RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2014/012 BE/ArcelorMittal mill-Belġju)

2.3.2015 - (COM(2014)0734 – C8-0014/2015 – 2015/2020(BUD(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Victor Negrescu

Proċedura : 2015/2020(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0035/2015
Testi mressqa :
A8-0035/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2014/012 BE/ArcelorMittal mill-Belġju)

(COM(2014)0734 – C8-0014/2015 – 2015/2020(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0734 – C8-0014/2015),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] (ir-Regolament dwar il-FEG),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0035/2015),

A.     billi l-Unjoni stabbilixxiet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;

B.     billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'konsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C. billi l-adozzjoni tar-Regolament FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D. billi l-Belġju ressaq applikazzjoni EGF/2014/012/BE/ArcelorMittal għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG wara 1 285 sensja mill-ArcelorMittal Liège S.A., kumpanija li topera fin-NACE 2 Diviżjoni 24 "Manifattura ta' metalli bażiċi", fejn 910 persuni huma mistennija li jibbenefikaw mill-miżuri matul u wara l-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Jannar 2014 sal-1 ta' Mejju 2014, minħabba tfixkil ekonomiku serju, b'mod partikolari tnaqqis rapidu tas-sehem mis-suq tal-Unjoni,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibilità stabbiliti mir-Regolament FEG,

1.  Jikkonstata li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament FEG huma sodisfatti, u li għalhekk, jaqbel mal-Kummissjoni li l-Belġju għandu dritt għall-kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jikkonstata li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-22 ta' Lulju 2014, fi żmien 12-il ġimgħa mid-data minn meta l-kriterji stabbiliti għall-intervent kienu sodisfatti, issupplimentatha b'tagħrif addizzjonali sas-16 ta' Settembru 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fid-9 ta' Diċembru 2014;

3.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati għall-ħaddiema milquta fl-1 ta' Jannar 2014, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra l-applikazzjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

4.  Jikkunsidra li l-għoti tas-sensji mill-ArcelorMottal Liège S.A huwa marbut mal-bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, dan għaliex bejn l-2007 u l-2013 il-produzzjoni tal-azzar mhux maħdum fl-UE-27 naqas minn 210,1 miljun tunnellata għal 166,2 miljun tunnellata[4] (- 20,9 %; - 3,8 % tar-rata ta' tkabbir annwali[5]), filwaqt li fil-livell dinji, l-produzzjoni żdiedet minn 1 348,1 miljun tunnellata għal 1 649,3 miljun tunnellata (+ 22,3 %; + 3,4 % tar-rata ta' tkabbir annwali). Jikkonstata li t-tnaqqis tas-sehem tal-Unjoni fil-produzzjoni tal-azzar minn 16 % tal-produzzjoni globali tal-azzar fl-2007 għal 10 % fl-2013 kien aktar sinifikanti milli fl-Istati Uniti u fir-Russja, filwaqt li kien hemm żieda qawwija ħafna fis-sehem tal-Asja, li żdied minn 56 % għal 67 % fl-istess perjodu u, riżultat ta' dan, is-settur metallurġiku ta' Liège naqas f'dawn l-aħħar snin, minn 6 193 post tax-xogħol f'40 impriża fl-2007 għal 4 187 post tax-xogħol f'35 impriża fl-2012, tnaqqis ta' 32 % tal-impjiegi fis-settur;

5.   Jenfasizza li l-effetti ta' dawn il-bidliet fl-andament kummerċjali aggravaw minħabba fatturi oħra, bħal tnaqqis fid-domanda għall-azzar fis-setturi tal-karozzi u tal-kostruzzjoni fl-Unjoni bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u żieda relattiva fin-nefqa tal-produzzjoni (materja prima, enerġija, restrizzjonijiet ambjentali, eċċ.). Dawn il-fatturi kienu ta' dannu għall-kompetittività tal-industrija tal-azzar tal-Unjoni u wasslu għal għadd kbir ta' telf ta' impjiegi fis-settur tal-azzar f'dawn l-aħħar snin minħabba l-għeluq ta' impjanti u r-ristrutturar minn diversi manifatturi tal-azzar fl-Ewropa.

