RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe
11.12.2014 - (08585/2014 – C8‑0018/2014 – 2014/0115(NLE)) - ***
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: João Ferreira
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe
(08585/2014 – C8‑0018/2014 – 2014/0115(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (08585/2014),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta’ Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe (08554/2014),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43 kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt a), u l-paragrafu 7, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8‑0018/2014),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp[1],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/334/UE tad-19 ta’ Mejju 2014 dwar l-allokazzjoni ta' opportunitajiet ta' sajd taħt il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0061/2014),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jitlob lill-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-kumitat konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-ftehim, il-programm settorjali pluriennali msemmi fl-Artikolu 3 tal-protokoll il-ġdid, ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet annwali kif ukoll il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat previsti fl-Artikolu 4 tal-protokoll; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament, bħala osservaturi, fil-laqgħat tal-kumitat konġunt; jitlob lilll-Kummissjoni tressaq lill-Parlament u lill-Kunsill, fl-aħħar sena ta' applikazzjoni tal-Protokoll u qabel ma jinfetħu negozjati għat-tiġdid tiegħu, rapport sħiħ dwar l-implimentazzjoni tiegħu, mingħajr restrizzjonijiet bla ħtieġa tal-aċċess għad-dokumenti;
3. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, iżommu lill-Parlament infurmat minnufih u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċeduri marbuta mal-protokoll u t-tiġdid tiegħu, skont l-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe.
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Il-ftehim ta' sħubija fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Principe jagħmel parti min-netwerk ta' ftehimiet dwar is-sajd tat-tonn fl-Afrika tal-Punent, u jippermetti lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jistadu fl-ilmijiet ta' dan il-pajjiż.
Il-protokoll preċedenti, li kien fis-seħħ bejn it-13 ta' Mejju 2011 u t-12 ta' Mejju 2014, kien jippermetti l-attività ta' 40 bastiment tas-sajd tat-tonn tal-Unjoni Ewropea. 28 bastiment tas-sajd tat-tonn bit-tartarun u 12-il bastiment bil-konzijiet tal-wiċċ. Il-kontroparti finanzjarja kienet ta' EUR 682,500 fis-sena, li minnhom 'il fuq minn 35 % kienu ddestinati għall-politika settorjali ta' Sao Tomé u Principe.
Wara negozjati fid-dawl tat-tiġdid tal-protokoll ta' applikazzjoni, ġie inizjalat protokoll ġdid fid-19 ta' Diċembru 2013. Dan daħal fis-seħħ fit-23 ta' Mejju 2014 għal perjodu ta' erba' snin, u se jippermetti lil 34 bastiment tal-Unjoni Ewropea li jeżerċitaw l-attività tagħhom tas-sajd (28 bastiment tas-sajd tat-tonn bit-tartarun u 6 bastimenti bil-konzijiet tal-wiċċ). Il-kontroparti finanzjarja annwali ġiet iffissata għal EUR 710,000 għall-ewwel 3 snin u EUR 675,000 għar-raba' sena, b'EUR 325,000 iddestinati għall-appoġġ tal-politika settorjali ta' São Tomé u Principe, u t-taxxi li għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti minn EUR 35 fis-sena, issa telgħu għal EUR 55 fis-sena tul l-ewwel sentejn, EUR 60 għat-tielet sena u EUR 70 għar-raba' sena.
Matul il-kumitat konġunt tat-18 sal-20 ta' Awwissu 2014, ir-rappreżentanzi tal-Unjoni u ta' São Tomé u Principe ferħu lil xulxin għall-konklużjoni ta' protokoll ġdid għal 4 snin.
Ir-rapporteur jirrakkomanda li l-Parlament japprova l-iffirmar ta' dan il-protokoll. Huwa jqis madankollu li jeħtieġ li jiġu fformulati xi osservazzjonijiet addizzjonali dwar dan il-ftehim, l-istorja tiegħu, ir-riżultati u l-perspettivi għall-ġejjieni.
