RAPPORT dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni
21.4.2015 - (2014/2258(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Kumitat għall-Baġit
Rapporteur: Eduard Kukan, Indrek Tarand
(Laqgħat tal-Kumitati assoċjati - Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura)
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b’mod partikolari l-Artikoli 21, 24, 41, 42, 43, 44, 45 u 46 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[3] , u l-modifiki sussegwenti tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 18/2012 bit-titolu "L-Assistenza tal-Unjoni Ewropea lill-Kosovo relatata mal-istat tad-dritt",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-25 ta’ Novembru 2013 u tat-18 ta’ Novembru 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar il-progress tas-7 ta’ Lulju 2014 mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) u l-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-VP/RGħ u l-Kummissjoni bit-titolu “L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni”, u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2014 u r-rapport finanzjarju tal-2013 tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approċċ komprensiv tal-UE u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE[4],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza adottati mill-Kunsill Ewropew f'Ħelsinki fil-11 ta' Diċembru 1999 (Objettiv Primarju 2003) u l-Objettiv Primarju 2010, approvat mill-Kunsill fis-17 ta' Mejju 2004,
– wara li kkunsidra l-Objettiv Primarju Ċivili 2010 approvat mill-Konferenza Ministerjali dwar it-Titjib tal-Kapaċitajiet Ċivili, li ħa nota tagħha l-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tad-19 ta’ Novembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0136/2015),
A. billi l-ambjent ta' sigurtà dejjem iktar diffiċli fi ħdan l-Unjoni u lil hinn minnha, ikkaratterizzat minn riskji ġodda u theddid li l-ebda Stat Membru ma jista' jlaħħaq magħhom waħdu, jirrikjedi tisħiħ tal-PSDK sabiex isir strument iktar effikaċi ta' politika u garanzija reali tas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u l-promozzjoni tal-interessi u l-valuri Ewropej; billi l-Unjoni għanda tinforza s-sigurtà fil-fruntieri esterni tagħha;
B. billi tnaqqis baġitarju fin-nefqa fuq id-difiża u duplikazzjonijiet eżistenti jeħtieġu reviżjoni tal-finanzjament tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK bl-użu ta’ allokazzjonijiet baġitarji aħjar u aktar kosteffiċjenti filwaqt li jiġi żgurat skrutinju demokratiku xieraq fil-livell istituzzjonali tal-UE tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha, kemm jekk ċivili kif ukoll jekk militari;
C. billi l-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013 iddeċieda li jeżamina l-aspetti finanzjarji tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE, inkluż ir-reviżjoni tal-mekkaniżmu Athena, sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri u r-regoli jkunu jippermettu lill-Unjoni tkun aktar rapida, aktar flessibbli u effiċjenti fil-mobilizzazzjoni tal-missjonijiet ċivili tal-UE, kif ukoll l-operazzjonijiet militari tagħha;
D. billi, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE huwa wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni, il-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u anke l-President tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea; billi, skont l-Artikolu 45 tat-TUE, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża “għandha twettaq il-missjonijiet tagħha flimkien mal-Kummissjoni meta jkun meħtieġ”;