6.   Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ effiċjenti u koordinat fil-livell tal-Unjoni sabiex jitreġġa' lura t-tnaqqis fil-kompetittività tal-Unjoni fis-settur tal-azzar; jenfasizza l-ħtieġa għal investimenti xierqa u mmirati bil-għan li jiġi żgurat li l-innovazzjoni tkun il-mutur ewlieni tal-kompetittività globali fis-settur tal-azzar tal-Unjoni u garanzija biex jinżammu l-impjiegi fl-Ewropa;

7.   Jikkonstata r-rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal Pjan ta' Azzjoni għall-industrija tal-azzar kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa, tal-11 ta' Ġunju 2013, li jikkonkludi li nofs l-azzjonijiet imbassra fil-Komunikazzjoni ġew implimentati; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tal-azzjonijiet ikkonċernati sabiex jinkisbu riżultati tanġibbli li jwassalu għal bidu ġdid fis-settur tal-azzar tal-Unjoni;

8.   Jikkonstata li din hi r-raba' applikazzjoni FEG mis-settur tal-azzar, li tlieta minn dawn l-applikazzjonijiet kienu marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni[6] u waħda mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali[7]; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprevjeni sensji ulterjuri f'dan is-settur billi tiżviluppa u timplimenta miżuri preventivi u simulattivi;

9.   Jikkonstata li s-sensji fl-ArcelorMittal Liège S.A mistennija jkollhom impatti negattivi kbar fuq il-provinċja ta' Liège, provinċja li tiddependi ħafna fuq is-settur metallurġiku, fejn l-impatt tat-tnaqqis ta' ArcelorMittal huwa ħafna aktar importanti għaliex is-sehem tal-ArcelorMittal fil-qasam tal-impjiegi lokali huwa 78,9 % fis-settur tal-metall u 14,3 % fis-settur tal-manifattura;

10. Jikkonstata li l-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati li se jkun kofinanzjat ikopri tliet setturi prinċipali: riallokazzjoni, taħriġ, u taħriġ mill-ġdid u l-promozzjoni għall-imprenditorija; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li s-servizzi ta' taħriġ mill-ġdid jitwettqu skont il-ħtiġijiet attwali tas-suq tax-xogħol fir-reġjun ikkonċernat;

11.    Huwa favur l-użu futur ta' dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-FEG biex jappoġġaw liż-żgħażagħ f'dan ir-reġjun li jinsabu barra mill-edukazzjoni impjieg jew taħriġ (NEETs);

12.    Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira u mas-sħab soċjali;

13.    Jikkonstata li aktar minn nofs il-kostijiet totali stmati jrid jintefaq fuq riallokazzjoni ta' dawn is-servizzi, fosthom miżuri ta' appoġġ, gwida u integrazzjoni; jikkonstata li dawn is-servizzi se jingħataw mill-FOREM (is-servizz pubbliku tal-impjiegi u tat-taħriġ tar-Reġjun tal-Vallonja), li jaġixxi bħala entità intermedjarja fl-implimentazzjoni ta' din l-applikazzjoni;

14.    Ifakkar fl-importanza li l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha titjieb permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat ikun adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda wkoll għall-ambjent kummerċjali reali;

15.    Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, id-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;

16.    Jisħaq li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG m'għandhiex tissostitwixxi la azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

17.    Jikkonstata li l-miżuri li huma obbligatorji skont il-proċeduri ta' sensji kollettivi fil-Belġju u li huma implimentati bħala parti mill-attivitajiet standard tal-Unitajiet ta' Riallokazzjoni (eż. l-appoġġ għar-rikollokament, it-taħriġ, l-għajnuna għat-tiftix tax-xogħol, u konsulenza dwar il-karriera, eċċ.) mhumiex inklużi f'din l-applikazzjoni FEG;

