RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Viktor Uspaskich
11.5.2015 - (2014/2203(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Laura Ferrara
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Viktor Uspaskich
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Viktor Uspaskich, mibgħuta fl-1 ta’ Ottubru 2014 mill-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja u li tħabbret fis-seduta plenarja fit-12 ta’ Novembru 2014,
– wara li sema' lil Viktor Uspaskich skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), u l-Artikoli 6(1), u (9) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0149/2015),
A. billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Viktor Uspaskich, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta ma’ investigazzjoni ta’ qabel il-proċess fir-rigward ta' allegazzjoni ta’ reat kriminali;
B. billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta’ dak l-Istat;
C. billi l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Artikolu 22, it-tielet paragrafu, tal-Istatut tas-Seimas jiddikjaraw li proċedimenti kriminali ma jistgħux jitnedu kontra Membru tas-Seimas, u li hi jew hu ma jistgħux jiġu arrestati jew soġġetti għal kwalunkwe restrizzjoni oħra tal-libertà personali mingħajr il-kunsens tas-Seimas, ħlief f’każijiet ta’ flagrante delicto;
D. billi Viktor Uspaskich hu akkużat li wettaq ir-reat ta’ disprezz tal-qorti skont l- Artikolu 232 tal-Kodiċi Kriminali tar-Repubblika tal-Litwanja;
E. billi ma hemm l-ebda evidenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri suspett b’bażi soda li l-proċedimenti legali jkunu tnedew bil-għan li ssir ħsara politika lill-Membru;
1. Iddeċieda li jneħħi l-immunità ta’ Viktor Uspaskich;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex minnufih jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja u lil Viktor Uspaskich.
- [1] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 1964, Wagner v Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Wybot v Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote v Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra v De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch v Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch v Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
NOTA SPJEGATTIVA
I. IL-FATTI
Fit-28 ta’ Lulju 2013, Viktor Uspaskich kien qed iwieġeb mistoqsijiet minn ġurnalisti fl-ajruport ta’ Vilnius, meta huwa allegatament iddeskriva lill-imħallfin li ħarġu verdett ta’ ħtija f’każ kriminali kontrih bħala kodardi, kriminali, u pupazzi.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali fetaħ investigazzjoni preliminari fis-7 ta’ Awwissu 2013 abbażi tal-indikazzjonijiet li kien twettaq reat punibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 232 ta’ Kodiċi Kriminali Litwan. Skont dan l-Artikolu, persuna li pubblikament, b’mod abbużiv, permezz ta’ azzjoni, bil-fomm jew bil-miktub, jumilja l-qorti jew imħallef fl-eżekuzzjoni tal-ġustizzja minħabba l-attivitajiet tagħhom għandha tiġi punita b’multa, jew b’arrest, jew bi priġunerija għal perjodu sa sentejn.
Fiż-żmien meta seħħ ir-reat allegat, is-Sur Uspaskich serva bħala Membru tal-Parlament Litwan (Seimas). Għalhekk, it-talba biex titneħħa l-immunità parlamentari tiegħu ntbagħtet lis-Seimas. Sadanittant, is-Sur Uspaskich iddeċieda li joħroġ għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-permess biex jittieħdu proċedimenti kriminali kontrih bħala kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew intbagħtet lill-Kummissjoni Elettorali Suprem Litwan.
Fil-25 ta' Mejju 2014, Viktor Uspaskich ġie elett Membru tal-Parlament Ewropew u b'hekk akkwista l-immunità politika bħala Membru tal-Parlament Ewropew.
Bħala konsegwenza, sabiex ikun jista’ jmexxi proċedimenti ta’ qabel il-proċess, jarresta jew jissoġġetta lil Viktor Uspaskich għal restrizzjonijiet oħra fuq il-libertà tiegħu, il-Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja bagħat talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Viktor Uspaskich lill-President tal-Parlament Ewropew fl-1 ta’ Ottubru 2014.
Il-President tal-Parlament Ewropew ħabbar it-talba fis-seduta plenarja tat-12 ta’ Novembru 2014 u rreferieha lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali.
Is-Sur Uspaskich instema’ mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-24 ta’ Marzu 2015.
II. IL-LIĠI
(a) Il-leġiżlazzjoni Ewropea
Il-liġi primarja: Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea
Artikolu 8:
Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Artikolu 9:
Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:
(a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-Parlament tagħhom;
(b) fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.
L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu.
Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 6 tar-Regoli ta' Proċedura
Revoka tal-immunità
1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. Kull talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tkun ivvalutata skont it-termini tal-Artikoli 7, 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u skont il-prinċipji li hemm riferiment għalihom f'dan l-Artikolu.
Artikolu 7 tar-Regoli ta' Proċedura
Ħarsien tal-privileġġi u l-immunità
3. Talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru ma titqiesx ammissibbli jekk talba għal tneħħija jew ħarsien tal-immunità ta' dak il-Membru tkun ġa ġiet riċevuta f'dak li għandu x'jaqsam mal-istess proċedimenti legali, kemm jekk ittieħdet deċiżjoni kemm jekk le f'dak iż-żmien.
4. L-ebda konsiderazzjoni oħra ma tingħata lil talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru jekk it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' dak il-Membru tasal b'rabta mal-istess proċedimenti legali.
