Proċedura : 2014/2245(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0173/2015

Testi mressqa :

A8-0173/2015

Dibattiti :

PV 08/09/2015 - 11
CRE 08/09/2015 - 11

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2015 - 8.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0308

RAPPORT     
PDF 310kWORD 351k
27.5.2015
PE 546.892v02-00 A8-0173/2015

dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"

(2014/2245(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Tamás Deutsch

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"

(2014/2245(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra s-sitt Rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali intitolat "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-governanza tajba fir-reġjuni u l-ibliet tal-UE", tat-23 ta' Lulju 2014 (minn hawn 'il quddiem “is-Sitt Rapport ta' Koeżjoni”),

–       wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 4, 162, 174 sa 178 u 349 tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni")(1),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru  1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(4),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(5),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(6),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(7),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(8),

–       wara li kkunsidra l-"Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020: Lejn Ewropa Inklużiva, Intelliġenti u Sostenibbli ta' Diversi Reġjuni", li sar qbil dwarha fil-Laqgħa Ministerjali Informali tal-Ministri responsabbli għall-Ippjanar Spazjali u l-Iżvilupp Territorjali li ltaqgħu f’Gödöllö, fl-Ungerija, fid-19 ta’ Mejju 2011,

–       wara li kkunsidra t-tmien rapport ta’ progress tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali intitolat “Id-dimensjoni reġjonali u urbani tal-kriżi” tas-26 ta’ Ġunju 2013,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda(9),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri tal-UE għal bidu effikaċi u f’waqtu tal-perjodu l-ġdid ta’ Programmazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni(10),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar is-seba’ u t-tmien rapporti ta’ progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE u r-Rapport Strateġiku tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-programm għal bejn l-2007 u l-2013(11),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi permezz tal-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali tal-UE u programmi oħra tal-UE(12),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Novembru 2014 dwar id-dewmien fit-tnedija tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020(13),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2011 bl-isem "Qafas għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ strumenti finanzjarji innovattivi - il-pjattaforma tal-UE tal-ekwità u tad-dejn" (COM(2011)0662),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014) 0903),

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Jannar 2015 dwar "L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir"(COM(2015) 0012),

–       wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “L-istrumenti finanzjarji għall-SMEs kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali” (Rapport Speċjali Nru 2/2012),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sitt rapport ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, adottati mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Koeżjoni) fid-19 ta’ Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-3 ta’ Diċembru 2014 dwar is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali(14),

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2015 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi(15),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2015 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għal 2015 (COM/2015/0116),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Jannar 2015 intitolata "Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 2 għall-Baġit Ġenerali tal-2015" (COM(2015)0016),

–       wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2013 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - Il-ġlieda kontra l-frodi,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0173/2015),

A.     billi r-rwol determinanti tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE biex jitnaqqsu d-differenzi reġjonali, għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fost ir-reġjuni tal-Istati Membri u għall-appoġġ biex jinħolqu l-impjiegi huwa inkontestabbli; billi l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta l-politika ewlenija ta' investiment fl-ekonomija reali tal-UE kollha kemm hi, u hija għodda stabbilita għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE, b'baġit ta' aktar minn EUR 350 biljun sal-2020; billi waqt il-kriżi ekonomika, qed joħroġ fid-deher li l-politika ta' koeżjoni hi strument essenzjali għaż-żamma tal-livelli ta' investiment fid-diversi Stati Membri; billi f'xi Stati Membri hija s-sors ewlieni ta' investiment pubbliku; billi n-natura konkreta u viżibbli tar-riżultati tal-politika ta’ koeżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta' bosta metodi ta’ evalwazzjoni differenti;

B.     billi l-aħħar ċifri għall-2013 juru qgħad fit-tul fl-Unjoni ta' livell storikament għoli, ta' 5.1 % tal-forza tax-xogħol; billi l-qgħad fit-tul għandu konsegwenzi kruċjali għall-individwi tul ħajjithom kolllha u jista’ jsir strutturali, b’mod partikolari fir-reġjuni periferiċi;

C.     billi dan l-aħħar kien hemm tnaqqis ta’ 15 % fl-investiment pubbliku fl-Unjoni f’termini reali, u billi ħafna reġjuni, b’mod speċjali dawk li qed jiffaċċjaw sfidi demografiċi, ma setgħux jikkontribwixxu b’mod adegwat għall-miri tal-Ewropa 2020, speċjalment għall-mira ewlenija ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75 % sal-2020, il-mira ta' tnaqqis tal-faqar b’20 miljun persuna kif ukoll il-mira biex jiġi limitat it-tluq bikri mill-iskola;

D.     billi huwa ġustifikabbli li l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni evolvew maż-żmien, b'rispons għall-isfidi u t-theddidiet il-ġodda li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE, u li l-politika nnifisha saret marbuta aktar mill-qrib mal-aġenda ġenerali tal-politika tal-UE; billi, madankollu, ir-rwol oriġinali tal-politika ta’ koeżjoni – it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fir-reġjuni kollha tal-UE, u partikolarment fir-reġjuni inqas żviluppati u dawk żvantaġġati – għandu jissaħħaħ; billi l-politika ta’ koeżjoni m’għandhiex titqies bħala sempliċi strument biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u strateġiji tal-iżvilupp oħra tal-UE, iżda wkoll bħala politika ta' investiment fit-territorji;

E.     billi skont is-Sitt Rapport ta' Koeżjoni, il-kriżi ekonomika kellha effett negattiv fuq ix-xejra fit-tul ta’ tnaqqis tad-differenzi reġjonali u, minkejja xi tendenzi pożittivi, fil-bidu tal-perjodu l-ġdid ta’ programmazzjoni, id-disparitajiet bejn ir-reġjuni ta' diversi tipi differenti għadhom kbar;

F.     billi permezz ta’ konċentrazzjoni tematika, ir-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni qed jiffokaw fuq għadd limitat ta’ għanijiet strateġiċi li għandhom potenzjal fir-rigward tat-tisħiħ tat-tkabbir, ħolqien ta' impjiegi, inklużjoni soċjali, l-ambjent u t-tibdil klimatiku;

G.     billi rati għolja ta' tkabbir u konverġenza ekonomika reġjonali ma jistgħux jinkisbu mingħajr governanza tajba, minħabba l-ħtieġa ta' involviment aktar effettiv tas-sħab kollha fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, b'konformità mal-prinċipju ta' gvern b'diversi livelli u li jkun jinkludi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

H.     billi l-Ftehimiet ta’ Sħubija u l-Programmi Operazzjonali huma għodod strateġiċi biex jiggwidaw l-investimenti fl-Istati Membri u r-reġjuni, previsti fl-Artikoli 14, 16 u 29 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni bi skeda ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-adozzjoni tagħhom, skont liema skeda l-Ftehimiet ta’ Sħubija kellhom ikunu adottati sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Awwissu 2014, waqt li fil-każ tal-Programmi Operazzjonali, dawn kellhom ikunu adottati sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Jannar 2015;

I.      billi l-Kunsill informali li ltaqa' f’Gödöllő, l-Ungerija, fl-2011 talab lill-Presidenzi suċċessivi tal-Kunsill tal-2015 u l-2016 biex jevalwaw u jikkunsidraw jekk l-Aġenda Territorjali tal-UE 2020 għandhiex tiġi rieżaminata, b’kunsiderazzjoni ta’ kif qed taħdem fil-prattika, u mbagħad eventwalment jagħmlu kwalunkwe rieżami tali;

J.      billi, skont l-Artikolu 175 tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-politiki ekonomiċi tagħhom u għandhom jikkoordinawhom b'mod li jilħqu l-objettivi ta' żvilupp armonjuż ġenerali u tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u billi l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa l-ġdid għandu għaldaqstant jikkontribwixxi wkoll għal dawn l-objettivi;

Kisbiet u sfidi tal-politika ta’ koeżjoni fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja (perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013)

1.      Jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni hi l-istrument ewlieni tal-Unjoni Ewropea li jimmira li jnaqqas id-differenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali fost ir-reġjuni Ewropej, jagħti spinta lill-kompetittività tagħhom, jindirizza t-tibdil fil-klima u d-dipendenza enerġetika, filwaqt li fl-istess ħin jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza li minkejja li ma kienx faċli għal xi Stati Membri u reġjuni li jikkofinanzjawhom, l-investimenti tal-politika ta’ koeżjoni taffew b’mod sinifikanti l-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, u taw stabbiltà lir-reġjuni billi żguraw fluss ta’ finanzjament meta l-investimenti pubbliċi u privati nazzjonali u reġjonali naqsu drastikament; jenfasizza li l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni kien ekwivalenti għal 20 % tal-investiment pubbliku fl-UE kollha kemm hi, u 57 % fil-pajjiżi ta' koeżjoni meqjusa flimkien;

2.      Jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni wriet il-kapaċità tagħha li tirreaġixxi malajr b’miżuri flessibbli biex tindirizza n-nuqqas ta’ investiment għall-Istati Membri u r-reġjuni, bħal pereżempju billi naqqset il-kofinanzjament nazzjonali u l-għoti ta’ pagamenti bil-quddiem addizzjonali, kif ukoll billi orjentat 13 % tal-finanzjament totali (EUR 45 biljun) f'direzzjoni oħra biex jappoġġaw l-attività ekonomika u l-impjiegi b’effetti diretti; jemmen li hu essenzjali, għaldaqstant, li jsir rieżami ta' nofs it-terminu, sostanzjali u profond, tal-objettivi u l-livelli ta' finanzjament b'allinjament ma' kwalunkwe żviluppi li jolqtu l-qagħda ekonomika u soċjali tal-Istati Membri jew ta' kwalunkwe reġjun tagħhom;

3.      Jissottolinja li t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jinkludi l-għan tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà fost l-Istati Membri (l-Artikolu 3 tat-TUE).

4.      Jilqa’ r-riforma reċenti tal-politika ta’ koeżjoni bil-għan li jiġu indirizzati dawn l-isfidi, abbażi ta' qafas strateġiku koerenti għall-2014-2020 b’objettivi u inċentivi ċari għall-Programmi Operazzjonali kollha; jistieden lill-atturi kollha, speċjalment l-awtoritajiet ewlenin involuti, jiżguraw l-effikaċja u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid għall-politika ta' koeżjoni, billi jiffokaw b'saħħa fuq il-ksib ta' prestazzjoni u riżultati aqwa; jistieden lill-atturi kollha involuti jistabbilixxu mekkaniżmi ta' governanza f'diversi livelli u ta' koordinazzjoni li jiffunzjonaw tajjeb, biex tkun żgurata l-konsistenza bejn il-programmi, appoġġ għall-istrateġija Ewropa 2020 u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi;

5.      Jenfasizza li ambjent fiskali u ekonomiku stabbli, kif ukoll ambjent regolatorju, amministrattiv u istituzzjonali effiċjenti, hu kruċjali għall-effikaċja tal-politika ta’ koeżjoni, iżda dan ma jistax idgħajjef il-kisba tal-miri u l-objettivi tagħha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li sospensjoni tal-pagamenti, kif prevista fl-Artikolu 23 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, taf iddgħajjef il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jippjanaw u jimplimentaw b’mod effettiv il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) għall-perjodu 2014-2020; jenfasizza li, sabiex jintlaħqu kemm l-għanijiet ta’ koeżjoni kif ukoll dawk tal-Istrateġija Ewropa 2020, jeħtieġ li l-politika tkun allinjata mill-qrib mal-politiki settorjali u għandhom jinkisbu sinerġiji ma' skemi ta’ investiment oħra tal-UE; ifakkar, madankollu, li b'konformità mal-Artikolu 175 tat-TFUE, il-politiki ekonomiċi kollha għandhom jistinkaw għall-ksib tal-objettivi ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

6.      Jenfasizza li żieda fil-kapaċità amminsitrattiva għall-programmazzjoni, implimentazzjoni u evalwazzjoni fl-Istati Membri hi kruċjali għal prestazzjoni f'waqtha u b'suċċess tal-Politika ta' Koeżjoni;

7.      Jindika li minkejja li l-politika ta' koeżjoni taffiet l-impatt tal-kriżi, id-differenzi reġjonali għadhom kbar u li l-objettiv tal-politika ta' koeżjoni li tnaqqas id-differenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali, bl-għoti ta' appoġġ speċjali lir-reġjuni inqas żviluppati, għadu ma ntlaħaqx kullimkien;

8.      Jirrimarka li, minkejja l-kriżi u l-fatt li l-finanzi lokali kienu taħt pressjoni kbira, l-awtoritajiet lokali u reġjonali kellhom ikomplu jissodisfaw it-talbiet taċ-ċittadini għal servizzi pubbliċi aktar aċċessibbli u ta' kwalità ogħla;

9.      Jenfasizza l-importanza li l-UE tindustrijalizza mill-ġdid biex jiġi żgurat li l-produzzjoni industrijali tirrappreżenta sehem ta' mill-inqas 20 % tal-PGD tal-Istati Membri sal-2020; ifakkar, għalhekk, l-importanza tal-appoġġ proattiv u t-tisħiħ tal-prinċipji tal-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-affidabbiltà regolatorja sabiex jiġu promossi l-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa;

Problemi ta’ implimentazzjoni u pagament

10.    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-dewmien strutturali sinifikanti fil-bidu tal-perjodi ta' programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, b'riżultat ta' dewmien fl-adozzjoni tal-Programmi Operazzjonali, fosthom permezz tal-proċedura ta' riport; jinnota li dan id-dewmien jista' jżid il-pressjoni fuq il-pagamenti, speċjalment fl-2017 u l-2018, u b'hekk iżid mat-tħassib dwar il-pagamenti arretrati, li jammontaw għal EUR 25 biljun għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013; jinnota li minkejja li s-sitwazzjoni fil-politika ta' koeżjoni, meta titqies f'kuntest usa', hija aħjar minn dik tal-iżvilupp rurali jew tas-sajd, dan it-tħassib jibqa' għax għal diversi Stati Membri, għadd sinifikanti ta' programmi għadhom ma ġewx adottati; jenfasizza li dan id-dewmien jista' jdgħajjef il-kredibilità tal-baġit tal-UE u l-politika ta' koeżjoni, l-effikaċja u s-sostenibbiltà tagħha, joħloq sfida lill-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jiffinalizzaw l-implimentazzjoni tal-perjodu 2007-2013 u li jippjanaw b’mod effettiv u jimplimentaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) għall-perjodu 2014-2020; jilqa' l-isforzi riċenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni f'dan ir-rigward, iżda jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kulma tista' biex tiżgura li l-Programmi Operazzjonali kollha li baqa' jiġu adottati mingħajr dewmien ulterjuri, għax ir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) metieġa biex jintużaw ir-riżorsi mhux allokati tal-2014 u l-Abbozz ta' Baġit emendatorju akkumpanjanti diġà ġew approvati mill-Parlament;

11.    Ifakkar li l-kwistjoni tal-pagamenti arretrati persistenti tikkonċerna lill-politika ta' koeżjoni aktar minn kwalunkwe qasam ieħor tal-politika tal-UE, b'EUR 24.8 biljun ta' kontijiet mhux imħallsa fi tmiem l-2014 għall-programmi 2007-2013 tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), jiġifieri żieda ta' 5.6 % meta mqabbel mal-2013; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tuża l-mezzi kollha disponibbli biex tkopri dawn il-kontijiet pendenti; jissottolinja li din is-sitwazzjoni tolqot l-ewwel u qabel kollox lill-aktar benefiċjarji żgħar vulnerabbli tal-politika ta' koeżjoni, bħall-SMEs, l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet, billi l-kapaċità tagħhom ta' prefinanzjament tal-infiq hija limitata;

12.    Jilqa' l-fatt li l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament qablu li fi tmiem is-sena, il-livell ta' kontijiet mhux imħallsa għandu jitnaqqas, partikolarment fil-politika ta' koeżjoni, għal-livell strutturali tiegħu matul il-QFP, kif stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta li takkumpanja l-ftehim baġitarju tal-2015, u jieħu nota tal-"Elementi għal pjan ta' pagament sabiex il-baġit tal-UE jirritorna lura għal triq sostenibbli" tal-Kummissjoni, li wasal fit-23 ta' Marzu 2015; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenn tagħha li tressaq pjan ta' pagament kemm jista' jkun malajr, u f'kull każ qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz tal-baġit għall-2016; barra minn hekk, ifakkar lill-istituzzjonijiet kollha bl-impenn tagħhom li jaqblu fuq pjan, u jimplimentawh, mill-2015 u sar-reviżjoni ta' nofs it-term tal-QFP attwali;

13.    Jissottolinja l-fatt li r-reviżjoni proposta tal-limiti massimi tal-QFP(16) li tittrasferixxi EUR 11.2 biljun f'impenji għall-intestatura subtotali 1b skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament QFP u r-riport(17) ta' EUR 8.5 biljun f'impenji skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju mill-2014 sal-2015 jevitaw li jikkanċellaw l-approprjazzjonijiet fl-intestatura 1b, iżda ma jindirizzawx ġenwinament il-problema sottostanti tad-dewmien fil-programmazzjoni u lanqas ma jbiddlu l-fatt li dewmien serju fl-implimentazzjoni u l-pagament tardiv sistematiku jistgħu joħolqu sfidi sinifikanti lill-benefiċjarji finali;

