Proċedura : 2014/2111(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0078/2015

Testi mressqa :

A8-0078/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.42
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0151

RAPPORT     
PDF 192kWORD 119k
30.3.2015
PE 539.728v02-00 A8-0078/2015

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2013

(2014/2111(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Ryszard Czarnecki

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2013

(2014/2111(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija(1),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8-0054/2015),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji(5)(ir-Regolament tal-Aġenzija), u b'mod partikolari l-Artikolu 39 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–       wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0078/2015),

1.      Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2013;

2.      Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2013

(2014/2111(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija(8),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(9) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013 (05304/2015 – C8-0054/2015),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(10),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(11), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji(12)(ir-Regolament tal-Aġenzija), u b'mod partikolari l-Artikolu 39 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(13),

–       wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0078/2015),

1.      Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.      Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2013;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2013

(2014/2111(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2013,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0078/2015),

A.     billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2013 kien jammonta għal EUR 25 858 799, li jirrappreżenta żieda ta' 0,23 % fuq l-2012; billi l-baġit kollu tal-Aġenzija ġej mill-baġit tal-Unjoni;

B.     billi l-Qorti tal-Awdituri, fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari,

Segwitu għall-kwittanza 2012

1.   Jikkonstata mir-rapport tal-Qorti li fir-rigward ta' tliet kummenti li saru fir-rapport 2011 tal-Qorti u li l-azzjoni korrettiva għalihom kienet immarkata bħala "Għadha għaddejja" jew "Pendenti" fir-rapport 2012 tal-Qorti, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u issa, fir-rapport 2013 tal-Qorti, l-azzjoni korrettiva għal kumment minnhom hija mmarkata bħala "Ikkompletata", filwaqt li għat-tnejn l-oħra hija mmarkata bħala "Għadha għaddejja"; jikkonstata barra minn hekk li, għat-tliet kummenti li saru fir-rapport 2012 tal-Qorti, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u issa, l-azzjoni korrettiva għal żewġ kummenti hija mmarkata bħala ''Ikkompletata'', filwaqt li għal kumment ieħor hija mmarkata bħala "Għadha għaddejja";

2.   Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li:

-    din ħejjiet, bi ftehim mal-Kummissjoni, emenda għar-''Regola ta' Implimentazzjoni dwar l-użu u l-ingaġġ ta' Aġenti Temporanji'' tagħha sabiex tnaqqas l-impatt negattiv li r-regoli attwali kellhom fuq l-attivitajiet tal-Aġenzija sabiex tikseb aktar flessibbiltà għal dak li jirrigwarda t-tul tal-kuntratti tal-persunal operattiv kif ukoll biex tnaqqas ir-riskju ta' interruzzjoni tan-negozju jew it-telf ta' għarfien minħabba livelli għolja ta' tibdil tal-persunal;

-     iddeċidiet li timplimenta miżuri xierqa sabiex tiżgura l-kontinwità tas-servizzi u s-sistemi tal-IT li huma orizzontali għall-attività tal-Aġenzija; jinnota f'dan ir-rigward, li ġie installat server ta' emerġenza fil-bini taċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu; jinnota barra minn hekk li l-Pjan għall-kontinwità tal-attività ġie adottat mid-Direttur Eżekuttiv; jinnota li l-Proċedura ta' Rkupru tad-Diżastri qiegħda fil-fażi ta' tħejjija u hija ppjanata li tiġi ttestjata f'Ġunju 2015;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

3.   Jikkonstata li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzarja 2013 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 97,87 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 88,12 %;

Impenji u riporti

4.   Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija juru li l-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2013 kien ta' EUR 2 398 742, filwaqt li l-approprjazzjonijiet impenjati li ġew riportati għall-2014 ammontaw għal EUR 2 221 816; josserva li t-tnaqqis fl-ammont akkumulat riportat meta mqabbel mas-sena preċedenti seħħ minħabba s-sottovalutazzjoni/sovrastima tal-ispejjeż baġitarji tal-2013; ifakkar lill-Aġenzija fl-obbligu li għandha li tirrispetta l-prinċipju baġitarju ta' annwalità;

Trasferimenti

5.   Jinnota li skont ir-rapport ta' attività annwali, kif ukoll is-sejbiet tal-awditjar tal-Qorti, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2013 baqgħu fi ħdan il-limiti tar-regoli finanzjarji;

Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

6.   Iħeġġeġ lill-Aġenzija tagħmel aktar progress fil-proċeduri ta' reklutaġġ tagħha, speċjalment għall-esperti esterni, sabiex ikunu garantiti t-trasparenza u t-trattament indaqs għall-applikanti filwaqt li jiġu żgurati l-kontinwità tan-negozju u l-prevenzjoni tat-telf ta' għarfien u esperjenza;

