RAPPORT dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi tas-Suq Monetarju
4.3.2015 - (COM(2013)0615 – C7-0263/2013 – 2013/0306(COD)) - ***I
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Neena Gill
PR_COD_1amCom
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi tas-Suq Monetarju
(COM(2013)0615 – C7-0263/2013 – 2013/0306(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0615),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0263/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10/11 ta' Diċembru 2013[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0041/2015),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1
EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW[2]*
għall-proposta tal-Kummissjoni
---------------------------------------------------------
2013/0306 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-Fondi tas-Suq Monetarju
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1) Il-fondi tas-suq monetarju (money market funds, MMF) jipprovdu finanzi ta’ terminu qasir ta' żmien lill-istituzzjonijiet finanzjarji, lill-korporattivi jew lill-gvernijiet. Billi jipprovdu finanzi lil dawn l-entitajiet, il-fondi tas-suq monetarju jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ekonomija Ewropea. Dawn l-entitajiet jużaw l-investimenti tagħhom fl-MMF bħala mod effiċjenti sabiex jifirxu r-riskju ta’ kreditu u skopertura tagħhom, iktar milli jiddependu biss fuq depożiti bankarji.
(2) Mil-lat tad-domanda, l-MMFs huma għodda ta’ mmaniġġar tal-flus ta’ terminu qasir ta' żmien li jipprovdu livell għoli ta’ likwidità, diversifikazzjoni, stabbiltà tal-valur tal-kapital investit flimkien ma’ redditu bbażat fuq is-suq. L-MMFs jintużaw ▌minn firxa wiesgħa ta’ entitajiet inklużi assoċjazzjonijiet tal-karità, assoċjazzjonijiet tad-djar, awtoritajiet lokali u investituri professjonali kbar bħal korporazzjonijiet u fondi tal-pensjoni li jkunu qegħdin ifittxu li jinvestu l-flus żejda tagħhom għal żmien qasir. L-MMFs għalhekk jirrappreżentaw rabta kruċjali li tgħaqqad flimkien id-domanda u l-offerta ta’ flus għal terminu qasir ta' żmien.
(3) L-avvenimenti li seħħew matul il-kriżi finanzjarja xeħtu dawl fuq diversi aspetti tal-MMFs li jagħmluhom vulnerabbli meta jkun hemm diffikultajiet fis-swieq finanzjarji u għalhekk jistgħu jxerrdu jew jamplifikaw ir-riskji permezz tas-sistema finanzjarja. Meta l-prezzijiet tal-assi li fihom ikunu investiti l-MMFs jibdew jonqsu, speċjalment waqt sitwazzjonijiet ta’ suq taħt stress, l-MMF mhux dejjem jista’ jżomm il-wegħda ta’ tifdija immedjata u li jippreserva l-valur prinċipali ta’ unità jew sehem maħruġ mill-MMF lill-investituri. Din is-sitwazzjoni, li, skont il-Bord għall-Istabbilità Finanzjarja (FSB) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) tista’ tkun partikolarment serja għal valur nett tal-assi stabbli jew kostanti tal-MMFs, tista’ twassal għal talbiet f’daqqa u sostanzjali ta’ tifdija, li jistgħu jwasslu għal konsegwenzi makroekonomiċi aktar wiesgħa.
(4) It-talbiet kbar ta’ tifdija jistgħu jġiegħlu lill-MMFs ibiegħu xi wħud mill-assi ta’ investiment tagħhom f’suq li jkun sejjer għan-niżla, li potenzjalment iwassal għal kriżi ta’ likwidità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-emittenti tas-suq monetarju jistgħu jiffaċċaw diffikultajiet ta’ finanzjament jekk jinxef is-suq tal-karti kummerċjali u ta’ strumenti oħra tas-suq monetarju. Dan jista' jwassal għal kontaġju fi ħdan is-suq tal-finanzjament għal terminu qasir ta' żmien u jirriżulta f'diffikultajiet diretti u kbar fil-finanzjament ta' istituzzjonijiet finanzjarji, korporattivi u gvernijiet u għalhekk l-ekonomija.
(5) Il-maniġers tal-assi, appoġġati mill-isponsors, jistgħu jiddeċiedu li jipprovdu appoġġ diskrezzjonarju sabiex iżommu l-likwidità u l-istabbiltà tal-MMFs tagħhom. L-isponsors sikwit huma sfurzati jappoġġaw l-MMFs sponsorjati tagħhom li qed jitilfu l-valur minħabba r-riskju għar-reputazzjoni u l-biża’ li l-paniku jista’ jinfirex fin-negozji l-oħra tal-isponsors. Skont id-daqs tal-fond u l-livell tal-pressjoni ta’ tifdija, l-appoġġ tal-isponsors jista’ jilħaq proporzjonijiet li jaqbżu r-riżervi immedjatament disponibbli tagħhom. Għalhekk, huwa importanti li jiġi pprovdut qafas ta’ regoli uniformi sabiex jiġi evitat il-falliment tal-isponsor u l-kontaġju tar-riskju għal entitajiet oħra li jisponsorjaw l-MMFs.
(6) Sabiex jiġu ppreservati l-integrità u l-istabbiltà tas-suq intern ▌, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli rigward l-operat tal-MMFs, b’mod partikolari dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll tal-MMFs. Dan hu maħsub biex jagħmel l-MMFs aktar reżistenti u jillimita l-kanali ta' kontaġju. Huma meħtieġa regoli uniformi madwar l-Unjoni sabiex jiġi żgurat li l-MMFs ikunu jistgħu jonoraw it-talbiet ta' tifdija mill-investituri, speċjalment waqt sitwazzjonijiet ta’ suq taħt stress. Regoli uniformi dwar il-portafoll ta’ suq monetarju huma meħtieġa wkoll sabiex jiġi żgurat li l-MMFs ikunu kapaċi jiffaċċaw talbiet sostanzjali u f’daqqa ta’ tifdija minn grupp kbir ta’ investituri.
(7) Ir-regoli uniformi dwar l-MMFs huma meħtieġa wkoll sabiex jiġi assigurat it-tħaddim mingħajr problemi tas-suq tal-finanzjament ta’ terminu qasir ta' żmien għall-istituzzjonijiet finanzjarji, l-emittenti korporattivi ta’ dejn ta’ terminu qasir u l-gvernijiet. Huma meħtieġa wkoll sabiex jassiguraw it-trattament indaqs ta' investituri tal-MMF u sabiex jiġi evitat li min jifdi tard ikun żvantaġġat jekk it-tifdija tiġi temporanjament sospiża jew jekk l-MMF jiġi likwidat.
(8) Huwa meħtieġ li jsir provvediment għall-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti prudenzjali relatati mal-MMFs billi jiġu stabbiliti regoli ċari li jimponu obbligi diretti fuq l-MMFs u l-maniġers tagħhom madwar l-Unjoni kollha. Dan isaħħaħ l-istabbiltà tal-MMFs bħala sors ta’ finanzjament ta’ terminu qasir ta' żmien għall-gvernijiet u s-settur korporattiv madwar l-Unjoni. Jassigura wkoll li l-MMFs jibqgħu għodda kredibbli għall-ħtiġijiet ta’ mmaniġġar tal-flus tal-industrija tal-Unjoni.
(9) Il-Linji gwida dwar l-MMFs li kienu adottati mill-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (Committee of European Securities Regulators, CESR) sabiex joħolqu kundizzjonijiet ekwi minimi għall-MMFs fl-Unjoni, sena wara d-dħul fis-seħħ tagħhom kienu implimentati biss minn 12-il Stat Membru, li juri l-persistenza ta’ regoli nazzjonali diverġenti. L-approċċi nazzjonali differenti ma jindirizzawx il-vulnerabbiltajiet tas-swieq monetarji tal-Unjoni ▌u ma jirnexxilhomx inaqqsu r-riskji ta’ kontaġju u b’hekk jipperikolaw il-funzjonament u l-istabbiltà tas-suq intern, kif deher matul il-kriżi finanzjarja. Dawn ir-regoli komuni dwar l-MMFs għalhekk għandhom jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u għandhom jipprevjenu u jimmitigaw kwalunkwe riskju potenzjali ta’ kontaġju li jirriżulta minn assalti bankarji possibbli mill-investituri fuq l-MMFs.
(10) Fin-nuqqas ta’ Regolament li jistabbilixxi regoli dwar l-MMFs, jistgħu jiġu adottati miżuri diverġenti fuq livell nazzjonali, li huma probabbli li jikkawżaw distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni b’riżultat tad-differenzi importanti fl-istandards essenzjali tal-protezzjoni tal-investimenti. Ir-rekwiżiti diverġenti dwar il-kompożizzjoni tal-portafolli, l-assi eliġibbli, il-maturità, il-likwidità u d-diversifikazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-kwalità tal-kreditu tal-emittenti tal-istrumenti tas-suq monetarju jwasslu għal livelli differenti ta’ protezzjoni tal-investituri minħabba l-livelli differenti tar-riskju marbuta mal-proposta ta’ investiment assoċjat ma’ fond tas-suq monetarju. Għalhekk huwa essenzjali li jiġi adottat sett uniformi ta’ regoli sabiex jiġi evitat il-kontaġju fis-suq tal-finanzjament ta’ terminu qasir ta' żmien kif ukoll tal-isponsors tal-MMFs, għaliex dan ipoġġi f’riskju l-istabbiltà tas-suq finanzjarju tal-Unjoni. Sabiex jitnaqqas ir-riskju sistemiku, l-MMFs b’Valur Nett Fiss tal-Assi (CNAV MMFs) għandhom, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, joperaw fl-Unjoni biss bħala CNAV MMF ta’ dejn pubbliku, bħala CNAV MMF fil-livell tal-Konsumatur jew NAV MMF (LNAV MMF) b’volatilità baxxa. Ir-referenzi kollha f’dan ir-Regolament għal CNAV MMFs għandhom ikunu meqjusa bħala referenzi għal CNAV MMFs ta' dejn pubbliku tal-Gvern, CNAV MMFs fil-Livell tal-Konsumatur kif ukoll LVNAV MMFs ta’ Volatilità Baxxa, ħlief jekk ikun speċifikat mod ieħor. CNAV MMFs eżistenti għandhom ukoll ikunu jistgħu jagħżlu li joperaw bħala MMFs b'valur nett varjabbli tal-assi (VNAV MMFS) minflok.
(11) Ir-regoli l-ġodda dwar MMFs huma marbuta mill-qrib mad-Direttiva 2009/65/KE[4] u d-Direttiva 2011/61/UE[5] minħabba li dawn jiffurmaw il-qafas ġuridiku li jirregola l-istabbiliment, il-ġestjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ MMFs fl-Unjoni.
(12) Fl-Unjoni, l-impriżi ta’ investiment kollettiv jistgħu joperaw bħala impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (Undertakings for Collective Investment in Transferable Securities, UCITS) immaniġġati minn maniġers tal-UCITS jew kumpaniji ta’ investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2009/65/KE jew bħala fondi ta’ investiment alternattivi (Alternative Investment Funds, AIFs) immaniġġati minn maniġers tal-fondi ta’ investiment alternattivi (Alternative Investment Fund Managers, AIFMs) awtorizzati jew irreġistrati skont id-Direttiva 2011/61/UE. Ir-regoli l-ġodda dwar l-MMFs jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dawk id-Direttivi. Għalhekk ir-regoli uniformi l-ġodda dwar l-MMFs għandhom japplikaw flimkien ma’ dawk stabbiliti fid-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE. Fl-istess ħin, numru ta’ regoli rigward il-politiki ta’ investiment tal-UCITS stabbiliti fil-Kapitolu VII tad-Direttiva 2009/65/KE għandhom jiġu diżapplikati b’mod espliċitu u għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar prodotti speċifiċi f’dawn id-dispożizzjonijiet uniformi l-ġodda dwar l-MMFs.
(13) Ir-regoli armonizzati għandhom japplikaw għall-impriżi ta’ investiment kollettiv li l-karatteristiċi tagħhom jikkorrispondu ma’ dawk assoċjati ma’ MMF. Għall-UCITS u l-AIFs li jinvestu f’assi ta’ terminu qasir ta' żmien bħal strumenti tas-suq monetarju jew depożiti, jew li jidħlu fi ftehimiet ta’ riakkwist invers jew ċerti kuntratti tad-derivati bl-uniku għan li jagħmlu hedging ir-riskji inerenti għal investimenti oħra tal-fond, u li għandhom l-għan li joffru redditi skont ir-rati tas-suq monetarju jew li jippreservaw il-valur tal-investiment, il-konformità mar-regoli l-ġodda dwar l-MMFs għandha tkun obbligatorja.
(14) L-ispeċifiċità tal-MMFs tirriżulta minn kombinazzjoni tal-assi li jinvestu fihom u l-għanijiet li jsegwu. L-għan li joffru redditu skont ir-rati tas-suq monetarju u l-għan li jippreservaw il-valur ta’ investiment ma jeskludix wieħed lill-ieħor. MMF jista’ jkollu jew wieħed minn dawn l-għanijiet jew iż-żewġ għanijiet flimkien.
(15) L-għan li jiġu offruti redditi skont ir-rati tas-suq monetarju għandu jinftiehem f’sens wiesa’. Ir-redditu mistenni ma għandux għalfejn ikun allinjat perfettament mal-EONIA, Libor, Euribor jew xi rata rilevanti oħra tas-suq monetarju. L-għan li tinqabeż ir-rata tas-suq monetarju b’marġinu żgħir ma għandux jitqies li joħroġ UCITS jew AIF ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli uniformi l-ġodda.
(16) L-għan li jiġi ppreservat il-valur tal-investiment ma għandux jinftiehem bħala garanzija kapitali mwiegħda mill-fond. Dan għandu jinftiehem bħala mira li l-UCITS jew l-AIF ifittxu li jsegwu. Tnaqqis fil-valur tal-investimenti ma għandux jimplika li l-impriża ta’ investiment kollettiv tkun biddlet l-għan li tippreserva l-valur ta’ investiment.
(17) Huwa importanti li l-UCITS u l-AIFs li għandhom il-karatteristiċi ta’ MMFs jiġu identifikati bħala MMFs u li l-kapaċità tagħhom li jikkonformaw fuq bażi kontinwa mar-regoli uniformi l-ġodda dwar l-MMFs tiġi verifikata b’mod espliċitu. Għal dan il-għan l-awtoritajiet kompetenti għandhom jawtorizzaw lill-MMFs. Għall-UCITS, l-awtorizzazzjoni bħala MMF għandha tkun parti mill-awtorizzazzjoni bħala UCITS skont il-proċeduri armonizzati previsti fid-Direttiva 2009/65/KE. Għall-AIFs, billi dawn mhumiex soġġetti għal proċeduri armonizzati ta’ awtorizzazzjoni u sorveljanza skont id-Direttiva 2011/61/UE, huwa meħtieġ li jiġu pprovduti regoli bażiċi komuni dwar l-awtorizzazzjoni li jirriflettu r-regoli armonizzati eżistenti dwar l-UCITS. Proċeduri bħal dawn għandhom jassiguraw li AIF awtorizzat bħala MMF ikollu bħala maniġer, maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv (AIFM) awtorizzat skont id-Direttiva 2011/61/UE.
(18) Sabiex ikun assigurat li l-impriżi kollha ta’ investiment kollettiv li juru l-karatteristiċi ta’ MMFs ikunu soġġetti għar-regoli komuni l-ġodda dwar l-MMFs, huwa meħtieġ li jiġi pprojbit l-isem "MMF" jew kwalunkwe terminu ieħor li jissuġġerixxi li impriża ta’ investiment kollettiv għandha l-istess karatteristiċi tal-MMFs għajr f’każ ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament. Sabiex jiġi evitat it-tidwir mar-regoli dwar l-MMFs, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw il-prattiċi tas-suq tal-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti jew kummerċjalizzati fil-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jivverifikaw li dawn ma jużawx ħażin l-isem ta’ MMF jew jissuġġerixxu li huma MMF mingħajr ma jikkonformaw mal-qafas regolatorju l-ġdid.
(19) Ir-regoli l-ġodda applikabbli għall-MMFs għandhom jibnu fuq il-qafas regolatorju eżistenti stabbilit permezz tad-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2011/61/UE u l-atti adottati għall-implimentazzjoni tagħhom. Għalhekk, ir-regoli tal-prodott fir-rigward tal-MMFs għandhom japplikaw flimkien mar-regoli tal-prodott stabbiliti fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni sakemm dawn ma jkunux diżapplikati b’mod espliċitu. Barra minn hekk, ir-regoli dwar l-immaniġġar u l-kummerċjalizzazzjoni stabbiliti fil-qafas eżistenti għandhom japplikaw għall-MMFs billi jiġi kkunsidrat jekk humiex UCITS jew AIFs. Bl-istess mod, ir-regoli dwar il-provvista transfruntiera ta’ servizzi u dwar il-libertà ta’ stabbiliment stipulati fid-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE għalhekk għandhom japplikaw għall-attivitajiet transfruntiera tal-MMFs.
