Proċedura : 2014/2259(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0045/2015

Testi mressqa :

A8-0045/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0060

RAPPORT     
PDF 172kWORD 92k
9.3.2015
PE 551.869v02-00 A8-0045/2015

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sergei Stanishev

(2014/2259(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Andrzej Duda

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sergei Stanishev

(2014/2259(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sergei Stanishev, imressqa fl-24 ta' Novembru 2014 mill-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija bir-referenza Nru C-280/2013, u mħabbra fis-seduta plenarja fil-15 ta' Diċembru 2014,

–       wara li sema' lis-Sur Stanishev, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–       wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013(1),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 70 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0045/2015),

A.     billi l-Kap Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija għadda lill-Parlament talba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Belt ta' Sofija għal awtorizzazzjoni li jissuktaw proċedimenti kriminali kontra Sergei Stanishev fir-rigward ta' reat skont l-Artikolu 358(1), flimkien mal-Artikolu 26(1), tal-Kodiċi Kriminali tal-Bulgarija;

B.     billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;

C.     billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

D.     billi, skont l-Artikolu 70(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, Membru tal-Assemblea Nazzjonali huwa immun mid-detenzjoni jew mill-prosekuzzjoni kriminali għajr għat-twettiq ta' reat kriminali, u billi f'każijiet tali jeħtieġ li jingħata l-permess tal-Assemblea Nazzjonali, jew, jekk din ma tkunx f'sessjoni, tal-President tal-Assemblea Nazzjonali, għajr fil-każ ta' detenzjoni in flagrante delicto; billi, skont l-Artikolu 70(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, il-permess għall-ftuħ ta' prosekuzzjoni kriminali mhuwiex rikjest meta Membru tal-Assemblea Nazzjonali jkun ta l-kunsens tiegħu għal dan bil-miktub;

E.     billi huwa kompitu tal-Parlament waħdu li jiddeċiedi jekk l-immunità għandhiex titneħħa jew le f'każ partikolari; billi l-Parlament, huwa u jiddeċiedi jekk għandux jew le jneħħi l-immunita ta' Membru, jista' b'mod raġonevoli jikkunsidra l-pożizzjoni ta' dak il-Membru(2);

F.     billi r-reat allegat m'għandux rabta diretta jew ovvja mal-qadi ta' dmirijiet tas-Sur Stanishev bħala Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni espressa jew vot mogħti minnu fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protkoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

G.     billi investigazzjonijiet ta' qabel il-proċess kontra Sergei Stanishev kienu ilhom li nbdew qabel ma sar Membru tal-Parlament Ewropew, u billi l-proċedimenti kkonċernati għaldaqstant mhuma konnessi bl-ebda mod mal-pożizzjoni tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

H.     billi, fiż-żmien li okkupa l-kariga ta' Prim Ministru u wara ta' Membru tal-Assemblea Nazzjonali, Sergei Stanishev ippreżenta żewġ dikjarazzjonijiet bil-miktub lill-President tal-Assemblea Nazzjonali, li fihom ta l-kunsens tiegħu għall-ftuħ ta' proċedimenti kriminali kontrih bi qbil mal-Artikolu 70(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija;

I.      billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-każ tressaq bl-intenzjoni li jikkawża ħsara politika lill-Membru kkonċernat,

1.      Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Sergei Stanishev;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Bulgarija u lil Sergei Stanishev.

(1)

Sentenza fil-Kawża 101/63 Wagner vs Fohrmann u Krier, EU:C:1964:28; Sentenza fil-Kawża 149/85 Wybot vs Faure et, EU:C:1986:310; Sentenza fil-Kawża T–345/05, Mote vs Il-Parlament, EU:T:2008:440; Sentenza fil-Kawżi Magħquda C–200/07 u C–201/07, Marra vs De Gregorio u Clemente: EU:C:2008:579; Sentenza fil-Kawża T‑42/06 Gollnisch vs Il-Parlament, EU:T:2010:102; Sentenza fil-Kawża C-163/10 Patriciello, EU:C:2011:543; Sentenza fil-Kawżi Magħquda T-346/11 u T-347/11 Gollnisch vs Il-Parliament, EU:T:2013:23.

