RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu
18.5.2015 - (10400/2014 – C8- 0029/2015 – 2013/0376(NLE)) - ***
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Elisabetta Gardini
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu
(10400/2014 – C8-0029/2015 – 2013/0376(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (10400/2014),
– wara li kkunsidra l-Emenda għall-Protokoll ta' Kyoto adottata fit-tmien sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kyoto, li saret f'Doha, il-Qatar f'Diċembru 2012 (l-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kyoto),
- wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0029/2015),
- wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
- wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0167/2015),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kyoto;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lin-Nazzjonijiet Uniti.
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kyoto fil-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu
Sfond
Il-Protokoll ta' Kyoto fil-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ġie ffirmat fl-1997 u stabbilixxa miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet li huma vinkolanti fuq bażi internazzjonali. L-UE rrattifikat il-Protokoll fl-2002 u ddikjarat li hi u l-15-il Stat Membru tagħha ta' dak iż-żmien se jagħmlu użu minn din id-dispożizzjoni biex iwettqu l-obbligi dwar l-emissjonijiet tal-UE b'mod konġunt. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għalhekk kienu responsabbli b'mod konġunt skont il-mekkaniżmu ta' konformità tal-Protokoll ta' Kyoto biex iwettqu l-obbligu li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra kollettivi tagħhom fl-ewwel perjodu (2008-2012) bi 8 % taħt il-livelli tal-1990.
Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-9 ta' Marzu 2012, il-Kunsill qabel li jipproponi impenn ta' tnaqqis ikkwantifikat konġunt tal-emissjonijiet ta' 20 % taħt il-livelli tal-1990 għat-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto għall-Unjoni.
Din il-pożizzjoni tal-Kunsill kienet segwita mill-Istati Membri tiegħu matul il-Konferenza ta' Doha dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f'Diċembru 2012, fejn il-192 Parti għall-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima adottaw emenda għall-Protokoll.
L-emenda ta' Doha tistabbilixxi t-tieni perjodu ta' impenn taħt il-Protokoll ta' Kyoto (KP CP2), li jibda fl-1 ta' Jannar 2013 u jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2020, b'impenji ta' tnaqqis tal-emissjonijiet legalment vinkolanti li permezz tagħhom l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda huma obbligati jillimitaw l-emissjonijiet annwali medji ta' gassijiet serra tagħhom mill-2013 sal-2020 għal 80 % tal-emissjonijiet tas-sena bażi tagħhom (l-aktar tal-1990). Dak l-impenn ġie determinat abbażi tal-għadd totali tal-emissjonijiet ta' gass serra li ġie permess matul il-perjodu mill-2013 sal-2020 skont il-Pakkett dwar l-Enerġija u l-Klima tal-UE.
Flimkien ma' dan, l-Emenda ta' Doha tagħmel tliet bidliet oħra lit-test tal-Protokoll ta' Kyoto li jridu jiġu implimentati f'dan it-tieni perjodu ta' impenn li jikkonċernaw dan li ġej: l-ewwel nett, l-inklużjoni ta' gass ġdid (it-trifluworur tan-nitroġenu); it-tieni, mekkaniżmu ta' ambizzjoni li jipprovdi għal proċedura simplifikata li tippermetti li Parti taġġusta l-impenn tagħha billi żżid l-ambizzjoni tagħha matul perjodu ta' impenn; u t-tielet, dispożizzjoni li awtomatikament taġġusta mira ta' Parti sabiex tkun evitata żieda fl-emissjonijiet tagħha għall-perjodu 2013 sa 2020 lil hinn mill-emissjonijiet medji tagħha għas-snin bejn l-2008 u l-2010.
L-Emenda ta' Doha hija soġġetta għall-aċċettazzjoni mill-Partijiet għall-Protokoll ta' Kyoto u se tidħol fis-seħħ biss wara d-data li fiha d-Depożitarju tal-Konvenzjoni jirċievi l-istrumenti tal-aċċettazzjoni minn tal-anqas tliet kwarti tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kyoto.
Il-pożizzjoni tar-Rapporteur
L-abbozz għal Deċiżjoni tal-Kunsill tipprovdi l-bażi għall-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha mill-Unjoni Ewropea u tistabbilixxi t-termini għat-twettiq konġunt tal-obbligi mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda. Dan jitlob li l-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex ilestu l-proċess ta' ratifika domestiku tagħhom sa mhux aktar tard mit-tielet kwart tal-2015.
Ir-Rapporteur tilqa' l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni ta' Qafas u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu. Ir-Rapporteur tixtieq tenfasizza hawnhekk xi aspetti tal-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill.
L-ewwel nett, ir-Rapporteur tinnota b'dispjaċir li fil-KP CP2, kif muri fl-Anness B tal-Protokoll ta' Kyoto, huma l-pajjiżi tal-UE li prinċipalment qed jingħaqdu ma' dan it-tieni perjodu ta' impenn, filwaqt li pajjiżi fost l-aktar li qed iniġġsu qegħdin jastjenu. L-UE għandha tistabbilixxi l-għodda kollha politiċi, diplomatiċi u ekonomiċi possibbli għad-dispożizzjoni tagħha biex tikkonvinċi lil dawn il-pajjiżi jiffirmaw ftehim internazzjonali vinkolanti li jistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi, ħalli l-UE ma tibqax waħedha biex twettaq l-obbligi klimatiċi kollha. Kwalunkwe ftehim internazzjonali ġdid aktar tard din is-sena f'Pariġi jeħtieġ ikun ambizzjuż ħafna u fl-istess ħin realistiku, jekk irridu nżommu t-triq li permezz tagħha t-temperatura tal-pjaneta tinżamm taħt l-objettiv ta' 2° C.
