Proċedura : 2015/2039(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0121/2015

Testi mressqa :

A8-0121/2015

Dibattiti :

PV 27/04/2015 - 22
CRE 27/04/2015 - 22

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2015 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0107

RAPPORT     
PDF 186kWORD 146k
31.3.2015
PE 546.870v03-00 A8-0121/2015

dwar Segwitu għall-implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Bolonja

(2015/2039(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Krystyna Łybacka

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Segwitu għall-implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Bolonja

(2015/2039(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 26 tagħha,

–    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Sorbonne dwar l-armonizzazzjoni tal-arkitettura tas-sistema Ewropea tal-edukazzjoni għolja, mill-erba' ministri responsabbli minn dan il-qasam għal Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit, iffirmata f'Pariġi fil-25 ta' Mejju 1998 (id-Dikjarazzjoni ta' Sorbonna)(1),

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Bolonja ffirmata fid-19 ta' Ġunju 1999 mill-Ministri tal-Edukazzjoni minn 29 pajjiż Ewropew (id-Dikjarazzjoni ta' Bolonja)(2),

–    wara li kkunsidra l-komunikat maħruġ mill-Konferenza tal-Ministri Ewropej responsabbli għall-Edukazzjoni Għolja li saret f’Leuven u Louvain-la-Neuve, fit-28 u d-29 ta’ April 2009(3),

–    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Budapest-Vjenna tat-12 ta' Marzu 2010 adottata mill-Ministri tal-Edukazzjoni ta' 47 pajjiż, li uffiċjalment varat iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA)(4),

–    wara li kkunsidra l-komunikat maħruġ mill-Konferenza Ministerjali u t-Tielet Forum Politiku ta’ Bolonja li saru f’Bukarest, fis-26 u s-27 ta’ April 2012(5),

–    wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Mobilità 2020 għaż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (EHEA) adottata mill-Konferenza Ministerjali tal-EHEA li saret f’Bukarest, fis-26 u s-27 ta’ April 2012(6),

–    wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ( "ir-Regolament tal-IMI")(7),

–    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 biex jiġi faċilitat il-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi għal żjara qasira uniformi għar-riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw fi ħdan il-Komunità bil-għan li jagħmlu riċerka xjentifika(8),

–    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar iktar kooperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni għolja(9),

–    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (EQF-LLL)(10),

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”)(11),

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-iżviluppar tar-rwol tal-edukazzjoni fi trijanglu tal-għarfien li jiffunzjona kompletament(12),

–    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2010 dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja(13),

–    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel(14),

–    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 bit-titolu "Żgħażagħ f'Moviment – il-promozzjoni tal-mobbiltà fit-tagħlim taż-żgħażagħ(15),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Mejju 2006 bit-titolu "Inwasslu għar-riżultati tal-aġenda ta’ modernizzazzjoni għall-universitajiet: l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni" (COM(2006)0208),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu: “EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010 dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa (COM(2010)0245/2),

–    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu 'Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta' edukazzjoni għolja fl-Ewropa' (COM(2011)0567),

–    wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Higher Education in Europe 2009: Developments in the Bologna Process" (L-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa 2009: Żviluppi fil-Proċess ta’ Bolonja) (Eurydice, Kummissjoni Ewropea, 2009)(16),

–    wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Focus on Higher Education in Europe 2010: The Impact of the Bologna Process’’ (Ħarsa Lejn l-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa 2010: l-Impatt tal-Proċess ta’ Bolonja) (Eurydice, Kummissjoni Ewropea, 2010)(17),

–    wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu “The European Higher Education Area in 2012: Bologna Process Implementation Report" (Iż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja fl- 2012: Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Proċess ta’ Bolonja ) (Eurydice, Kummissjoni Ewropea, 2012)(18),

–    wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-2007 tal-Ewrobarometru dwar ir-riforma fl-edukazzjoni għolja fost il-professjonisti tat-tagħlim(19),

–    wara li kkunsidra l-istħarriġ tal-2009 tal-Ewrobarometru dwar ir-riforma fl-edukazzjoni għolja fost l-istudenti(20),

–    wara li kkunsidra l-publikazzjoni tal-Eurostat tas-16 ta' April 2009 bit-titolu "The Bologna Process in Higher Education in Europe – Key indicators on the social dimension and mobility" (Il-Proċess ta' Bolonja fl-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa – Indikaturi ewlenin dwar id-dimensjoni soċjali u l-mobilità)(21),

–    wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament tal-Edukazzjoni Għolja li saret f’Yerevan, fl-Armenja, fit-8 u d-9 ta’ Settembru 2011(22),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2008 dwar il-Proċess ta’ Bolonja u l-mobilità tal-istudenti(23),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar "Id-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji: sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet Ewropej"(24),

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar il-kontribut tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-konsolidazzjoni u l-progress tal-Proċess ta' Bolonja(25),

–    wara li kkunsidra l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS)(26),

–    wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0121/2015),

A.  billi l-importanza tal-Proċess ta’ Bolonja fis-sitwazzjoni ekonomika attwali għandha tkun fit-twettiq tal-għanijiet ta’ żvilupp tal-ogħla livell possibbli tal-għarfien u l-innovazzjoni għaċ-ċittadini permezz ta’ aċċess wiesa’ għall-edukazzjoni u l-aġġornament kontinwu tiegħu, u billi dan għandu jkun rifless fir-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, u fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa ta' Juncker;

B.   billi l-analiżijiet juru li kważi wieħed minn kull tliet impjegaturi fl-UE jkollu l-problemi biex isib impjegati b’ħiliet xierqa; billi mil-lat tal-għan li jitnaqqas in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fl-UE (id-distakk bejn il-ħiliet tal-individwu għall-impjieg u d-domanda tas-suq tal-impjiegi) ir-riforma ta' Bolonja sa issa ma kinitx ta' suċċess kbir; billi n-nuqqas tat-tlaqqigħ tal-ħiliet sar sfida ċentrali għall-Ewropa, li taffettwa l-oqsma kollha tas-soċjetà, mill-produttività u l-effiċjenza tan-negozji sal-benessri attwali u futur taż-żgħażagħ;

C.  billi l-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ma ttejbitx wisq mill-bidu tal-kriżi fl-2008 'il hawn; billi fl-aħħar tal-2014 fl-UE kien hemm madwar 5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa ta' taħt l-età ta' 25 sena li kienu qiegħda;

D.  billi, kif intqal minn wieħed filosfu, "it-tiftix għall-verità u s-sbuħija għandu jkun il-karatteristika tal-Universitajiet", minbarra d-dmir tagħhom li jħejju professjonisti, xjentisti, inġiniera, għalliema, tobba, politiċi u ċittadini ġodda;

