Proċedura : 2014/2147(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0170/2015

Testi mressqa :

A8-0170/2015

Dibattiti :

PV 06/07/2015 - 17
CRE 06/07/2015 - 17

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2015 - 5.14
CRE 07/07/2015 - 5.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0251

RAPPORT     
PDF 233kWORD 198k
19.5.2015
PE 546.720v02-00 A8-01702015

dwar is-settur tal-frott u l-ħaxix wara r-riforma tal-2007

(2014/2147(INI))

Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

Rapporteur: Nuno Melo

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-settur tal-frott u l-ħaxix wara r-riforma tal-2007

(2014/2147(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-fondi operattivi u l-programmi operattivi fis-settur tal-frott u l-ħaxix mir-riforma tal-2007 'l hawn (COM(2014)(0112),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-futur tas-settur tal-Ortikoltura tal-Ewropa - strateġiji għat-tkabbir(2),

–       wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “Is-settur tal-frott u tal-ħaxix tal-UE: Ħarsa ġenerali u l-perspettiva ta' wara l-PAK 2013”, imwettaq taħt l-awspiċji tal-Parlament Ewropew fl-2011,

–       wara li kkunsidra żewġ studji intitolati “Lejn regoli ġodda għas-settur tal-UE tal-frott u l-ħaxix”, li twettqu mill-Assemblée des Régions Européennes Légumières et Horticoles (AREFLH) u mill-Università ta' Wageningen rispettivament għal workshop tal-Parlament Ewropew li sar fit-22 ta' Jannar 2015,

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji (COM(2014)(0472),

–       wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Analiżi komparattiva tal-għodod tal-ġestjoni tar-riskji taħt il-Farm Bill 2014 tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-PAK 2014-2020”, li sar taħt l-awspiċji tal-Parlament Ewropew fl-2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0170/2015),

A.     billi peress li l-politika tal-Unjoni tas-snin 1990 għas-settur tal-frott u l-ħaxix kienet iċċentrata fuq it-tisħiħ tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs);

B.     billi r-riforma tal-2007 kienet immirata biex issaħħaħ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix billi tipprovdi firxa aktar estensiva ta' għodda li jippermettu, fost miżuri oħra, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji tas-suq, kif ukoll it-tisħiħ u l-konċentrazzjoni tal-provvista, it-titjib tal-kwalità u l-kompetittività, l-adattament tal-provvista biex tikkorrispondi għas-suq, u l-forniment ta' appoġġ tekniku għal produzzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent;

C.     billi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi huma soġġetti għal għadd ta' restrizzjonijiet meta mqabbla mal-kumpaniji kummerċjali privati, bħalma huma restrizzjonijiet fuq l-użu ta' investimenti relatati mal-istruttura tad-dħul jew mal-ħtieġa li jsir bejgħ;

D.     billi huwa essenzjali li s-settur tal-frott u l-ħaxix jiġi appoġġjat fit-territorju kollu tal-Unjoni, minħabba l-importanza tiegħu f'dawk li huma valur miżjud u impjiegi, u meta jitqiesu l-benefiċċji tas-saħħa li dan is-settur jippreżenta permezz ta' dieti tajba għas-saħħa u bbilanċjati;

E.     billi l-appoġġ tal-Unjoni għall-POs u għall-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs) huwa mmirat lejn it-tisħiħ tal-kompetittività tas-settur, l-appoġġ għall-innovazzjoni, iż-żieda tal-produttività, it-tisħiħ tal-promozzjoni, it-titjib tal-pożizzjoni ta' negozjar tal-bdiewa u t-treġġigħ lura ta' bilanċ fil-katina tal-provvista tal-ikel, filwaqt li jintegra wkoll l-interessi ambjentali fil-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u l-ħaxix u filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni dovuta lis-sitwazzjoni tal-produtturi individwali;

F.     billi nħolqu inċentivi biex iħeġġu fużjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs), kif ukoll kooperazzjoni transnazzjonali, bil-għan li tiġi żviluppata s-setgħa ta' negozjar tal-POs fil-katina tad-distribuzzjoni;

G.     billi, fil-livell tal-UE, il-maġġoranza tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix huma azjendi żgħar jew ta' daqs medju;

H.     billi, skont studju tal-2011 dwar ir-reġim tal-frott u l-ħaxix imwettaq għall-Parlament Ewropew, l-POs għandhom jiġu mħeġġa peress li “azzjoni kollettiva fil-livell tal-produtturi u koordinament effettiv fi ħdan il-katina jidhru li huma prekundizzjonijiet għal kull strateġija ta' suċċess biex wieħed ilaħħaq mal-prezzijiet relattivi li qed jonqsu tal-produtturi”;

I.      billi l-POs u l-APOs fis-settur tal-frott u l-ħaxix jistgħu jistabbilixxu fond operattiv għall-finanzjament tal-programmi operattivi approvati mill-Istati Membri;

J.      billi tali fondi jiġu ffinanzjati bil-kontribuzzjonijiet mill-membri tal-PO jew mill-organizzazzjoni tal-produtturi nnifisha u bl-assistenza finanzjarja tal-UE, u billi dan il-kofinanzjament irawwem l-impenn min-naħa tal-benefiċjarji u jgħin biex jiżgura li huma jagħmlu użu tajjeb mill-assistenza, minbarra li għandu effett multiplikatur;

K.     billi l-appoġġ finanzjarju taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK) l-antika għall-investimenti tal-POs tal-frott u l-ħaxix li jkunu għadhom kif ġew stabbiliti, kien ta' importanza kruċjali, speċjalment fl-Istati Membri tal-Ewropa Ċentrali, tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Ewropa tan-Nofsinhar, it-territorji u l-gżejjer extra-Ewropej;

L.     filwaqt li jinnota:

(a)    iż-żieda fir-rata ta' organizzazzjoni, fejn is-sehem tal-valur totali tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix fl-UE kkummerċjalizzata mill-POs u l-APOs fl-2010 kien ta' madwar 43 % (34 % fl-2004);

(b)    l-attraenza mtejba tal-POs, fejn is-sehem tal-produtturi totali ta' frott u ħaxix li huma membri ta' POs żdied minn 10,4 % fl-2004 għal 16,5 % fl-2010; u

(c)    l-attraenza akbar tal-APOs kif tixhed iż-żieda rapida fl-għadd tagħhom, flimkien maż-żieda sostanzjali fl-għadd u fis-sehem tal-POs li huma membri ta' APOs.

M.    billi dawn iċ-ċifri għall-Unjoni kollha kemm hi huma medji li jirriflettu sitwazzjonijiet diverġenti ħafna bejn l-Istati Membri – jew anki sitwazzjonijiet nettament differenti fl-Istati Membri individwali; Billi dawn is-sitwazzjonijiet, li jirriflettu punti ta' tluq differenti fl-imbuttatura lejn it-twaqqif tal-POs, huma attribwibbli għal fatturi storiċi bbażati fuq il-livell akbar jew anqas ta' rieda murija mill-bdiewa fl-istabbiliment tal-PO, għall-istruttura tal-azjendi agrikoli, għal kundizzjonijiet tas-suq u ostakli amministrattivi differenti, għall-inadegwatezza tal-appoġġ li bħalissa qed jingħata kif ukoll għall-fatt li f'ħafna Stati Membri dan is-settur huwa ddominat minn produtturi żgħar;

N.     billi mill-konsultazzjoni pubblika dwar l-għażliet politiċi u l-valutazzjoni tal-impatt tagħhom, imwettqa mill-Kummissjoni bejn l-4 ta' Ġunju u d-9 ta' Settembru 2012, dwar ir-rieżami tar-reġim tal-UE għas-settur tal-frott u l-ħaxix, turi li l-maġġoranza ta' dawk li wieġbu huma favur li r-reġim ikompli, soġġett għal xi irfinamenti speċifiċi;

O.     billi fir-reġjuni fejn il-produtturi laħqu l-ogħla livelli ta' kompetittività, il-profittabilità, l-internazzjonalizzazzjoni, il-kwalità u s-sostenibilità ambjentali huma dawk li fihom il-livell ta' organizzazzjoni tal-produzzjoni jkun l-ogħla;

P.     billi r-rata ta' organizzazzjoni fost il-produtturi tibqa' waħda baxxa bħala medja u konsiderevolment anqas mill-medja tal-UE f'ċerti Stati Membri, għalkemm din l-affermazzjoni ġenerali hija soġġetta għal kwalifika skont il-grad ta' modernizzazzjoni tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' kull żona; billi s-sospensjoni u t-tneħħija tar-rikonoxximent tal-POs, fattur li joħloq inċertezza fost il-produtturi, huwa fattur li jikkontribwixxi għall-medja baxxa;

Q.     billi, minkejja li l-għajnuna finanzjarja nazzjonali (Regolament (UE) Nru 1308/2013) kienet strument finanzjarju importanti f'dak li hu l-ikkonċentrar tal-provvista, hemm il-ħtieġa li tissaħħaħ l-effettività tagħha;

R.     billi r-rwol imwettaq mill-POs fil-ftuħ ta' swieq ġodda, il-promozzjoni tal-konsum jew l-investiment fl-innovazzjoni għandu impatt pożittiv ħafna fuq is-settur tal-frott u l-ħaxix kollu kemm hu;

S.     billi, fl-UE, is-settur tal-frott u l-ħaxix jirrappreżenta 18 % tal-valur totali tal-produzzjoni agrikola, juża biss 3 % tal-art ikkoltivata u għandu valur ta' aktar minn EUR 50 biljun;