(20) Billi l-UCITS u l-AIFs jista’ jkollhom forom legali differenti li mhux bilfors jagħtuhom personalità ġuridika, id-dispożizzjonijiet li jitolbu lill-MMFs jieħdu azzjoni għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-maniġer tal-MMF fil-każijiet fejn l-MMF ikun ikkostitwit bħala UCITS jew AIF li ma jkunx f’pożizzjoni li jaġixxi waħdu minħabba li ma jkollux personalità ġuridika proprja tiegħu.
(21) Ir-regoli dwar il-portafoll tal-MMFs jitolbu identifikazzjoni ċara tal-kategoriji ta’ assi li għandhom ikunu eliġibbli għal investiment mill-MMFs u tal-kundizzjonijiet li bihom ikunu eliġibbli. Sabiex tkun assigurata l-integrità tal-MMFs huwa mixtieq ukoll li MMF ikun ipprojbit milli jinvolvi ruħu f’ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji li jistgħu jipperikolaw l-istrateġija u l-għanijiet tal-investiment tiegħu.
(22) L-istrumenti tas-suq monetarju huma strumenti trasferibbli li normalment jiġu nnegozjati fis-suq monetarju, bħall-kambjali tat-teżor u tal-awtoritajiet lokali, iċ-ċertifikati ta’ depożiti, il-karti kummerċjali, it-titoli garantiti b’assi likwidi ta' kwalità għolja, l-aċċettazzjonijiet bankarji jew in-noti ta’ terminu qasir jew medju ta' żmien. Huma għandhom ikunu eliġibbli għal investiment mill-MMFs biss sakemm jikkonformaw mal-limiti tal-maturità jew fil-każ ta’ titoli garantiti b’assi dawn għandhom ikunu eliġibbli bħala assi ta’ kwalità għolja skont ir-regoli tal-likwidità fil-Parti 6 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u jkunu kkunsidrati mill-MMF bħala ta’ kwalità ta’ kreditu għolja.
(23) Il-Karti Kummerċjali Garantiti b'Assi (Asset Backed Commercial Papers, ABCPs) għandhom jiġu kkunsidrati bħala strumenti eliġibbli tas-suq tal-flus sakemm dawn jirrispettaw rekwiżiti addizzjonali. Minħabba li matul il-kriżi ċerti titolizzazzjonijiet kienu partikolarment instabbli, huwa meħtieġ li jiġu imposti limiti ta’ maturità u kriterji ta’ kwalità dwar l-assi sottostanti kif ukoll li jiġi assigurat li l-grupp ta’ skoperturi jkun diversifikat biżżejjed. Madankollu, mhux il-kategoriji kollha ta’ assi sottostanti wrew li kienu instabbli, inkluż partikolarment f'dawk it-titolizzazzjonijiet fejn l-assi sottostanti kienu assoċjati mal-appoġġ tal-kapital operattiv tal-manifattur u l-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi tal-ekonomija reali. Dawk it-titolizzazzjonijiet kellhom prestazzjoni tajba u għandhom jiġu kkunsidrati bħala strumenti eliġibbli tas-suq monetarju sakemm dawn ikunu eliġibbli bħala assi likwidi ta’ kwalità għolja skont r-regoli tal-likwidità fil-Parti 6 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, speċifikati fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru...[6] . Dan għandu japplika għal titoli garantiti minn assi likwidi ta’ kwalità għolja magħmula minn wieħed mis-subkategoriji ta’ assi titolizzati sottostanti msemmija fil-punti (iii) u (iv) tal-Artikolu 13(2)(g) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru ... jiġifieri, self għal karozzi u l-lokazzjonijiet tagħhom lil mutwatarji jew lokatarji stabbiliti jew residenti fi Stat Membru u minn self kummerċjali, lokazzjonijiet u faċilitajiet ta’ kreditu għal impriżi stabbiliti fi Stat Membru biex jiffinanzjaw nefqiet kapitali jew operazzjonijiet ta’ negozju minbarra l-akkwist jew l-iżvilupp ta’ proprjetà immobbli kummerċjali. Ir-referenza għal ċerti kategoriji ta’ assi titolizzati sottostanti fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru ... hija importanti sabiex tiġi żgurata definizzjoni uniformi ta’ assi titolizzati sottostanti eliġibbli għall-fini ta’ regolamenti ta’ likwidità għal istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll għal dan ir-Regolament, li min-naħa tagħha hija ta’ importanza għall-likwidità ta’ dawn l-istrumenti biex jiġu evitati impedimenti għat-titolizzazzjonijiet tal ekonomija reali.
(23a) Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzati. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsistenza mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 460 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 135(2) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), u għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi tat-titolizzazzjonijiet b’maturitajiet fil-ħruġ ta’ inqas minn 397 jum. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ OFS li jispeċifikaw il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ dejn ta’ kreditu ta’ kwalità għolja u ta' karti kummerċjali garantiti b’assi likwidi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura konsistenza mal-flussi ta’ ħidma rispettivi tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) u għandha tappoġġahom.
(24) Il-MMF għandu jitħalla jinvesti fid-depożiti sakemm huwa jkun jista’ jiġbed il-flus fi kwalunkwe ħin. Il-possibbiltà effettiva ta’ ġbid tkun imdgħajfa jekk il-penali assoċjati mal-ġbid kmieni jkunu tant għoljin li jaqbżu l-interessi akkumulati qabel il-ġbid. Għal din ir-raġuni l-MMF għandu joqgħod attent biex ma jagħmilx depożiti ma’ istituzzjoni ta’ kreditu li titlob penali ogħla mill-medja jew li jidħol f’depożiti fit-tul wisq fejn dan jirriżulta f’penali għoljin ħafna.
(25) L-istrumenti finanzjarji derivati eliġibbli għal investiment minn MMF għandhom jaqdu l-iskop biss ta’ hedging tar-rata tal-imgħax u r-riskju tal-valuta u għandu jkollhom biss bħala strument sottostanti rati tal-imgħax, valuti tal-kambju jew indiċijiet li jirrappreżentaw dawn il-kategoriji. Kwalunkwe użu ta’ derivattivi għal skop ieħor jew fuq assi sottostanti oħra għandu jkun projbit. Id-derivattivi għandhom jintużaw biss bħala kompliment għall-istrateġija tal-fond iżda mhux bħala l-istrument prinċipali sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-fond. Jekk MMF jinvesti f’assi mmarkati f’valuta oħra li ma tkunx il-valuta tal-fond, huwa mistenni li l-maniġer tal-MMF jagħmel hedging l-iskopertura kollha kemm hi għar-riskju tal-valuta, inkluż permezz ta’ derivattivi. L-MMFs għandhom ikunu intitolati jinvestu fi strumenti finanzjarji derivati jekk dak l-istrument ikun innegozjat f’suq regolat kif imsemmi fl-Artikolu 50(1)(a), (b) jew (c) tad-Direttiva 2009/65/KE, jew barra l-Borża (OTC), jew f’sistema ta’ negozju organizzat kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji.
(26) Il-ftehimiet ta’ riakkwist invers jistgħu jintużaw mill-MMFs bħala mezz sabiex jinvestu l-flus żejda fuq bażi ta’ terminu qasir ħafna ta' żmien, bil-kundizzjoni li l-pożizzjoni tkun kollateralizzata għal kollox. Sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-investituri huwa meħtieġ li jiġi assigurat li l-kollateral ipprovdut fil-qafas tal-ftehimiet ta’ riakkwist invers ikun ta’ kwalità għolja. It-tekniki effiċjenti l-oħra kollha ta’ mmaniġġar ta’ portafolli, inkluż l-għoti u t-teħid b’self ta’ titoli, ma għandhomx jintużaw mill-MMF billi dawn probabbli li jaffettwaw il-kisba tal-għanijiet ta’ investiment tal-MMF.
(27) Sabiex jiġi limitat it-teħid tar-riskju mill-MMFs, huwa essenzjali li jitnaqqas ir-riskju tal-kontroparti billi l-portafoll tal-MMFs jiġi soġġett għal rekwiżiti ċari ta’ diversifikazzjoni. F’dan ir-rigward huwa meħtieġ ukoll li l-ftehimiet ta’ riakkwist invers ikunu kollateralizzati b’mod sħiħ u li, sabiex jiġi limitat ir-riskju operattiv, kontroparti waħda ta’ ftehim ta’ riakkwist invers ma tistax tkun responsabbli għal aktar minn 20 % tal-assi tal-MMF. Id-derivati kollha barra l-Borża (over-the-counter, OTC) għandhom ikunu soġġetti għar-Regolament (UE) Nru 648/2012[7].
(28) Għal raġunijiet prudenzjali u sabiex jiġi evitat l-eżerċizzju ta’ influwenza sinifikanti fuq l-immaniġġar ta’ korp emittenti mill-MMF, huwa meħtieġ li tiġi evitata l-konċentrazzjoni eċċessiva minn MMF f’investimenti maħruġa mill-istess korp emittenti.
(29) L-MMF għandu jkollu r-responsabbiltà li jinvesti f’assi eliġibbli ta’ kwalità għolja. Għalhekk, l-MMF għandu jkollu proċedura prudenti u rigoruża ta’ valutazzjoni tal-kreditu sabiex jiddetermina l-kwalità tal-kreditu tal-istrumenti tas-suq monetarju li fih ikun beħsiebu jinvesti. Skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tillimita s-sovradipendenza fuq il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu, huwa importanti li l-MMFs jevitaw dipendenza eċċessiva fuq il-klassifikazzjonijiet maħruġa mill-aġenziji tal-kreditu meta jkunu qegħdin jivvalutaw il-kwalità tal-assi eliġibbli. ▌
(29a) Meta jiġi kkunsidrat ix-xogħol li sar mill-korpi internazzjonali, bħall-IOSCO u l-FSB, kif ukoll fil-leġiżlazzjoni Ewropea, bħar-Regolament (UE) Nru 462/2013 u d-Direttiva 2013/14/UE, dwar it-tnaqqis tad-dipendenza żejda tal-investituri fuq klassifikazzjonijiet tal-kreditu, mhuwiex xieraq li kwalunkwe prodott, inklużi MFFs, jiġi pprojbit espliċitament milli jitlob jew jiffinanzja klassifikazzjoni esterna tal-kreditu.
(30) Sabiex jiġi evitat li l-maniġers tal-MMFs jużaw kriterji ta’ valutazzjoni differenti biex jevalwaw il-kwalità ta’ kreditu ta’ strument tas-suq monetarju u b’hekk jattribwixxu karatteristiċi ta’ riskju differenti lill-istess strument, huwa essenzjali li l-maniġers jistabbilixxu proċedura ta' valutazzjoni interna abbażi ta' metodoloġiji prudenti, sistematiċi u kontinwi ta' assenjament. Eżempji tal-kriterji ta' valutazzjoni huma l-miżuri kwantitattivi dwar l-emittent tal-istrument, bħall-proporzjonijiet finanzjarji, id-dinamiċi tal-karta bilanċjali, il-linji gwida dwar il-profittabilità, li jiġu evalwati u mqabbla ma’ dawk tal-pari u l-gruppi tal-industrija; miżuri kwalitattivi dwar l-emittent tal-istrument; bħall-effikaċja tal-maniġment, l-istrateġija korporattiva, li jkunu analizzati sabiex jiġi determinat li l-istrateġija globali tal-emittent ma xxekkilx il-kwalità tal-kreditu futur tiegħu. L-ogħla valutazzjonijiet interni għandhom jirriflettu l-fatt li l-kredibbiltà kreditizja tal-emittent tal-istrumenti tinżamm dejjem fl-ogħla livelli possibbli.
(31) Biex jiżviluppa proċedura trasparenti u koerenti ta’ valutazzjoni tal-kreditu, il-maniġer għandu jiddokumenta l-proċeduri użati għall-valutazzjoni tal-kreditu. Dan għandu jassigura li l-proċedura ssegwi sett ċar ta’ regoli li jistgħu jiġu mmonitorjati u li l-metodoloġiji użati jiġu kkomunikati kemm lill-partijiet interessati meta dawn jitolbuhom, kif ukoll lill-awtorità nazzjonali kompetenti.
(32) Sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-portafoll ta’ MMF huwa importanti li jiġu stabbiliti limitazzjonijiet fuq il-maturità, li jipprovdu għal maturità medja peżata (weighted average maturity, WAM) massima permissibbli u perjodu medju peżat (weighted average life, WAL).
(33) Il-WAM tintuża sabiex titkejjel is-sensittività ta’ MMF għar-rati tal-imgħax li jinbidlu tas-suq monetarju. Fl-istabbiliment tal-WAM, il-maniġers iridu jikkunsidraw l-impatt tal-istrumenti derivattivi, id-depożiti u l-ftehimiet ta’ riakkwist invers u jirriflettu l-effett tagħhom fuq ir-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax tal-MMF. Meta MMF jidħol fi tranżazzjoni ta’ swap biex jikseb skopertura għal strument b’rata fissa minflok rata varjabbli, dan għandu jiġi kkunsidrat għall-istabbiliment tal-WAM.
(34) Il-WAL jintuża sabiex jitkejjel ir-riskju ta’ kreditu, billi aktar ma jiġi pospost ir-rimborż tal-kapital, aktar ikun kbir ir-riskju ta’ kreditu. Il-WAL jintuża wkoll sabiex jillimita r-riskju tal-likwidità. Kuntrarju għall-kalkolu tal-WAM, il-kalkolu tal-WAL għat-titoli b’rata varjabbli u l-istrumenti finanzjarji strutturati ma jippermettix l-użu ta’ dati għall-issettjar mill-ġdid tar-rati tal-imgħax iżda minflok juża l-maturità finali ddikjarata tal-istrument finanzjarju. Il-maturità użata għall-kalkolu tal-WAL hija l-maturità residwa sat-tifdija legali, billi din hija l-unika data li fiha l-kumpanija maniġerjali tista’ tkun assigurata li l-istrument ikun ġie rimborżat. Aspetti ta’ strument, bħall-possibbiltà ta’ tifdija f’dati speċifiċi, l-hekk imsejħa għażliet put, ma jistgħux jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tal-WAL.
(35) Sabiex tissaħħaħ il-ħila tal-MMFs li jiffaċċaw tifdijiet u jiġi evitat li l-assi tal-MMFs jiġu likwidati bi prezzijiet skontati ħafna, l-MMFs għandhom iżommu fuq bażi kontinwa ammont minimu ta’ assi likwidi li jimmaturaw kuljum jew kull ġimgħa. Sabiex jiġi kkalkulat il-proporzjon tal-assi li jimmaturaw kuljum jew kull ġimgħa, għandha tintuża d-data tat-tifdija legali. Tista’ tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-maniġer itemm kuntratt fuq bażi ta’ terminu qasir ta' żmien. Pereżempju, jekk ftehim ta’ riakkwist invers ikun jista’ jiġi tterminat b’avviż ġurnata qabel, dan għandu jitqies bħala assi li jimmatura kuljum. Jekk il-maniġer ikollu l-possibbiltà li jiġbed flus minn kont ta’ depożitu b’avviż ġurnata qabel, dan jista’ jitqies bħala assi li jimmatura kuljum. It-titoli tal-gvern jistgħu jiġu inklużi bħala assi li jimmaturaw kuljum, fejn Maniġer tal-MMF jiddetermina li t-titoli tal-gvern huma ta’ kwalità ta’ kreditu għolja.
(36) Minħabba li MMFs jistgħu jinvestu f’assi b’firxiet differenti ta’ maturità, l-investituri għandhom ikunu jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn kategoriji differenti tal-MMF. Għalhekk, l-MMFs għandhom jiġu kklassifikati bħala MMF għal terminu qasir ta' żmien jew bħala MMF standard. L-MMFs għal terminu qasir ta' żmien għandhom l-għan li joffru dħul bir-rata tas-suq filwaqt li jiżguraw l-ogħla livell ta’ sigurtà possibbli għall-investituri. Fuq rotot qosra WAM u WAL, ir-riskju tat-tul ta' żmien u r-riskju tal-kreditu tal-MMFs għal terminu qasir ta' żmien jinżammu f’livelli baxxi.
(37) L-MMFs standard għandhom l-għan li joffru redditi daqsxejn ogħla mir-redditi tas-suq monetarju, u għalhekk jinvestu f’assi li għandhom maturità estiża. Barra minn hekk, sabiex jiksbu din il-prestazzjoni aħjar, din il-kategorija ta' MMFs għandha tippermetti li jitħallew jużaw limiti estiżi għar-riskju tal-portafoll bħall-maturità medja peżata u l-perjodu medju peżat.