E.   billi huwa importanti li l-universitajiet jitqiesu bħala l-atturi ewlenin reali tal-Proċess ta' Bolonja, lil hinn mir-rwoli ta' appoġġ f'dawk li huma koordinazzjoni, regolazzjoni u riżorsi tal-istituzzjonijiet reġjonali u nazzjonali;

F.   billi din l-inizjattiva intergovernattiva, imwettqa b’kooperazzjoni mas-settur akkademiku, involviet sforzi biex jingħata rispons Ewropew komuni għal problemi serji f’ħafna pajjiżi, iżda dawn ma kinux biżżejjed;

G.  billi l-iskop reali tal-Proċess ta’ Bolonja huwa li jiġu appoġġati l-mobilità u l-internazzjonalizzazzjoni, kif ukoll li jiġu żgurati l-kompatibilità u l-komparabilità fl-istandards u l-kwalità ta’ sistemi differenti ta' edukazzjoni għolja filwaqt li tiġi rispettata l-awtonomija tal-universitajiet u b’hekk jingħata kontribut għall-ħolqien ta’ żona Ewropea ġenwinament demokratika li toffri opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini;

H.  billi jeħtieġ li ssir valutazzjoni tal-progress li sar tul dawn l-aħħar 15-il sena li tieħu kont kemm tal-istorja tas-suċċess f'dik li hi kooperazzjoni intrareġjunali u kemm tal-problemi persistenti li ġew iffaċċjati u n-nuqqas ta’ uniformità fl-ilħuq tal-għanijiet iddikjarati;

I.    billi filwaqt li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi l-Proċess ta' Bolonja kien qed jiggwida u jimmotiva r-riformi edukattivi, f'xi pajjiżi jista' jidher bħala piż burokratiku minħabba komunikazzjoni żbaljata u nuqqas ta' fehim tal-viżjoni vera tiegħu;

J.    billi huwa importanti li wieħed jirrikonoxxi l-karattru pan-Ewropew tal-Proċess ta’ Bolonja, kif ukoll l-involviment tal-atturi kollha tiegħu, inklużi l-istudenti, l-għalliema, ir-riċerkaturi u l-persunal li ma jgħallmux;

K.  billi huwa kruċjali li jingħata appoġġ finanzjarju kontinwu u akbar għall-edukazzjoni, it-taħriġ, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, l-għarfien u r-riċerka, speċjalment f’dan il-perjodu ta’ kriżi ekonomika;

L.   billi f'dan il-kuntest li qed dejjem jinbidel hemm il-ħtieġa li jiġi affermat mill-ġdid l-impenn politiku sottostanti għall-Proċess ta' Bolonja u l-involviment tal-istituzzjonijiet Ewropej, tal-gvernijiet nazzjonali u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha fit-twettiq tal-proċess;

Ir-rwol tal-Proċess ta’ Bolonja

1.   Jinnota li l-edukazzjoni u r-riċerka huma wieħed mill-pilastri ewlenin tas-soċjetà tagħna meta niġu biex nippromwovu l-iżvilupp tal-ħiliet, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li investiment akbar fl-edukazzjoni huwa kruċjali biex jiġu indirizzati b'mod deċiżiv u effettiv il-faqar, l-inugwaljanzi soċjali u l-qgħad, b’mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ, u titrawwem l-inklużjoni soċjali;

2.   Jinnota li l-Proċess ta’ Bolonja jista’ jgħin biex jiġi indirizzat b'mod deċiżiv in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet fl-UE li kieku kellu jagħti l-opportunità lill-istudenti li jiksbu u jiżviluppaw il-kompetenzi meħtieġa mis-suq tax-xogħol, u li meta qed jagħmel dan ikun jista’ jilħaq l-għan importanti li tissaħħaħ l-impjegabbiltà tal-gradwati;

3.   Jinsab konxju mir-rwol li l-Proċess ta' Bolonja għandu fil-ħolqien ta’ Ewropa ta’ Għarfien; jenfasizza li t-tixrid tal-għarfien, l-edukazzjoni u r-riċerka huwa element ewlieni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jikkontribwixxi għat-trawwim taċ-ċittadinanza Ewropea; jenfasizza wkoll, madankollu, il-bżonn li ssir konsulatazzjoni fi ħdan il-komunità tal-edukazzjoni għolja (għalliema, studenti u ħaddiema li ma jgħallmux) sabiex wieħed jifhem l-oppożizzjoni għar-riformi marbuta mal-Proċess ta' Bolonja, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi ggarantita edukazzjoni pubblika li tkun bla ħlas u aċċessibbli għal kulħadd u li twieġeb għall-bżonnijiet tas-soċjetà;

4.   Jinnota li r-riformi ta’ Bolonja rriżultaw fil-varar ta’ Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (EHEA), u ppermettew li jsiru kisbiet f’dawn l-aħħar 15-il sena billi ġabu l-istrutturi tal-edukazzjoni għolja aktar komparabbli, żiedu l-mobilità, ipprovdew sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità u fir-rikonoxximnet tad-diplomi, fit-titjib tal-kwalità tas-sistemi edukattivi kif ukoll l-attrazzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa;

5.   Jinnota li għad baqa' ħafna xogħol xi jsir fil-Proċess ta' Bolonja fil-qasam tal-aġġustament tas-sistemi edukattivi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u fil-qasam tat-titjib tal-impjegabbiltà u l-kompetittività b'mod ġenerali, kif ukoll l-attrazzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa; jinnota li l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja (IEGħ) Ewropej għandhom ikunu kapaċi jwieġbu malajr għat-tibdil ekonomiku, kulturali, xjentifiku u teknoloġiku fis-soċjetà moderna sabiex jużaw il-potenzjal sħiħ tagħhom ħalli jinkoraġġixxu t-tkabbir, l-impjegabbiltà u l-koeżjoni soċjali;

6.   Jinnota l-għanijiet għas-snin li ġejjin, u l-prijoritajiet nazzjonali għall-azzjonijiet li għandhom jittieħdu sal-2015, kif deskritti fil-qosor mill-Konferenza Ministerjali tal-EHEA tal-2012 f'Bukarest, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għall-istrateġija ta’ mobilità tal-EHEA tal-2020, filwaqt li jirrakkomanda l-istabbiliment ta’ osservatorji ġodda, approċċi ġodda għad-diversi komunitajiet universitarji Ewropej, u sistemi ġodda għall-integrazzjoni tal-membri ta’ dawn il-komunitajiet universitarji fil-proċess ta’ riforma għal dan il-Pjan;