18.    Jilqa' l-fatt li appoġġ finanzjarju mill-Fond Soċjali Ewropew ingħata fil-passat għal proġett (EnTrain – En Transition-Reconversion-Accompagnement) li kellu l-għan li jiżviluppa metodi pedagoġiċi għall-Unitajiet ta' Riallokazzjoni b'mod ġenerali u li l-konklużjonijiet ta' dan il-proġett x'aktarx huma utli għall-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati;

19. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [4]               Sors: World Steel Association, Steel Statistical Yearbook 2014.
  • [5]               Rata komposta ta' tkabbir annwali.
  • [6]               Każijiet EGF/2009/022 BG/Kremikovtsi (applikazzjoni rifjutata mill-Kummissjoni), EGF/2012/010 RO/Mechel (COM(2014) 255 final ta' 07.05.2014), EGF/2013/007 BE/Hainaut steel (Duferco-NLMK) (COM(2014)..), EGF/2013/002 BE/Carsid (COM(2014)...).
  • [7]               Każ EGF/2010/007 AT/Steiermark-Niederösterreich. Deċiżjoni 2011/652/UE tas-27 ta' Settembru 2011 (ĠU L 263, 7.10.2011, p. 9).

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(Applikazzjoni EGF/2014/012 BE/ArcelorMittal mill-Belġju)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[2], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)      Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit biex jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja u persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009[3], jew minħabba kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida u biex jassistihom fir-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

(2)      L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[4] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG sal-limitu massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011).

(3)      Il-Belġju ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tal-għoti tas-sensji[5] f'ArcelorMittal Liège S.A. fil-Belġju, fit-22 ta' Lulju 2014 u ssupplimentaha b'tagħrif addizzjonali kif previst fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti biex tiġi determinata kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013.

(4)      Għalhekk, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 1 591 486 għall-applikazzjoni mressqa mill-Belġju,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jagħti s-somma ta' EUR 1 591 486 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

  • [1]               ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]               ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [3]             Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda Regolament    (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.06.2009, p. 26).
  • [4]             Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
  • [5]             Skont it-tifsira tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament dwar il-FEG.

NOTA SPJEGATTIVA

I. Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jagħti assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1] u tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006[2], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti adatti jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva tal-applikazzjoni, tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni ArcelorMittal u l-proposta tal-Kummissjoni

Fid-9 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Belġju biex tappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ħaddiema li ngħataw is-sensja, minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni.

Din hija t-tielet applikazzjoni eżaminata fil-kuntest tal-baġit 2015 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 1 591 486 mill-FEG għall-Belġju. Din tikkonċerna 752 sensja matul il-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Jannar 2014 sal-1 ta' Mejju 2014 u 533 wara dak il-perjodu. L-applikazzjoni hija bbażata skont il-kriterju ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jeħtieġ li tal-inqas 500 ħaddiem jingħataw is-sensja jew li titwaqqaf l-attività ta' persuni li jaħdmu għal rashom, fuq perjodu ta' referenza ta' erba' xhur, f'impriża fi Stat Membru, inkluż ħaddiema li jingħataw is-sensja u / jew li titwaqqaf l-attività ta' persuni li jaħdmu għal rashom fost il-fornituri u l-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-22 ta' Lulju 2014. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013.

Skont id-data msemmija mill-awtoritajiet Belġjani, s-settur tal-produzzjoni tal-azzar, li fih jopera ArcelorMittal Liège S.A., għadda minn taqlib ekonomiku serju, b'mod partikolari tnaqqis rapidu tas-sehem mis-suq tal-UE.