(38) Skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 84 tad-Direttiva 2009/65/KE, il-maniġers tal-UCITS MMFs għandhom il-possibbiltà li jissospendu temporanjament it-tifdijiet f’każijiet eċċezzjonali meta ċ-ċirkustanzi jeħtieġu hekk. Skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2011/61/UE u fl-Artikolu 47 Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013[8], il-maniġers ta’ AIF MMFs jistgħu jużaw arranġamenti speċjali sabiex jilqgħu għal xi illikwidità li tinterrompi tal-assi tal-fond.
(39) Biex ikun evitat li l-immaniġġjar tar-riskju tal-MMFs jiġi preġudikat b’deċiżjonijiet ta’ terminu qasir influwenzati mill-klassifikazzjoni possibbli tal-MMF, fejn maniġer ta’ MMF ifittex klassifikazzjoni esterna tal-kreditu, din għandha tkun soġġetta għal, u mwettqa f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu. ▌Sabiex jiġi assigurat immaniġġar xieraq tal-likwidità huwa neċessarju li l-MMFs jistabbilixxu politiki u proċeduri tajba biex ikunu jafu lill-investituri tagħhom. Il-politiki li l-maniġer irid jimplimenta għandhom jgħinu sabiex tiġi mifhuma l-bażi tal-investituri tal-MMF, b’mod li tifdijiet kbar ikunu jistgħu jiġu antiċipati. Sabiex jiġi evitat li l-MMF jiffaċċa tifdijiet massivi f’daqqa, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil investituri kbar li jirrappreżentaw porzjon sostanzjali tal-assi tal-MMF, bħal investitur li jirrappreżenta aktar mill-proporzjon ta’ assi li jimmaturaw kuljum. F’dan il-każ l-MMF għandu jżid il-proporzjon tal-assi tiegħu li jimmaturaw kuljum meta mqabbel mal-proporzjon ta’ dak l-investitur. Kull fejn ikun possibbli, il-maniġer għandu jħares lejn l-identità tal-investituri, anki jekk ikunu rrappreżentati minn kontijiet nominati, portali jew kwalunkwe xerrej indirett ieħor.
(40) Bħala parti minn immaniġġar prudenti tar-riskju, l-MMFs għandhom iwettqu ttestjar tal-istress tal-inqas kull trimestru. Il-maniġers tal-MMFs huma mistennija jaġixxu sabiex isaħħu r-robustezza tal-MMF kull meta r-riżultati tal-ittestjar tal-istress jindikaw vulnerabbiltajiet.
(41) Sabiex jiġi rifless il-valur attwali tal-assi, l-użu ta’ valwazzjoni skont is-suq għandu jkun il-metodu preferut għall-valwazzjoni tal-assi tal-MMFs. Maniġer ma għandux jitħalla juża l-metodu ta’ valwazzjoni skont mudell meta l-valwazzjoni skont is-suq tipprovdi valur kredibbli tal-assi, billi l-metodu ta’ valwazzjoni skont mudell x’aktarx li jagħti valwazzjoni inqas preċiża. Assi bħall-bills tat-teżor u tal-awtoritajiet lokali, in-noti ta’ terminu medju jew qasir ta' żmien huma ġeneralment dawk li huma mistennija li jkollhom valwazzjoni skont is-suq kredibbli. Għall-valwazzjoni tal-karti kummerċjali jew taċ-ċertifikati ta’ depożitu, il-maniġer għandu jiċċekkja jekk ikunx ipprovdut ipprezzar korrett minn suq sekondarju. Il-prezz tar-riakkwist maħruġ mill-emittent għandu jitqies ukoll li jirrappreżenta stima tajba tal-valur tal-karta kummerċjali. Il-maniġer għandu jistma l-valur, pereżempju billi juża dejta tas-suq bħar-redditu fuq emissjonijiet komparabbli u emittenti komparabbli jew juża l-metodu ta’ kontabilità tal-kost amortizzat meqjus internazzjonalment kif stabbilit skont standards kontabilistiċi rikonoxxuti internazzjonalment.
(42) L-MMFs b’Valur Nett Fiss tal-Assi (Constant Net Asset Value) (CNAV MMFs) għandhom l-għan li jippreservaw il-kapital filwaqt li jassiguraw grad għoli ta’ likwidità. Il-maġġoranza tas-CNAV MMFs għandhom valur nett tal-assi (net asset value, NAV) għal kull unità jew sett ta’ ishma, pereżempju, ta’ EUR 1, USD 1 jew GBP 1 meta jqassmu l-introjtu lill-investituri. L-oħrajn jakkumulaw l-introjtu fin-NAV tal-fond filwaqt li jżommu l-valur intrinsiku tal-assi f’valur kostanti.
(43) Sabiex jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tas-CNAV MMFs huwa neċessarju li tas-CNAV MMFs jitħallew jużaw ukoll il-metodu kontabilistiku tal-kost amortizzat sabiex jistabbilixxu l-valur nett fiss tal-assi (NAV) għal kull unità jew sehem. Minkejja dan, sabiex ikun assigurat f’kull ħin il-monitoraġġ tad-differenza bejn in-NAV fiss għal kull unità jew sehem u n-NAV għal kull unità jew sehem, is-CNAV MMF għandu jikkalkula wkoll il-valur tal-assi tiegħu fuq il-bażi tal-metodi ta’ valwazzjoni skont is-suq jew ta’ valwazzjoni skont mudell.
(44) Billi MMF għandu jippubblika NAV li jirrifletti l-movimenti kollha fil-valur tal-assi tiegħu, in-NAV ippubblikat għandu jiġi rrotondat sa mhux aktar mill-eqreb punt bażi jew l-ekwivalenti tiegħu. Minħabba f’hekk, meta n-NAV jiġi ppubblikat f’munita speċifika, pereżempju EUR 1, iż-żieda inkrementali fil-valur għandha ssir kull EUR 0,0001. Fil-każ ta’ NAV ta’ EUR 100, il-bidla inkrementali fil-valur għandha ssir kull EUR 0,01. Huwa biss jekk l-MMF ikun CNAV MMF li l-MMF jista’ jippubblika prezz li ma jsegwix kompletament il-movimenti fil-valur tal-assi tiegħu. F’dan il-każ in-NAV jista’ jiġi rrotondat sal-eqreb ċenteżmu għal NAV ta’ EUR 1 (kull moviment ta’ EUR 0,01).
(44a) Qabel ma jinvestu f’MMF, l-investituri għandhom jiġu infurmati b’mod ċar jekk l-MMF ikunx għal terminu qasir jew ta’ natura standard. Biex jiġu evitati aspettattivi mhux xierqa mill-investitur, irid jiġi ddikjarat ukoll b’mod ċar fi kwalunkwe dokument promozzjonali li l-MMFs mhumiex strument ta’ investiment garantit.
(45) Sabiex ikunu jistgħu jimmitigaw tifdijiet potenzjali ta’ klijenti fi żminijiet ta’ stress severi tas-suq, CNAV MMFs ta’ dejn pubbliku kollha, CNAV MMFs fil-livell tal-Konsumatur u LVNAV MMFs għandu jkollhom fis-seħħ dispożizzjonijiet għal tariffi ta’ likwiditá u limiti ta’ tifdija li jimpedixxu tifdijiet sinifikanti fi żminijiet ta’ stress tas-suq u li jimpedixxu li investituri oħra jiġu esposti b’mod inġust għall-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq. Il-ħlas tal-likwidità għandu jkun ekwivalenti għall-ispiża attwali tal-likwidazzjoni tal-assi li tissodisfa t-tifdija tal-klijent waqt perjodi ta’ stress fis-suq u mhux għal ħlas ta' penali li jmur lil hinn minn dak li jista’ jibbilanċja t-telf impost fuq investituri oħra mit-tifdija.
(46) CNAV MMFs ta’ Dejn Pubbliku u CNAV MMFs fil-livell tal-Konsumatur għandhom jieqfu milli jkunu CNAV MMFs fejn ma jistgħux jissodisfaw l-ammont minimu ta’ rekwiżiti ta’ likwidità ta’ kull ġimgħa fi żmien 30 jum minn wara li jkunu ntużaw il-ħlasijiet ta’ likwidità jew ir-restrizzjonijiet fuq it-tifdijiet (redemption gates). F’dak il-każ, CNAV MMF ta' Dejn Pubbliku jew fil-livell tal-Konsumatur ikkonċernat għandu awtomatikament jikkonverti għal VNAV MMF jew ikun likwidat.
(46a) LVNAV MMFs għandhom jiġu awtorizzati biss għal perjodu ta’ ħames snin. Il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-adegwatezza ta’ LVNAV MMFs erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Ir-reviżjoni għandha tikkunsidra l-impatt u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward LVNAV MMFs inkluża l-frekwenza ta’ mekkaniżmi ta’ salvagwardja msemmija f’dan ir-Regolament. Ir-reviżjoni għandha tqis ukoll ir-riskju għall-istabbiltà finanzjarja tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni u l-ispejjeż lill-ekonomija inkluż għal korporattivi, is-settur tal-MMF u s-settur finanzjarju b’mod aktar wiesa’. L-evalwazzjoni għandha teżamina wkoll il-possibbiltà li LVNAV MMFs jiġu awtorizzati wara ħames snin jew li LVNAV MMFs jiġu awtorizzati b’mod indefinit, u jekk ikun il-każ, jekk humiex meħtieġa bidliet għar-reġim tal LVNAV MMFs.
(47) L-appoġġ estern mogħti lil MMF ▌bl-għan li tinżamm jew il-likwidità jew l-istabbiltà ▌ jew li de facto jkollu dawn l-effetti jżid ir-riskju ta’ kontaġju bejn is-settur tal-MMF u l-bqija tas-settur finanzjarju. Il-partijiet terzi li jipprovdu tali appoġġ għandhom interess li jagħmlu dan, jew għax ikollhom interess ekonomiku fil-kumpanija maniġerjali li timmaniġġa l-MMF jew għax ikunu jridu jevitaw kwalunkwe dannu għar-reputazzjoni jekk isimhom ikun assoċjat mal-falliment ta’ MMF. Billi dawn il-partijiet terzi ma jintrabtux b’mod espliċitu li jipprovdu jew li jiggarantixxu l-appoġġ, hemm inċertezza dwar jekk tali appoġġ jingħatax meta l-MMF ikun jeħtieġu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-natura diskrezzjonali tal-appoġġ tal-isponsors tikkontribwixxi għall-inċertezza fost il-parteċipanti fis-suq dwar min se jġorr it-telf tal-MMF meta dan iseħħ. Din l-inċertezza x’aktarx tagħmel lill-MMFs saħansitra aktar vulnerabbli għall-assalti bankarji waqt perjodi ta’ instabbiltà finanzjarja, meta r-riskji finanzjarji aktar wiesgħa jkunu l-aktar evidenti u meta jinħoloq tħassib dwar is-saħħa tal-isponsors u l-ħila tagħhom li jipprovdu appoġġ lill-MMFs affiljati. Għal dawn ir-raġunijiet, ▌ l-appoġġ estern lill-MMFs għandu jkun projbit.
(48) Qabel ma jinvestu f’MMF, l-investituri għandhom jiġu infurmati b’mod ċar jekk l-MMF ikunx ta’ natura għal terminu qasir jew ta’ natura standard ▌. Biex jiġu evitati aspettattivi mhux xierqa mill-investitur, irid jiġi ddikjarat ukoll b’mod ċar fi kwalunkwe dokument promozzjonali li l-MMFs mhumiex strument ta’ investiment garantit. ▌
(48a) L-investituri għandhom jiġu infurmati dwar sorsi ta' aċċess għal informazzjoni dwar il-portafoll ta' investiment u l-livelli ta' likwidità tal-MMF.
▌
(50) L-awtorità kompetenti tal-MMF għandha tivverifika jekk MMF huwiex kapaċi jikkonforma ma’ dan ir-Regolament fuq bażi kontinwa. Billi l-awtoritajiet kompetenti diġà huma mogħtija setgħat estensivi bid-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE, huwa meħtieġ li dawn is-setgħat jiġu estiżi sabiex jiġu eżerċitati b’referenza għar-regoli komuni l-ġodda dwar l-MMFs. L-awtoritajiet kompetenti għall-UCITS jew l-AIF għandhom jivverifikaw ukoll il-konformità tal-impriżi kollha ta’ investiment kollettiv li għandhom il-karatteristiċi tal-MMFs li jkunu jeżistu fil-ħin li jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.
(50a) Matul it-tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-impatti fuq l-aspetti ekonomiċi differenti marbuta mal-MMFs. Id-dejn maħruġ jew garantit mill-Istati Membri jirrappreżenta kategorija distinta ta’ investiment li juri karatteristiċi tal-kreditu u tal-likwidità speċifiċi. Barra minn hekk, dejn sovran għandu rwol vitali fl-iffinanzjar tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-evoluzzjoni tas-suq għal dejn sovran maħruġ jew garantit mill-Istati Membri u l-possibilità li jinħoloq qafas speċjali għal MMF li jikkonċentra l-politika ta’ investiment tiegħu fuq dak it-tip ta’ dejn.
(51) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ddelegati fil-qasam tal-proċedura ta’ valutazzjoni interna skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti.
(52) Il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta' implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010[9]. L-ESMA għandha tkun inkarigata mit-tfassil ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għas-sottomissjoni lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ mudell ta’ rapportar li jinkludi informazzjoni dwar l-MMFs għall-awtoritajiet kompetenti.
(53) L-ESMA għandha tkun kapaċi teżerċita s-setgħat kollha mogħtija lilha bid-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE fir-rigward ta’ dan ir-Regolament. Hija inkarigata wkoll mill-iżvilupp ta’ abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni.
(54) ▌Matul it-tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, huwa essenzjali li l-Kummissjoni tanalizza l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-impatti fuq l-aspetti ekonomiċi differenti marbuta mal-MMFs. Din ir-reviżjoni għandha tiffoka fuq l-effett li l-bidliet meħtieġa minn dan ir-Regolament ikollhom fuq l-ekonomija reali u l-istabbiltà finanzjarja.
(55) Ir-regoli uniformi l-ġodda dwar MMFs għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE[10] u r-Regolament (KE) Nru 45/2001[11].
(56) Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu żgurati rekwiżiti prudenzjali li japplikaw għall-MMFs madwar l-Unjoni, filwaqt li tittieħed il-konsiderazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikun hemm bilanċ bejn is-sikurezza u l-kredibbiltà tal-MMFs bl-operat effiċjenti tas-swieq monetarji u l-kost għall-bosta partijiet interessati tagħhom, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant jista', minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
(57) Ir-regoli uniformi l-ġodda dwar l-MMFs jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u josservaw il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-protezzjoni tal-konsumatur, il-libertà tat-twettiq ta’ attivitajiet ekonomiċi u l-protezzjoni ta’ dejta personali. Ir-regoli uniformi l-ġodda dwar l-MMFs għandhom jiġu applikati skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Kapitolu I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-istrumenti finanzjarji eliġibbli għal investiment minn fond tas-suq monetarju (MMF), il-portafoll u l-valutazzjoni tiegħu, u r-rekwiżiti ta' rapportar fir-rigward ta' MMF stabbilit, amministrat jew imqiegħed fis-suq fl-Unjoni.
Dan ir-Regolament japplika għal impriżi ta' investiment kollettiv li:
i. jeħtieġu awtorizzazzjoni bħala UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE jew li huma AIFs skont id-Direttiva 2011/61/UE;
ii.jinvestu f'assi b'terminu qasir ta' żmien;
iii. għandhomgħanijiet distinti jew kumulattivi li joffru redditi konformi mar-rati tas-suq monetarju jew li jippreservaw il-valur tal-investiment.
2. L-Istati Membri ma għandhomx iżidu xi rekwiżit addizzjonali fil-qasam kopert minn dan ir-Regolament.
Artikolu 1aTipi ta' CNAV MMF
Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, CNAV MMFs għandhom joperaw fl-Unjoni biss bħala:
( a) CNAV MMF ta’ Dejn Pubbliku;
(b) CNAV MMF fil-livell tal-Konsumatur; jew
(c) LVNAV MMF.