T.     billi l-katina tal-provvista tal-frott u l-ħaxix għandha fatturat stmat ta' aktar minn EUR 120 biljun, b'madwar 550 000 impjegat u taġixxi bħala multiplikatur ekonomiku fil-livell Ewropew, peress li tistimola kemm id-domanda u kemm il-ħolqien ta' valur miżjud f'setturi ekonomiċi oħra;

U.     billi ż-żona agrikola totali tal-UE bl-għelejjel tal-frott u l-ħaxix naqset b'6 % bejn l-2003 u l-2010, li jindika li l-bdiewa qalbu għal għelejjel oħra jew, f'ħafna ħażijiet, telqu l-biedja għalkollox; billi, skont l-istudju tal-2015 tal-AREFLH, dan it-tnaqqis kien akbar fl-Ewropa tan-Nofsinhar milli fl-Ewropa tat-Tramuntana;

V.     billi l-volum tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix naqas ukoll fis-snin riċenti, filwaqt li l-valur tiegħu kellu t-tendenza li jibqa' stabbli f'termini reali, u laħaq it-EUR 48,25 biljun fl-2012, u minkejja dan ma kienx kapaċi joffri prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola skont l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-pagi;

W.    billi l-iżbilanċ fil-konsum jirrappreżenta problema mill-akbar għas-setturi tal-frott u l-ħaxix, fejn dawn l-aħħar ftit snin raw telf ta' produzzjoni; filwaqt li wieħed jiftakar fid-data minn Freshfel Europe li tindika li l-konsum tal-frott u l-ħaxix frisk fl-UE -28 kien ta' 387 g l-ġurnata per capita fl-2012, jiġifieri tnaqqis ta' 8,7 % meta mqabbel mal-medja għall-perjodu tal-2007-11; billi dan it-tnaqqis jidher li jirrifletti xejriet fit-tul lejn konsum akbar ta' ikel ipproċessat u l-impatt tal-kriżi ekonomika;

X.     billi hemm 22 miljun tifel u tifla b'piż żejjed fi ħdan l-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-adoloxxenti qed jikkonsmaw bħala medja 30 % sa 50 % biss tal-ammont rakkomandat kuljum ta' frott u ħaxix;

Y.     billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tirrakkomanda konsum minimu ta' 400 g ta' frott u ħaxix għall-prevenzjoni ta' mard kroniku bħalma hu l-mard tal-qalb, il-kanċer, id-dijabete u l-obeżità, fejn din tal-aħħar tinsab partikolarment fost it-tfal; billi, s'issa, erba' Stati Membri tal-UE biss issodisfaw din ir-rakkomandazzjoni;

Z.     billi fl-2012 l-UE kellha defiċit kummerċjali fil-frott u l-ħaxix, prinċipalment minħabba l-fatt li timporta wisq aktar frott milli tesporta, minħabba l-kosti għolja tal-produzzjoni;

AA.  billi l-istudju tal-2015 tal-AREFLH juri li s-suq tal-UE huwa relattivament miftuħ għall-importazzjonijiet, filwaqt li l-esportazzjonijiet Ewropej jiffaċċjaw ostakli tariffarji u non-tariffarji konsiderevoli fis-sħab kummerċjali, sitwazzjoni li żżomm lill-esportazzjonijiet milli jiddiversifikaw; billi, għalkemm l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi jikkompetu direttament ma' prodotti simili tal-UE, l-istess standards ambjentali, tas-sikurezza tal-ikel u dawk soċjali ma jiġux applikati, f'ċerti każijiet, fil-koltivazzjoni tagħhom;

AB.  billi l-kriżijiet tas-suq iseħħu ta' spiss fis-settur tal-frott u l-ħaxix minħabba li produzzjoni żejda anke f'ammonti żgħar tista' toħloq waqgħat kbar fil-prezzijiet tal-produtturi; billi l-frott u l-ħaxix huma fil-biċċa l-kbira tagħhom prodotti li jitħassru u għalhekk għandhom jinbiegħu malajr, sitwazzjoni li tħalli lill-bdiewa f'dan is-settur f'pożizzjoni ta' negozjar strutturalment dgħajfa meta mqabbla mal-bejjiegħa bl-imnut ewlenin u l-proċessuri;

AC.  billi l-kriżi kkawżata mill-projbizzjoni Russa kellha, u se jkollha fil-futur, effetti negattivi sinifikanti fuq is-settur tal-frott u l-ħaxix, fejn produtturi f'dan is-settur sofrew xi wħud mill-akbar telfiet; billi l-importanza tal-eżistenza ta' POs b'saħħithom organizzati b'tali mod li jkunu kapaċi jittrattaw kollettivament sitwazzjonijiet mhux mistennija u avversi għandha tiġi enfasizzata, appoġġjata minn strumenti Komunitarji adegwati adattati għas-severità ta' kull kriżi jew, jekk meħtieġ, billi jiġu attivati l-miżuri eċċezzjonali previsti fir-Regolament 1308/2014;

AD.  billi r-rapport tal-Kummissjoni jagħraf li l-istrumenti tal-prevenzjoni tal-kriżi tar-reġim tal-frott u l-ħaxix ftit li xejn ġew użati minn mindu saret ir-riforma tal-2007 u li huma wrew li ma kinux biżżejjed biex itaffu l-konsegwenzi ta' kriżijiet serji bħalma hi dik tal-E. coli jew dik attwali li qed tirriżulta mill-projbizzjoni Russa; billi, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, minbarra l-irtirar mis-suq, dawn huma amministrattivament diffiċli biex jiġu applikati minħabba r-regolamenti mhux ċari f'dan ir-rigward;

AE.   billi l-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel, li taħtha jintuża għadd ta' frott u ħaxix lokali u staġjonali, attirat l-interess u għamlet suċċess;

AF.   billi l-possibilità li l-ħlas lura tal-kapital u tal-imgħax fuq is-selfiet meħuda biex jiġu ffinanzjati l-miżuri ta' prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet isir eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja tal-UE, taħt il-programmi operattivi, kienet strument importanti għall-ġestjoni tal-inċertezza tas-suq;

AG.  billi r-rapport tal-Kummissjoni jidentifika l-kumplessità tar-regoli u n-nuqqas taċ-ċertezza tad-dritt bħala dgħufijiet tar-reġim attwali tal-frott u l-ħaxix; billi l-Kummissarju Hogan impenja ruħu li jtejjeb ir-reġim fl-ewwel sena tal-mandat tiegħu, filwaqt li jqis id-differenzi kulturali u l-kuntrasti fir-realtajiet tas-suq bejn l-Istati Membri differenti u l-ħtieġa li tingħata spinta lill-kompetittività u lill-qawwa innovattiva tas-settur;

AH.  billi l-istudju tal-Università ta' Wageningen jikkonkludi li l-interpretazzjonijiet diverġenti tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni tal-UE ħolqu inċertezza tad-dritt għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u għall-POs, li rriżultat f'piż amministrattiv akbar u l-biża' tat-teħid tar-riskji u l-ħolqot' diżinċentivi għat-twaqqif ta' POs;

AI.    billi proċeduri tal-awditjar ċari u prevedibbli huma essenzjali għall-funzjonament tar-reġim tal-frott u l-ħaxix; billi l-irduppjar fl-awditi konsekuttivi għandu jiġi evitat u m'għandhomx jitwettqu awditi ta' segwitu qabel l-approvazzjoni tal-kontijiet tkun tat deċiżjoni definittiva dwar awditu preċedenti, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri ma jkollhomx għalfejn jagħmlu korrezzjonijiet akbar milli meħtieġa;

AJ.   billi r- Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli diġà ħa kont ta' għadd ta' elementi li jinsabu fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, u billi r-regoli attwalment fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jiġu stabilizzati;

AK.  billi l-proporzjonalità għandha taqdi parti essenzjali fit-tnaqqis tal-inċertezza tad-dritt fi ħdan ir-reġim tal-frott u l-ħaxix, peress li tiżgura li PO kollha kemm hi ma tkunx preġudikata mill-infrazzjoni imwettqa minn persuni ħatja individwalment;

AL.   billi l-POs spiss jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex isibu u jħarrġu amministraturi bil-ħiliet neċessarji għat-twettiq ta' attivitajiet kummerċjali fl-ambjent kompetittiv tas-settur tal-kummerċ agrikolu; billi r-rapport tal-Kummisjoni jiddikjara li l-infiq fit-taħriġ u s-servizzi ta' konsulenza mill-POs kien wieħed baxx;

AM. billi l-popolazzjoni tal-biedja fl-UE-28 qed tixjieħ malajr u billi, bħala medja, hemm bidwi wieħed biss taħt il-35 sena għal kull disa' bdiewa ta' età ta' aktar minn 55 sena;

1.      Jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni, li jagħti stampa bilanċjata tal-evoluzzjoni tar-reġim tal-frott u l-ħaxix minn mindu saret ir-riforma tal-2007, jikkonferma l-validità tal-istruttura organizzattiva bażika għal dan is-settur u jidentifika l-oqsma fejn sar progress, bħalma huma l-konċentrazzjoni akbar ta' POs li qed ittejjeb il-pożizzjoni tas-settur fil-katina tal-provvista tal-ikel, filwaqt li jirreferi wkoll għall-problemi li jippersistu;

2.      Huwa tal-opinjoni li l-appoġġ għandu jikkumpensa għall-konsegwenzi negattivi – mill-perspettiva tas-suq – tar-restrizzjonijiet imposti fuq l-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

