RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri
31.3.2015 - (2014/2081(DEC))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Ryszard Czarnecki
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013[1],
– wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510) – C8–0155/2014)[2],
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet[3],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u t al-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[6], u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0113/2015),
1. Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013;
2. Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0113/2015),
1. Jinnota li l-eżerċizzju tal-awditjar tal-kontijiet annwali tal-Qorti tal-Awdituri jsir minn awditur estern indipendenti – PricewaterhouseCoopers SARL – bil-għan li jiġu applikati l-istess prinċipji ta' trasparenza u ta' obbligu ta' rendikont li tapplika hi stess fil-konfront ta' dawk suġġetti għall-awditjar tagħha; jieħu nota tal-opinjoni tal-awditur li r-"rapporti finanzjarji jagħtu stampa veritiera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti";
2. Jenfasizza li fl-2013, il-Qorti tal-Awdituri kellha approprjazzjonijiet finali li jammontaw għal total ta' EUR 142 761 000 (EUR 142 477 000 fl-2012) u li r-rata ta' implimentazzjoni globali għall-baġit kienet 92 %; jiddispjaċih mit-tnaqqis fir-rata ta' użu fl-2013 meta mqabbla mas-96 % fl-2012;
3. Jenfasizza, madankollu, li l-baġit tal-Qorti tal-Awdituri huwa purament amministrattiv, u li ammont kbir qed jintuża fuq in-nefqa relatata ma' persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjoni; jieħu nota tal-ġustifikazzjoni għat-tnaqqis fir-rata tal-utilizzazzjoni ddikjarata fir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja għall-2013;
4. Jieħu nota tal-istrateġija l-ġdida tal-Qorti tal-Awdituri għall-2013-2017 biex jiġi massimizzat ir-rwol tagħha bħala l-awditur estern tal-Unjoni; japprova l-pjan stabbilit għall-2013 u l-intenzjoni tagħha biex ittejjeb il-kwantità u l-kwalità tar-rapporti tal-awditu tal-prestazzjoni billi żżid l-effiċjenza u r-riżorsi allokati għalihom; jieħu nota, barra minn hekk, taż-żieda ta’ 60 % fin-numru ta’ rapporti bħal dawn mill-2008 u jinsisti li l-kwantità m’għandhiex tkun ta' detriment għall-kwalità;
5. Ifakkar lill-Qorti tal-Awdituri li t-tliet istituzzjonijiet qablu fil-punt 54 tal-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati mill-2012 li l-aspetti kollha ta’ awditjar estern esternalizzat “jibqgħu taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-QEA, li tamministra l-proċeduri kollha meħtieġa amministattivi u ta’ akkwist u tiffinanzjahom, kif ukoll kwalunkwe spiża oħra assoċjata mal-awditjar estern esternalizzat, mill-baġit proprju tagħha”; jistenna li l-Qorti tal-Awdituri ssegwi dan l-approċċ komuni u tikkuntratta u tħallas għall-awdituri esterni tal-aġenziji;
6. Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri biex twettaq verifika dwar l-effetti ta’ konsolidament tar-reġistri tal-Qorti tal-Ġustizzja f’reġistru wieħed sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni aħjar ta’ azzjonijiet proċedurali bejn il-Qrati;
7. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-programm ta' riforma interna tal-Qorti tal-Awdituri inkluż fl-istrateġija tagħha għall-2013-2017 li huwa bbażat fuq ir-rapport bejn il-pari tal-2014, ir-rapport tal-Parlament dwar il-futur tal-Qorti tal-Awdituri u fuq l-analiżi interna proprja tal-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tar-riforma;