Il-prijoritajiet u l-isfidi

7.   Jistieden lill-pajjiżi tal-EHEA jimplimentaw riformi komuni li sar qbil dwarhom immirati lejn it-tħaffif tal-ilħuq tal-għanijiet tal-Proċess ta’ Bolonja, u jsaħħu l-kredibilità tal-EHEA; jinkoraġġixxi l-appoġġ għall-pajjiżi li qed jiffaċċjaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi; jappoġġa, f’dan ir-rigward, il-ħolqien ta’ sħubijiet wiesgħa bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni, u l-partijiet ikkonċernati rilevanti;

8.   Jistieden lill-Istati Membri jtejbu iżjed u jaġġornaw il-valutazzjoni tal-istabbilimenti ta’ edukazzjoni għolja, skont l-istandards li ġew stabbiliti qabel mis-sistemi edukattivi fil-livell internazzjonali u jippremjaw l-eċċellenza bil-ħsieb li jmexxu 'l quddiem l-għarfien, ir-riċerka u x-xjenza;

9.   Jenfasizza l-importanza li tiġi ppreservata d-diversità fit-tagħlim, inkluża d-diversità tal-lingwi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-għotjiet tal-istudenti u jiżguraw li jkunu faċilment aċċessibbli;

10. Jinnota l-ħtieġa li jsiru sforzi ulterjuri sabiex l-EHEA tiġi żviluppata, u wieħed jibni fuq il-progress li sar fl-ilħuq tal-objettivi tagħha u f’koordinazzjoni maż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni u Taħriġ, iż-Żona Ewropea ta’ Tagħlim tul il-Ħajja (LLL) u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka;

11. Jistieden lill-partijiet interessati kollha kkonċernati mill-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja biex isaħħu l-assigurazzjoni tal-kwalità sabiex isseħħ żona Ewropea ta' edukazzjoni għolja li ttejjeb l-attrazzjoni tagħha bħala referenza ta' eċċellenza akkademika mad-dinja kollha;

12. Jistieden lill-Istati Membri, lill-pajjiżi tal-EHEA u lill-UE kollha kemm hi, biex jinkoraġġixxu l-għarfien pubbliku tal-Proċess ta’ Bolonja u l-appoġġ għalih, inkluża azzjoni fil-livell l-aktar bażiku biex jinkiseb involviment aktar effettiv u dinamiku fl-ilħuq tal-għanijiet tiegħu;

13. Jirrimarka li l-Kummissjoni, bħala membru tal-Proċess ta’ Bologna, għandha rwol importanti fl-iżvilupp l-EHEA, u jitlobha biex tkompli r-rwol tagħha fir-rilanċ tal-Proċess u fit-tħaffif tal-isforzi biex jintlaħqu l-objettivi ddikjarati;

14. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li fis-settur terzjarju tiġi inkluża l-kwalità tal-edukazzjoni u r-riċerka fl-għanijiet iddikjarati; iqis li wieħed mill-indikaturi tat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet għandu jkun li tiżdied l-impjegabbiltà tal-gradwati, li huwa wkoll objettiv tal-istrateġija Ewropa 2020;

15. Jitlob li jsir djalogu bejn il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja (IEGħ) sabiex jitqiegħed fil-mira u jiġi massimizzat l-użu tal-fondi disponibbli u jiġu mfittxija mudelli ġodda u diversi għall-finanzjament biex jikkomplimentaw il-finanzjament pubbliku; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-Orizzont 2020 biex imexxi proġetti ta' riċerka kollaborattivi fost l-IEGħ Ewropej u jinsab imħasseb dwar l-attentati kontinwi biex jinqata' l-finanzjament tiegħu filwaqt li oqsma oħrajn tal-baġit jibqgħu mhux ikkontestati;

16. Jistieden lill-gvernijiet itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-finanzjament pubbliku fl-edukazzjoni u jirrispettaw il-mira ewlenija tal-UE li jiġu investit fir-R&Ż 3 % tal-PDG tal-UE sal-2020; jenfasizza li l-finanzjament ambizzjuż tal-edukazzjoni u r-riċerka huwa meħtieġ, peress li jikkostitwixxu wieħed mill-għodod ewlenin biex jiġi żgurat l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għal kulħadd, kif ukoll biex jiġu miġġielda l-kriżi ekonomika u l-qgħad;

17. Jinnota l-opportunitajiet ta' finanzjament potenzjali għall-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali li għandhom jiġu pprovduti mill-FEIS; jesprimi t-tħassib serju tiegħu għat-tnaqqis ippjanat fil-fondi għal Orizzont 2020 li huma konnessi direttament mar-riċerka u l-edukazzjoni, favur l-FEIS;

18. Iwissi li kwalunkwe tnaqqis f’Orizzont 2020 bla dubju se jaffettwaw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Proċess ta’ Bolonja, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirtira kwalunkwe proposta bħal din;

19. Jinkoraġġixxi kemm l-approċċ minn fuq għal isfel u kemm l-approċċ minn isfel għal fuq, li jinvolvu l-komunità akkademika kollha kemm hi u s-sħab soċjali, u jitlob li jkun hemm l-impenn politiku u l-kooperazzjoni tal-Ministri tal-EHEA fl-iżvilupp ta’ strateġija komuni għall-kisba tar-riformi ta’ Bolonja;

20. Jitlob għall-iżvilupp ulterjuri ta’ programmi ta’ studju b’objettivi ddefiniti b’mod ċar, li jipprovdu l-għarfien u t-taħlita ta’ ħiliet, kemm ġenerali u kemm professjonali, li huma meħtieġa mhux biss biex il-gradwati jkunu mħejjija għar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol u jibnu l-kapaċità tagħhom għat-tagħlim tul il-ħajja (LLL), iżda wkoll u b’mod kruċjali biex iċ-ċittadini jiġu integrati; jappoġġja l-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas Ewropew għaċ-ċertifikazzjoni tal-kwalifiki professjonali;

21. Jenfasizza r-rwol tad-dixxiplini XTIM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, Matematika) u l-importanza tagħhom għas-soċjetà, l-ekonomija u l-impjegabbiltà tal-gradwati;

22. Jitlob għall-implimentazzjoni korretta tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) u s-Suppliment tad-Diploma fl-EHEA, bħala l-għodod ewlenin marbuta mal-ammont ta' xogħol u r-riżultati tat-tagħlim tal-istudenti, sabiex tiġi faċilitata l-mobilità u l-istudenti jiġu megħjuna jikkompilaw il-kisbiet akkademiċi u ekstrakurrikulari tagħhom;

23. Jenfasizza l-importanza li jiġu ggarantiti r-rikonoxximent reċiproku u l-kompatibilità tal-lawrji akkademiċi għat-tisħiħ tas-sistema tal-assigurazzjoni tal-kwalità fuq livell Ewropew u fil-pajjiżi kollha li ngħaqdu mal-EHEA, skont il-verżjoni riveduta tal-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (ESG) fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja; jistieden lill-pajjiżi kollha tal-EHEA u lill-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità rispettivi tagħhom, biex jingħaqdu fin-netwerks Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità (ENQA u EQAR);

24. Iħeġġeġ lis-sħab tal-Proċess ta' Bolonja u b'mod speċjali lill-Kummissjoni biex b'mod regolari jkejlu n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-kompetenzi u l-ħiliet fil-mument meta l-gradwati jidħlu fid-dinja tax-xogħol;

25. Jenfasizza l-importanza tal-għan tal-istrateġija Ewropa 2020 skont liema għan 40 % ta' dawk li għandhom bejn it-30 u l-34 sena suppost li jkunu temmew l-edukazzjoni terzjarja u jkunu kisbu l-ħiliet u l-kompetenzi xierqa biex isibu impjieg li jissodisfahom;

26. Jenfasizza l-valur tal-Qofsa tal-Kwalifiki (QK) sabiex tittejjeb it-trasparenza, u jistieden lill-pajjiżi kollha tal-Proċess ta’ Bolonja jagħmlu l-QK nazzjonali tagħhom kompatibbli ma’ dawk tal-EHEA u mal-QK Ewropej;

27. Jenfasizza li l-Qofsa Nazzjonali tal-Kwalifiki (QNK) f'ħafna Stati Membri għad jonqoshom jiġu aġġustati għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) kif ukoll għall-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (ESG); jinnota li ħafna NQFs għadhom mhumiex irreġistrati fir-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (EQAR);

28. Jinnota li l-mobilità tal-istudenti, l-għalliema, ir-riċerkaturi u l-persunal li ma jgħallimx hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Proċess ta’ Bolonja; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-opportunitajiet għal mobilità u l-kwalità, u jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Mobiltià 2020 għall-EHEA u wkoll li tintlaħaq mira kwantitattiva ta’ 20 % għall-mobilità tal-istudenti sal-2020; f’dan ir-rigward, jenfasizza r-rwol kruċjali tal-programm Erasmus + u Orizzont 2020, u l-importanza li tiġi żgurata l-implimentazzjoni u l-promozzjoni bla xkiel u effiċjenti tagħhom; jenfasizza li l-għotjiet għall-istudju li jappartjenu lill-Erasmus+ għandhom ikunu eżentati mit-taxxa u mill-imposti soċjali;

29. Jitlob għall-inkorporazzjoni gradwali tal-mobilità tal-istudenti fil-kurrikuli universitarji uffiċjali;

30. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu involuti għadd xieraq ta’ studenti u persunal li jgħallem fl-oqsma tal-arti u l-mużika fil-programmi ta’ mobilità tal-UE;

31. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jivvalutaw, fil-qasam tal-kriterji ta’ klassifikar għall-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ għoli, il-livell tas-sħubija u tal-mobilità Ewropea u internazzjonali li jippromwovu;

32. Jinnota r-rwol ċentrali tal-IEGħ fil-promozzjoni tal-mobilità u fil-produzzjoni ta' gradwati u riċerkaturi b'għarfien u ħiliet li jippermettulhom jagħmlu suċċess permezz tal-impjegabbiltà fl-ekonomija globali;

33. Jistieden lill-Istati Membri, lill-UE u lill-EHEA jsaħħu l-mobilità billi jrawmu t-tagħlim tal-lingwi, ineħħu l-ostakli amministrattivi, jipprovdu mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju adegwat u jiggarantixxu t-trasferibilità tal-għotjiet, il-boroż ta' studju u l-krediti; jinnota li l-mobilità tibqa’ inqas aċċessibbli għall-istudenti li ġejjin minn sfondi inqas sinjuri;

34. Jenfasizza, fir-rigward kemm tat-tfassil u kemm tat-twettiq tal-programmi, il-bidla fil-paradigma edukattiva lejn approċċ iktar iċċentrat fuq l-istudenti li jinkludi l-iżvilupp personali tal-istudenti; jissottolinja l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-istudenti fil-governanza tal-edukazzjoni għolja;

35. Jissottolinja li l-programmi ta' studju għandhom jiffokaw fuq id-domandi fit-tul tas-suq; jenfasizza wkoll li l-impjegabbiltà tfisser li l-istudenti għandu jkollhom ħakma ta' firxa wiesgħa ta' kompetenzi differenti li jħejjuhom għas-suq tax-xogħol u jgħammruhom bil-kapaċità għat-tagħlim tul il-ħajja; jinkoraġġixxi f’dan ir-rigward id-djalogu attiv u l-kooperazzjoni nazzjonali u transfruntiera fuq programmi u kollokamenti tax-xogħol bejn il-komunità universitarja u n-negozju, li jistgħu jgħinu biex tingħeleb il-kriżi ekonomika, jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku, u jingħata kontribut għal soċjetà bbażata fuq l-għarfien u b’hekk jiġu pprovduti opportunitajiet f’sens soċjali aktar wiesa’; jinkoraġġixxi lill-IEGħ ikunu miftuħa għal studji transdixxiplinarji, il-ħolqien ta' istituti tar-riċerka universitarji u kollaborazzjoni ma' sħab diversi;

36. Jenfasizza l-ħtieġa li jingħataw opportunitajiet wiesgħa għat-tagħlim tul il-ħajja, u għal forom kumplementari ta’ tagħlim bħalma huma l-edukazzjoni mhux formali u dik informali li huma kruċjali għall-iżvilupp tal-ħiliet interpersonali;

37. Jitlob li jsiru sforzi biex tissaħħaħ ir-rabta bejn l-edukazzjoni għolja u r-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż permezz tal-promozzjoni ta’ edukazzjoni bbażata fuq ir-riċerka, u jenfasizza l-Programm Orizzont 2020 bħala mekkaniżmu ta’ finanzjament ewlieni biex tingħata spinta lir-riċerka; jitlob għal sinkronizzazzjoni aħjar tal-azzjonijiet li jappoġġjaw il-Proċess ta’ Bolonja bħalma huma l-programmi Orizzont 2020 u Erasmus+;