3.      Jilqa' l-miżuri li twettqu fir-reġim tal-frott u l-ħaxix fl-UE, maħsuba biex iżidu l-orjentament tas-suq fost il-kultivaturi tal-UE, iħeġġu l-innovazzjoni, jippromwovu l-frott u l-ħaxix, iżidu l-kompetittività tal-kultivaturi u jtejbu l-kummerċjalizzazzjoni, il-kwalità tal-prodott u l-aspetti ambjentali tal-produzzjoni, permezz ta' għotja ta' appoġġ lill-POs, assoċjazzjonijiet tal-PO u r-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali, anki billi jippromwovu l-formazzjoni ta' raggruppamenti li tnissel flussi ġodda ta' dħul li jissarfu f'investimenti ġodda;

4.      Jilqa' l-fatt li l-PAK il-ġdida baqgħet tħaddan fiha r-reġim tal-frott u l-ħaxix, filwaqt li jagħraf il-fatt li l-istrumenti eżistenti mhux dejjem kienu effikaċi, bħalma rrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-dokument ta' konsultazzjoni pubblika tagħha bit-titolu 'Rieżami tar-Reġim tal-UE għas-Settur tal-Frott u l-Ħaxix', u għaldaqstant jappoġġja l-ħidma tal-Grupp Newcastle maħsub biex itejjeb ir-reġim tal-frott u l-ħaxix, li għandu jieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-arranġamenti ġuridiċi li jirregolaw il-kooperattivi fl-Istati Membri, sabiex ma jiġix limitat il-ħolqien ta' POs ġodda, filwaqt illi jiġi rrispettat il-fatt li l-kultivaturi jistgħu jagħżlu li ma jagħmlux parti mis-sistema tal-PO;

5.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi biex jiġu ttrattati b'mod deċiżiv il-prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina tal-provvista tal-ikel li jkollhom impatt negattiv fuq il-qligħ tal-produtturi, inaqqsu d-dħul u jheddu l-vijabbiltà u s-sostenibilità tas-settur; iqis li l-prattiki kummerċjali żleali u l-pressjoni eżerċitata fuq il-produtturi, kemm jekk huma assoċjati u kemm jekk le, mill-ktajjen kbar tal-bejgħ bl-imnut, huma l-ostaklu ewlieni biex il-bdiewa tal-frott u l-ħaxix jaqilgħu dħul diċenti; jirrimarka li d-dgħufija tal-pożizzjoni tagħhom hija aggravata mill-fatt li l-prodotti tagħhom jistgħu jitħassru; iqis li l-problemi msemmija, bħalma huma l-abbandun tal-art jew it-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-bdiewa attivi, mhux ser jisparixxu meta l-profitti mill-produzzjoni jkunu biżżejjed biex jiġi ggarantit il-futur tal-professjoni u jiġu attirati ħaddiema żgħażagħ;

6.      Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli ċari tal-UE li jirregolaw il-prinċipji tal-prattika tajba fil-katina tal-provvista tal-ikel biex tiġi żgurata interpretazzjoni komuni tar-regoli fir-rigward tal-prattiki kummerċjali inġusti;

7.      Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri biex tiġi inkoraġġita l-kummerċjalizzazzjoni diretta tal-prodotti tal-PO; jemmen li l-kummerċjalizzazzjoni diretta hija alternattiva għas-settur kbir tal-bejgħ bl-imnut u l-valuri fundamentali tiegħu rigward ir-relazzjoni mal-ikel, l-agrikoltura u l-ambjent; iqis li l-prezzijiet tal-kummerċjalizzazzjoni diretta jinżammu aktar baxxi mill-prezzijiet tas-settur kbir tal-bejgħ bl-imnut eżattament minħabba l-eliminazzjoni tal-intermedjarji u tal-kosti marbuta mal-loġistika; iqis, f'dan ir-rigward, li t-tnaqqis tal-katina jiggarantixxi dħul ġust għall-bdiewa u jagħmilha possibbli li ssir il-ġlieda lill-prattiki kummerċjali żleali (PKŻ);

8.      Jinnota li bosta Stati Membri daħħlu miżuri biex jindirizzaw b'mod deċiżiv il-PKŻ u jitlob għal rispons ikkoordinat mill-UE biex jiġi msaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern għall-prodotti agrikoli;

9.      Jenfasizza l-importanza li l-istandards Ewropej tal-kwalità għal-prodotti ta' frott u ħaxix frisk jibqgħu jinżammu kif inhuma sabiex tiġi ggarantita kwalità konsistentement għolja fil-katina tal-provvista għall-benefiċċju tal-konsumatur finali;

10.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkjarifika kif għandha l-ħsieb li tapplika l-Artikolu 209(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, b'tali mod li tiġi promossa aktar ċertezza tad-dritt dwar kif għandhom jintlaħqu l-objettivi spjegati fl-Artikolu 39 tat-TFUE, b'rispett strett tal-Artikolu 101 tat-TFUE fir-rigward tal-kompetizzjoni;

11.    Jinnota li l-grad ta' organizzazzjoni tas-settur, kif imkejjel mis-sehem tal-valur totali tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix ikkummerċjalizzata mill-POs, żdied b'mod kostanti f'dawn l-aħħar snin fl-Unjoni kollha kemm hi, iżda li din iż-żieda tista' tiġi attribwita għal xi wħud mill-Istati Membri biss;

12.    Jenfasizza li, minkejja din iż-żieda, il-grad ta' organizzazzjoni fost il-produtturi jibqa' wieħed baxx bħala medja, u konsiderevolment taħt il-medja tal-UE f'ċerti Stati Membri, u li l-indirizzar ta' din il-problema huwa kruċjali għall-futur tar-reġim tal-frott u l-ħaxix, mhux l-anqas billi jitnaqqsu l-iżbilanċi reġjonali sinifikanti; jenfasizza wkoll li dan il-livell baxx ta' organizzazzjoni mhuwiex megħjun mill-kumplessità tar-regoli tal-PO li rriżultat fis-sospensjoni u t-tneħħija tar-rikonoxximent tal-POs f'xi Stati Membri; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni treġġa' lura x-xejra ta' dan it-tnaqqis billi tissimplifika r-regoli tal-iskema biex l-POs jsiru aktar attraenti biex dak li jkun jissieħeb fihom;

13.    Jindika l-ħtieġa li tittejjeb ir-rata ta' organizazzjoni fis-settur, peress li hu evidenti li hi ogħla fir-reġjuni fejn il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni huma aktar modernizzati u indirizzati lejn l-esportazzjoni, filwaqt li hi l-aktar baxxa fil-pajjiżi li għal ħafna snin ma kellhomx l-opportunità li jużaw il-fondi operattivi;

14.    Iqis li huwa vitali li jiġi kkontemplat l-istabbiliment ta' strumenti għall-ġestjoni tal-kriżijiet, u l-inizjattivi ta' suċċess li tnedew minn ċerti POs f'dak ir-rigward jeħtieġ li jkunu ċarament identifikabbli sabiex ikunu jistgħu jiġu replikati bnadi oħra kull meta dan ikun possibbli; għal dan il-għan, jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kuxjenza u l-għarfien ta' POs pijunieri bħal dawn; 

15.    Ifakkar li l-POs huma għodod li jitqiegħdu għad-disponibilità tal-produtturi sabiex ikunu jistgħu kollettivament jorganizzaw lilhom infushom fis-suq ħalli jkunu jistgħu isalvagwardjaw id-dħul tagħhom, u li l-POs huma partikolarment utli f'żoni ta' produzzjoni li jibagħtu l-prodotti tagħhom lejn żoni ta' konsum, iżda mhumiex użati wisq minn ċerti produtturi jew f'ċerti swieq lokali jew speċjalizzati;

16.    Jenfasizza f'dan il-kuntest li huwa importanti li jiżdied il-livell ġenerali ta' appoġġ għall-POs u li jiġu pprovduti inċentivi iktar b'saħħithom kemm għall-fużjoni ta' POs eżistenti f'APOs u l-ħolqien ta' oħrajn ġodda kemm f'kuntest nazzjonali u kemm f'dak internazzjonali, filwaqt li jitlob li l-investiment tal-għajnuna pprovduta biex jitwaqqfu POs ġodda jiġi mmonitorjat biex jiġi żgurat li qed tiġi investita b'mod effettiv b'modi li se jżidu d-dħul tal-produtturi membri;

17.    Iqis li huwa ta' dispjaċir li, f'ċerti Stati Membri, ir-rata ta' organizzazzjoni f'POs huwa estremament baxx u jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprijoritizzaw l-insistenza fuq il-promozzjoni tal-assoċjazzjoni tal-produtturi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-karatteristiċi partikolari ta' dawk l-Istati Membri fejn l-organizzazzjoni tal-produtturi hija baxxa;

18.    Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex terġa' tistabbilixxi l-appoġġ finanzjarju għall-investimenti tal-POs tal-frott u l-ħaxix li jkunu għadhom kemm ġew stabbiliti; iqis li, mingħajr dan l-appoġġ, huwa estremament diffiċli biex l-organizzazzjonijiet stabbiliti jiksbu r-rikonoxximent mill-istat meħtieġ għall-operazzjoni tagħhom; iqis, għalhekk, li l-appoġġ huwa wieħed mill-aktar għodod effiċjenti sabiex jiġu żviluppati l-organizzazzjonijiet u tiżdied ir-rata ta' organizzazzjoni;

19.    Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mis-simplifikazzjoni tal-PAK, biex tkompli ssaħħaħ aktar l-effettività ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi f'dak li hu l-ikkonċentrar tal-provvista, b'mod partikolari fir-rigward tar-rwol ċentrali tagħhom fil-kummerċjalizzazzjoni fil-katina tal-provvista;

20.    Iqis li huwa essenzjali li jiġu pprovduti benefiċċji għal POs li jiddeċiedu li jieħdu membri żgħażagħ; jenfasizza li l-POs jistgħu jipprovdu opportunità għall-promozzjoni tat-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur agrikolu;

