RAPPORT dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2013
9.12.2014 - (2014/2159(INI))
Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteur: Jarosław Leszek Wałęsa
PR_INI_AnnOmbud
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2013
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman fis-sena 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman[1],
– wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Kondotta Amministrattiva Tajba kif adottat mill-Parlament Ewropew f'Settembru 2001,
– wara li kkunsidra l-prinċipji ta' trasparenza u integrità fl-attivitajiet tal-lobbying ippubblikati mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 220(2), it-tieni u t-tielet sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8‑0000/2014),
A. billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2013 tressaq uffiċjalment lill-President tal-Parlament fil-15 ta' Settembru 2014, u l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fl-24 ta' Settembru 2014;
B. billi l-Artikolu 24 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju li kull ċittadin tal-Unjoni jista' jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skont l-Artikolu 228;
C. billi l-Artikolu 228 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew jilqa' l-ilmenti li jinvolvu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha;
D. billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jgħid illi: "Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";
E. billi l-Artikolu 43 tal-Karta jgħid li: "Kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha";
F. billi din id-definizzjoni ma tillimitax l-amministrazzjoni ħażina għall-każijiet li fihom ir-regola jew il-prinċipju li jkunu qed jinkisru jkunu legalment vinkolanti; billi l-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba jmorru lil hinn mid-dritt; billi skont l-ewwel Ombudsman Ewropew, "l-amministrazzjoni ħażina tokkorri meta korp pubbliku ma jaġixxix skont regola jew prinċipju li jorbtu"; billi dan jirrikjedi li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni mhux biss jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom, iżda jaġixxu fl-ispirtu tas-servizz u jiżguraw li l-membri kollha tal-pubbliku jiġu ttrattati b'mod xieraq u jgawdu d-drittijiet tagħhom bis-sħiħ;
G. billi n-nozzjoni ta' amministrazzjoni tajba għandha titwessa' għal nozzjoni ta' amministrazzjoni aħjar, mifhuma bħala proċess ta' titjib kontinwu dejjem għaddej;
H. billi l-prijorità ewlenija tal-Ombudsman Ewropew hija li tiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rispettati bis-sħiħ u li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jirrifletti l-ogħla standards kif mistenni mill-istituzzjonijiet tal-UE, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni; billi l-Ombudsman Ewropew għandha rwol vitali biex tgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE jsiru aktar miftuħa, effikaċi u favur iċ-ċittadini bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE;
I. billi Emily O'Reilly ġiet eletta Ombudsman Ewropew mill-Parlament Ewropew waqt is-sessjoni plenarja tat-3 ta' Lulju 2013 u ħadet il-ġurament fit-30 ta' Settembru 2013;
J. billi 23 245 ċittadin talbu l-għajnuna lis-servizzi tal-Ombudsman fl-2013; billi, fir-rigward ta' dak li ntqal hawn fuq, 19 418-il ċittadin irċevew pariri permezz tal-gwida interattiva li tinsab fis-sit tal-Ombudsman, filwaqt li 1 407 talbiet kienu talbiet għal informazzjoni; billi 2 420 talba ġew irreġistrati bħala ilmenti (2 442 fl-2012); billi 2 354 azzjoni ttieħdu mill-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar l-ilmenti rċevuti fl-2013;
K. billi huwa importanti li l-Ombudsman tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar il-format tal-ilmenti, b'tali mod li matul is-snin ikun jista' jsir tqabbil bejn l-ilmenti li jkunu waslu f'format elettroniku, permezz tal-websajt interattiva tal-Ombudsman Ewropew, u l-ilmenti rċevuti offline;
L. billi fl-2013, l-Uffiċċju tal-Ombudsman fetaħ 350 inkjesta (465 fl-2012), li minnhom 341 infetħu abbażi ta' ilmenti u 9 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja;
M. billi fl-2013, l-Uffiċċju tal-Ombudsman għalaq 461 inkjesta (390 fl-2012), li minnhom 441 kienu bbażati fuq ilmenti u 20 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja; billi, mill-inkjesti li ngħalqu, 340 (77.1 %) tressqu minn ċittadini individwali u 101 (22.9 %) minn kumpaniji, assoċjazzjonijiet jew entitajiet ġuridiċi oħra;
N. billi l-inkjesti li ngħalqu fl-2013 kienu jikkonċernaw dawn li ġejjin: talbiet għal informazzjoni u aċċess għal dokumenti (25.6 %), il-Kummissjoni bħala gwardjana tat-Trattati (19.1 %), kwistjonijiet istituzzjonali u ta' politika (17.6 %), l-amministrazzjoni u r-Regolamenti tal-Persunal (16.5 %), il-kompetizzjonijiet u l-proċeduri ta' selezzjoni (14.8 %), l-għoti ta' tenders jew għotjiet (9.5 %), u l-eżekuzzjoni ta' kuntratti (7.4 %);
O. billi, fir-rigward tal-inkjesti li nbdew mill-Ombudsman fl-2013, jistgħu jiġu identifikati t-temi ewlenin li ġejjin: it-trasparenza fi ħdan l-istuzzjonijiet tal-UE, il-kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonjiet tal-UE, il-proġetti u l-programmi ffinanzjati mill-UE, id-drittijiet fundamentali u l-kultura tas-servizz;