7.   Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li l-proċeduri ta' akkwist tal-Aġenzija jistgħu jibbenefikaw minn titjib fil-preċiżjoni u d-dokumentazzjoni tal-informazzjoni; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-politika tal-ġestjoni tal-persunal tal-Aġenzija, hekk kif din se jkollha tbiddel nofs il-persunal operattiv tagħha matul il-perjodu bejn l-2013 u l-2015, fattur li jista' jwassal għal diżordni fl-attivitajiet operattivi tal-Aġenzija; iħeġġeġ lill-Aġenzija tiżviluppa politika koreneti, trasparenti u oġġettiva sabiex tindirizza l-waqfien tal-kuntratti tal-persunal temporanju tagħha;

8.   Jirrikonoxxi li skont ir-regolament ta' bażi tal-Aġenzija, l-impjegati temporanji tagħha jistgħu jiġu reklutati għal massimu ta' ħames snin b'estensjoni possibbli ta' massimu ta' tliet snin jekk din isseħħ fi ħdan l-ewwel għaxar snin ta' operat tal-Aġenzija; jaċċerta ruħu li sal-2013 l-Aġenzija użat il-perjodu ta' tmien snin bħala prattika standard;

9.   Jinnota bi tħassib li fl-2013, l-Aġenzija impjegat mill-ġdid erba' impjegati temporanji għal perjodu ieħor ta' tmien snin, u dan wara li l-kuntratti tagħhom mal-Aġenzija kienu ntemmu fl-2013 wara l-perjodu massimu ta' tmien snin, prattika li tmur kontra r-regolament fundatur tagħha; jinnota li l-proposta għal regolament fundatur rivedut tal-Aġenzija, li għadu ma ġiex adottat mill-Parlament u l-Kunsill, jinkludi dispożizzjonijiet simili; iqis li hu inaċċettabbli li l-Aġenzija tikser il-liġijiet u r-regoli tagħha stess, u jħeġġeġ lill-Aġenzija tirrispetta l-proċeduri ta' reklutaġġ tagħha;

10.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li fil-proċeduri ta' reklutaġġ tagħha l-Aġenzija ma tiżgurax kriterji oġġettivi, trasparenza sħiħa u trattament indaqs; iħeġġeġ lill-Aġenzija tistabbilixxi linji gwida komprensivi, oġġettivi u trasparenti dwar il-kundizzjonijiet tal-eżami, bħal pereżempju l-inqas marka neċessarja biex wieħed jgħaddi mill-intervisti, il-kriterji oġġettivi għall-għażla tal-kandidati li jitpoġġew fuq il-listi ta' riżerva u t-tip u l-għadd ta' mistoqsijiet orali u bil-miktub tal-eżami, eċċ; jistieden lill-Aġenzija tistabbilixxi dawn il-garanziji fin-notifika tal-karigi battala sa tmiem Settembru 2015, u dan għal kull kariga battala; iħeġġeġ lill-Aġenzija barra minn hekk tadotta proċedura ta' appell għall-kandidati li ġew iddikjarati mhux eliġibbli biex japplikaw għal impjieg fl-Aġenzija;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

11.  Jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu li l-Aġenzija għadha ma adottatx politika ċara, komprensiva u oġġettiva għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, minkejja li għal sena wara l-oħra kien hemm rakkomandazzjonijiet speċjali mill-Qorti u l-awtorità ta' kwittanza;

12.  Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li hija ppjanat li tadotta l-politika riveduta tagħha dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess kif ukoll li tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-Bord Amministrattiv matul l-2015; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza ladarba tiġi adottata l-politika l-ġdida u s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi jkunu disponibbli għall-pubbliku;

Awditjar intern

13. Jinnota li skont id-Deċiżjoni 81/2013 tal-Aġenzija tal-20 ta' Marzu 2013, li temenda l-istandard ta' kontroll intern tal-funzjoni ta' awditjar intern, il-Kapaċità ta' Awditjar Intern ġiet imrażżna u s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) sar il-fornitur tal-funzjoni ta' awditjar intern; jinnota li fl-istess deċiżjoni, l-Aġenzija stabbiliet funzjoni ta' koordinatur ta' kontroll intern; jiddispjaċih li l-proċedura ta' reklutaġġ għall-kariga ta' koordinatur ta' kontroll intern kienet twila u li sa Jannar 2014, il-kandidat magħżul kien għadu ma bediex jaħdem fl-Aġenzija; jirrikonoxxi li l-kariga mtliet fl-2014;