14.    Jenfasizza li dan ix-xogħol b’lura msemmi aktar 'il fuq taħt l-Intestatura 1b tal-Baġit tal-UE fil-fatt huwa l-iktar fattur immedjat importanti li qed jipperikola l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, kemm fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti kif ukoll, prospettivament, f'dak attwali, jiġifieri 2014-2020; itenni li l-impatt ta’ dan ix-xogħol b'lura jinħass b’mod qawwi mill-atturi tal-politika ta’ koeżjoni fil-post, xi kultant b’mod estrem; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex tfassal pjan direzzjonali li jipprevedi skeda ta’ żmien speċifika ta’ azzjonijiet tal-politika konkreti u pass b'pass, appoġġati b'mezzi baġitarji magħżula speċifikament, sabiex jitnaqqas u eventwalment jintemm għalkollox, id-dewmien fil-ħruġ tal-pagamenti; jittama li l-Kunsill finalment se jirrealizza s-serjetà u insostenibbiltà tas-sitwazzjoni, u jkun lest li jikkontribwixxi attivament biex tinstab soluzzjoni stabbli għall-problema; jinsab konvint li l-ewwel objettiv ta’ dawn l-azzjonijiet għandu jkun li l-2015 issir is-sena li fiha dan it-tnaqqis fid-dewmien tal-ħruġ tal-pagamenti jinħass b’mod tanġibbli;

15.    Jenfasizza li huwa essenzjali li l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali tibda malli jiġu adottati, biex jiġu massimizzati r-riżultati tal-investimenti, tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, jiżdied it-tkabbir tal-produttività u jingħata kontribut lill-miri klimatiċi u tal-enerġija tal-Unjoni, u li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex l-adozzjoni tagħhom titħaffef, mingħajr ma titnaqqas il-kwalità tagħhom; jitlob li l-Kummissjoni — filwaqt li żżomm livell għoli ta’ attenzjoni fuq il-ħtieġa li titkompla l-ġlieda kontra l-frodi — tanalizza l-metodi kollha possibbli biex tirrazzjonalizza l-proċeduri interni tagħha sabiex tħaffef il-proċeduri abbażi taż-żewġ xenarji maħsuba għall-adozzjoni tal-Programmi Operazzjonali, biex ikun evitat dewmien ulterjuri fil-bidu tal-implimentazzjoni;

16.    Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' dan: tippreżenta lill-Parlament il-miżuri li għandha f'moħħha biex tiffaċilita, mill-aktar fis possibbli, l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali, speċjalment biex tevita d-diżimpenji tal-fondi fl-2017, flimkien ma' skeda ta’ żmien proposta; tispjega l-impatt tad-dewmien fil-ħruġ tal-pagamenti fuq il-bidu tal-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali l-ġodda; u biex tippreżenta soluzzjonijiet biex tillimita l-ħsara kemm jista' jkun; jesiġi, barra minn hekk, li l-Kummissjoni, fil-kuntest tar-rapport dwar l-eżitu tan-negozjati previsti fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, tanalizza l-impatt possibbli tal-bidu b'dewmien tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 fuq it-tkabbir u l-impjiegi, u li tipprovdi rakkomandazzjonijiet abbażi tat-tagħlimiet misluta;

17.    Iqis li l-QMP 2014-2020 li jirriżulta mill-modifika proposta tal-Kummissjoni tar-Regolament QFP, ir-riport għall-2015 biss l-approprjazzjonijietmhux allokati fl-2014, iżid b'mod sinifikanti r-riskju ta' diżimpenn fl-2018 fir-rigward tal-programmi mhux adottati fl-2014, u b'hekk jonqos milli jinkoraġġixxi t-teħid kollu tar-riżorsi tal-UE jew l-appoġġ effettiv għall-investiment tal-UE fit-tkabbir u l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni biex meta tfassal ir-rapport strateġiku tal-2017 previst fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni tipproponi, suffiċjentement minn qabel, miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra xierqa sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' diżimpenn;

18.    Jinsab imħasseb dwar ir-rata baxxa ta' assorbiment tal-fondi fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 f'ċerti Stati Membri u jwissi li r-raġunijiet sottostanti għandhom jiġu indirizzati biex jiġi evitat li l-problemi jirrepetu ruħhom fil-perjodu li jmiss; jenfasizza li l-kapaċità amministrattiva hija essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-politika ta' koeżjoni; jenfasizza li l-instabbiltà fiċ-ċivil, flimkien mal-koordinament dgħajjef tal-politika, jistgħu idgħajfu l-implimentazzjoni b'suċċess tal-FSIE u jippreżentaw theddida għall-ġestjoni effettiva tal-politika b'mod ġenerali;

19.    Jissuġġerixxi li għat-tħejjija tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, dispożizzjonijiet regolatorji rigward il-programmazzjoni jistgħu jiġu introdotti separatament u qabel il-proposti baġitarji, bl-għan ta' diżakkoppjament tad-dibattiti dwar il-kontenut u dawk dwar il-flus, u biex jibqa' biżżejjed żmien għal tħejjija bir-reqqa tal-programmi; ifakkar li minkejja li d-dispożizzjonijiet regolatorji huma estensivi ħafna, ma jipprovdux assigurazzjonijiet kompluti lill-Istati Membri u lir-reġjuni, u jistgħu jkunu sors ta' interpretazzjonijiet li ma jaqblux; jinnota li għad baqa' lok ta' semplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet regolatorji;

20.    Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra sewwa - filwaqt li tqis ir-riperkussjonijiet possibbli għat-tkabbir u l-impjiegi - l-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji jew is-sospensjoni tal-pagamenti;

Il-politika ta’ koeżjoni fil-qalba ta’ investiment intelliġenti, sostenibbli u inklużiv 2014-2020

21.    Itenni r-rwol oriġinali tal-politika ta’ koeżjoni biex tiġi promossa l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jitnaqqsu l-inugwaljanzi reġjonali, waqt li jingħata appoġġ partikolari lil reġjuni inqas żviluppati; jenfasizza li min-natura u l-istruttura oriġinali tagħha, kif stipulat fit-Trattat, il-politika tikkontribwixxi b’mod inerenti għall-objettivi tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, kif ukoll għall-objettiv fundamentali tat-Trattat ta' tisħiħ tal-koeżjoni territorjali;

22.    Jilqa’ l-Fond Ewropew għal Investiment Strateġiku (FEIS) u l-effett ta’ lieva potenzjali tiegħu; jenfasizza li l-għan ewlieni tal-FEIS għandu jkun li jiżgura koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u għaldaqstant għandu jgawdu minnu r-reġjuni kollha tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata addizzjonalità tar-riżorsi tal-FEIS - u għaldaqstant, il-kumplimentarjetà u s-sinerġija bejnu u bejn l-SFIE, filwaqt li jinżammu finanzjarjament separati minn xulxin - u, fuq l-istess nota, iwissi lill-partijiet konċernati jibnu fuq l-esperjenzi tagħhom miksuba mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew tal-2008, b'mod partikolari rigward investimenti intelliġenti;

23.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżgura koordinament u konsistenza mtejba fost il-politiki kollha tal-investiment u tal-iżvilupp tal-UE, u b'mod partikolari l-politika ta' koeżjoni, kif ukoll fost l-FSIE, fondi oħra tal-UE u l-istrumenti ta' finanzjament reġjonali, sabiex tkun żgurata l-komplimentarjetà u sinerġija msaħħa, ikun evitat it-trikkib u d-duplikazzjoni tal-appoġġ, u jkun garantit valur miżjud Ewropew kbir tal-finanzjament tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar is-sinerġiji fil-Rapporti ta' Koeżjoni li se joħorġu; jissuġġerixxi li l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ investiment ġdid tal-UE tibni fuq l-esperjenzi tat-tliet inizjattivi konġunti JEREMIE, JESSICA u JASMINE, li ppermettew żieda fl-għoti ta’ Fondi Strutturali minn EUR 1.2 biljun fil-perjodu 2000-2006 għal EUR 8.4 biljun fil-perjodu 2007-2012; jitlob li ssir analiżi wiesgħa u dettaljata b'konsultazzjoni mal-BEI u l-Fond ta' Investiment Ewropew;

24.    Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tipprevedi l-użu estiż ta’ strumenti finanzjarji - bil-għan li tirdoppja l-kontribuzzjoni tagħhom għal madwar EUR 25-30 biljun fil-perjodu 2014-2020 - billi testendi l-ambitu tematiku tagħhom u toffri aktar flessibbiltà lill-Istati Membri u lir-reġjuni; jenfasizza r-rwol tal-istrumenti finanzjarji fil-mobilizzazzjoni ta' investimenti konġunti addizzjonali - pubbliċi jew privati - sabiex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq b'allinjament mal-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u tal-politika ta' koeżjoni; jappoġġja, b’mod partikolari, "l-inizjattiva tal-SMEs" għal kondiviżjoni tar-riskji, u jistieden lill-Kummissjoni tistinka kemm tiflaħ biex tagħmel l-istrumenti finanzjarji faċli biex jintużaw u attraenti għall-Istati Membri u r-reġjuni, u b’hekk jiġi żgurat li l-irduppjar tal-kontribuzzjonijiet għall-istrumenti finanzjarji jinkiseb bil-merti proprji u li s-sens ta' sjieda tal-partijiet konċernati ta' dan l-għan ikun stabbilit sew; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-iskrutinju għall-istrumenti finanzjarji li jinvolvu l-flus tal-UE;

25.    Iwissi, madankollu, li FSIE m’għandhomx idgħajfu l-koerenza strateġika u l-perspettiva fit-tul tal-programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni; jisħaq li riorjentament tal-Fondi Strutturali jkun kontroproduttiv u għaldaqstant ma jistax jiġi aċċettat, għax jipperikola l-effikaċja tagħhom u l-iżvilupp tar-reġjuni; jindika li l-allokazzjonijiet finanzjarji għall-Istati Membri miftiehma taħt l-Intestatura 1b tal-QFP 2014-2020 ma jistgħux jiġu modifikati għall-finijiet tal-FSIE; jenfasizza li l-għoti ta' self, ekwità jew garanziji minflok għotjiet, filwaqt li fih ċertu vantaġġi, jeħtieġ isir b’attenzjoni, b’kunsiderazzjoni tad-differenzi reġjonali u d-diversità tal-prattiki u l-esperjenzi bejn ir-reġjuni fir-rigward tal-użu tal-istrumenti finanzjarji; jindika li r-reġjuni l-aktar fil-bżonn ta’ stimoli għall-investiment sikwit ikollhom livell baxx ta' kapaċitajiet amministrattivi u ta’ assorbiment;

26.    Iwissi li l-flessibilità permessa fl-għażla tal-proġett għall-finanzjament mill-FSIE toħloq riskju li l-investimenti jispiċċaw għand Stati Membri aktar żviluppati, u b'hekk tiddgħajjef il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib ir-relazzjoni bejn l-FEIS u l-FSIE;

L-effikaċja, l-effiċjenza u l-orjentazzjoni lejn il-prestazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020

27.    Jenfasizza l-importanza tal-miżuri kollha immirati li jżidu l-effikaċja, is-semplifikazzjoni, l-effiċjenza, u l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati u l-prestazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, li għandhom jiżguraw bidla fid-direzzjoni minn kriterji tal-assorbiment tal-fondi lejn il-kwalità tal-infiq u l-valur miżjud kbir tal-operazzjonijiet kofinanzjati; jissuġġerixxi f'dan ir-rigward li jiġu ppreżentati aġġustamenti tekniċi tar-regolamenti tal-FSIE konċernati;

28.    Jilqa' l-konċentrazzjoni tematika b'appoġġ għal investimenti fi tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv bl-għan li jinħoloq it-tkabbir u l-impjiegi, jiġi indirizzati t-tibdil fil-klima u d-dipendenza enerġetika, u jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll l-enfasi msaħħaħ fuq ir-riżultati u ħila li jitkejlu fil-programmi 2014-2020, li għandhom jikkontribwixxu biex tiżdied aktar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni; jisħaq, fl-istess ħin, fuq ir-rekwiżit ta’ aktar flessibilità għar-reġjuni, skont l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali, speċjalment fil-kuntest tal-kriżi qawwija, sabiex jonqsu d-differenzi fl-iżvilupp bejn id-diversi reġjuni tal-Unjoni; jitlob li jkun hemm approċċ ġenwinament integrat u territorjali li jimmira fuq programmi u proġetti li jindirizzaw il-ħtiġijiet fil-post;

29.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw koerenza bejn il-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali u l-Programmi Operazzjonali bil-għan li r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż jiġu indirizzati b’mod adegwat u li jkun hemm allinjament sħiħ mal-proċeduri tal-governanza ekonomika, u b’hekk jillimitaw ir-riskju ta’ riprogrammazzjoni bikrija;

30.    Ifakkar, f’dan il-kuntest, l-oppożizzjoni inizjali tal-Parlament, u jenfasizza r-responsabbiltà tiegħu li jkun involut bis-sħiħ, li jikkontrolla u li jiskrutinja; jitlob li l-Kummissjoni u l-Kunsill jipprovdu informazzjoni sħiħa, trasparenti u f'waqtha dwar il-kriterji, u dwar il-proċedura sħiħa, li jistgħu jwasslu għal riprogrammazzjoni jew sospensjoni tal-impenji jew tal-pagamenti mill-FSIE skont l-Artikolu 23(15) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni; jirrimarka li d-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tal-impenji jew tal-pagamenti għandha titqies bħala l-aħħar għażla, meta l-għażliet kollha l-oħra jkunu ġew eżawriti u wara li jkunu saru valutazzjonijiet tar-riperkussjonijiet possibbli fuq it-tkabbir u l-impjiegi, peress li s-sospensjoni tal-impenji jew tal-pagamenti jista' jkollha konsegwenzi serji għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll għall-ilħuq tal-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni kollha kemm hi; iqis li l-għan tal-kundizzjonalità makroekonomika għandu jkun li tagħmel il-politika ta’ koeżjoni aktar sostenibbli u effiċjenti, u jirrifjuta l-idea li reġjuni, lokalitajiet jew ċittadini għandhom jiġu kkastigati minħabba deċiżjonijiet ekonomiċi meħuda mill-gvernijiet nazzjonali; jiġbed l-attenzjoni dwar l-ammont ta' xogħol amministrattiv possibilment konsiderevoli li tinvolvi r-riprogrammazzjonital-fondi; ifakkar li proposta għar-riprogrammazzjoni sottomessa skont l-Artikolu 23(4) ta’ dak ir-Regolament tirrikjedi l-konsultazzjoni prevja tal-kumitat ta’ monitoraġġ ikkonċernat kif imsemmi fl- Artikolu 49(3) tal-istess regolament;

31.    Jindika li l-irregolaritajiet jirriżultaw, sa livell sinifikanti, mir-rekwiżiti u r-regolamenti kumplessi; jenfasizza li l-għadd ta' irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' koeżjoni jista' jitnaqqas permezz ta' semplifikazzjoni tal-ġestjoni u tal-proċeduri, trasponiment bikri tad-direttivi relevanti li jkun għadhom kemm ġew adottati u tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, notevolment fir-reġjuni inqas żviluppati; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji meta jiġu żgurati l-verifiki meħtieġa ħalli jiġi żgurat l-użu xieraq tal-approprjazzjonijiet tal-FSIE, kif ukoll il-ħtieġa għal sforzi biex tkun ottimizzata u mtejba l-flessibilità tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, jitpoġġa fokus akbar fuq il-valutazzjoni tar-riskju u tiġi kkoreġuta l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet fost l-awtoritajiet kollha, filwaqt li fl-istess ħin ma jiddgħajfux il-proċeduri ta’ kontroll imsaħħa stabbiliti, għall-prevenzjoni aktar effettiva tal-irregolaritajiet, u bħala konsegwenza, jiġu evitati korrezzjonijiet finanzjarji u interruzzjonijiet u sospensjonijiet tal-pagamenti; jinsab imħasseb dwar ir-rati baxxi ta’ żborż ta’ strumenti finanzjarji lill-benefiċjarji, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettiv li jiżdied l-użu ta’ dawn l-istrumenti; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet li jiġġestixxu u lill-partijiet konċernati oħra li jaħdmu b'dawn l-istrumenti finanzjarji, biex jagħmlu użu sħiħ tal-assistenza teknika pprovduta permezz tal-Pjattaforma ta' Konsultazzjoni Teknika - Strumenti Finanzjarji (FI-TAP) u l-pjattaforma "fi-compass";

L-impjiegi, l-SMEs, iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni

32.    Jenfasizza li l-FSIE jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jitreġġgħu lura l-konsegwenzi soċjali negattivi tal-kriżi, u li biex dan iseħħ, għandu jkun faċilitat u semplifikat approċċ integrat offrut mill-programmazzjoni b'fondi multipli, b'koordinazzjoni aktar effiċjenti tal-fondi u b'aktar flessibilità bejniethom, biex jingħata lok ta' sfruttament aħjar tas-sinerġiji bejn il-FSE u l-FEŻR b’mod partikolari; jenfasizza li l-investimenti ffinanzjati mill-FSE ma jistgħux jipproduċu l-aħjar riżultati jekk ma jkunx hemm l-infrastruttura rilevanti u istituzzjonijiet xierqa; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-FSIE jistgħu effettivament jappoġġaw l-inklużjoni soċjali, u għalhekk għandhom jiġu mobilizzati biex jgħinu l-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, bħalma huma r-Rom u l-persuni b’diżabilità, kif ukoll biex jappoġġaw it-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal servizzi bbażati fil-komunità għat-tfal u għall-adulti;

33.    Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-gruppi ta’ minoranza fl-Unjoni kollha, peress li huma soġġetti għal kull forma ta’ esklużjoni soċjali u għalhekk għandhom probabbiltà akbar li jbatu minn qgħad strutturali; iqis li kwalunkwe ppjanar ta' politika favur il-koeżjoni soċjali fl-Unjoni għandha tqis l-integrazzjoni tal-minoranzi;

