Proċedura : 2014/2083(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0105/2015

Testi mressqa :

A8-0105/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0127

RAPPORT     
PDF 154kWORD 82k
31.3.2015
PE 539.740v02-00 A8-0105/2015

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

(2014/2083(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Ryszard Czarnecki

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

(2014/2083(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(1),

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510) – C8–0152/2014)(2),

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0105/2015),

1.      Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni għas-sena finanzjarja 2013;

2.      Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni

(2014/2083(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni,

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-26 ta’ Frar 2015 dwar inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha OI/1/2014/PMC dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0105/2015),

1.      Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-Rapport Annwali tagħha 2013, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat tar-Reġjuni ("il-Kumitat");

2.      Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2012 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

3.      Jinnota li fl-2013, il-Kumitat kellu baġit approvat ta' EUR 87 373 000 (EUR 86 503 000 fl-2012), li minnhom EUR 84 800 000 kienu approprjazzjonijiet ta' impenn, b'rata ta' użu ta' 97 %; jiddispjaċih dwar it-tnaqqis fir-rata ta' użu fl-2013 meta mqabbla mat-98,2 % fl-2012;

4.      Jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li l-baġit tal-Kumitat huwa wieħed purament amministrattiv u li ammont kbir minnu huwa użat għan-nefqa fuq persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni u l-bqija għal bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji; jieħu nota tal-ispjegazzjoni tal-Kumitat għat-tnaqqis fir-rata ta' użu;

5.      Jindika li r-raġunijiet li wasslu għas-sentenza mhux mistennija dwar l-aġġustament tas-salarju m'għadhomx japplikaw wara l-ftehim li ntlaħaq dwar ir-Regolament il-ġdid tal-Persunal fl-2014;

6.      Jilqa' r-Rapport Annwali dwar is-Sussidjarjetà 2013 li jagħti ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-Kumitat marbutin mal-monitoraġġ tas-sussidjarjetà matul is-sena; iqis ir-rapport bħala għodda siewja għall-ħidma leġiżlattiva tal-Parlament; jitlob li t-tnedija ta' tali rapporti tkun irreklamata b'mod xieraq u li r-rapporti jiġu ċċirkolati lill-koleġiżlaturi;

7.      Jieħu nota tal-ħolqien ta' grupp politiku ġdid (KRE) fil-Kumitat u tal-impatt finanzjarju limitat tal-ħolqien tiegħu fl-2013; jilqa' l-informazzjoni pprovduta fir-rapport ta' attività annwali dwar l-attivitajiet politiċi tal-Kumitat u jitlob li jkompli jiġi aġġornat dwar il-proġetti u li jkompli jiġi infurmat dwar il-konsegwenzi baġitarji tal-miżuri meħuda;

8.      Jieħu nota tal-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju ta' kwittanza;

9.      Jinnota b'sodisfazzjon li r-rakkomandazzjonijiet u r-rekwiżiti fformulati mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament jiġu rreġistrati mis-servizz tal-baġit tal-Kumitat f'bażi ta' data ċentrali u li jsir monitoraġġ regolari tal-progress tal-implimentazzjoni; jilqa' l-fatt li kumitat, li jikkonsisti minn ħames membri u espert estern, twaqqaf għall-finijiet ta' awditjar intern u li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Parlament s'issa qegħdin jitqiesu;

10.    Jilqa' s-sistema l-ġdida ta' bbaġitjar ibbażata fuq l-attività li l-Kumitat beda jħaddem billi hija iktar adatta għall-karatteristiċi speċifiċi ta' istituzzjonijiet iżgħar u għaldaqstant tista' tagħti stampa aktar kompleta tal-kosti u l-attivitajiet projettati; jistieden lill-Kumitat jivvaluta l-vantaġġi li jkun aċċerta meta jimplimenta s-sistema l-ġdida;

11.    Jieħu nota tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), il-Kumitat u l-Parlament, li eventwalment ġie ffirmat fil-5 ta’ Frar 2014 u wassal għat-trasferiment ta’ numru kbir ta’ persunal tal-Kumitat għas-Servizz Ewropew ta’ Riċerka Parlamentari (SERP) il-ġdid; jistenna li l-ftehim jevolvi b’mod bilanċjat, ikun ta’ benefiċċju għat-tliet istituzzjonijiet b’mod ugwali, u jikkontribwixxu b’mod pożittiv għar-razzjonalizzazzjoni ulterjuri tar-riżorsi; jistieden lil kull istituzzjoni biex, fi tmiem l-ewwel sena tal-kollaborazzjoni, jagħmlu valutazzjoni individwali tal-impatt li l-ftehim ikun qed ikollu li f’termini ta’ riżorsi umani, nefqa, sinerġiji, valur miżjud u sustanza;

12.    Jinnota li d-domanda għat-traduzzjoni naqset bi 19,1 % meta mqabbla ma' dik tal-2012; jinnota, madankollu, li l-produttività tas-servizz intern tat-traduzzjoni naqset ukoll;