Ir-referenzi kollha f’dan ir-Regolament għal CNAV MMFs għandhom x’jaqsmu kemm ma’ CNAV MMFs ta' Dejn Pubbliku, CNAV MMFs fil-Livell tal-Konsumatur kif ukoll LVNAV MMFs, ħlief jekk ikun speċifikat mod ieħor.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “assi b'terminu qasir ta' żmien” tfisser assi finanzjarji b'maturità residwa li ma taqbiżx is-sentejn;
(2) “strumenti tas-suq monetarju” tfisser strumenti trasferibbli msemmija fl-Artikolu 2(1)(o) tad-Direttiva 2009/65/KE li normalment jiġu nnegozjati fis-suq monetarju, bħall-kambjali tat-teżor u tal-awtoritajiet lokali, iċ-ċertifikati ta’ depożiti, il-karti kummerċjali, l-aċċettazzjonijiet bankarji jew in-noti għal terminu qasir jew medju ta’ żmien kif ukoll strumenti kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/16/KE;
(3) “titolizzazzjonijiet trasferibbli” tfisser titolizzazzjoni trasferibbli kif iddefinita fl-Artikolu 2(1)(n) tad-Direttiva 2009/65/KE;
(4) “ftehim ta' riakkwist” tfisser kwalunkwe ftehim li fih parti waħda tittrasferixxi titoli jew drittijiet relatati ma' kontroparti, soġġetta għal impenn ta' riakkwist tagħhom bi prezz speċifikat f'data fil-ġejjieni speċifikata jew li għad trid tiġi speċifikata;
(5) “ftehim ta' retroriakkwist” tfisser kwalunkwe ftehim li fih parti minnhom tirċievi titoli, jew xi dritt relatat ma' titlu jew titolu minn kontroparti soġġetta għal impenn li tbiegħhom lura bi prezz speċifikat f'data fil-ġejjieni speċifikata jew li għad trid tiġi speċifikata;
(6) “għoti b'self ta' titoli” u “teħid b'self ta' titoli” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni li fiha istituzzjoni jew il-kontroparti tagħha tittrasferixi titoli soġġetta għal impenn li l-mutwatarju se jrodd lura titoli ekwivalenti f'xi data fil-ġejjieni jew meta jintalab jagħmel hekk mit-trasferitur, bit-tranżazzjoni li tkun għoti b'self ta' titoli għall-istituzzjoni li tittrasferixxi t-titoli u li tkun teħid b'self ta' titoli għall-istituzzjoni li huma ttrasferiti lilha;
(7) “titolizzazzjoni” tfisser titolizzazzjoni kif definita fl-Artikolu 4 (1)(61) tar-Regolament 575/2013[12];
(7a) “titolu garantit minn assi likwidi ta’ kwalità għolja” tfisser titolu garantit minn assi kwalifikat li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru ... li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżit tal-kopertura tal-likwidità għal Istituzzjonijiet ta’ Kreditu abbażi tal-Artikolu 460 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 definit għal speċifikazzjoni uniformi bħala assi trasferibbli eliġibbli ta’ likwidità għolja u ta’ kwalità ta' kreditu għolja skont l-Artikolu 416, il-paragrafu 1(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(8) “dejn korporattiv” tfisser strumenti ta’ dejn maħruġa minn impriża li hija effettivament involuta fil-produzzjoni jew mal-kummerċ ta’ prodotti u servizzi mhux finanzjarji;
(9) “skontil-valur tas-suq” tfisser il-valwazzjoni tal-pożizzjonijiet fi prezzijiet ta' għeluq bil-lest li jinġiebu b'mod indipendenti, inklużi prezzijiet tal-kambju, prezzijiet tal-iskrin jew kwotazzjonijiet minn bosta sensara indipendenti b'reputazzjoni tajba;
(10) “skont mudell” tfisser kwalunkwe valwazzjoni li trid titqabbel ma' punt ta' riferiment, tiġi estrapolata jew tiġi kkalkolata b'xi mod ieħor minn input wieħed jew iktar tas-suq;
(11) “metodu ta' kost amortizzat” tfisser metodu ta' valwazzjoni li jieħu l-kost tal-akkwiżizzjoni ta' assi u jaġġusta dan il-valur għal amortizzazzjoni ta' primjums (jew skontijiet) sal-maturità;
(12) “Fond tas-Suq Monetarju tal-Valur kostanti tal-Assi Netti” (constant net assets value Money Market Fund, CNAV MMF) tfisser fond tas-suq monetarju li jżomm NAV b'valur stabbli għal kull unità jew sehem; fejn id-dħul fil-fond ikun dovut kuljum jew inkella jista' jitħallas lill-investitur, u fejn l-assi ġeneralment jiġu valutati skont il-metodu ta' kost amortizzat jew in-NAV jitqarreb lejn l-eqreb punt perċentwali jew l-ekwivalenti tiegħu f'terminu monetarju;
(12a) “Fond tas-Suq Monetarju tal-Valur Kostanti tal-Assi Netti fil-Livell tal-Konsumatur” (CNAV MMF fil-Livell tal-Konsumatur) tfisser CNAV MMF li hu disponibbli għas-sottoskrizzjoni biss għal karità, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, awtoritajiet pubbliċi u fondazzjonijiet pubbliċi;
(12b) “Volatilità Baxxa tal-Valur tal-Assi Netti tal-Fond tas-Suq Monetarju” (LVNAV MMF) tfisser LVNAV MMF li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 27(1) sa (4);
(13) “MMF għal terminu qasir ta' żmien” tfisser fond tas-suq monetarju li jinvesti f’eliġibbli l-istrumenti ta-suq monetarju msemmija fl-Artikolu 9(1);
(14) “MMF standard” tfisser fond tas-suq monetarju li jinvesti f’eliġibbli l-istrumenti ta-suq monetarju msemmija fl-Artikolu 9(1) u (2);
(15) “istituzzjonijiet ta' kreditu” tfisser istituzzjoni ta' kreditu kif iddefinita fl-Artikolu 4(1)(1) tar-Regolament 575/2013;
(16) “awtorità kompetenti tal-MMF” tfisser:
(a) għall-UCITS, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini tal-UCITS magħżula skont l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2009/65/KE
(b) għall-AIF tal-UE, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini tal-AIF kif definit fl-Artikolu 4(1)(p) tad-Direttiva 2011/61/UE;
(c) għal AIF mhux tal-UE xi wieħed minn dan li ġej:
(i) l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-AIF mhux tal-UE jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni bla passaport;
(ii) l-awtorità kompetenti tal-AIFM tal-UE li jmexxi l-AIF mhux tal-UE, fejn l-AIF mhux tal-UE jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni bla passaport jew ma jitqiegħedx fis-suq tal-Unjoni;
(iii) l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' referenza jekk l-AIF mhux tal-UE ma jkunx immexxi minn AIFM tal-UE u jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni b'passaport;
(17) “Stat Membru ta' oriġini tal-MMF” tfisser l-Istat Membru fejn l-MFF ikun awtorizzat;
(18) “maturità medja peżata (weighter average maturity, WAM)” tfisser it-tul medju ta' żmien għall-maturità legali jew, jekk iqsar, għar-rata tal-imgħax li jmiss issettjata mill-ġdid għal rata tas-suq monetarju, tal-assi sottostanti kollha fil-fond li jirriflettu l-parteċipazzjonijiet relattivi f'kull assi;
(19) “ħajja medja peżata (weighted average life, WAL)” tfisser it-tul medju ta' żmien għall-maturità legali tal-assi kollha sottostanti fil-fond li jirriflettu l-parteċipazzjonijiet relattivi f'kull assi;
(20) “maturità legali” tfisser id-data li fiha l-kapital prinċipali ta' titolu għandu jitħallas lura bis-sħiħ u li mhuwiex soġġett għal xi għażla;
(21) “maturità residwa” tfisser it-tul ta' żmien sal-maturità legali;
(22) “bejgħ bin-nieqes” tfisser il-bejgħ skopert ta' strumenti tas-suq monetarju;
(22a) “CNAV MMF ta’ dejn pubbliku” tfisser CNAV MMF li jinvesti 99.5 % tal-assi tiegħu fi strumenti ta’ dejn pubbliku u, sal-2020, tal-inqas 80 % tal-assi tiegħu fi strumenti ta’ dejn pubbliku tal-UE, CNAV MMFs ta’ dejn pubbliku għandhom jibnu dan l-investiment fid-dejn pubbliku gradwalment;
(22b) “Appoġġ estern” tfisser appoġġ dirett jew indirett offrut minn parti terza, inkluż l-isponsor tal-MMF, li huwa intiż għal, jew li jirriżulta f'garanzija tal-likwidità tal-MMF jew fl-istabbilizzazzjoni tan-NAV għal kull unità jew sehem tal-MMF u għandha tinkludi:
(a) flus kontanti minn parti terza;
(b) ix-xiri minn parti terza tal-assi tal-MMF bi prezz esaġerat;
(c) ix-xiri minn parti terza tal-unitajiet jew l-ishma tal-MMF sabiex tiġi pprovduta likwidità lill-fond;
(d) il-ħruġ minn parti terza ta’ kwalunkwe tip ta’ garanzija, assigurazzjoni jew ittra ta’ appoġġ impliċita jew espliċita għall-benefiċċju tal-MMF;
(e) kwalunkwe azzjoni minn parti terza, li l-objettiv dirett jew indirett tagħha huwa li żżomm il-profil tal-likwidità u n-NAV għal kull unità jew sehem tal-MMF;
(22c) “strumenti ta’ dejn pubbliku tal-UE” tfisser strumenti ta’ dejn pubbliku li jikkonsistu fi flus kontanti, assi pubbliċi tal-Istati Membri jew ftehimiet ta’ riakkwist invers b’dejn pubbliku garantit tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-uffiċċji jew l-aġenziji tagħha, inklużi fost oħrajn il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment, u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi;
(22d) “Strumenti ta' Dejn Pubbliku” tfisser flus kontanti, assi tal-gvern jew ftehimiet ta’ riakkwist invers garantit b’dejn tal-gvern ta’ kwalunkwe emittent sovran eliġibbli, kif determinat mill-maniġer tal-MMF.
Artikolu 3
Awtorizzazzjoni tal-MMFs
1. Ebda impriża ta' investiment kollettiv ma għandha titwaqqaf, titqiegħed fis-suq jew titmexxa fl-Unjoni bħala MMF sakemm ma tkunx ġiet awtorizzata skont dan ir-Regolament.
Din l-awtorizzazzjoni tkun valida għall-Istati Membri kollha.
2. Impriża ta' investiment kollettiv li teħtieġ awtorizzazzjoni bħala UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE tkun awtorizzata bħala MMF bħala parti mill-proċedura ta' awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2009/65/KE.
3. Impriża ta' investiment kollettiv li hija AIF tkun awtorizzata bħala MMF skont il-proċedura ta' awtorizzazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4.
4. Ebda impriża ta' investiment kollettiv ma għandha tkun awtorizzata bħala MMF sakemm l-awtorità kompetenti tal-MMF ma tkunx issodisfata li l-MMF se jkun kapaċi jilħaq ir-rekwiżiti kollha ta' dan ir-Regolament.
5. Għall-fini ta' awtorizzazzjoni, l-MMF jissottometti lill-awtorità kompetenti tiegħu d-dokumenti li ġejjin:
(a) ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni;
(b) identifikazzjoni tal-maniġer;
(c) identifikazzjoni tad-depożitarju;
(d) deskrizzjoni tal-MMF disponibbli għall-investituri, jew kwalunkwe informazzjoni fuqu;
(e) deskrizzjoni tal-arranġamenti u l-proċeduri meħtieġa biex tinżamm konformità mar-rekwiżiti msemmija fil-Kapitoli minn II sa VII, jew kwalunke informazzjoni fuqhom;
(f) kwalunkwe informazzjoni jew dokumenti oħrajn mitlubin mill-awtorità kompetenti tal-MMF biex tiġi verifikata l-konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.
6. Fuq bażi trimestrali, l-awtoritajiet kompetenti jgħarrfu lill-ESMA dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija jew irtirati skont dan ir-Regolament.
7. L-ESMA żżomm reġistru ċentrali pubbliku u fih tidentifika kull MMF awtorizzat skont dan ir-Regolament, it-tipoloġija tiegħu, il-maniġer tiegħu u l-awtorità kompetenti tal-MMF. Ir-reġistru jkun disponibbli f'format elettroniku.
Artikolu 4
Proċedura biex jiġu awtorizzati MMFs tal-AIF
1. AIF ikun awtorizzat bħala MMF biss jekk l-awtorità kompetenti tiegħu approvat l-applikazzjoni ta' AIFM awtorizzat skont id-Direttiva 2011/61/UE biex imexxi l-AIF, ir-regoli tal-fond u l-għażla tad-depożitarju.
2. Meta jissottometti l-applikazzjoni biex imexxi l-AIF, l-AIFM awtorizzat jipprovdi lill-awtorità kompetenti tal-MMF:
(a) bil-ftehim miktub mad-depożitarju;
(b) b'informazzjoni fuq l-arranġamenti ta' delegazzjoni dwar il-portafoll u l-immaniġġar u l-amministrazzjoni tar-riskji fir-rigward tal-AIF;
(c) b'informazzjoni fuq l-istrateġiji ta' investiment, il-profil ta' riskju u karatteristiċi oħrajn tal-AIFs li l-AIFM huwa awtorizzat imexxi.
L-awtorità kompetenti tal-MMF tista' titlob lill-awtorità kompetenti tal-AIFM għal kjarifika u informazzjoni rigward id-dokumentazzjoni msemmija fis-sottoparagrafu ta' qabel jew attestazzjoni dwar jekk l-MMFs jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni ta' tmexxija tal-AIFM. L-awtorità kompetenti tal-AIFM twieġeb fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mit-talba mill-awtorità kompetenti tal-MMF.
3. Kwalunkwe modifika sussegwenti fid-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tiġi notifikata minnufih mill-AIFM lill-awtorità kompetenti tal-MMF.
4. L-awtorità kompetenti tal-MMF tista' tirrifjuta l-applikazzjoni tal-AIFM biss jekk:
(a) l-AIFM ma jikkonformax ma' dan ir-Regolament;
(b) l-AIFM ma jikkonformax mad-Direttiva 2011/61/UE;
(c) l-AIFM mhuwiex awtorizzat mill-awtorità kompetenti tiegħu biex imexxi MMFs;
(d) l-AIFM ma pprovdiex id-dokumentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.
Qabel tirrifjuta applikazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-MMF tikkonsulta lill-awtorità kompetenti tal-AIFM.
5. L-awtorizzazzjoni tal-AIF bħala MMF ma għandhiex tkun soġġetta għal rekwiżit li l-AIF jitmexxa minn AIFM awtorizzat fl-Istat Membru ta' oriġini tal-AIF jew li l-AIFM iwettaq jew jiddelega xi attivitajiet fl-Istat Membru ta' oriġini tal-AIF.
6. L-AIFM jiġi mgħarraf fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni ta' applikazzjoni sħiħa dwar jekk ingħatatx awtorizzazzjoni tal-AIF bħala MMF.
7. L-awtorità kompetenti tal-MMF ma għandhiex tagħti awtorizzazzjoni jekk l-AIF huwa legalment projbit milli jqiegħed fis-suq l-unitajiet jew l-ishma tiegħu fl-Istat Membru ta' oriġini tiegħu.
Artikolu 5
L-użu tad-deżinjazzjoni bħala MMF
1. L-UCITS jew l-AIF jużaw id-deżinjazzjoni "fond tas-suq monetarju" jew "MMF" dwarhom infushom jew l-unitajiet jew l-ishma li joħorġu biss meta l-UCITS jew l-AIF ikunu ġew awtorizzati skont dan ir-Regolament.
L-UCITS jew l-AIF jużaw deżinjazzjoni li tissuġġerixxi fond tas-suq monetarju jew li tuża termini bħal “flus kontanti”, “likwidi”, “flus”, “assi lesti”, “bħal depożiti” jew kliem simili biss fejn ikunu ġew awtorizzaati skont dan ir-Regolament.
2. L-użu tad-deżinjazzjoni "fond tas-suq monetarju", “MMF” jew deżinjazzjoni li tissuġġerixxi MMF jew l-użu ta' termini msemmija fil-paragrafu 1 jinvolvi l-użu tagħha fi kwalunkwe dokument estern jew intern, rapport, dikjarazzjoni, reklam, komunikazzjoni, ittra jew kwalunkwe materjal ieħor indirizzat jew maħsub biex jitqassam lil investituri prospettivi, detenturi ta' unitajiet, azzjonisti jew awtoritajiet kompetenti bil-miktub, b'mod orali, elettroniku jew xi mod ieħor.
Artikolu 6
Regoli applikabbli
1. L-MMF jikkonforma l-ħin kollu mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.
2. L-MMF li jkun UCITS u l-maniġer tiegħu jikkonforma l-ħin kollu mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/65/KE, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor f'dan ir-Regolament.
3. L-MMF li jkun AIF u l-maniġer tiegħu jikkonforma l-ħin kollu mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2011/61/UE, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor f'dan ir-Regolament.