38. Jitlob li jkun hemm toroq ta’ tagħlim aktar flessibbli li jinkludu programmi ta’ lawrji konġunti u studji interdixxiplinarji, u li jappoġġjaw l-innovazzjoni, il-kreattività, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), l-edukazzjoni doppja, u l-intraprenditorija fl-edukazzjoni għolja, u jitlob li l-potenzjal offrut mit-teknoloġiji ġodda, id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) jiġi esplorat bil-għan li t-tagħlim kemm mill-istudenti u kemm mill-għalliema jsir aktar għani, kif ukoll sabiex jiġu żviluppati ulterjorment firxa wiesgħa ta' ħiliet u mudelli ġodda għat-tagħlim mill-istudenti, għat-tagħlim mill-għalliema u għall-valutazzjoni;

39. Jistieden lill-IEGħ, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, is-sħab soċjali u l-intrapriżi biex imexxu djalogu kontinwu li jiffaċilita u jsaħħaħ l-impjegabbiltà; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li d-diskussjoni tiffoka fuq il-potenzjal mhux użat tal-edukazzjoni għolja f'dawk li huma l-istimular tat-tkabbir u l-impjiegi; jistieden lill-pajjiżi tal-EHEA u l-IEGħ isaħħu l-koperazzjoni bil-għan li jiżguraw taħriġ prattiku professjonali u apprendistati ta’ kwalità u jsaħħu l-mobilità f’dan il-kuntest; jenfasizza li l-partijiet ikkonċernati għandhom jikkooperaw aħjar biex jgħollu l-kwalifiki inizjali u jġeddu forza tax-xogħol kwalifikata, kif ukoll biex itejbu l-forniment, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-gwida dwar il-karrieri u l-impjiegi; iqis, barra minn hekk, li l-kollokamenti tax-xogħol fi ħdan il-programmi ta' studju u t-tagħlim fuq il-post tax-xogħol għandhom jiġu inkoraġġiti iżjed;

40. Jenfasizza li huwa meħtieġ li r-refuġjati rikonoxxuti jkollhom aċċess għall-istituzzjonijiet kollha li jinsabu fl-EHEA li jkunu jistgħu jgħinuhom jibnu ħajja indipendenti permezz tal-edukazzjoni; barra minn hekk jenfasizza li l-permessi ta' residenza għall-gradwati li qed ifittxu attività professjonali kwalifikata għandhom jiġu liberalizzati iżjed; jenfasizza li l-isforzi għar-rikonoxximent reċiproku għar-refuġjati rikonoxxuti għandhom jiġu msaħħa, b'mod speċjali taħt l-aspett ta' mobilità għal tali l-istudenti;

41. Jenfasizza li l-Istati Membri, u l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja kollha li ngħaqdu mal-EHEA, huma responsabbli li jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità li twieġeb għall-isfidi soċjetali u ekonomiċi, u jenfasizza l-ħtieġa tal-kooperazzjoni mill-qrib tagħhom bil-għan li jilħqu l-għanijiet stabbiliti fi ħdan il-Proċess ta' Bolonja;

42. Jinnota li huma ftit biss l-Istati Membri li ħolqu strateġija komprensiva biex jinkludu l-istudenti minn sfondi soċjoekonomiċi żvantaġġjat fl-edukazzjoni għolja u b'hekk jindirizzaw b'mod deċiżiv il-problema tal-hekk imsejjaħ filtru soċjali;

43. Jitlob għal iżjed involviment mill-għalliema tal-iskejjel sekondarji fil-Proċess ta' Bolonja f'dawk li huma l-promozzjoni tal-kwalità fit-taħriġ tal-għalliema u l-mobilità professjonali, sabiex jiġu ssodisfati d-domandi ġodda edukattivi u ta' taħriġ ta' soċjetà bbażata fuq l-għarfien u jingħata kontribut għal prestazzjoni tal-istudenti mtejba;

44. Jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni u l-kwalità u l-missjoni tat-tagħlim tagħha fl-iffurmar tal-ġenerazzjonijiet futuri u fil-kontribuzzjoni għal koeżjoni soċjali u ekonomika usa' kif ukoll għall-ħolqien tal-impjiegi, kompetittività aqwa u potenzjal aqwa ta' tkabbir; jitlob f'dan ir-rigward għal rikonoxximent aħjar tal-professjoni tat-tagħlim;

45. Jitlob li jsiru sforzi biex tittejjeb l-inklużjoni soċjali billi jiġi pprovdut aċċess ġust u miftuħ għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd, billi jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali, kif ukoll tal-perijodi ta’ studju barra mill-pajjiż u tat-tagħlim preċedenti, tal-programmi tal-ħiliet interpersonali u t-tagħlim mhux formali u dak informali u billi tiġi pprovduta edukazzjoni rilevanti lil popolazzjoni ta' studenti diversifikata permezz tat-tagħlim tul il-ħajja;

46. Jenfasizza d-dimensjoni soċjali tal-Proċess ta' Bolonja; jitlob li tittieħed azzjoni li timmira għal parteċipazzjoni akbar mill-gruppi li huma sottorappreżentati u żvantaġġjati, anke permezz ta’ programmi ta’ mobilità internazzjonali;

47. Jenfasizza r-rwol tal-mobilità edukattiva fit-tagħlim interkulturali, u li l-Proċess ta' Bolonja għandu jieħu passi attivi biex irawwem l-għarfien u r-rispett interkulturali tal-istudenti;

48. Jitlob li jsiru sforzi biex tiġi żviluppata aktar strateġija għad-dimensjoni esterna tal-EHEA, permezz ta’ kooperazzjoni ma’ reġjuni oħra tad-dinja, sabiex tiżdied il-kompetittività u l-attrazzjoni tagħha f'kuntest dinji, jittejjeb l-għoti ta' informazzjoni dwar l-EHEA, tissaħħaħ il-kooperazzjoni abbażi tas-sħubija, jiġi intensifikat id-djalogu dwar il-politika u jiġu rikonoxxuti iżjed il-kwalifiki;

49. Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-ġbir tad-data fost il-pajjiżi tal-EHEA sabiex jiġu identifikati u indirizzati aħjar l-isfidi tal-Proċess ta' Bolonja;

50. Jenfasizza l-importanza tal-Konferenza Ministerjali tal-EHEA li jmiss, li għandha ssir f’Yerevan f’Mejju 2015, f'dak li hu t-twettiq ta' rieżami oġġettiv u kritiku kemm tal-progress li sar fl-ilħiq tal-prijoritajiet stabbiliti għall-2012-2015 u kemm tal-problemi li żammew dan il-progress lura, bil-ħsieb li l-EHEA tingħata spinta u tkompli tiġi konsolidata aktar bl-appoġġ sħiħ tal-Unjoni;

o

o        o

51. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/SORBONNE_DECLARATION1.pdf

(2)

http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/BOLOGNA_DECLARATION1.pdf

(3)

http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/Leuven_Louvain-la-Neuve_Communiqu%C3%A9_April_2009.pdf

(4)

http://www.ehea.info/Uploads/Declarations/Budapest-Vienna_Declaration.pdf

(5)

http://www.ehea.info/Uploads/(1)/Bucharest%20Communique%202012(1).pdf

(6)

http://www.ehea.info/Uploads/%281%29/2012%20EHEA%20Mobility%20Strategy.pdf

(7)

ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132.