34.    Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-SMEs fil-ħolqien tal-impjiegi u jindika l-potenzjal tagħhom għall-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti u ekonomiji diġitali u b'livell baxx ta’ karbonju; jitlob li jkun hemm ambjent regolatorju favorevoli li jiffaċilita t-twaqqif u l-ġestjoni ta’ dan it-tip ta' intrapriżi, speċjalment dawk imnedija minn persuni żgħażagħ u dawk f'żoni rurali; jenfasizza kemm hu importanti li jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi imposti fuq l-SMEs u li jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu appoġġati programmi u taħriġ li jippromwovu l-iżvilupp ta’ ħiliet intraprenditorjali;

35.    Jissottolinja li l-SMEs jikkostitwixxu 99 % tan-nisġa korporattiva tal-UE u jammontaw għal 80 % tal-impjiegi fl-Unjoni;

36.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-limitu massimu baxx wisq (EUR 5 miljun) stabbilit mill-Kummissjoni għall-appoġġ mill-FEŻR għal infrastrutturi kulturali u tat-turiżmu sostenibbli fuq skala żgħira, definit, barra minn hekk, bħala spiża totali aktar milli spiża eliġibbli, u jenfasizza l-impatt pożittiv b’saħħtu li dan it-tip ta' proġetti jista’ jkollu fuq l-iżvilupp reġjonali f’termini ta’ impatt soċjoekonomiku, l-inklużjoni soċjali u l-attrazzjoni;

37.    Jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali, b'mod partikolari rigward it-tkabbir ekonomiku, min-naħa l-waħda u l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli min-naħa l-oħra, jistgħu jiġu bbilanċjati aħjar f'xi Stati Membri, mirfuda permezz ta' djalogu sinifikattiv mas-sħab u mal-partijiet konċernati; jenfasizza li strateġija ċara għat-titjib tal-qafas istituzzjonali tal-Istati Membri f'termini ta' kapaċità amministrattiva u l-kwalità tal-ġustizzja hija fattur ewlieni determinanti għal suċċess fil-kisba ta' dawn il-prijoritajiet;

38.    Jisħaq fuq l-importanza tal-FSE, mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, li jeħtieġ li ssostni l-akbar għadd possibbli ta' proġetti vijabbli ta' ħolqien ta' impjiegi, pereżempju fil-forma ta' inizjattivi tan-negozju;

39.    Iwissi li r-rata allarmanti ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ qed thedded li tintilef ġenerazzjoni sħiħa, speċjalment f'reġjuni inqas żviluppati u f'dawk ir-reġjuni li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi u mill-qgħad; jinsisti li l-progress fl-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol jeħtieġ jibqa’ prijorità ewlenija, u li l-kontribuzzjoni attiva tal-UE hija indispensabbli biex din tinkiseb, u li għaliha l-użu integrat tal-FSE, l-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ jistgħu jagħtu kontribut kbir; iqis li għandu jittieħed approċċ aktar orjentat lejn ir-riżultati f'dan ir-rigward, biex ikun żgurat l-aktar użu effettiv tar-riżorsi disponibbli, u b'hekk jingħataw spinta l-impjiegi u l-kompetittività, jiġi ġġenerat aktar dħul u tgawdi l-ekonomija kollha tal-UE; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol ewlieni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex tgħin lil żgħażagħ taħt il-25 sena jsibu impjieg ta' kwalità jew inkella jiksbu l-edukazzjoni, il-ġiliet u l-esperjenza meħtieġa biex isib impjieg; jisħaq li r-riżorsi kollha meħtieġa biex jiġu implimentati l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-miżuri l-oħra koperti mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ jeħtieġ jiġu provduti mill-aktar fis possibbli; jemmen li għandhom jintużaw indikaturi tal-impatt li jkunu ċari u jinftiehmu faċilment, li permezz tagħhom il-kontribut tal-fondi tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi jista' jitkejjel kif jixraq;

40.    Jisħaq li jeħtieġ ikomplu l-isforzi biex jinstabu modi oħra biex titjieb il-prestazzjoni fir-rigward tal-impjieg taż-żgħażagħ, minħabba li minkejja l-adozzjoni tar-Regolament tal-FSE u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, ir-riżultati ma kinux tajbin; jindika li l-UE hi kommessa politikament li tipprovdi appoġġ immedjat għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

41.    Jenfasizza li minħabba bidliet fix-xejriet tal-produzzjoni u minħabba li l-popolazzjoni qed tixjieħ, ir-rwol tal-FSE u tal-investimenti fl-adattament tal-ħiliet tal-ħaddiema żdied b’mod sinifikanti; jemmen bil-qawwa li, f’dan ir-rigward, il-FSE għandu jikkumplimenta l-approċċi nazzjonali fl-Istati Membri; jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li r-riżorsi disponibbli jintużaw bl-aktar mod effikaċi u effiċjenti possibbli, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-impjegabbiltà tal-ħaddiema, l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza, fl-istess ħin, li l-programmi ta’ taħriġ iffinanzjati taħt l-FSE għandhom ukoll jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-imprendituri u tal-persunal fil-livell maniġerjali, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-kumpaniji - speċjalment SMEs - li jiġġeneraw il-maġġoranza tal-opportunitajiet ta’ impjiegi fl-Unjoni;

42.    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu jaħdmu, partikolarment, biex itejbu u jestendu l-pjattaforma EURES bħala għodda effikaċi għall-faċilitazzjoni tal-mobbiltà tal-ħaddiema fl-Ewropa, b’mod partikolari l-mobbiltà transkonfinali, billi ttejjeb l-għarfien tal-ħaddiema dwar is-suq tax-xogħol tal-Unjoni, tinfurmawhom dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol u tgħinhom fil-formalitajiet; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw u jappoġġaw in-netwerks tal-EURES, mhux l-inqas b'rikonoxximent tal-fatt li l-ħaddiema transkonfinali huma l-ewwel li jintlaqtu minn problemi ta’ adattament u minn diffikultajiet fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali; jinnota li minħabba li jgħaqqdu flimkien is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll partijiet konċernati privati oħra, dawn in-netwerks jiffaċilitaw u jappoġġaw il-mobbiltà transkonfinali;

43.    Jenfasizza l-ħtieġa li l-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità tiġi indirizzata bl-għajnuna tat-teknoloġiji ġodda; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha torbot it-tnaqqis fil-qgħad mal-għodod tal-Aġenda Diġitali u ta' Orizzont 2020;

44.    Jirrimarka li n-numru ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni fl-UE għadu għoli ħafna u qed jolqot ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; jisħaq li din il-problema jeħtieġ li tiġi ttrattata billi jkunu modernizzati s-sistemi edukattivi u l-kurrikula, bl-użu tal-assistenza tal-FSE;

45.    Jindika li mingħajr kooperazzjoni effikaċi bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-atturi tas-suq tax-xogħol se jkun impossibbli li jiġi rimedjat il-livell għoli ta' qgħad fost il-gradwati żgħażagħ fl-UE; jisħaq b'mod partikolari fuq il-fatt li permezz tat-tagħlim tal-għarfien u l-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol, ir-rata ta' impjieg taż-żgħażagħ kibret u d-differenzi soċjali naqsu;

46.    Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni tal-ġeneri fil-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni talloka biżżejjed fondi ħalli jiġi indirizzat il-qgħad fost in-nisa; huwa tal-fehma li n-nisa jistgħu jibbenefikaw minn avvanzi teknoloġiċi li jippermettulhom ħinijiet tax-xogħol aktar flessibbli, u jistieden lill-Kummissjoni tinvesti f’dan il-qasam;

47.    Itenni l-ħtieġa li jiġu stabbiliti faċilitajiet għall-indokrar ta' tfal żgħar biex tingħata spinta lill-preżenza tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u b'hekk jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa proġetti innovattivi f'din id-direzzjoni; jindika li l-investiment fl-infrastrutturi pubbliċi, bħall-faċilitajiet għall-indokrar tat-tfal, iżid l-opportunitajiet għan-nisa li jipparteċipaw attivament fl-ekonomija u fis-suq tax-xogħol;

48.    Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri - bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-impjieg u l-inklużjoni soċjali - iqisu l-ħtiġijiet ta' nisa li jirritornaw mil-liv tal-maternità, jimmotivaw lil min iħaddem biex jirreklutaw lin-nisa li jkunu ħadu liv tal-maternità, jiffaċilitaw arranġamenti ta' xogħol flessibbli, u jippromwovu l-edukazzjoni ulterjuri (tagħlim tul il-ħajja), li jagħti lok lin-nisa jkomplu l-karrieri professjonali tagħhom mingħajr intoppi;

Il-governanza tal-politika

49.    Jisħaq li l-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ li titwettaq fl-ispirtu ta’ governanza b’diversi livelli li tiffunzjona tajjeb, flimkien ma’ struttura effettiva biex twieġeb għall-ħtiġijiet tal-pubbliku u tan-negozji, u b’akkwist pubbliku trasparenti u innovattiv, li kollha huma elementi kruċjali biex jitjieb l-impatt tal-politika; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li minkejja l-importanza tad-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali sikwit għandhom ir-responsabbiltà amministrattiva primarja għall-investiment pubbliku, u li l-politika ta’ koeżjoni hija għodda vitali li tippermetti lil dawn l-awtoritajiet jiżvolġu rwol ewlieni fl-UE; itenni, għaldaqstant, il-ħtieġa ta' implimentazzjoni mifruxa tal-prinċipju tas-sħubija kif dettaljat fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni u l-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija;

50.    Jirrakkomanda li r-riżorsi u l-għarfien tal-politika ta’ koeżjoni jintużaw biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet pubbliċi b’mod sinifikanti, speċjalment fil-livell lokali u reġjonali, anke permezz ta’ użu akbar ta’ teknoloġiji ġodda u impetu għal proċeduri aktar semplifikati, sabiex titjieb il-ħila tagħhom li joffru servizzi ta’ kwalità lill-pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi forom ta’ għajnuna amministrattiva għal kwistjonijiet ewlenin, bħall-iffissar ta’ miri għall-inizjattivi, il-valutazzjoni tar-riżultati tagħhom permezz ta’ indikaturi adatti u l-iddeterminar tal-passi li jmiss li għandhom jittieħdu sabiex jgħinu biex tinħoloq kultura amministrattiva msejsa fuq il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni fl-UE kollha kemm hi; iqis li importanti li jkun żgurat li tingħata assistenza lill-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-istrumenti finanzjarji innovattivi, li huma kruċjali biex jiżdiedu r-riżorsi u l-investimenti, u dwar l-akkwist pubbliku, li għandu jintuża dejjem aktar bħala għodda tal-amministrazzjoni pubblika biex jitħeġġu l-innovazzjoni u l-kreattività;

51.    Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-Sitt Rapport ta' Koeżjoni ma jinkludix valutazzjoni fil-fond tal-kisbiet tal-faċilita ta' assistenza teknika JASPERS, li waqt li perjodu 2007-2013 ipprovdiet lill-Istati Membri bil-ħiliet esperti tekniċi meħtieġa għat-tħejjija ta' proġetti maġġuri b'livell għoli ta' kwalità għall-kofinanzjament b'fondi tal-UE; jilqa' t-tnedija tal-Pjattaforma tan-Netwerking JASPERS għal attivitajiet tal-bini tal-kapaċitajiet fl-2013 u t-twaqqif fl-2014 tat-taqsima taċ-Ċentru tan-Netwerking u l-Kompetenza li tipprovdi ħiliet esperti speċjalizzati fit-tħejjija tal-proġetti għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; jilqa' t-twaqqif ta' Ċentru ta' Kompetenza dwar il-bini ta' kapaċitajiet amministrattivi fir-rigward tal-FSIE, li għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri involuti fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-FSIE;

52.    Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qegħda kulma jmur tagħti aktar attenzjoni lir-rwol tal-governanza, u jaqbel li l-governanza tajba u s-servizzi pubbliċi b'livell għoli ta' kwalità - fosthom mingħajr korruzzjoni - huma essenzjali għal ambjent tal-investiment stabbli; jitlob li jkun hemm ambizzjonijiet kbar biex l-infiq tal-politika ta’ koeżjoni jkun inqas suxxettibbli għall-użu frawdolenti, u biex il-miżuri kontra l-frodi jiġu applikati b’mod strett;

53.    Jinsab konvint li l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-Sħubija se jsaħħaħ il-parteċipazzjoni fi ħdan ir-reġjuni tul l-istadji kollha, fil-forma u fis-sustanza, u jeħtieġ jiġi implimentat għalkollox, għax għandu rwol fundamentali fit-tisħiħ tal-effetti tal-politika ta’ koeżjoni u l-konsolidazzjoni tal-impatt tagħha fil-post; ifaħħar lil dawk l-Istati Membri u r-reġjuni li rnexxielhom jinvolvu lis-sħab tagħhom fit-tħejjija tal-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali skont il-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija; iqajjem tħassib serju, madankollu, dwar il-każijiet numerużi ta' applikazzjoni dgħajfa tal-prinċipju tas-sħubija, u jappella lill-Kummissjoni biex ma tapprovax programmi li ma jkollhomx livell biżżejjed ta' involviment tas-sħab; jenfasizza l-importanza tat-tixrid tal-eżempji ta' prattiki tajba fl-organizzazzjoni tas-sħubiji, kif dettaljat fil-Kodiċi ta' Kondotta; jitlob barra minn hekk lill-Kummissjoni, biex fuq bażi regolari tippreżenta rapport lill-Parlament li jivvaluta l-qagħda attwali tal-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija;

Id-dimensjoni territorjali

54.    Jinnota bi tħassib in-nuqqas relattiv ta’ referenzi għall-approċċ territorjali, u b’mod partikolari għall-kooperazzjoni transfruntiera, fis-Sitt Rapport ta’ Koeżjoni, minkejja l-fatt li huwa għodda essenzjali biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; Jinnota li l-inklużjoni tal-aspetti transfruntiera u makroreġjonali kollha kien ikollha effett li tarrikkixxi, fir-rigward tal-infrastruttura, is-swieq tax-xogħol u l-mobilità, l-ambjent (inkluż il-pjan ta’ kontinġenza konġunta), l-użu u r-rimi tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart, il-kura tas-saħħa, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-turiżmu, is-servizzi pubbliċi u l-governanza, fost l-oħrajn, billi dawn l-oqsma kollha jinkludu elementi u potenzjal transfruntiera notevoli; huwa tal-fehma li fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 il-prestazzjoni tar-reġjuni tal-fruntieri u transfruntiera Ewropej inkwantu tat-tolleranza tal-kriżi — permezz ta’ tkabbir aktar intelliġenti, aktar inklużiv u aktar sostenibbli — se titjieb b’mod konsiderevoli;

55.    Jenfasizza l-fatt li l-approċċ integrat u territorjali hu partikolarment essenzjali fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali u tal-enerġija;

56.    Jilqa’ l-introduzzjoni ta’ għodda ġodda għall-koordinazzjoni tal-partijiet konċernati u l-integrazzjoni tal-politiki tal-UE, u biex jiffokaw l-investimenti fuq il-ħtiġijiet reali fil-post, bħalma huma l-Investimenti Territorjali Integrati u l-Istrumenti tal-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità, li jaħdmu għal żvilupp territorjali bbilanċjat; ifakkar fl-importanza tal-adozzjoni ta’ strumenti għall-valutazzjoni tal-impatt territorjali tal-politiki, bl-għan ewlieni li jitqies l-impatt territorjali tal-politiki tal-UE fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u li tinġibed iktar attenzjoni fuq dak l-impatt fil-proċess leġiżlattiv, filwaqt li jiġu nnotati l-isfidi eżistenti għall-implimentazzjoni ta' approċċi territorjali integrati, meta nqisu d-differenzi regolatorji li għad baqa' fost il-fondi tal-UE u l-livelli differenti ħafna ta’ setgħa ta' azzjoni (empowement) tal-komunitajiet lokali u reġjonali fost l-Istati Membri u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni; jitlob li jkun hemm strateġija tal-investiment tal-UE ġenerali integrata, u tisħiħ tal-Aġenda Territorjali tal-UE 2020, li ġiet adottata taħt il-Presidenza Ungeriża fl-2011 u hi skedata li tiġi evalwata mill-Presidenzi tal-2015, li tinkludi l-Aġenda Urbana tal-UE; huwa tal-opinjoni li għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tisħiħ tar-rwol ta’ żoni urbani żgħar u ta’ daqs medju;

57.    Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta’ referenza għal kif il-prinċipji u l-prijoritajiet tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020 ġew ikkunsidrati fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tal-2007-2013; jitlob li waqt il-perjodu 2014-2020 jiġu stabbiliti mekkaniżmi xierqa ta' evalwazzjoni, biex tkun tista' ssir valutazzjoni tad-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni;

58.    Japprova, madankollu, l-fatt li kwistjonijiet urbani huma enfasizzati fir-rapport, minħabba l-importanza tal-bliet fl-ekonomija globalizzata u l-impatt potenzjali tagħhom f’termini ta’ sostenibbiltà; jinnota l-impenn tar-reġjuni u l-bliet Ewropej biex issir it-tranżizzjoni lejn tkabbir aktar ekoloġiku, kif inkorporat fil-Patt tas-Sindki; jissuġġerixxi li d-distakki kbar fl-iżvilupp bejn iż-żoni rurali u dawk urbani għandhom jiġu indirizzati kif jixraq, bħalma għandhom jiġu indirizzati l-problemi fir-reġjuni metropolitani, li qed juru reżiljenza filwaqt li għadhom vulnerabbli;