21.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni rapida u armonizzata tad-dispożizzjonijiet relatati mal-frott u l-ħaxix min naħa, u mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali min-naħa l-oħra, kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

22.    Itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-fatt li bħalissa huma 7,5 % biss tal-bdiewa fl-UE li huma taħt l-età ta' 35 sena u jemmen li POs li jiffunzjonaw tajjeb jiġbdu liż-żgħażagħ u jistgħu jwettqu rwol biex din ix-xejra demografika mhux sostenibbli tinqaleb bil-kontra;

23.    Jinnota l-ħtieġa li jiġu pprovduti inċentivi biex jgħollu l-livell tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-POs; iqis li aktar innovazzjoni tippermetti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jsiru aktar kompetittivi u kapaċi jittrattaw il-mardiet mortali li qed jagħmlu dannu lill-agrikoltura Ewropea;

24.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-POs jiġu mgħejuna jżidu l-esportazzjonijiet tagħhom u jkunu involuti fir-riċerkar ta' swieq barranin ġodda;

25.    Jikkunsidra li hemm bżonn li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jsiru aktar attraenti billi titnaqqas il-burokrazija żejda u jittejjeb l-appoġġ mogħti lil dawn il-gruppi mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll billi jsir titjib fil-mekkaniżmi għall-ġestjoni tal-kriżijiet;

26.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fir-rieżami li jmiss tagħha tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u bħala parti mill-aġenda tagħha ta' "simplifikazzjoni", iżżid iċ-ċertezza tad-dritt għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, għall-POs u għall-APOs u tnaqqas il-piż amministrattiv impost fuqhom; Jenfasizza li dan ir-rieżami m'għandux ibiddel l-arkitettura bażika tar-reġim tal-frott u l-ħaxix jew ikun ta' ħsara għall-interessi jew il-qligħ tal-produtturi fis-settur;

27.    Jinnota bi tħassib li r-regoli tal-PO huma miftuħa għal interpretazzjoni wiesgħa mill-Awdituri tal-Kummissjoni, u dan iwassal għal grad għoli ta' inċertezza u jista' jħalli l-Istati Membri fir-riskju ta' projbizzjoni u ta' stħarriġ ġudizzjarju; jenfasizza wkoll li l-proċeduri tal-awditjar u l-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jitwettqu b'mod aktar opportun u fil-perjodu taż-żmien tal-verifika miftiehem;

28.    Jitlob lill-Kummissjoni tnaqqas b'mod konsiderevoli il-perjodu ta' proċessar li matulu jsiru kontrolli tal-konformità;

29.    Jitlob lill-Kummissjoni, ukoll bil-għan li tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt tas-sistema, tirrazzjonalizza l-kontrolli u tiffukahom fuq il-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni proprja ta' kull azzjoni jew miżura li hija approvata bħala parti mill-programm operattiv kif ukoll il-kost allokat lilhom, filwaqt li tistabbilixxi b'mod ċar x'qed jiġi kkontrollat u min huwa responsabbli biex iwettaq il-kontroll;

30.    Jitlob lill-Kummissjoni tapplika l-prinċipju ta' proporzjonalità b'rabta ma' penali u tiżgura li l-awditi jiġu konklużi fi ħdan perjodu stabbilit sabiex tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-membri tagħhom;

31.    Jindika li l-kundizzjonijiet biex jiġi applikat ir-reġim ta' assistenza u biex jiġu ġġustifikati l-applikazzjonijiet huma eċċessivi u mhumiex preċiżi, u huma soġġetti għal varjetà ta' verifiki minn sensiela ta' korpi amministrattivi li ta' spiss la jkunu konsistenti u lanqas preċiżi, u jwasslu biex ċerti tipi ta' sħab jabbandunaw ir-reġim u ċerti organizzazzjonijiet tal-produtturi jiddeċiedu li ma jippreżentawx programmi operattivi; jikkunsidra li, f'dan il-kuntest, hu essenzjali li l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tiġi ċċarata b'mod li tiggarantixxi s-sigurtà ġuridika tar-reġim u tipprevjeni l-inċertezza fost il-produtturi;

32.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli għat-twaqqif ta' (assoċjazzjonijiet ta') POs transnazzjonali u b'mod partikolari r-regoli dwar ir-responsabbiltà u l-obbligazzjoni, sabiex tinħoloq ċertezza tad-dritt għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u għall-POs involuti;

33.    Jitlob li d-dmirijiet tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali jitwessgħu, speċjalment fl-oqsma ġeneriċi tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni u f'dak tal-edukar taċ-ċittadin-konsumatur, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-ikel;

34.    Jenfasizza r-rwol tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali fit-titjib tad-djalogu intern fi ħdan is-settur;

35.    Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-akbar organizzazzjonijiet tal-produtturi (madwar 18 % tal-POs kollha b'fatturat ta' aktar minn EUR 20 miljun) jirċievu madwar 70 % tal-assistenza finanzjarja tal-UE;

36.    Jikkunsidra li t-tnaqqis tal-kumplessità, inkluż fir-regoli għall-ħolqien ta' POs ġodda f'kuntest nazzjonali u internazzjonali, għandu jkun l-ewwel pass biex isiru aktar attraenti għall-bdiewa, mingħajr ma dak ikun ifisser l-iżvalutar tal-istruttura tal-PO għad-detriment tal-kapaċità tagħhom li jaġixxu b'mod effettiv fis-suq; jitlob li l-Kummissjoni tidentifika miżuri addizzjonali sabiex tiżdied l-attraenza tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, b'mod partikolari fl-Istati Membri b'livell baxx ta' organizzazzjoni;

37.    Jistieden lill-Kummissjoni tapplika l-prinċipju ta' proporzjonalità b'attenzjoni, billi tiżgura li l-iżbalji li jsiru minn individwi ma jiġux irkuprati mingħand il-membri kollha ta' organizzazzjoni tal-produtturi;

38.    Iqis li kwalunkwe simplifikazzjoni tal-proċedura ta' rikonoxximent m'għandhiex tkun għad-detriment ta' regolamenti nazzjonali li jiċċertifikaw il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-POs tal-frott u l-ħaxix, bħalma huma dawk applikati għall-koperattivi;

39.    Jistieden lill-Kummissjoni ħalli fir-rieżami tagħha tar-reġim tal-frott u l-ħaxix tnaqqas il-piż amministrattiv għall-POs billi tabolixxi l-valutazzjonijiet ta' nofs il-perjodu mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali; jinnota li dawn il-valutazzjonijiet spiss jidduplikaw il-mistoqsijiet li jsiru lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rappurtar annwali tagħha u ma jipprovdu l-ebda benefiċċju ovvju; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mill-għan tagħha li tnaqqas il-burokrazija żejda, tnaqqas l-ammont ta' informazzjoni li hija titlob mingħand l-awtoritajiet nazzjonali u l-POs fir-rapporti annwali, u tiżgura li tinġabar biss id-data li fil-fatt tiġi użata mill-Kummissjoni biex timmonitorja effikaċja tal-iskema;

40.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament Delegat 499/2014 tal-11 ta' Marzu 2014, li introduċa kontrolli aktar kumplessi fuq l-POs, inklużi penali sproporzjonati talli jonqsu milli jissodisfaw kriterji ta' rikonoxximent kumplessi; jenfasizza l-ħtieġa ta' proporzjonalità f'dak li għandu x'jaqsam mal-penali jekk nixtiequ ninkoraġġixxu koltivaturi ġodda jingħaqdu f'din l-iskema u nipprevjenu lill-Membri eżistenti milli jerġgħu jaħsbuha dwar il-parteċipazzjoni tagħhom;

41.    Iqis li l-kompetittività tal-POs tiddependi ħafna mill-ġestjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa azzjonijiet eżistenti jew tistabbilixxi azzjonijiet ġodda, inklużi miżuri ta' taħriġ u inizjattivi għall-iskambju ta' prattiki tajba, li jistgħu jtejbu l-ġestjoni tal-POs u l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fil-katina tal-provvista tal-ikel u tiżgura rwol imsaħħaħ għal imġiba orjentata lejn is-suq fi ħdan l-POs; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jiġu mmaniġġjati minn persuni b'ħiliet ta' kummerċjalizzazzjoni li jkunu kapaċi jittrattaw sitwazzjonijiet ta' kriżi fis-settur agrikolu;

42.    Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiffoka fuq mudelli ta' produzzjoni u distribuzzjoni li jkunu integrati fl-PO, u jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu disponibbli appoġġ ta' loġistika u ta' punti ta' bejgħ għall-prodotti tl-PO fir-reġjuni;

43.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom bis-sħiħ bħala strumenti biex jiżdied id-dħul tal-produtturi;

44.    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra testendix id-dispożizzjonijiet għall-iffinanzjar ta' miżuri ta' prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet (l-eliġibilità tal-ħlas lura tal-kapital u tal-imgħax fuq self għal għajnuna finanzjarja) kif ukoll għall-ilħuq tal-objettivi l-oħra li qed jilħqu l-programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom;

45.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq azzjonijiet għat-trasferiment ta' know-how amministrattiv u strutturali dwar il-mod li bih huma organizzati PO, mill-Istati Membri b'livell għoli ta' POs lill-dawk b'livell baxx ta' POs;

46.    Josserva li l-prattiki li jirrispettaw l-ambjent għandhom jiġu mwettqa kontinwament u b'mod rigoruż u għalhekk għandu jiġi inkoraġġit il-fatt li jkompli jsir il-finanzjament ta' tali prattiki minn programm operazzjonali wieħed għal ieħor, u l-ambitu tal-intervent għandu jitwessa' biex jinkludi lil dawk il-produtturi li l-biċċiet ta' art tagħhom imissu ma' dawk maħduma minn membri ta' organizzazzjoni tal-produtturi;