P. billi l-kwistjonijiet l-aktar komuni li tqajmu fil-qasam tat-trasparenza għandhom x'jaqsmu maċ-ċaħda tal-aċċess għad-dokumenti jew l-informazzjoni mill-istituzzjonijiet, mal-laqgħat li saru bil-magħluq u man-nuqqas ta' trasparenza fil-ħatriet tal-membri li jiffurmaw il-gruppi ta' esperti tal-UE; billi l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti huwa wieħed mid-drittijiet garantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;
Q. billi l-Uffiċċju tal-Ombudsman jaħdem mill-qrib ma' diversi netwerks, u l-aktar prominenti fosthom huwa n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li huwa magħmul minn 94 uffiċċju f'35 pajjiż Ewropew; billi l-ilmenti li ma jaqgħux fil-mandat tal-Ombudsman jiġu referuti lill-membru tan-Netwerk li jkun fl-aħjar pożizzjoni biex jiġġestixxi l-każ; billi 52.5 % tal-ilmenti li waslu ġew trasferiti lil membri oħra tan-Netwerk;
R. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament huwa membru sħiħ tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; billi fl-2013 l-Uffiċċju tal-Ombudsman irrefera 51 każ lil dan il-Kumitat; billi 178 każ ġew referuti lill-Kummissjoni u 503 lil istituzzjonijiet u entitajiet oħra;
S. billi l-Ombudsman tikkoopera wkoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, bħan-NU; billi l-Ombudsman, il-Parlament , il-Kummissjoni, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità (EDF) flimkien isawru l-Qafas tal-UE skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD); billi dan il-qafas għandu l-kompitu li jipproteġi, jippromwovi u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE;
T. billi r-rapport annwali għall-2013 ma jinkludix ċifri eżatti dwar il-perċentwal tal-ilmenti li kienu jaqgħu jew dawk li ma jaqgħux fil-mandat tal-Ombudsman; billi huwa essenzjali li jiġu inklużi numri konkreti fir-rapporti annwali futuri kollha, sabiex ikun jista' jsir tqabbil bejn is-snin u sabiex ix-xejriet u t-tendenzi fir-rigward tal-ammissibilità jew l-inammissibilità tal-ilmenti jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment; billi skont ir-rapport, minn 100 ilment tipiku li waslu, 68 ma jaqgħux fil-mandat tal-Ombudsman u jew jiġu trasferiti lill-ombudsmen nazzjonali jew reġjonali, jintbagħtu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, jew jiġu referuti lil entitajiet oħra li jiġġestixxu l-ilmenti bħall-Kummissjoni Ewropea, SOLVIT, Your Europa Advice, jew iċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi; billi proċedura ta' segwitu u informazzjoni dwar ilmenti trasferiti lill-istituzzjonijiet jew korpi oħra huma meħtieġa biex jiġi żgurat li l-affarijiet taċ-ċittadini jiġu mmaniġġjati b'mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli;
U. billi minn 100 ilment tipiku li jaslu, 32 biss jaqgħu fil-mandat tal-Ombudsman; billi 17 minn dawn ma jwasslux għal inkjesta (9 huma meqjusa inammissibbli u 8 jinstab li huma ammissibbli iżda ma fihomx biżżejjed raġunijiet biex tinfetaħ inkjesta); billi minn 100 ilment tipiku li jaslu, 15-il ilment iwasslu għal inkjesta; billi 4 minn dawn jiġu solvuti matul l-inkjesta, 4 jwasslu għall-konklużjoni li ma kienx hemm amministrazzjoni ħażina, 1 iwassal biex tinstab amministrazzjoni ħażina u 6 jitqiesu li ma fihomx raġunijiet għal inkjesti ulterjuri;
V. billi 80 % (40 każ) tal-inkjesti fejn instab li kien hemm amministrazzjoni ħażina ngħalqu b'kummenti kritiċi indirizzati lill-istituzzjoni kkonċernata u 18 % (9 każijiet) ngħalqu b'abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet li kienu aċċettati għalkollox jew parzjalment mill-istituzzjoni; billi f'każ wieħed (2 %) l-Uffiċċju tal-Ombudsman fassal 'Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta fuq inizjattiva proprja OI/5/2012/BEH-MHZ li tikkonċerna l-Frontex'; billi n-numru ta' Rapporti Speċjali mressqa mill-Ombudsman huwa medja ta' wieħed fis-sena;
W. billi Rapport Speċjali huwa l-aħħar strument li tirrikorri għalih l-Ombudsman Ewropew biex tindirizza każijiet ta' amministrazzjoni ħażina mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni; billi l-Ombudsman għandha tesplora ulterjorment is-setgħat politiċi tagħha u tiżviluppa l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħha;
X. billi l-konformità mal-proposti tal-Ombudsman fl-2012 kienet 80 %; billi l-Kummissjoni, li tikkostitwixxi l-ogħla proporzjon tal-inkjesti tal-Ombudsman, kellha rata ta' konformità ta' 84 %; billi, ta' kull sena, l-Uffiċċju tal-Ombudsman jippubblika rendikont komprensiv ta' kif l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu wieġbu għall-proposti tal-Ombudsman għat-titjib tal-amministrazzjoni tal-UE; billi r-rata ta' 20% ta' nuqqas ta' konformità mal-proposti tal-Ombudsman hija theddida serja li tista' twassal għal aktar erożjoni tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-effikaċja tal-istituzzjonijiet Ewropej;
Y. billi l-Kummissjoni Ewropea hija l-istituzzjoni li dwarha l-Ombudsman tirċievi l-ogħla numru ta' ilmenti; billi waħda mill-investigazzjonijiet konklużi fl-2013 kienet relatata mad-dokumenti dwar il-klawżola ta' eżenzjoni tar-Renju Unit b'rabta mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;