14. Jirrikonoxxi li f'Novembru 2013 l-IAS wettaq awditjar ta' segwitu fuq tliet inkarigi tal-awditjar preċedenti;

15. Jaċċerta ruħu mill-Aġenzija li, kif identifikat mill-IAS, l-awditi li ġejjin kien fihom rakkomandazzjonijiet li kellhom jiġu kkompletati sal-31 ta' Diċembru 2013:

-  Ġestjoni tar-riżorsi umani (2009) - rakkomandazzjoni ''Importanti ħafna'' waħda,

-  Ippjanar u bbaġitjar (2010) - tliet rakkomandazzjonijiet ''Importanti'',

-  Ġestjoni tal-interoperabilità min-naħa ta' esperti (2011) - żewġ rakkomandazzjonijiet ''Importanti'',

-  Twaqqif ta' element ta' assigurazzjoni (2012) - żewġ rakkomandazzjonijiet ''Importanti ħafna'', erba' rakkomandazzjonijiet ''Importanti'' u rakkomandazzjoni waħda ''Mixtieqa'';

16.  Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li minbarra rakkomandazzjoni ''Importanti ħafna'' mill-Awditjar dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi Umani fi ħdan l-Aġenzija, ir-rakkomandazzjonijiet l-oħra kollha ngħalqu matul l-2014; iħeġġeġ lill-Aġenzija tieħu l-miżuri neċessarji biex tagħlaq ir-rakkomandazzjoni li fadal;

17.  Jinnota bi tħassib li l-Qorti tindika fir-rapport tal-awditjar annwali tagħha għall-2012 li l-Aġenzija ma tikkonformax mal-Istandard ta' Kontroll Intern tagħha rigward il-kontinwità tal-attività u li ma jeżistu l-ebda pjanijiet approvati għall-kontinwità tal-attività u l-irkupru mid-diżastri fil-qasam tal-IT; jirrikonoxxi li l-Aġenzija ddeċidiet li timplimenta miżuri adegwati sabiex tiżgura l-kontinwità tas-servizzi u s-sistemi tal-IT li huma orizzontali għall-attività tal-Aġenzija; jappella lill-Aġenzija biex tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-azzjonijiet li tkun implimentat;

Prestazzjoni

18. Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li d-disponibbiltà ta' informazzjoni dwar l-impatt tal-attivitajiet tagħha fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni u dwar is-settur tan-negozju ferrovjarju hija pprovduta permezz ta' diversi parteċipazzjonijiet u preżentazzjonijiet f'wirjiet u fieri ferrovjarji Ewropej, kif ukoll permezz tal-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma, preżentazzjonijiet u avvenimenti oħra fl-Istati Membri; jinnota barra minn hekk, li l-informazzjoni tiġi kkomunikata fuq il-websajt tal-Aġenzija permezz tal-pubblikazzjoni ta' dokumenti bħal rapporti annwali jew bulettini;

Żewġ lokalitajiet

19.  Jiddeplora l-fatt li l-Aġenzija hija esposta għal spejjeż addizzjonali peress li qed tuża żewġ lokalitajiet (Lille u Valenciennes) minn fejn twettaq l-attivitajiet tagħha; jirrikonoxxi l-isforzi li għamlet l-Aġenzija biex timminimizza l-impatt negattiv tad-deċiżjoni dwar is-sede tagħha;

20. Jappella biex l-Aġenzija jkollha sede waħda, f'post faċilment aċċessibbli bit-trasport pubbliku sabiex jiġu ffrankati r-riżorsi skarsi u tiżdied l-effiċjenza tagħha;

Kummenti oħra

21.  Iqis li jekk l-Aġenzija għandha tirċievi setgħat ġodda b'riżultat tal-estensjoni tal-kompiti tagħha bħala aġenzija ta' ċertifikazzjoni għall-materjal ferrovjarju, parti mill-finanzjament għall-Aġenzija għandu jiġi minn miżati u ħlasijiet imposti fuq l-industrija ferrovjarja, li għandhom f'kull ċirkostanza jkunu adegwati għal-livell ta' spejjeż imġarrba mill-Aġenzija u m'għandhomx jirrappreżentaw spiża sproporzjonata għall-industrija ferrovjarja;

o

o o

22.    Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... 2015(15)dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

26.2.2015

OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji għas-sena finanzjarja 2013

(2014/2111(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Dominique Riquet

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.   Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ċċertifikat ir-regolarità tal-kontijiet tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2013;

2.   Jinnota li l-baġit annwali tal-Aġenzija għall-2013 kien ta' EUR 25,8 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament u li r-rati ta' implimentazzjoni kienu ta' 97,8 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' 88,2 % f'approprjazzjonijiet ta' pagament;