(2)

Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parliament (ċitata hawn fuq), paragrafu 28.


NOTA SPJEGATTIVA

1. Sfond

Huwa allegat li Sergei Stanishev, meta kien jokkupa l-kariga ta' Prim Ministru tar-Repubblika tal-Bulgarija, tilef seba' dokumenti li kien fihom informazzjoni li kienet tikkostitwixxi sigriet tal-Istat skont l-Att Bulgaru dwar il-Protezzjoni tal-Informazzjoni Klassifikata (minn hawn 'il quddiem l-'Att dwar il-PIK'), fil-perjodu mill-4 ta' Novembru 2005 sas-27 ta' Lulju 2009. B'mod partikolari, is-Sur Stanishev allegatament għadda dawn id-dokumenti lil ħaddieħor bi ksur tar-regoli stabbiliti, ladarba t-trasferiment ma tniżżilx debitament fir-reġistru tal-informazzjoni klassifikata tal-Kunsill tal-Ministri.

Il-prosekuzzjoni, għaldaqstant, tasserixxi li Sergei Stanishev naqas milli jaġixxi b'attenzjoni għall-proċeduri għas-salvagwardja u t-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti kif stabbiliti fl-Att dwar il-PIK u fir-Regoli ta' Implimentazzjoni tiegħu kif ukoll fir-regoli interni tal-Kunsill tal-Ministri dwar l-immaniġġjar tal-informazzjoni klassifikata. Dan l-aġir jikkostitwixxi reat sanzjonabbli skont l-Artikolu 358(1) tal-Kodiċi Kriminali tal-Bulgarija (reati kontra informazzjoni li tikkostitwixxi sigriet tal-Istat u informazzjoni klassifikata barranija) flimkien mal-Artikolu 26(1) tiegħu.

Fit-3 ta' Novembru 2009, dak li dakinhar kien Kap Prosekutur Pubbliku tal-Bulgarija bagħat talba lill-Assemblea Nazzjonali, li fiha talab li jiġi awtorizzat jiftaħ proċedimenti kriminali kontra l-Prim Ministru Stanishev. Is-Sur Stanishev innifsu ta l-kunsens tiegħu minnufih għall-ftuħ ta' proċedimenti kriminali kontrih billi ppreżenta dikjarazzjoni bil-miktub lill-President tal-Assemblea Nazzjonali bi qbil mal-Artikolu 70(2) tal-Kostituzzjoni Bulgara.

Wara li proċedimenti kriminali kienu nbdew fl-2010, kellhom jiġu sospiżi minħabba l-fatt li, fil-frattemp, is-Sur Stanishev kien sar membru tal-Assemblea Nazzjonali u, għaldaqstant, kien igawdi minn tip ġdid ta' immunità. Għal darb'oħra, is-Sur Stanishev ta l-kunsens tiegħu għall-issuktar tal-proċedimenti kriminali kontrih u dawn reġgħu issuktaw fl-4 ta' Novembru 2013.

Fid-19 ta' Diċembru 2013, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ppropona li s-Sur Stanishev jiġi eżentat mir-responsabbiltà kriminali għar-reat skont l-Artikolu 358(1) tal-Kodiċi Kriminali u li, minflok, tiġi imposta multa amministrattiva skont l-Artikolu 78a tal-Kodiċi Kriminali. Għaldaqstant infetħet kawża kriminali ta' natura amministrattiva (KKNA). Madankollu, meta s-Sur Stanishev ġie elett Membru tal-Parlament Ewropew f'Mejju 2014, il-Qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti minħabba t-tip ġdid ta' immunità li kien igawdi.

Fis-seduta plenarja tal-15 ta' Diċembru 2014, il-President ħabbar, b'konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta' Proċedura, li kien irċieva ittra mill-Kap Prosekutur tal-Bulgarija li titlob li l-immunità parlamentari tas-Sur Sergei Stanishev titneħħa biex ikunu jistgħu jissuktaw proċedimenti kriminali kontrih.