Z. billi t-tul medju tal-inkjesti fil-każijiet li ngħalqu mill-Ombudsman fl-2013 kien ta' 13-il xahar; billi 22 % tal-każijiet ngħalqu fi żmien 3 xhur, 37 % fi żmien 3 sa 12-il xahar, 14 % fi żmien 12 sa 18-il xahar, u 27 % wara aktar minn 18-il xahar;
AA. billi l-baġit tal-Ombudsman fl-2013 kien ta' EUR 9 731 371 u billi t-tabella tal-persunal tal-Ombudsman tikkonsisti f'67 pożizzjoni; billi ż-żamma ta' baġit u riżorsi umani suffiċjenti hija essenzjali biex tiġi żgurata l-effiċjenza tas-servizzi tal-Ombudsman Ewropew u r-rispons rapidu għall-ilmenti taċ-ċittadini;
AB. billi Emily O’Reilly kienet l-ewwel mara eletta għall-pożizzjoni ta' Ombudsman Ewropew;
1. Japprova r-rapport annwali għas-sena 2013 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew; jifraħ lil Emily O'Reilly għall-ewwel rapport annwali tagħha bħala Ombudsman u jilqa' l-approċċ tagħha favur iż-żamma ta' relazzjonijiet ta' ħidma u kooperazzjoni pożittivi mal-Parlament, b'mod partikolari mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu; jirrikonoxxi li l-2013 kienet sena ta' tranżizzjoni u li r-rapport annwali fil-biċċa l-kbira tiegħu jkopri l-ħidma ta' Nikiforos Diamandouros, l-Ombudsman Ewropew li temm il-kariga tiegħu, u jfisser l-ammirazzjoni għall-wirt li ħalla warajh;
2. Jikkommetti ruħu li jerġa' jibda jħaddem il-prattika tal-Parlament li jistieden lill-Ombudsman għas-sessjoni plenarja immedjatament wara li jkun ġie elett/tkun ġiet eletta;
3. Jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-objettiv aħħari ddikjarat mill-Ombudsman il-ġdida, jiġifieri li tgħin biex jissaħħu l-istrutturi u l-istituzzjonijiet tal-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza fil-livell Ewropew, sabiex tiġi promossa amministrazzjoni tajba għal kull ċittadin u resident tal-UE, u tittejjeb il-kwalità tad-demokrazija fl-Unjoni; itenni r-rwol kruċjali tal-Ombudsman Ewropew li tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini u tgħin biex jitnaqqas id-distakk wiesa' li jeżisti bejnhom u l-istituzzjonijiet tal-UE;
4. Jenfasizza l-importanza tal-midja soċjali bħala kanal ta' komunikazzjoni, u jħeġġeġ lill-uffiċċju tal-Ombudsman biex jagħmel użu akbar minn tali mezzi bil-għan li jissensibilizza lill-pubbliku dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman, u jippromwovi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE; iqis, madankollu, li d-diġitalizzazzjoni ulterjuri tas-servizzi tal-Ombudsman m'għandhiex twassal għall-esklużjoni ta' ċerti ċittadini li m'għandhomx aċċess għall-internet jew li ma jistgħux jużawh; jistieden lill-Ombudsman tagħti attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet ta' dawn iċ-ċittadini, sabiex kull ċittadin tal-UE jingħata garanzija ta' aċċess ugwali għas-servizzi tal-Ombudsman u b'hekk ikun jista' jagħmel użu sħiħ minnhom;
5. Jinnota li r-rapport annwali tal-Ombudsman ingħata sura ġdida għall-2013 u li, flimkien mal-verżjoni stampata tradizzjonali, hemm disponibbli wkoll verżjoni interattiva li tista' titniżżel mill-internet f'format e-book; jinnota wkoll li r-rapport inqasam f'żewġ taqsimiet: taqsima waħda hija test ta' referenza li jista' jinqara faċilment u li jippreżenta l-aktar fatti u ċifri importanti dwar il-ħidma tal-Ombudsman għall-2013, u t-taqsima l-oħra fiha rendikont dettaljat tal-każijiet ewlenin li ġew investigati mill-Ombudsman fl-2013[2];
6. Ifaħħar dan l-approċċ ġdid min-naħa tal-Ombudsman, li ġie adottat biex jirrifletti x-xewqa tagħha li lill-istituzzjoni tagħha tagħmilha kemm jista' jkun aċċessibbli u faċli għall-utent; iħeġġeġ lill-partijiet interessati jaqraw it-taqsima dwar l-investigazzjonijiet fil-fond, jiġifieri t-taqsima intitolata: 'L-amministrazzjoni tajba fil-prattika: id-deċiżjonijiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2013', u jagħtu widen għall-kunsiderazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman;
7. Jinnota li fl-2013, l-Istat Membru bl-akbar numru ta' ilmenti kienet Spanja (416), segwita mill-Ġermanja (269), il-Polonja (248) u l-Belġju (153); jinnota li fir-rigward tal-inkjesti li nfetħu għal kull Stat Membru, il-Belġju (53) jinsab fl-ewwel post, segwit mill-Ġermanja (40), l-Italja (39) u Spanja (34);
8. Jinnota li l-kwistjonijiet marbuta mat-trasparenza għal darba oħra jinsabu fil-quċċata tal-lista tal-inkjesti li ngħalqu tal-Ombudsman (64.3 %) fatt li jirrapreżenta żieda meta mqabbel mal-2012 (52.7 %); jinnota li t-temi ewlenin l-oħra fl-ilmenti kienu kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, il-proġetti ffinanzjati mill-UE, id-drittijiet fundamentali u l-kultura tas-servizz;
9. Iqis li t-trasparenza, il-ftuħ, l-aċċess għall-informazzjoni, ir-rispett għad-drittijiet taċ-ċittadini u standards etiċi għoljin huma essenzjali biex tinbena u tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini u r-residenti, u l-istituzzjonijiet fis-servizz pubbliku Ewropew; jenfasizza l-fatt li l-fiduċja bejn iċ-ċittadini, ir-residenti u l-istituzzjonijiet hija ta' importanza kbira fis-sitwazzjoni ekonomika diffiċli tal-lum; jaqbel mal-Ombudsman li t-trasparenza hija l-pedament ta' demokrazija avvanzata, li tippermetti li jsir skrutinju tal-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi, li ssir valutazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom u li jinżammu responsabbli ta' dak li jwettqu; jaqbel ukoll li l-ftuħ u l-aċċess pubbliku għad-dokumenti jagħmlu parti essenzjali mis-sistema ta' kontrolli istituzzjonali; jagħraf id-dritt taċ-ċittadini għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali tagħhom;