(8)

ĠU L 289, 3.11.2005, p. 23.

(9)

ĠU L 64, 4.3.2006, p. 60.

(10)

ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.

(11)

ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(12)

ĠU C 302, 12.12.2009, p. 3.

(13)

ĠU C 135, 26.5.2010, p. 12.

(14)

ĠU C 191, 1.7.2011, p. 1.

(15)

ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.

(16)

http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/099EN.pdf

(17)

http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/122EN.pdf

(18)

http://www.ehea.info/Uploads/(1)/Bologna%20Process%20Implementation%20Report.pdf

(19)

http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl198_en.pdf

(20)

http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_260_en.pdf

(21)

http://ec.europa.eu/eurostat/documents/3217494/5713011/KS-78-09-653-EN.PDF/3eb9f4ec-dc39-4e51-a18b-b61eb7c2518b?version=1.0

(22)

http://www.ehea.info/news-details.aspx?ArticleId=253

(23)

ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 18.

(24)

ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 95.

(25)

ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 24.

(26)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 (COM(2015)0010).


NOTA SPJEGATTIVA

F’Ġunju 1999, 29 pajjiż Ewropew iffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Bologna, li l-għan tagħha kien li tinħoloq Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (EHEA) sal-2010. L-għan kien u għadu li l-istudenti jingħataw għażla usa’ u aktar trasparenti ta’ opportunitajiet edukattivi ta’ kwalità għolja kif ukoll li jinħoloq proċess simplifikat ta’ rikonoxximent kemm internament kif ukoll esternament fis-sistemi nazzjonali ta’ edukazzjoni għolja parteċipanti kollha. Sadanittant is-47 membru attwali tal-Proċess ta’ Bolonja introduċew riformi maġġuri fis-sistemi tal-edukazzjoni għolja tagħhom.

Għalkemm il-bidliet imwettqa bil-Proċess ta’ Bolonja qed isiru primarjament f’livell universitarju, l-idea tal-ħolqien tal-EHEA għandha sa ċertu punt karattru politiku. Din l-inizjattiva intergovernattiva ispirata mill-Kummissjoni Ewropea, u appoġġata minn ċirkli akkademiċi ippruvat issib rispons komuni għall-problemi li jeżistu fil-pajjiżi parteċipanti. Dawn ir-risponsi jinkludu eż. il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għal mobilità akbar, l-aġġustament tas-sistemi edukattivi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol biex tittejjeb l-impjegabbiltà ġenerali, u l-kompetittività u l-attraenza mtejba tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa biex jingħata kontribut relevanti għat-tkabbir taċ-ċivilizzazzjoni. Attwalment, il-pajjiżi tal-Proċess ta’ Bolonja qed jiffaċċjaw sfidi ġodda bħalma huma l-qgħad fost iż-żgħażagħ, limitazzjonijiet ekonomiċi, u bidliet demografiċi.

Bil-ħsieb li jitwettqu l-għanijiet tal-UE ta’ tkabbir u ta' ekonomija bbażata fuq l-għarfien, il-Proċess ta’ Bolonja jista’ jaqdi rwol importanti fir-reviżjoni tal-strateġija Ewropa 2020, u fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa ta' Juncker.

Matul dawn l-aħħar 15-il sena, il-Proċess ta’ Bolonja rnexxielu jwettaq ħafna f’dawk li huma l-kwalità tal-edukazzjoni, il-mobilità u r-rikonoxximent akkademiku. B’mod ġenerali, il-Proċess ta’ Bolonja wassal għal aktar trasparenza u informazzjoni dwar l-edukazzjoni għolja Ewropea faċilment aċċessibbli, bl-użu l-benchmarking tal-prestazzjoni nazzjonali kontra objettivi komuni.

Filwaqt li dawn il-kisbiet huma ta’ min ifaħħarhom, xi oqsma għad għandhom bżonn jiġu żviluppati aktar, u huwa kruċjali li l-Proċess ta’ Bolonja jerġa' jingħata l-ħajja sabiex jilqa' sfidi ġodda kif ukoll biex jiġu żgurati l-kwalità u t-trasparenza tal-EHEA.

Il-valutazzjoni tal-Proċess u sfidi ġodda

Sabiex tiġi identifikati sewwa d-direzzjoni li għandhom jieħdu r-riformi ta’ Bologna, għandna nibdew b’valutazzjoni oġġettiva tal-Proċess, u nidentifikaw l-oqsma li għandhom jittejbu. Għalhekk jeħtieġ li nikkunsidraw il-kuntest aktar wiesa’ tiegħu, inkluż l-istabbiliment ta’ żona Ewropea ta’ edukazzjoni u taħriġ, iż-Żona Ewropea ta’ tagħlim tul il-ħajja (LLL) u ż-Żona Ewropea ta’ Riċerka, li, flimkien ma’ tal-EHEA, huma elementi kruċjali li jwasslu għar-realizzazzjoni ta’ Ewropa ta’ għarfien.

F’dan ir-rigward, huwa wkoll kruċjali li jiġi enfasizzat li l-iskop tal-Proċess ta’ Bolonja mhuwiex li s-sistemi ta' edukazzjoni għolja jiġu standardizzati, iżda li ssir konverġenza tagħhom billi jiġu żviluppati regoli komuni ta’ kooperazzjoni, filwaqt li jitqiesu d-diversità u l-awtonomija ta’ pajjiżi u universitajiet individwali.

