Proċedura : 2015/2049(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0150/2015

Testi mressqa :

A8-0150/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/05/2015 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0193

RAPPORT     
PDF 166kWORD 83k
11.5.2015
PE 554.898v02-00 A8-0150/2015

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Janusz Korwin-Mikke

(2015/2049(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur: Kostas Chrysogonos

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Janusz Korwin-Mikke

(2015/2049(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Janusz Korwin-Mikke, mibgħuta fid-29 ta’ Diċembru 2014 mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja f’konnessjoni ma’ proċeduri kriminali mressqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali fil-Varsavja (Każ Nru V Ds 223/14), u mħabbra fis-seduta plenarja tat-28 ta’ Jannar 2015,

–       wara li sema' lil Janusz Korwin-Mikke skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–       wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2011(1),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u l-Artikoli 7b(1) u 7c(1) tal-Att tal-Polonja, tad-9 ta’ Mejju 1996, dwar l-eżerċizzju tal-mandat ta’ Membru jew Senatur,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0150/2015),

A.     billi l-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja ressaq talba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali fil-Varsavja għall-awtorizzazzjoni biex jinfetħu proċeduri kriminali kontra Membru tal-Parlament Ewropew, Janusz Korwin-Mikke, fir-rigward ta’ reat skont l-Artikolu 222(1) tal-Kodiċi Kriminali Pollakka; billi, b’mod partikolari, il-proċedimenti jkunu jikkonċernaw l-allegat ksur tal-integrità fiżika ta’ uffiċjal pubbliku;

B.     billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhomx ikunu soġġetti għall-ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom;

C.     billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, mill-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' pajjiżhom;

D.     billi, skont l-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, deputat m’għandux ikun soġġett għal responsabbiltà kriminali mingħajr il-kunsens tas-Sejm;

E.     billi huwa f’idejn il-Parlament biss li jiddeċiedi jekk l-immunità għandhiex tiġi rinunzjata jew le f’każ partikolari; billi l-Parlament jista’ raġonevolment iqis il-pożizzjoni tal-Membru sabiex jilħaq id-deċiżjoni tiegħu dwar jekk hemmx lok jew le li jirrinunzja l-immunità tiegħu jew tagħha(2);

F.     billi, kif ġie wkoll ikkonfermat waqt is-seduta ta’ smigħ tiegħu, reat allegat ma għandux parti diretta jew rabta ovvja mal-prestazzjoni tas-Sur Korwin-Mikke tad-dmirijiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

G.     billi f'dan il-każ il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-każ tressaq bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru kkonċernat;

1.      Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’ Janusz Korwin-Mikke;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu immedjatament lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Polonja u lil Janusz Korwin-Mikke.

(1)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 1986, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

(2)

Kawża T-345/05 Mote vs Il-Parlament (ċitata iktar ’il fuq), paragrafu 28.


NOTA SPJEGATTIVA

1. Sfond

Fid-29 ta’ Diċembru 2014, il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja bagħat lill-President tal-Parlament talba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali fil-Varsavja fid-19 ta’ Diċembru 2014 biex jagħti awtorizzazzjoni biex jinbdew proċedimenti kriminali kontra Membru tal-Parlament Ewropew, is-Sur Janusz Korwin-Mikke.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali jsostni li fil-11 ta’ Lulju 2014 is-Sur Korwin-Mikke kiser l-integrità fiżika tas-Sur Michał Boni billi tahielu f'wiċċu b’idu f’avveniment fil-Varsavja – laqgħa tal-Membri Pollakki tal-Parlament Ewropew li jkunu għadhom kemm ġew eletti organizzata mill-Ministeru Pollakk tal-Affarijiet Barranin – li fiha l-parti li ġarrbet il-ħsara kienet qed twettaq dmirijiet uffiċjali b’rabta mal-kariga tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew. L-aġir tas-Sur Korwin-Mikke jista’ jikkostitwixxi reat skont l-Artikolu 222(1) tal-Kodiċi Kriminali Pollakka, sakemm l-integrità fiżika ta’ uffiċjal pubbliku ġiet allegatament miksura(1). Skont l-Artikolu 115(13)(2a) tal-Kodiċi Kriminali Pollakka, Membru tal-Parlament Ewropew huwa uffiċjal pubbliku.

Fis-seduta tat-28 ta' Jannar 2015 il-President ħabbar, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta' Proċedura, li kien irċieva ittra mingħand il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja li titlob għat-tneħħija tal-immunità parlamentari tas-Sur Janusz Korwin-Mikke.

Il-President irrefera din it-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 9(1). Is-Sur Korwin-Mikke nstema’ mill-Kumitat fis-16 ta’ April 2015 f’konformità mal-Artikolu 9(5).

2. Il-liġi u l-proċedura tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jaqra kif ġej:

Artikolu 8

Il-Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għall-ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 9

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu, għandhom igawdu:

a. fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b. fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' miżura jew detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja l-immunità ta’ xi wieħed mill-Membri tiegħu.

L-Artikoli 6(1) u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew għandhom jinqraw kif ġej:

Artikolu 6

Revoka tal-immunità

1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. Kull talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tkun ivvalutata skont it-termini tal-Artikoli 7, 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u skont il-prinċipji li hemm riferiment għalihom f'dan l-Artikolu.

(...)

Artikolu 9

Proċeduri dwar l-immunità

1. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta’ xi Membru, jew minn Membru jew xi ħadd li kien Membru sabiex jitħarsu l-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tkun riferuta lill-kumitat responsabbli.

Il-Membru jew l-ex-Membru jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor. It-talba ma tistax issir minn Membru ieħor mingħajr il-qbil tal-Membru kkonċernat.