10. Jinnota li r-rakkomandazzjonijiet u r-rimarki ta' kritika mhumiex legalment vinkolanti, iżda jisħaq fuq il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jużawhom bħala opportunità biex isolvu problema, jitgħallmu lezzjoni għall-futur u jevitaw li jokkorru mill-ġdid każijiet simili ta' amministrazzjoni ħażina; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-Unjoni jikkooperaw bis-sħiħ mal-Ombudsman u jiżguraw konformità sħiħa mar-rakkomandazzjonijiet tagħha, kif ukoll li jagħmlu użu sħiħ minn kummenti kritiċi; ifakkar li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (l-Artikolu 41) tinkludi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea;
11. Jinnota li maġġoranza kbira ta' inkjesti li tmexxew mill-Ombudsman tul l-aħħar sena (64.3 %) kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni Ewropea; jirrikonoxxi l-fatt li l-Kummissjoni hija l-istituzzjoni li d-deċiżjonijiet tagħha x'aktarx jolqtu b'mod dirett liċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet u n-negozji tas-soċjetà ċivili; jifhem li l-Kummissjoni, għaldaqstant, hija l-oġġett ewlieni tal-iskrutinju pubbliku; jinnota, bi tħassib, madankollu, li l-proporzjoni ta' lmenti li jirrigwardaw lill-Kummissjoni żdied meta mqabbel mal-2012, meta kien ta' 52.7%; iħeġġeġ lill-Ombudsman teżamina r-raġunijiet għal din iż-żieda sabiex tgħin fit-titjib tal-amministrazzjoni tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, il-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni rapida biex ittejjeb il-prestazzjoni tagħha bil-għan li tnaqqas in-numru ta' ilmenti kontriha;
12. Jinnota bi tħassib li l-perċentwal tal-ilmenti li jirrigwardaw l-aġenziji tal-UE kważi rdoppja, minn 12.5% fl-2012 għal 24% fl-2013; jissuġġerixxi li l-Ombudsman tindika jekk din iż-żieda kinitx ir-riżultat ta' sensibilizzazzjoni akbar tal-pubbliku fir-rigward tal-proċeduri tal-ilmenti jew jekk hijiex ikkawżata minn fatturi oħra, bħan-nuqqas ta' konformità probabbli ta' aġenziji tal-UE mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman minn snin preċedenti; iħeġġeġ lill-Ombudsman twettaq monitoraġġ tal-iżviluppi li jsiru fl-aġenziji u tagħti rendikont tal-konklużjonijiet fi żmien debitu; jappoġġa l-pjanijiet tal-Ombudsman li tikkomunika ma' diversi aġenziji bil-għan li tenfasizza l-importanza tal-amministrazzjoni tajba, il-ġestjoni tajba tal-ilmenti u kultura ta' servizz;
13. Bi pjaċir jinnota li l-perċentwal tal-ilmenti li jirrigwardaw lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) naqas b'aktar minn nofs fl-2013, u niżel minn 16.8 % fl-2012 għal 7.1 % fl-2013; jesprimi l-pjaċir tiegħu wkoll għall-fatt li l-perċentwal tal-ilmenti kontra l-Parlament Ewropew naqas minn 5.2 % fl-2012 għal 4.3 % fl-2013; jirrikonoxxi l-ħidma tal-Ombudsman u l-EPSO fit-tnaqqis tan-numru ta' ilmenti kontra dik l-aġenzija;
14. Jinnota li fl-2013 l-Ombudsman ippubblika verżjoni ġdida tal-Kodiċi Ewropew ta' Kondotta Amministrattiva Tajba; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ dan il-kodiċi; jistieden lill-Kummissjoni l-ġdida tadotta regoli vinkolanti komuni u prinċipji komuni dwar il-proċedura amministrattiva fl-amministrazzjoni tal-UE, u b'mod partikolari tippreżenta abbozz ta' regolament għal dan l-iskop; ifakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistipula li "Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";
15. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom billi jżidu l-impenn tagħhom fir-rigward tal-amministrazzjoni tajba u l-prinċipji ta' kultura tas-servizz liċ-ċittadini; jistidinhom jassistu lill-Ombudsman billi jwieġbu minnufih għar-rikjesti tagħha u jikkolaboraw magħha aktar mill-qrib sabiex jitnaqqsu l-iskadenzi fil-proċess ta' inkjesta għall-ilmenti; jappoġġa lill-Ombudsman fl-isforzi tagħha biex tħaffef il-proċess ta' inkjesta u tqassar il-perjodu ta' żmien li jiġi ddedikat għat-tfassil tat-tweġibiet fl-ipproċessar tal-ilmenti bil-għan li jinqdew iċ-ċittadini li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f'ħin opportun u b'mod xieraq;
16. Jinnota li l-konformità ġenerali mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman fl-2012 kienet ta' 80 %, ftit inqas mit-82 % tal-2011; jappoġġa lill-Ombudsman fl-ambizzjoni tagħha biex ittejjeb ir-rata ta' konformità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, biex tagħmel kull sforz ħalli ttejjeb ir-rata ta' konformità tagħha; jinsab imħasseb rigward ir-rata ta' nonkonformità ta' 20 %, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni biex jirrispondu u jirreaġixxu fi żmien raġonevoli għall-kummenti ta' kritika tal-Ombudsman u biex jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa sabiex itejbu r-rata ta' segwitu tagħhom permezz tal-implimentazzjoni fil-pront tar-rakkomandazzjonijiet u l-kummenti ta' kritika tal-Ombudsman; jinsab ħerqan għall-informazzjoni speċifika li se tiġi pprovduta mir-rapport annwali dwar il-konformità fl-2013 li se jiġi ppreżentat mill-Ombudsman;
