RAKKOMANDAZZJONI dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

18.5.2015 - (10883/2014 – C8‑0088/2015 – 2014/0151(NLE)) - ***

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Giovanni La Via

Proċedura : 2014/0151(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0166/2015
Testi mressqa :
A8-0166/2015
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

(10883/2014 – C8‑0088/2015 – 2014/0151(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (10883/2014),

–       wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Islanda, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (10941/2014);

–       wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0088/2015),

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0166/2015),

1.      Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Islanda.

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Islanda, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

Sfond

Il-Protokoll ta’ Kyoto fil-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ġie ffirmat fl-1997 u stabbilixxa mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet vinkolanti fuq bażi internazzjonali. L-UE rrattifikat il-Protokoll fl-2002 u ddikjarat li hi u l-15-il Stat Membru tagħha ta’ dak iż-żmien kienu se jagħmlu użu minn din id-dispożizzjoni biex iwettqu l-impenji dwar l-emissjonijiet tal-UE b’mod konġunt. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għalhekk kienu responsabbli b’mod konġunt skont il-mekkaniżmu ta’ konformità tal-Protokoll ta’ Kyoto biex iwettqu l-impenn li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kollettivi tagħhom fl-ewwel perjodu (2008-2012) bi 8% taħt il-livelli tal-1990.

Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill qabel li jipproponi impenn ta’ tnaqqis ikkwantifikat konġunt tal-emissjonijiet ta’ 20 % taħt il-livelli tal-1990 għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Unjoni. Din il-pożizzjoni tal-Kunsill kienet segwita mill-Istati Membri matul il-Konferenza ta’ Doha dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f’Diċembru 2012, fejn il-192 Parti għall-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) adottaw emenda għall-Protokoll.

L-emenda taʼ Doha tistabbilixxi t-tieni perjodu taʼ impenn skont il-Protokoll taʼ Kyoto (KP CP2), li jibda fl-1 taʼ Jannar 2013 u jispiċċa fil-31 taʼ Diċembru 2020, bʼimpenji taʼ tnaqqis taʼ emissjonijiet legalment vinkolanti li permezz tagħhom l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda huma marbuta b'mod konġunt li jillimitaw l-emissjonijiet annwali medji taʼ gass serra tagħhom fis-snin bejn l-2013 u l-2020 għal 80 % tal-emissjonijiet tas-sena bażi tagħhom (l-aktar l-1990). Dak l-impenn ġie ddeterminat abbażi tal-għadd totali tal-emissjonijiet ta' gass serra li ġew permessi matul il-perjodu mill-2013 sal-2020 skont il-Pakkett dwar l-Enerġija u l-Klima.

It-“twettiq konġunt” huwa terminu tekniku tal-Protokoll ta’ Kyoto. Dan ifisser li bosta Partijiet jistgħu jaqblu biex jilħqu l-impenji tal-emissjonijiet tagħhom b’mod konġunt. Ladarba jkun intlaħaq l-impenn konġunt, il-partijiet parteċipanti kollha fit-“twettiq konġunt” jitqiesu li huma f’konformità mal-obbligi ta’ emissjonijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto. Hu biss jekk ma jinkisibx l-impenn konġunt li kull Parti ssir responsabbli għal-livell ta’ emissjonijiet individwali tagħha, skont it-"Termini ta’ twettiq konġunt."

Il-pożizzjoni tar-Rapporteur

Ir-rapporteur jilqa’ l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tipprovdi l-bażi għall-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Islanda, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji għal KP CP2 tal-UNFCCC.

Ir-Rapporteur jixtieq jenfasizza hawnhekk xi aspetti b’rabta mal-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill.

L-Islanda hija Parti inkluża fl-Anness I għall-Protokoll ta’ Kyoto li laħqet il-mira individwali tagħha għall-ewwel perjodu ta’ impenn. L-Islanda kellha tillimita ż-żieda fl-emissjonijiet tagħha għal taħt l-10 % bħala medja matul l-ewwel perjodu ta’ impenn. L-emissjonijiet tal-Islanda finalment naqsu b’medja ta’ 2 % matul dan il-perjodu.

Fl-2009, l-Islanda esprimiet l-intenzjoni tagħha li twettaq b’mod konġunt l-impenji tagħha fit-tieni perjodu ta’ impenn flimkien mal-UE u l-Istati Membri tagħha. Il-Kunsill laqa’ din it-talba u kkonkluda li t-twettiq konġunt tal-impenji fit-tieni perjodu ta’ impenn għandu jinkludi l-Islanda. Il-Kunsill talab ukoll lill-Kummissjoni biex tħejji l-proposti rilevanti f’dan ir-rigward. Fl-2014 il-Kummissjoni (f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha) u l-Islanda kkompletaw in-negozjati meħtieġa għat-twettiq konġunt tal-KP CP2.