2. Il-kumitat għandu jikkunsidra mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet.

3. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija ta' l-immunità jew għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet.

4. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar jekk l-immunità għandhiex titneħħa jew titħares.

5. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema’, jista’ jippreżenta

dokumenti jew evidenza bil-miktub li dak il-Membru jħoss li huma relevanti u jista’ jkun rappreżentat minn Membru ieħor.

Il-Membru ma għandux ikun preżenti matul id-dibattiti dwar it-talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tiegħu, ħlief għas-smigħ innifsu.

Il-President tal-Kumitat għandu jistieden lill-Membru għas-smigħ, billi jindika d-data u l-ħin. Il-Membru jista’ jirrinunzja d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-smigħ.

Jekk il-Membru ma jipparteċipax fis-smigħ wara dik l-istedina, jitqies li rrinunzja dak il-jedd li jkun mismugħ, sakemm ma jitlobx li jkun eżonerat mis-smigħ f’dik id-data u ħin kif proposti, u jagħti r-raġunijiet. Il-President tal-Kumitat għandu jagħti deċiżjoni dwar jekk tali talba li dak li jkun ikun skużat tintlaqax fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija, u ma jkun permess l-ebda appell fuq dan il-punt.

Jekk il-President tal-Kumitat jilqa’ t-talba għal eżoneru, allura jistieden lill-Membru jinstema’ f’data u ħin ġodda. Jekk il-Membru jonqos li jimxi mat-tieni stedina li jinstema’, il-proċedura tissokta mingħajr ma jinstema’ l-Membru. Ebda talba oħra għal eżoneru, jew għas-smigħ, ma tintlaqa’ minn dan l-istadju ’l quddiem.

(...)

7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza ta' l-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.

(...)

L-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja huwa fformulat kif ġej:

Mill-ġurnata meta jitħabbru r-riżultati tal-elezzjonijiet sal-ġurnata meta jintemm il-mandat tiegħu, Deputat m’għandux ikun suġġett għal responsabiltà kriminali mingħajr il-kunsens tas-Sejm.

l-Artikoli 7b(1) u 7c(1) tal-Att tad-9 ta’ Mejju 1996 dwar l-eżerċizzju tal-mandat ta’ Membru jew Senatur:

Artikolu 7b

1. Mozzjoni għal espressjoni ta’ kunsens biex deputat jew senatur jitressaq għal responsabilità penali f’każ ta' reat li ssir prosekuzzjoni tiegħu permezz ta' akkuża pubblika għandha tiġi ppreżentata permezz tal-Ministru tal-Ġustizzja – il-Prosekutur Pubbliku Ġenerali.

Artikolu 7c

1. Mozzjoni għal espressjoni ta’ kunsens biex deputat jew senatur jitressaq għal responsabilità penali għandha titressaq quddiem l-ispeaker tas-Sejm jew l-ispeaker tas-Senat, li għandhom jgħaddu din il-mozzjoni lill-korp kompetenti biex jeżamina l-mozzjoni skont ir-regoli ta’ proċedura tas-Sejm jew is-Senat, u fl-istess ħin jiġi nnotifikat id-deputat jew is-senatur tal-mozzjoni kkonċernata dwar il-kontenut ta’ din il-proposta.

3. Ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni proposta

Fuq il-bażi tal-fatti msemmija hawn fuq, dan il-każ jikkwalifika għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

Skont din id-dispożizzjoni, il-Membri jgawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-Membri tal-Parlament ta’ dak l-Istat. Barra minn hekk, l-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni Pollakka jistipula li prosekuzzjoni kriminali tal-Membri tas-Sejm huma suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel minn dan tal-aħħar. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew hija għalhekk meħtieġa, jekk il-prosekuzzjoni tas-Sur Korwin-Mikke trid titkompla.

Sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok jew le għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Membru, il-Parlament Ewropew japplika l-prinċipji konsistenti tiegħu. Wieħed minn dawn il-prinċipji huwa li l-immunità normalment tiġi rinunzjata meta r-reat jaqa’ taħt l-Artikolu 9 tal-Protokoll, sakemm ma hemmx fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-kwistjoni qed tiġi mressqa quddiem qorti bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru kkonċernat.

Jidher miċ-ċirkostanzi tal-każ u mid-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Sur Korwin-Mikke, waqt is-seduta li ma hemm l-ebda evidenza ta’ fumus persecutionis. Fil-fatt, għalkemm il-fatti msemmija hawn fuq seħħew meta s-Sur Korwin-Mikke diġà kien Membru tal-Parlament Ewropew u f’kuntest politiku b’mod espliċitu, l-allegat reat u l-prosekuzzjoni ta' wara jidhru b’mod ċar li m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-pożizzjoni tas-Sur Korwin-Mikke bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

4. Konklużjoni

Abbażi tal-kunsiderazzjoni t’hawn fuq u skont l-Artikolu 9(3) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità parlamentari tas-Sur Janusz Korwin-Mikke.

(1)

L-Artikolu 222(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità huwa miktub kif ġej:

Kull min jikser l-integrità fiżika ta’ uffiċjal pubbliku, jew ta' persuna msejħa biex tgħinu, matul jew f’konnessjoni mal-qadi ta’ dmirijiet uffiċjali għandu jkun soġġett għal penali ta’ multa, restrizzjoni tal-libertà jew piena ta’ priġunerija sa 3 snin.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Laura Ferrara, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Pavel Svoboda, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Luis de Grandes Pascual, Angel Dzhambazki, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Virginie Rozière

Avviż legali - Politika tal-privatezza