59.    Jiddispjaċih li s-Sitt Rapport ta' Koeżjoni ma jirreferix għall-iżvilupp territorjali poliċentriku bħala element ewlieni tal-kisba tal-koeżjoni territorjali u l-kompetittività territorjali f'konformità mal-Aġenda Territorjali 2020 u r-Rapport tal-2013 tan-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Iżvilupp u l-Koeżjoni Territorjali, bl-isem "Nagħmlu l-Ewropa Miftuħa u Poliċentrika"; jenfasizza r-rwol tal-bliet żgħar u ta' daqs medju u kemm hu importanti li jitjiebu r-rabtiet funzjonali taċ-ċentri urbani mal-inħawi ta' madwarhom biex jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat;

60.    Jitlob li jkun hemm aktar osservanza tal-Artikolu 174 tat-TFUE dwar il-koeżjoni territorjali, b’mod partikolari f’żoni rurali, b’attenzjoni kif xieraq lir-relazzjoni importanti bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-iżvilupp rurali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali, u reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa, u reġjuni gżejjer, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi; jirrakkomanda li jitqiesu wkoll l-isfidi demografiċi l-oħra li għandhom impatt maġġuri fuq ir-reġjuni, bħad-depopolazzjoni, il-fatt li popolazzjoni tkun qed tixjieħ u popolazzjonijiet mxerrda ħafna; jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikulari liż-żoni l-aktar żvantaġġati, f'termini ta' ġeografija u demografija, meta timplimenta l-politika ta’ koeżjoni;

61.    Huwa tal-fehma li s-Sitt Rapport ta' Koeżjoni ma jagħtix biżżejjed attenzjoni lill-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, meta jitqies li din ilha objettiv tal-politika ta’ koeżjoni sa mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013; ifakkar il-potenzjal tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali mhux biss bħala strument għall-ġestjoni tal-governanza transkonfinali, iżda wkoll bħala mezz li jikkontribwixxi għal żvilupp territorjali integrat b’mod komprensiv;

62.    Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-politika ta’ koeżjoni, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u l-Politika tal-Viċinat tal-UE, kif ukoll valutazzjoni aħjar u tixrid tar-riżultati tal-proġetti;

Il-politika ta’ koeżjoni fil-perspettiva fit-tul

63.    Ifakkar, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-ħtieġa li d-dibattitu tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE jingħata dinamika ġdida; jiddikjara li s-sena tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019 ser tkun determinanti, peress li dak iż-żmien, il-Parlament elett ġdid u l-Kummissjoni l-ġdida se jkollhom jittrattaw it-tmiem tal-istrateġija Ewropa 2020 u QFP ġdid li jmiss, kif ukoll li jiżguraw il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020 b'baġit adegwat u jħejju leġislazzjoni ġdida għall-politika ta’ koeżjoni; jinnota li d-dibattitu dwar il-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ iqis il-limitizzjonijiet serji taż-żmien u d-dewmien esperjenzati fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali;

64.    Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-kapaċitajiet amministrattivi; jistieden lil dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha ta’ governanza biex jiffavorixxu għajnuna teknika mmirata għall-implimentazzjoni tal-politiki ta’ koeżjoni b’mod ġenerali, u b'mod partikolari għall-użu estiż tal-istrumenti finanzjarji flimkien mal-FSIE;

65.    Iqis li l-miżuri tal-politika ta’ koeżjoni għandhom rwol essenzjali x’jiżvolġu fit-tnaqqis tad-disparitajiet kompetittivi interni u l-iżbilanċi strutturali fir-reġjuni li jeħtiġuha l-aktar; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-prefinanzjament sabiex tiffaċilita l-użu sħiħ tal-fondi mill-Istati Membri kkonċernati fil-perjodu 2014-2020, filwaqt li jiġi żgurat dejjem li l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-baġit ikun rikonoxxut;

66.    Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu dibattiti politiċi ta’ livell għoli b'mod regolari fi ħdan il-parlamenti nazzjonali dwar l-effikaċja, l-effiċjenza u l-implimentazzjoni f’waqtha tal-FSIE u dwar il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għat-twettiq tal-objettivi makroekonomiċi;

67.    Jitlob li jsiru laqgħat regolari tal-Kunsill mal-ministri inkarigati mill-politika ta’ koeżjoni, biex tiġi indirizzata l-ħtieġa ta' monitoraġġ u ta' rispons għall-isfidi kostanti li qed tħabbat wiċċ magħhom il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE;

°

°         °

68.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.

(5)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.

(6)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.

(7)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(8)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2014)0002.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2014)0015.

(11)

Testi adottati, P7_TA(2014)0132.

(12)

Testi adottati, P7_TA(2014)0133.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2014)0068.

(14)

ĠU C 19, 21.1.2015, p. 9.

(15)

Opinjoni tal-21 ta’ Jannar 2015 (EESE 4756/2014 - ECO/370) (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(16)

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, COM(2015) 0015, 21.1.2015.

(17)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar riport mhux awtomatiku mill-2014 sal-2015 u approprjazzjonijiet ta' impenn li għandhom jerġgħu jsiru disponibbli fl-2015, C(2015) 0827, 11.2.2015.


NOTA SPJEGATTIVA

Sfond

Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta, kull 3 snin, Rapport ta' Koeżjoni "dwar il-progress li jkun sar sabiex tintlaħaq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali...ˮ. Kien hemm dewmien fil-pubblikazzjoni tas-Sitt Rapport ta' Koeżjoni minħabba l-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid għall-politika ta' koeżjoni 2014-2020; l-istruttura tradizzjonali nbidlet, u issa tirrifletti l-istrateġija Ewropa 2020.

Kisbiet u sfidi tal-politika ta’ koeżjoni fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja

Meta wieħed iħares lura, is-Sitt Rapport ta’ Koeżjoni juri li matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, il-politika ta’ koeżjoni taffiet l-impatt tat-tnaqqis kbir fl-investiment pubbliku, li laħaq perċentwal ta' -60 % f’xi Stati Membri, u -20 % bħala medja tal-UE. L-investimenti ta’ koeżjoni taw stabbiltà lir-reġjuni billi żguraw il-fluss tal-finanzjament meta l-investimenti nazzjonali pubbliċi u privati naqsu jew saħansitra waqfu għalkollox. Madankollu, id-differenzi reġjonali reċentement kibru waqt li l-gwadanji fl-impjiegi miksuba sa mill-2000 u l-kompetittività ta’ diversi Stati Membri ntilfu, speċjalment fl-Istati Membri tan-Nofsinhar.

Meta jħares 'il quddiem, ir-rapport jindika l-miri ewlenin tal-investimenti ta’ koeżjoni 2014-2020: l-effiċjenza enerġetika, l-impjiegi u l-SMEs – oqsma li fihom il-potenzjal għall-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli huwa tabilħaqq promettenti. Importanti għar-rapporteur li jenfasizza li r-rwol oriġinali tal-politika ta’ koeżjoni u l-istrumenti tagħha kif definiti fit-Trattat jagħmluha b’mod inerenti l-politika ta’ investiment prinċipali biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-UE. B’hekk, il-politika ta’ koeżjoni ma tistax titqies bħala sempliċi strument għal strateġiji settorjali oħra. Għall-kuntrarju, l-approċċ ta’ governanza integrata u f’diversi livelli fit-tul jipprovdi valur miżjud essenzjali għall-implimentazzjoni u s-sens ta' sjieda ta’ miżuri tal-UE li approċċ tal-politika purament settorjali ma jistax jipprovdi.

B’dan l-isfond, ir-rapporteur jilqa’ l-pjan ta’ investiment għall-Ewropa ġdid tal-UE biex jikkumplimenta l-investimenti strutturali u ta’ koeżjoni. L-esperjenzi miksuba mill-inizjattivi konġunti tal-politika ta’ koeżjoni ma’ strumenti finanzjarji bħal JEREMIE jitgħu jkunu ta’ għajnuna, peress li ż-żieda fl-użu tal-Istrumenti Finanzjarji tinsab fil-qalba ta’ dan il-pjan ta’ investiment ġdid. Fl-istess ħin jeħtieġ jiġi ddikjarat b’mod ċar, madankollu, li l-baġit u l-programmazzjoni strateġika fit-tul tal-politika ta’ koeżjoni ma jistgħux jintlaqtu b’mod negattiv minn din l-inizjattiva ta’ investiment ġdida, peress li dan jipperikola mhux biss l-iżvilupp tar-reġjuni, iżda wkoll l-effikaċja tal-investimenti ta' EUR 350 biljun tal-politika ta’ koeżjoni pprogrammati għall-iżvilupp reġjonali 2014-2020. Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li r-reġjuni li l-aktar jeħtieġu stimolu tal-investiment sikwit huma dawk li għandhom l-aktar kapaċitajiet baxxi amministrattivi u ta’ assorbiment, li mhux se jikkwalifikaw għall-pjan ta’ investiment il-ġdid.

L-effikaċja, l-effiċjenza u l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-politika ta’ koeżjoni

Il-miżuri l-ġodda biex tiżdied l-effikaċja u l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati jinkludu konċentrazzjoni tematika b’mod partikolari fuq l-innovazzjoni, l-ekonomija diġitali u b’livell baxx ta’ karbonju, l-edukazzjoni u l-appoġġ għall-SMEs. Ir-rapporteur jesiġi ċerta flessibilità għar-reġjuni, skont is-sitwazzjoni lokali tagħhom, speċjalment fil-kuntest tal-kriżi qawwija. Huma meħtieġa sforzi kontinwi sabiex il-proċeduri jiġu semplifikati waqt li l-burokrazija titnaqqas, biex tiżdied l-aċċessibilità u l-assorbiment tal-fondi u biex ir-rati ta’ żbalji — li sikwit isiru minħabba l-kumplessità tar-regoli tal-akkwist pubbliku u tal-għajnuna tal-Istat, u mhux minħabba r-regolamenti tal-koeżjoni – jinżammu fl-iktar livell baxx possibbli.

Ir-rabta mas-Semestru Ewropew u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi jistgħu jgħinu wkoll biex jagħmlu investimenti tal-koeżjoni aktar effettivi. Ir-rwol prinċipali tal-Parlament Ewropew li jiskrutinja l-proċedura kollha li tista' tixkatta sospensjoni tal-impenji jew tal-pagamenti tal-FSIE għandu jiġi enfasizzat f’dan il-kuntest. Ir-rapporteur jitlob li jkun hemm osservanza sħiħa tal-Artikolu 23(15) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, li jistipula trasparenza u informazzjoni f’waqtha lill-Parlament, min-naħa tal-Kummissjoni u l-Kunsill.

L-impjiegi, l-SMEs, iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni

L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-impjegar sħiħ u l-progress soċjali huma fost l-għanijiet tal-UE, u l-Istrateġija UE 2020 tistabbilixxi l-mira li 75 % ta’ persuni ta' bejn 20-64 sena jkollhom impjieg sal-2020. Madankollu, bil-kriżi dan l-għan donnu li hu aktar diffiċli biex jinkiseb: ir-rata tal-qgħad ilha ogħla minn 9.5 % sa minn kmieni fl-2010, u f’ħafna Stati Membri hija ogħla minn 15 %, anki fl-2014.

Is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ hija partikolarment ta' tħassib f’termini ta’ impjiegi – fit-tieni kwart tal-2014, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE kienet ta' 21.7%, jiġifieri aktar mid-doppju tar-rata tal-qgħad fost l-adulti (9.0%), li jfisser li aktar minn ħames miljun persuna taħt il-25 sena kienu qegħda fl-UE-28 f’dan il-perjodu. L-għadd ta’ żgħażagħ Ewropej (bejn 15 u 24 sena) li la għandhom impjieg u lanqas mhu qed isegwu edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) hija wkoll għolja b’mod inaċċettabbli.

L-appoġġ li l-politika ta’ koeżjoni tagħti lill-SMEs huwa importanti ħafna wkoll, minħabba li l-SMEs huma s-sinsla tat-tkabbir u l-impjiegi tal-UE, li ħolqu 85 % tat-tkabbir nett fl-impjiegi matul il-perjodu 2002-2010. Fil-perspettiva ta' dan kollu, is-sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u l-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) u l-Programm Qafas Orizzont 2020 se jiżdiedu fil-perjodu 2014-2020 permezz ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-livell reġjonali.

Problemi ta’ implimentazzjoni u pagament

Ir-rapporteur ifakkar li skont ir-Regolament tad-Dispożizzjonijiet Komuni, il-Ftehimiet ta’ Sħubija kellhom ikunu adottati sa tmiem Awwissu 2014, u l-Programmi Operazzjonali sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Jannar 2015. Madankollu, hemm dewmien ċar fil-proċess ta’ programmazzjoni: ftit aktar minn 100 Programm Operazzjonali biss ġew adottati fi tmiem l-2014. Hemm previsti żewġ xenarji għall-adozzjoni tal-Programmi Operazzjonali, u t-tnejn li huma jimplikaw dewmien ulterjuri rigward il-bidu tal-implimentazzjoni, jiġifieri: (i) il-proċedura ta' riport għall-programmi li jitqies li huma "lesti għall-adozzjoni" sal-31 ta' Diċembru 2014, u (ii) l-ibbaġitjar mill-ġdid tal-allokazzjoni mhux utilizzata tal-2014 għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment – li jimplika reviżjoni teknika tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali – għall-programmi li jitqiesu "mhux lesti għall-adozzjoni" sa tmiem l-2014.

Skont l-iskeda ta' żmien ippreżentata mill-Kummissjoni, Programmi Operazzjonali jistgħu jiġu adottati bejn il-15 ta' Frar u l-31 ta' Marzu 2015 taħt il-proċedura ta' riport, u wara l-1 ta' Mejju 2015 taħt il-proċedura tal-ibbaġitjar mill-ġdid. Il-Parlament esprima tħassib serju dwar dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020, filwaqt li enfasizza li dan id-dewmien joħloq sfida għall-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jippjanaw b’mod effettiv u jimplimentaw l-FSIE għall-perjodu 2014-2020. Ir-rapporteur tiegħek jikkondividi dan it-tħassib. Huwa jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament miżuri li jiffaċilitaw, malajr kemm jista’ jkun, l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali, flimkien mal-iskeda ta’ żmien prevista.

Barra mid-dewmien fl-implimentazzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, il-politika ta’ koeżjoni qiegħda tħabbat wiċċha ma' dewmien fil-ħruġ tal-pagamenti li jammonta għal madwar EUR 25 biljun għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. Il-Kummissjoni għandha wkoll tispjega l-impatt ta' dan id-dewmien fil-pagamenti fuq il-bidu tal-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali l-ġodda, u tipproponi soluzzjonijiet li jillimitaw il-ħsara kemm jista' jkun;

Il-politika ta’ koeżjoni hija mistennija li tgħin biex jinkiseb tkabbir sostenibbli u impjegar, iżda l-problema rikorrenti ta’ dewmien fil-ħruġ tal-pagamenti ixxekkel l-implimentazzjoni tal-programmi u tpoġġi piż fuq il-baġits tal-benefiċjarji u tal-Istati Membri, mhijiex aċċettabbli. Id-dixxiplina baġitarja tfisser li ma jinħlewx flejjes pubbliċi: iżda tfisser ukoll li l-kontijiet jitħallsu fil-ħin. Ir-rapporteur għalhekk jemmen li din il-parti tal-problema hija l-aktar waħda diffiċli u urġenti.

Kwistjonijiet ta' governanza

Ir-riżorsi u l-għarfien tal-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ jintużaw biex tissaħħaħ b’mod sinifikanti l-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet pubbliċi, speċjalment fil-livell lokali u reġjonali, sabiex titjieb il-ħila tagħhom li joffru servizzi ta’ kwalità lill-pubbliku, anke permezz ta’ użu akbar ta’ teknoloġiji ġodda u impetu għal proċeduri aktar razzjonalizzati. Importanti li tiġi żgurata assistenza lill-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar Strumenti Finanzjarji innovattivi li huma kruċjali biex jiżdiedu r-riżorsi u l-investimenti, u dwar l-akkwist pubbliku, li għandu jintuża dejjem akar bħala għodda tal-amministrazzjoni pubblika biex jitrawmu l-innovazzjoni u l-kreattività.

Ir-rapporteur jenfasizza li l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-Sħubija jsaħħaħ il-parteċipazzjoni fil-programmazzjoni fir-reġjuni, fil-forma u fis-sustanza, u jkollu rwol fundamentali fit-tisħiħ tal-effetti tal-politika ta’ koeżjoni u l-konsolidazzjoni tal-impatt tagħha.

Id-dimensjoni territorjali

Is-Sitt Rapport ta’ Koeżjoni ma jużax l-opportunità li jispjega l-problemi u l-potenzjali b’mod partikolari tal-kooperazzjoni transkonfinali, li huma biss deskritti fil-qosor; ir-riżultati tagħha mhumiex ippreżentati. Barra minn hekk, bi ftit eċċezzjonijiet, l-aspetti kwalitattivi huma nieqsa għalkollox, għalkemm it-test joffri biżżejjed possibilitajiet biex jiġu kkunsidrati (ara l-kaxxi speċifiċi dwar temi/oqsma waħdiena bħal bliet, reġjuni marittimi u reġjuni ultraperiferiċi). Barra minn hekk, mill-perspettiva tematika u kwalitattiva, l-inklużjoni ta’ aspetti transkonfinali kien ikollha l-effett li tarrikkixxi l-kontenut ta’ diversi kapitoli, bħal pereżempju l-infrastruttura, is-suq tax-xogħol u l-mobilità, l-ambjent, l-użu u r-rimi tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart, il-kura tas-saħħa, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-turiżmu, is-servizzi pubbliċi u l-governanza. Dawn l-oqsma kollha jinkludu elementi u potenzjal transkonfinali notevoli. Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea tista' tagħti kontribut importanti għall-integrazzjoni Ewropea.

Dawn il-konsiderazzjonijiet huma marbuta, fl-aħħar iżda mhux l-inqas, mal-kwistjonijiet li jirrigwardaw il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u l-istrument tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali. L-element tal-kooperazzjoni transkonfinali tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, b’mod partikolari, jinfluenza l-koeżjoni ta' reġjuni transkonfinali. Ir-rapporteur għalhekk jipproponi li r-Rapport ta’ Koeżjoni fil-futur għandu jinkludi valutazzjoni tal-koeżjoni tar-reġjuni transkonfinali tal-Ewropa, inkluża analiżi tal-problemi ewlenin tagħhom, kif ukoll valutazzjoni tal-impatt ta’ Programmi Operazzjonali ta’ kooperazzjoni transkonfinali. Dan l-istrument għandu jingħata aktar attenzjoni mhux l-inqas għax jippromovi l-kooperazzjoni u jaqsam l-esperjenza bejn l-awtoritajiet fl-Istati Membri u huwa orjentat lejn sistema amministrattiva li hija msejsa dejjem aktar fuq valuri u metodi ta’ tħaddim kondiviżi. F’dan il-kuntest, għandha titqies ukoll id-dimensjoni esterna tal-politika ta’ koeżjoni.

Il-politika ta’ koeżjoni fil-perspettiva fit-tul

Ir-rapporteur jixtieq jagħti attenzjoni speċjali lill-futur tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2020. Bl-għarfien tal-fatt li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 għadha kemm bdiet, u l-politika diġà qed tesperjenza problemi minħabba l-adozzjoni tard tal-programmi, jeħtieġ li jkun hemm enfasi fuq l-implimentazzjoni xierqa tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020. Madankollu, wieħed ma jridx jinsa l-fatt li fis-sena 2019 ħafna kwistjonijiet importanti se jkollhom jiġu trattati fl-istess ħin — il-Parlament u l-Kummissjoni ġodda ta' dak iż-żmien se jkollhom jindirizzaw it-tmiem tal-Istrateġija Ewropa 2020, QFP ġdid, it-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni ġdida għall-politika ta’ koeżjoni wara l-2020, fost l-oħrajn. Minħabba l-limitazzjonijiet ta’ żmien serji, ir-rapporteur iħeġġeġ li minn issa naħsbu dwar il-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, sabiex il-komunitajiet u ċ-ċittadini jitpoġġew fil-qalba tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2020, biex jiġi realizzat il-benessri komuni tagħhom, abbażi tal-benessri tal-individwu.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (16.4.2015)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar l-investiment għall-impjiegi u t-tkabbir: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni

(2014/2245(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jean-Paul Denanot

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-fatt li matul is-snin reċenti l-politika ta' koeżjoni wriet il-kapaċità tagħha li ttaffi l-impatt negattiv tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq il-livelli ta' investiment pubbliku fl-Istati Membri, fost l-oħrajn billi naqqset ir-rekwiżiti ta' kofinanzjament nazzjonali u billi użat parti sinifikanti tal-fondi ta' koeżjoni għal miżuri b'effett dirett immedjat fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; jissottolinja l-kontribuzzjoni pożittiva ta' politiki u strumenti oħra lil hinn mill-qasam tal-koeżjoni sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020; jinsab kunfidenti li, minħabba s-soltu dewmien bejn l-azzjoni u l-impatt, u minħabba l-fatt li l-fondi mill-perjodu 2007-2013 jistgħu jkomplu jintużaw sal-aħħar tal-2016, dawn l-effetti pożittivi se jkomplu jikbru sa matul is-snin li ġejjin;

2.  Jenfasizza l-importanza tal-pjan ta' investiment ippreżentat mill-Kummissjoni minħabba li dan huwa l-ewwel pass biex jiġi bilanċjat il-volum insuffiċjenti tal-investiment pubbliku u privat fl-Unjoni, li joħloq riskju serju għall-kisba tal-miri stabbiliti mill-istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza li t-tnaqqis fl-investimenti ta' wara l-kriżi ekonomika kien partikolarment qawwi fl-inqas reġjuni sinjuri; ifakkar, madankollu, li l-pjan ta' Juncker jirrappreżenta biss EUR 315 biljun f'investimenti potenzjali fuq medda ta' tliet snin, filwaqt li skont il-Kummissjoni, l-Unjoni Ewropea għandha diskrepanza fl-investiment ta' mill-inqas EUR 300 biljun fis-sena; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li jerġa' jingħata aktar marġni għall-manuvra għall-investiment fil-baġit tal-UE u fil-baġits tal-Istati Membri; jenfasizza, li proġetti garantiti mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) għandhom jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-UE, jikkonformaw mal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni kif definiti fl-Artikolu 174 TFUE u jirrispettaw il-prinċipji ta' addizzjonalità, vijabbiltà ekonomika u ġestjoni finanzjarja tajba; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri f'forma ta' miżuri ta' darba għall-FEIS biex jappoġġjaw pjattaformi ta' investiment iddedikati u banek promozzjonali nazzjonali u li jibbenefikaw mill-garanzija tal-UE huma koperti minn firxa sħiħa ta' regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

3.  Jirrimarka li, minkejja l-kriżi u l-fatt li l-finanzi lokali kienu taħt pressjoni kbira, l-awtoritajiet lokali u reġjonali kellhom ikomplu jissodisfaw it-talbiet taċ-ċittadini għal servizzi pubbliċi aktar aċċessibbli u ta' kwalità ogħla;

4.  Jenfasizza l-importanza għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa biex jiġi żgurat li l-produzzjoni industrijali tirrappreżenta sehem ta' mill-inqas 20 % tal-PGD tal-Istati Membri sal-2020; ifakkar għalhekk dwar l-importanza kbira tal-appoġġ proattiv u t-tisħiħ tal-prinċipji tal-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-affidabbiltà regolatorja sabiex jiġu promossi l-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa;

5.  Ifakkar li l-kwistjoni ta' pagamenti pendenti fuq bażi persistenti tikkonċerna l-politika ta' koeżjoni, aktar minn kull qasam ta' politika tal-UE oħra, b'EUR 24,8 biljun ta' kontijiet mhux imħallsa fi tmiem l-2014 għall-programmi 2007-2013 tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), jiġifieri żieda ta' 5.6 % meta mqabbel mal-2013; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tuża l-mezzi kollha disponibbli biex tkopri dawn il-kontijiet pendenti; jissottolinja li din is-sitwazzjoni tolqot l-ewwel u qabel kollox l-iżgħar u l-aktar benefiċjarji vulnerabbli tal-politika ta' koeżjoni, bħall-SMEs, l-NGOs u assoċjazzjonijiet, billi l-kapaċità tagħhom għan-nefqa ta' prefinanzjament hija limitata;

6.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament waslu għal qbil biex jitnaqqas il-livell ta' kontijiet mhux imħallsa, partikolarment fil-politika ta' koeżjoni, fi tmiem is-sena għal-livell strutturali matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), kif stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta li takkumpanja l-ftehim baġitarju tal-2015, u jieħu nota tal-"Elementi għal pjan ta' pagament sabiex il-baġit tal-UE jirritorna lura għal triq sostenibbli" tal-Kummissjoni, li waslet fit-23 ta' Marzu 2015; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenn tagħha li tressaq pjan ta' pagament kemm jista' jkun malajr, u f'kull każ qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz tal-baġit għall-2016; barra minn hekk, ifakkar lill-istituzzjonijiet kollha bl-impenn tagħhom biex jaqblu fuq u jimplimentaw tali pjan mill-2015 u sar-reviżjoni ta' nofs it-term tal-QFP attwali;

7.  Jinsab imħasseb dwar id-dewmien serju fil-bidu tal-2015 fil-proċess ta' programmazzjoni għall-perjodu tal-2014-2020 f'dan il-qasam; jissottolinja l-fatt li r-reviżjoni proposta tal-limiti massimi tal-QFP(1) li tittrasferixxi EUR 11,2 biljun f'impenji għall-intestatura subtotal 1b skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament QFP u r-riport(2) ta' EUR 8.5 biljun f'impenji skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju mill-2014 sal-2015 tevita li dawn l-approprjazzjonijiet jiġu kkanċellati fl-intestatura 1b, iżda ma tindirizzax ġenwinament il-problema sottostanti tad-dewmien fl-ipprogrammazzjoni u lanqas ma tbiddel il-fatt li dewmien serju fl-implimentazzjonu morożità sistematika fil-pagament tardiv jistgħu joħolqu sfidi sinifikanti lill-benefiċjarji finali;

8.  Jilqa' l-użu estiż tal-istrumenti finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni, bħal self u garanziji, biex jappoġġaw u jimmobbilizzaw l-investiment, joħolqu impjiegi ġodda, sabiex irawmu t-tkabbir sostenibbli fil-livell tal-Unjoni u jżiedu l-effiċjenza fil-finanzjament pubbliku; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jagħmlu użu sħiħ minn dawn l-opportunitajiet addizzjonali ta' finanzjament, bħall-possibbiltà li jintużaw garanziji taħt l-Inizjattiva l-ġdida tal-SMEs biex jiġu koperti proġetti ta' riskju ogħla; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-iskrutinju ta' strumenti finanzjarji bħal dawn;

9.  Jikkonstata l-konċentrazzjoni tematika aktar b'saħħitha ta' riżorsi fuq għadd limitat ta' prijoritajiet bil-potenzjal li toħloq tkabbir u impjiegi, tindirizza t-tibdil fil-klima u d-dipendenza enerġetika, u tnaqqas l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll enfasi akbar fuq ir-riżultati u l-kejl fil-programmi 2014-2020, li għandhom jikkontribwixxu biex tiżdied aktar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni; jissottolinja, madankollu, il-ħtieġa li jkun applikat dan il-prinċipju ta' flessibbiltà, b'rispett sħiħ għall-ispeċifiċitajiet territorjali, ekonomiċi u soċjali, sabiex jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni differenti tal-Unjoni;

10. Jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali, b'mod partikolari enfasi fuq it-tkabbir ekonomiku min-naħa waħda u l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli min-naħa l-oħra, jistgħu jiġu bbilanċjati aħjar f'xi Stati Membri, bl-appoġġ ta' djalogu sinifikanti mas-sħab u l-partijiet interessati; jenfasizza li strateġija ċara għat-titjib tal-qafas istituzzjonali tal-Istati Membri f'termini tal-kapaċità amministrattiva u l-kwalità tal-ġustizzja hija fattur ewlieni determinanti għas-suċċess tal-kisba ta' dawn il-prijoritajiet;

11. Jilqa' l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI – Youth Employment Initiative), maħsuba biex tipprovdi finanzjament dedikat biex tgħin fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni akbar lill-implimentazzjoni ta' proġetti mmirati lejn it-tnaqqis tal-qgħad f'dan il-grupp ta' età f'reġjuni b'livelli partikolarment għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-impenn tagħha għal monitoraġġ kontinwu permezz ta' rapporti annwali u evalwazzjonijiet li jivvalutaw l-effikaċja, l-effiċjenza u l-impatt tal-appoġġ konġunt mill-FSE u l-allokazzjoni speċifika għall-YEI, inkluż għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (l-Artikolu 19 tar-Regolament FSE u l-Anness II tiegħu, l-Artikoli 47-59 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni);

12. Jitlob, fir-rigward ta' miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-FEIS ma' governanza ekonomika soda, li l-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet bażiċi differenti f'kull Stat Membru u l-gradi differenti ta' sforz meħtieġ biex jissodisfa l-prekondizzjonijiet u li tieħu ħsieb, b'mod partikolari, li dawn la jiżvantaġġaw lil dawk ir-reġjuni li l-aktar għandhom bżonn u lanqas jikkastigaw ċerti awtoritajiet lokali u reġjonali għal sfidi speċifiċi li wieħed jiltaqa' magħhom fil-livell nazzjonali;

13. Itenni l-konvinzjoni ferma tiegħu li reviżjoni ta' nofs it-term ġenwina tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 dwar il-QFP li għandha tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016, se tkun opportunità ideali biex ikun żgurat li dan jirrifletti b'mod preċiż il-prijoritajiet tal-Unjoni, b'mod partikolari jindirizza l-konsegwenzi baġitarji ta' dewmien fl-implimentazzjoni tal-fondi strutturali, il-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, il-finanzjament tal-FEIS u proposti ġodda dwar ir-riżorsi tal-Unjoni, u tindirizza l-ħtiġijiet l-aktar urġenti fl-Istati Membri u r-reġjuni fis-snin li jifdal tal-QFP, kif ukoll il-problema persistenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament insuffiċjenti u li ħarġu lejn tmiem il-QFP u l-impatt possibbli tad-dewmien tal-implimentazzjoni tal-programmi operattivi fuq il-pagamenti fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni;

14. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura governanza tajba u jenfasizza li se jinżammu ambizzjonijiet għolja biex l-infiq tal-politika ta' koeżjoni jkun inqas suxxettibbli għall-użu frodulenti u biex il-miżuri kontra l-frodi jiġu applikati b'mod strett.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.4.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

4

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Siegfried Mureșan, Younous Omarjee, Pina Picierno, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Marco Valli, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bernd Kölmel, Andrey Novakov, Ivan Štefanec, Nils Torvalds, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

(1)

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020, COM(2015) 15 final, 21.1.2015.

(2)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riport mhux awtomatiku mill-2014 sal-2015 u l-approprjazzjonijiet ta' impenji li għandhom isiru disponibbli fl-2015, C(2015) 827 finali, 11.2.2015.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (20.4.2015)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar l-investiment għall-impjiegi u t-tkabbir: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni

(2014/2245(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Danuta Jazłowiecka

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi, f’ċerti Stati Membri, il-kriżi finanzjarja ħalliet impatt fuq il-politika ta’ koeżjoni u wasslet biex saħansitra jkun hemm rati ogħla ta’ qgħad, żieda fil-faqar, fl-esklużjoni soċjali kif ukoll kibru d-diverġenzi bejn ir-reġjuni tal-Unjoni;

B.  billi l-aħħar ċifri għall-2013 juru qgħad fit-tul fl-Unjoni f’livell storikament għoli ta’ 5.1 % tal-forza tax-xogħol; billi l-qgħad fit-tul għandu konsegwenzi kruċjali għall-individwi tul ħajjithom u jista’ jsir strutturali, b’mod partikolari fir-reġjuni periferiċi;

C. billi dan l-aħħar kien hemm tnaqqis ta’ 15 % fl-investiment pubbliku fl-Unjoni f’termini reali, u billi ħafna reġjuni, b’mod speċjali dawk li qed jiffaċċjaw sfidi demografiċi, ma setgħux jikkontribwixxu b’mod adegwat għall-miri tal-Ewropa 2020, speċjalment għall-mira ewlenija ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75 % sal-2020, il-mira ta' tnaqqis tal-faqar b’20 miljun persuna kif ukoll il-mira biex jiġi limitat it-tluq bikri mill-iskola;

D. billi r-reġjuni li jsofru minn żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u permanenti normalment ikollhom rati ogħla ta’ qgħad, inqas tkabbir ekonomiku u nuqqas ta’ investiment sinifikanti li jwasslu għal diverġenza strutturali fl-Unjoni; billi f’dawn ir-reġjuni r-rati tal-impjieg huma, bħala medja, madwar 10 punti perċentwali taħt il-mira nazzjonali meta mqabbla ma’ reġjuni aktar żviluppati li jkollhom biss 3 punti perċentwali inqas;

E.  E. billi l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) għadhom xorta waħda wieħed mill-istrumenti ta’ investiment ewlenin tal-Unjoni, bil-potenzjal li jitnaqqsu d-differenzi u l-iżbilanċi strutturali bejn ir-reġjuni, ittaffu t-tendenzi negattivi li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika u joħolqu impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli, kif ukoll tkabbir sostenibbli, speċjalment fir-reġjuni li l-aktar għandhom bżonnha, jekk jintużaw b’mod effiċjenti; billi l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) huwa l-istrument ewlieni għall-investiment fil-kapital uman, li jippromovi l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u jiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

F.  billi l-iżbilanċi soċjoekonomiċi bejn l-Istati Membri komplew jintensifikaw, filwaqt li hi bil-kontra fir-rigward tal-għan ta’ konverġenza reġjonali; billi d-differenza bejn iċ-ċentru u l-periferija fir-rigward tal-qgħad żdiedet minn 3,5 % fl-2000 għal 10 % fl-2013; billi din id-diverġenza żżid ir-riskju ta’ frammentazzjoni u thedded l-istabbiltà ekonomika u l-koeżjoni soċjali tal-UE; billi s-Sitt Rapport dwar il-Koeżjoni jenfasizza r-rwol li għandhom l-FSIE sabiex tingħeleb l-inugwaljanza, speċjalment matul il-kriżi;

1.  Iqis li hu ta’ dispjaċir li l-potenzjal tal-ħolqien ta’ impjiegi tal-fondi tal-Unjoni għadu insuffiċjenti, u jinnota li dan għandu jkompli jissaħħaħ permezz ta’ tfassil ta' politika u ta' implimentazzjoni aktar effiċjenti u orjentati lejn ir-riżultati; jesprimi f’dan ir-rigward it-tħassib tiegħu dwar id-dewmien fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-proċess; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għall-benefiċjarji kollha, speċjalment l-SMEs, li riċentement iġġeneraw 80 % tal-impjiegi ġodda fl-Unjoni;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu politiki maħsuba apposta biex jappoġġjaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għall-persuni li ilhom qiegħda, għall-persuni akbar fl-età li huma qiegħda, għan-nisa u gruppi prijoritarji oħra li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi;