4. Il-maniġer tal-MMF ikun responsabbli milli jiżgura li tinżamm konformità ma' dan ir-Regolament. Il-maniġer ikun responsabbli għal kwalunkwe telf jew ħsara li ġejjin min-nuqqas ta' konformità ma' dan ir-Regolament.
5. Dan ir-Regolament ma għandux iżomm lil MMFs milli japplikaw il-limiti tal-investimenti li huma iktar stretti minn dawk meħtieġa minn dan ir-Regolament.
Kapitolu II
Obbligi li jikkonċernaw il-politiki ta' investiment tal-MMFs
Taqsima I
Regoli ġenerali u assi eliġibbli
Artikolu 7
Prinċipji ġenerali
1. Meta l-MMF ikun fih aktar minn kompartiment wieħed ta' investiment, kull kompartiment jitqies bħala MMF separat għall-finijiet tal-Kapitoli minn II sa VII.
2. L-MMFs awtorizzati bħala UCITS ma għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligi li jikkonċernaw politiki ta' investiment ta' UCITS stabbiliti fl-Artikoli 49, 50, 50a, 51(2), u minn 52 sa 57 tad-Direttiva 2009/65/KE, sakemm ma jiġix speċifikat b'mod espliċitu b'xi mod ieħor f'dan ir-Regolament.
Artikolu 8
Assi eliġibbli
1. L-MMF jinvesti biss f'waħda jew iktar mill-kategoriji li ġejjin ta' assi finanzjarji u dejjem bil-kundizzjonijiet speċifikati f'dan ir-Regolament:
(a) strumenti tas-suq monetarju;
(aa) strumenti finanzjarji maħruġa u ggarantiti individwalment jew b’mod konġunt mill-awtorità ċentrali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri, il-banek ċentrali tagħhom, mill-Istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, inklużi fost l-oħrajn il-Bank Ċentrali Ewropew, jew il-Bank Ewropew tal-Investimenti, il-Fond Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew ġdid għal Investimenti Strateġiċi, kif ukoll il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank tal-Iżvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp;
(b) depożiti ma' istituzzjonijiet ta' kreditu;
(c) strumenti eliġibbli derivati użati esklussivament għal finijiet ta’ hedging;
(d) ftehimiet ta’ riakkwist invers jew ftehimiet ta’ riakkwist, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
i) assi użati bħala kollateral ma’ jinbiegħux, lanqas jerġgħu jiġu investiti jew mirhuna;
(ii) il-ftehim ta’ riakkwist jintuża fuq bażi temporanja u mhux għal finijiet ta’ investiment;
(iii) l-MMF għandu d-dritt itemm il-ftehim fi kwalunkwe ħin wara avviż ta’ mhux aktar minn jumejn ta' xogħol;
(iv) il-flus kontanti li jirċievi l-MMF bħala parti mill-ftehimiet ta’ riakkwist ma’ jaqbżux l-10 % tal-assi tiegħu u ma’ jiġux trasferiti, investiti mill-ġdid jew inkella użati mill-ġdid;
2. L-MMF ma għandux iwettaq xi waħda minn dawn l-attivitajiet:
(a) jinvesti f'assi minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1;
(b) ibigħ bin-nieqes strumenti tas-suq monetarju;
(c) jieħu skopertura diretta jew indiretta għal fondi nnegozjati fil-borża (EFTs), ekwitajiet jew komoditajiet, inkluż permezz ta' derivattivi, ċertifikati li jirrappreżentawhom, indiċijiet ibbażati fuqhom jew xi mezzi jew strumenti oħrajn li jagħtu xi skopertura għalihom;
(d) jidħol fi ftehimiet ta' għoti b'self ta' titoli jew ftehimiet ta' teħid b'self ta' titoli, ▌jew kwalunkwe ftehim ieħor li jkun ta' gravama għall-assi tal-MMF;
(e) jieħu u jagħti b'self flus kontanti.
(ea) jinvesti f'MMFs oħra.
Artikolu 9
Strumenti eliġibbli tas-suq monetarju
1. Strument tas-suq monetarju jkun eliġibbli għal investiment minn MFF diment li jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:
(a) jaqa' f'waħda mill-kategoriji ta' strumenti tas-suq monetarju msemmija fl-Artikolu 50(1)(a), (b), (c) jew (h) tad-Direttiva 2009/65/KE.
(b) juri wieħed mill-karatteristiċi alternattivi li ġejjin:
(i) ikollu maturità legali fil-ħruġ ta' 397 jum jew inqas;
(ii) ikollu maturità residwa ta' 397 jum jew inqas. jew
(iii) huwa eliġibbli bħala titolu garantit minn assi likwidu ta’ kwalità għolja msemmi fl-Artikolu 2(7)(a).
(c) l-emittent tal-istrument tas-suq monetarju ngħata waħda mill-ogħla żewġ gradi ta' klassifikazzjoni interna skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament.
(d) Fil-każ li tieħu l-espożizzjoni għal titolizzazzjoni, din tkun soġġetta għal rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 10.
2. L-MMF standard jitħalla jinvesti fi strument tas-suq monetarju li jġarrab aġġustamenti regolari fil-qligħ b'konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq monetarju kull 397 jum jew fuq bażi iktar spissa filwaqt li ma jkollux maturità residwa li taqbeż is-sentejn.
3. Il-paragrafu 1(c), ma għandux japplika għal strumenti tas-suq monetarju maħruġin jew garantiti minn awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta' Stat Membru, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Unjoni, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jew il-Bank Ewropew tal-Investiment.
Artikolu 10
Titolizzazzjonijiet eliġibbli
1. It-titolizzazzjoni għandha tkun ▌ eliġibbli sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) l-iskopertura sottostanti jew grupp ta’ skoperturi tkun tikkonsisti esklussivament minn dejn eliġibbli u tkun suffiċjentement diversifikata;
(b) id-dejn eliġibbli huwa ta’ kwalità għolja ta’ kreditu u likwidu;
(c) id-dejn eliġibbli sottostanti għandu maturità legali fil-ħruġ ta' 397 jum jew inqas; jew għandu maturità residwa ta' 397 jum jew inqas.
1a. Titoli garantiti b’assi likwidi ta’ kwalità għolja msemmija fl-Artikolu 2(7)(a) għandhom jiġu kkunsidrati bħala titolizzazzjonijiet eliġibbli.
1b. Karti kummerċjali garantiti b’assi għandhom jiġu kkunsidrati bħala titolizzazzjonijiet eliġibbli sakemm dawn huma likwidi kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u li l-iskoperturi sottostanti huma ta' kwalità għolja ta’ kreditu.
2. Il-Kummissjoni għandha, sa [6 xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament] tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44 dwar l-ispeċifikazzjoni tal-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata fir-rigward ta’ kwalunkwe mill-aspetti li ġejjin:
(a) il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi li fihom l-iskopertura sottostanti jew grupp ta’ skoperturi jkun meqjus li jikkonsisti esklussivament f’dejn eliġibbli u jekk jitqiesx li huwa diversifikat biżżejjed;
(b) kundizzjonijiet u limiti numeriċi li jiddeterminaw meta d-dejn sottostanti huwa ta’ kwalità għolja ta’ kreditu u likwidità.
(ba) ir-rekwiżiti ta’ trasparenza tat-titolizzazzjoni u l-assi sottostanti tagħha.
B’hekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsistenza mal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 460 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-Artikolu 135(2) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), u għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi tat-titolizzazzjonijiet b’maturitajiet fil-ħruġ ta’ inqas minn 397 jum.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha, sa [6 xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament] tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-kriterji għall-identifikazzjoni ta’ dejn ta’ kwalità għolja ta’ kreditu u karti kummerċjali garantiti b’assi likwidi fir-rigward tal-paragrafu 1a. B’hekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura konsistenza u appoġġ tal-flussi ta’ ħidma rispettivi tal-EBA.
Artikolu 11
Depożiti eliġibbli ma' istituzzjonijiet ta' kreditu
Depożitu ma' istituzzjoni ta' kreditu jkun eliġibbli għal investiment minn MFF diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) id-depożitu jista' jitħallas lura wara talba jew jista' jiġi prelevat fi kwalunkwe waqt;
(b) id-depożitu jimmatura f'mhux iktar minn 12-il xahar;
(c) l-istituzzjoni ta' kreditu għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru jew, meta l-istituzzjoni ta' kreditu għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f'pajjiż terz hija soġġetta għar-regoli prudenzjali meqjusa ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni b’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 107(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
Artikolu 12
Strumenti finanzjarji derivati eliġibbli
Strument finanzjarju derivattiv għandu jkun eliġibbli għal investiment minn MMF jekk huwa nnegozjat f'suq irregolat imsemmi fl-Artikolu 50(1)(a), (b) jew (c) tad-Direttiva 2009/65/KE jew huwa soġġett għall-obbligu tal-ikklerjar previst fir-Regolament (UE) Nru 648/2012,sakemm ▌ jiġu ssodisfati ▌ l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) is-sottostanti tal-istrument derivattiv tikkonsisti f'rati tal-imgħax, rati tal-kambju, muniti jew indiċijiet li jirrappreżentaw waħda minn dawn il-kategoriji;
(b) l-istrument derivattiv jintuża biss għall-fini ta' hedging tad-durata u r-riskji tal-kambju inerenti għal investimenti oħrajn tal-MMF;
(c) il-kontropartijiet għall-istrumenti derivattivi ▌ huma istituzzjonijiet soġġetti għal regolament u superviżjoni prudenzjali u li jappartjenu għall-kategoriji approvati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' oriġini tal-MMF;
(d) id-derivattivi ▌ huma soġġetti għal valwazzjoni kredibbli u verifikabbli fuq bażi ta' kuljum u jistgħu jinbiegħu, jiġu likwidati jew jingħalqu permezz ta' tranżazzjoni ta' tpaċija fi kwalunkwe żmien bil-valur ġust tagħhom fuq inizjattiva tal-MMF.
Artikolu 13
Ftehimiet ta’ retroriakkwist eliġibbli
1. Ftehim ta' retroriakkwist ikun eliġibbli sabiex MMF jidħol fih dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) l-MMF għandu d-dritt itemm il-ftehim fi kwalunkwe ħin wara li jingħata avviż ta’ mhux aktar minn jumejn xogħol;
(b) il-valur fis-suq tal-assi riċevuti bħala parti mill-ftehim ta' riakkwist invers huwa fil-ħinijiet kollha tal-inqas daqs il-valur tal-flus kontanti distribwiti.
2. L-assi riċevuti mill-MMF bħala parti minn ftehim ta' riakkwist invers ikunu strumenti tas-suq monetarju kif stabbilit fl-Artikolu 9.
3. It-Titolizzazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 10 ma għandhomx ikunu waslu għand l-MMF bħala parti ta’ ftehim ta' retroakkwist. ▌
4. L-assi riċevuti mill-MMF bħala parti minn ftehim ta' riakkwist invers jiġu inklużi għall-fini ta' kalkolu tal-limiti fuq id-diversifikazzjoni u l-konċentrazzjoni stabbiliti f'dan ir-Regolament. Dawn l-assi ma għandhomx jinbiegħu, jerġgħu jiġu investiti, mirhuna jew trasferiti b’xi mod ieħor.
5. B’deroga mill-paragrafu 2, l-MMF jista' jirċievi bħala parti minn ftehim ta’ retroakkwist titolizzazzjonijiet likwidi trasferibbli jew strumenti tas-suq tal-flus minbarra dawk stabbiliti fl-Artikolu 9 sakemm dawk l-assi jkunu konformi ma’ waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) ikunu ta’ kwalità għolja ta’ kreditu u huma maħruġa jew garantiti minn awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta’ Stat Membru, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Unjoni, il-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà, il-Bank Ewropew tal-Investiment;
(b) ikunu maħruġa jew iggarantiti minn awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta’ pajjiż terz, sakemm l-emittent tal-assi tal-pajjiż terz jgħaddi mill-valutazzjoni interna skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli minn 16 sa 19.
L-assi riċevuti bħala parti minn ftehim ta’ tranżazzjoni ta’ retroriakkwist skont l-ewwel subparagrafu jkunu żvelati għall-investituri tal-MMF.
L-assi riċevuti bħala parti minn ftehim ta’ tranżazzjoni ta’ retroriakkwist skont l-ewwel subparagrafu jkunu suġġetti għar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 14 paragrafu 6.
5a. MMF jista’ jissellef jew jidħol fi ftehimiet ta’ riakkwist, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) il-ftehim ta’ riakkwist jintuża fuq bażi temporanja, għal mhux aktar minn sebat ijiem ta' xogħol, u mhux għal finijiet ta’ investiment;
(b) is-somma mill-ftehimiet ta’ riakkwist m’għandhiex taqbeż l-10 % tal-assi tal-MMF ikkonċernat u m’għandhiex tiġi investita f’assi eliġibbli;
(c) l-MMF għandu d-dritt itemm il-ftehim fi kwalunkwe ħin wara avviż ta’ mhux aktar minn jumejn ta' xogħol;
(d) il-kollateral tal-flus kontanti rċevuti għandu jkun biss:
- iddepożitat mal-entitajiet preskritti fl-Artikolu 50(f) tad-Direttiva UCITS;
- investit f’bonds tal-gvern ta’ kwalità għolja;
- użat għall-iskop ta’ tranżazzjonijiet ta’ riakkwist invers sakemm it-tranżazzjonijiet ikunu ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu soġġetti għal superviżjoni prudenzjali u l-UCITS tkun tista’ ġġib lura fi kwalunkwe ħin l-ammont sħiħ ta’ flus kontanti fuq bażi dovuta;
- investit f’fondi tas-suq monetarju fuq terminu qasir ta’ żmien kif definit fil-Linji Gwida dwar Definizzjoni Komuni tal-Fondi tas-Suq Monetarju Ewropew.
Kollateral ta’ flus kontant investiti mill-ġdid għandu jiġi diversifikat skont ir-rekwiżiti ta’ diversifikazzjoni applikabbli għal kollateral mhux ta’ flus kontanti. Il-prospett għandu jinforma b’mod ċar lill-investituri dwar il-politika tal-kollateral tal-UCITS, inkluż, fil-każ ta’ kollateral ta’ flus kontanti, il-politika ta’ investiment mill-ġdid fil-UCITS u r-riskji li jirriżultaw minn dan.
▌
Taqsima II
Dispożizzjonijiet fuq Politiki tal-Investiment
Artikolu 14
Diversifikazzjoni
1. L-MMF ma għandux jinvesti iktar minn 5 % tal-assi tiegħu f'xi wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) strumenti tas-suq monetarju maħruġin mill-istess korp;
(b) depożiti li saru mal-istess istituzzjoni ta' kreditu;
2. L-aggregat tal-iskoperturi kollha għal titolizzazzjonijiet ma għandux jaqbeż l-10 % tal-assi ta’ MMF.
3. L-iskopertura ta' riskju aggregat għall-istess kontroparti tal-MMF li ġejja minn tranżazzjonijiet derivattivi ▌ ma għandhiex taqbeż il-5 % tal-assi tiegħu.
4. L-ammont aggregat ta' flus kontanti pprovdut lill-istess kontroparti tal-MMF fi ftehimiet ta' riakkwist invers ma għandux jaqbeż l-10 % tal-assi tiegħu.
5. Minkejja l-limiti individwali stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3, fejn dan ikun iwassal għal investiment ta' iktar minn 8 % tal-assi tiegħu f'korp individwali, la MMF ta' dejn pubbliku u lanqas MMF standard m'għandhom iħalltu bejn dawn li ġejjin:
(a) investimenti fi strumenti tas-suq monetarju maħruġin minn dak il-korp;
(b) depożiti li saru minn dak il-korp;
(c) strumenti finanzjarji derivati ▌li jġibu skopertura għar-riskju tal-kontroparti lil dak il-korp.
6. Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1(a), awtorità kompetenti tista' tawtorizza lill-MMF biex jinvesti skont il-prinċipju ta' tifrix tar-riskju sa 100 % tal-assi tiegħu fi strumenti tas-suq monetarju differenti maħruġin jew garantiti minn awtorità ċentrali, reġjonali jew lokali jew bank ċentrali ta' Stat Membru, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Unjoni, il-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbiltà jew il-Bank Ewropew tal-Investiment, awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta' pajjiż terz, jew minn korp pubbliku internazzjonali li għalih jappartjeni Stat Membru wieħed jew iktar.