1. Jinnota li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma finanzjaturi kbar tal-bosta operazzjonijiet ta’ paċi u ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet fid-dinja kollha u li missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari tal-PSDK jirrappreżentaw sehem żgħir ħafna mill-finanzjament totali; jirrikonoxxi l-importanza tal-interventi tal-PSDK għall-kisba tal-paċi, filwaqt li jħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw pożizzjoni iktar ċara lejn il-prevenzjoni tal-kunflitt, ir-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti u ż-żamma tal-paċi sostenibbli f'żoni fejn hemm il-kunflitti; jiddispjaċih dwar in-natura modesta tal-interventi tal-PSDK, speċjalment dawk militari, li prinċipalment jikkonsistu f'missjonijiet ta' taħriġ militari fuq skala żgħira minflok kontribuzzjonijiet Ewropej sostanzjali għaż-żamma tal-paċi u l-infurzar tal-paċi; huwa konvint li l-UE ma tistax tippermetti lilha nnifisha li tiffoka esklussivament fuq strumenti għal kuntest ta’ wara kriżi jew għal appoġġ ta’ ħruġ minn kriżi, iżda pjuttost għandha tkun kapaċi li tintervjeni tul l-ispettru sħiħ tal-ġestjoni tal-kriżijiet;
2. Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jisiltu l-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta’ Lisbona, u b’mod speċjali tal-Artikolu 44 tiegħu dwar l-implimentazzjoni ta' kompitu tal-PSDK minn grupp ta' Stati Membri u l-Artikolu 46 dwar kooperazzjoni strutturata permanenti, fir-rigward ta’ użu aktar rapidu u flessibbli tal-missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK;
3. Jinnota bi tħassib li minkejja baġit annwali għad-difiża ta’ xi EUR 190 biljun b’kollox, l-Istati Membri għadhom ma jistgħux jissodisfaw l-Objettivi Primarji ta’ Ħelsinki tal-1999; ifakkar fl-objettivi primarji ċivili ambizzjużi stabbiliti mill-UE; jitlob biex l-UE tissaħħaħ bħala attur reali fid-difiża fil-kuntest tan-NATO, u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ duttrina militari ċara li toperazzjonalizza l-kompiti elenkati fl-Artikolu 43 TUE (il-“kompiti ta’ Petersberg” estiżi); iħeġġeġ bil-qawwa li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni iżjed mill-qrib fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża fil-kuntest tan-NATO bejn l-Istati Membri u fil-livell tal-UE, b’mod partikolari l-akkomunament u l-kondiviżjoni ta’ riżorsi, kapaċitajiet u assi; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq b’urġenza analiżi dwar l-isfidi u l-bżonnijiet fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża;
4. Jinnota li l-livell ta’ finanzjament għal missjonijiet ċivili tal-PSDK taħt il-kapitolu tal-PESK tal-baġit tal-UE naqas f’dawn l-aħħar snin u huwa mistenni li jibqa’ stabbli bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020; jiddispjaċih li missjonijiet ċivili ġew affettwati minn nuqqas ġeneralizzat ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament, li jobbligaw lill-Kummissjoni li tipposponi l-ħlas ta’ EUR 22 miljun għall-2015 bħala miżura ta’ mitigazzjoni; jilqa’ madankollu l-fatt li madwar EUR 16-il miljun ġew identifikati bħala ffrankar possibbli, li jippermetti li aktar missjonijiet jiġu ffinanzjati jekk tinqala’ l-ħtieġa fil-futur qrib;
Inizjattivi li jżidu l-kosteffikaċja
5. Jilqa’ l-miżuri konkreti u soluzzjonijiet prammatiċi introdotti reċentement mill-Kummissjoni fi ħdan il-qafas eżistenti ta’ regoli finanzjarji sabiex jitqassru l-proċeduri finanzjarji fir-rigward tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jiddeplora, madankollu, id-dewmien sinifikanti fl-akkwist ta’ tagħmir u servizzi essenzjali għall-missjonijiet tal-PSDK taħt il-PESK, parzjalment minħabba l-proċess ta’ adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill li spiss mar bil-mod, iżda wkoll ċertu nuqqas ta’ approċċ konsolidat dwar l-applikazzjoni tar-regoli finanzjarji għall-missjonijiet tal-PSDK, u l-konsegwenza negattiva riżultanti għall-funzjonament tal-missjonijiet u l-persunal, u potenzjalment għas-sikurezza tal-missjonijiet;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttaffi dawn in-nuqqasijiet, billi tipprepara mudell speċifiku għar-regoli finanzjarji għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK u billi tadatta linji gwida eżistenti għall-ħtiġijiet tagħhom, sabiex tiffaċilita t-tmexxija ta’ missjonijiet rapidi, flessibbli u iktar effiċjenti, filwaqt li tiggarantixxi ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi tal-UE u protezzjoni adegwata tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; huwa tal-fehma li l-baġit għandu jiġi delegat lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili, bl-istess mod li kien sar għal Kapijiet ta’ Delegazzjonijiet tal-UE;
7. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippreżentaw stima annwali tal-ammont totali tan-nefqa ddedikata għall-politiki tas-sigurtà u tad-difiża, li tinkludi b’mod partikolari preżentazzjoni trasparenti tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, sabiex ikun hemm ġestjoni aktar effettiva tal-baġit allokat għal dan il-qasam fil-futur;
8. Iħeġġeġ bil-qawwa l-istabbiliment ta’ Ċentru għal Servizzi Kondiviżi (SSC), flimkien ma’ sistema ta’ ġestjoni ta’ riżorsi integrati (IRMS), bħala mod li bih tiżdied il-ħeffa tal-iskjerament, u l-kosteffiċjenza, ta’ missjonijiet ċivili; jiddeplora l-fatt li, s'issa, din l-inizjattiva rriżultat fi blokk; jinnota li attwalment qed tiġi kkunsidrata missjoni ta’ appoġġ, iżda jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jieħdu passi ulterjuri lejn it-twaqqif ta’ SSC ġenwina;
9. Jemmen li r-restrizzjonijiet kroniċi tas-SEAE/Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija tal-baġit amministrattiv għandhom jiġu mtaffija, billi l-baġit annwali allokat għadu żgħir wisq biex jaqdi kull kompitu ta' ppjanar, twettiq u appoġġ, notevolment fi żmien meta jiġu varati missjonijiet oħra kważi fl-istess ħin;
10. Huwa tal-fehma li l-Maħżen tal-PSDK permanenti, li bħalissa qed iservi biss għal missjonijiet ċivili ġodda tal-PSDK, għandu jittejjeb mill-iktar fis billi jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex jinkludi missjonijiet eżistenti u billi tittejjeb id-disponiibilità ta’ tagħmir maħżun, u ż-żieda wkoll fid-diversità tat-tagħmir maħżun; jipproponi li l-Maħżen tal-PSDK ikun immaniġġjat mill-SSC futur;
11. Jenfasizza l-ħtieġa għal persunal adegwat tal-missjonijiet f’konformità mad-diversi impenji magħmula mill-Istati Membri f’dan ir-rigward (pereżempju l-Objettiv Primarju Ċivili 2010, jew il-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċità Ċivili); jiddeplora, madankollu, id-diffikultajiet biex jirreklutaw – u jżommu – numru suffiċjenti ta’ persunal kwalifikat għal missjonijiet tal-PSDK; iħeġġeġ l-użu mifrux ta’ skjerament rapidu ta’ Timijiet ta’ Rispons Ċivili (CRTs), li jżidu l-kapaċità ta’ reazzjoni rapida tal-UE, jiffaċilitaw il-ħolqien rapidu ta’ missjonijiet u jikkontribwixxu għall-effettività ta’ rispons tagħha ta’ ġestjoni tal-kriżijiet;
12. Jiddispjaċih dwar l-opaċità u l-ispejjeż għoljin li huma prevalenti fil-proċess tal-għażla tal-kumpaniji privati magħżula biex jiżguraw is-sigurtà tal-persunal tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jitlob it-twaqqif ta’ kuntratt qafas tas-sigurtà speċifiku għall-missjonijiet ċivili tal-PSDK sabiex jitbaxxew in-nollijiet mitluba mill-kumpaniji tas-sigurtà privati u biex dak il-proċess tal-għażla jkun aktar trasparenti; jemmen li l-kumpaniji Ewropej għandhom jiġu prijoritizzati f’dan il-kuntest;
Koerenza u komplementarjetà
13. Iqis li l-PSDK hija parti mid-dimensjoni esterna usa’ tal-PESK u tal-azzjoni esterna tal-UE kollha kemm hi kif ukoll bħala parti mid-dimensjoni interna tal-politiki tas-suq komuni, tal-industrija, tal-ispazju, tar-riċerka u tal-iżvilupp; jemmen bil-qawwa li l-koerenza u l-komplementarjetà għandhom jiġu żgurati bejn id-diversi strumenti biex jinkisbu ekonomiji ta’ skala u jiġi mmassimizzat l-impatt tal-infiq tal-UE; jinsab konvint li l-UE għandha aktar għodod u potenzjal ta’ effett ta’ lieva minn kwalunkwe istituzzjoni sopranazzjonali oħra, minħabba li l-politika tagħha ta’ sigurtà u difiża tista’ tissaħħaħ b’approċċ komprensiv b’tipi oħra ta’ strumenti u mekkaniżmi finanzjarji tal-UE; jemmen, għalhekk, li r-riżorsi tal-PESK għandhom jintużaw b’mod aktar intelliġenti, l-aktar permezz ta’ koordinazzjoni msaħħa bejn l-istrumenti tal-PSDK u d-diversi programmi ta’ finanzjament mill-UE ġestiti mill-Kummissjoni;
14. Jitlob għal sinerġiji militari-ċivili aqwa fejn xieraq u b’mod partikolari biex jiġu kkunsidrati fil-bidu tal-proċessi tal-ippjanar, speċjalment fl-oqsma tal-bini, is-servizzi mediċi, il-loġistika, it-trasport u s-sigurtà ta’ missjonijiet, filwaqt li jiġu rispettati l-ktajjen ta’ tmexxija differenti u n-natura, l-objettivi u l-modi ta' funzjonament differenti ta’ missjonijiet ċivili u militari;
15. Jenfasizza t-tfaddil potenzjali li jirriżulta mit-trawwim ta’ sinerġiji fil-livell tal-UE fil-qasam militari, inklużi t-trasport, it-taħriġ u l-għajnuna medika; jenfasizza r-rwol tal-Aġenzija għad-Difiża Ewropea fil-missjoni tagħha biex trawwem l-interoperabilità u s-sinerġiji fit-tagħmir tad-difiża u l-kapaċità tal-iskjerament fost l-Istati Membri tal-UE, iżda jiddeplora bil-qawwa li, filwaqt li titmexxa mill-VP/RGħ, għadha taħt l-awtorità tal-Kunsill u hija kompletament iffinanzjata barra mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk taħrab mill-iskrutinju demokratiku Ewropew;
16. Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-reviżjoni ta’ Proċeduri tal-Ġestjoni ta’ Kriżijiet (CMP) maqbula fl-2013, peress li wasslu għal titjib fl-ippjanar u t-tnedija ta’ missjonijiet tal-PSDK; jenfasizza, madankollu, li jeħtieġ li jsir aktar biex jingħelbu s-“silos” persistenti li jisseparaw partijiet differenti tal-makkinarju tal-politika barranija tal-UE;
17. Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf proċeduri finanzjarji permanenti għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-SEAE, l-EDA, l-ESA u l-Istati Membri fl-oqsma tal-PSDK u s-suq komuni, l-industrija, l-ispazju, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-politiki; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu regoli finanzjarji permanenti biex ikun hemm rabta bejn l-atturi tal-UE mill-oqsma tas-sigurtà interna (eż. Frontex, l-Europol, l-ENISA) mad-difiża esterna (eż. EDA, SEAE);
18. Jilqa’ l-implimentazzjoni ta’ proġett pilota dwar ir-riċerka tal-PSDK imwettaq b’mod konġunt mill-Kummissjoni u l-EDA kif propost mill-Parlament fil-baġit tal-2015 bil-għan li l-Aġenzija timplimenta l-objettivi tal-Unjoni u l-baġit tal-Unjoni; jiddispjaċih f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni ma pprovdiet lill-Parlament l-ebda valutazzjoni tal-potenzjal tal-Artikolu 185 tat-TFUE kif mitlub fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2013 dwar il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (2013/2125(INI));
19. Jilqa’ l-Pjan Direzzjonali ta ’ Implimentazzjoni għall-Komunikazzjoni dwar id-Difiża Ewropea u s-Settur tas-Sigurtà tal-Kummissjoni adottat fl-24 ta’ Ġunju 2014; jistieden lill-Kummissjoni f’dan ir-rigward biex tispjega f’valutazzjoni tal-partijiet interessati b’liema mod il-benefiċjarji potenzjali kif ukoll l-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali huma lesti li jużaw il-miżuri deskritti tal-FSIE, il-FEŻR, l-FSE jew l-Interreg V; jiddispjaċih, f’dan ir-rigward li l-proposti tal-Kummissjoni jistgħu jiġu tard wisq biex jinfluwenzaw l-allokazzjoni tar-riżorsi kontinwa tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali u biex jiġu kanalizzati mill-ġdid fondi tal-UE li jservu Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea aktar b’saħħitha (EDTIB);