5. F'każijiet fejn deċiżjoni tkun ittieħdet li ma jkunux imħarsin il-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru, il-Membru jista' jagħmel talba għar-rikunsiderazzjoni tad-deċiżjoni, billi jippreżenta evidenza ġdida. It-talba għar-rikunsiderazzjoni għandha tkun inammissibbli jekk ikunu nbdew proċedimenti kontra d-deċiżjoni skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew jekk il-President iqis li l-evidenza l-ġdida preżentata ma tkunx suffiċjentement sostanzjali li titlob għar-rikunsiderazzjoni.
(b) Leġiżlazzjoni Nazzjonali
Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja
(Adottata miċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja f’referendum li sar fil-25 ta’ Ottubru 1992, u daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Novembru 1992)
Artikolu 62
Il-persuna ta’ Membru tas-Seimas għandha tkun invjolabbli.
Membru tas-Seimas ma jistgħux jinżammu kriminalment responsabbli, jiġu arrestati, u lanqas ma tista’ tkun limitata b'xi mod ieħor mingħajr il-kunsens tas-Seimas.
Membru tas-Seimas ma jistax jiġi mħarrek għal vot tiegħu jew għad-diskorsi tiegħu fis-Seimas. Madankollu, huwa jista’ jinżamm responsabbli skont il-proċedura ġenerali għal insulti personali jew inġurji.
Ir-regoli ta’ Proċedura (Statut) tas-Seimas tar-Repubblika tal-Litwanja
(17 ta’ Frar 1994, Nru I- 399)
(Emendat l-aħħar fit-23 ta' April 2009 - Nru XI-228) (Traduzzjoni mhux uffiċjali)
Artikolu 22 - l-immunità ta’ Membru tas-Seimas
1. Il-persuna ta’ Membru tas-Seimas għandha tkun invjolabbli.
2. Membru tas-Seimas ma jistax jiġi mħarrek għal vot tiegħu jew għad-diskorsi tiegħu fis-Seimas. jiġifieri waqt is-seduti tas-Seimas, il-kumitati, il-kummissjonijiet u l-gruppi parlamentari tas-Seimas; madankollu, huwa jista’ jinżamm responsabbli, għal insulti jew inġurji personali skont il-proċedura ġenerali.
3. Ma jistgħux jitnedu proċedimenti kriminali kontra Membru tas-Seimas, huwa ma jistax jiġi arrestat, u ma jistax ikun soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni oħra tal-libertà personali, mingħajr il-kunsens tas-Seimas, ħlief f’każijiet meta jinqabad fl-att li jwettaq reat (in flagrante delicto). F’każijiet bħal dawn, il-Prosekutur Ġenerali għandu minnufih jinnotifika lis-Seimas.
Il-Kodiċi Kriminali Litwan
Artikolu 232 - disprezz tal-qorti
Persuna li pubblikament, b’mod abbużiv, permezz ta’ azzjoni, bil-fomm jew bil-miktub, jumilja l-qorti jew imħallef fl-eżekuzzjoni tal-ġustizzja minħabba l-attivitajiet tagħhom għandha tiġi punita b’multa, jew b’arrest, jew bi priġunerija għal perjodu sa sentejn.
III. ĠUSTIFIKAZZJONI TAD-DEĊIŻJONI PROPOSTA
L-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew hi protetta mill-Artikolu 8 u mill-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.
Sabiex igawdu l-immunità skont l- Artikolu 8 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-proċedura għandha tikkonċerna opinjoni espressa jew vot mitfugħ minn Membru tal-Parlament Ewropew fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu jew tagħha. Konsegwentement, l-Artikolu 8 tal-Protokoll ma japplikax, peress li Viktor Uspaskich ma kienx membru tal-Parlament Ewropew fiż-żmien tal-fatti.
B'kunsiderazzjoni tal-Artikolu 9(a) u tal-fatt li l-allegat reat seħħ fil-Litwanja, għalhekk tapplika l-liġi Litwana u b’mod aktar speċifiku l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni Litwana.
L-immunità normalment tiġi revokata meta r-reat ma jkun relatat bl-ebda mod mal-prestazzjoni tad-dmirijiet ta’ Membru - peress li din taqa’ fi ħdan l-Artikolu 9 tal-Protokoll –, sakemm ma hemmx fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-kwistjoni qed tiġi mressqa quddiem qorti bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru kkonċernat.
Jidher mill-fatti msemmija hawn fuq li l-fatti allegati twettqu qabel Viktor Uspaskich sar Membru tal-Parlament Ewropew u l-proċedimenti ta' qabel il-bidu tal-proċess kienu diġà tnedew qabel ma assuma l-kariga tiegħu fil-Parlament Ewropew. Minn dan isegwi li l-proċedimenti kriminali li tressqu kontra Viktor Uspaskich mhumiex konnessi mal-kariga attwali tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Fl-aħħar nett, m’hemm l-ebda raġuni suffiċjentement serja u speċifika għal suspett li dan hu każ ta’ fumus persecutionis.
IV. KONKLUŻJONI
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u skont l-Artikolu 9(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità parlamentari ta’ Viktor Uspaskich.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
6.5.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
12 0 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Laura Ferrara, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Pavel Svoboda, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Luis de Grandes Pascual, Angel Dzhambazki, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Virginie Rozière |
||||