L-ewwel sottoparagrafu japplika biss fejn jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:
(a) l-MMF ikollu strumenti tas-suq monetarju minn tal-inqas sitt ħarġiet differenti mill-emittent rispettiv;
(b) l-MMF jillimita l-investiment fi strumenti tas-suq monetarju mill-istess ħarġa sa massimu ta' 30 % tal-assi tiegħu;
(c) l-MMF isemmi b'mod espliċitu fir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni l-awtorità jew l-awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali jew banek ċentrali ▌tal-Istati Membri, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Unjoni, il-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbiltà jew il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta’ pajjiż terz, strumenti ta' dejn pubbliku, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, il-Bank tal-Iżvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, kwalunkwe organizzazzjoni pubblika internazzjonali oħra li għaliha jappartjeni Stat Membru wieħed jew iktar li qed joħorġu jew jiggarantixxu strumenti tas-suq monetarju li fih beħsiebu jinvesti iktar minn 5 % tal-assi tiegħu;
(d) l-MMF jinkludi dikjarazzjoni prominenti fil-prospectus u l-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni tiegħu fejn jiġbed l-attenzjoni lejn l-użu ta’ din id-deroga u jindika l-awtorità jew l-awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali jew banek ċentrali ta' Stati Membri, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Unjoni, il-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbiltà jew il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta’ pajjiż terz, il-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, jew kwalunkwe organizzazzjoni pubblika internazzjonali oħra li għaliha jappartjeni Stat Membru wieħed jew iktar li qed joħorġu jew jiggarantixxu strumenti tas-suq monetarju li fih beħsiebu jinvesti iktar minn 5 % tal-assi tiegħu;
7. Kumpaniji li jkunu inklużi fl-istess grupp għall-fini ta' kontijiet konsolidati, kif irregolat mid-Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE[13] jew f'konformità mar-regoli internazzjonali rikonoxxuti dwar il-kontabbiltà, jitqiesu bħala korp wieħed għall-fini ta' kalkolu tal-limiti msemmija fil-paragrafi minn 1 sa 5.
Artikolu 15
Konċentrazzjoni
1. L-MMF ma jistax ikollu iktar minn 5 % tal-istrumenti tas-suq monetarju maħruġin minn korp wieħed.
2. Il-limitu stabbilit fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għal parteċipazzjonijiet ta' strumenti tas-suq monetarju maħruġin jew garantiti minn awtorità ċentrali, reġjonali jew lokali jew bank ċentrali ta' Stat Membru, il-Bank Ċentrali Ewropew, l-Unjoni, il-mekkaniżmu Ewropew ta' stabbiltà jew il-Bank Ewropew tal-Investiment, awtorità ċentrali jew bank ċentrali ta' pajjiż terz, jew minn korp pubbliku internazzjonali li għalih jappartjeni Stat Membru wieħed jew iktar.
TAQSIMA III
KWALITÀ TAL-KREDITU TA' STRUMENTI TAS-SUQ MONETARJU
Artikolu 16
Proċedura interna ta' valutazzjoni
1. Il-maniġer tal-MMF jistabbilixxi, jimplimenta u japplika ▌ proċedura prudenti ▌ ta' valutazzjoni interna sabiex tiġi determinata l-kwalità tal-kreditu tal-istrumenti tas-suq monetarju, filwaqt li jieħu f'kunsiderazzjoni l-emittent tal-istrument u l-karatteristiċi tal-istrument innifsu.
1a. Il-maniġer tal-MMF għandu jiżgura li l-informazzjoni użata meta tiġi applikata l-proċedura tal-valutazzjoni interna tkun ta' kwalità suffiċjenti, aġġornata u li ġejja minn sorsi kredibbli.
2. Il-proċedura ta' valutazzjoni interna tkun ibbażata fuq metodoloġiji prudenti, ▌ sistematiċi u kontinwi ta' assenjament. Il-metodoloġiji użati għandhom ikunu soġġetti għal validazzjoni mill-maniġer tal-MMF fuq il-bażi ta' esperjenza storika u evidenza empirika, inkluż ittestjar retrospettiv.
3. Il-proċedura ta’ valutazzjoni tikkonforma mal-prinċipji ġenerali li ġejjin:
(a) din għandha tistabbilixxi proċess effettiv biex jikseb u jaġġorna informazzjoni rilevanti fuq il-karatteristiċi tal-emittent;
(b) il-maniġer tal-MMF għandu jadotta u jimplimenta miżuri adegwati biex jara li l-valutazzjoni tal-kreditu hija bbażata fuq analiżi ▌ tal-informazzjoni ▌ li hija disponibbli u pertinenti u li jinkludi l-fatturi xprunaturi rilevanti kollha li jinfluwenzaw l-kredibbiltà kredizja tal-emittent;
(c) il-maniġer tal-MMF jissorvelja l-proċedura interna ta’ valutazzjoni tiegħu fuq bażi kontinwa u jirrevedi l-valutazzjonijiet kollha tal-kreditu tal-inqas kull sitt xhur. Dan il-maniġer jerġa' jqis il-valutazzjoni interna kull darba li sseħħ bidla materjali li tista' tħalli impatt fuq il-valutazzjoni tal-kreditu tal-emittent tiegħu.
(d) meta japplika l-proċedura interna ta’ valutazzjoni tiegħu, maniġer ta’ MMF għandu jagħmel dan suġġett għal, u skont, ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu;
(e) il-metodoloġiji ta' valutazzjoni tal-kreditu għandhom jiġu riveduti mill-maniġer tal-MMF tal-inqas kull sitt xhur biex jiġi ddeterminat jekk jibqgħux xierqa għall-kundizzjonijiet attwali esterni u tal-portafoll u din ir-reviżjoni għandha tiġi trażmessa lill-awtoritajiet kompetenti.
(f) meta jinbidlu l-metodoloġiji, il-mudelli jew is-suppożizzjonijiet tal-klassifikazzjoni ewlenin użati fil-proċeduri ta' valutazzjoni interna, il-maniġer ta' MMF għandu jirrevedi l-valutazzjonijiet tal-kreditu interni affettwati kollha malajr kemm jista' jkun▌;
(g) il-valutazzjonijiet tal-kreditu interni u r-reviżjonijiet perjodiċi tagħhom mill-maniġer ta' MMF ma għandhomx jitwettqu minn persuni inkarigati jew responsabbli għall-immaniġġar tal-portafoll tal-MMF.
Artikolu 17
Proċedura interna ta' valutazzjoni tal-kreditu
1. Kull emittent ta' strument tas-suq monetarju li fih MMF ikun beħsiebu jinvesti ssirlu valutazzjoni tal-kreditu skont il-proċedura ta' valutazzjoni tal-kreditu stabbilita f'konformità mal-proċedura ta' valutazzjoni interna.
2. L-istruttura tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-kreditu tikkonforma mal-prinċipji ġenerali li ġejjin:
(a) il-proċedura għandha tikkunsidra kwantifikazzjoni tar-riskju ta’ kreditu tal-emittent filwaqt li tqis ir-riskju relattiv ta’ inadempjenza;
(b) il-proċedura għandha tikkunsidra r-riskju ta’ kreditu ta’ emittent u tiddokumenta l-kriterji użati biex tiddetermina l-livell ta’ riskju ta’ kreditu▌;
(c) il-proċedura tqis in-natura ta' terminu qasir ta' żmien tal-istrumenti tas-suq monetarju.
3. Il-valutazzjoni tal-kreditu kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq kriterji li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
(a) jinvolvu tal-inqas indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi fuq l-emittent tal-istrument, u s-sitwazzjoni makroekonomika u tas-suq finanzjarju;
(b) jirreferu għall-valuri referenzjarji numeriċi u kwalitattivi komuni użati biex jiġu vvalutati l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi;
(c) ikunu adegwati għat-tip partikolari ta' emittent. Issir distinzjoni bejn tal-inqas it-tipi li ġejjin ta' emittenti: sovrani, awtorità pubblika reġjonali jew lokali, korporazzjonijiet finanzjarji, u korporazzjonijiet mhux finanzjarji.
(d) F’każ ta’ skopertura għal titolizzazzjonijiet, iqisu r-riskju tal-kreditu tal-emittent, l-istruttura tat-titolizzazzjoni u r-riskju tal-kreditu tal-assi sottosanti.
Artikolu 18
Dokumentazzjoni
1. Il-maniġer tal-MMF jiddokumenta l-proċedura ta' valutazzjoni interna u s-sistema ta' klassifikazzjoni interna tiegħu. Id-dokumentazzjoni tinkludi:
(a) id-disinn u d-dettalji operazzjonali tal-proċeduri ta' valutazzjoni interna u s-sistemi interni ta' klassifikazzjoni tiegħu b'tali mod li l-awtorità kompetenti tkun tista' tifhem l-assenjament għal gradi speċifiċi u biex tiġi evalwata l-adegwatezza ta' assenjament għal grad;
(b) il-ħsieb għal u l-analiżi li ssostni l-għażla tal-maniġer tal-kriterji ta' klassifikazzjoni u l-frekwenza ta' rieżami tiegħu. Din l-analiżi tinkludi l-parametri, il-mudell u l-limiti tal-mudell użat biex jingħażlu l-kriterji ta' klassifikazzjoni;
(c) il-bidliet ewlenin kollha fil-proċedura ta' valutazzjoni interna, inkluża l-identifikazzjoni tal-ixkattaturi tal-bidliet;
(d) l-organizzazzjoni tal-proċedura ta' valutazzjoni interna, inkluż il-proċess ta' assenjament tal-klassifikazzjoni u l-istruttura interna ta' kontroll;
(e) l-informazzjoni interna sħiħa dwar il-klassifikazzjonijiet fl-imgħoddi fuq l-emittenti u l-garanti rikonoxxuti;
(f) id-dati tal-assenjament tal-klassifikazzjonijiet interni;
(g) id-dejta u l-metodoloġija ewlenin użati biex tinħareġ klassifikazzjoni interna, inklużi suppożizzjonijiet ta' klassifikazzjoni ewlenin;
(h) il-persuna jew persuni responsabbli għall-assenjament tal-klassifikazzjoni interna.
2. Il-proċedura ta' valutazzjoni interna tiġi dettaljata fir-regoli tal-fond jew ir-regoli ta' inkorporazzjoni tal-MMF u d-dokumenti kollha msemmija fil-paragrafu 1 ikunu disponibbli fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti tal-MMFs u l-awtoritajiet kompetenti tal-maniġer tal-MMF.
Artikolu 19
Atti delegati
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa sabiex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44, billi tispeċifika dawn il-punti li ġejjin:
(a) il-kundizzjonijiet li fihom il-metodoloġiji ta' assenjamnet jitqiesu prudenti, rigorużi, sistematiċi u kontinwi u l-kundizzjonijiet tal-validazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 16(2);
(b) id-definizzjonijiet ta’ kull grad rigward il-kwantifikazzjoni tar-riskju tal-kreditu ta’ emittent imsemmija fl-Artikolu 17(2)(a), u l-kriterji li jiddeterminaw il-kwantifikazzjoni tar-riskju tal-kreditu msemmija fl-Artikolu 17(2)(b);
(c) il-valuri ta’ referenza preċiżi għal kull indikatur kwalitattiv u l-valuri numeriċi ta’ referenza għal kull indikatur kwantitattiv. Dawn il-valuri ta’ referenza tal-indikaturi jiġu speċifikati għal kull grad ta' klassifikazzjoni filwaqt li jitqiesu l-kriterji fl-Artikolu 17(3);
(d) it-tifsira ta' bidla materjali kif imsemmija fl-Artikolu 16(3)(c).
Artikolu 20
Governanza tal-valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu
1. Il-proċeduri ta' valutazzjoni interna jiġu approvati mill-maniġment superjuri, il-korp governattiv, u, fejn tkun teżisti, il-funzjoni superviżorja tal-maniġer tal-MMF.
Dawn il-partijiet ikollhom fehim tajjeb tal-proċeduri ta' valutazzjoni interna, is-sistemi ta' klassifikazzjoni interna u l-metodoloġiji ta' assenjament tal-maniġer u fehim dettaljat tar-rapporti assoċjati.
2. Analiżi bbażata fuq il-klassifikazzjonijiet interni tal-profil ta' riskju ta' kreditu tal-MMF tkun parti essenzjali mir-rapportar lill-partijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Ir-rapportar jinkludi bħala minimu l-profil ta' riskju skont il-grad, il-migrazzjoni bejn il-gradi, stima tal-parametri rilevanti għal kull grad, u paragun tar-rati ta' inadempjenza realizzati. Il-frekwenzi tar-rapportar jiddependu fuq l-importanza u t-tip ta' informazzjoni u tal-inqas ir-rapportar jsir darba fis-sena.
3. Fuq bażi kontinwa, il-maniġment superjuri jara li l-proċedura ta' valutazzjoni interna qed taħdem kif suppost.
Il-maniġment superjuri jiġi mgħarraf b'mod regolari dwar kif sejjer il-proċess ta' valutazzjoni interna, l-oqsma fejn instabu nuqqasijiet, u l-qagħda tal-isforzi u l-azzjonijiet meħuda biex jittejbu nuqqasijiet identifikati qabel.
Kapitolu III
Obbligi li jikkonċernaw l-immaniġġar tar-riskji tal-MMFs
Artikolu 21
Regoli tal-portafoll għall-MMFs b'terminu qasir ta' żmien
L-MMF għal terminu qasir ta' żmien jikkonforma l-ħin kollu mar-rekwiżiti kollha li ġejjin tal-portafoll:
(a) il-portafoll tiegħu jkollu maturità peżata medja (weighted average maturity, WAM) ta' mhux iktar minn 60 jum;
(b) il-portafoll tiegħu jkollu ħajja medja peżata (weighted average life, WAL) ta' mhux iktar minn 120 jum;
(c) tal-inqas 10 % tal-assi tiegħu jkunu msawra minn assi li jimmaturaw kuljum. L-MMF għal terminu qasir ta' żmien ma għandux jixtri xi assi minbarra assi li jimmaturaw f'jum meta t-tali xiri jkun jirriżulta f'investiment mill-MMF għal mien qasir ta' inqas minn 10 % tal-portafoll tiegħu f'assi li jimmaturaw kuljum;
(d) tal-inqas 20 % tal-assi tiegħu jkunu msawra minn assi li jimmaturaw kull ġimgħa. L-MMF għal terminu qasir ta' żmien ma għandux jixtri xi assi oħra minbarra assi li jimmaturaw kull ġimgħa meta t-tali xiri jkun jirriżulta f'investiment mill-MMF għal terminu qasir ta' żmien ta' inqas minn 20 % tal-portafoll tiegħu f'assi li jimmaturaw kull ġimgħa. Għall-fini ta’ dan il-kalkolu, strumenti tas-suq monetarju jistgħu jiġu nklużi fi ħdan assi li jimmaturaw kull ġimgħa sa 5 % sakemm ikunu jistgħu jinbiegħu għas-saldu fi żmien il-ħamest ijiem ta’ xogħol li jkun imiss.
(da) Ir-rekwiżiti ta’ likwidità ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa msemmija fil-paragrafi (c) u (d) għandhom jiġu miżjuda rispettivament bi:
- 5 % tal-assi tal-MMF ivvalutati bl-użu tal-kontabilità tal-kost amortizzat;
- 10 % tal-assi tal-MMF ivvalutati bl-użu tal-kontabilità tal-kost amortizzat.
Artikolu 22
Regoli tal-portafoll għall-MMFs standard
1. L-MMF standard jikkonforma mar-rekwiżiti kollha li ġejjin tal-portafoll:
(a) il-portafoll tiegħu jkollu l-ħin kollu WAM ta' mhux iktar minn sitt xhur;
(b) il-portafoll tiegħu jkollu l-ħin kollu WAL ta' mhux iktar minn 12-il xahar;
(c) tal-inqas 10 % tal-assi tiegħu jkunu msawra minn assi li jimmaturaw kuljum. L-MMF standard ma għandux jixtri xi assi minbarra assi li jimmatura kuljum meta t-tali xiri jkun jirriżulta f'investiment mill-MMF standard ta' inqas minn 10 % tal-portafoll tiegħu f'assi li jimmaturaw kuljum;
(d) tal-inqas 20 % tal-assi tiegħu jkunu msawra minn assi li jimmaturaw kull ġimgħa. L-MMF standard ma għandux jixtri xi assi oħra minbarra assi li jimmaturaw kull ġimgħa meta t-tali xiri jkun jirriżulta f'investiment mill-MMF standard ta' inqas minn 20 % tal-portafoll tiegħu f'assi li jimmaturaw kull ġimgħa. Għall-fini ta’ dan il-kalkolu, strumenti tas-suq monetarju jistgħu jiġu inklużi fi ħdan assi li jimmaturaw kull ġimgħa sa 5 % sakemm ikunu jistgħu jinbiegħu għas-saldu fi żmien il-ħamest ijiem ta’ xogħol li jkun imiss.
(da) Ir-rekwiżiti ta’ likwidità ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa msemmija fil-paragrafi (c) u (d) għandhom jiġu miżjuda rispettivament bi:
- 5 % tal-assi tal-MMF ivvalutati bl-użu tal-kontabilità tal-kost amortizzat;
- 10 % tal-assi tal-MMF ivvalutati bl-użu tal-kontabilità tal-kost amortizzat.