20. Jistieden lill-Kummissjoni fid-dawl tal-kompiti tagħha biex issaħħaħ l-EDTIB biex tressaq proposta li tikkjarifika f’liema forma impatt negattiv tal-miżuri restrittivi stabbilit mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 215 tat-TFUE dwar l-esportazzjoni tal-industriji tad-difiża u tas-sigurtà Ewropej jista’ jiġi kkumpensat mill-baġit tal-UE jew imserraħ minn attivitajiet tas-suq li ma jfixklux;
21. Jilqa’ l-inizjattiva “Ħarreġ & tgħammar” li tiżgura t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sħab, bħala parti mit-tranżizzjoni jew strateġija ta’ ħruġ, billi tiffaċilita l-finanzjament ta’ forom varji ta’ ħardwer u tagħmir mhux letali għall-forzi tas-sigurtà u tad-difiża ta’ pajjiżi terzi u jappoġġja approċċ konġunt mill-SEAE u l-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni; jappoġġja l-ħolqien ta’ ċelloli tal-proġett, li fih jistgħu jikkontribwixxu l-Istati Membri jew pajjiżi terzi li jgħin biex jiġi żgurat kunsinna ta’ malajr u ta’ xiri tal-ħtiġijiet tas-sigurtà għall-pajjiżi ospitanti billi jiġi pprovdut appoġġ għall-proġetti u huwa tal-fehma li dawn għandhom jintużaw b’mod sistematiku;
22. Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva 2009/81 /KE (dwar l-akkwist pubbliku) u tad-Direttiva 2009/43 /KE (dwar trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fis-suq domestiku); jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-fatt li l-kumpaniji Ewropej li joperaw fil-qasam tad-difiża għandu jkollhom arranġamenti legali u finanzjarji speċifiċi sabiex ikunu kompetittivi kif ukoll biex jappoġġaw l-isforzi nazzjonali tal-konsolidazzjoni tal-kapaċitajiet tad-difiża;
Finanzjament tal-operazzjonijiet militari
23. Jirrikonoxxi li l-operazzjonijiet militari huma ffinanzjati mill-Istati Membri barra mill-baġit tal-UE u li l-ispejjeż komuni tagħhom huma koperti permezz tal-mekkaniżmu ATHENA; jenfasizza li ATHENA huwa kruċjali għall-użu malajr ta’ dawk l-operazzjonijiet u huwa strument ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, li jħeġġiġhom, b’mod speċjali dawk li m’għandhomx riżorsi finanzjarji u operattivi, biex jikkontribwixxu għal operazzjonijiet tal-PSDK; jiddispjaċih, madankollu, li l-proporzjon tal-ispejjeż komuni għadu baxx ħafna (bejn wieħed u ieħor 10-15 % tal-ispejjeż kollha) u li l-proporzjon għoli tal-ispejjeż u r-responsabbiltajiet li jinġarru minn nazzjon fl-operazzjonijiet militari jmur kontra l-prinċipji ta’ solidarjetà u ta’ qsim tal-piżijiet, li jiskoraġġixxi ulterjorment lill-Istati Membri milli jieħdu parti attiva fl-operazzjonijiet tal-PSDK; jinsab imħasseb li din is-sitwazzjoni, b’mod speċjali fil-kuntest tan-nuqqas tar-rieda tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-ġenerazzjoni tal-forzi tal-operazzjonijiet, ixxekkel l-iskjerament rapidu tal-operazzjonijiet tal-PSDK u tipperikola l-effiċjenza globali tagħhom; jemmen li l-finanzjament fit-tul ta’ missjonijiet militari għandu jkun żgurat;
24. Jiddeplora f'dan il-kuntest li r-reviżjoni tal-mekkaniżmu Athena, li kellha sseħħ sa tmiem l-2014, ipproduċiet biss riżultati limitati, bħall-organizzazzjoni ta' forma ta' prefinanzjament ta' ċerti spejjeż biex jitħaffef l-użu; jiddispjaċih li l-Kunsill ma laħaqx ftehim dwar l-inklużjoni ta' finanzjament għall-ispiża tal-użu strateġiku ta' gruppi tattiċi tal-UE fil-lista ta' spejjeż komuni mħallsa sistematikament minn Athena, u minflok ġiet adottata biss deċiżjoni rinnovabbli għal perjodu ta' sentejn; jitlob lill-Kunsill Ewropew għad-Difiża li jmiss biex iqis espansjoni ulterjuri tal-ispejjeż komuni eliġibbli taħt Athena, bħall-finanzjament awtomatiku tan-nefqa fuq l-użu operattiv u tal-missjonijiet tal-PSDK (infrastruttura għas-soġġorn tal-forzi, spejjeż b'rabta mat-twaqqif ta' punti ta' dħul għal truppi f'postijiet ta' operazzjoni u stokkijiet ta' sigurtà tal-ikel u l-fjuwil meta jkun meħtieġ);