47.    Jikkunsidra li l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs) jistgħu jwettqu rwol importanti fiż-żieda tas-setgħa tan-negozjar tal-bdiewa, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-inċentivi għall-istabbiliment ta' APOs, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, filwaqt li ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jaġixxu minn perspettiva ġuridika, u tiddisponi għall-possibbiltà li lill-produtturi li mhumiex membri tal-POs jinġabru taħt l-umbrella tagħhom, bil-għan li jiġi previst rwol akbar għalihom fil-futur; jenfasizza li l-APOs jinsabu f'pożizzjoni mhux biss li jwettqu konċentrazzjoni u titjib effettivi tal-provvista, iżda wkoll li jagħtu prova ta' effiċjenza akbar fil-ġestjoni tal-interventi minħabba r-rwol ta' koordinazzjoni li huma mitluba jwettqu fuq il-livell operattiv;

48.    Iqis li l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jeħtieġ li jiġu mħeġġa sabiex tiġi żgurata organizzazzjoni aħjar tas-settur tal-frott u l-ħxejjex; iqis li tali organizzazzjonijiet jistgħu jaqdu rwol importanti fil-ħolqien ta' valur miżjud u l-kondiviżjoni tiegħu bejn il-partijiet differenti tas-settur, kif ukoll fir-rigward tal-kwalità, it-titjib sostenibbli tal-produzzjoni, u l-ġestjoni tas-suq u tal-kriżijiet; 

49.    Jikkunsidra li l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs) jistgħu jwettqu rwol importanti fl-antiċipar u l-ġestjoni ta' kriżijiet ta' tul ta' żmien qasir; jenfasizza l-benefiċċji tal-fatt li wieħed ikunu kapaċi jħajjar lill-produtturi li mhumiex membri ta' POs jissieħbu f'tali assoċjazzjonijiet b'mod volontarju, bil-għan li l-azzjonijiet kollettivi tal-produtturi jsiru aktar effiċjenti; 

50.    Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-istruttura u l-funzjonament tal-POs u APOs huma bbażati fuq il-prinċipji tal-indipendenza u d-demokrazija, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka fost il-produtturi u ssir il-ġlieda lill-prattiki kummerċjali inġusti u lill-imġiba opportunistika;

51.    Jinsisti bil-qawwa li l-metodi ta' produzzjoni ta' pajjiżi terzi għall-esportazzjoni lejn l-UE jridu jipprovdu lill-konsumaturi Ewropej l-istess garanziji f'dawk li huma saħħa, sikurezza tal-ikel, trattament xieraq tal-annimali, żvilupp sostenibbli u standards soċjali minimi bħal dawk meħtieġa mill-produtturi tal-UE; iqis li dan ifisser li, fi kwalunkwe ftehim iffirmat ma' pajjiżi terzi, l-UE għandha timxi skont il-kriterju ta' reċiproċità ġenwina fir-rigward tal-aċċess għas-suq u l-konformità mar-regolamenti tal-produzzjoni li jirregolaw lill-produtturi tal-UE;

52.    Jenfasizza l-ħtieġa li jsir eħfef biex il-produtturi jiksbu aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tappoġġja lill-esportaturi tal-frott u l-ħaxix biex jingħeleb l-għadd dejjem jikber ta' ostakli non-tariffarji, bħalma huma xi standards fitosanitarji ta' pajjiżi terzi li jagħmlu l-esportazzjonijiet mill-UE diffiċli, jekk mhux impossibbli;

53.    Huwa tal-fehma li, sabiex tintlaħaq kompetizzjoni aktar ġusta mal-importazzjonijiet lejn is-suq tal-Komunità, u bil-għan li tiġi stabbilita reċiproċità fl-istandards tas-saħħa tal-pjanti, l-UE għandha ssaħħaħ ir-reġim ta' kontroll tal-importazzjoni sabiex tqiegħdu fuq livell ugwali ma' dak applikat mill-maġġoranza l-kbira tas-sħab kummerċjali tagħha;

54.    Jilqa' b'sodisfazzjon ir-regolamenti orizzontali l-ġodda għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli adottati dan l-aħħar u l-objettiv li jiżdiedu l-fondi allokati sabiex jinstabu swieq ġodda l-aktar f'pajjiżi terzi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem biex ittejjeb l-istrument ta' promozzjoni fis-snin li ġejjin;

55.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha fin-negozjati kummerċjali ma' pajjiżi terzi għat-tneħħija tal-ostakli tariffarji u tas-saħħa tal-pjanti li ġew imposti fuq il-produzzjonijiet Ewropej, u b'hekk tagħmilha possibbli li jinfetħu swieq ġodda għall-frott u l-ħaxix tal-Komunità;

56.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika r-raġunijiet għall-użu minimu tal-istrumenti ta' prevenzjoni u mmaniġġar tal-kriżijiet (PMK) (16 % biss tal-POs użaw din ir-riżorsa, li rrappreżentat biss 2,8 % tal-għajnuna totali), li huma adattati biss biex jaffrontaw kriżijiet staġjonali minuri, u tikkunsidra kif tista' tittejjeb is-sitwazzjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-eżempji tal-aħjar prattika u esperjenza fost l-POs eżistenti;

57.    Jitlob lill-Kummissjoni biex dejjem tuża preferenza għall-prodotti lokali bħala l-ewwel kejl tal-ġestjoni tal-kriżijiet sabiex tippromwovi u tipproteġi tas-suq uniku Ewropew u l-konsum tal-prodotti tal-Ewropa stess; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tkun preokkupata mill-qrib bil-għodod tal-ġestjoni tar-riskju, li huma assolutament meħtieġa biex tiġi żgurata l-produzzjoni agrikola ta' POs;

58.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal mekkaniżmu koordinat aħjar għall-irtirar mis-suq f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, sabiex jiġi pprevenut li l-kriżijiet tas-suq jinbidlu fi tfixkil serju u fit-tul li jirriżulta fi tnaqqis sinifikanti fid-dħul għall-bdiewa tal-frott u l-ħaxix;

59.    Jenfasizza li l-użu tal-mekkaniżmu tal-irtirar rriżulta li hu limitat u jqis li miżuri ta' ġestjoni tal-kriżijiet għandhom jiġu rieżaminati inkluż permezz ta': iż-żieda tal-perċentwal tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni, l-aġġustar tal-prezzijiet ta' rtirar, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż tal-produzzjoni, iż-żieda fil-volumi li jistgħu jiġu rtirati, u t-titjib tal-appoġġ, f'dawk li huma trasport u ppakkjar, għad-distribuzzjoni b'xejn ta' frott u ħaxix bil-ħsieb li tiġi pprovduta l-flessibilità biex l-appoġġ jiġi adattat għall-forma u s-severità ta' kull kriżi;

60.    Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra tagħmilx kontribuzzjonijiet għal fondi mutwi eliġibbbli bħala miżuri ta' PĠK bil-għan li tipprovdi protezzjoni aħjar għall-bdiewa f'każ ta' kriżijiet fis-suq li jikkawżaw tnaqqijiet sostanzjali fid-dħul, iżda jqis li dawn il-fondi m'għandhom qatt jiġu mill-partita tal-baġit allokata għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali mill-Kummissjoni meta l-kriżi hija kkawżata minn kwistjonijiet li mhumiex marbuta ma' dan is-settur, bħalma hi l-projbizzjoni Russa; jemmen li, f'tali każijiet, il-Kummissjoni għandha tfittex partiti oħra tal-baġit u tallokahom għat-tnaqqis tal-effetti negattivi ta' fuq is-settur tal-frott u l-ħaxix;

61.    Iqis li l-produtturi m'għandhomx iġarrbu l-ispiża tal-kriżijiet ikkawżati minn ċirkostanzi li mhumiex marbuta mas-settur agrikolu, bħalma hi l-projbizzjoni Russa fuq l-esportazzjonijiet tal-UE, li affettwat b'mod serju għadd kbir ta' produtturi tal-frott u l-ħaxix u saħansitra kompliet tgħarraq sitwazzjonijiet ta' kriżi tas-suq bħalma hi dik esperjenzata mis-settur tal-frott tal-għadma; jitlob li f'ċirkustanzi bħal dawn il-miżuri ta' appoġġ tal-Komunità jinżammu kif inhuma għal kemm ikun hemm bżonn sakemm is-sitwazzjoni normali tas-suq tiġi stabbilita kompletament mill-ġdid;

62.    Jenfasizza li, permezz tal-programmi operazzjonali tagħhom, l-POs jistgħu jagħmlu kontribuzzjonijiet importanti biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u jittejbu l-istandards tas-sikurezza tal-ikel; jilqa' l-objettivi ambjentali tal-iskema iżda jistieden lill-Kummissjoni tippermetti lill-POs jadattaw il-programmi operazzjonali tagħhom skont il-livell ta' maturità tagħhom kif ukoll jimmiraw il-fondi tagħhom fuq firxa usa' ta' miżuri mmirati biex iżidu l-kompetittività ġenerali tas-settur; jenfasizza li attenzjoni akbar fuq il-miżuri mmirati lejn l-innovazzjoni u l-valur miżjud għandha l-akbar potenzjal biex ittejjeb id-dħul tal-produtturi u b'hekk tagħmel lill-POs aktar attraenti biex jissieħbu fihom;

63.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskema ta' għajnuna li hemm fis-seħħ għad-distribuzzjoni ta' frott, ħaxix u ħalib fl-iskejjel, minħabba l-importanza tal-promozzjoni minn età żgħira ħafna ta' dieti tajba għas-saħħa u bbilanċjati, u tressaq lill-konsumaturi żgħażagħ eqreb lejn il-produtturi lokali;