L-ewwel nett, il-kisbiet tal-objettivi tal-Proċess ta’ Bologna ma kinux indaqs fil-pajjiżi parteċipanti. B’hekk, l-implimentazzjoni tar-riformi miftiehma b'mod komuni fil-pajjiżi tal-EHEA, u t-tisħiħ tal-approċċ “minn isfel għal fuq” tagħha huma prijorità. Sabiex dan il-għan jintlaħaq, huma meħtieġa l-impenn u l-kooperazzjoni politiċi tal-EHEA. Barra minn hekk, jistgħu jiġu żviluppati għodod addizzjonali u metodi ta’ ħidma ġodda, bħalma huma raggruppamenti li jistgħu jgħinu lil dawk il-pajjiżi li qed jiffaċċjaw sfidi jiksbu progress akbar filwaqt li jħeġġu lil oħrajn jilħqu għanijiet jerġa' ogħla. Għodda oħra jinkludu l-iskambju tal-aħjar prattiki, użu aktar estensiv tan-netwerk ta’ esperti ta’ Bologna, u involviment akbar tal-komunità akkademika. Barra minn hekk, teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OERs), partikolarment il-korsijiet onlajn miftuħa massivi (MOOCs), jippermettu li l-għarfien jivvjaġġa faċilment minn naħa għal oħra tal-fruntieri, ħaġa li żżid il-potenzjal għall-kooperazzjoni internazzjonali u tgħin biex jiġu promossi l-istituzzjonijiet edukattivi Ewropej bħala ċentri għall-innovazzjoni. Dawn il-potenzjalitajiet ukoll għandhom jiġu esplorati aktar.

It-tieni nett, hemm ukoll il-ħtieġa ta' aktar tagħlim iċċentrat fuq l-istudenti, li mhux dejjem kienet rikonoxxuta bħala parti importanti mill-istruttura tal-lawrji Ewropea, u m’humiex qed jiġu inkorporati kif xieraq fi programmi universitarji. Il-paradigma edukattiva għandha tinbidel minn dak li qed jiġi mgħallem għal dak li jeħtieġ li mitgħallem mill-istudenti. L-aspetti soċjali tal-Proċess huma meqjusa bħala waħda mill-karatteristiċi l-aktar ittraskurati tal-EHEA.

Barra minn hekk, l-ideal oriġinali tal-Proċess ta’ Bolonja ma kienx dejjem ippreżentat b’mod ċar, u kultant kien mifhum ħażin jew interpretat ħażin fil-pajjiżi parteċipanti. F’xi każijiet il-Proċess ġie użat biex jassisti riformi nazzjonali jew kien meqjus bħala obbligu tal-gvern li kellu jiġi ssodisfat. Għalhekk, hija meħtieġa komunikazzjoni ċara dwar il-Proċess sabiex jiżdiedu l-kuxjenza pubblika u l-appoġġ tal-pubblika għar-riformi ta’ Bolonja bil-għan li jinkiseb involviment aktar effettiv u dinamiku fl-ilħuq tal-għanijiet tal-Proċess.

Barra minn hekk, minħabba l-fatt li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (IEGħ) Ewropej jirċievu l-maġġoranza tal-finanzjament tagħhom minn għejun pubbliċi, it-tnaqqis qawwi li sar dan l-aħħar fil-baġit wassal għal riperkussjonijiet fuq l-edukazzjoni għolja. Investiment kontinwu u użu aktar effettiv tal-fondi disponibbli huma għalhekk meħtieġa, kif ukoll huwa rakkomandat l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ finanzjament.

L-istruttura u l-għodod ta’ Bolonja

B’mod ġenerali, maġġoranza tal-istudenti fil-pajjiżi tal-EHEA huma rreġistrati fi programmi li jsegwu l-istruttura ta’ tliet ċikli ta’ Bologna. Huwa importanti li wieħed jenfasizza li l-istabbiliment ta’ struttura ta’ gradi universitarji ta’ tliet ċikli ma kienx għan fih innifsu iżda, flimkien ma’ bidliet importanti oħra fil-programm ta' studju, kien mezz biex dawk li jiggradwaw ikunu mħejjija aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u għas-sfidi soċjali.

Barra minn hekk, biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Bolonja, tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) għandha tiġi implimentata kif suppost. Filwaqt li sar xi progress fl-implimentazzjoni tal-ECTS fl-akkumulazzjoni u t-trasferiment ta’ krediti fil-pajjiżi kollha tal-EHEA, għad hemm il-ħtieġa ta' rabta akbar bejn il-krediti/il-komponenti tal-programm u r-riżultati tat-tagħlim .

Rigward is-Suppliment tad-Diploma (SD), ta’ min jinnota li għalkemm sar xi progress, madwar 70 % tal-pajjiżi tal-EHEA ma ssodisfawx ir-rekwiżiti kollha, inkluż il-ħruġ awtomatika u bla ħlas tas-SD lill-gradwati kollha b'lingwa Ewropea mitkellma ħafna.

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Qafas ta' Kwalifiki Nazzjonali (QKN) ukoll għadhom qed jippreżentaw sfidi inkluż il-fatt li l-maġġoranza tal-pajjiżi għad iridu jinkludu l-kwalifiki nonformali fil-QKN. Ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki ta' ċiklu qasir fil-QF-EHEA għall-pajjiżi li jinkluduhom fil-QKN, mingħajr obbligu bħal dan għall-pajjiżi l-oħra, għandu jiġi indirizzat biex jiżdiedu l-komprensibilità u l-komparabiltà internazzjonali tagħhom.

Bla ebda dubju, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin, il-perjodi ta’ studju barra mill-pajjiż, u t-tagħlim preċedenti (inklużi dak nonformali u dak informali) jeħtieġ li jissaħħaħ sabiex ikun aktar ta’ benefiċċju b'mod dirett għall-istudenti. Meta jitqies li f'aktar minn żewġ terzi tal-pajjiżi tal-EHEA huma l-IEGħ li jieħdu d-deċiżjoni finali dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin, u li r-rikonoxximent tal-krediti miksuba barra mill-pajjiż huwa f’idejn l-IEGħ, huwa importanti li dawn l-istituzzjonijiet itejbu l-prestazzjoni tagħhom ta’ dan ir-rwol. Kruċjali għall-EHEA huwa l-iżvilupp ta’ politiki u prattiki li jkomplu jrawmu aktar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki.

L-iżvilupp tal-EHEA wkoll jirrikjedi aktar żvilupp u integrazzjoni ta’ toroq ta’ tagħlim flessibbli, sabiex jiġu promossi l-mobilità u t-tagħlim tul il-ħajja.

Il-programmi konġunti huma aspett importanti ieħor tal-EHEA u parti ewlenija tal-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja; l-akkreditazzjoni tagħhom għandha tiġi ffaċilitata.

