jibbenefikaw minnhom bis-sħiħ.

Hija wkoll ir-responsabilità tal-gvern Franċiż li jagħmel użu mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd biex jistabbilixxi qafas amministrattiv adegwat, attivitajiet ta' kontroll u infrastruttura fiżika kif ukoll il-kapaċitajiet adegwati biex jiġu ssodisfati l-esiġenzi tal-politika komuni tas-sajd. B'mod partikolari, mill-iktar fis, il-Mayotte għandu jkollha port ta' żbark għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd u tal-ipproċessar fil-gżira stess.

Ir-rapporteur jixtieq għalhekk li, skont l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2014 (1)u skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013(2) ir-rapport dettaljat dwar il-ħlasijiet imwettqa mill-bastimenti awtorizzati li jistadu, u dwar l-użu tal-ħlasijiet, jiġi trażmess mhux biss lill-Kummissjoni, iżda wkoll lill-Parlament Ewropew.

(1)

COM(2014)0139

(2)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1-11


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.12.2014

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, David Coburn, Richard Corbett, Diane Dodds, Linnéa Engström, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Liadh Ní Riada, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, José Blanco López, Ole Christensen, Ian Duncan, Sylvie Goddyn, Anja Hazekamp, Mike Hookem, Francisco José Millán Mon

Avviż legali - Politika tal-privatezza