Bejn l-2007 u l-2013, il-produzzjoni tal-azzar mhux maħdum fl-UE-27 naqas minn 210,1 miljun tunnellata għal 166,2 miljun tunnellata[4] (- 20,9 %; - 3,8 % tar-rata ta' tkabbir annwali[5]), filwaqt li fil-livell dinji, l-produzzjoni żdiedet minn 1 348,1 miljun tunnellata għal 1 649,3 miljun tunnellata (+ 22,3 %; + 3.4 % tar-rata ta' tkabbir annwali). Konsegwenza ta' dan u skont id-data msemmija mill-awtoritajiet Belġjani, fil-perjodu 2007-2013, is-sehem tal-UE tal-produzzjoni tal-azzar naqas kontinwament (minn 16 % tal-produzzjoni tal-azzar globali fl-2007 għal 10 % fl-2013). It-tnaqqis fil-produzzjoni kien aktar sinifikanti fl-Ewropa milli fl-Istati Uniti u r-Russja. Kuntrarju għal dan, hemm żieda qawwija fis-sehem tal-Asja, li tela' minn 56 % għal 67 % matul l-istess perjodu.

L-effetti ta' dawn il-bidliet fl-andament kummerċjali marru għall-agħar minħabba fatturi oħra, bħal tnaqqis fid-domanda għall-azzar fis-setturi tal-karozzi u tal-kostruzzjoni fl-UE konsegwenza tal-kriżi ekonomika u żieda relattiva fil-kostijiet tal-produzzjoni (materja prima, enerġija, restrizzjonijiet ambjentali, eċċ.). Dawn il-fatturi kienu ta' dannu għall-kompetittività tal-industrija tal-azzar tal-UE u wasslu għal għadd kbir ta' telf ta' impjiegi fis-settur tal-azzar f'dawn l-aħħar snin minħabba l-għeluq ta' impjanti u r-ristrutturar minn diversi manifatturi tal-azzar fl-Ewropa.

Il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li se jkun kofinanzjat ikopri tliet setturi prinċipali: riallokazzjoni, taħriġ, u taħriġ mill-ġdid u promozzjoni għall-imprenditorija;

Skont l-awtoritajiet Belġjani, il-miżuri mnieda fl-1 ta' Jannar 2014 jingħaqdu biex jifformaw pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati u jirrappreżentaw miżuri attivi fis-suq tax-xogħol bil-għan li l-ħaddiema jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

L-awtoritajiet Belġjani fl-applikazzjoni tagħhom ikkonfermaw li:

–      il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom;

–      ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti[6];

–      l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u se jiġi evitat kwalunkwe finanzjament doppju;

–      l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet finanzjati mill-Fondi Strutturali;

–      il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Fir-rigward tas-sistemi ta' tmexxija u kontroll, il-Belġju nnotifika lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi amministrata mill-istess entitajiet li jmexxu l-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Entità waħda fi ħdan l-Aġenzija tal-FSE għall-Federazzjoni Vallonja-Brussell se taġixxi bħala awtorità ta' ġestjoni u entità separata oħra fi ħdan l-Aġenzija tal-FSE se taġixxi bħala awtorità tal-pagament. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Federazzjoni Vallonja-Brussell se jaġixxi bħala awtorità ta' ċertifikazzjoni u FOREM se jaġixxi bħala entità intermedjarja.

III. Proċedura

Għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 1 591 486.

Din hija l-ewwel proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond li ntbagħtet lill-Awtorità Baġitarja matul l-2015.

It-trilogu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jista' jieħu sura semplifikata, kif previst fl-Artikolu 12(5) tal-bażi ġuridika, sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali se jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv u kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884
  • [2]  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. 1.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [4]             Sors: World Steel Association, Steel Statistical Yearbook 2014.
  • [5]             Rata komposta ta' tkabbir annwali.
  • [6]             Permezz tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, l-awtoritajiet Belġjani se jkunu jistgħu jestendu l-għoti ta' servizzi ta' rikollokazzjoni lil hinn mill-perjodi obbligatorji u se jwettqu miżuri addizzjonali. Għall-kalkolu tal-kostijiet allokati għall-FEG, l-awtoritajiet Belġjani se jqisu l-miżuri mwettqa matul il-perjodu tal-obbligu ġuridiku (dan jirrigwarda biss il-miżura 'Riallokazzjoni (appoġġ / gwida / integrazzjoni))'. In-numru tas-sigħat tas-servizzi għar-riallokazzjoni mwettqa matul il-perjodu obbligatorju se jitnaqqsu min-numru totali ta' sigħat tas-servizzi għar-riallokazzjoni li kull benefiċjarju fil-mira se jibbenefika minnhom.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/ch D(2014)60424