Il-President irrefera din it-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 9(1). Il-Kumitat sema' lis-Sur Stanishev fid-9 ta' Marzu 2015 skont l-Artikolu 9(5).

2. Il-liġi u l-proċedura dwar l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu dan li ġej:

Artikolu 8

Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 9

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu għandhom igawdu:

a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b) fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fil-fatt ta' reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta' xi wieħed mill-Membri tiegħu.

L-Artikoli 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew jistabbilixxu dan li ġej:

Artikolu 6:

Tneħħija tal-immunità

1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġislattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. Kull talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tkun ivvalutata skont it-termini tal-Artikoli 7, 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u skont il-prinċipji li hemm riferiment għalihom f'dan l-Artikolu.

(...)

Artikolu 9:

Proċedura dwar l-immunità

1. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta' xi Membru, jew minn Membru jew xi ħadd li kien Membru sabiex jitħarsu l-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tkun riferuta lill-kumitat responsabbli.

Il-Membru jew l-ex Membru jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor. It-talba ma tistax issir minn Membru ieħor mingħajr il-qbil tal-Membru kkonċernat.

2. Il-kumitat għandu jikkunsidra mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet.

3. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet.

4. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa.

5. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor.

Il-Membru ma għandux ikun preżenti matul id-dibattiti dwar it-talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tiegħu, ħlief għas-smigħ innifsu.

Il-President tal-Kumitat għandu jistieden lill-Membru għas-smigħ, billi jindika d-data u l-ħin. Il-Membru jista' jirrinunzja d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-smigħ.

Jekk il-Membru ma jipparteċipax fis-smigħ wara dik l-istedina, jitqies li rrinunzja dak il-jedd li jkun mismugħ, sakemm ma jitlobx li jkun eżonerat mis-smigħ f'dik id-data u ħin kif proposti, u jagħti r-raġunijiet. Il-President tal-Kumitat għandu jagħti deċiżjoni dwar jekk tali talba li dak li jkun ikun skużat tintlaqax fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija, u ma jkun permess l-ebda appell fuq dan il-punt.

Jekk il-President tal-Kumitat jilqa' t-talba għal eżoneru, allura jistieden lill-Membru jinstema' f'data u ħin ġodda. Jekk il-Membru jonqos li jimxi mat-tieni stedina li jinstema', il-proċedura tissokta mingħajr ma jinstema' l-Membru. Ebda talba oħra għal eżoneru, jew għas-smigħ, ma tintlaqa' minn dan l-istadju 'l quddiem.

(...)

7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità inkwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.

(...)

L-Artikolu 70 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija jistabbilixxi dan li ġej:

(1) Membru tal-Assemblea Nazzjonali għandu jgawdi l-immunità mid-detenzjoni jew prosekuzzjoni kriminali għajr għat-twettiq ta' reat kriminali, u f'każi tali għandu jkun rikjest il-permess tal-Assemblea Nazzjonali, jew, jekk din tal-aħħar ma tkunx f'sessjoni, tal-President tal-Assemblea Nazzjonali. L-ebda permess m'għandu jkun rikjest meta Membru jiġi detenut in flagrante delicto; għandha ssir notifika minnufih lill-Assemblea Nazzjonali, jew, jekk din tal-aħħar ma tkunx f'sessjoni, lill-President tal-Assemblea Nazzjonali.

(2) L-ebda permess m'għandu jkun rikjest għall-ftuħ ta' prosekuzzjoni kriminali meta Membru tal-Assemblea Nazzjonali jkun ta/tat il-kunsens tiegħu/tagħha għal dan bil-miktub.