Il-mobilità u l-kwalità tal-edukazzjoni għolja

Il-mobilità tikkonċerna mhux biss l-istruttura, iżda wkoll l-organizzazzjoni tajba u l-assigurazzjoni tal-kwalità. Sabiex tkun inkoraġġita l-mobilità, l-għodod ta’ Bolonja għandhom jiġu implimentati b’mod korrett. Barra minn hekk, il-proċeduri ta’ rikonoxximent għandhom jissaħħu, il-kwalità ta’ servizzi għall-istudenti f’universitajiet ospitanti mtejba, appoġġ finanzjarju mekkaniżmu stabbilit, it-trasferiment ta’ għotjiet u krediti ggarantiti, it-tagħlim ta’ lingwi barranin promossi, u l-parteċipazzjoni fi programmi Ewropej bħalErasmus+ mħeġġa. Barra minn hekk, għotjiet li jappartienu lil Erasmus+ għandhom ikunu eżenti mit-tassazzjoni u mill-imposti soċjali.

Huwa wkoll kruċjali li jinbena ambjent li joffri aktar appoġġ għall-mobilità tal-persunal u tal-għalliema li jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-riċerka, tal-prattiki tat-tagħlim u ta' kif wieħed jitgħallem, kif ukoll għall-modernizzazzjoni tal-ġestjoni u tal-amministrazzjoni.

Prijorità għolja għal ħafna pajjiżi huwa t-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni għolja kif ukoll it-twaqqif ta’ sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità (AK). l-istandards u l-linji gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (ESG), għan ewlieni tal-EHEA, ġew riveduti u huma soġġetti għal approvazzjoni mill-Konferenza Ministerjali f’Mejju 2015, Yerevan Il-pass li jmiss se jkun l-implimentazzjoni tajba tagħhom u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-AK madwar l-EHEA kollha kemm hi.

Id-dimensjoni soċjali

Minkejja l-impenn li jiġu stabbiliti għanijiet li jistgħu jitkejlu sabiex titwessa' l-parteċipazzjoni ġenerali fl-edukazzjoni għolja u jiżdied l-aċċess tal-gruppi sottorappreżentati, kienu inqas minn 20 % s-sistemi edukattivi li ddefinixxew objettivi kwantitattivi fir-rigward tal-gruppi sottorappreżentati. It-titjib tal-inklużjoni soċjali u t-tisħiħ tal-opportunitajiet indaqs għall-aċċess, kif ukoll il-mobilità internazzjonali għal-gruppi sottorappreżentati u żvantaġġjati għadhom sfida għall-Proċess ta’ Bolonja. Filwaqt li ssir ħidma biex jiżdied il-għadd ta’ studenti fl-edukazzjoni għolja, għandu jiġi indirizzat it-titjib tar-rati ta’ tlestija.

L-impjegabbiltà hija aspett importanti ieħor tad-dimensjoni soċjali kif ukoll ta’ tħassib kbir. Fi ħdan il-Proċess ta’ Bolonja, l-impjegabbiltà hija definita bħala “il-kapaċità li dak li jkun jikseb impjieg inizjali sinifikattiv, jew li jibda jaħdem għal rasu, li jżomm l-impjieg, u li jkun jista' jiċċaqlaq fi ħdan is-suq tax-xogħol”(1). F’dan il-kuntest, ir-rwol tal-edukazzjoni għolja huwa li tarma lill-istudenti bil-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li huma jeħtieġu fil-post tax-xogħol, u tagħtihom il-possibbiltà li jiżviluppaw dawn il-ħiliet tul il-karriera professjonali tagħhom.

Għandhom jiġu kkonċentrati sforzi fuq it-titjib tal-impjegabbiltà permezz ta’ djalogu kontinwu ma’ min iħaddem, l-implimentazzjoni ta’ programmi ibbażati fuq il-kompetenzi, u l-monitoraġġ tal-iżvilupp tal-karriera tal-gradwati.

Id-dimensjoni esterna

Id-dimensjoni esterna tal-EHEA se tkun ta’ importanza dejjem akbar fil-futur. Il-fokus għandu jkun fuq il-promozzjoni tal-EHEA sabiex tiżdied l-attraenza u l-kompetittività tagħha madwar id-dinja, l-appoġġ tan-netwerking u l-kooperazzjoni fost l-IEGħ (b’mod partikolari fil-pajjiżi ġirien tal-EHEA), ir-rikonoxximent ulterjuri tal-kwalifiki kif ukoll l-iżvilupp ta’ programmi konġunti u kollaborattivi fil-livelli kollha.

Prijoritajiet fil-ġejjieni qrib

Settur tal-edukazzjoni għolja li hu koerenti, trasparenti, u ta’ kwalità għolja huwa essenzjali għall-iżvilupp kulturali, ekonomika u soċjali. L-objettivi ta’ Bolonja jipprovdu mezzi essenzjali biex l-edukazzjoni għolja Ewropea tiffaċċja l-isfidi attwali. Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir sabiex jiġu ssodisfati l-għanijiet tal-Proċess ta’ Bolonja. Filwaqt li huwa ċar li ġew realizzati ħafna kisbiet u konverġenza strutturali sinifikanti, tfaċċaw sfidi ġodda. Sabiex dawn jiġu ffaċċjati u jissaħħaħ il-Proċess, huwa kruċjali li wieħed jiffoka fuq l-implimentazzjoni korretta tal-istruttura u l-għodod attwali, jiġu kkoreġuti n-nuqqasijiet tagħhom, u l-approċċ edukattiv jinbidel biex isir wieħed orjentat aktar lejn l-istudenti u lejn ir-riżultati. Huwa wkoll importanti li jissaħħu r-rabtiet ta' bejn l-edukazzjoni ogħla u r-riċerka permezz tal-faċilitazzjoni tad-djalogu bejn ix-xjenza u s-soċjetà kif ukoll il-promozzjoni tal-użijiet ta' ġid tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi fit-tagħlim. Barra minn hekk, hemm bżonn li wieħed jiffoka fuq sinkronizzazzjoni aħjar ta’ azzjonijiet li jappoġġjaw il-Proċess ta’ Bolonja bħalma huma l-programmi Orizzont 2020 u Erasmus+.

(1)

Grupp ta’ Ħidma dwar l-Impjegabbiltà, Il-Konferenza ta’ Bologna f’Leuven/Louvain-la-Neuve, 28-29 ta’ April 2009.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Damian Drăghici, Angel Dzhambazki, Jill Evans, Emmanouil Glezos, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Fernando Maura Barandiarán, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sylvie Guillaume, György Hölvényi, Dietmar Köster, Ilhan Kyuchyuk, Ernest Maragall, Emma McClarkin, Liadh Ní Riada

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto

Avviż legali - Politika tal-privatezza