3.  Iqis li huwa ta’ dispjaċir li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadha għolja wisq, speċjalment f’dawk l-Istati Membri li nlatqtu l-aktar ħażin mill-kriżi ekonomika; jistieden lill-Istati Membri biex minnufih jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-flus disponibbli taħt l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, b’mod partikolari il-EUR 1 biljun f’finanzjament minn qabel — ladarba dan l-ammont ikun ġie rilaxxat — sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjieg għaż-żgħażagħ; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-fondi disponibbli tal-Unjoni biex jikkomplementaw u jtejbu programmi nazzjonali mmirati sabiex jippromovu l-kompetittività reġjonali, l-impjiegi u t-trawwim ta’ spirtu intraprenditorjali, partikolarment fost iż-żgħażagħ; jitlob ukoll, f’dan ir-rigward, lill-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja biex jagħmlu sforz akbar ħalli jadattaw il-programmi tagħhom għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tas-soċjetà b’mod ġenerali, u biex jiżviluppaw programmi ta’ gwida individwali u konsulenza li jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fuq skala kbira;

4.  Jirrimarka li n-numru ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni fl-UE għadu għoli ħafna u qiegħed jaffettwa r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; Jenfasizza li din il-problema jeħtieġ li tiġi ttrattata billi jkunu modernizzati s-sistemi edukattivi u l-kurrikula, bl-użu tal-assistenza tal-FSE;

5.  Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni tas-sessi fil-ħolqien ta’ impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni biex talloka biżżejjed fondi ħalli jiġi indirizzat il-qgħad fost in-nisa; huwa tal-fehma li n-nisa jistgħu jibbenefikaw minn avvanzi teknoloġiċi li jippermettulhom flessibbiltà akbar fil-ħinijiet tax-xogħol, u jistieden lill-Kummissjoni tinvesti f’dan il-qasam;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-gruppi ta’ minoranza fl-Unjoni kollha, peress li huma soġġetti għal kull forma ta’ esklużjoni soċjali u għalhekk għandhom aktar probabbiltà li jbatu minn qgħad strutturali; iqis li kwalunkwe ppjanar ta' politika favur il-koeżjoni soċjali fl-Unjoni għandha tqis l-integrazzjoni tal-minoranzi;

7.  Jenfasizza li, minħabba bidliet fix-xejriet tal-produzzjoni u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, żdied b’mod sinifikanti r-rwol tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-investimenti fl-adattament tal-ħiliet tal-ħaddiema; jemmen bil-qawwa li, f’dan ir-rigward, il-FSE għandu jkun komplementari għal approċċi nazzjonali fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li r-riżorsi disponibbli jintużaw bl-aktar mod effikaċi u effiċjenti possibbli bil-ħsieb li tiġi żgurata l-impjegabbiltà tal-ħaddiema, l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza, fl-istess ħin, li l-programmi ta’ taħriġ iffinanzjati taħt l-FSE għandhom ukoll jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta’ imprendituri u persunal f’livell maniġerjali, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli ta’ kumpaniji, speċjalment SMEs, li jiġġeneraw il-maġġoranza ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi fl-Unjoni;

8.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu jaħdmu, partikolarment, biex itejbu u jestendu l-pjattaforma EURES bħala għodda effikaċi li tiffaċilita l-mobbiltà tal-ħaddiema fl-Ewropa, b’mod partikolari l-mobbiltà transkonfinali, billi jtejbu l-għarfien tal-ħaddiema dwar is-suq tax-xogħol Ewropew, jinfurmawhom dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol u jgħinhom fil-formalitajiet; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw u jappoġġjaw netwerks tal-EURES, mhux l-inqas minħabba l-fatt li ħaddiema transkonfinali huma l-ewwel li jintlaqtu minn problemi ta’ addattament u minn diffikultajiet fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali; jinnota li billi jġibu flimkien is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll partijiet interessati privati oħra, dawn in-netwerks jiffaċilitaw u jappoġġjaw il-mobbiltà transkonfinali;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità jiġi indirizzat bl-għajnuna ta’ teknoloġiji ġodda; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha torbot it-tnaqqis tal-qgħad mal-għodod tal-Aġenda Diġitali u Orizzont 2020;

10. Jenfasizza li l-Unjoni għandha tinvesti f’negozji u tappoġġja l-ħolqien ta’ negozji b’enfasi partikolari fuq l-SMEs u l-mikrointrapriżi, li jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-Unjoni u li riċentement iġġeneraw 80 % tal-impjiegi l-ġodda, billi jiġi tiffaċilita l-aċċess għall-finanzi, tnaqqas il-piżijiet burokratiċi, tissimplifika l-leġiżlazzjoni fil-qafas tal-programm REFIT, u tipprovdi ambjent ospitabbli u l-qafas regolatorju t-tajjeb, anke għal negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu; jenfasizza li dawn il-miżuri ma għandhomx iwasslu biex idgħajfu d-drittijiet soċjali u tax-xogħol fl-UE; jilqa’, għalhekk, l-intenzjoni li jiġi stabbilit, bħala għodda kumplimentari għall-Politika ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew ġdid għal Investimenti Strateġiċi, li għandu l-potenzjal li jiġġenera 1.3 miljun impjieg addizzjonali fi żmien tliet snin;

11. Jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni għandha tintuża biex tiġġenera tkabbir intelliġenti u sostenibbli f'dawk ir-reġjuni li jeħtiġuha l-aktar billi tappoġġja l-bidu u l-iżvilupp ta’ intrapriżi mikro, żgħar u medji permezz ta’ firxa ta’ miżuri u strumenti finanzjarji;

12. Jistieden lill-Istati Membri, bi ħsieb li tintlaħaq konverġenza soċjoekonomika, jiżguraw li r-reġjuni periferiċi u żgħar ukoll ikollhom il-kapaċità meħtieġa, bħalma huma riżorsi umani, biex jassorbu l-fondi disponibbli;

13. Jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tal-effetti negattivi li t-tixjiħ tal-popolazzjoni u sfidi demografiċi oħra qed ikollhom fuq is-swieq tax-xogħol, jiżviluppaw proġetti li jindirizzaw it-tnaqqis fil-popolazzjoni u jappoġġjaw il-mobbiltà;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkunu indirizzati investimenti lejn reġjuni aktar dgħajfa ekonomikament li għandhom livell għoli ta’ qgħad, u lejn SMEs f’tali reġjuni, peress li dawn għandhom aċċess limitat għall-finanzjament, sabiex tiżgura li dawn l-isforzi jkollhom impatt sinifikanti fejn huma l-aktar meħtieġa, b’għażliet magħmula bl-attenzjoni dovuta għall-karatteristiċi ekonomiċi tal-investimenti; jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni dwar il-fatt li hemm bżonn ta' ħaddiema bl-aqwa ħiliet f'setturi li qegħdin jikbru bħall-ekonomija diġitali, is-setturi ekoloġiċi u l-kura tas-saħħa;

15. Ifakkar li l-allinjament tal-pagi mal-produttività huwa importanti, mhux biss għall-koeżjoni soċjali, iżda wkoll biex tinżamm ekonomija b’saħħitha u forza tax-xogħol produttiva;

16. Jenfasizza r-rwol tal-koeżjoni territorjali u f’dan ir-rigward jenfasizza l-importanza ta’ investimenti f'infrastruttura transkonfinali, bħall-ilma navigabbli interni, b'rikonoxximent tar-rwol tagħhom fit-trawwim ta’ żvilupp soċjoekonomiku tar-reġjuni;

17. Iqis li l-miżuri tal-politika ta’ koeżjoni għandhom rwol essenzjali x’jaqdu fit-tnaqqis tad-disparitajiet kompetittivi interni u l-iżbilanċi strutturali fir-reġjuni li jeħtiġuha l-aktar; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra prefinanzjament sabiex jiġi ffaċilitat l-użu sħiħ tal-fondi mill-Istati Membri kkonċernati fil-perjodu 2014-2020, filwaqt li dejjem jiġi żgurat li l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-baġit ikun rikonoxxut;

18. Iqis li d-dixxiplina baġitarja hija ta’ importanza fundamentali biex jinkiseb it-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi intelliġenti u sostenibbli; jitlob biex terġa' tingħata attenzjoni fuq infiq aħjar u l-ġlieda kontra l-frodi;

19. Jenfasizza li l-politiki tat-tkabbir u l-impjiegi għandhom impatti territorjali differenzjati, skont is-sitwazzjoni speċifika f’kull reġjun, u li d-disparitajiet reġjonali ilhom jikbru sa mill-bidu tal-kriżi; jenfasizza li r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż għandhom iqisu d-differenzi territorjali fi ħdan l-Istati Membri sabiex jiġu stimolati t-tkabbir u l-impjiegi filwaqt li tiġi ppreservata l-koeżjoni territorjali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.4.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

13

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Danuta Jazłowiecka, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Georgi Pirinski, Marek Plura, Terry Reintke, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Ulrike Trebesius, Ulla Tørnæs, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Amjad Bashir, Elmar Brok, Tania González Peñas, Eva Kaili, Neoklis Sylikiotis, Ivo Vajgl

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Grapini, Ivan Jakovčić


OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (25.3.2015)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar l-investiment għall-impjiegi u t-tkabbir: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni

(2014/2245(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Neoklis Sylikiotis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-kriżi ekonomika kkontestat il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE, u b’hekk ħolqot aktar differenzi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni; ifakkar li mill-bidu tal-kriżi 'l hawn, fl-UE ntilfu 'l fuq minn 3.8 miljun impjieg fil-manifattura(1); jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rinfurzata l-politika ta’ koeżjoni tal-UE b’dikjarazzjoni ċara tal-prijoritajiet, filwaqt li jiġi enfasizzat l-bżonn li jitnaqqsu l-inugwaljanzi reġjonali u jinkisbu l-għanijiet tat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE kollha;

2.  Jissottolinja l-fatt li huma meħtieġa sforzi sostanzjali biex l-UE terġa’ lura fit-triq biex tilħaq il-mira ta’ 20 % ta’ rindustrijalizzazzjoni sal-2020; jitlob it-tisħiħ u t-tiġdid tal-istruttura industrijali fl-Unjoni sabiex tingħata spinta lill-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi; jenfasizza li sabiex dawn jinkisbu, jeħtieġ li jsiru investimenti fl-infrastruttura diġitali, tal-enerġija u tat-trasport kif ukoll f’perspettiva iżjed fit-tul, iżda mhux inqas urġenti, fl-edukazzjoni, ir-riċerka u ż-żieda fil-ħiliet tal-ħaddiema.

3.  Jirrikonoxxi li l-investimenti tal-politika ta’ koeżjoni għenu biex jimmitigaw l-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u saru parti sinifikanti mill-baġit tal-investiment f’ċerti pajjiżi Ewropej; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tidderieġi mill-ġdid l-investiment tal-politika ta’ koeżjoni lejn l-oqsma li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi;

4.  Jissottolinja li t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jinkludi l-għan tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà fost l-Istati Membri (l-Artikolu 3 TUE).

5.  Jenfasizza li l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020 għandhom jitqiesu bis-sħiħ fil-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza li l-investimenti tal-politika ta’ koeżjoni għandhom ikunu mmirati lejn it-tkabbir, iż-żieda tal-innovazzjoni, l-SMEs, l-ekonomija diġitali u bijoekonomija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju; jissottolinja l-fatt li b’mod partikolari l-investimenti f’dawn is-setturi għandhom il-potenzjal mhux biss li jassiguraw l-impjiegi eżistenti iżda li jwasslu għall-ħolqien ta’ tkabbir u iżjed impjiegi;

6.  Jissottolinja r-rwol ewlieni li s-settur industrijali, u l-manifattura b'mod partikolari, għandhom fl-ekonomija Ewropea, peress li minnu joriġinaw 80 % tal-esportazzjonijiet u 80 % tan-nefqa fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp. jinnota li huwa stmat li nħolqu 594 000 impjieg ġdid bejn l-2007 u l-2012 permezz tal-politika reġjonali tal-UE waħedha(2);

7.  Jirrakkomanda li l-politika ta’ koeżjoni għandha tiġi mmodernizzata; jirrakkomanda rwol ċentrali fil-politika ta’ koeżjoni għat-tiġdid tal-industrija u l-istrutturi u l-appoġġ għall-innovazzjoni sabiex jiżdiedu l-impjiegi fl-Unjoni kollha;

8.  Jenfasizza l-importanza li jiġi ssimplifikati l-ġestjoni u l-proċeduri għall-programmi tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza li l-piż amministrattiv ikkawżat minn proċeduri ta’ ġestjoni u monitoraġġ differenti jrid ikun raġonevoli meta mqabbel mal-ammont ta’ finanzjament miksub mill-programmi tal-politika ta’ koeżjoni;

9.  Jissottolinja li l-SMEs jikkostitwixxu 99 % tan-nisġa korporattiva tal-UE u jammontaw għal 80 % tal-impjiegi fl-Unjoni;

10. Iqis li hemm bżonn aktar sforzi biex jissaħħaħ is-settur industrijali f’diversi Stati Membri, jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-investiment u l-kreditu għall-manifatturi, u jiġi indirizzat l-qgħad; jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ ibbażat fuq is-saħħiet speċifiċi tar-reġjuni sabiex jinkiseb it-tkabbir ekonomiku;

11. Iqis li l-proġetti u l-investimenti ġodda kollha taħt il-Politika ta’ koeżjoni huma mmirati lejn riżultati u impatt massimi, u jirrispetta l-qafas ġdid ta’ prestazzjoni maħsub biex jagħti spinta lit-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. jenfasizza wkoll li l-proġetti u l-investimenti promossi minn fondi tal-UE għandu jkollhom l-għan li joħolqu impjiegi ġodda; jenfasizza, għalhekk, li l-Istati Membri għandhom jimmiraw għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli filwaqt li jimplimentaw il-programmi operattivi tagħhom għall-perjodu ta’ finanzjament attwali, sabiex jieħdu miżuri kontra qgħad għoli fost iż-żgħażagħ u jippermettu lir-reġjuni li jiżviluppaw ekonomiji b’saħħithom u sostenibbli; ifakkar li l-investimenti u l-proġetti għandhom iqisu l-protezzjoni ambjentali, b’mod partikolari sabiex jippromwovu s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll miżuri ta’ effiċjenza tal-enerġija; ifakkar li s-suq globali għal prodotti u s-servizzi ekoloġiċi huwa previst li kważi jirdoppja sal-2020 u jkun madwar EUR 2 triljuni fis-sena;

12. Jilqa’ l-proposta dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u jqis li hija għodda importanti biex tikkomplimenta l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u ttejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-kreditu billi toħloq u tiżviluppa sorsi alternattivi ta’ finanzjament għal self mill-banek, inkluż permezz ta’ titjib fl-offerti inizjali għall-pubbliku.

13. Jitlob li l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tiġi implimentata malajr u jsir użu minnha sabiex tappoġġja l-ħidma mmexxija mill-industrija fl-iżvilupp tas-swieq tal-allokazzjonijiet privati Ewropej u fl-appoġġ tal-użu ta’ fondi ta’ investiment fit-tul; jemmen li Unjoni tas-Swieq Kapitali li tirnexxi ser tnaqqas il-frammentazzjoni fis-swieq finanzjarji tal-UE, biex b’hekk tgħin tnaqqas l-ispejjeż għall-finanzjament;

14. Jenfasizza li l-investimenti għandhom jiffukaw fuq oqsma li huma kapaċi jipproduċu effetti multiplikaturi fuq l-impjiegi u t-tkabbir, bħall-innovazzjoni jew l-edukazzjoni;

15. Jenfasizza l-importanza tal-finanzjament reġjonali għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, li jaġixxu bħala magna reġjonali għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir intelliġenti, u ċ-ċaqliq lejn ekonomiji diġitali u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju;

16. Jissottolinja l-importanza tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u li jintlaħqu l-għanijiet tal-2020 u l-2030 għat-tnaqqis tas-CO2, l-effiċjenza enerġetika u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

17. Jinnota li r-rappurtar dwar proġetti ffinanzjati mill-fondi tal-UE huwa ġeneralment iffukat fuq l-infiq innifsu u fuq il-konformità ma’ regoli amministrattivi u mhux fuq il-kisba ta’ riżultati tanġibbli, u b'hekk dan jirriżulta f’nuqqas ta’ għarfien dwar l-effettività tas-sussidji tal-UE; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tal-ġbir ta’ tagħrif b’mod sistematiku dwar l-impatt tal-fondi tal-UE sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-miżuri li jkunu l-aktar effettivi biex jitrawwem l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni tal-UE;

18. Jitlob li jkun hemm aktar investiment pubbliku kkoordinat mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jitlob ukoll li jkun hemm ambjent ekonomiku u regolatorju aktar stabbli fl-UE sabiex ikun aktar attraenti għall-investiment privat, peress li mingħajr dan se jkun impossibbli li tintlaħaq il-mira li tiżdied il-kontribuzzjoni tal-industrija għall-PDG għal xejn inqas minn 20 % sal-2020; jenfasizza l-importanza li l-investimenti tal-UE jkunu kkonċentrati fuq setturi innovattivi u prijoritajiet tematiċi, bħar-riċerka u l-innovazzjoni, l-appoġġ għall-SMEs u l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-investimenti fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi; jappoġġja bis-sħiħ l-approċċ lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni li għandu l-għan li jnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni fi ħdan l-Unjoni billi jippermetti reġjuni anqas avvanzati li jadottaw, itejbu u jadattaw soluzzjonijiet innovattivi żviluppati f’reġjuni ewlenin; jitlob ukoll kjarifika ulterjuri u l-implimentazzjoni rapida tal-kunċett ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, li għandu l-potenzjal li jagħti spinta lit-tkabbir sostenibbli tar-reġjuni tal-UE;

19. Jitlob li jkun hemm strateġija industrijali inklużiva li tqis dawk iż-żoni milquta mill-proċessi ta' depopolazzjoni u ta' tixjiħ; iqis li l-għanijiet aħħarija tagħha għandhom ikunu l-indirizzar tal-qgħad, l-iżgurar tal-kompetizzjoni, l-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi;

20. Jenfasizza, li sabiex ikunu jistgħu jitwettqu attivitajiet ta’ riċerka innovattiva u produttiva huwa meħtieġ li jkompli jiżdied il-finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp; jitlob, għalhekk, allinjament aħjar tal-miżuri ta’ finanzjament eżistenti, jiġifieri l-finanzjament tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u tal-Orizzont 2020 kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

21. Jistieden lill-Istati Membri jaċċeleraw il-programm ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, minħabba li l-kriżi żammet lura numru sproporzjonat ta’ żgħażagħ fil-bidu tal-karrieri tagħhom milli jsibu impjieg, u minħabba li l-qgħad fost iż-żgħażagħ laħaq livelli allarmanti f’nofs ir-reġjuni;

22. Jitlob, sabiex titjieb il-qagħda tal-impjiegi, li ssir kunsiderazzjoni xierqa tal-ħtiġijiet tal-SMEs meta jitfasslu l-liġijiet u r-regolamenti, kif ukoll aċċess iktar faċli għall-kreditu għall-kumpaniji li joħolqu l-impjiegi, irrispettivament mid-daqs tal-kumpanija.