17. Jinnota li l-Uffiċċju tal-Ombudsman sab li kien hemm amministrazzjoni ħażina f'10.8 % tal-inkjesti li ngħalqu fl-2013 u li fi 80 % ta' dawn il-każijiet indirizza kummenti kritiċi lill-istituzzjoni kkonċernata; jinnota li fi 18 % tal-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina, l-abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ġew aċċettati għalkollox jew parzjalment mill-istituzzjoni;
18. Jinnota li l-Uffiċċju tal-Ombudsman bagħat Rapport Speċjali wieħed lill-Parlament dwar l-assenza ta' mekkaniżmu fl-aġenzija Frontex għall-ġestjoni tal-ilmenti b'rabta ma' ksur tad-drittijiet fundamentali li jirriżulta mill-ħidma tal-aġenzija; jinsab kunfidenti li dan ir-Rapport Speċjali se jkun is-suġġett ta' rapport li se jitfassal mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu f'kooperazzjoni mal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu;
19. Iħeġġeġ lill-Ombudsman japprofondixxi r-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni tiegħu mad-diversi netwerks, b'mod partikolari n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen kif ukoll il-qafas tal-UE skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; ifakkar fit-talba tal-Parlament li saret fir-Rapport Annwali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għas-sena 2012 għat-twaqqif, min-naħa tal-Parlament, ta' netwerk li jkun iħaddan fih il-kumitati għall-petizzjonijiet fl-Istati Membri, li jista' jkun supplimentari għan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen;
20. Ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu huwa membru sħiħ taż-żewġ netwerks imsemmija hawn fuq; jinnota li fl-2013 l-Uffiċċju tal-Ombudsman irrefera 51 ilment lill-Kumitat;
21. Jieħu nota tal-istrateġija l-ġdida tal-Ombudsman 'Lejn l-2019', li hija ffurmata minn tliet pilastri ewlenin indikati mill-kliem Impatt, Relevanza u Viżibilità; jifhem li l-Ombudsman biħsiebha tagħmel impatt akbar billi twettaq investigazzjonijiet strateġiċi fi problemi sistemiċi, li hija tixtieq issaħħaħ ir-rwol tagħha billi tikkontribwixxi f'dibattiti ewlenin tal-UE, u li biħsiebha żżid il-viżibilità tagħha billi ttejjeb il-ħidma tagħha biex tilħaq il-partijiet ikkonċernati u tiġbed l-attenzjoni għall-każijiet importanti;
22. Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kanali ta' komunikazzjoni u tibni fuq il-ħidma mwettqa fil-qafas tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, kif ukoll ittejjeb is-servizz ta' għoti tal-informazzjoni liċ-ċittadini Ewropej sabiex ikunu informati kif suppost dwar is-servizzi u l-isfera tar-responsabbiltà tal-Ombudsman;
23. Itenni l-importanza tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bħala għodda ġdida li tippermetti l-involviment dirett taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-preparazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea;
24. Jilqa' għadd ta' investigazzjonijiet importanti varati mill-Ombudsman, bħalma huma l-inkjesti dwar it-trasparenza fin-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), l-iżvelar ta' informazzjoni protetta (il-whistleblowing) fl-istituzzjonijiet tal-UE, it-trasparenza fil-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, każijiet ta' 'revolving door', drittijiet fundamentali fil-politika ta' koeżjoni u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej; jistenna b'ħerqa s-sejbiet ta' dawn l-inkjesti;
25. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jippubblika d-direttivi ta' negozjati tal-UE għan-negozjati tat-TTIP li għaddejjin bejn l-UE u l-Istati Uniti; jilqa' bl-istess mod id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippubblika aktar testi dwar in-negozjati tal-UE u tippermetti aċċess usa' għal dokumenti oħra fil-kuntest tan-negozjati TTIP; iqis li t-twettiq ta' monitoraġġ mill-qrib tat-trasparenza fin-negozjati TTIP saħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman bħala gwardjana tat-trasparenza tal-UE; jappoġġa t-talba tal-Ombudsman għall-adozzjoni min-naħa tal-istuzzjonijiet Ewropej ta' approċċ ta' politika ta' trasparenza u kampanja ta' informazzjoni dwar it-TTIP; jieħu l-impenn li jibni fuq l-eżiti tal-konsultazzjoni dwar it-trasparenza fit-TTIP, b'mod partikolari billi jikkunsidra l-petizzjonijiet li rċieva b'rabta ma' din il-kwistjoni, speċjalment fid-dawl tal-impatt li jistgħu jkollhom it-TTIP u negozjati dwar il-kummerċ oħra fuq il-ħajjiet taċ-ċittadini Ewropej;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Ombudsmen tal-Istati Membri jew lill-entitajiet kompetenti simili.
NOTA SPJEGATTIVA
L-Ombudsman Ewropew, Emily O'Reilly, ġiet eletta mill-Parlament Ewropew fit-3 ta' Lulju 2013 u ħadet il-ġurament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Settembru. Ir-Rapport Annwali tal-Ombudsman għas-sena 2013 għaldaqstant ikopri parti biss mill-ħidma tal-istituzzjoni tal-Ombudsman taħt it-tmexxija tagħha. Il-biċċa l-kbira tar-rapport jirrigwarda l-ħidma tal-predeċessur tagħha, Nikiforos Diamandouros. L-Ombudsman ippreżentat ir-rapport annwali tagħha lill-President tal-Parlament Ewropew fil-15 ta' Settembru u lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-24 ta' Settembru 2014.