13.    Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kumitat li jirrazzjonalizza t-talbiet għat-traduzzjoni u li jistandardizza ċerti tipi ta' dokumenti; jappoġġa din l-inizjattiva u jitlob li jiġi infurmat bis-sħiħ dwar l-implimentazzjoni tagħha; jinnota bi preokkupazzjoni li wħud mill-membri tal-persunal tat-traduzzjoni interna tal-Kumitat ġew trasferiti għas-Servizz Ewropew ta' Riċerka Parlamentari (SERP) il-ġdid, wara l-Ftehim ta' Kooperazzjoni; jistieden lill-Kumitat iwettaq studju speċifiku li janalizza l-impatt ta' dan it-tnaqqis fuq il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tat-traduzzjoni tiegħu;

14.    Jinnota li ntlaħaq ftehim ma' istituzzjonijiet oħra dwar metodoloġija komuni biex jiġu kkalkulati u mqabbla l-kosti tat-traduzzjoni u indikaturi oħra; jistieden lill-Kumitat jinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tal-metodoloġija komuni li ntlaħaq ftehim dwarha;

15.    Iqis li fi żmien ta’ kriżi u tnaqqis fil-baġit b’mod ġenerali, il-kost tal-'away days' tal-persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jitnaqqas u li dawn l-avvenimenti, fejn ikun possibbli, għandhom isiru fil-binjiet proprji tal-istituzzjonijiet, peress li l-valur miżjud li jirriżulta ma jiġġustifikax infiq daqstant għoli;

16.    Jinnota b'sodisfazzjon li l-Kumitat inkluda informazzjoni dwar is-servizzi ta' interpretazzjoni mhux użati fir-rapport ta' attività annwali 2013; iqis b'mod pożittiv li r-rata mhux użata tas-servizzi ta' interpretazzjoni naqset minn 3,23 % fl-2012 għal 2,51 % fl-2013; jemmen li din ir-rata xorta tista' tittejjeb u jistieden lill-Kumitat jippjana l-laqgħat tiegħu aħjar;

17.    Jieħu nota tal-fatt li l-għodda tal-vidjokonferenzi għadha qed tintuża b'mod limitat; jirrikonoxxi li qed jidħlu miżuri fis-seħħ biex jestendu l-użu tagħhom; jitlob li jiġi infurmat dwar il-progress miksub f'din il-kwistjoni;

18.    Jirrakkomanda li l-Kumitat ikompli jiżviluppa l-analiżi regolari tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-ftehim il-ġdid ta’ kooperazzjoni amministrattiva mal-KESE; jitlob informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati ta’ din il-kooperazzjoni;

19.    Jinnota li r-rieżami ta' nofs it-terminu li jmiss ta' dak il-ftehim ta' kooperazzjoni l-ġdid se jkun il-mument xieraq biex jiġi evalwat il-ftehim u jiġi kkoreġut kwalunkwe nuqqas identifikat;

20.    Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-viżibbiltà tal-Kumitat permezz tat-tisħiħ ta' politika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni adegwata;

21.    Jesprimi preokkupazzjoni dwar in-nuqqas ta’ nisa li jokkupaw karigi għolja mal-Kumitat (67 % – 33 %); jitlob li jitħaddem pjan favur opportunitajiet indaqs, b’mod partikolari fir-rigward ta’ karigi maniġerjali, bl-għan li dan l-iżbilanċ jiġi kkoreġut mill-aktar fis possibbli;

22.    Jistieden lill-Kumitat biex fir-rapporti annwali tal-attività tiegħu jinkludi, b’konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

23.    Jeżiġi li l-politika dwar il-bini tal-Kumitat tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tiegħu, speċjalment peress li hu importanti li l-kosti ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li dawn ma jkunux eċċessivi;

24.    Jifraħ lill-Kumitat għall-kwalità konsistenti tar-rapport ta' attività annwali u jifraħlu talli pprovda rapport ta' impatt annwali komprensiv, li huwa għodda importanti għall-valutazzjoni tal-ħidma tiegħu; jinnota b'sodisfazzjon li fir-rapport ta' attività annwali ġiet ipprovduta tabella eżawrjenti tar-riżorsi umani kollha li jinsabu għad-dispożizzjoni tal-Kumitat;

25.    Jindika li l-membri tal-Kumitat huma rappreżentanti lokali u reġjonali lleġittimati demokratikament li jwettqu attivitajiet politiċi; jemmen li, għaldaqstant, għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli bħal politiċi nazzjonali jew Ewropej oħra f'dak li jirrigwarda l-aċċess tagħhom għall-Kummissjoni u s-servizzi tagħha;

26.    Huwa preokkupat dwar id-dewmien fl-adozzjoni tar-regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jistieden lill-Kumitat jimplimenta dawn ir-regoli mingħajr aktar dewmien;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Bogusław Liberadzki, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Fulvio Martusciello, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici, Iris Hoffmann, Andrey Novakov

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Ferrara

(1)

ĠU L 66, 8.3.2013.

(2)

ĠU C 403, 13.11.2014, p. 1.

(3)

ĠU C 398, 12.11.2014, p. 1.

(4)

ĠU C 403, 13.11.2014, p. 128.

(5)

ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza