Proċedura : 2015/2036(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0171/2015

Testi mressqa :

A8-0171/2015

Dibattiti :

PV 10/06/2015 - 13
CRE 10/06/2015 - 13

Votazzjonijiet :

PV 11/06/2015 - 5.4
CRE 11/06/2015 - 5.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0232

RAPPORT     
PDF 188kWORD 248k
21.5.2015
PE 546.620v04-00 A8-0171/2015

dwar is-sitwazzjoni militari strateġika fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja

(2015/2036(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Ioan Mircea Pașcu

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sitwazzjoni militari strateġika fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja

(2015/2036(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Jannar 2015(1),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar id-Dimensjoni Marittima tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(2), tat-12 ta' Settembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(3), tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-aspetti kummerċjali tas-Sħubija tal-Lvant(4) u tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(5),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2011 dwar Strateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed(6),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tas-17 ta' Marzu 2014, tal-21 ta' Marzu 2014 u tat-18 ta' Diċembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill (Affarijiet Barranin) dwar l-Ukraina tas-17 ta' Novembru 2014 u tad-29 ta' Jannar 2015,

–       wara li kkunsidra l-aħħar dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-9 ta' Frar 2015 u tas-16 ta' Marzu 2015,

–       wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukraina, il-Moldova u l-Ġeorġja,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar il-Federazzjoni Russa, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja(7), tas-17 ta' April 2014 dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina(8) u tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina u s-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja(9),

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-5 ta' Settembru 2014 tas-Summit tan-NATO f'Wales,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0171/2015),

A.     billi l-Baċir tal-Baħar l-Iswed huwa wieħed mill-aktar reġjuni strateġiċi tad-dinja u għandu importanza ewlenija għall-UE u għall-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari biex jiżgura s-sigurtà u d-difiża tagħhom, kif ukoll għall-Politika tal-Viċinat tal-UE u għas-Sħubija tal-Lvant; billi l-importanza ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tar-reġjun kienet rikonoxxuta mis-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed – il-politika reġjonali tal-UE varata fl-2008; billi l-kunflitti kollha eżistenti li ilhom għaddejjin żmien fir-Repubblika tal-Moldova (Transnistrija), il-Ġeorġja (Ossezja tan-Nofsinhar u Abkażja) u bejn l-Armenja u l-Azerbajġan (Nagorno-Karabakh) jinsabu fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed;

B.     billi l-Baċir tal-Baħar l-Iswed jirrappreżenta fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea importanti ħafna;

C.     billi l-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa l-annessjoni min-naħa tal-Federazzjoni Russa tal-Krimea u ta' Sebastopli – bi ksur tal-Karta tan-NU, tal-Karta ta' Pariġi u tal-Att Finali ta' Ħelsinki tal-OSKE, u bi ksur tal-obbligi tar-Russja skont il-Memorandum ta' Budapest tal-1994 – u mhuwiex se jirrikonoxxi tali annessjoni; billi r-Russja aġixxiet biex tiddestabilizza s-sitwazzjoni fil-Lvant tal-Ukraina; billi b'konsegwenza ta' dan ġew imposti restrizzjonijiet fuq il-kummerċ bejn l-UE u l-Krimea;

D.     billi n-NATO kkundannat l-eskalazzjoni militari tal-Federazzjoni Russa fil-Krimea, l-annessjoni illegali u illeġittima tagħha fil-konfront tal-Krimea u d-destabilizzazzjoni kontinwa u intenzjonali tagħha fil-konfront tal-Lvant tal-Ukraina bi ksur tad-dritt internazzjonali;

E.     billi wara l-annessjoni illegali tal-Krimea l-bilanċ militari fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed ġie alterat, peress li issa r-Russja qed tikkontrolla illegalment mijiet ta' kilometri tal-littoral tal-Krimea u l-ilmijiet tal-madwar li jagħtu fuq il-fruntieri marittimi tal-UE u tan-NATO; billi r-Russja żiedet l-azzjonijiet aggressivi fit-territorju Ukrain;

F.     billi qabel l-annessjoni illegali, il-forzi Russi tal-art u tal-ajru fil-Krimea kienu minimi u l-preokkupazzjoni primarja tagħhom kienet id-difiża ta' Sebastopli – il-bażi prinċipali tal-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed – u ta' żewġ bażijiet navali fil-qrib; billi l-annessjoni tal-Krimea dgħajfet serjament il-forzi armati tal-Ukraina, b'effetti b'mod partikolari fuq il-forzi navali tagħha li tagħhom il-truppi Russi assumew il-kontroll; billi permezz ta' żieda fil-preżenza militari tagħha fil-Krimea u fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed wara l-annessjoni, ir-Russja għaddiet għall-ħolqien ta' forza militari offensiva konġunta magħmula mill-forzi navali u dawk tal-art u tal-ajru;

G.     billi wara l-annessjoni r-Russja ħaffet il-pass tal-espansjoni u tal-modernizzazzjoni tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed; billi l-pjan ta' modernizzazzjoni tal-Flotta tal-Baħar l-Iswed huwa waħda mill-aktar partijiet ambizzjużi tal-programm tal-Istat Russu għall-akkwist tal-armi għall-perjodu 2011-2020; billi f'Diċembru 2014 il-Gvern Russu approva duttrina militari ġdida li tqis in-NATO bħala theddida ewlenija għas-sigurtà tar-Russja;

H.     billi fl-2007 r-Russja ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fit-Trattat dwar il-Forzi Armati Konvenzjonali fl-Ewropa (CFE); billi fil-11 ta' Marzu 2015, ir-Russja waqqfet il-parteċipazzjoni tagħha fil-Grupp Konġunt Konsultattiv fi ħdan il-qafas tas-CFE u, bħala riżultat ta' dan, irtirat totalment mit-Trattat;

I.      billi t-Turkija hija pajjiż kandidat tal-UE, alleata tan-NATO, qawwa navali, protagonista attiva fil-politika barranija fir-reġjun u sieħeb ewlieni għall-UE, mhux l-anqas fi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sigurtà tal-enerġija u tal-fruntieri; billi l-pożizzjoni strateġika tat-Turkija hija wkoll ta' rilevanza għolja għat-theddida maġġuri l-oħra li qed iħabbtu wiċċhom magħha kemm in-NATO kif ukoll l-UE, l-awtproklamata Daesh (l-Istat Iżlamiku); billi t-Turkija tista' tiżvolġi rwol importanti fil-ġlieda kontra t-theddid fil-Baħar l-Iswed u d-Daesh; billi t-Turkija, minkejja li tqis l-annessjoni tal-Krimea bħala illegali, ma esprimietx pożizzjoni ċara dwar dan il-fatt u dwar il-konsegwenzi tiegħu; billi l-pożizzjonijiet diplomatiċi reċenti tat-Turkija, b'mod partikolari fir-rigward tal-kunflitti fil-qrib, ħallew lok għal ambigwità u ma kinux konsistenti mal-pożizzjonijiet tal-UE u tan-NATO; billi t-Turkija hija sieħeb strateġiku fil-qasam tas-sigurtà u għandha rwol importanti x'tiżvolġi fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, anki kif stabbilit mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Montreux tal-1936;

J.      billi r-reazzjoni tal-UE għall-aggressjoni tar-Russja fil-konfront tal-integrità territorjali tal-Ġeorġja fl-2008, kif ukoll il-ksur ta' tali integrità, setgħu ħeġġew lir-Russja taġixxi b'mod analogu fl-Ukraina; billi l-UE, in-NATO u l-Istati Uniti kkundannaw it-"trattati" ffirmati f'Novembru 2014 u f'Marzu 2015 rispettivament bejn ir-Russja u l-awtoritajiet separatisti tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar, u affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għas-sovranità u għall-integrità territorjali tal-Ġeorġja; billi dawn it-"trattati" jiksru l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali kif ukoll l-impenji internazzjonali tar-Russja, inklużi dawk meħuda fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Waqfien mill-Ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008;

K.     billi mill-okkupazzjoni min-naħa tal-forzi Russi, l-Abkażja, ir-reġjun ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar u, aktar reċentement, il-Krimea kienu teatri ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi fil-Krimea l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem qegħdin jolqtu lill-gruppi minoritarji u lill-oppożituri tal-okkupazzjoni Russa, partikolarment it-Tatari indiġeni tal-Krimea, l-attivisti pro-Ukraini u tas-soċjetà ċivili u l-persuni li jixtiequ jżommu ċ-ċittadinanza Ukraina tagħhom;

Bidla fil-panorama strateġika u tas-sigurtà tal-Baħar l-Iswed

1.      Jappoġġa bil-qawwa n-nonrikonoxximent tal-annessjoni min-naħa tar-Russja tal-Krimea; itenni l-impenn tiegħu favur l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment l-Artikolu 2 tagħha; jappoġġa bis-sħiħ il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li l-UE mhijiex se tirrikonoxxi l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta' Sebastopli; jenfasizza li l-annessjoni tikser ukoll it-Trattat ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija tal-1997 bejn l-Ukraina u l-Federazzjoni Russa; jenfasizza l-bżonn li l-UE u l-Istati Membri tagħha jitkellmu b'vuċi waħda u magħquda dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja;

2.      Jinnota bi tħassib li l-annessjoni illegali tal-Krimea wasslet għal bidla mgħaġġla u sinifikanti fil-panorama strateġika tal-Baċir tal-Baħar l-Iswed u ż-żona ta' madwaru; iqis li l-azzjonijiet aggressivi min-naħa tar-Russja jirrappreżentaw ritorn lejn approċċ ostili bbażat fuq ir-rivalità bejn żewġ blokok; iwissi li billi okkupat il-peniżola kollha, ir-Russja kisbet żona importanti ħafna għall-varar ta' attakki li tħares kemm lejn il-Punent (il-Balkani, it-Transnistrija u l-bokok tad-Danubju), kemm lejn in-Nofsinhar (il-Mediterran tal-Lvant), fejn stabbiliet task force navali permanenti, u li l-annessjoni illegali tal-Krimea qiegħda toffri lir-Russja "Kaliningrad tan-Nofsinhar", stakkament ieħor direttament mal-fruntieri tan-NATO;

3.      Jemmen li l-bidla fil-panorama ġeostrateġika, is-sitwazzjoni militari f'evoluzzjoni fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed u l-annessjoni furzata tal-Krimea min-naħa tar-Russja jikkostitwixxu sinjali ta' sfidi usa' u sistemiċi għall-arkitettura tas-sigurtà Ewropea ta' wara l-Gwerra l-Bierda bbażata fuq normi; jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha jrid ikollhom risposta ta' sigurtà għal dawn l-isfidi u jerġgħu jikkunsidraw il-politika barranija u ta' sigurtà tagħhom fid-dawl ta' dawn, u tali risposta trid tkun riflessa f'reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, fl-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà Marittima kif ukoll fl-Istrateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed; huwa mħasseb dwar il-pressjoni intensifikata Russa fuq il-fruntiera tal-Lvant tal-UE, inklużi r-Rumanija, il-Polonja u l-Istati Baltiċi, li tirrappreżenta riskju gravi;

4.      Jenfasizza li jkun opportun li l-UE ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha stess u tirrispondi għall-isfida ta' informazzjoni u ta' sigurtà tal-informazzjoni armati; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19-20 ta' Marzu 2015 dwar it-tnedija ta' proġett li jikkuntrasta l-propaganda Russa u li jinkludi l-finanzjament ta' bosta stazzjonijiet televiżivi russofoni;

5.      Jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda attwali fil-preżenza militari difensiva u offensiva tar-Russja fil-Baħar l-Iswed, u l-pjanijiet ta' espansjoni u modernizzazzjoni tal-Flotta Russa tal-Baħar l-Iswed, li jinvolvu ż-żieda ta' sitt sottomarini moderni ġodda li jaħdmu bid-diżil tat-tip Rostov-on-Don u sitt frejgati ġodda tat-tip Ammiral Grigorovich; ifakkar li l-pożizzjonament ta' attivitajiet offensivi tal-forza tal-ajru u t-titjib tal-infrastrutturi militari tal-Krimea se jsaħħu l-qagħda militari offensiva tar-Russja kif ukoll il-kapaċità tagħha li tipprojetta l-poter lil hinn mit-territorju tagħha;

6.      Josserva bi tħassib iż-żieda kontinwa fil-preżenza militari Russa fir-reġjuni okkupati tal-Abkażja u ta' Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar tal-Ġeorġja; josserva li din l-infrastruttura militari kemm ta' natura difensiva kif ukoll offensiva, bir-raġġ ta' azzjoni wiesa' tagħha, toħloq theddida gravi għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed kollu kemm hu;

7.      Jinnota bi tħassib li r-Russja saħħet id-difiżi navali u tal-ajru tagħha fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed, billi skjerat difiża navali ġdida bl-użu ta' missili għal kontra l-vapuri (li jkopru medda ta' 600 km, u li kapaċi jilħqu l-Bosforu) u billi żgurat li l-ajruplani tal-ġlied Russi jikkontrollaw madwar tliet kwarti tal-ispazju tal-ajru tal-Baċir tal-Baħar l-Iswed (billi prattikament kabbret bi tliet darbiet l-għadd ta' ajruporti fil-Krimea); jinnota, f'dan ir-rigward, li r-Russja saħħet il-kapaċitajiet tagħha kemm mil-lat strateġiku kif ukoll mil-lat tattiku: mil-lat strateġiku bombardieri fuq distanza twila, li kapaċi jġorru missili "cruise", u inġenji tal-ajru għar-rikonjizzjoni li joperaw qrib ix-xtut tal-Punent tal-Baħar l-Iswed, u li jistgħu jippenetraw sew fl-Ewropa Ċentrali; mil-lat tattiku, skjerat żewġ brigati tal-infanterija navali – potenzjalment appoġġati minn "helicopter carriers" tat-tip Mistral – li joħolqu theddida ta' żbark ta' potenzjal sinifikanti; iħeġġeġ lil Franza tabbanduna, inekwivokabbilment u finalment, il-bejgħ ta' bastimenti ta' assalt anfibji lir-Russja;

8.      Huwa mħasseb bil-kbir bid-dikjarazzjoni tal-President Putin li afferma li kien lest li jpoġġi f'allert il-forzi nukleari Russi matul l-okkupazzjoni tal-Krimea fil-każ li l-Punent kien se jintervjeni kontra l-annessjoni; huwa estremament inkwetat anki bid-dikjarazzjoni ta' theddid ta' uffiċjali għoljin Russi, skont min ir-Russja għandha d-dritt li tiskjera u żżomm armi nukleari fil-Krimea, fatt li jkun ikollu konsegwenzi globali; josserva bi tħassib li, f'Marzu 2015, ir-Russja stazzjonat fil-Krimea, matul taħriġ militari, għadd mhux dikjarat ta' bombardieri strateġiċi nukleari Tu-22M3; huwa mħasseb bid-duttrina militari Russa l-ġdida ta' Diċembru 2014 li tippermetti l-użu tal-armi nukleari kontra Stat li mhuwiex fil-pussess ta' tali armi;

9.      Jinnota li l-iskjerament potenzjali min-naħa tar-Russja ta' sistemi ta' armi b'kapaċità doppja fil-Krimea jixħet fid-dubju l-intenzjonijiet tajba tar-Russja f'dak li għandu x'jaqsam mal-ksib ta' progress fl-aġenda dwar id-diżarm nukleari multilaterali fir-rieżami li jmiss tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, u dan jimmina l-isforzi li diġà saru f'dik id-direzzjoni;

10.    Iqis li t-titjiriet li għaddew ftit 'il fuq minn bastimenti tal-gwerra tan-NATO u pjattaformi ta' esplorazzjoni fil-Baħar l-Iswed imwettqa reċentement minn inġenji tal-ajru tal-ġlied Russi, huma sinjal ċar ta' pożizzjoni aktar aggressiva tar-Russja fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed, u jwissi li jeżisti riskju akbar ta' eskalazzjoni; jitlob linji ta' komunikazzjoni diretti bejn il-forzi armati biex ikun evitat nuqqas ta' fehim traġiku b'konsegwenzi militari u ta' sigurtà ta' skala vasta;

11.    Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni estremament serja fil-Lvant tal-Ukraina – fejn il-gwerra qiegħda twassal għad-destabilizzazzjoni tal-Ukraina u tar-reġjun kollu – inkluż l-eventwali theddida tal-istabbiliment ta' kuritur fuq l-art li jgħaqqad it-territorju Russu mal-Krimea permezz ta' territorju kkontrollat mis-separatisti tul ix-xatt tal-Punent tal-Baħar Azov (Mariupol), bħala riżultat ta' dan l-Ukraina taf tkun kompletament imċaħħda minn żbokk fuq il-baħar; iħeġġeġ lill-Ukraina u lir-Repubblika tal-Moldova jieħdu miżuri biex jipprevjenu l-proviżjoni ta' armi u ta' fornimenti militari lir-reġjun tat-Transnistrija, kemm mill-art kif ukoll mill-ajru;

12.    Jikkundanna l-fatt li r-Russja qiegħda tipprovdi appoġġ dirett u indirett lill-gruppi separatisti fl-Ukraina, inkluż fil-forma ta' armi u ta' reklutaġġ, b'hekk tiġi ffaċilitata l-kontinwazzjoni ta' gwerra; huwa inkwetat bir-rapporti ta' delitti tal-gwerra kommessi fir-reġjun ikkontrollat mis-separatisti appoġġati mir-Russja, inkluż l-episodju li fih twaqqa' l-ajruplan ta' passiġġieri ċivili MH-17, li attwalment jinsab taħt investigazzjoni indipendenti u internazzjonali; iħeġġeġ lir-Russja tirtira minnufih il-forzi militari kollha tagħha mit-territorju Ukrain u taderixxi mal-Ftehimiet ta' Minsk; iħeġġeġ lir-Russja u lill-partijiet kollha involuti jużaw l-influwenza tagħhom biex iwaqqfu l-ostilitajiet u jipprevjenu li jiġu kommessi aktar delitti tal-gwerra u vittmi ġodda; itenni li l-ebda amnistija ma tista' tingħata għad-delitti tal-gwerra kommessi;

13.    Jiddispjċih li l-inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali għas-sigurtà fil-Baħar l-Iswed BLACKSEAFOR u Black Sea Harmony, intiżi li juru lid-dinja esterna li l-pajjiżi tal-littoral jistgħu jassumu r-responsabilità primarja tas-sigurtà tagħhom filwaqt li jżommu l-potenzjal tagħhom li jagħtu ħajja ġdida lill-kooperazzjoni futura possibbli fost dawn l-Istati, attwalment jinsabu f'paraliżi;

Iż-żamma ta' pożizzjoni soda u l-komunikazzjoni mar-Russja

14.    Jenfasizza li r-relazzjoni mar-Russja, li hija attur prinċipali fix-xena internazzjonali, fuq medda twila ta' żmien għandha, ġeneralment, tkun kooperattiva aktar milli kunflittwali; huwa tal-fehma madankollu li, fuq terminu qasir u medju, minħabba n-nuqqas ta' fiduċja wara l-aħħar azzjonijiet li wettqet ir-Russja, kwalunkwe ssoktar tal-kooperazzjoni irid jissejjes, l-ewwel nett, fuq garanzija strateġika soda offruta min-NATO lill-membri tal-Lvant tagħha u, it-tieni nett, fuq bidla fil-politika Russa fil-konfront tal-Ukraina, partikolarment bl-implimentazzjoni sħiħa u inkundizzjonata tal-Ftehimiet ta' Minsk ta' Settembru 2014 u Frar 2015 (li japplikaw biss għall-kunflitt fl-Ukraina tal-Lvant) u fuq ir-radd lura tal-Krimea lill-Ukraina, b'hekk jerġa' jinġieb l-istatus quo ante u l-kontroll tal-awtoritajiet Ukraini fuq it-territorju tal-pajjiż fi ħdan fruntieri rikonoxxuti fuq livell internazzjonali;

15.    Jesprimi t-tama li l-ftehim ta' Minsk għall-waqfien mill-ġlied, li ntlaħaq fit-12 ta' Frar 2015, se jżomm u b'hekk jagħti ż-żmien għal soluzzjoni politika negozjata; huwa mħasseb bil-bosta indikazzjonijiet ta' ksur tal-ftehim min-naħa tar-Russja u tas-separatisti; jissottolinja li l-qafas ġuridiku internazzjonali attwali jrid ikun rispettat totalment;

16.    Iqis li fl-eventwalità li r-Russja ma timplimentax bis-sħiħ il-ftehimiet ta' waqfien mill-ġlied ta' Minsk u tkompli bid-destabilizzazzjoni tal-Ukraina tal-Lvant u bl-annessjoni illegali tal-Krimea, għandu jitkompla u jissaħħaħ ir-reġim ta' sanzjonijiet u għandha titqies il-possibbiltà li l-Ukraina tingħata armi difensivi kif ukoll l-appoġġ biex iżżid il-kapaċitajiet ta' difiża tagħha; jemmen li l-istati tal-littoral jistgħu jagħtu kontribut importanti billi jgħaqqdu l-isforzi tagħhom u, għaldaqstant, jistieden lill-Ukraina, lir-Repubblika tal-Moldova u lill-Ġeorġja jikkunsidraw iżidu l-kooperazzjoni tagħhom, anki fil-kamp militari, pereżempju billi jqisu l-ħolqien ta' formazzjoni multinazzjonali, u jistieden lill-Istati Membri tan-NATO jikkunsidraw jagħtu appoġġ favur tali inizjattivi; jisħaq fuq il-fatt li l-UE trid turi għaqda, solidarjetà u impenn hija u tissanzjona l-azzjonijiet Russi kontra n-normi applikabbli tad-dritt internazzjonali;

17.    Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jibqgħu riżoluti u magħquda fl-impenn tagħhom biex japplikaw is-sanzjonijiet maqbula fil-konfront tar-Russja, anki billi jiffriżaw kull tip ta' kooperazzjoni militari u ta' difiża u jikkanċellaw il-kuntratti, pereżempju l-kunsinna ta' bastimenti ta' assalt anfibji Mistral lir-Russja;

Is-sigurtà tal-enerġija, marittima, tal-fruntieri u tal-bniedem fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed

18.    Jilqa' l-implimentazzjoni tal-politika tal-enerġija tal-UE mmirata lejn il-promozzjoni tas-sigurtà tal-enerġija għall-Istati Membri kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex inaqqsu d-dipendenza enerġetika u jiżguraw is-sigurtà fl-attivitajiet ta' estrazzjoni u trasport ta' żejt u gass fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jistieden lill-UE ssostni l-inizjattivi għad-diversifikazzjoni tar-riżorsi enerġetiċi tal-Baħar l-Iswed anki permezz ta' miżuri finanzjarji u ta' investimenti fl-ambitu ta' strateġija għall-indipendenza enerġetika; jistieden lill-Kummissjoni tissokta x-xogħol li jwassal għall-bini tal-pipeline tal-gass Nabucco; huwa tal-fehma li relazzjoni kostruttiva ta' fiduċja fost il-pajjiżi ġirien hija l-aħjar garanzija għall-provvista enerġetika tal-Istati Membri;

19.    Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-benefiċċji tal-attivitajiet ta' estrazzjoni u trasport ta' żejt u gass fil-Baħar l-Iswed jiddependu dejjem aktar mil-livell ta' militarizzazzjoni mqanqal mill-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja u t-tisħiħ sussegwenti tal-kapaċitajiet tagħha f'din iż-żona; itenni li, fid-dawl tal-instabbiltà potenzjali u, b'mod partikolari, id-dipendenza tal-Ewropa mill-Baħar l-Iswed għat-tranżitu tal-provvisti enerġetiċi, l-UE għandha interess strateġiku li tiddisswadi lill-atturi reġjonali milli jadottaw politika tas-sogru kalkolat u li, f'dan is-sens, taf ikollha timmobilizza r-riżorsi navali u tal-ajru Ewropej fil-Baħar l-Iswed; jagħmel appell lill-Istati Membri bil-għan li jadottaw il-miżuri neċessarji biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-attivitajiet ta' estrazzjoni u trasport ta' żejt u gass fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed;

20.    Jissottolinja li l-kriżi attwali tolqot il-kooperazzjoni f'oqsma importanti oħra, bħall-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri (b'mod partikolari l-kontroll tal-migrazzjoni), it-traffikar u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

21.    Jikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li sar minn mindu bdiet l-okkupazzjoni mill-forzi Russi, inklużi l-intimidazzjoni u l-għadd dejjem akbar ta' għajbien furzat(10), iċ-ċensura tal-libertà tal-kelma u l-persekuzzjoni tal-minoranzi, li jolqtu partikolarment il-minoranzi etniċi u nazzjonali; jikkundanna l-persekuzzjoni sistematika tat-Tatari nattivi tal-Krimea li ħadu sehem f'dimostrazzjonijiet favur is-sostenn tal-integrità territorjali tal-Ukraina; ifakkar fl-eluf ta' Tatari tal-Krimea li ħarbu mill-patrija tagħhom minħabba biża' ta' persekuzzjoni u fittxew rifuġju f'reġjuni oħrajn fl-Ukraina; jesprimilhom is-solidarjetà tiegħu u jitlob b'urġenza li s-sitwazzjoni tagħhom titjieb; jistieden lill-awtoritajiet Russi jtemmu minnufih l-vessazzjonijiet fil-konfront tal-organu eżekuttiv tat-Tatari tal-Krimea, il-Mejlis; jistieden lir-Russja tirrispetta totalment id-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjoni lokali tal-Krimea u jistieden lill-Ukraina, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżommu taħt għajnejhom ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea;

22.    Jitlob li jsiru investigazzjonijiet u li jitjieb l-aċċess għall-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem għall-każijiet kollha ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea; jistieden lill-Gvern tal-Ukraina juża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu biex jinvestiga u jressaq quddiem il-ġustizzja d-delitti tal-gwerra kommessi fit-territorju tiegħu; jistieden lill-komunità internazzjonali u lill-Qorti tal-Aja jibdew inkjesta dwar l-eventwali reati kommessi matul l-annessjoni illegali tal-Krimea u l-kunflitt fl-Ukraina tal-Lvant;

23.    Jiġbed l-attenzjoni fuq il-vulnerabbiltà ambjentali estrema tal-Baċir tal-Baħar l-Iswed; jissottolinja l-fatt li l-militarizzazzjoni dejjem ikbar tar-reġjun toħloq aktar riskju għal din l-ekosistema delikata, u jitlob it-twaqqif ta' mekkaniżmu effikaċi ta' prevenzjoni tal-inċidenti, b'sistema affidabbli għall-iskambju ta' informazzjoni f'każ ta' emerġenza bejn l-Istati kollha tal-littoral;

24.    Ifakkar li l-UE trid tibqa' magħquda u titkellem b'vuċi waħda rigward il-gwerra ibrida Russa fl-Ukraina; huwa konvint li l-għaqda hija kundizzjoni preliminari għal risposta effikaċi għat-theddid kollu għas-sigurtà u għall-isfidi politiċi kollha li ġejjin minn taħlita ta' azzjonijiet militari u mhux militari tar-Russja fl-Ukraina;

Ir-rwol tal-UE u tal-atturi internazzjonali

25.    Jenfasizza li r-reġjun tal-Baħar l-Iswed għandu jikkostitwixxi prijorità reali għall-UE; iqis li l-format attwali tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed (BSS) huwa antikwat; jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni u lis-SEAE jfasslu, mill-aktar fis possibbli, strateġija komprensiva tal-UE għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed; jisħaq fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandhom ukoll japplikaw fil-każ tal-Baħar l-Iswed; jagħmel appell għal rieżami tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà u jistenna li r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li tieħu kont tal-programmi rilevanti kollha li jirrigwardaw ir-reġjun, tissarraf f'aktar kooperazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni mall-Istati sħab tal-littoral tal-Baħar l-Iswed;

26.    Jisħaq fuq il-fatt li, minkejja li l-BSS hija prattikament sospiża, il-kooperazzjoni effikaċi mal-Istati fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed għandha tkompli; jilqa' b'sodisfazzjon il-missjonijiet tal-PSDK li għaddejjin bħalissa – il-Missjoni ta' Konsulenza tal-UE, il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE u l-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntiera – bħala komponenti importanti tal-kontribut tal-UE biex issolvi l-kunflitti li ilhom għaddejjin żmien fir-reġjun; jilqa' pożittivament l-isforzi li għamlu l-Istati Membri biex itejbu l-kapaċitajiet militari tal-Istati tal-littoral tal-Baħar l-Iswed u b'hekk jiżdied il-potenzjal tagħha li jirrispondu għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi fir-reġjun; iqis li l-UE għandha bżonn strateġija awdaċi u effikaċi, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam mas-setturi tal-ekonomija, tad-difiża u tas-sigurtà, bil-għan li l-UE tissaħħaħ internament, taġġorna u ttejjeb l-istrumenti eżistenti u twessa' l-kapaċità tagħha ta' reazzjoni għall-iżviluppi fil-viċinat li għandhom riperkussjonijiet fuq is-sigurtà Ewropea;

27.    Jissottolinja l-importanza fundamentali tal-koordinament man-NATO, partikolarment mal-Istati tal-littoral tal-Baħar l-Iswed li huma membri tal-Alleanza, u mal-Istati Uniti, billi l-Baċir tal-Baħar l-Iswed jirrappreżenta komponent fundamentali tas-sigurtà Ewro-Atlantika; jissottolinja li l-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari ta' dawk l-Istati tal-littoral tal-Baħar l-Iswed li huwa membri tal-UE u tan-NATO huma vitali biex tkun garantita s-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun; jilqa' l-impenn tan-NATO li tappoġġa l-isforzi reġjonali tal-istati tal-littoral tal-Baħar l-Iswed maħsuba biex jiżguraw is-sigurtà u l-istabbiltà; jissottolinja l-bżonn ta' appoġġ min-naħa tal-UE u tan-NATO biex il-Baħar l-Iswed jinżamm spazju ekonomiku miftuħ; jistieden lill-OSKE tkabbar il-kamp ta' applikazzjoni tal-isforzi tagħha fir-rigward tas-sigurtà fil-Baħar l-Iswed; jistieden lill-UE ssostni preżenza msaħħa tal-OSKE u inizjattivi ġodda tal-Organizzazzjoni fir-reġjun intiżi li jtaffu s-sitwazzjoni tas-sigurtà;

28.    Ifakkar li, partikolarment fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed, l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom jibbenefikaw mill-istess livell ta' sigurtà, konformement mal-Artikolu 42(7) tat-TUE;

29.    Jilqa' favorevolment l-impenn min-naħa tal-Istati Membri tan-NATO fir-rigward tas-sigurtà kollettiva u, jekk neċessarju, jiġi attwat l-Artikolu 5 tat-Trattat ta' Washington; jilqa' pożittivament id-deċiżjoni tas-Summit tan-NATO f'Wales dwar il-miżuri ta' garanzija strateġika u l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Prontezza, li huma elementi importanti għas-sigurtà tal-Istati Membri tan-NATO l-aktar milquta; jistieden lin-NATO tkompli tiżviluppa l-kapaċitajiet tagħha fil-qasam tad-difiża ċibernetika u missilistika, anki fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, u tiżviluppa pjanijiet ta' kontinġenza għall-iskoraġġiment u l-ġlieda kontra l-gwerer asimmetriċi u ibridi;

30.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssostni lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom maħsuba biex jidentifikaw soluzzjonijiet ħalli jżidu l-baġit tagħhom għad-difiża sal-livell ta' 2 %; japprezza l-impenn li ħadu l-membri tan-NATO fl-okkażjoni tal-aħħar Summit tan-NATO fi Newport, biex jiżguraw li n-nefqa tagħhom għad-difiża tilħaq almenu 2 % tal-PDG sal-2024; jesprimi tħassib bil-fatt li wħub mill-alleati ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jqaċċtu mill-ġdid in-nefqa għad-difiża; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-Artikolu 3 tat-Trattat ta' Washington;

31.    Ifakkar li, minkejja l-applikazzjonijiet ta' adeżjoni tal-Ġeorġja u tal-Ukraina tal-2008 mal-Pjan ta' Azzjoni tan-NATO ma kinux ġew aċċettati, in-NATO, fl-okkażjoni tas-Summit ta' Bukarest, iddikjarat li l-Ġeorġja u l-Ukraina se jsiru membri tal-Alleanza; jikkonstata li, wara l-gwerra tal-2008 fil-Ġeorġja u l-annessjoni illegali tal-Krimea fl-2014, ir-Russja mmutilat mil-lat territorjali ż-żewġ pajjiżi, b'hekk għamlithom ineleġibbli għall-adeżjoni man-NATO; iqis li, minkejja ma tistax tiddefendihom direttament, in-NATO għandha obbligu morali li tgħin lill-kapaċità tal-Ġeorġja u tal-Ukraina biex jiddefendu lilhom infushom;

32.    Jenfasizza li n-NATO għandha tippreserva s-superjorità navali u tal-ajru ġenerali tagħha fil-Baċir tal-Baħar l-Iswed u żżomm il-kapaċità tagħha biex tissorvelja ż-żona;

33.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi kollha tal-Baħar l-Iswed.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0011.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0380.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2012)0334.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2012)0276.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2011)0576.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2011)0025.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2014)0248.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2014)0457.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2014)0025.

(10)

Fi ħdan it-tifsira tal- Artikolu 7(1)(i) tal-Istatut ta' Ruma (2002).


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

4.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

13

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Arnaud Danjean, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Eduard Kukan, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Johannes Cornelis van Baalen, Geoffrey Van Orden

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reinhard Bütikofer, Neena Gill, Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Liisa Jaakonsaari, Anneli Jäätteenmäki, Marek Jurek, Antonio López-Istúriz White, Norbert Neuser, Urmas Paet, Gilles Pargneaux, Soraya Post, Marietje Schaake, Renate Sommer, István Ujhelyi, Traian Ungureanu, Paavo Väyrynen, Janusz Zemke

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Victor Boştinaru, Jonás Fernández

Avviż legali - Politika tal-privatezza