RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fuq id-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni mill-Istati Membri, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, tal-adeżjoni tal-Marokk għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal

    22.1.2015 - (COM(2011)0916 – C8‑0268/2014 – 2011/0451(NLE)) - *

    Kumitat għall-Affarijiet Legali
    Rapporteur: Heidi Hautala

    Proċedura : 2011/0451(NLE)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A8-0005/2015
    Testi mressqa :
    A8-0005/2015
    Testi adottati :

    ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fuq id-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni mill-Istati Membri, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, tal-adeżjoni tal-Marokk għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal

    (COM(2011)0916 – C8‑0268/2014 – 2011/0451(NLE))

    (Konsultazzjoni)

    Il-Parlament Ewropew,

    –       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2011)0916),

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 38, paragrafu erbgħa, tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal,

    –       wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3), kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0268/2014),

    –       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014,

    –       wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 108(7) tar-Regoli ta ' Proċedura tiegħu,

    –       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0005/2015),

    1.      Japprova l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u japprova l-aċċettazzjoni tal-adeżjoni;

    2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Armenja.

    NOTA SPJEGATTIVA

    Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-aspetti ċivili tal-ħtif internazzjonali tat-tfal hija strument ta’ importanza fundamentali. Il-konvenzjoni ġiet ratifikata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

    Din il-konvenzjoni waqqfet sistema li permezz tagħha l-istati kontraenti jistgħu jikkooperaw biex isibu soluzzjoni għas-sitwazzjonijiet ta' ħtif internazzjonali ta' tfal.

    Ħafna drabi, dawn il-problemi jinħolqu fi ħdan koppji li jisseparaw. Għal raġel jew mara li jiġi/tiġi minn stat ieħor, jista’ jkun hemm it-tentazzjoni li jiġi sfruttat in-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati biex tittieħed il-kustodja tat-tfal. Fl-istampa spiss naraw każijiet ta' ħtif internazzjonali ta' tfal waqt separazzjoni jew divorzju.

    Il-problema prinċipali f’każijiet bħal dawn hija n-nazzjonaliżmu tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati. F’dawn il-każijiet, spiss jiġri li l-qrati taż-żewġ stati involuti jiddikjaraw lilhom infushom kompetenti u li kull qorti tagħti l-kustodja tat-tfal lill-ġenitur ta’ nazzjonalità tagħha.

    L-għan tal-konvenzjoni kkonċernata hu li jissolvew dawn is-sitwazzjonijiet fil-livell internazzjonali, bl-istabbiliment tal-kompetenza tal-qrati u tal-liġijiet tal-istat ta’ residenza tat-tfal. Il-konvenzjoni tistabbilixxi wkoll sistema li tiżgura r-ritorn immedjat tat-tfal maħtufa.

    L-UE issa għandha kompetenza esterna esklussiva f'dan il-qasam kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 1/13. L-Istati Membri għalhekk ma jaġixxux aktar għal rashom. Il-problema hija li l-konvenzjoni ma tipprevedix l-azzjoni awtonoma ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

    Din il-problema toħloq il-bżonn tad-deċiżjoni tal-Kunsill li biha l-Istati Membri mitluba jaċċettaw, kulħadd skont it-territorju tiegħu, l-adeżjoni tal-Marokk mal-konvenzjoni u għaldaqstant id-dħul fis-seħħ effettiv tal-konvenzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u dak il-Pajjiż.

    L-adeżjoni tal-Marokk mal-konvenzjoni hija aħbar tajba u r-rapporteur tappoġġjaha totalment speċjalment għaliex l-Unjoni Ewropea u l-Marokk għandhom relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib. It-tfal b’rabtiet mal-komunità Armena għalhekk se jkunu mħarsa mill-ħtif illegali.

    Ir-rapporteur għaldaqstant tipproponi lill-Parlament li jadotta l-proposta mingħajr emendi, sabiex jassigura li l-ħarsien mogħti lit-tfal ikkonċernati jiġi estiż għat-territorju kollu tal-Unjoni.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

    Data tal-adozzjoni

    20.1.2015

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    21

    2

    0

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Andrzej Duda, Rosa Estaràs Ferragut, Laura Ferrara, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Jiří Maštálka, Emil Radev, Julia Reda, Pavel Svoboda, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

    Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

    Daniel Buda, Sergio Gaetano Cofferati, Luis de Grandes Pascual, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Angelika Niebler, Virginie Rozière, Viktor Uspaskich, Cecilia Wikström