Proċedura : 2014/2084(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0115/2015

Testi mressqa :

A8-0115/2015

Dibattiti :

PV 28/04/2015 - 16
CRE 28/04/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 29/04/2015 - 10.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0128

RAPPORT     
PDF 160kWORD 78k
31.3.2015
PE 539.741v02-00 A8-0115/2015

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

(2014/2084(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Ryszard Czarnecki

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

(2014/2084(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(1),

–       wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510 – C8-0153/2014)(2),

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0115/2015),

1.      Jagħti l-kwittanza lill-Ombudsman Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Ombudsman Ewropew għas-sena finanzjarja 2013;

2.      Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

(2014/2084(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0115/2015),

1.      Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-Rapport Annwali tagħha 2013, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Ombudsman Ewropew ("l-Ombudsman");

2.      Jenfasizza l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

3.      Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-Ombudsman huwa wieħed purament amministrattiv u li fl-2013 kien jammonta għal EUR 9 731 371 (EUR 9 516 500 fl-2012), b'EUR 7 567 371 allokati għat-Titolu I (nefqa relatata mal-persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni), EUR 1 606 700 attribwiti għat-Titolu 2 (bini, tagħmir u nefqa mixxellanja tal-operat) u EUR 557 300 għat-Titolu 3 (nefqa li tirriżulta minn funzjonijiet speċjali li jsiru mill-istituzzjoni);

4.      Jieħu nota tal-fatt li, mill-approprjazzjonijiet totali, ġew impenjati 98,20 % (98,30 % fl-2012) u ġew imħallsa 91,82 % (88,69 % fl-2012) b'rata ta' użu ta' 98,20 % (95,88 % fl-2012); jilqa' r-riżultati miksuba fl-2013;

5.      Jinnota t-titjib kontinwu tal-ippjanar finanzjarju u tal-monitoraġġ tiegħu; jappella għat-tkomplija ta' dan l-isforz fl-eżerċizzji baġitarji li jmiss;

6.      Japprova l-Pjan ta' Ġestjoni Annwali tal-Ombudsman għall-2013, li jinkludi tabella ta' valutazzjoni għall-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) maħsuba biex tkejjel il-prestazzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fil-ksib tal-objettivi tiegħu;

7.      Jieħu nota tal-impenn tal-Ombudsman li tkompli ttejjeb is-sistema tagħha għal monitoraġġ u kontroll f'waqthom tal-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' akkwist; jappoġġa lill-Ombudsman biex tkompli twettaq monitoraġġ tal-ġestjoni tal-allowances u ttejjeb il-livelli ta' prestazzjoni ta' dik il-ġestjoni;

8.      Jieħu nota tal-fatt li l-Ombudsman tfittex li tilħaq titjib kontinwu fl-ippjanar finanzjarju sabiex tiżgura l-aktar implimentazzjoni effiċjenti possibbli tal-baġit;

9.      Jistieden lill-Ombudsman tniżżel ir-rata mhux użata tas-servizzi ta' interpretazzjoni mitluba matul dik is-sena fir-rapport ta' attività annwali li jmiss;

10.    Jinnota bi tħassib id-diverġenzi enormi bejn l-ispejjeż tat-traduzzjoni fid-diversi istituzzjonjiet tal-Unjoni; jitlob, għalhekk, li l-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar it-Traduzzjoni jidentifika l-kawżi ta' dawn id-diverġenzi u jipproponi soluzzjonijiet li jtemmu n-nuqqas ta' ekwilibriju u jarmonizzaw l-ispejjeż tat-traduzzjoni, filwaqt li jiżguraw rispett sħiħ tal-kwalità u tad-diversità lingwistika; jirrimarka, b'dan il-ħsieb, li l-grupp ta' ħidma għandu jerġa' jniedi l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet sabiex jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki u eżiti, u jiddeterminaw f'liema oqsma jistgħu jissaħħu l-kooperazzjoni jew il-ftehimiet interistituzzjonali; jinnota li l-grupp ta' ħidma għandu wkoll ikollu l-għan li jistabbilixxi metodoloġija unifikata, għall-preżentazzjoni tal-ispejjeż tat-traduzzjoni li jkunu jistgħu jużawha l-istituzzjonijiet kollha, sabiex jiġu ssimplifikati l-analiżi u l-paragun tal-ispejjeż; jinnota li l-grupp ta' ħidma għandu jippreżenta dawk is-sejbiet qabel tmiem l-2015; jitlob li l-istituzzjonijiet kollha jieħdu rwol attiv fix-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-importanza fundamentali tar-rispett tal-multilingwiżmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex niżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jingħataw trattament u opportunitajiet ugwali;