Ir-rapport annwali ngħata sura ġdida biex jirrifletti x-xewqa tas-Sa O'Reilly li l-istituzzjoni tal-Ombudsman tagħmilha kemm jista' jkun aċċessibbli u faċli għall-utent. Ir-rapport inqasam f'żewġ taqsimiet. Taqsima waħda hija pubblikazzjoni stampata jew li tista' titniżżel mill-Internet (anki f'format e-book (EPUB)), li fiha l-fatti u ċ-ċifri ewlenin dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman fl-2013. It-taqsima l-oħra fiha eżami dettaljat tal-każijiet ewlenin li ġew trattati mill-Ombudsman fl-2013 u hija intitolata: "L-amministrazzjoni tajba fil-prattika: id-deċiżjonijiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2013"[1]. Sfortunatament din il-pubblikazzjoni hija disponibbli biss bl-Ingliż, u dan jillimita n-numru ta' qarrejja li tista' tilħaq.
Fl-2013 l-Uffiċċju tal-Ombudsman irreġistra kuntatt ma' 23 245 ċittadin li talbu s-servizzi tiegħu permezz tal-portal tal-Ombudsman. Il-maġġoranza kbira tagħhom (19 418) ġew megħjuna billi ngħataw parir online permezz ta' gwida interattiva fuq is-sit tal-Ombudsman. Il-bqija kienu jew talbiet għal informazzjoni (1 407), li ngħataw tweġiba mis-servizzi tal-Ombudsman, jew ilmenti (2 420) li ġew irreġistrati.
Ir-rapport annwali għall-2013 ma jinkludix iċ-ċifri eżatti dwar il-perċentwal tal-ilmenti li kienu jaqgħu jew ma kinux jaqgħu fil-mandat tal-Ombudsman. Minbarra d-deskrizzjoni tal-ħajja ta' 100 ilment tipiku, ikun vitali li jiġu inklużi wkoll numri konkreti fir-rapporti annwali kollha, sabiex ikun jista' jsir tqabbil bejn is-snin u sabiex ix-xejriet u t-tendenzi fir-rigward tal-ammissibilità jew l-inammissibilità tal-ilmenti tkun tista' tiġi identifikata faċilment.
L-Uffiċċju tal-Ombudsman fetaħ 341 inkjesta abbażi ta' ilmenti kif ukoll 9 inkjesti fuq inizjattiva proprja, u għalaq 441 inkjesta bbażati fuq ilmenti, kif ukoll 20 inkjesta fuq inizjattiva proprja. Is-sorsi ewlenin tal-ilmenti kienu ċittadini individwali (340) u kumpaniji, assoċjazzjonijiet u entitajiet ġuridiċi oħra (101).
Għal dak li għandu x'jaqsam man-nazzjonalità ta' oriġini tal-ilmenti, fil-quċċata tinsab Spanja (416), segwita mill-Ġermanja (269), il-Polonja (248) u l-Belġju (153). Il-fatt li ħafna ilmenti joriġinaw minn Stat Membru speċifiku ma jfissirx neċessarjament li jinfetaħ numru ta' inkjesti proporzjonalment ekwivalenti. Pereżempju, iċ-ċifri għall-2013 juru li b'rabta mal-153 ilment tal-Belġju nfetħu 53 inkjesta, filwaqt li l-416 ilment ta' Spanja rriżultaw fil-ftuħ ta' 34 inkjesta biss.
Mit-350 inkjesta miftuħa mill-Ombudsman, 225 (64.3 %) kienu jikkonċernaw il-Kummissjoni Ewropea, 84 (24 %) l-aġenziji Ewropej, 28 (8 %) korpi oħra, 25 (7.1 %) l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), 15 (4.3 %) il-Parlament Ewropew, 14 (4 %) is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u 10 (2.9 %) il-Bank Ewropew tal-Investiment. Peress li l-Kummissjoni Ewropea hija l-istituzzjoni ewlenija tal-UE li d-deċiżjonijiet tagħha għandhom impatt dirett fuq iċ-ċittadini, huwa loġiku li tkun hi s-suġġett prinċipali tal-ilmenti taċ-ċittadini.
Meta mqabbla mal-2012, l-aktar bidla notevoli li tidher f'din il-lista hija li l-EPSO, li fl-2012 ġie fit-tieni post, issa jinsab fir-raba' post. In-numru ta' ilmenti li jirrigwardaw l-EPSO naqas minn 78 (16.8%) fl-2012 għal 25 (7.1%) fl-2013.
Għal dak li għandu x'jaqsam mas-suġġett tal-inkjesti li ngħalqu mill-Ombudsman, fl-ewwel post kien hemm it-talbiet għal informazzjoni u l-aċċess għal dokumenti (118), segwiti mill-Kummissjoni bħala gwardjana tat-Trattati (88), kwistjonijiet istituzzjonali u ta' politika (81), l-Amministrazzjoni u r-Regolamenti tal-Persunal (76), il-kompetizzjonijiet u l-proċeduri ta' selezzjoni (68), l-għoti ta' tenders jew għotjiet (44), u l-eżekuzzjoni ta' kuntratti (34).
Fl-2013 l-Uffiċċju tal-Ombudsman ħa azzjoni fuq 2 354 ilment li rċieva. F'1 359 każ, is-servizzi tal-Ombudsman taw parir jew ittrasferew il-każ (eż. lil xi membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen jew lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-PE), f'654 każ il-persuna li ilmentat ġiet infurmata li ma setax jingħata parir ulterjuri, u fi 341 każ infetħet inkjesta.