25. Jappoġġja inizjattivi li jesploraw il-possibilità li jiġu attirati u li jkunu amministrati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fi ħdan Athena; jappoġġja wkoll l-għażla ta’ “finanzjament konġunt”, fejn numru iżgħar ta’ pajjiżi parteċipanti jista’ jiffinanzja xi kostijiet operattivi tal-missjonijiet, bil-kundizzjoni li l-kontribuzzjonijiet tagħhom huma amministrati minn Athena u jissupplimentaw iktar milli jissostitwixxu l-ispejjeż komuni;
26. Ifakkar li t-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi lill-UE b’dispożizzjonijiet ġodda tal-PSDK li għadhom mhux qed jiġu sfruttati; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jagħmel użu mill-Artikolu 44 TUE, li jippermetti lil grupp ta’ dawk l-Istati Membri li jixtiequ jingħaqdu biex jimxi ’l quddiem bl-implimentazzjoni ta’ missjoni li taqa’ taħt il-PSDK; iqis li hemm ħtieġa urġenti għal proċess iktar mgħaġġel ta' teħid ta' deċiżjonijiet; huwa tal-fehma li l-mekkaniżmi ta' finanzjament ad hoc għal operazzjoni militari għandhom ikopru iktar mill-ispejjeż komuni tradizzjonali minn Athena;
27. Jistieden lill-Kunsill biex jibda, matul din is-sena, it-twaqqif tal-fond ta’ tnedija (previst mill-Artikolu 41(3) TUE) għal finanzjament urġenti tal-ewwel fażijiet ta' operazzjonijiet militari, li jistgħu jservu wkoll bħala għodda b’saħħitha għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet; jistieden lill-Kunsill biex iressaq proposta dwar kif f’sitwazzjoni ta’ kriżi tista’ tiġi mwettqa b’mod rapidu l-konsultazzjoni tal-Parlament; jinnota li, filwaqt li l-missjonijiet ċivili jibbenefikaw minn baġit dedikat għal miżuri preparatorji, l-użu u l-effiċjenza tal-missjonijiet militari jibqa’ strutturalment imxekkel sakemm din il-possibbiltà ma tintużax; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jieħdu sehem fil-kooperazzjoni strutturata permanenti prevista fl-Artikolu 46 TUE, li għandha wkoll tikseb konsiderevolment aktar malajr it-titjib urġentement meħtieġ tal-kapaċità ta’ reazzjoni rapida tal-UE; jiddispjaċih f’dan ir-rigward għan-nuqqas ta’ sustanza fil-Qafas ta’ Politika għall-Kooperazzjoni fid-Difiża Sistematika u fit-Tul tal-Kunsill adottat fit-18 ta’ Novembru 2014 minħabba li dan id-dokument jiddeskrivi biss prassi attwali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq il-proposta meħtieġa sabiex jiġi ċċarat kif il-baġit tal-UE jista’ jiffaċilita t-twaqqif ta’ kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u l-ħidma tal-kooperazzjoni militari fi żminijiet ta’ paċi fi ħdan il-qafas ta’ PESCO;
28. Jinsab sorpriż li s’issa m’hemm l-ebda inċentiv fiskali fil-livell Ewropew fir-rigward tal-kooperazzjoni u l-akkomunament; jieħu nota tas-sejħa mill-Kunsill ta’ Diċembru 2013 biex arranġamenti bħal dawn jiġu esplorati, u jiddispjaċih li, wara sena, id-diskussjonijiet għadhom ma pproduċew l-ebda miżura tanġibbli f’dan ir-rigward; jinnota li l-Gvern Belġjan diġà jagħti eżenzjonijiet tal-VAT, fuq bażi ad hoc, għall-fażijiet preparatorji ta’ ċerti proġetti tal-EDA, eż. għall-komunikazzjonijiet bis-satellita; jemmen li tali eżenzjonijiet għandhom jiġu applikati b’mod naturali u għandhom jiġu estiżi għall-infrastruttura u għall-programmi speċifiċi relatati mal-kapaċitàjiet, billi jittieħed bħala mudell il-mekkaniżmu eżistenti fi ħdan in-NATO jew il-mekkaniżmu eżistenti tal-UE għall-infrastrutturi tar-riċerka ċivili; jitlob għall-iżvilupp ta’ kwalunkwe inċentiv ieħor li jista’ jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fil-kapaċità bejn l-Ewropej;
Trasparenza u responsaibilità