64.    Iqis li huwa kruċjali li tittejjeb l-effettività tar-regolamenti Komunitarji li huma attwalment fis-seħħ għall-protezzjoni tal-pjanti kontra l-introduzzjoni ta' organiżmi ta' ħsara li joriġinaw minn barra l-UE; jirrimarka li dawn l-organiżmi qed isiru dejjem aktar komuni fl-UE minħabba livelli dejjem ogħla ta' kummerċ u spiss qed ikollhom effett detrimentali fuq is-settur tal-frott u l-ħaxix;

65.    Iqis li, bħal f'setturi oħra (bħalma hu dak tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ), l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jingħataw rwol f'li jiggarantixxu u jikkoordinaw il-komplementarjetà u l-koerenza tad-diversi skemi ta' appoġġ tal-UE, u b'hekk jiżguraw trasparenza akbar tas-sistema sabiex jiġu pprevenuti każijiet ta' finanzjament doppju;

66.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi linji gwida jew regoli ta' politika li jiċċaraw il-kundizzjonijiet li taħthom l-POs jistgħu temporanjament jingħataw deroga mill- Artikolu 101(1) tat-TFUE abbażi tal-Artikolu 222(3) li jipprovdi lill-POs opportunità li jieħdu miżuri bil-għan li jistabbilizzaw is-settur matul perijodi ta' żbilanċ serju tas-swieq;

67.    Jenfasizza l-importanza ta' ktajjen tal-provvista qosra u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' swieq lokali għad-distribuzzjoni tal-frott u l-ħaxix;

68.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika r-riċerka u l-monitorjar fir-rigward tat-theddida li hemm għall-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix fl-UE minn speċijiet invażivi bħalma hija d-drosophilia tal-ġwienaħ makkjettata;

69.    Jiddeplora d-dgħufijiet segwenti li ġew identifikati fit-twaqqif ta' xi strateġiji nazzjonali: għadd wisq kbir ta' objettivi, nuqqas ta' miri predefiniti preċiżi għall-objettivi differenti, u b'mod partikolari l-effikaċja operattiva baxxa ħafna tal-istrumenti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet, prinċipalment b'rabta mal-assigurazzjoni tal-ħsad, il-promozzjoni u l-komunikazzjoni u l-irtirar ta' prodotti, l-aktar għax dawn iridu jiġu ffinanzjati għad-detriment ta' miżuri strutturali oħra u l-għajnuna għall-irtirar f'ħafna każijiet mhijiex biżżejjed, u anke minħabba l-ammont konsiderevoli ta' burokrazija żejda involut; jiddeplora l-fatt li dawn l-istrumenti jistgħu jaffrontaw biss kriżijiet tas-suq individwali u mhumiex biżżejjed għall-ġestjoni ta' kriżijiet fuq skala kbira bħal dik attwali li qed tiġi kkawżata mill-embargo Russu;

70.    Jara l-ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri preventivi bħala għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jifhmu u jikkalkolaw u jużaw b'mod korrett indikaturi tal-prestazzjoni predefiniti, u jisħaq fuq il-fatt li f'ħafna każijiet hemm għadd eċċessiv ta' indikaturi tal-prestazzjoni, sitwazzjoni li tagħmel il-proċedura estremament diffiċli kemm għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u kemm għall-amministrazzjoni; jemmen li f'dan il-kuntest ikun ferm aktar utli li jkun hemm anqas indikaturi li però jkunu aktar sinifikanti;

71.    Jemmen li t-tħeġġiġ ta' drawwiet fejn nieklu b'mod aktar san imur id f'id ma' fehim akbar dwar il-biedja u dwar kif l-ikel jiġi prodott u, jappoġġja, f'dan il-kuntest, l-objettiv tat-tisħiħ tad-dimensjoni edukattiva tal-programmi tal- ħaxix , il-frott u l-ħalib għall-iskejjel u jitlob li tiġi adottata mill-aktar fis possibbli l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema għall-għajnuna għall-provvista ta' frott u ħaxix, banana u ħalib fl- istabbilimentiedukattivi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-parteċipazzjoni ftal-POs fl-iskema tal-frott għall-iskejjel bħala mezz biex tiġi inkoraġġita katina ta' provvista qasira u l-konsum mit-tfal ta' frott u ħaxix lokali u staġjonali;

72.    Iqis li l-muftieħ għall-analizzar tas-sitwazzjoni tas-settur tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix huwa l-evoluzzjoni tad-dħul tal-bdiewa tas-settur u jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex twettaq studju li jiffoka fuq dan il-punt bil-għan li jiġi aċċertat jekk il-miżuri adottati, bħalma hu t-tisħiħ tal-POs, kinux verament effettivi;

73.    Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan urġenti ta' impjieg taż-żgħażagħ għas-settur agrikolu biex jiġi evitat it-tixjiħ tal-professjoni u l-abbandun konsegwenti tal-art u tal-produzzjoni;

74.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)

ĠU C għadu mhuwiex ippubblikat.

(3)

Regolament 1308/2013.


NOTA SPJEGATTIVA

1. L-Evoluzzjoni tar-Reġim tal-Frott u l-Ħaxix u r-Riforma tal-2007

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) matul l-aħħar 20 sena skalat lura r-regolamentazzjoni tagħha tas-swieq agrikoli, li ppermettiet il-forzi tas-suq jorjentaw il-produzzjoni. Dan l-approċċ ġenerali kien applikat speċifikament għar-reġim tal-frott u l-ħaxix, fejn strumenti bħar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni jew l-iffissar ta' prezzijiet minimi li l-proċessuri ġew obbligati jħallsu lill-bdiewa għal ċerti prodotti ġew abbandunati.

L-Unjoni għaqqdet dan il-proċess ta' liberalizzazzjoni ma' politika li ssaħħaħ l-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs), bl-objettiv li tagħti s-setgħa lill-bdiewa li jaġixxu biex jiddefendu l-interessi tagħhom, pereżempju billi jbiegħu kollettivament il-prodott tagħhom jew billi jżidu l-valur ta' dan il-prodott permezz ta' pproċessar fil-farm stess.

Il-PAK għalhekk tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-POs li huma jużaw biex jimplimentaw "programmi operazzjonali". L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jużaw tali programmi biex jilħqu varjetà ta' objettivi, imfassla għas-sitwazzjoni speċifika tagħhom, bħal pereżempju li jinvestu f' kampanji tal-kummerċjalizzazzjoni jew f'attivitajiet ta' taħriġ. L-objettivi tal-programmi operattivi huma spjegati f'termini wesgħin fir-Regolament dwar l-OKS Unika (ir-Regolament 1308/2013).

Ir-Riforma tal-2007 tar-reġim tal-frott u l-ħaxix ikkonfermat u estendiet il-politika tat-tisħiħ tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) u tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs). Fis-snin riċenti, l-UE żiedet il-volum ta' finanzjament għall-programmi operattivi. Skont ir-Regolament dwar l-OKS Unika, ir-regola ġenerali hi li l-UE u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jipprovdu 50 % kull wieħed mill-flejjes għall-fondi operattivi, bħala sħab indaqs. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni hija madankollu ġeneralment limitata għal 4,1 % tal-valur tal-produzzjoni kummerċjalizzata tal-PO ikkonċernata.

Ir-reġim tal-frott u l-ħaxix jinkludi wkoll obbligi ambjentali. Ir-Regolament 1308/2013 jistabbilixxi li mill-anqas 10 % tal-baġit tal-programmi operazzjonali jrid ikun dedikat għal azzjonijiet ambjentali. Fih ukoll proċeduri għas-segwitu dwar l-implimentazzjoni tal-politika, li jobbligaw lill-Istati Membri jistabbilixxu "strateġija nazzjonali għal programmi operattivi", li tinkludi “qafas nazzjonali għall-azzjonijiet ambjentali” (QAN).

Huwa importanti li wieħed iżomm f'moħħu li l-appoġġ tal-PAK għal dan is-settur, filwaqt li huwa importanti, jibqa' wieħed modest - fejn jammonta għal madwar 1,5 % tal-valur totali tal-produzzjoni tal-UE (skont id-data tal-Kummissjoni tal-2012). Din iċ-ċifra hija relatata ma' finanzjament imqiegħed direttament għad-dispożizzjoni tal-PO.

2. Ir-rapport tal-Kummissjoni ta' Marzu tal-2014 dwar ir-reġim tal-frott u l-ħaxix mir-riforma tal-2007 'l hawn [COM(2014)112 finali]

Skont l-Artikolu 184 tar-Regolament 1234/2007 l-Kummissjoni ntalbet tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tar-regoli ġodda dwar ir-reġim tal-frott u l-ħaxix li jirriżultaw mir-Riforma tal-2007, jiġifieri dawk li jirrigwardaw l-PO, il-fondi operattivi u l-programmi operattivi. Hija għaldaqstant ippubblikat ir-rapport tagħha f'Marzu tal-2014.