L-Artikolu 358(1) tal-Kodiċi Kriminali tal-Bulgarija jistabbilixxi dan li ġej:

Il-persuna li titlef dokumenti, pubblikazzjonijiet jew materjali li jkun fihom informazzjoni li tikkwalifika bħala sigriet tal-Istat, jew informazzjoni klassifikata barranija miksuba permezz ta' ftehim internazzjonali li fih tkun parti r-Repubblika tal-Bulgarija, għandha tiġi punita b'sa sentejn ċaħda tal-libertà tagħha jew inkella bil-probation.

L-Artikolu 78a(1) tal-Kodiċi Kriminali tal-Bulgarija jistabbilixxi dan li ġej:

1. Persuna li għandha l-età legali għandha tiġi rilaxxata mir-responsabbiltà penali mill-qorti, filwaqt li l-punizzjoni imposta fuqha għandha tkun multa ta' bejn BGN 500 u BGN 5 000, meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu japplikaw fl-istess waqt:

a) għal reat tali jkunu previsti punizzjoni b'sa tliet snin ċaħda tal-libertà jew punizzjoni anqas ħarxa, jekk ir-reat ikun twettaq intenzjonalment, jew sa ħames snin ċaħda tal-libertà jew punizzjoni anqas ħarxa, jekk ir-reat ikun twettaq minħabba negliġenza;

b) il-perpetratur ma jkunx ingħata sentenza għal reat komuni u ma jkunx ġie rilaxxat mir-responsabbiltà penali skont din is-Sezzjoni fl-imgħoddi; kif ukoll

c) id-danni għall-proprjetà li jkunu ġew ikkawżati mir-reat ikunu ġew restitwiti.

3. Ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni proposta

Fuq il-bażi tal-fatti msemmija hawn fuq, il-każ preżenti jikkwalifika għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

Skont dik id-dispożizzjoni, il-Membri għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom. L-Artikolu 70 tal-Kostituzzjoni tal-Bulgarija jistabbilixxi li prosekuzzjoni kriminali ta' membri tal-Assemblea Nazzjonali issir biss jekk din tal-aħħar tkun tat, minn qabel, l-awtorizzazzjoni tagħha. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew hija meħtieġa, għaldaqstant, dwar jekk il-prosekuzzjoni tas-Sur Stanishev għandhiex tipproċedi.

Sabiex jiddeċiedi jekk ineħħix jew le l-immunità parlamentari ta' Membru, il-Parlament japplika l-prinċipji konsistenti tiegħu. Wieħed minn dawn il-prinċipji huwa li l-immunità ssoltu titneħħa meta r-reat ma jkun relatat bl-ebda mod mal-qadi tad-dmirijiet tal-Membru – fl-ambitu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll – dment li ma jkun hemm l-ebda fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-każ ikun tressaq fil-qorti bl-intenzjoni li jikkawża ħsara politika lill-Membru kkonċernat.

Mill-fatti msemmija hawn fuq jirriżulta li r-reat allegat twettaq meta s-Sur Stanishev kien Prim Ministru tal-Bulgarija u biss fil-kuntest ta' dik il-kariga, u li proċedimenti ta' qabel il-proċess kienu nbdew ħafna żmien qabel ma sar Membru tal-Parlament Ewropew. Għaldaqstant, il-proċedimenti kriminali kontra s-Sur Stanishev bl-ebda mod mhuma konnessi mal-kariga preżenti tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

Barra minn hekk, is-Sur Stanishev diġà ta, darbtejn matul l-istadji preċedenti tal-investigazzjoni, il-kunsens tiegħu bil-miktub għall-ftuħ ta' proċedimenti kriminali kontrih rigward l-allegazzjonijiet imsemmija hawn fuq. Mill-kunsens tas-Sur Stanishev tista' ssir l-inferenza li huwa nnifsu jirrikonoxxi l-assenza ta' fumus persecutionis.

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-Kumitat ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis fil-każ preżenti.

4. Konklużjoni

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq u skont l-Artikolu 9(3) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità parlamentari tas-Sur Stanishev.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

9.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Andrzej Duda, Mary Honeyball, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Mario Borghezio, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Constance Le Grip, Virginie Rozière

Avviż legali - Politika tal-privatezza