29. Jenfasizza li t-trasparenza u r-responsaibilità huma rekwiżiti essenzjali mhux biss għal skrutinju demokratiku iżda wkoll għall-funzjonament adegwat, u l-kredibilità, tal-missjonijiet imwettqa taħt il-bandiera tal-UE; itenni l-importanza mogħtija mill-Parlament lill-eżerċitar ta' sorveljanza tal-mod li bih id-diversi missjonijiet u operazzjonijiet PSDK jiġu bbaġitjati; jilqa’ b’sodisfazzjon il-mekkaniżmi ta’ rappurtar previsti mill-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013, bħar-rapporti ta’ kull tliet xhur dwar il-baġit tal-PESK u l-laqgħat ta’ konsultazzjoni konġunta dwar il-PESK; jilqa’ l-impenn magħmul mill-VP/RGħ biex jagħti nifs ġdid fil-laqgħat imsemmija l-aħħar u biex jintroduċi grad xieraq ta’ flessibilità fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom sabiex il-Parlament jinżamm infurmat bis-sħiħ dwar il-missjonijiet militari u dwar il-ħidma u l-aġenda tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà; isostni li kwalunkwe titjib fil-flessibilità u l-effiċjenza tal-finanzjament u fit-twettiq tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet ma jistax jikkomprometti l-iżviluppi pożittivi miksuba fir-rigward tat-trasparenza u r-responsabilità fl-interventi tal-PSDK; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel interpretazzjoni estensiva tal-Artikolu 49(1)(g) tar-Regolament Finanzjarju, sabiex tipproponi linji speċifiċi għal kull missjoni ċivili tal-PSDK taħt il-kapitlu dwar il-PESK u sabiex tinkludi bilfors fir-rapport annwali ta’ attività skema dettaljata dwar kull missjoni individwali abbażi tal-parteċipanti tagħha u l-ispejjeż imġarrba;
30. Jistenna b’interess inizjattivi li jġibu ċarezza u konsistenza fir-rigward tal-iffinanzjar u r-regoli operattivi li japplikaw għal missjonijiet ċivili; jilqa’ b’sodisfazzjon, fid-dawl tad-diskussjoni li għaddejja dwar il-flessibilità fir-regoli finanzjarji, l-impenn tal-Kummissjoni li tħejji mudell speċifiku għall-missjonijiet kollha ta’ PSDK, u li tadatta l-linji gwida eżistenti għall-ħtiġijiet tagħhom;
Tisrif tal-kliem f’għemil
31. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ biex ikun minn ta’ quddiem fir-rigward tal-PSDK u biex ikollu rwol ta’ tmexxija biex jitkissru s-silos billi jiżgura koordinazzjoni bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE, u billi jiggarantixxi l-koerenza fi ħdan l-aħħar żewġ korpi; jissuġġerixxi li r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE jistgħu jiġu fdati b’mandat li jtejbu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn id-diversi atturi tal-UE fuq il-post, sabiex tiżdied il-koerenza tal-azzjoni tal-UE u jiġu trasformati diversi sorsi ta’ finanzjament minn sfida f’vantaġġ;
32. Huwa tal-fehma li l-Kunsill Ewropew għad-Difiża li jmiss m’għandhux jitlef l-opportunità li jżomm diskussjoni profonda u jipproduċi proposti konkreti dwar ir-riforma tal-arranġamenti finanzjarji għal missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK, sabiex dawn ikunu iktar effiċjenti u ta' suċċess; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwettqu l-impenji meħuda fil-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2013; iqis li huwa xieraq li fil-Kunsill Ewropew li jmiss dwar id-difiża, jiġu adottati miżuri konkreti biex jissaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża tal-Unjoni b’komplementarjetà man-NATO, biex tiġi appoġġata u kkonsolidata l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u jingħata sostenn lil bażi industrijali u teknoloġika komuni;
33. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-isforzi magħmula mill-Istati Membri fid-dawl tal-implimentazzjoni operazzjonali tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew fir-rigward tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tad-difiża, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-restrizzjonijiet baġitarji li qed jiffaċċjaw ċerti Stati Membri;
34. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO.