Ir-rapporteur jikkunsidra li r-rapport, li huwa fil-maġġoranza tiegħu fattwali, ifassal stampa bilanċjata tas-sitwazzjoni fis-settur tal-frott u l-ħaxix, filwaqt li jidentifika oqsma fejn sar progress filwaqt li jinnota wkoll ċerti problemi li jippersistu. Id-data li fih ġejja l-aktar mill-2010 u għalhekk hija ta' użu limitat għall-analiżi tal-effetti tar-Riforma tal-2007, li kienet implimentata biss fl-2008-9. Ir-rapport għalhekk ma jippruvax jivvaluta r-riforma jew jiżviluppa ideat għall-futur. Madankollu fih xi sejbiet li ta' min jissemmew:

•   Mill-2004 sal-2010, kien hemm tnaqqqis ta' 6 % fiż-żona agrikola użata għall-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix fl-UE;

•   Is-sehem tal-valur totali tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix mibjugħa mill-PO, magħrufa bħala "r-rata ta' organizzazzjoni", żdied għal 43 % fl-2010 għall-UE-28 (minn 31 % fl-2004). Għad hemm differenzi kbar ħafna fir-rata ta' organizzazzjoni bejn l-Istati Membri;

•   L-assistenza finanzjarja totali tal-UE għas-settur żdiedet minn madwar EUR 380 miljun fis-sena fl-2004 għal EUR 671 miljun fl-2010 (fi prezzijiet kurrenti mhux aġġustati għall-inflazzjoni);

•   L-użu ta' strumenti ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni tal-kriżijiet (PĠK) kien baxx;

•   L-infiq fuq it-taħriġ u s-servizzi ta' konsulenza jew għar-riċerka u l-produzzjoni sperimentali kien jerġa' anqas;

•   F'ċerti Stati Membri, il-programmi operattivi ftit irnexxielhom jagħtu spinta lill-valur kummerċjali tal-prodotti minħabba s-saħħa ta' negozjar baxx tal-PO fil-katina tad-distribuzzjoni;

•   Ir-regoli fis-seħħ ftit li xejn ikkontribwew għall-ilħuq ta' ċerti għanijiet ambjentali bħalma huma l-preservazzjoni tal-pajsaġġ, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-preservazzjoni tal-kwalità tal-arja u t-tnaqqis tal-produzzjoni tal-iskart.

Biex ikompli din l-istampa għalkollox, ir-rapporteur jagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin:

•   It-tnaqqis fit-tul fil-konsum tal-frott u l-ħaxix fl-UE kompla fl-aħħar snin u probabbilment ġie intensifikat mill-kriżi ekonomika (l-abbozz ta' rapport jagħti ċ-ċifri);

•   L-UE għandha defiċit kummerċjali fil-frott u l-ħaxix, b'mod partikolari fir-rigward tal-frott, u f'dawn l-aħħar snin imxiet lejn il-ftuħ tas-suq tagħha.

3. Il-Pożizzjoni tar-Rapporteur

Ir-rapporteur jikkunsidra li ż-żieda fir-rata ta' organizzazzjoni fi kważi l-Istati Membri kollha tal-UE fis-snin riċenti tindika li l-politika tal-UE biex jiġu promossi l-ħolqien u l-iżvilupp tal-PO kellha ftit tas-suċċess. Id-differenzi kbar ħafna fir-rata ta' organizzazzjoni bejn l-Istati Membri jirriflettu pożizzjonijiet ta' tluq differenti fl-imbuttatura lejn il-ħolqien tal-PO u għalhekk ma jistgħux jiġu attribwiti għal falliment min-naħa tal-politika.

Ir-rapporteur jemmen li żieda fir-rata ta' organizzazzjoni madwar l-Unjoni għandha tkompli tkun prijorità għar-reġim tal-frott u l-ħaxix. Għalhekk l-inċentivi għall-ħolqien ta' PO u APO, u għat-twettiq ta' fużjonijiet bejniethom, jeħtieġ li jiġu msaħħa. Huwa importanti li jinstabu modi kif l-appartenza għal PO issir aktar attraenti.

Ir-rapport tal-Kummissjoni u studju tal-Università ta' Wageningen ippreżentati fil-Parlament Ewropew (PE) f'Jannar 2015 jindikaw li r-reġim tal-frott u l-ħaxix attwali huwa kumpless wisq u huwa nieqes miċ-ċertezza tad-dritt. Dak in-nuqqas ta' ċertezza tad-dritt huwa ostaklu sinifikanti għaż-żieda tar-rata ta' organizzazzjoni peress li l-bdiewa li joħolqu PO li aktar tard ir-rikonoxximent tagħha jiġi rtirat jew isir dubjuż jistgħu teoretikament jintalbu jħallsu lura l-fondi tal-UE minn buthom stess.

Ir-rapporteur għalhekk jikkunsidra li t-tnaqqis tal-kumplessità u l-inċertezza għandu jkun l-ewwel pass biex l-POs isiru aktar attraenti. Huwa jilqa' l-impenn tal-Kummissarju Hogan li jissimplifika r-reġim tal-frott u l-ħaxix.

L-abbozz ta' rapport jargumenta li huwa importanti li wieħed jiffoka aktar attenzjoni fuq it-titjib tal-ġestjoni tal-POs. Ir-rapporteur sab permezz ta' kuntatti diretti mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li ħafna jonqoshom amministraturi kwalifikati bil-ħiliet u l-għarfien biex joperaw f'settur tal-kummerċ agrikolu li huwa kompetittiv u internazzjonali. Għalhekk huwa jemmen li aktar finanzjament tal-UE għandu jsir disponibbli għat-titjib tal-"kapital uman" tal-POs. Huwa ovvju li huwa f'idejn l-POs infushom li jiddeċiedu dwar il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tagħhom stess.

Jidher li hemm qbil li l-istrumenti ta' prevenzjoni u ġestjoni tal-kriżijiet (PĠK) mhux qed jintużaw b'mod suffiċjenti. Din hija sitwazzjoni inkwetanti, peress li l-kriżijiet tas-suq huma karatteristika regolari fil-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix, peress li anke żidiet żgħar fil-produzzjoni, minħabba kundizzjonijiet klimatiċi favorevoli pereżempju, jistgħu jikkawżaw waqgħat kbar fil-prezzijiet. Il-frott u l-ħaxix huma fil-biċċa l-kbira tagħhom prodotti li jitħassru, fatt li jħalli lill-bdiewa f'pożizzjoni partikolarment vulnerabbli fin-negozjar meta mqabbla mal-grossisti u l-bejjiegħa bl-imnut meta l-kundizzjonijiet tas-suq ma jkunux favorevoli. Peress li kriżijiet bħal dawn qed ikunu rikorrenti, l-abbozz tar-rapport jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra tagħmilx kontribuzzjonijiet għal fondi mutwi eliġibbli bħala miżuri tal-PĠK, biex jgħinu lill-bdiewa jipproteġu lilhom infushom kontra tnaqqis qawwi fid-dħul. Il-kriżijiet jistgħu jinħolqu mhux biss minħabba kundizzjonijiet tas-suq iżda wkoll, forsi b'mod anqas frekwenti, minn problemi sanitarji (bħall-kriżi tal-2011 tal-E. coli) u tensjonijiet politiċi (il-projbizzjoni Russa attwali).

Ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha biex tipproteġi lill-bdiewa minn prattiċi kummerċjali żleali minn bejjiegħa bl-imnut kbar. Jidher li ma tantx kemm skop għall-investimenti ta' riżorsi fit-tisħiħ u l-ħolqien tal-POs - proċess li jimxi bil-mod u li hu diffiċli - jekk il-poter tan-negozjar fil-katina tal-provvista tal-ikel jibqa' bil-wisq ikkonċentrat f'idejn il-bejjiegħa bl-imnut. Barra minn hekk, peress li ħafna Stati Membri qed jieħdu miżuri nazzjonali biex jitrattaw problemi bħal dawn, hija meħtieġa koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern. Fi kwalunkwe każ, din il-kwistjoni se tiġi trattata aktar bis-sħiħ mill-PE f'rapport li għandu jitħejja mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (IMCO) fil-ġimgħat li ġejjin.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (25.3.2015)

għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

dwar is-settur tal-frott u l-ħaxix wara r-riforma tal-2007

(2014/2147(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Julia Pitera

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–   wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-fondi operattivi u l-programmi operazzjonali fis-settur tal-frott u l-ħaxix mir-riforma tal-2007 'l hawn (COM(2014)0112),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 18(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli(1),

A. billi r-riforma tal-2007 kienet immirata biex issaħħaħ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix billi tipprovdi firxa aktar estensiva ta' għodda li jippermettu, fost miżuri oħra, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji tas-suq, kif ukoll it-tisħiħ u l-konċentrazzjoni tal-provvista, it-titjib tal-kwalità u l-kompetittività, l-adattament tal-provvista biex tikkorrispondi għas-suq, u l-forniment ta' appoġġ tekniku għal produzzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent

B.  billi nħolqu inċentivi biex iħeġġu fużjonijiet bejn organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, kif ukoll favur koperazzjoni transnazzjonali, b'mod li tiġi żviluppata s-setgħa ta' negozjar tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-katina ta' distribuzzjoni;

C. billi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix jistgħu jistabbilixxu fond operattiv għall-finanzjament tal-programmi operattivi approvati mill-Istati Membri;

D. billi dawn il-fondi jiġu ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet mill-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-organizzazzjoni tal-produtturi nnifisha u mill-assistenza finanzjarja tal-UE, u billi dan il-kofinanzjament irawwem l-impenn min-naħa tal-benefiċjarji u jgħin biex jiżgura li jagħmlu użu tajjeb mill-assistenza, kif ukoll għandu effett multiplikatur;

E.  billi f'ċerti reġjuni jista' jingħata appoġġ tranżizzjonali biex il-produtturi li jixtiequ jakkwistaw l-istatus ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi jitħeġġu jifformaw gruppi ta' produtturi, u billi dan il-finanzjament jista' jiġi parzjalment rimborżat mill-UE u jintemm fil-mument li l-grupp ta' produtturi jiġi rikonoxxut bħala organizzazzjoni tal-produtturi;

1.  Jindika li l-konsultazzjoni pubblika rigward l-alternattivi politiċi u l-valutazzjoni tal-impatt tagħhom fir-rigward tar-rieżami tar-reġim tal-UE għas-settur tal-frott u l-ħaxix imwettaq mill-Kummissjoni mill-4 ta' Ġunju 2012 sad-9 ta' Settembru 2012 żvelaw li l-maġġoranza hi favur it-tkomplija tar-reġim;