3.   Jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija fl-iżgurar tas-sikurezza u l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja Ewropea; jinnota barra minn hekk li bħalissa għaddej rieżami tar-rwol (eż. punt ta’ waqfa waħda għall-awtorizzazzjoni tal-vettura u ċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza) u tas-setgħat tal-Aġenzija bħala parti mir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju; jenfasizza li fil-każ li tingħata setgħat akbar, l-Aġenzija se jkun jeħtiġilha tingħata r-riżorsi finanzjarji, materjali u umani meħtieġa biex twettaq il-kompiti ġodda u addizzjonali tagħha b’mod komprensiv u effiċjenti;

4.   Iqis li jekk l-Aġenzija għandha tirċievi setgħat ġodda bħala riżultat tal-estensjoni tal-kompiti tagħha bħala aġenzija ta’ ċertifikazzjoni għall-materjal ferrovjarju, parti mill-finanzjament għall-Aġenzija għandu jiġi minn miżati u ħlasijiet imposti fuq l-industrija ferrovjarja, li għandhom f’kull ċirkostanza jkunu xierqa għal-livell ta’ spejjeż imġarrba mill-Aġenzija u m’għandhomx jirrappreżentaw kost sproporzjonat għall-industrija ferrovjarja.

5.   Ifakkar lill-Aġenzija li d-dikjarazzjonijiet tal-interess u s-CVs tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija għandhom ikunu pubblikament disponibbli; jinnota li proposta f'dan ir-rigward ġiet diskussa fil-laqgħa tal-Bord Amministrattiv f'Novembru 2014 u li l-Bord se jerġa' jittratta l-kwistjoni fil-laqgħa tiegħu li jmiss f'Marzu 2015 meta hu mistenni li tittieħed deċiżjoni;

6.   Iħeġġeġ lill-Aġenzija tagħmel aktar progress fil-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha, speċjalment għall-esperti esterni, sabiex ikunu ggarantiti t-trasparenza u t-trattament indaqs għall-applikanti filwaqt li jiġu żgurati l-kontinwità tan-negozju u l-prevenzjoni tat-telf ta’ għarfien u esperjenza;

7.   Ifakkar li hemm lok li jittejbu l-preċiżjoni u d-dokumentazzjoni tal-informazzjoni użata fil-proċeduri ta’ akkwist tal-Aġenzija;

8.   Jinnota li d-durata tal-kuntratti kif antiċipat fil-bidu (ħames snin, li jistgħu jiġu estiżi bi tliet snin) ġiet modifikata b'deċiżjoni tal-Aġenzija bil-għan li jkunu jistgħu jsiru kuntratti indefiniti u li bil-għan li l-prattiki jiġu allinjati mar-regoli, ir-regolament dwar l-Aġenzija li jinkludi dispożizzjonijiet simili għandu jiġi adottat mill-aktar fis possibbli;

9. Jieħu nota tal-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-eżistenza ta’ post sekondarja f’Lille, minbarra l-kwartieri ġenerali f’Valenciennes, jenfasizza l-ħtieġa li jwettqu l-attivitajiet kollha f’post wieħed bil-għan li jiġu ffrankati r-riżorsi skarsi u tiżdied l-effiċjenza;

10. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Aġenzija tkun konformi mal-Istandard ta’ Kontroll Intern tagħha rigward il-kontinwità tan-negozju u li tistabbilixxi pjanijiet ta' Kontinwità tan-Negozju tal-IT u pjanijiet ta’ Rkupru mid-Diżastri.

11. Jipproponi li l-Parlament jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2013.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Bruno Gollnisch, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Gesine Meissner, Cláudia Monteiro de Aguiar, Jens Nilsson, Markus Pieper, Gabriele Preuß, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Claudia Schmidt, Claudia Tapardel, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Wim van de Camp, Elissavet Vozemberg, Janusz Zemke, Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, Werner Kuhn, Jörg Leichtfried

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Bernd Kölmel, Bogusław Liberadzki, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Andrey Novakov, Julia Pitera, Miroslav Poche

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Ferrara

(1)

          ĠU C 442, 10.12.2014, p. 232.

(2)

         ĠU C 442, 10.12.2014, p. 232.

(3)

          ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)

          ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(5)

          ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.

(6)

          ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(7)

          ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(8)

          ĠU C 442, 10.12.2014, p. 232.

(9)

          ĠU C 442, 10.12.2014, p. 232.

(10)

        ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(11)

        ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(12)

        ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1.

(13)

        ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(14)

        ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(15)

       Testi adottati ta' din id-data, P7_TA-PROV(2015)0000

Avviż legali - Politika tal-privatezza