- [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
- [2] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
- [3] ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
- [4] Testi adottati, P7_TA(2014)0286.
OPINJONI TAL-MINORANZA
dwar il-finanzjament tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (2014/2258(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Kumitat għall-Baġits, Rapporteurs: Eduard Kukan, Indrek Tarand
Rapport ta' Minoranza imressaq mill-MPEs tal-GUE/NGL Sabine Lösing, Javier Permuy Couso, Pablo Iglesias
Ir-rapport jiddispjaċih dwar in-natura modesta tal-interventi militari tal-PSDK, jitlob għal missjonijiet tal-PSDK iktar mgħaġġla u flessibbli u jappoġġja kooperazzjoni ċivili-militari. Huwa jitlob kooperazzjoni iktar mill-qrib dwar id-difiża, qsim ta' riżorsi, kapaċitajiet u assi. Għalhekk, ir-rapport jappoġġja espansjoni tal-ispejjeż eliġibbli taħt il-mekkaniżmu ATHENA u jiddubita l-prinċipju li "costs lie where they fall" - li jwassal għal involviment finanzjarju awtomatiku ta' kull Stat Membru f'kull missjoni militari tal-UE.
Aħna kontra r-rapport peress li:
• Ifittex possibilitajiet biex jevadi l-Artikolu 41(2) - Il-baġit tal-Unjoni ma jistax jintuża għall-infiq dovut għal operazzjonijiet b'implikazzjonijiet militari jew ta' difiża - sabie jittieħdu l-fondi tal-UE,
• jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' duttrina militari li toperazzjonalizza kompiti mniżżla fl-Artikolu 43 TUE, fost l-oħrajn pariri militari, forzi ta' kumbattiment fil-ġestjoni tal-kriżi,
• jippromwovi l-estensjoni ta' ATHENA għall-finanzjament ta' missjonijiet militari tal-UE lil hinn mill-kontroll parlamentari,
• jagħmel pressjoni għall-użu ta' gruppi tattiċi tal-UE, il-finanzjament tiegħu permezz tal-mekkaniżmu ATHENA u t-twaqqif ta' fond start-up għall-operazzjonijiet militari (Art.41 (3)),
• Jitlob finanzjament tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB) mill-baġit tal-UE
Aħna nitolbu:
- diżarm (nukleari) radikali fil-livell tal-UE u dak globali
- l-ebda finanzjament militari mill-baġit tal-UE
- UE mhux militari, approċċi paċifiċi ċivili stretti għal sejba ta' soluzzjoni għall-kunflitti
- skrutinju parlamentari sħiħ fuq il-fondi kollha
- distinzjoni stretta bejn missjonijiet ċivili u dawk militari
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
14.4.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
54 23 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Lars Adaktusson, Nedzhmi Ali, Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Reimer Böge, Elmar Brok, Fabio Massimo Castaldo, Aymeric Chauprade, Lefteris Christoforou, Javier Couso Permuy, Arnaud Danjean, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, Georgios Epitideios, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Jens Geier, Richard Howitt, Manolis Kefalogiannis, Afzal Khan, Bernd Kölmel, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Zbigniew Kuźmiuk, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Siegfried Mureșan, Javier Nart, Urmas Paet, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Pașcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Paul Rübig, Jacek Saryusz-Wolski, Alyn Smith, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Indrek Tarand, Eleni Theocharous, László Tőkés, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans, Daniele Viotti, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Reinhard Bütikofer, Bodil Ceballos, Tanja Fajon, Ana Gomes, Heidi Hautala, Marek Jurek, Igor Šoltes, Marie-Christine Vergiat, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Laura Agea, Ramón Jáuregui Atondo, Artis Pabriks, Julie Ward |
||||