M. L-Onorevoli Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2014/012/BE/ArcelorMittal (COM(2014)734)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2014/012 BE/ArcelorMittal u adottaw is-segwenti opinjoni.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL jippreżenta xi rimarki mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq is-segwenti kunsiderazzjonijiet:

A) Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (Regolament dwar il-FEG) u tirreferi għal 1 285 ħaddiem f'ArcelorMittal Liège S.A. li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 24 tan-NACE ("Manifattura ta' metalli bażiċi"), fir-reġjun ta' Liège, li ngħataw is-sensja fi ħdan il-perjodu ta' referenza bejn l-1 ta' Jannar 2014 u l-1 ta' Mejju 2014;

B) Billi sabiex jistabbilixxu rabta bejn is-sensji u bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji, l-awtoritajiet Belġjani jargumentaw li s-settur tal-produzzjoni tal-azzar għadda minn taqlib ekonomiku serju, b'mod partikolari tnaqqis rapidu fis-sehem tas-suq tal-UE;

C) Billi l-effetti ta' dawn il-bidliet fl-andament kummerċjali marru għall-agħar minħabba fatturi oħra, bħal tnaqqis fid-domanda tal-azzar fis-setturi tal-karozzi u tal-kostruzzjoni fl-UE bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u żieda relattiva fin-nefqa tal-produzzjoni (materja prima, enerġija, limitazzjonijiet ambjentali, eċċ.) u wasslu għal għadd kbir ta' telf ta' impjiegi fis-settur tal-azzar f'dawn l-aħħar snin minħabba l-għeluq ta' impjanti u r-ristrutturar minn diversi manifatturi tal-azzar fl-Ewropa;

D) Billi mit-tnedija tal-FEG, kien hemm erba' applikazzjonijiet FEG fis-settur tal-azzar, tlieta minn dawn l-applikazzjonijiet kienu marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni u waħda mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

E) Billi l-maġġoranza assoluta (96 %) tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel u 4 % huma nisa; billi l-maġġoranza (88 %) tal-ħaddiema għandhom bejn it-30 u l-54 sena;

F) Billi s-settur metallurġiku ta' Liège naqas f'dawn l-aħħar snin, minn 6 193 post tax-xogħol f'40 impriża fl-2007 għal 4 187 post tax-xogħol f'35 impriża fl- 2012, tnaqqis ta' 32 % tal-impjiegi fis-settur, billi t-tnaqqis ta' ArcelorMittal se jwassal għal aktar telf ta' impjiegi fir-reġjun għaliex is-sehem ta' ArcelorMittal fl-impjiegi lokali huwa 78,9 % fis-settur tal-metall u 14,3 % fis-settur tal-manifattura;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jitlob lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-segwenti suġġerimenti fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar l-applikazzjoni Belġjana:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma sodisfatti u li għalhekk, il-Belġju għandu dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jikkonstata li l-miżuri li huma obbligatorji skont il-proċeduri ta' sensji kollettivi fil-Belġju u li jiġu implimentati bħala parti mill-attivitajiet standard tal-Unitajiet ta' Riallokazzjoni (eż. l-appoġġ għar-rikollokament, it-taħriġ, l-għajnuna għat-tiftix tax-xogħol, u konsulenza dwar il-karriera, eċċ.) mhumiex inklużi f'din l-applikazzjoni FEG;

3.  Huwa favur l-użu fil-ġejjieni ta' dispożizzjonijiet tar-Regolamenti dwar il-FEG biex jappoġġaw lin-NEETs f'dan ir-reġjun;