2. L-MMF standard jista’ jinvesti mhux aktar minn 10 % tal-assi tiegħu fi strumenti tas-suq tal-flus maħruġa minn korp wieħed.
3. Minkejja l-limiti individwali stabbiliti fil-paragrafu 2, u permezz ta’ deroga, MMF standard jista' jikkumbina, fejn dan ikun iwassal għal investiment ta’ aktar minn 15 % tal-assi tiegħu f'korp wieħed, kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) investimenti fi strumenti tas-suq monetarju maħruġin minn dak il-korp;
(b) depożiti li saru minn dak il-korp;
(c) strumenti finanzjarji derivati ▌li jġibu skopertura għar-riskju tal-kontroparti lil dak il-korp.
4. L-assi kollha fil-portafoll li MMF standard jinvesti f’skont il-paragrafi 2 u 5 jiġu żvelati lil investituri tal-MMF.
5. L-MMF standard ma għandux ikun fil-forma ta' CNAV MMF.
Artikolu 23
Klassifikazzjonijiet tal-kreditu tal-MMF
Meta MMF ifittex klassifikazzjoni esterna tal-kreditu, din għandha tkun soġġetta għal, u mwettqa f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu.
Artikolu 24
IIl-politika "Kun af il-klijent"
1. Il-maniġer tal-MMF jistabbilixxi, jimplimenta u japplika proċeduri u jeżerċita d-diliġenza kollha biex jidentifika n-numru ta’ investituri f'MMF, il-ħtiġijiet u l-imġiba tagħhom, l-ammont tal-parteċipazzjonijiet tagħhom bl-għan li jantiċipa sew l-effett ta’ tifdijiet simultanji minn bosta investituri, billi tal-inqas jikkunsidra t-tip ta’ investituri, l-għadd ta’ ishma fil-fond ta’ proprjetà ta’ investitur waħdieni u l-evoluzzjoni tal-flussi ta’ dħul u ta’ ħruġ. Għal dan il-għan, bħala minimu l-maniġer tal-MMF iqis il-fatturi li ġejjin:
(a) xejriet identifikabbli fil-ħtiġijiet ta' flus kontanti tal-investitur;
(b) it-tip ta’ investitur;
(c) l-averżjoni għar-riskju tal-investituri differenti;
(d) il-grad ta' korrelazzjoni jew rabtiet mill-qrib bejn investituri differenti fl-MMF;
(da) l-evoluzzjoni ċiklika tal-għadd ta’ ishma fl-MMF.
1a. Meta l-investituri tal-MMF jidderieġu l-investimenti tagħhom permezz ta’ intermedjarju, il-maniġer tal-MMF għandu jfittex, u l-intermedjarju għandu jipprovdi, dejta li tippermetti li l-maniġer tal-MMF jimmaniġġja b’mod xieraq il-likwidità u l-konċentrazzjoni tal-investitur tal-MMF.
2. Il-maniġer tal-MMF jiżgura li:
(a) il-valur tal-unitajiet jew ishma miżmuma minn investitur waħdieni ma jaqbiżx, fi kwalunkwe ħin, il-valur tal-maturazzjoni ta’ kuljum valur tal-assi;
(b) il-fidi minn investitur ma tħallix impatt b'mod materjali fuq il-profil ta' likwidità tal-MMF.
Artikolu 25
Ittestjar tal-istress
1. Għal kull MMF ikun hemm fis-seħħ proċessi sodi ta' ttestjar tal-istress li jippermettu li jiġu identifikati avvenimenti jew bidliet possibbli fil-ġejjieni fil-kundizzjonijiet ekonomiċi li jistgħu jħallu effetti mhux favorevoli fuq l-MMF. Il-maniġer tal-MMF iwettaq b'mod regolari testijiet tal-istress u jiżviluppa pjanijiet ta' azzjoni għal xenarji possibbli differenti. Barra minn hekk, fil-każ ta' LVNAV MMFs, it-testijiet tal-istress jagħtu stima għal xenarji differenti tad-differenza bejn in-NAV kostanti għal kull unità jew sehem u n-NAV attwali għal kull unità jew sehem.
It-testijiet tal-istress ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u jqisu l-effetti ta' xenarji plawżibbli severi. Ix-xenarji ta' testijiet tal-istress tal-inqas jieħdu f'kunsiderazzjoni l-parametri ta' referenza, li jinkludu l-fatturi li ġejjin:
(a) bidliet ipotetiċi fil-livell ta' likwidità tal-assi miżmuma fil-portafoll tal-MMF;
(b) bidliet ipotetiċi fil-livell ta' riskju ta' kreditu tal-assi miżmuma fil-portafoll tal-MMF, inklużi eventi ta' kreditu u event ta' klassifikazzjoni;
(c) ċaqliq ipotetiku tar-rati tal-imgħax;
(d) livelli ipotetiċi ta' tpaċija;
(da) twessigħ jew djuq ipotetiku tal-firxiet fost l-indiċijiet li magħhom huma marbutin ir-rati tal-imgħax tat-titoli ta’ portafoll;
(db) xokkijiet makrosistemiċi ipotetiċi li jaffettwaw l-ekonomija ġenerali.
2. Barra minn hekk, fil-każ ta' CNAV MMFs ta' dejn pubbliku u ta' CNAV MMFs fil-livell tal-Konsumatur, it-testijiet tal-istress jagħtu stima fix-xenarji differenti tad-differenza bejn in-NAV kostanti għal kull unità jew sehem u n-NAV għal kull unità jew sehem. Abbażi tar-riżultat tat-test tal-istress, il-maniġer tal-MMF għandu jiżviluppa pjanijiet ta' rkupru għal xenarji possibbli differenti. Dawn il-pjanijiet ta' rkupru għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti.
▌
4. It-testijiet tal-istress isiru bi frekwenza determinata mill-bord tad-diretturi ▌ tal-MMF, wara li jiġi kkunsidrat x'inhu intervall xieraq u raġonevoli fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq u wara li tiġi kkunsidrata kwalunkwe bidla prevista fil-portafoll tal-MMF. Din il-frekwenza għandha tkun tal-inqas kull tliet xhur.
4a. Meta t-test tal-istress juri xi vulnerabbiltà tal-MMF, il-maniġer tal-MMF għandu jieħu azzjoni biex isaħħaħ ir-robustezza tal-MMF, inklużi azzjonijiet li jsaħħu l-likwidità jew il-kwalità tal-assi tal-MMF u immedjatament għandu jinforma lill-awtorità kompetenti dwar il-miżuri meħuda.
5. Rapport estensiv bir-riżultati tat-testijiet tal-istress flimkien ma pjan ta' azzjoni propost jiġu ppreżentati għal analiżi lill-bord tad-diretturi tal-maniġer tal-MMF. Il-bord tad-diretturi jemenda l-pjan ta' azzjoni propost jekk ikun hemm bżonn, u japprova l-pjan ta' azzjoni finali. Ir-rapport għandu jinżamm għall-perjodu ta' mill-inqas ħames snin.
▌
6. Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 5 jiġi ppreżentat lill-awtorità kompetenti tal-maniġer u tal-MMF. L-awtoritajiet kompetenti jibagħtu r-rapport lill-ESMA.
▌
KAPITOLU IV
Regoli ta' valwazzjoni u Trattament Kontabilistiku
Artikolu 26
Valwazzjoni tal-assi tal-MMF
1. L-assi tal-MMF jiġu vvalutati mill-inqas fuq bażi ta’ kuljum. Ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni għandu jkun ippubblikat kuljum fuq il-websajt tal-MMF. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27(4)(a) u (b) l-evalwazzjoni għandha titwettaq minn parti terza indipendenti li tuża metodi ta’ evalwazzjoni skont il-valur tas-suq jew evalwazzjoni skont mudell. Dan m’għandux isir mill-MMF innifsu, mill-maniġer tal-assi relatati tiegħu jew mill-isponsor tiegħu.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27(4b) l-assi ta’ MMF jiġu vvalutati bl-użu ta’ evalwazzjoni skont il-valur fis-suq.
3. Meta jintuża metodu ta' evalwazzjoni skont il-valur tas-suq, l-assi jiġu vvalutati mil-lat l-aktar prudenti ta’ offerta sakemm l-istituzzjoni tkun tista' tikkwota prezz medju. Meta jintuża metodu ta’ evalwazzjoni skont il-valur tas-suq, tintuża biss dejta ta’ kwalità dwar is-suq pprovduta minn bejjiegħa tal-ipprezzar indipendenti rikonoxxuti sakemm ma tkunx ta’ ħsara bla bżonn għas-saldu fl-istess jum. Il-kwalità tad-dejta dwar is-suq tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-fatturi kollha li ġejjin:
(a) in-numru u l-kwalità tal-kontropartijiet;
(b) il-volum u l-introjtu ta’ dak l-assi fis-suq;
(c) id-daqs tal-ħruġ u l-porzjon tal-ħruġ li jippjana li jixtri jew ibiegħ l-MMF.
4. Meta ma jkunx possibbli l-użu ta’ metodu ta’ evalwazzjoni skont il-valur fis-suq jew id-dejta dwar is-suq ma tkunx ta’ kwalità suffiċjenti, l-assi tal-MMF jiġi vvalutat b’mod konservattiv bl-użu tal-metodu tal-evalwazzjoni skont mudell. Il-mudell jistma b’mod preċiż il-valur intrinsiku tal-assi, fuq il-bażi tal-fatturi ewlenin aġġornati li ġejjin:
(a) il-volum u l-introjtu ta’ dak l-assi fis-suq;
(b) id-daqs tal-ħruġ u l-porzjon tal-ħruġ li jippjana li jixtri jew ibiegħ l-MMF;
(c) ir-riskju tas-suq, ir-riskju tar-rata tal-imgħax u r-riskju tal-kreditu marbut mal-assi.
Meta jintuża metodu ta’ valutazzjoni skont mudell il-metodu tal-evalwazzjoni tal-kost amortizzat m’għandux jintuża.
Meta ssir evalwazzjoni skont mudell, tista’ tintuża biss dejta tal-ipprezzar provduta minn bejjiegħa tal-ipprezzar indipendenti u rikonoxxuti u l-metodoloġija tal-ipprezzar tal-mudell għandha tkun soġġetta għal approvazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-MMF.
5. B’deroga mill-paragrafi 1-4, l-assi tas-CNAV MMF ta’ dejn pubbliku u CNAV MMF fil-livell tal-Konsumatur jistgħu jiġu vvalutati bl-użu tal-metodu tal-kost amortizzat għall-evalwazzjoni tal-assi.
Artikolu 27
Kalkolazzjoni tan-NAV għal kull unità jew sehem
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(13b),in-NAV attwali għal kull unità jew sehem jiġi kkalkolat bħala d-differenza bejn is-somma tal-assi kollha ta’ MMF u s-somma tal-obbligazzjonijiet kollha tal-MMF u għandu jiġi vvalutat skont il-metodi ▌ tal-valur fis-suq jew skont mudell, diviżi bin-numru ta’ unitajiet jew ishma pendenti tal-MMF.
L-ewwel subparagrafu għandu japplika għall-MMFs kollha inklużi LVNAV MMFs, CNAV MMFs ta’ dejn pubbliku u CNAV MMFs fil-livell tal-Konsumatur.
2. In-NAV attwali għal kull unità jew sehem jiġi arrotondat għall-eqreb punt bażi jew l-ekwivalenti tiegħu meta n-NAV jiġi ppubblikat f’unità monetarja.
3. In-NAV attwali għal kull unità jew sehem tal-MMF jiġi kkalkolat mill-inqas kuljum.
4. Barra minn hekk biex ikun ikkalkulat in-NAV għal kull unità jew sehem attwali skont il-paragrafi 1 sa 3, LVNAV MMF jista' wkoll juri NAV kostanti għal kull unità jew sehem sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) l-użu tal-metodu tal-kost amortizzat għall-evalwazzjoni għal assi b’maturità residwa ta’ inqas minn 90 jum; l-assi kollha b’maturità residwa ta’ aktar minn 90 jum għandhom ikunu pprezzati bl-użu ta’ evalwazzjoni tal-prezzijiet skont il-valur tas-suq jew skont mudell;
(b) għal skopijiet ta’ evalwazzjoni l-assi huma mqarrba għal żewġ punti deċimali sakemm in-NAV kostanti għal kull unità jew sehem ma tiddevjax min-NAV attwali tagħha b’aktar minn 20 punt bażi u sa erba’ postijiet deċimali minn hemm’ il quddiem;
(c) tifdi jew tabbona f’NAV kostanti għal kull unità jew sehem sakemm dik in-NAV kostanti għal kull unità jew sehem ma tiddevjax minn NAV attwali tagħha b’aktar minn 20 punt bażi;
(d) tifdi jew tabbona NAV attwali għal kull unità jew sehem b'aġġustament sa 4 ċifri wara l-punt deċimali, jew inqas meta n-NAV kostanti tiddevja min-NAV attwali b’aktar minn 20 punt bażi;
(e) l-investituri potenzjali jkunu mgħarrfa b’mod ċar bil-miktub qabel il-konklużjoni tal-kuntratt dwar iċ-ċirkustanzi li fihom il-Fond mhux se jifdi jew jabbona f’NAV kostanti;
(f) id-differenza bejn in-NAV kostanti għal kull unità jew sehem u n-NAV attwali għal kull unità jew sehem tiġi mmonitorjata kontinwament u ppubblikata fuq il-websajt tal-MMF kuljum.
5. Erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi tal-impatt u l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament inkluża l-frekwenza ta’ mekkaniżmi ta’ salvagwardja impjegati kif imsemmi fl-Artikolu 27(4)(d) u tippreżentaha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Awtorizzazzjonijiet mogħtija lil LVNAV fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandhom jiskadu ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk LVNAV MMF indirizzax b'mod xieraq jew le kwalunkwe riskju sistemiku kif ukoll kwalunkwe theddida għall-istabbiltà finanzjarja ta’ parti mis-sovrastruttura jew tas-sistema kollha tal-Unjoni. F’konformità mar-riżultati ta' din ir-reviżjoni u l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti leġiżlattivi skont l-ewwel subparagrafu, inkluż li tiġi eżaminata l-possibilità li jitħassar it-tieni subparagrafu.
▌
Artikolu 28
Prezz tal-ħruġ u tal-fidwa
1. L-unitajiet jew l-ishma tal-MMF, ħlief għal xi LVNAV MMF li għandu jkun soġġett għall-Artikolu 27(4), jinħarġu jew jinfdew bi prezz li jkun ugwali għan-NAV tal-MMF għal kull unità jew sehem.
2. Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-unitajiet jew l-ishma tas-CNAV MMF fil-livell tal-Konsumatur u CNAV MMF ta' Dejn Pubbliku jinħarġu jew jinfdew bi prezz li jkun ugwali għan-NAV kostanti tal-MMF għal kull unità jew sehem.
▌
KAPITOLU Va
Rekwiżiti speċifiċi għal CNAV MMFs ta’ Dejn Pubbliku, CNAV MMFs fil-livell tal-Konsumatur u LVNAV MMFs
Artikolu 34a
Rekwiżiti addizzjonali għal CNAV MMFs ta’ dejn pubbliku u CNAV MMFs fil-livell tal-Konsumatur
MMF ma għandux juża l-metodu tal-kost amortizzat għall-evalwazzjoni, jew biex jirreklama n-NAV kostanti għal kull unità jew sehem, jew iġib in-NAV kostanti għal kull unità jew sehem għall-eqreb punt perċentwali jew l-ekwivalenti tiegħu meta n-NAV jiġi ppubblikat f’unità monetarja, sakemm ma jkunx awtorizzat b’mod espliċitu bħala CNAV MMF ta' dejn pubbliku jew fil-livell tal-Konsumatur jew sakemm hu LVNAV MMF suġġett għall-Artikolu 27(4).