Fir-rigward tal-ftehim ta' twettiq konġunt, ir-Rapporteur tfakkar li abbażi tal-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija adottat fl-2009, b'mod partikolari l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet (EU ETS) u d-Deċiżjoni dwar il-Qsim tal-Isforz, l-UE u l-Istati Membri tagħha diġà qed jimplimentaw tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 20 % sal-2020 li fil-fatt ippermettilhom jilħqu ftehim biex jimplimentaw l-impenji tagħhom għall-KP CP2. F'dan ir-rigward ir-Rapporteur tixtieq tenfasizza li l-proposta ma tbiddilx il-miri jew l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-leġiżlazzjoni tal-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija tal-2009.
Il-Protokoll ta' Kyoto jeħtieġ lill-Partijiet jidħlu fi ftehim ta' twettiq konġunt tal-impenji biex jistabbilixxu u jinnotifikaw, flimkien mal-istrumenti ta' ratifika tagħhom, il-livelli ta' emissjonijiet allokati lil kull membru ta' dak il-ftehim (l-Artikolu 4(1) tal-Protokoll ta' Kyoto). Il-livelli ta' emissjonijiet allokati lil kull Stat Membru u lill-Islanda huma stabbiliti fit-Tabella 1 tal-Anness I tal-proposta ta' Deċiżjoni tal-Kunsill (f'ekwivalenti ta' tunnellati ta' diossidu tal-karbonju ((tCO2eq).
Għalkemm l-Islanda mhijiex Stat Membru tal-UE, hija qed tipparteċipa fl-EU ETS u għandha l-intenzjoni li twettaq l-obbligu tagħha fil-KP CP2 b'mod konġunt mal-UE u l-Istati Membri tagħha. Id-drittijiet u l-obbligi li japplikaw għall-Istati Membri fit-twettiq konġunt tal-impenji jeħtieġ li jkunu applikabbli wkoll għall-Islanda permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-ftehim ġdid bejn l-UE, l-Istati Membri kollha u l-Islanda, li huwa soġġett għal proċedura ta' kunsens parallel.
Fir-rigward tar-rekwiżiti ta' rappurtar u ta' kontabbiltà, taħt il-KP CP2 kull Parti hija meħtieġa tissottometti rapport biex tiffaċilita l-kalkolu tal-ammont assenjat tagħha u turi l-kapaċità tagħha li tagħti kont tal-emissjonijiet tagħha u l-ammont assenjat (ir-rapport inizjali). Ir-rekwiżiti dettaljati għar-rapporti inizjali huma stabbiliti fid-Deċiżjoni 2 UNFCCC/CMP.8.
Id-deċiżjoni ta' ratifika proposta tippermetti rapport inizjali konġunt tal-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda, li għandu jkun preparat mill-Kummissjoni kif ukoll Rapporti Inizjali individwali għal kull Stat Membru u l-Islanda. Ir-rapport inizjali konġunt għandu jkun fih l-informazzjoni meħtieġa relatata mal-impenn konġunt, u abbażi ta' din l-informazzjoni jiġi kkalkulat l-ammont assenjat konġunt, u jiġi stabbilit l-ammont assenjat tal-UE.
Konklużjoni
Ir-Rapporteur tqis li d-deċiżjoni ta' ratifika dwar il-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kyoto u t-twettiq konġunt tal-obbligi mill-Unjoni Ewropea se jibagħtu sinjal qawwi dwar l-isforzi u t-tmexxija tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima fil-livell internazzjonali. Huwa għalhekk li r-Rapporteur tipperċepixxi d-dħul fis-seħħ formali tal-Emenda ta' Doha fost l-objettivi prijoritarji għall-Unjoni Ewropea minħabba li l-Protokoll ta' Kyoto għandu kontribut kruċjali fl-isforzi globali biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Ir-Rapporteur tistieden ukoll lill-Kunsill biex jiżgura li l-proċessi ta' ratifika domestiċi fl-Istati Membri jistgħu jseħħu sa mhux aktar tard mit-tielet kwart tal-2015 u flimkien mal-UE huma jkunu jistgħu jiddepożitaw l-istrument ta' aċċettazzjoni tagħhom ferm qabel il-Konferenza UNFCCC ta' Pariġi fl-2015.
Minħabba l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, ir-Rapporteur tissuġġerixxi li l-kumitat responsabbli u l-Parlament Ewropew jagħtu l-kunsens tagħhom għad-Deċiżjoni tal-Kunsill mingħajr dewmien mhux meħtieġ.
Opinjoni f'Forma ta' Ittra tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE)
305433 25.03.2015
Ref:IPOL-COM-ITRE D (2015) 9602
RvAimu
Giovanni La Via
President
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Brussell,
Suġġett: Opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE) għall-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI) dwar il-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi pertinenti (ITRE/8/002S4 _/ COM (2013)0768.- 2013/0376 (NLE))
Sur President,
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE) jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI), bħala l-kumitat responsabbli, biex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt tal-obbligi tiegħu.
Dejjem tiegħek,
(iffirmata)
JerzyBuzek
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
6.5.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
60 3 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Cristian-Silviu Bușoi, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Iratxe García Pérez, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Josu Juaristi Abaunz, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Pavel Poc, Marcus Pretzell, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Damiano Zoffoli |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Renata Briano, Nicola Caputo, Mark Demesmaeker, Jan Huitema, Merja Kyllönen, James Nicholson, Aldo Patriciello, Gabriele Preuß, Bart Staes |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marek Jurek, Emilian Pavel, Catherine Stihler |
||||