Proċedura : 2014/2233(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0182/2015

Testi mressqa :

A8-0182/2015

Dibattiti :

PV 06/07/2015 - 16
CRE 06/07/2015 - 16

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2015 - 5.13
CRE 07/07/2015 - 5.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0250

RAPPORT     
PDF 222kWORD 192k
5.6.2015
PE 544.336v02-00 A8-0182/2015

dwar l-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati f'pajjiżi barra l-UE

(2014/2233(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Jan Zahradil

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati f'pajjiżi barra l-UE

(2014/2233(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona,

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni(1),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE(2),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE(3),

–       wara li kkunsidra l-opinjonijiet rispettivi tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku (COM(2011)0896), dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (COM(2011)0895), u dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (COM(2011)0897),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni bit-titolu "Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati" (COM(2009)0615), "Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw" (COM(2014)0263), "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020), "Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020" (COM(2010)0612), "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi" (COM(2012)0173) u "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva" (COM(2011)0681),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija EWROPA 2020(4), tad-29 ta' Jannar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv(5), u tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar is-sħubijiet pubbliċi-privati u l-liġi Komunitarja dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet(6),

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-2010 tal-EIM għall-Kummissjoni intitolat "Internationalisation of European SMEs" (Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej),

–       wara li kkunsidra l-paragrafu 5 tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" (COM(2010)0491), il-Prinċipji tal-UN Women fil-qasam tal-Emanċipazzjoni tan-Nisa varati f'Marzu 2010, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-8 ta' Diċembru 2009, u l-paragrafu 46 tad-dokument finali tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20),

–       wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ta' Mejju 2012 bit-titolu "Principles for Public Governance of Public-Private Partnerships"(Prinċipji għal Governanza Pubblika tas-Sħubijiet Pubbliċi-Privati)(7), il-Konvenzjoni tal-1997 tal-OECD dwar il-ġlieda kontra t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi barranin fit-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, aġġornati f'Mejju 2011(8),

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO,

–       wara li kkunsidra l-Guidebook on Promoting Good Governance in Public-Private Partnerships (Manwal dwar il-Promozzjoni tal-Governanza Tajba fis-Sħubijiet Pubbliċi-Privati) tal-2008 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa(9),

–       wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Legislative Guide on Privately Financed Infrastructure Projects"(Gwida Leġiżlattiva dwar il-Proġetti ta' Infrastruttura Finanzjati mis-Settur Privat) tal-2001(10)tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Dritt Kummerċjali Internazzjonali (UNCITRAL), u d-dokumenti ppreżentati matul il-Kollokwiju Internazzjonali dwar is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati tal-UNCITRAL li ttella' fi Vjenna fit-2-3 ta' Mejju 2013,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-CAF tal-2010 bit-titolu "Infraestructura pública y participación privada: conceptos y experiencias en América y España" (Infrastruttura Pubblika u Parteċipazzjoni Privata: Kunċetti u Esperjenzi fl-Amerika u fi Spanja),

–       wara li kkunsidral-"Public-Private Partnerships Reference Guide: Version 2.0"(Gwida ta' Riferiment għas-Sħubijiet Pubbliċi-Privati: Verżjoni 2.0) ta' Lulju 2014 prodott mill-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB), mill-Bank Inter-Amerikan tal-Iżvilupp (IDB), mill-Grupp tal-Bank Dinji u mill-Public-Private Infrastructure Advisory Facility (Faċilità Pubblika-Privata ta' Konsulenza dwar l-Infrastrutturi) (PPIAF)(11),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0182/2015),

A.     billi s-soċjetajiet u l-istrutturi ekonomiċi tal-pajjiżi, u d-dinamiżmu tagħhom, jibbenefikaw minn kuntesti li jippermettu interazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat kif ukoll kooperazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi u privati bis-saħħa ta', ngħidu aħna, inizjattivi u impriżi konġunti;

B.     billi, minkejja li s-sħubijiet pubbliċi-privati huma strument fit-tul użat fil-politiki governattivi fil-livell internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali, la teżisti definizzjoni rikonoxxuta fuq livell internazzjonali u lanqas qafas ta' regolamentazzjoni komprensiv għalihom; billi, fil-prattika, bi sħubijiet pubbliċi-privati dak li jkun jifhem spettru wiesa' u varjat ta' relazzjonijiet ta' kooperazzjoni bejn atturi pubbliċi (gvernijiet, aġenziji u organizzazzjonijiet internazzjonali jew taħlita tagħhom) u atturi privati (kumpaniji jew entitajiet mingħajr skop ta' lukru) u s-soltu jimplikaw il-forniment min-naħa tas-settur privat tal-infrastrutturi jew l-assi normalment fornuti mill-gvernijiet;

C.     billi s-sħubijiet pubbliċi-privati huma importanti inkwantu mutur għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi kemm fis-suq uniku kif ukoll 'il barra minnu, u jiżvolġu rwol strateġiku fil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura, b'mod partikolari tal-infrastruttura enerġetika, tal-ilma, stradali u diġitali; billi l-kumpaniji tal-UE huma mgħammra sew biex jikkompetu għal tali arranġamenti u biex iwettqu l-operat tagħhom;