4.  Jilqa' l-fatt li appoġġ finanzjarju mill-Fond Soċjali Ewropew ingħata fil-passat għal proġett (EnTrain – En Transition-Reconversion-Accompagnement) li kellu l-għan li jiżviluppa metodi pedagoġiċi għall-Unitajiet ta' Riallokazzjoni b'mod ġenerali u li l-konklużjonijiet ta' dan il-proġett x'aktarx li huma utli għall-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati;

5.  Jikkonstata li aktar minn nofs il-kostijiet totali stmati jrid jintefaq fuq riallokazzjoni ta' dawn is-servizzi, fosthom miżuri ta' appoġġ, gwida u integrazzjoni; jikkonstata li dawn is-servizzi se jingħataw mill-FOREM (is-servizz pubbliku tal-impjiegi u tat-taħriġ tar-Reġjun tal-Vallonja), li jaġixxi bħala entità intermedjarja fl-implimentazzjoni ta' din l-applikazzjoni;

6.   Ifakkar li skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

Aġent President, l-Ewwel Viċi President

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

ASP 09 G 205

B 1047 Brussell

Sur Arthuis,

Suġġett:           Mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Sitt proposti separati tal-Kummissjoni għal deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġew riferuti lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Jien nifhem li hu maħsub li r-rapporti dwar kull waħda minn dawn il-proposti se jiġu adottati fil-Kumitat għall-Baġits fis-26 ta' Frar:

-          COM(2014)0725 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 981 956 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 708 ħaddiema li ngħataw is-sensja b'segwitu kemm għall-għeluq tal-impriża Duferco Belgium SA u t-tnaqqis tal-persunal f'NLMK La Louvière SA, li joperaw fis-settur tal-manifattura ta' metalli bażiċi fil-Provinċja ta' Hainaut, il-Belġju.

-          COM(2014)0726 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 094 760 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tas-657 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Aleo Solar AG u ż-żewġ sussidjarji tagħha, Aleo Solar Dritte Produktion GmbH (Prenzlau) u Aleo Solar Deutschland GmbH (Oldenburg), li joperaw fis-settur tal-manifattura tal-prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi fir-reġjuni ta' Brandenburg u Weser-Ems, il-Ġermanja.

-          COM(2014)0734 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 591 486 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-1285 ħaddiem li ngħataw is-sensja wara proċedura ta' ssensjar fl-impriża ArcelorMittal Liège S.A. li kienet topera fis-settur tal-manifatturi tal-metalli bażiċi fir-Reġjun ta' Liège, il-Belġju.

-          COM(2014)0735 hija proposta għal kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 222 854 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-1030 ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Caterpillar Belgium S.A, li kienet topera fis-settur tal-manifattura tal-makkinarju u t-tagħmir, fil-Provinċja ta' Hainaut, il-Belġju.

-          COM(2015)COM(2015)0009 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 1 339 928 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 257 ħaddiem li ngħataw is-sensja b'segwitu għall-għeluq tal-impjant tal-produzzjoni ta' ħġieġ tas-sikurezza tal-karozzi ta' Saint-Gobain Sekurit Benelux f'Auvelais, il-Belġju.

-          COM(2015)0013 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 115 205 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 615-il ħaddiem li ngħataw is-sensja fl-impriża Zakłady Chemiczne Zachem, li timmanifattura prodotti kimiċi fil-Polonja.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw dawn il-proposti, u talbuni niktiblek b'dikjarazzjoni li l-maġġoranza ta' dan il-Kumitat m'għandha l-ebda oġġezzjoni għal dawn il-mobilizzazzjonijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jiġu allokati l-ammonti msemmijin hawn fuq, kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

26.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Carlos Iturgaiz, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Clare Moody, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Urmas Paet, Pina Picierno, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Marco Valli, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Janusz Lewandowski, Andrey Novakov, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Paulo Rangel