It-temi ewlenin fil-każijiet li ġew trattati fl-2013 kienu t-trasparenza (eż. l-aċċess għad-dokumenti), kwistjonijiet etiċi (eż. "revolving doors" u kwistjonijiet ta' kunflitt ta' interessi), il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE (eż. l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej), il-proġetti u l-programmi ffinanzjati mill-UE (eż. pagamenti li jidħlu tard u problemi bis-sejħiet għall-offerti), id-drittijiet fundamentali (eż. il-każ tal-informatur - whistleblower - b'rabta mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali) u l-kultura tas-servizz (eż. dewmien eċċessiv jew nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet)[2].
L-istituzzjonijiet huma marbuta mit-Trattat li jwettqu xogħolhom b'mod miftuħ kemm jista' jkun sabiex jippromwovu governanza tajba u jiżguraw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. L-Artikolu 15(3) TFUE u l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprevedu dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Dan id-dritt attwalment huwa implimentat fir-Regolament 1049/2001.
F'118-il inkjesta (25.6%) li ngħalqu mill-Ombudsman fl-2013, il-kwistjoni li dwarha kien hemm l-ilmenti ġiet solvuta mill-istituzzjoni kkonċernata jew intlaħaq ftehim fuq soluzzjoni amikevoli. F'202 każijiet (43.8%) ma ġiet iġġustifikata l-ebda inkjesta ulterjuri. F'120 każ (26%) ma nstabet l-ebda amministrazzjoni ħażina u f'50 każ (10.8%) instabet amministrazzjoni ħazina. Fi 19-il każ (4.1 %) ittieħdu miżuri oħra[3].
Id-definizzjoni tal-Ombudsman ta' amminstrazzjoni ħażina, li hija approvata mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea, tgħid li: "L-amministrazzjoni ħażina sseħħ meta korp pubbliku jonqos milli jaġixxi skont regola jew prinċipju li jorbtuh". Għall-istituzzjonijiet dan jimplika rispett għall-istat tad-dritt, għall-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba u għad-drittijiet fundamentali.
Meta jkun possibbli l-Uffiċċju tal-Ombudsman jipprova jikseb eżitu pożittiv billi jaħdem lejn soluzzjoni amikevoli li tkun sodisfaċenti kemm għall-persuna li tilmenta kif ukoll għall-istituzzjoni kkonċernata. Jekk madankollu ma jkunx possibbli li tinstab soluzzjoni li togħġob lill-partijiet involuti kollha, l-Uffiċċju tal-Ombudsman jew jagħlaq il-każ b'kumment ta' kritika jew inkella jfassal abbozz ta' rakkomandazzjoni.
Kumment ta' kritika jsir meta ma jkunx possibbli aktar li l-istituzzjoni telimina l-każ ta' amministrazzjoni ħażina, l-amministrazzjoni ħażina ma jkollhiex implikazzjonijiet ġenerali jew ma jkunx hemm bżonn ta' azzjoni ta' segwitu mill-Ombudsman. L-Uffiċċju tal-Ombudsman jista' jagħmel ukoll kumment ta' kritika meta jqis li abbozz ta' rakkomandazzjoni ma jkunx effikaċi jew f'każijiet fejn l-istituzzjoni kkonċernata ma taċċettax abbozz ta' rakkomandazzjoni imma l-każ ta' amministrazzjoni ħażina ma jiġġustifikax it-tfassil ta' rapport speċjali għall-Parlament. Kumment ta' kritika madankollu jservi ta' konferma għall-persuna li qed tilmenta, sabiex dak li jkun jiġi infurmat li l-ilment tiegħu kien ġustifikat, u jindika b'mod ċar lill-istituzzjoni kkonċernata fejn aġixxiet ħażin, sabiex tkun tista' tevita azzjoni simili fil-futur.
Kumment ulterjuri huwa strument li l-Uffiċċju tal-Ombudsman juża meta hu u jittratta każ jidentifika opportunità biex itejjeb il-kwalità tal-amministrazzjoni. Kummenti ulterjuri mill-Ombudsman mhumiex intiżi biex jikkritikaw lill-istituzzjoni kkonċernata imma għandhom jittieħdu bħala gwida u suġġeriment ta' kif l-istituzzjoni tista' ttejjeb il-kwalità tas-servizz tagħha.
Abbozz ta' rakkomandazzjoni jinħareġ f'każijiet fejn huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li telimina każ ta' amministrazzjoni ħażina jew f'każijiet fejn l-amministrazzjoni ħażina hija serja jew għandha implikazzjonijiet ġenerali. Fil-każ ta' abbozz ta' rakkomandazzjoni l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata, skont it-Trattat, li tibgħat opinjoni dettaljata lill-Ombudsman fi żmien tliet xhur.
Jekk istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-UE ma jwiġbux b'mod sodisfaċenti għal abbozz ta' rakkomandazzjoni l-Ombudsman jista' jfassal u jibgħat rapport speċjali lill-Parlament Ewropew. Ir-rapport speċjali huwa l-aħħar strument li tirrikorri għalih l-Ombudsman u jikkostitwixxi l-aħħar pass li l-Ombudsman tieħu meta tkun qed tittratta każ ta' ilment. Minn hawn 'il quddiem huwa l-Parlament li jrid jiddeċiedi fuq passi ulterjuri, bħal, ngħidu aħna, it-tfassil ta' riżoluzzjoni. Ir-rapporti speċjali huma ppreżentati lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li huwa l-Kumitat responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Ombudsman.
Fl-2013 l-Uffiċċju tal-Ombudsman indirizza rimarki kritiċi lill-istituzzjonijiet f'40 każ. F'9 każijiet (18 %) saru abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet li ġew aċċettati għalkollox jew parzjalment mill-istituzzjoni. F'każ wieħed, l-Uffiċċju tal-Ombudsman fassal Rapport Speċjali[4].
L-Uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew jikkoopera mill-qrib mal-kontropartijiet tiegħu fl-Istati Membri. Din il-kooperazzjoni sseħħ fil-qafas tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi aktar minn 94 uffiċċju f'35 pajjiż Ewropew. In-Netwerk iħaddan ombudsmen nazzjonali u reġjonali, kumitati għall-petizzjonijiet u korpi simili tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, tal-pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-UE, u ta' pajjiżi oħra fiż-Żona Ekonomika Ewropea u/jew fiż-Żona ta' Schengen. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-Netwerk.
In-Netwerk jorganizza seminars għall-ombudsmen nazzjonali u reġjonali sena iva sena le. L-Ombudsman Ewropew u l-Ombudsman tal-Irlanda (li issa hija l-Ombudsman Ewropew) organizzaw b'mod konġunt id-9 Seminar Nazzjonali tan-Netwerk. Dan is-seminar sar f'Dublin mill-15 sas-17 ta' Settembru 2013.
Skont l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD), li jipprevedi t-twaqqif ta' Qafas tal-UE inkarigat mill-promozzjoni, il-protezzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. L-Ombudsman Ewropew, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Kummissjoni Ewropea u l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità lkoll huma membri.
Huwa l-kompitu tal-Ombudsman Ewropew li tipproteġi d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità u li tiżgura li l-amministrazzjoni tal-UE tkun konxja mir-responsabbiltajiet tagħha fir-rigward ta' dawn id-drittijiet. Persuni li jemmnu li istituzzjoni tal-UE mhux qed taġixxi bi qbil mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità għandhom id-dritt li jirrikorru għas-servizzi tal-Ombudsman biex ifittxu rimedju. Fil-bidu tal-2014, espert nazzjonali ssekondat ingħaqad mat-tim tal-Ombudsman biex jgħin fid-definizzjoni tal-programm ta' ħidma dwar id-diżabilità u fl-identifikazzjoni ta' modi kif jintlaħqu aħjar iċ-ċittadini u l-persunal tal-UE, bil-għan li dawn jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità.
L-Ombudsman tiltaqa' regolarment ukoll ma' membri u uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-UE biex tiddiskuti modi kif il-kwalita tal-amministrazzjoni tista' tittejjeb, tenfasizza l-importanza ta' trattament xieraq tal-ilmenti, u tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tagħha jsirilhom segwitu adegwat. Bil-għan li tiġi promossa kultura ta' servizz fl-amministrazzjoni tal-UE, fl-2013 l-Uffiċċju tal-Ombudsman ippubblika verżjoni ġdida tal-Kodiċi Ewropew ta' Kondotta Amministrattiva Tajba.
Il-baġit tal-Ombudsman huwa taqsima indipendenti fil-baġit tal-UE. Il-baġit tal-Ombudsman għall-2013 kien jammonta għal EUR 9 731 371 u t-tabella tal-persunal tal-istituzzjoni fiha 67 pożizzjoni.
Fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni tar-rapport annwali tagħha lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, l-Ombudsman iddeskriviet l-istrateġija l-ġdida tagħha 'Lejn l-2019'. Din l-istrateġija hija msejsa fuq tliet kunċetti ewlenin: Impatt, Relevanza u Viżibilità. Abbażi ta' dawn il-kunċetti, l-Ombudsman biħsiebha twettaq aktar investigazzjonijiet strateġiċi dwar problemi sistemiċi (Impatt), issaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman billi tikkontribwixxi b'mod attiv għad-dibattiti ewlenin tal-UE (Relevanza), u żżid il-viżibilità tal-istituzzjoni tagħha billi ttejjeb il-ħidma tagħha li tilħaq il-partijiet ikkonċernati u billi tenfasizza u tiġbed l-attenzjoni pubblika għall-każijiet importanti (Viżibilità). Sabiex tissaħħaħ it-trasparenza, ikun xieraq li jingħata bidu għall-investigazzjonijiet ta' interess pubbliku sinifikanti. Għaldaqstant, osservazzjoni attenta tan-negozjati dwar Sħubija Transatlantika ta' Kummerċ u Investiment issaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman bħala "gwardjana tat-trasparenza tal-UE".
- [1] Dawn il-pubblikazzjonijiet huma disponibbli fis-sit tal-Ombudsman: www.ombudsman.europa.eu
- [2] Analiżi dettaljata tal-każijiet ewlenin fl-2013 tingħata fil-pubblikazzjoni: L-amministrazzjoni tajba fil-prattika: Id-deċiżjonijiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2013, li hija disponibbli fis-sit tal-Ombudsman www.ombudsman.europa.eu
- [3] Nota: F'xi każijiet, l-Uffiċċju tal-Ombudsman għalaq l-inkjesti għal żewġ raġunijiet jew aktar. Il-perċentwali għaldaqstant jammontaw għal aktar minn 100%.
- [4] Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta ta' inizjattiva proprja OI/5/2012/BEH-MHZ li tikkonċerna l-Frontex, disponibbli fuq is-sit tal-Ombudsman www.ombudsman.europa.eu .
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
2.12.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 0 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marina Albiol Guzmán, Margrete Auken, Beatriz Becerra Basterrechea, Heinz K. Becker, Soledad Cabezón Ruiz, Pál Csáky, Rosa Estaràs Ferragut, Eleonora Evi, Daniel Hannan, Peter Jahr, Rikke Karlsson, Jude Kirton-Darling, Svetoslav Hristov Malinov, Edouard Martin, Roberta Metsola, Marlene Mizzi, Julia Pitera, Gabriele Preuß, Sofia Sakorafa, Yana Toom, Jarosław Wałęsa, Cecilia Wikström |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Demetris Papadakis, Ángela Vallina, Rainer Wieland |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Klaus Buchner, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
||||