2.  Jinnota li, skont id-data pprovduta mir-rapport imsemmi hawn fuq:

(a) kien hemm tnaqqis żgħir bejn l-2003 u l-2010 fl-erja totali tal-UE miżrugħa bil-frott u l-ħaxix (– 6 %) u waqgħa aktar drastika fl-għadd ta' azjendi agrikoli bi frott u ħaxix (– 39 %);

(b) kien hemm żieda fl-erja medja miżrugħa bil-frott u l-ħaxix għal kull azjenda agrikola;

(c) kien hemm waqgħa żgħira fil-volum tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix fl-UE, jiġifieri tnaqqis ta' 3 % fil-produzzjoni medja tal-frott u l-ħaxix fil-perjodu bejn l-2008 u l-2010 meta mqabbel ma' dak ta' bejn l-2004 u l-2006; u

(d) fl-istess perjodu l-valur medju tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix f'prezzijiet attwali żdied ftit: + 6.5 %;

3.  Jilqa':

(a) il-fatt li ż-żieda fir-rata ta' organizzazzjoni, is-sehem tal-valur totali tal-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix fl-UE kkummerċjalizzata mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fl-2010 kienet ta' madwar 43 % (34 % fl-2004);

(b) il-fatt li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi saru aktar attraenti, bis-sehem totali tal-produtturi ta' frott u ħaxix li huma membri ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi li żdied minn 10,4 % fl-2004 għal 16,5 % fl-2010; u

(c) il-fatt li l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi saru aktar attraenti, kif tixhed iż-żieda mgħaġġla fl-għadd tagħhom, flimkien maż-żieda sostanzjali fl-għadd u fis-sehem tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi li huma membri ta' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi.

4.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li r-rata ta' organizzazzjoni għadha baxxa f'diversi Stati Membri, b'organizzazzjonijiet tal-produtturi li huma żgħar f'termini kemm tal-għadd tal-membri produtturi u kemm tal-valur totali tal-produzzjoni għas-suq, u li l-biċċa l-kbira tal-produtturi, partikolarment f'xi Stati Membri tan-Nofsinhar u xi Stati Membri li ngħaqdu mal-UE fl-2004 u wara, huma esklużi mill-benefiċċji diretti tar-reġim tal-UE għas-settur tal-frott u l-ħaxix;

5.  Jindika l-ħtieġa li tittejjeb ir-rata ta' organizazzjoni fis-settur, peress li hu evidenti li hi ogħla fir-reġjuni fejn il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni huma l-aktar modernizzati u indirizzati lejn l-esportazzjoni, waqt li hi l-aktar baxxa fil-pajjiżi li għal ħafna snin ma kellhomx opportunità li jużaw il-fondi operattivi;

6.  Jikkunsidra li hemm bżonn, għaldaqstant, li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jsiru aktar attraenti billi titnaqqas il-burokrazija żejda u jittejjeb l-appoġġ mogħti lil dawn il-gruppi mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll billi jsir titjib għall-mekkaniżmi għall-ġestjoni ta' kriżijiet;

7.  Jindika li l-kundizzjonijiet biex jiġi applikat ir-reġim ta' assistenza u biex jiġu ġġustifikati l-applikazzjonijiet huma eċċessivi u mhumiex preċiżi, u huma soġġetti għal varjetà ta' verifiki minn sensiela ta' korpi amministrattivi li ta' spiss la jkunu konsistenti u lanqas preċiżi, u jwasslu biex ċerti tipi ta' sħab jabbandunaw ir-reġim u ċerti organizzazzjonijiet tal-produtturi jiddeċiedu li ma jippreżentawx programmi operattivi; jikkunsidra li, f'dan il-kuntest, hu essenzjali li l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi tiġi ċċarata b'mod li tiggarantixxi s-sigurtà ġuridika tar-reġim u tipprevjeni l-inċertezza fost il-produtturi;

8.  Jisħaq fuq il-fatt li l-objettiv li tintlaħaq rata medja ta' 60 % sal-2013 li kien ġie stabbilit fir-riforma tal-2007 kien wieħed eċċessiv u arbitrarju, peress li ma qiesx firxa ta' fatturi sinifikanti, bħall-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u l-ħtieġa li l-karatteristiċi tas-sistema jiġu adattati għal dawk il-pajjiżi;

9.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-akbar organizzazzjonijiet tal-produtturi (madwar 18 % tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi kollha b'fatturat ta' aktar minn EUR 20 miljun) jirċievu madwar 70 % tal-assistenza finanzjarja tal-UE;

10. Hu tal-fehma li l-rapporti ta' evalwazzjoni għall-2012 li ntbagħtu minn BE, CY, CZ, DK, DE, ES, FR, HU, IT, NL, AT, PT u UK jixhdu l-ħtieġa li jittejbu l-programmi operattivi b'mod li l-ispejjeż tal-produzzjoni jiġu ottimizzati, il-prezzijiet tal-produtturi jiġu stabilizzati u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jsiru aktar attraenti; jindika li dawn il-programmi jgħinu biex jinkisbu xi objettivi ambjentali bħall-preżervazzjoni tal-pajsaġġ, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-preżervazzjoni tal-kwalità tal-ajru, tal-ilma u tal-ħamrija u t-tnaqqis tal-produzzjoni ta' skart;

11. Jiddeplora d-dgħufijiet segwenti li ġew identifikati fit-twaqqif tal-istrateġiji nazzjonali: għadd wisq kbir ta' objettivi, nuqqas ta' miri predefiniti preċiżi għall-objettivi differenti, u b'mod partikolari l-effikaċja operattiva baxxa ħafna tal-istrumenti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet, prinċipalment fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-ħsad, il-promozzjoni u l-komunikazzjoni u l-irtirar ta' prodotti, l-aktar għax dawn iridu jiġu ffinanzjati għad-detriment ta' miżuri strutturali oħra u l-għajnuna għall-irtirar f'ħafna każi mhijiex biżżejjed, u anke minħabba l-ammont konsiderevoli ta' burokrazija żejda involut; jiddeplora l-fatt li dawn l-istrumenti jistgħu jaffrontaw biss kriżijiet fis-suq individwali u mhumiex biżżejjed għall-ġestjoni ta' kriżijiet fuq skala kbira bħal dik attwali li qed tiġi kkawżata mill-embargo Russu;

12. Jara ħtieġa li jiġu stabbiliti miżuri preventivi bħala għajnuna biex l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jikkalkolaw u jużaw l-indikaturi tal-prestazzjoni predefiniti b'mod korrett, u jisħaq fuq il-fatt li f'ħafna każi hemm għadd eċċessiv ta' indikaturi tal-prestazzjoni, u dan jagħmel il-proċedura estremament diffiċli kemm għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi u kemm għall-amministrazzjoni; jemmen li f'dan il-kuntest ikun ferm aktar utli li jkun hemm anqas indikaturi li però jkunu aktar sinifikanti;

13. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni evitat li tirrapporta dwar id-dgħufijiet fis-sistemi ta' kontroll rigward l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-programmi operattivi, u jenfasizza l-fatt li, fir-rapport annwali tagħha tal-2013, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri żvelat nuqqasijiet fl-għoti ta' rikonoxximent lil gruppi ta' produtturi fil-Polonja;

14. Jisħaq fuq il-fatt li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ AGRI fir-rapport ta' attività annwali tiegħu tal-2013 inkluda riżerva rigward l-għoti ta' rikonoxximent lil gruppi ta' produtturi fl-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u r-Renju Unit; jinnota li huwa stmat li sa 25 % tan-nefqa totali jista' jkun f'riskju; jikkunsidra li f'dan ir-rigward hu essenzjali li jiġi vverifikat jekk l-iskwalifika possibbli ta' organizzazzjoni tal-produtturi hix dovuta għal inkorrettezza fil-proċeduri ta' rikonoxximent min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, li għandha twassal biex dawk l-awtoritajiet jiġu skwalifikati bil-ġustifikazzjoni li mhumiex qed jikkonformaw mal-objettivi tar-reġim, jew jekk hix dovuta għal nuqqas ta' ċarezza fir-regoli, u f'dan il-każ huma r-regoli li għandhom jiġu ċċarati;

15. Jindika li kemm l-embargo Russu u kemm il-programm għal miżuri ta' emerġenza fis-suq għall-frott u l-ħaxix li jmorru malajr li ġew adottati mill-Kummissjoni f'Awwissu u Settembru 2014 jikkonfermaw li hemm bżonn assolut ta' titjib fl-istrumenti għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kriżijiet;

16. Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta dwar kif ġiet implimentata r-regola li tirrikjedi li minimu ta’ 10 % jintefaq fuq azzjonijiet ambjentali li jmorru lil hinn mill-istandards obbligatorji f'kull programm operattiv (jew alternattivament li tirrikjedi li kull programm jinkludi mill-anqas żewġ azzjonijiet ta' dan it-tip).

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.2.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Verónica Lope Fontagné, Fulvio Martusciello, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Marian-Jean Marinescu, Julia Pitera, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Judith Sargentini

(1)

ĠU L 154, 17.6.2009, p. 1.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

0

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, José Bové, Paul Brannen, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Nuno Melo, Giulia Moi, Ulrike Müller, James Nicholson, Marit Paulsen, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Jens Rohde, Bronis Ropė, Jordi Sebastià, Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bas Belder, Franc Bogovič, Jens Gieseke, Momchil Nekov, Sofia Ribeiro

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Stanisław Ożóg, Marco Valli, Ángela Vallina

Avviż legali - Politika tal-privatezza