8. Jemmen li huwa meħtiep ċertu ammont ta’ flessibilità fil-programm ta’ ħidma tal-Qorti tal-Awdituri biex jassigura li tadatta malajr għal avvenimenti maġġuri mhux mistennija li jistgħu jeħtieġu awditjar jew attenzjoni speċifiċi u li tkun kapaċi tinjora punti fuq il-programm li m’għadhomx relevanti; iqis li huwa importanti wkoll li l-Qorti tal-Awdituri għandha tilħaq ċertu livell ta’ diversifikazzjoni u bilanċ, pjuttost milli tikkonċentra wisq u ta’ spiss fuq ċerti oqsma ta’ attività; jiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Awdituri għall-prijoritajiet ta' politika tal-leġiżlaturi u l-kwistjonijiet ta' interess ewlieni għaċ-ċittadini tal-Unjoni kif ikkomunikat mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament;
9. Jappoġġa lill-Qorti tal-Awdituri fl-isforzi tagħha biex tiddedika aktar riżorsi għall-awditi tal-prestazzjoni; ifakkar li l-Qorti tal-Awdituri għandha tiżgura li l-awdituri assenjati biex iwettqu awditi speċifiċi għandu jkollhom l-għarfien tekniku u l-ħiliet metodoloġiċi meħtieġa;
10. Ifakkar lill-Qorti tal-Awdituri fil-ħtieġa li ttejjeb il-kalendarji ppjanati tagħha, b'mod partikolari fil-każ tar-Rapporti Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri, bla ma tikkomprometti l-kwalità ta' dawn ir-rapporti; jiddispjaċih li l-puntwalità tal-konklużjonijiet tal-awditu għadha 'l bogħod mill-objettiv fit-tul; jirrakkomanda li l-Qorti tal-Awdituri tistabbilixxi l-objettiv li tnaqqas it-tul ta' kull fażi tal-pjan tal-awditjar tal-prestazzjoni;
11. Jinnota li l-metodoloġija tal-Qorti tal-Awdituri għandha tkun konsistenti u applikati għall-oqsma kollha ta’ ġestjoni; jifhem li l-allinjament ulterjuri jista’ jwassal għal inkonsistenzi fid-definizzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri ta’ tranżazzjoni illegali f’ġestjoni diretta u konġunta;
12. Jinnota li ż-żmien medju għar-realizzazzjoni ta' Rapport Speċjali għadu ta' 20 xahar, kif kien fl-2012; jiddispjaċih li l-Qorti tal-Awdituri ma laħqitx l-objettiv strateġiku ta' 18-il xahar bħala żmien medju għar-realizzazzjoni tar-Rapporti Speċjali; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tehmeż ma' kull Rapport Speċjali id-dettalji dwar l-isfond tiegħu u dettalji dwar id-diversi stadji tat-tfassil;
13. Iqis li r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporti Speċjali għandhom ikunu aktar ċari u għandhom jiżvelaw b'mod konsistenti l-imġiba pożittiva u negattiva tal-pajjiżi kkonċernati;
14. Jinnota li l-aħħar bidiliet fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament, immirati biex jiżdied l-involviment tal-kumitati parlamentari f’oqsma differenti fir-rigward tar-Rapporti Speċjali, ma laħqux l-aspettattivi; jagħmel ħiltu biex jeżamina modi biex jitjiebu l-proċeduri parlamentari li japplikaw għar-Rapporti Speċjali mill-Qorti tal-Awdituri;
15. Jappoġġa t-tisħiħ kontinwu tal-karigi fil-qasam tal-awditjar fl-2013; jieħu nota tas-suċċess fir-reklutaġġ ta' persunal ġdid f'karigi fil-qasam tal-awditjar u t-tnaqqis ta' postijiet battala fi tmiem l-2013, meta mqabbla mal-2012;
16. Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri tiddikjara li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kriterji ġeografiċi fil-ħatra ta’ persunal għal karigi maniġerjali; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri, f’dan ir-rigward, biex tagħmel dak li huwa meħtieġ sabiex jinstab rimedju għas-sitwazzjoni attwali ta’ żbilanċ kbir fil-Qorti tal-Awdituri fil-ġejjieni, b’mod speċjali fir-rigward tal-karigi maniġerjali;
17. Jiddispjaċih li l-pjan tal-opportunitajiet indaqs imniedi mill-Qorti fl-2012 biex tiggarantixxi l-bilanċ bejn is-sessi ma tax ir-riżultati mistennija, speċjalment fejn huma kkonċernati l-karigi maniġerjali; jinnota li fost is-70 kariga maniġerjali u ta’ kap ta’ unità, 21 biss huma okkupati minn nisa, u li, barra minn hekk, il-maġġoranza ta’ dawn il-karigi huma fid-direttorati tat-traduzzjoni u l-amministrazzjoni; jenfasizza u jilqa’ ż-żieda fin-numru ta’ awdituri femminili, li bla dubju li se jkollhom effett fuq in-numru ta’ nisa f’karigi ta’ maniġment fl-awditjar; jieħu nota tal-impenn tal-Qorti tal-Awdituri li taġixxu malajr biex tirrevedi l-pjan favur l-ugwaljanza bil-ħsieb li jiġu identifikati soluzzjonijiet effettivi li jagħmluha possibbli li jintlaħqu l-miri stabbiliti f’dan il-qasam mill-aktar fis possibbli;
18. Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tinkludi, fir-rapport annwali tal-attività, ħarsa ġenerali tal-persunal li għandu kariga maniġerjali mqassma skont iċ-ċittadinanza, is-sess u l-kariga;
19. Jinnota b'sodisfazzjon it-tlestija tal-bini K3 fiż-żmien stabbilit u skont il-baġit;
20. Jeżiġi li l-politika dwar il-bini tal-Qorti tal-Awdituri tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tagħha, speċjalment peress li hu importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li dawn ma jkunux eċċessivi;
21. Jieħu nota tal-varjazzjoni sostanzjali fil-prezzijiet għall-ispejjeż ta’ traduzzjoni għal kull lingwa (b’varjazzjonijiet sa aktar minn EUR 100 għal kull paġna, skont il-lingwa) fil-Qorti tal-Awdituri; hu tal-opinjoni li diskrepanza tal-ispejjeż daqstant għolja, anke jekk ikunu inklużi l-ispejjeż indiretti, għandha tiġi analizzata u korreġuta;
22. Jinnota bi tħassib id-differenzi enormi bejn l-ispejjeż tat-traduzzjoni fost id-diversi istituzzjonjiet tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, lill-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar it-Traduzzjoni biex jidentifika l-kawżi ta' dawk id-disparitajiet u jippreżenta soluzzjonijiet li jtemmu n-nuqqas ta' ekwilibriju u jarmonizzaw l-ispejjeż tat-traduzzjoni, filwaqt li jiżguraw rispett sħiħ tal-kwalità u d-diversità lingwistika; jirrimarka, b'dan il-ħsieb, li l-grupp ta' ħidma għandu jerġa' jniedi l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet sabiex jikkondividu l-aħjar prattiki u eżiti, u jiddeterminaw f'liema oqsma jistgħu jissaħħu l-kooperazzjoni jew il-ftehimiet interistituzzjonali; jinnota li l-grupp ta’ ħidma għandu jkollu wkoll l-għan li jistabbilixxi metodoloġija unifikata għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni li l-istituzzjonijiet kollha jistgħu jużaw sabiex tkun eħfef biex l-ispejjeż jiġu analizzati u mqabbla; jinnota li l-grupp ta' ħidma għandu jippreżenta dawk is-sejbiet qabel tmiem l-2015; jitlob li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni biex jieħdu rwol attiv fix-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza fundamentali tar-rispett għall-multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jingħataw trattament u opportunitajiet ugwali;
23. Iqis li fi żmien ta' kriżi u tnaqqis baġitarju b'mod ġenerali, il-kost tal-'away days' għall-persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jitnaqqas u li dawn l-avvenimenti, fejn ikun possibbli, għandhom isiru fil-binjiet tal-istituzzjonijiet stess, peress li l-valur miżjud li jirriżulta mill-'away days' ma jiġġustifikax spejjeż daqstant għoljin;
24. Jirrikonoxxi li l-Qorti tal-Awdituri għamlet titjib għal dak li għandu x’jaqsam mad-definizzjoni u l-kjarifika tal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tal-Awla fir-rigward tal-koordinazzjoni, l-evalwazzjoni, l-assigurazzjoni u l-iżvilupp; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tkompli għaddejja b’dawn l-isforzi u jitlob li jkun infurmat dwar il-miżuri meħuda sabiex titjieb il-prestazzjoni tal-Awla;
25. Jieħu nota li fl-2013, il-Qorti tal-Awdituri b'kollox irrappurtat 14-il każ ta' suspett ta' frodi li rriżultaw mill-ħidma tagħha fil-qasam tal-awditjar u 10 każijiet marbuta mal-komunikazzjonijiet lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF); jinnota li l-OLAF iddeċieda li jiftaħ inkjesta f'sebgħa mill-14-il każ u fil-każijiet l-oħra, l-informazzjoni ntbagħtet lil awtorità oħra għall-azzjoni ta' segwitu;
26. Jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex fir-rapporti annwali tal-attività tagħha tinkludi, b'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;