11.    Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-awditur intern fir-rapporti ta' awditjar 2013 li s-sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll interni huma effikaċi u effiċjenti u li l-azzjonijiet pendenti ngħalqu kollha;

12.    Jilqa' l-fatt li l-għan li jingħalqu 70 % tal-każijiet f'anqas minn sena nqabeż fl-2013; jinnota, madankollu, li l-proporzjon ta' inkjesti magħluqa fi żmien 18-il xahar għadu taħt il-mira stabbilita mill-Ombudsman, minkejja l-fatt li żied minn 79 % għal 81 %; jemmen li l-mira ta' 90 % hija realistika u tista' tinkiseb; jistenna li din il-mira tintlaħaq fl-2014 u li dan ir-riżultat jiġi spjegat fid-dettall fir-rapport ta' attività annwali; jilqa' l-fatt li ngħata bidu għal inkjesti speċifiċi fuq inizjattiva proprja u jitlob li jiġi informat dwar l-eżiti inizjali ta' dawn l-inkjesti;

13.    Jilqa' l-fatt li fl-2012 l-Ombudsman kisbet l-ewwel livell ta' rikonoxximent, "Impenjata għall-Eċċellenza", tal-Fondazzjoni Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kwalità u jilqa' l-fatt li fl-2013 inżammet relazzjoni eċċellenti u produttiva mal-Fondazzjoni;

14.    Jiġbed l-attenzjoni għal-livell għoli ta' nfiq matul l-'away days', konferenzi u avvenimenti simili għall-persunal fl-uffiċċju tal-Ombudsman fl-2013, li kien notevolment ogħla minn dak f'istituzzjonijiet oħrajn; iqis li fi żmien ta' kriżi u tnaqqis baġitarju b'mod ġenerali, il-kost tal-'away days' għall-persunal fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jitnaqqas u li dawn l-avvenimenti, fejn ikun possibbli, għandhom isiru fil-binjiet tal-istituzzjonijiet stess, peress li l-valur miżjud li jirriżulta mill-'away days' ma jiġġustifikax kosti daqstant għolja;

15.    Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li nħatret mara biex taqdi l-funzjoni ta' Ombudsman Ewropew; jinsab imħasseb, madankollu, dwar in-nuqqas ta' nisa b'karigi maniġerjali fl-uffiċċju tal-Ombudsman; jitlob l-introduzzjoni ta' pjan għall-opportunitajiet ugwali speċifikament maħsub għall-karigi maniġerjali bil-għan li jiġi korrett dan l-iżbilanċ mill-aktar fis possibbli;

16.    Iqis li l-Ombudsman għandha tkompli tirsisti għal kwalità konsistenti fir-rapport ta' attività annwali u għandha tipprovdi rapport ta' impatt annwali komprensiv, li huwa għodda importanti għall-valutazzjoni tal-ħidma tagħha;

17.    Jeżiġi li l-politika dwar il-bini tal-Ombudsman tinhemeż mar-rapport annwali tal-attività tiegħu, speċjalment peress li hu importanti li l-kosti ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li dawn ma jkunux eċċessivi;

18.    Jistieden lill-Ombudsman biex fir-rapporti annwali tal-attività tagħha tinkludi, b'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, ir-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn l-istituzzjoni jew xi ħadd mill-individwi li jaħdmu għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

19.    Jaqbel bis-sħiħ mal-politika ta' trasparenza segwita mill-Uffiċċju tal-Ombudsman, u jitlob li tiddaħħal proċedura għall-valutazzjoni bil-quddiem tal-impatt li jistgħu jkollhom ċerti pubblikazzjonijiet, bil-għan li jiġu ppubblikati flimkien ma' rapport ta' spjegazzjoni, ħalli jiġi evitat li jintużaw b'mod li ma jkunx imparzjali; jirrimarka li din il-proċedura għandha tinbeda mill-Ombudsman f'kooperazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, il-Kummissjoni u l-istituzzjoni kkonċernata mill-pubblikazzjoni partikolari;

20.    Jindika li r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman fl-2013 ġie adottat mill-plenarja fil-15 ta' Jannar 2015(7) u jieħu nota tal-osservazzjonijiet li saru fih.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Bogusław Liberadzki, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Fulvio Martusciello, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici, Iris Hoffmann, Andrey Novakov

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Ferrara

(1)

ĠU L 66, 8.3.2013.

(2)

ĠU C 403, 13.11.2014, p. 1.

(3)

ĠU C 398, 12.11.2014, p. 1.

(4)

ĠU C 403, 13.11.2014, p. 128.

(5)

ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(7)

             Testi adottati, P8_TA(2015)0009.

Avviż legali - Politika tal-privatezza