L-Islanda qed tipparteċipa fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) kif ukoll fir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ tal-UE (MMR) għall-gassijiet serra. Id-drittijiet u l-obbligi li japplikaw għall-Istati Membri fit-twettiq konġunt tal-impenji jeħtieġ li jkunu applikabbli wkoll għall-Islanda permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

L-Islanda hija interessata fit-twettiq konġunt mal-UE u l-Istati Membri tagħha irrispettivament minn jekk din tissiħebx fl-UE jew le. In-negozjati dwar l-adeżjoni bejn l-Islanda u l-UE għalhekk m’għandhom l-ebda impatt fuq it-twettiq konġunt tal-impenji miftehma b’mod konġunt bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto.

Il-Protokoll ta’ Kyoto jitlob lill-Partijiet jidħlu fi ftehim ta’ twettiq konġunt tal-impenji biex jistabbilixxu u jinnotifikaw, flimkien mal-istrumenti ta’ ratifika tagħhom, il-livelli ta’ emissjonijiet allokati lil kull membru ta’ dak il-ftehim (l-Artikolu 4(1) tal-Protokoll ta’ Kyoto). Il-livelli ta’ emissjonijiet allokati lil kull Stat Membru u l-Islanda huma stipulati fit-Tabella 1 tal-Anness I tal-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-Emenda ta’ Doha (f’tunnellati ta’ ekwivalenza ta’ dijossidu tal-karbonju (tCO2eq)), li hija soġġetta għal proċedura ta' kunsens parallela.

Id-deċiżjoni ta’ ratifika proposta tippermetti li l-Kummissjoni tħejji rapport inizjali konġunt tal-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda, kif ukoll Rapporti Inizjali individwali għal kull Stat Membru u l-Islanda.

Konklużjoni

Ir-Rapporteur iqis li l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Islanda, min-naħa l-oħra, dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto se jibgħat sinjal qawwi dwar l-isforzi kkoordinati Ewropej biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima fil-livell internazzjonali. L-UE hija forza li tixpruna negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima u kienet strumentali fl-iżvilupp tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kyoto.

Din hija r-raġuni li għaliha r-Rapporteur jemmen li ż-żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-Emenda ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kyoto u l-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Protokoll ta’ Kyoto jeħtieġ li jiġu rratifikati b’mod parallel mingħajr dewmien bla bżonn u ċertament ukoll ferm qabel il-Konferenza UNFCCC ta’ Pariġi fl-2015. L-Unjoni Ewropea tinsab fuq quddiem bħala mexxej dinji fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b’appoġġ għal politika dwar il-klima ambizzjuża. L-UE qed tinsisti dwar ftehim li jkun ambizzjuż, komprensiv u legalment vinkolanti. Bħala parti mit-tranżizzjoni lejn ir-reġim globali futur dwar il-klima, l-UE qed tieħu parti fil-KP CP2 fis-seħħ mill-2013 sal-2020.

Minħabba l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, ir-Rapporteur jissuġġerixxi li l-kumitat responsabbli u l-Parlament Ewropew jagħtu l-kunsens tagħhom għad-Deċiżjoni tal-Kunsill.

OPINJONI F'FORMA TA' ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN (afet)

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Il-President

Ref.: D(2015)18586

201295           29.04.2015

Giovanni La Via

President tal-Kumitat għall-Ambjent,

is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Suġġett: Opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI) dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

Sur President,

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jirrakomanda li l-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Islanda dwar il-parteċipazzjoni tal-Islanda fit-twettiq konġunt tal-impenji tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda fit-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.

Il-fatt li l-impenji tal-Ewropa jidħlu fis-seħħ bħala impenji legalment vinkolanti fid-dritt internazzjonali jibgħat messaġġ b'saħħtu dwar l-impenn tal-UE u l-Istati Membri tagħha favur reġim multilaterali bbażat fuq ir-regoli li jindirizza t-tibdil fil-klima fil-livell internazzjonali.

Nilqa' b'sodisfazzjoni kbir, għalhekk, ir-rieda tal-Islanda li tieħu dan l-obbligu u li b'mod konġunt tissodisfa l-impenji tagħha fit-tieni perjodu ta’ impenn flimkien mal-UE u l-Istati Membri tagħha.

Dejjem tiegħek,

(iffirmata)

Elmar Brok

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

64

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Cristian-Silviu Bușoi, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Iratxe García Pérez, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Josu Juaristi Abaunz, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Pavel Poc, Marcus Pretzell, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Renata Briano, Nicola Caputo, Mark Demesmaeker, Esther Herranz García, Jan Huitema, Merja Kyllönen, James Nicholson, Aldo Patriciello, Gabriele Preuß, Bart Staes

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marek Jurek, Emilian Pavel, Catherine Stihler