23. Jitlob, sabiex titjieb il-qagħda tal-innovazzjoni, l-iskambju tal-għarfien u tal-ideat u l-kompetittività u l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-kumpaniji Ewropej, għall-ikkompletar tas-suq intern diġitali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

7

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Bendt Bendtsen, Reinhard Bütikofer, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, Juan Carlos Girauta Vidal, Theresa Griffin, Marek Józef Gróbarczyk, András Gyürk, Roger Helmer, Dawid Bohdan Jackiewicz, Eva Kaili, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Janusz Lewandowski, Ernest Maragall, Edouard Martin, Nadine Morano, Dan Nica, Angelika Niebler, Miroslav Poche, Miloslav Ransdorf, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Neoklis Sylikiotis, Dario Tamburrano, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Miguel Urbán Crespo, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Henna Virkkunen, Martina Werner, Hermann Winkler, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pervenche Berès, Simona Bonafè, Cornelia Ernst, Yannick Jadot, Werner Langen, Morten Messerschmidt, Clare Moody, Dominique Riquet, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Anne Sander, Maria Spyraki, Paul Tang, Pavel Telička, Anneleen Van Bossuyt, Cora van Nieuwenhuizen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Ignazio Corrao, Antanas Guoga

(1)

Industrial Scoreboard 2013, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD(2013)0346, 20 ta’ Settembru 2013), p.6.

(2)

"Making Europe’s regions and cities more competitive, fostering growth and creating jobs". http://europa.eu/pol/pdf/flipbook/en/regional_policy_en.pdf - p. 6


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (26.3.2015)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar investiment għall-impjiegi u t-tkabbir: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni

(2014/2245(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Silvia Costa

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li sabiex tikkontribwixxi b'mod effiċjenti għall-ġlieda kontra l-livelli għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, il-politika ta' koeżjoni tal-UE teħtieġ tkun f'konformità sħiħa mal-istrateġija Ewropa 2020, u b'mod partikolari mal-miri ewlenin għall-edukazzjoni, jiġifieri t-tnaqqis tar-rati tat-tluq bikri mill-iskola għal anqas minn 10 % u t-tiżjid għal tal-anqas 40 % tal-kwota ta' żgħażagħ bi grad akkademiku fl-edukazzjoni għolja, diploma jew kwalifika ta' taħriġ vokazzjonali ekwivalenti , u bil-valur referenzjarju għal medja fejn mill-anqas 15 % tal-adulti jipparteċipaw fi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja u mhux anqas minn 95 % tat-tfal jieħdu sehem f'edukazzjoni bikrija tat-tfal, u b'hekk tkun qed tirrikonoxxi l-validazzjoni tal-ħiliet u l-esperjenza miksuba;

2.  Jindika li, sabiex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 u b'mod partikolari dawk għall-edukazzjoni u t-tnaqqis tar-rati tat-tluq bikri mill-iskola, jeħtieġ li jittejjeb l-aċċess għall-infrastruttura tal-edukazzjoni u l-kwalità tas-servizzi soċjokulturali fir-reġjuni tal-UE, b'mod partikolari dawk milquta mill-istaġnar ekonomiku; ifakkar kemm hi importantil-edukazzjoni biex isseħħ koeżjoni soċjali u reġjonali akbar u tissaħħaħ il-kuxjenza demokratika u l-parteċipazzjoni fost iż-żgħażagħ;

3.  Jenfasizza l-fatt li 12 % tal-popolazzjoni ta' bejn it-18 u l-24 sena telqu mill-iskola qabel iż-żmien; jappella lill-UE biex tidentifika l-fatturi ewlenin li jwasslu għat-tluq bikri mill-iskola u tissorvelja l-karatteristiċi tal-fenomenu fil-livell nazzjonali, dak reġjonali u dak lokali bħala l-pedament għal politiki b'mira u effikaċi msejsa fuq l-evidenza. iqis li l-politiki li jimmiraw li jnaqqsu t-tluq bikri mill-iskola għandhom jindirizzaw firxa ta' fatturi, inklużi sfidi edukattivi u soċjali li possibbilment jistgħu jkunu qed iwasslu għal fenomenu bħal dan;

4.  Jindika li mingħajr kooperazzjoni effikaċi bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-atturi tas-suq tax-xogħol se jkun impossibbli li jiġi rimedjat il-livell għoli ta' qgħad fost il-gradwati żgħażagħ fl-UE; jisħaq b'mod partikolari fuq il-fatt li permezz tat-tagħlim tal-għarfien u l-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol ir-rata tal-okkupazzjoni taż-żgħażagħ żdiedet u d-differenzi soċjali naqsu;

5.  Jiddispjaċih għall-fatt li fil-preżent mhuwiex allokat biżżejjed finanzjament għall-edukazzjoni u jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment akbar fil-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi fl-oqsma tat-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni formali u informali; ifakkar li dan japplika wkoll għar-rinnovazzjoni tal-binjiet tal-iskejjel u l-forniment ta' teknoloġija ġdida għall-edukazzjoni u r-riċerka (aċċess għal bażijiet tad-dejta għar-riċerka, it-taħriġ fit-teknoloġija tal-informatika, it-tagħlim elettroniku);

6.  Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u n-negozju fil-livell reġjonali, lokali, nazzjonali u sopranazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jwettqu r-rakkommandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) relatati mal-edukazzjoni fis-Semestru Ewropew u rakkomandazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli;

7.  Jenfasizza l-importanza kemm tal-edukazzjoni tul il-ħajja kif ukoll, bil-għan li jiġu attirati u miżmuma għalliema kkwalifikati, tat-taħriġ u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għar-riċerkaturi u l-professuri bħala fatturi ewlenin li jqanqlu t-tkabbir ekonomiku; jindika kemm huwa importanti li ż-żgħażagħ jiksbu ħiliet diġitali, u li l-għalliema jingħataw it-taħriġ meħtieġ, peress li dawn il-ħiliet kulma jmur qed isiru dejjem aktar importanti fis-suq tax-xogħol Ewropew;

8.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol qegħdin jinbidlu b'rata mgħaġġla, u li ż-żgħażagħ qed iħabbtu wiċċhom ma' numru dejjem akbar ta' diffikultajiet fit-tranżizzjoni tagħhom mill-edukazzjoni għad-dinja tax-xogħol u għalhekk is-soltu jkunu aktar vulnerabbli għall-qgħad; itenni kemm hu importanti li jsir investiment fil-kapital uman u n-nies, u b'mod partikolari fiż-żgħażagħ tal-Ewropa sabiex tittejjeb l-impjegabbiltà u l-linja ta' kwalifiki professjonali tagħhom; jappella għat-titjib tal-Panorama ta' Ħiliet tal-UE eżistenti li tidentifika l-impjiegi u l-ħiliet meħtieġa, u jitlob li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri jiġu mmudellati mill-ġdid biex b'hekk in-nies jingħataw il-ħiliet xierqa għall-impjieg xieraq;

9.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi sħubijiet bejn id-dinja edukattiva u l-politiki tax-xogħol billi jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi s-sħab soċjali, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, dawk li jagħtu t-taħriġ u l-impjegaturi;

10. Jilqa' l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ introdotta biex ittejjeb l-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, b'mod partikolari fir-reġjuni b'rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ta' aktar minn 25 %, u jirrimarka li dan huwa mezz effiċjenti biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ u se jservi ta' riforma strutturali fundamentali fil-futur medju u fit-tul; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu kooperazzjoni b'saħħitha mal-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari l-impjegaturi u l-SMEs, u jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u fondi strutturali oħra huma u jimplimentaw l-iskema u joħolqu infrastruttura għaliha;

11. Jappella lill-Kummissjoni sabiex tgħin biex jiġi żgurat li l-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ tiġi implimentata b'mod effiċjenti permezz tal-iskambju ta' eżempji ta' prattika tajba; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-fondi bbaġitjati għall-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ fi ħdan l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2015; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex tiżgura li dan il-programm ikun jista' jkompli;

12. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir l-iżvilupp tal-ħiliet intraprenditorjali fi ħdan il-qafas tal-Iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ; iqis, madankollu, li huma meħtieġa intervent u attivazzjoni bikrin u, f'ħafna każijiet, jeħtieġ li jsiru riformi, bħalma huma t-titjib tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, u li l-iskambju tal-aħjar prattiki marbuta mas-sistema ta' edukazzjoni doppja jista' jikkontribwixxi għal tibdiliet strutturali fis-suq tax-xogħol u jwassal għal livelli ogħla ta' impjieg;

13. Jilqa' l-Fond Ewropew il-ġdid għall-Investimenti Strateġiċi; jittama li l-edukazzjoni u t-taħriġ jitqiesu bħala investimenti strateġiċi u għaldaqstant jiffurmaw parti minn waħda mill-azzjonijiet ta' prijorità;

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-potenzjal sħiħ tal-kultura fl-għoti ta' kontribut għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u għall-kompetittività tar-reġjuni kif ukoll fit-titjib tal-koeżjoni soċjali; jisħaq, b'mod partikolari, fuq ir-rwol tal-Industriji Kulturali u Kreattivi u d-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali bħala muturi strateġiċi għall-irkupru ekonomiku u t-tkabbir fl-UE u għall-iżvilupp reġjonali, peress li bħalissa qed jiġġeneraw, b'mod dirett jew indirett, aktar minn 7 miljun impjieg.

15. Jenfasizza l-importanza tas-settur kulturali fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, peress li huwa attraenti ħafna għaż-żgħażagħ u joffrilhom aktar opportunitajiet ta' xogħol; ifakkar ukoll fir-rwol li għandha l-kultura fil-ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi ta' kwalità aħjar permezz tal-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet, it-taħriġ u t-tagħlim informali; ifittex li jidderieġi l-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni lejn it-titjib u t-tiżjid tan-numru ta' impjiegi fis-settur kulturali u s-settur kreattiv;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-kamp ta' applikazzjoni għall-użu tal-flejjes mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali tal-UE u l-Fond Soċjali Ewropew għall-promozzjoni ta' attivitajiet kulturali fl-Istati Membri, u b'mod partikolari tippromwovi s-settur kreattiv; jitlob lill-Kummissjoni tibgħat rapport dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni lill-Parlament, li għandu jiġi ppreżentat flimkien mar-rapport ta' nofs it-terminu dwar il-programm "Ewropa Kreattiva", jiġifieri mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017;

17. Ifakkar li l-kultura u l-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli huma elementi ewlenin għal riġenerazzjoni urbana u rurali sostenibbli li jsawru l-faxxinu tal-bliet u r-reġjuni, u li jippermettu l-iżvilupp ekonomiku permezz tat-turiżmu kulturali u SMEs kreattivi; jitlob għall-ħolqien ta' ċentri kulturali reġjonali, li fihom il-bliet żgħar u kbar u r-reġjuni jikkollaboraw bejniethom biex jippromwovu l-wirt kulturali tagħhom, jikkonservawh u jbiddluh f'ass ekonomiku;

18. Jitlob lill-Kummissjoni timpenja ruħha biex tadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura protezzjoni effikaċi għall-beni tanġibbli u intanġibbli li jsawru l-wirt kulturali Ewropew u li huma ta' importanza fundamentali fl-għoti ta' spinta lill-iżvilupp kulturali u soċjoekonomiku li jippromwovi u huwa msejjes fuq l-identità komuni Ewropea u n-natura distintiva tal-kultura tal-pajjiżi, ir-reġjuni u l-bliet Ewropej; jistieden lill-bliet u r-reġjuni tal-UE jużaw l-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni għal dan il-għan;

19. Huwa tal-fehma li l-limitu massimu ta' EUR 5 miljun (jew l-EUR 10 miljun tal-ispiża totali f'dak li għandu x'jaqsam mas-siti li jinsabu fil-lista tal-UNESCO) adottat mill-Kummissjoni abbażi tal-ispejjeż totali tal-proġett huwa riġidu wisq u se jirriżulta f'anqas appoġġ għall-wirt kulturali, anki minħabba l-fatt li ma jipprovdix għat-tnaqqis tal-kosti tad-dokumentazzjoni u l-ġestjoni u għan-nefqa li ma tistax titnaqqas (eż. il-VAT), u jqis ukoll li dan inaqqas il-kamp ta' applikazzjoni għas-sħubijiet pubbliċi u privati u għall-investiment fil-kultura, li huwa ta' importanza vitali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku fl-UE;

20. Jenfasizza li fid-dritt tal-UE ma teżisti l-ebda bażi ġuridika għal dan l-approċċ, u jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni u biex, fil-gwidi tematiċi, tiċċara l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(e) tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 (FEŻR) fir-rigward tal-investiment fl-iżvilupp ta' potenzjal endoġenu permezz ta' investiment fiss fit-tagħmir u fl-infrastruttura fuq skala żgħira għall-kultura u għat-turiżmu sostenibbli;

21. Jistieden lill-Istati Membri jallokaw sehem akbar mill-baġits tagħhom u mill-finanzjament għall-iżvilupp reġjonali għall-kultura u l-wirt kulturali bil-għan li r-reġjuni jagħmluhom attraenti, jippromwovu l-iżvilupp effikaċi u komprensiv tagħhom u jisfruttaw il-potenzjal tagħhom.

22. Jenfasizza l-importanza tas-simplifikazzjoni, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jissimplifikaw l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, bil-għan li l-eżiti tal-politika jiġu orjentati aħjar u biex titnaqqas il-burokrazija żejda fil-livelli kollha; jisħaq fuq l-importanza ta' pjattaformi għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fid-diversi oqsma tal-implimentazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

24.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Damian Drăghici, Angel Dzhambazki, Jill Evans, Emmanouil Glezos, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Fernando Maura Barandiarán, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sylvie Guillaume, György Hölvényi, Dietmar Köster, Ilhan Kyuchyuk, Ernest Maragall, Emma McClarkin, Martina Michels


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (1.4.2015)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar l-investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni

(2014/2245(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Julie Girling

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi storikament in-nisa intlaqtu mill-qgħad aktar mill-irġiel, minkejja li n-nisa llum jirrappreżentaw 59 % tal-gradwanti ġodda(1), fatt li huwa inkonsistenti wkoll mal-perċentwal baxx ta' nisa f'pożizzjonjiet ta' responsabilità; billi r-rata ta' impjieg tan-nisa żdiedet bi ftit, minn 60 % għal 63 % matul l-aħħar ħames snin, waqt li r-rata tal-qgħad fost in-nisa hija ta' 10 % madwar l-UE, b'varjazzjoni reġjonali sinjifikattiva (għalkemm dawn id-differenzi qed jonqsu b'mod sinfikanti)(2); anke għal nisa li għandhom impjieg, il-kwalifiki professjonali tagħhom u l-livell ta' salarju u kontribuzzjonijiet tal-pensjoni mhumiex proporzjonali mal-lawrji li kisbu;

B.  billi 29 % biss tan-nisa għandhom diploma fl-ICT, waqt li 4 % biss huma impjegati direttament fis-settur tal-ICT(3); billi skont il-ċifri tal-Kummissjoni hemm aktar nisa minn irġiel fl-edukazzjoni terzjarja; billi, madankollu, in-nisa għadhom mhux rappreżentati biżżejjed fis-suġġetti STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika), u dan jillimita l-opportunitajiet ekonomiċi għalihom, anke jekk m'hemmx evidenza xjentifika li l-irġiel għandhom aktar talenti min-nisa fis-suġġetti STEM;

C. billi n-nisa huma partikolarment milquta minn pagi baxxi (21.2 % fl-2010, meta mqabbla ma' 13.3 % għall-irġiel), speċjalment impjegati nisa b'livell baxx ta' edukazzjoni u dawk b'kuntratt għal terminu fiss(4);

D. billi bħala medja madwar l-UE l-pensjonijiet tan-nisa huma 39 % aktar baxxi minn tal-irġiel;

E.  billi n-nisa huma aktar esposti għall-faqar u l-esklużjoni soċjali mill-irġiel, aktar u aktar fil-każ ta' dawk li għandhom aktar minn 60 sena (22.2 % fl-2010, waqt li għall-irġiel il-perċentwal hu ta' 17.3 %)(5);

F.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi tirrappreżenta għodda importanti għall-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali;