27. Japprova r-rieżami ta' segwitu 2013 tal-awditur intern u l-progress li sar biex jiġu identifikati u prijoritizzati riskji finanzjarji u operattivi u t-tfassil ta' kontrolli xierqa ta' mitigazzjoni;
28. Jinnota li l-politika tas-sigurtà tal-informazzjoni teħtieġ strateġija tas-sigurtà azjendali koordinata u armonizzata; jindika li l-effiċjenza tal-ġestjoni u l-kontrolli interni tista' titjieb fl-oqsma prinċipali tal-governanza tal-Qorti tal-Awdituri;
29. Jieħu nota tal-introduzzjoni tal-applikazzjoni ġdida tas-Sistema ta' Appoġġ għall-Awditu (ASSYST) fil-Qorti tal-Awdituri, bħala għodda tal-awditjar intern; jitlob li jkun infurmat dwar l-objettivi ta' prestazzjoni stabbiliti għal din l-applikazzjoni;
30. Jieħu nota li l-Qorti tal-Awdituri impenjat ruħha li tieħu kull miżura possibbli biex tiżgura li l-approprjazzjonijiet ta’ missjonijiet jintużaw b’konformità stretta mal-prinċipji ta' ekonomija, effiċjenza u effettività;
31. Jieħu nota, barra minn hekk, tal-introduzzjoni ta' applikazzjonijiet ta' softwer ġodda biex titjieb l-amministrazzjoni tat-taħriġ fil-lingwi; jistenna li dawn l-għodod se jkomplu jtejbu l-ġestjoni tat-taħriġ fil-lingwi;
32. Jifhem l-interess tal-Qorti tal-Awdituri meta tivvaluta l-preżenza tagħha fil-midja; iqis, madankollu, li jeħtieġ li ċ-ċarezza tal-messaġġi tagħha tissaħħaħ; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-kwalità editorjali tat-testi kollha tal-Qorti tal-Awdituri tiġi soġġetta għal proċess ċentralizzat;
33. Japprezza l-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Kumitat Parlamentari għall-Kontroll tal-Baġit u jilqa' l-feedback regolari abbażi tat-talbiet tal-Parlament; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tinkludi fir-rapport ta’ attività annwali tagħha taqsima speċifika dwar l-azzjoni li ħadet b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet ta’ kwittanza tal-Parlament dwar il-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja preċedenti, kif jagħmlu l-parti l-kbira tal-istituzzjonijiet oħra; jitlob madankollu li l-Qorti tal-Awdituri u lill-awtoritajiet ta’ kwittanza biex itejbu l-kooperazzjoni tagħhom għal darb’ oħra sabiex jagħmlu x-xogħol tagħhom aktar effiċjenti u aktar effettiv;
34. Iqis r-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, u b’mod partikolari r-rapporti speċjali, huma ta’ kontribut importanti biex isir progress lejn approċċ aqwa tal-infiq fir-rigward tal-fondi tal-Unjoni; huwa tal-opinjoni li r-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri jista’ jkollhom aktar valur miżjud jekk ikunu kkomplementati b'ċertu numru ta’ miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu mill-Unjoni, u l-kalendarju mistenni biex timplimentahom, sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-objettivi definiti fil-programm, il-fond jew il-politika tal-Unjoni; iqis li dan il-fokus imsaħħaħ fuq l-eżiti, u b’mod partikolari fuq l-eżiti fit-tul, skont il-prinċipji ta' effiċjenza u effettività, ittejjeb għalhekk il-proċess ta’ segwitu meħtieġ li għandu jitwettaq mill-Qorti tal-Awdituri fejn jiġu mmonitorjati l-effetti tar-rakkomandazzjonijiet proposti;
35. Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex teżamina l-possibbiltà li tantiċipa l-preżentazzjoni tar-rapport annwali tagħha fi ħdan il-parametri stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
23.3.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 3 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Bogusław Liberadzki, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Fulvio Martusciello, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Joachim Zeller |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Caterina Chinnici, Iris Hoffmann, Andrey Novakov |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Laura Ferrara |
||||