L-ewwel ftehim fil-qasam tas-sajd konkluż bejn il-KEE u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Principe seħħ fl-1984. Minn dak iż-żmien, ġew implimentati tmien protokolli, li tnejn minnhom kienu dwar il-ftehim ta' sħubija fil-qasam tas-sajd. Madankollu, ir-riżultati miksuba sal-lum fil-qasam tal-kooperazzjoni settorjali kienu baxxi ħafna. Jeħtieġ li dan jinbidel b'mod urġenti. Dan il-ftehim, b'koordinazzjoni ma' strumenti oħra ta' appoġġ għall-iżvilupp, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, għandu jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd f'São Tomé u Principe, kif ukoll tal-industriji u l-attivitajiet konnessi, billi jżid il-valur miżjud li jirċievi l-pajjiż mill-isfruttament tar-riżorsi naturali tiegħu.
Ir-rapporteur iqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu l-miżuri meħtieġa - inkluża reviżjoni eventwali u żieda tal-portafoll tal-ftehim dwar l-appoġġ settorjali - sabiex tiżgura bidla effettiva fit-triq li ttieħdet tul dawn l-aħħar għoxrin sena.
Fost l-aspetti li għandhom jiġu modifikati, jinsabu l-elementi li ġejjin:
- it-titjib tal-kwantità u tal-affidabilità tal-informazzjoni dwar il-qbid u, b'mod ġenerali, dwar l-istat ta' konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar, li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta' São Tomé u Principe, kif ukoll tal-appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet proprji ta' kisba ta' tali informazzjoni. Għandu jiġi nnutat li n-nuqqas ċar ta' informazzjoni jillimita de facto lill-awtoritajiet ta' São Tomé u Principe sa min-negozjar tal-ftehim f'kundizzjonijiet potenzjalment iktar favorevoli għall-pajjiż, u sabiex tiġi garantita l-fattibilità tal-isfruttament tar-riżorsi tiegħu;
- it-tisħiħ tal-għajnuna għat-taħriġ tal-osservaturi u tal-iżvilupp tal-kapaċità ta' kontroll ta' São Tomé u Principe. In-nuqqasijiet f'dan il-qasam huma drammatiċi u ma jistgħux jiġu injorati mill-Kummissjoni Ewropea. Bastimenti tas-sajd jidħlu u joħorġu frekwentement miż-żona ekonomika esklussiva (ŻEE) ta' São Tomé u Principe, mingħajr ma jindunaw b'dan l-awtoritajiet. Huwa għalhekk urġenti li tissaħħaħ il-kapaċità ta' sorveljanza taż-ŻEE ta' São Tomé u Principe u l-kapaċità ta' kontroll tal-qbid.
- l-għajnuna għall-iżvilupp ta' infrastrutturi fis-settur, b'mod partikolari ta' laboratorju ta' referenza, li jippermetti li jintemm l-embargo fuq l-esportazzjoni ta' prodotti tas-sajd lejn l-Unjoni Ewropea. Din hija infrastruttura essenzjali għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd ta' São Tomé u Principe u l-kanalizzazzjoni tal-investimenti fil-pajjiż.
B'mod ġenerali, jaqbel li l-Kummissjoni Ewropea timpenja ruħha iktar fil-kontroll tal-prinċipji meħtieġa għal assorbiment adegwat tal-għajnuna, fir-rispett tas-sovranità u tal-għażla u l-prijoritajiet leġittimi ta' São Tomé u Principe.
Fl-aħħar nett, ir-rapporteur jissottolinja li hemm lok li jitqiesu l-punti 2 u 3 ta’ dan l-abbozz ta' riżoluzzjoni leġiżlattiva, fl-intier tagħhom, li jipprevedu li l-Parlament jiġi infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha dwar il-proċeduri relatati mal-protokoll jew mat-tiġdid tiegħu. Qed jiġi propost li kull sena jiġi preżentat rapport dwar ir-riżultati tal-programm settorjali pluriennali deskritt fl-Artikolu 3 tal-protokoll, kif ukoll dwar l-osservanza mill-Istati Membri tar-rekwiżiti tad-dikjarar tal-qabdiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (20.11.2014)
għall-Kumitat għas-Sajd
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe
08585/2014 – C8-0018/2014 – 2014/0115(NLE))
Rapporteur għal opinjoni: José Manuel Fernandes
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Abbażi tas-setgħa mogħtija lilha mill-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea mexxiet negozjati mar-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe bil-ħsieb li jiġġedded il-Protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd, għal perjodu ta' 4 snin, bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe li skada fit-12 ta’ Mejju 2014.