G. billi l-politika ta' koeżjoni hi l-għodda ewlenija għall-implimentazzjoni ta' miżuri kontra l-qgħad u l-esklużjoni soċjali, u tiddependi fuq l-investiment fl-edukazzjoni u l-espansjoni tal-kapaċitajiet edukattivi;

H. billi sensiela ta' problemi ekonomiċi u soċjali saru evidenti f'żoni rurali matul iż-żmien, bħalma huma l-kultura intraprenditorjali ftit li xejn żviluppata, livell baxx ta' parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ, in-nuqqas ta' taħriġ ulterjuri f'żoni rurali, u l-perċentwal għoli ta' persuni li jaħdmu fl-agrikoltura ta' sussistenza;

I.   billi r-rata ta' impjieg għan-nisa għadha baxxa fir-rigward tal-objettivi stabbiliti mill-istrateġija Ewropa 2020 (11.5 % taħt il-mira ta' 75 %)(6);

J.   billi skont it-tbassir tal-OECD, il-parteċipazzjoni indaqs min-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol tirriżulta f'żieda ta' 12.4 % fil-PDG per capita sal-2030;

K. billi n-nisa huma sottorappreżentati f'pożizzjonjiet maniġerjali u billi 30 % biss tal-impriżi l-ġodda fl-Ewropa ġew stabbiliti minn nisa(7);

L.  billi aktar minn żewġ terzi tal-Ewropej jgħixu fi bliet li huma ċentri produttivi u innovattivi iżda li fl-istess ħin iwasslu għal konċentrazzjoni ta' persuni soċjalment esklużi u għaldaqstant huma kruċjali għall-indirizzar tal-isfida tal-esklużjoni soċjali;

M. billi persuna li tkun omm weħidha jew ġenitur waħdu għadha żvantaġġata fis-suq tax-xogħol;

N. billi l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel u l-prinċipju ta' integrazzjoni bbażata fuq il-ġeneru huma espressament stipulati fir-Regolamenti dwar il-Fondi Strutturali bħala dimensjonijiet trasversali f'termini ta' pprogrammar u applikazzjoni politika;

O. billi n-negozji tal-familja joffru lin-nisa remunerazzjoni ogħla mill-SMEs, kif ukoll l-opportunità biex jidħlu f'industriji iddominati mill-irġiel; billi n-nisa li jaħdmu fin-negozji tal-familja għandhom aktar possibilità li jilħqu pożizzjonijiet maniġerjali; billi l-UE u l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jippromwovu dan it-tip ta' attività u jipperswadu lil għadd akbar ta' nisa jinvolvu ruħhom b'mod aktar sinifikanti f'negozji tal-familja;

P.  billi l-appoġġ għall-ugwaljanza, apparti li hi kwistjoni ta' ġustizzja u drittijiet fundamentali, hija wkoll kwistjoni ta' kompetittività peress li t-talenti ta' dawk in-nisa kollha milquta minn marġinalizzazzjoni tax-xogħol qed jinħlew, sitwazzjoni li hija inkonsistenti mal-isforzi biex jappoġġjaw ekonomija xprunata mill-għarfien;

1.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Istati Membri ma ħadmux aktar biex jindirizzaw id-differenzi fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa; jinsab imħasseb dwar il-fatt li n-nisa fl-UE jaqilgħu medja ta' 16.4 % inqas mill-irġiel għal xogħol ta' valur ugwali u jaħdmu l-ekwivalenti ta' 59 jum b'xejn kull sena, u dan ipoġġihom fi żvantaġġ ekonomiku u xi kultant jagħmilhom dipendenti fuq is-sieħeb tagħhom; jenfasizza l-importanza ta' miżuri biex tiġi indirizzata d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, li toħloq ukoll differenza ta' 39 % bejn l-irġiel u n-nisa fil-pensjonijiet fl-UE; jenfasizza l-fatt li f'disa' Stati Membri din id-differenza żdiedet matul l-aħħar ħames snin; jinnota li skont il-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew, tnaqqis ta' 1 % fid-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa se jwassal għal żieda ta' 0.1 % fit-tkabbir ekonomiku; jinnota li jekk in-nisa jingħataw aċċess għal pożizzjonijiet ta' responsabilità, il-kompetittività tal-organizzazzjonijiet tista' tiżdied; jistieden lill-Istati Membri jtejbu u jaġġornaw l-istatistiki tagħhom dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob li jkun hemm trasparenza tar-remunerazzjoni fir-rigward tal-impjiegi li toħloq jew tiffinanzja permezz tal-politika ta' koeżjoni, u li tiċħad kwalunkwe inugwaljanza mhux ġustifikata fis-salarji;

3.  Jemmen li l-Unjoni għandha, fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-Fondi SIE, timmira li telimina l-inugwaljanzi u tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tintegra l-perspettiva tal-ġeneru, kif ukoll tikkumbatti d-diskriminazzjoni msejsa fuq il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali;

4.  Jappella li jiġu rikonoxxuti u indirizzati d-diversi tipi ta' diskriminazzjoni, jiġifieri mhux biss l-inugwaljanza bbażata fuq is-sessi iżda wkoll inugwaljanza bbażata fuq ir-reliġjon jew il-konvinzjonijiet personali, l-oriġini soċjali, l-orjentazzjoni sesswali, l-età, l-oriġini etnika jew diżabilità, biex tiġi stabbilita politika effettiva u rilevanti tal-inklużjoni soċjali;

5.  Jinnota li l-kriżi ekonomika tefgħet l-ugwaljanza lura f'ħafna oqsma; jenfasizza kemm hu importanti li jkun żgurat li l-kriżi ekonomika ma tintużax bħala argument għall-perpetwazzjoni tal-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u li l-ħidma favur l-ugwaljanza tkompli, anke waqt kriżi ta' dan it-tip;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jbiddlu din id-dinamika billi jkunu l-pijunieri ta' politiki li jiffavorixxu l-ugwaljanza attivament, permezz ta' skemi u baġits bl-għan li l-PDG per capita jiżdied permezz tagħhom; 

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-Fondi Strutturali Ewropej attivament bħala għodda biex titjieb l-ugwaljanza bejn is-sessi: jitlob lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jwettqu analiżi tal-ġeneru u jaħdmu bl-ibbaġitjar skont il-ġeneru bl-għan li tinkiseb allokazzjoni ugwali bejn il-ġeneri tar-riżorsi finanzjarji;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkorpora indikaturi tal-istatistika fil-Eurostat fuq bażi ta' stat stat, biex tkejjel l-influenza tal-ugwaljanza fuq il-progress ekonomiku f'termini kemm tal-parteċipazzjoni reali tan-nisa fis-suq tax-xogħol kif ukoll tal-livell safejn huma inkorporati f'pożizzjonijiet ta' responsabilità u fil-livelli għolja tal-ġestjoni;

9.  Jirrikonoxxi li l-SMEs jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ekonomija Ewropea, b'mod partikolari billi joħolqu l-impjiegi; jinsab diżappuntat li hemm ħafna inqas nisa milli rġiel fit-tmexxija tal-SMEs; jinnota li 5 % tal-bordijiet tal-kumpaniji fl-UE huma ppreseduti min-nisa, waqt li l-ċifra korrispondenti għall-membri tal-bordijiet hi ta' 18.6 %; jiddispjaċih dwar il-fatt li fil-perjodu 2003-2012 ir-rata ta' intraprenditorjat femminili żdiedet bi ftit biss, minn 10 % għal 10.4 %;

10. Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aqwa prattiki biex in-nisa jiġu mħeġġa jistabbilixxu SMEs, biex jiżviluppaw strateġiji għall-promozzjoni tal-intraprenditorjat femminili, u biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-intraprendituri femminili għal appoġġ finanzjarju; jinsab kuntent li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) qed jipprovdi appoġġ lil SMEs immexxija min-nisa u jinkoraġġixxi appoġġ għal attivitajiet iffokati fuq it-taħriġ u l-aċċess għall-finanzjament; jistieden lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) jagħti prijorità lill-ġbir ta' informazzjoni dwar l-intraprenditorjat femminili, b'mod partikolari dwar l-aċċess għal netwerks ta' finanzjament u ekonomiċi;

11. Jiddeplora l-fatt li qed isir ftit wisq biex tkun promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa f'korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew biex iħeġġu lin-nisa jistabbilixxu kumpaniji tagħhom; jinnota li d-diskriminazzjoni minħabba t-tqala, pereżempju, tintuża estensivament biex teskludi n-nisa mis-suq tax-xogħol privat u pubbliku;

12. Jinnota li s-sottorappreżentanza tan-nisa f'oqsma STEM toriġina minn sterjotipi tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu d-dħul tan-nisa f'setturi tradizzjonalment meqjusa bħala setturi 'maskili', partikolarment ix-xjenzi u t-teknoloġiji ġodda, b'mod partikolari permezz ta' kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, bl-għan li jibbenefikaw għalkollox mill-kapital uman li jirrappreżentaw in-nisa Ewropej;

13. Jinnota li n-nisa huma aktar suġġetti li jkunu involuti f'xogħol ta' ħin parzjali, impjiegi bi ħlas baxx jew xogħol prekarju, li jista' jkun ta' benefiċju għal ommijiet li jidħlu lura fix-xogħol wara l-liv tal-materità iżda jista' jirriżulta wkoll f'faqar ta' min jaħdem u disparità abbażi tal-ġeneru fil-pensjonjiet; jinnota li n-nisa f'impjieg fl-Ewropa huma erba' darbiet aktar suxxettibbli li jaħdmu ħin parzjali mill-irġiel f'impjieg(8); jinsab imħasseb dwar il-varjazzjoni fiċ-ċifri tax-xogħol b'ħin parzjali fost l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi analiżi aġġornata u fil-fond tat-tipi differenti ta' impjieg, inklużi paraguni fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom, biex jintefa' dawl fuq l-inġustizzja bbażata fuq il-ġeneru fil-forom differenti ta' impjieg, b'referenza partikolari għax-xogħol b'ħin parzjali;

14. Itenni l-ħtieġa li jiġu stabbiliti faċilitajiet għall-indokrar ta' tfal żgħar biex tingħata spinta lill-preżenza tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u b'hekk jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa proġetti innovattivi f'din id-direzzjoni; jindika li l-investiment fl-infrastruttura pubblika bħal faċilitajiet tal-indokrar tat-tfal iżid il-possibilitajiet tan-nisa li jipparteċipaw attivament fl-ekonomija u fis-suq tax-xogħol;

15. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni, għandha tiddedika sehem akbar mill-fondi tal-FEŻR u tal-FSE għal proġetti li jagħtu lok lin-nisa jiksbu aċċess għal taħriġ u impjiegi tal-aqwa kwalità;

16. Jinnota li hemm tendenza qawwija fost in-nisa li jimmigraw minn żoni rurali lejn l-ibliet biex ifittxu opportunitajiet ta' impjieg, u dan joħloq żbilanċ bejn il-ġeneri fl-impjiegi fiż-żoni rurali; jenfasizza l-impatt li dan għandu fuq l-ekonomija u l-popolazzjoni, u kemm hu importanti l-iżvilupp tal-ekonomija rurali b'mod li jislet il-potenzjal tal-irġiel u tan-nisa u jagħti l-istess status lis-setturi tipikament iddominati min-nisa u lil dawk iddominati mill-irġiel, u li jingħata kontribut għal dan permezz ta' skemi li jappoġġaw l-intraprenditorija u faċilitajiet tan-nisa biex jiġu armonizzati s-servizzi disponibbli f'żoni rurali, bħall-indokrar tat-tfal, l-assistenza għall-anzjani, il-kura tas-saħħa, u l-edukazzjoni; jitlob ukoll li jkun hemm xogħol fit-tul li jikkumbatti l-fatturi li jassenjaw lin-nisa u lill-irġiel f'industriji differenti, biex tinkiseb l-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni jippromwovu l-intraprenditorjat tan-nisa f'żoni rurali;

17. Jenfasizza li hu kruċjali li jibdew jiġu implimentati programmi li jiffokaw fuq l-iżvilupp tal-ħiliet intraprenditorjali u ta' ġestjoni fost in-nisa, biex jiżdied l-għadd ta' impriżi f'żoni rurali kif ukoll urbani; jenfasizza kemm hu importanti li jkunu promossi opportunitajiet ta' impjieg indaqs, permezz tal-involviment tan-nisa, speċjalment dawk f'żoni rurali, fit-twaqqif tan-negozji tagħhom stess;

18. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jistudjaw jekk il-klawżoli tal-ġeneru jistgħux jiġu inklużi fl-avviżi dwar kuntratti ta' akkwist pubbliku biex iħeġġu l-impriżi jistinkaw favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri filwaqt li jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kompetizzjoni;

19. Jindika li d-distakk diġitali abbażi tal-ġeneru hu sinifikanti, u jeħtieġ jiġi indirizzat permezz tal-faċilitazzjoni u l-promozzjoni tal-aċċess tan-nisa għal skemi ta' taħriġ f'teknoloġiji ġodda;

20. Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-aġenda tal-ekonomija diġitali, u jenfasizza li aċċess sħiħ għall-broadband hu element vitali biex ikunu offruti għażliet għan-nisa, l-irġiel u n-negozji f'termini ta' arranġamenti flessibbli tax-xogħol u arranġamenti ta' xogħol mid-dar; jistieden lill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jappoġġaw l-investiment fit-taħriġ tan-nisa fis-settur tal-ICT b'mod li jtejjeb il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol;

21. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-impjieg u l-inklużjoni soċjali, biex iqisu l-ħtiġijiet ta' nisa li jirritornaw mil-liv tal-maternità, jimmotivaw lil min iħaddem biex jirrekluta n-nisa wara l-liv tal-maternità, jiffaċilitaw arranġamenti ta' xogħol flessibbli, u jippromwovu l-edukazzjoni ulterjuri (tagħlim tul il-ħajja), li tagħmilha possibbli li n-nisa ikomplu l-karrieri professjonali tagħhom mingħajr intoppi;

22. Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali iqisu l-politiki li jipproteġu lin-nisa fi ħdan il-programmi ta' investiment tagħhom, u li jiżguraw li l-fondi jiġu diretti lejn tkabbir professjonali u tal-impjieg effettiv u li ma jintużawx ħażin;

23. Jitlob lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinkoraġġixxu sistematikament l-approċċ tal-użu ta' pjattaformi ta' tagħlim elettroniku biex jiġu żviluppati l-ħiliet intraprenditorjali tan-nisa, kif ukoll l-intraprenditorjat f'żoni transfruntiera; jesprimi tħassib partikolari dwar il-ħtieġa li tinħoloq netwerk għal sħubija transfruntiera msejsa fuq id-djalogu u l-komunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet sħab, bl-għan li jiġu organizzati dibattiti pubbliċi dwar l-intraprenditorjat tan-nisa u l-intraprenditorjat transfruntiera;

24. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri, bl-iskop li jinkisbu l-għanijiet relatati maż-żieda ta' kapaċitajiet ta' faċilitajiet tal-indokrar tat-tfal żgħar, biex jagħmlu użu aħjar tal-indikaturi kwantitattivi kif ukoll dawk kwalitattivi sabiex jiżguraw aċċess ugwali għat-tfal kollha għal indokrar u edukazzjoni ta' kwalità;

25. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu l-investiment fi skemi ta' taħriġ immirati biex jgħinu n-nisa jintegraw fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari għal dawk li qabel kienu ommijiet full-time jew kienu qed jieħdu ħsieb persuni dipendenti oħra, kif ukoll f'servizzi tal-indokrar tat-tfal, l-anzjani u persuni oħra fil-bżonn. Dawn is-servizzi jeħtieġ ikunu aċċessibbli, bi prezz li jintlaħaq u jsegwu skeda li taqbel ma' dawk li jaħdmu full-time, bil-ħsieb li jiġi żgurat bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja filwaqt li jiġu indirizzati l-qgħad u l-esklużjoni soċjali;

26. Jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri baġitarji li jqisu kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, f'tentattiv biex jiġu eżaminati mhux biss dawk l-iskemi li huma mmirati speċifikament lejn in-nisa, iżda wkoll l-iskemi u l-politiki l-oħra kollha mressqa mill-gvern, flimkien mal-impatt tagħhom fuq l-allokazzjoni tar-riżorsi u l-kontribut tagħhom lejn l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

27. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw u jtejbu l-ibbaġitjar skont il-ġeneru, u jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-ibbaġitjar skont il-ġeneru.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

31.3.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Catherine Bearder, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Mlinar, Krisztina Morvai, Maria Noichl, Marijana Petir, Terry Reintke, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Ángela Vallina, Elissavet Vozemberg, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa Estaràs Ferragut, Julie Girling, Constance Le Grip, Marc Tarabella, Julie Ward, Marco Zullo

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Bart Staes

(1)

Rapport dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2014.

(2)

ċifri tal-Eurostat għall-2008 u l-2013.

(3)

Rapport tal-Kummissjoni (2013), Nisa li jaħdmu fis-settur tal-ICT.

(4)

Ibid.

(5)

http://www.europarl.europa.eu/eplibrary/Pauvrete-dans-l-Union-europeenne.pdf

(6)

Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol (LFS) tal-Eurostat, 2014 (it-tieni kwart).

(7)

Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020. Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa (COM(2012)0795).

(8)

Rapport tal-2014 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tal-Kummissjoni Ewropea, Ġustizzja u Konsumaturi.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

1

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, José Blanco López, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Tamás Deutsch, Michela Giuffrida, Anna Hedh, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Monika Smolková, Maria Spyraki, Olaf Stuger, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ángela Vallina, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Enrique Calvet Chambon, Josu Juaristi Abaunz, Ivana Maletić, Miroslav Mikolášik, Bronis Ropė, Marco Zullo

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ulrike Trebesius

Avviż legali - Politika tal-privatezza