Artikolu 34b
Tariffi ta’ Likwiditá u Limiti ta’ Tifdija għal CNAV MMFs ta’ dejn pubbliku, CNAV MMFs fil-livell tal-Konsumatur u LVNAV MMFs
1. Il-maniġer ta' CNAV MMF ta' Dejn Pubbliku jew CNAV MMF fil-livell tal-Konsumatur jew LVNAV MMF, għandu jistabbilixxi, jimplimenta u japplika b'mod konsistenti proċedura ta' valutazzjoni interna prudenti, rigoruża, sistematika u kontinwa biex jiddetermina l-limiti minimi ta' likwidità għal kull ġimgħa applikabbli għall-MMFs. Fil-ġestjoni tal-limiti minimi ta’ likwidità ta’ kull ġimgħa, għandhom japplikaw il-proċeduri li ġejjin:
(a) Meta l-porporzjon ta' assi li qed jimmaturaw ta' kull ġimgħa jaqa' taħt it-30 % tal-assi totali tal-MMF, il-maniġer u l-bord tal-MMF għandhom jikkonformaw ma' dan li ġej:
(i) Il-maniġer għandu jgħarraf minnufih lill-bord tal MMF. Il-bord tal-MMF għandu jagħmel valutazzjoni dokumentata tas-sitwazzjoni biex jiddetermina l-perkors xieraq ta’ azzjoni waqt li jikkunsidra l-interessi tal-investituri fl-MMF u għandu jiddeċiedi jekk għandux japplika waħda jew aktar minn mill-miżuri li ġejjin:
- tariffi ta’ likwidità fuq it-tifdijiet li b’mod adegwat jirriflettu l-kost tal-MMF biex jilħaq il-likwidità u jiżgura li l-investituri li jibqgħu fil-fond ma jiġux żvantaġġjati b’mod inġust meta investituri oħrajn jifdu l-unitajiet jew l-ishma tagħhom waqt il-perjodu;
- limiti ta' tifdija li jillimitaw l-ammont ta' ishma jew unitajiet li se jkunu mifdija fuq kwalunkwe jum ta' ħidma sa 10 % tal-ishma jew tal-unitajiet fl-MMF għal kwalunkwe perjodu ta' 15-il jum ta' ħidma;
- sospensjoni tat-tifdijiet għal kwalunkwe perjodu ta’ mhux aktar minn 15-il jum ta’ ħidma; or
- ma jieħdu ebda azzjoni immedjata.
(b) Meta l-porporzjon ta' assi li qed jimmaturaw ta' kull ġimgħa jaqa' taħt it-30 % tal-assi totali tal-MMF, il-maniġer u l-bord tal-MMF għandhom jikkonformaw ma' dan li ġej:
(i) Il-maniġer għandu jgħarraf minnufih lill-bord tal-MMF. Il-bord tal-MMF għandu jagħmel valutazzjoni ddokumentata tas-sitwazzjoni biex jiddetermina l-perkors xieraq ta’ azzjoni waqt li jikkunsidra l-interessi tal-investituri fl-MMF u għandu jiddeċiedi jekk għandux japplika waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:
- tariffi ta’ likwidità fuq it-tifdijiet li b’mod adegwat jirriflettu l-kost tal-MMF għall-ilħuq tal-likwidità u jiżgura li l-investituri li jibqgħu fil-fond ma jiġux żvantaġġjati b’mod inġust meta investituri oħrajn jifdu l-unitajiet jew l-ishma tagħhom waqt il-perjodu;
sospensjoni tat-tifdijiet għal perjodu ta' mhux aktar minn 15-il jum;
(c) Wara li l-bord tal-MMF ikun iddetermina l-kors ta’ azzjoni tiegħu f’kull wieħed mill-punti (a) u (b) msemmija hawn fuq, għandu fil-pront jipprovdi dettalji dwar id-deċiżjoni tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-MMF.
Kapitolu VI
Appoġġ estern
Artikolu 35
Appoġġ estern
1. ▌MMF ma jistax jirċievi appoġġ estern▌.
▌
3. Appoġġ estern ifisser appoġġ dirett jew indirett offrut minn parti terza, inkluż l-isponsor tal-MMF, li huwa intiż għal jew li effettivament jirriżulta fil-garanzija tal-likwidità tal-MMF jew fl-istabbilizzazzjoni tan-NAV għal kull unità jew sehem tal-MMF.
L-appoġġ estern jinkludi:
(a) injezzjonijiet ta’ flus minn parti terza;
(b) ix-xiri minn parti terza tal-assi tal-MMF bi prezz esaġerat;
(c) ix-xiri minn parti terza tal-unitajiet jew l-ishma tal-MMF sabiex tiġi pprovduta likwidità lill-fond;
(d) il-ħruġ minn parti terza ta’ kwalunkwe tip ta’ garanzija, assigurazzjoni jew ittra ta’ appoġġ impliċita jew espliċita għall-benefiċċju tal-MMF;
(e) kwalunkwe azzjoni minn parti terza, li l-objettiv dirett jew indirett tagħha huwa li żżomm il-profil tal-likwidità u n-NAV għal kull unità jew sehem tal-MMF.
▌
Kapitolu VII
Rekwiżiti tat-trasparenza
Artikolu 37
Trasparenza
1. Investituri f'MMF għandhom jirċievu mill-anqas kull xahar l-informazzjoni li ġejja:
a) il-profil tal-likwidità tal-MMF inkluż il-perċentwal kumulattiv ta' investimenti li jimmaturaw matul il-lejl u fi żmien ġimgħa u kif dik il-likwidità nkisbet;
b) il-profil tal-kreditu u l-kompożizzjoni tal-portafoll;
c) il-WAM u l-WAL tal-MMF;
d) il-konċentrazzjoni kumulattiva tal-akbar ħames investituri fl-MMF.
2. Minbarra li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-paragrafu 1, CNAV MMFs ta’ dejn pubbliku, CNAV MMFs fil-livell tal-Konsumatur u LVNAVgħandhom ukoll jagħmlu l-informazzjoni li ġejja disponibbli għall-investituri tagħhom:
(a) il-valur totali tal-assi;
(b) il-WAM u l-WAL;
(c) l-analiżi tal-maturità;
(d) il-proporzjon tal-assi fil-portafoll li jimmatura fi żmien ġurnata;
(e) il-proporzjon tal-assi fil-portafoll li jimmatura fi żmien ġimgħa;
(f) il-qligħ nett;
(g) il-valur indikattiv ta’ kuljum fil-prezzijiet tas-suq sa erba’ postijiet deċimali;
(h) dettalji dwar l-assi miżmuma fil-portafoll tal-MMF, bħall-isem, il-pajjiż, il-maturità u t-tip ta’ assi (inklużi d-dettalji tal-kontroparti f’każ ta’ ftehimiet ta’ bejgħ mill-ġdid).
(i) in-NAV kif ippubblikat fuq il-websajt tagħha.
3. MMF għandu jagħmel disponibbli fuq bażi regolari informazzjoni dwar il-proporzjon tal-portafoll globali tiegħu li jikkonsisti f’dawn li ġejjin:
a) strumenti tas-suq monetarju maħruġin mill-isponsor tal-MMF;
b) jekk applikabbli, titolizzazzjonijiet maħruġin mill-isponsor tal-MMF;
c) jekk l-isponsor ikun istituzzjoni tal-kreditu, depożiti f’kontanti lill-isponsor tal-MMF; kif ukoll
d) l-esponiment għall-isponsor tal-MMF bħala kontroparti għal tranżazzjonijiet tad-derivattivi OTC.
4. Fil-każ li sponsor ta’ MMF jinvesti fl-ishma jew fl-unitajiet tal-MMF, il-fond għandu jiżvela lill-investituri l-oħra fl-MMF l-ammont totali li l-isponsor ikun investa fl-MMF, u għandu sussegwentement jinnotifika lill-investituri l-oħra bi kwalunkwe bidla fl-ishma jew fl-unitajiet totali miżmuma.
▌
Artikolu 38
Rapportar lill-awtoritajiet kompetenti
1. Għal kull MMF ġestit, il-maniġer tal-MMF jirrapporta l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-MMF, mill-inqas kull tliet xhur. Il-maniġer, wara talba, jipprovdi l-informazzjoni wkoll lill-awtorità kompetenti tal-maniġer jekk din tkun differenti mill-awtorità kompetenti tal-MMF.
2. L-informazzjoni rrapportata skont il-paragrafu 1 tinkludi l-punti li ġejjin:
(a) it-tip u l-karatteristiċi tal-MMF;
(b) l-indikaturi tal-portafoll bħall-valur totali tal-assi, in-NAV, il-WAM, il-WAL, it-tqassim tal-maturità, il-likwidità u r-redditu;
▌
(d) it-tip u l-karatteristiċi tal-MMF;
(e) l-informazzjoni dwar l-assi miżmuma fil-portafoll tal-MMF:
(i) il-karatteristiċi ta’ kull assi, bħalma huma l-isem, il-pajjiż, il-kategorija tal-emittent, ir-riskju jew il-maturità, u l-kklassifikar intern assenjat;
(ii) it-tip ta’ assi, inklużi d-dettalji tal-kontroparti f’każ ta’ derivattivi jew ftehimiet ta’ riakkwist bil-maqlub;
(f) l-informazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet tal-MMF li tinkludi l-punti li ġejjin:
(i) il-pajjiż fejn huwa stabbilit l-investitur;
(ii) il-kategorija tal-investitur;
(iii) l-attività ta’ sottoskrizzjoni u tifdija.
Jekk ikun meħtieġ u debitament ġustifikat, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali.
3. L-ESMA tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi mudell ta’ rapportaġġ li jinkludi l-informazzjoni kollha elenkata fil-paragrafu 2.
Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
4. L-awtoritajiet kompetenti jittrażmettu lill-ESMA l-informazzjoni kollha riċevuta skont dan l-Artikolu, u kwalunkwe notifika jew informazzjoni oħra skambjata mal-MMF jew mal-maniġer tiegħu permezz ta’ dan ir-Regolament. Tali informazzjoni tiġi trażmessa lill-ESMA sa mhux aktar tard minn 30 jum wara l-aħħar tal-perjodu ta’ tliet xhur ta’ rapportar.
L-ESMA tiġbor l-informazzjoni biex toħloq bażi ta' dejta ċentrali tal-MMFs kollha stabbiliti, ġestiti jew ikkummerċjalizzati fl-Unjoni. Il-Bank Ċentrali Ewropew ikollu dritt ta’ aċċess għal din il-bażi ta' dejta għal skopijiet ta’ statistika biss.
Kapitolu VIII
Superviżjoni
Artikolu 39
Sorveljanza mill-awtoritajiet kompetenti
1. L-awtoritajiet kompetenti jissorveljaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament fuq bażi kontinwa. L-awtorizzazzjoni ta' MMF għandha tkun irtirata fil-każ ta' ksur tal-projbizzjoni ta' appoġġ minn sponsor.
2. L-awtorità kompetenti tal-MMF tkun responsabbli li tiżgura l-konformità mar-regoli preskritti fil-Kapitoli minn II sa VII.
3. L-awtorità kompetenti tal-MMF tkun responsabbli mis-sorveljanza tal-konformità mal-obbligi stabbiliti fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti tal-inkorporazzjoni, kif ukoll mal-obbligi stabbiliti fil-prospett, li jkunu konsistenti ma’ dan ir-Regolament.
4. L-awtorità kompetenti tal-maniġer tkun responsabbli mis-sorveljanza tal-adegwatezza tal-arranġamenti u l-organizzazzjoni tal-maniġer sabiex il-maniġer tal-MMF ikun f’pożizzjoni li jikkonforma mal-obbligi u r-regoli li huma relatati mal-kostituzzjoni u l-funzjonament tal-MMFs kollha li jiġġestixxi.
5. L-awtoritajiet kompetenti isegwu l-UCITS jew l-AIFs stabbiliti jew ikkummerċjalizzati fit-territorji tagħhom sabiex jivverifikaw li huma ma jużawx in-nominazzjoni tal-MMF jew jissuġġerixxu li huma MMF sakemm ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament.
Artikolu 40
Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti
1. L-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat ta’ sorveljanza u investigazzjoni kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament.
2. Is-setgħat mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2011/61/UE jiġu eżerċitati wkoll fir-rigward ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 41
Setgħat u kompetenzi tal-ESMA
1. L-ESMA jkollha s-setgħat meħtieġa sabiex twettaq il-kompiti attribwiti lilha minn dan ir-Regolament.
2. Is-setgħat tal-ESMA skont id-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2011/61/UE jiġu eżerċitati wkoll fir-rigward ta’ dan ir-Regolament u skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.
3. Għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, dan ir-Regolament jiġi inkluż fi kwalunkwe att ulterjuri tal-Unjoni legalment vinkolanti li jikkonferixxi l-kompiti fuq l-Awtorità msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 1095/2010.
Artikolu 42
Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet
1. L-awtorità kompetenti tal-MMF u l-awtorità kompetenti tal-maniġer, jekk ikunu differenti, jikkooperaw ma’ xulxin u jiskambjaw informazzjoni għall-finijiet tat-twettiq tad-doveri tagħhom skont dan ir-Regolament.
2. L-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet maħtura minn Stat Membru skont ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u d-Direttiva 2013/36/UE għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istat Membru tad-domiċilju, MSU u BĊE tal-MMF, u l-ESMA għandhom jikkooperaw ma’ xulxin għall-finijiet tat-twettiq tad-doveri rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
3. L-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-awtoritajiet maħtura minn Stat Membru skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u d-Direttiva 2013/36/UE għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istat Membru tad-domiċilju, MSU u BĊE tal-MMF, u l-ESMA għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettqu d-doveri rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, b’mod partikolari sabiex jidentifikaw u jirrimedjaw il-ksur ta’ dan ir-Regolament.
Kapitolu IX
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 43
It-trattament tal-UCITS u l-AIFs eżistenti
1. Sa disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, UCITS jew AIF eżistenti li jinvesti f’assi għal terminu qasir ta’ żmien u li jkollu għanijiet distinti jew kumulattivi li joffri redditi skont ir-rati tas-suq monetarju jew li jippriserva l-valur tal-investiment jissottometti applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tiegħu flimkien mad-dokumenti u l-evidenza kollha meħtieġa sabiex juri l-konformità ma’ dan ir-Regolament.
▌
Artikolu 44
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa li tadotta l-atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet preskritti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikoli 13 u 19 tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 13 u 19 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe atti ddelegati li huma diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat skont l-Artikoli 13 u 19 jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw lill- Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 45
Rieżami
Sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-adegwatezza tar-Regolament minn lat prudenzjali u ekonomiku. B’mod partikolari r-rieżami għandu jqis jekk humiex meħtieġa bidliet għar-reġim għal CNAV MMFs fil-livell tal-Konsumatur, CNAV MMFs ta’ Dejn Pubbliku u LVNAV MMFs. Ir-rieżami għandu wkoll:
(a) janalizza l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-impatt fuq l-investituri, l-MMFs u l-maniġers tal-MMFs fl-Unjoni;
(b) jivvaluta r-rwol li għandhom l-MMFs fix-xiri ta’ dejn maħruġ jew garantit mill-Istati Membri;
(c) iqis il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dejn maħruġ jew garantit mill-Istati Membri u r-rwol dan id-dejn għandu fl-iffinanzjar l-Istati Membri;
(d) iqis ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 509(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(e) iqis l-iżviluppi regolatorji fil-livell internazzjonali.
Ir-riżultati ta’ dan ir-rieżami jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, akkumpanjati fejn meħtieġ mill-proposti adattati għall-emendi.
Artikolu 46
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament EwropewGħall-Kunsill
Il-PresidentIl-President
- [1] ĠU C 170, 5.6.2014, p. 50.
- [2] * Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
- [3] ĠU C 170, 5.6.2014, p. 50.
- [4] Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal- liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
- [5] Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).
- [6] Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru … li jissupplimenta r-Regolament (UE) 575/2013 fir-rigward tar-rekwiżit tal-kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu.
- [7] Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
- [8] Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta d- Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, l-ingranaġġ, it-trasparenza u s-superviżjoni (ĠU L 83, 22.3.2013, p. 1).
- [9] Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
- [10] Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
- [11] Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il- protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).
- [12] Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, ĠU L 176, 27.06.2013, p. 1-337.
- [13] Is-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il- kontijiet konsolidati; ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1–17
PROĊEDURA
Titolu |
Fondi tas-suq monetarju |
||||
Referenzi |
COM(2013)0615 – C7-0263/2013 – 2013/0306(COD) |
||||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE |
4.9.2013 |
|
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
ECON 12.9.2013 |
|
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Neena Gill 22.7.2014 |
|
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
13.10.2014 |
1.12.2014 |
21.1.2015 |
|
|
Data tal-adozzjoni |
26.2.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 18 5 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Esther de Lange, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Jonás Fernández, Sven Giegold, Neena Gill, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Petr Ježek, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Philippe Lamberts, Werner Langen, Sander Loones, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Fulvio Martusciello, Marisa Matias, Costas Mavrides, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Sirpa Pietikäinen, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Peter Simon, Renato Soru, Theodor Dumitru Stolojan, Paul Tang, Sampo Terho, Michael Theurer, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtasun, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Cora van Nieuwenhuizen, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker, Pablo Zalba Bidegain, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Frank Engel, Syed Kamall, Jeppe Kofod, Paloma López Bermejo, Morten Messerschmidt, Eva Paunova, Catherine Stihler |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Krzysztof Hetman, Diane James, Peter Lundgren |
||||
Data tat-tressiq |
4.3.2015 |
||||