Dak il-Protokoll il-ġdid ġie ffirmat skont Deċiżjoni tal-Kunsill u se jkun japplika provviżorjament mid-data tal-iffirmar tiegħu.
L-għan prinċipali tal-Protokoll tal-Ftehim huwa li joffri opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet ta' São Tomé u Príncipe, b’osservanza tal-aqwa pariri ixjentifiċi disponibbli u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), fil-limiti tal-kwantità żejda disponibbli. Il-pożizzjoni ta’ nnegozjar tal-Kummissjoni kienet ibbażata f’parti minnha fuq ir-riżultati ta' valutazzjoni ex-post tal-Protokoll preċedenti mwettqa minn esperti esterni.
L-għan l-ieħor huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe bil-ħsieb li jiġu żviluppti politika tas-sajd sostenibbli u sfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta' São Tomé u Príncipe, fl-interess taż-żewġ partijiet.
Il-kontribuzzjoni finanzjarja globali taħt il-Protokoll hija ta’ EUR 2 805 000 fuq medda ta’ 4 snin:
Hija ffurmata minn:
• ammont annwali għall-aċċess għaż-ŻEE ta' São Tomé u Príncipe ta’ EUR 385 000 għall-ewwel tliet snin u EUR 350 000 għar-raba’ sena, ekwivalenti għal tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 7 000 tunnellata fis-sena, u
• ammont speċifiku ta’ EUR 325 000 fis-sena għal erba’ snin biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-politika tas-sajd settorjali ta’ São Tomé u Príncipe (is-sajd artiġjanali u l-monitoraġġ, il-kontroll u l-ġlieda lis-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU)).
Tip ta' nefqa (EUR) |
2014 |
2015 |
2016 |
2017 |
Total |
|
Preservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali |
710 000 |
710 000 |
710 000 |
675 000 |
2 805 000 |
|
Total |
710 000 |
710 000 |
710 000 |
675 000 |
2 805 000 |
|
|
|
|
|
|
|
|
Jekk il-kwantità annwali totali ta' qabdiet mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet ta' São Tomé u Príncipe taqbeż it-tunnellaġġ ta’ referenza annwali, l-ammont totali tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għandu jiżdied b'EUR 55 għall-ewwel tliet snin u b'EUR 50 għar-raba' sena għal kull tunnellata addizzjonali li tinqabad.
Madankollu, l-ammont totali annwali mħallas mill-Unjoni Ewropea ma jistax ikun ogħla mid-doppju tal-ammont indikat fil-Protokoll. Fejn il-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jkunu ogħla mill-kwantitajiet li jikkorrispondu għad-doppju tal-ammont annwali totali, l-ammont dovut għall-kwantità li tkun ogħla minn dak il-limitu jitħallas is-sena ta’ wara.
Dan l-appoġġ jissodisfa l-objettivi tal-politika nazzjonali fir-rigward tas-sajd u b'mod partikolari l-ħtiġijiet tar-Repubblika Demokratika ta' São Tomé u Príncipe f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ appoġġ lis-sajd artiġjanali u għall-ġlieda lis-sajd illegali.
******
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
20.11.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
18 5 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean Arthuis, Richard Ashworth, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Marco Valli, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Charles Goerens, Anneli Jäätteenmäki, Alfred Sant, Ivan Štefanec, Tomáš Zdechovský |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
3.12.2014 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 2 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, David Coburn, Richard Corbett, Diane Dodds, Linnéa Engström, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Liadh Ní Riada, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Izaskun Bilbao Barandica, José Blanco López, Ole Christensen, Ian Duncan, Sylvie Goddyn, Anja Hazekamp, Mike Hookem, Francisco José Millán Mon |
||||