D.     billi l-arranġamenti tas-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jieħdu diversi forom, u l-leġiżlazzjoni tas-suq uniku tistabbilixxi standards proċedurali għoljin; billi din il-leġiżlazzjoni ġiet riveduta u kkonsolidata fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE dwar l-akkwist pubbliku, fid-Direttiva 2014/23/UE dwar il-konċessjonijiet, u fil-qafas tal-linji gwida dwar is-sħubijiet pubbliċi-privati istituzzjonalizzati;

E.     billi s-sħubijiet pubbliċi-privati għall-forniment ta' infrastruttura, beni u servizzi bażiċi huma teknikament kumplessi;

F.     billi l-kriżi ekonomika globali ilha mill-2007 tolqot b'mod gravi lill-pajjiżi kollha, kemm dawk maturi, dawk emerġenti kif ukoll dawk li qegħdin jiżviluppaw u ħalliet impatt fuq il-politiki baġitarji u fuq l-aċċess kemm tal-entitajiet istituzzjonali kif ukoll ta' dawk privati, speċjalment l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), għall-fondi neċessarji biex isiru l-proġetti, b'effetti fuq l-iżvilupp tal-infrastrutturi u proġetti b'intensità għolja ta' kapital u l-forniment tas-servizzi bażiċi;

G.     billi, minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji pubbliċi aggravati mill-kriżi ekonomika u tad-dejn pubbliku, numru dejjem akbar ta' gvernijiet qegħdin jadottaw soluzzjonijiet innovattivi bħas-sħubijiet pubbliċi-privati li, jekk jiġu implimentati sewwa, jistgħu jgħinu biex ikun hemm titjib fl-ispejjeż, fl-effikaċja, fl-effiċjenza u fil-kwalità tas-servizzi pubbliċi u jiġi żgurat il-forniment puntwali tal-infrastrutturi pubbliċi, bl-involviment adegwat tal-atturi pubbliċi u privati;

H.     billi l-impatt pożittiv tal-sħubijiet pubbliċi-privati jirriżulta minn twettiq imtejjeb ta' proġetti, proporzjon tajjeb tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż, il-possibilità għal finanzjament fit-tul tal-ispejjeż, l-istimolu previst għall-innovazzjoni u r-riċerka u ambjent ta' ġestjoni aktar flessibbli u kkwalifikat;

I.      billi l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tal-investimenti mhijiex fini fiha nnifisha iżda strument li għandu joħloq il-ġid u jgħin fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja għall-popolazzjoni dinjija, u billi, f'dan il-kuntest, hemm opportunità li jiġu żviluppati politiki innovattivi – flimkien ma' strumenti ġodda, bħall-istrumenti finanzjarji li tfasslu reċentement u xibka ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles utli għall-gvernijiet tal-pajjiżi terzi intiżi li jiggarantixxu l-forniment ta' infrastrutturi, beni u servizzi ta' interess ġenerali – filwaqt li tkun prevista aktar parteċipazzjoni min-naħa tal-kumpaniji tal-UE, jew titwitta t-triq għaliha, fil-proġetti ta' investimenti barranin li jlaqqgħu lill-kumpaniji privati mal-entitajiet pubbliċi;

J.      billi s-sħubijiet pubbliċi-privati huma karatterizzati minn ċiklu tal-ħajja twil li kultant jestendi minn 10 sa 30 sena, u billi ċ-ċiklu tal-ħajja tas-sħubijiet pubbliċi-privati għandu jkun sinifikanti u konsistenti mal-objettivi mfittxija f'termini ta' xogħol, beni u servizzi li għandhom jiġu fornuti, mingħajr distorsjoni artifiċjali tal-kompetizzjoni jew ħolqien ta' spejjeż ogħla u piż żejjed għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u għall-kontribwenti;

K.     billi l-politika kummerċjali tal-UE ma għandha la tinkoraġġixxi u lanqas tiskoraġġixxi d-deċiżjoni sovrana dwar ir-rikors jew le għal sħubija pubblika-privata, iżda, ladarba tittieħed id-deċiżjoni, l-UE għandha obbligu li tiżgura li l-impriżi l-kbar, ta' daqs medju u ż-żgħar kif ukoll l-impriżi mikro jkollhom l-aħjar aċċess possibbli għas-swieq tal-akkwist fil-pajjiżi sħab, b'hekk jinġieb valur miżjud għall-komunità lokali, konformement mal-prinċipji ta' ftuħ, parteċipazzjoni, obbligu ta' rendikont, effikaċja u koerenza fil-politiki;

L.     billi l-fatt li s-settur privat x'aktarx jissottovaluta l-infrastrutturi soċjali u l-kopertura li joffri, il-kostijiet konsiderevoli assoċjati mal-forniment tal-infrastrutturi, il-pożizzjoni ta' ċerti setturi inkwantu monopolji naturali jew l-importanza strateġika tagħhom ifissru li, f'bosta każijiet, il-kompetizzjoni miftuħa u l-privatizzazzjoni mhumiex l-għażla politika l-aktar adatta meta jeħtieġ li jipprevali l-interess pubbliku;

M.    billi l-iskop tas-sħubijiet pubbliċi-privati huwa għaldaqstant dak li jgħaqqad bl-aħjar mod iż-żewġ sferi – il-forniment tas-servizzi u tal-infrastrutturi ta' interess ġenerali, iżda permezz tal-parteċipazzjoni msaħħa tas-settur privat pjuttost milli permezz tal-proċessi ta' privatizzazzjoni;

N.     billi ħafna pajjiżi emerġenti u dawk li qegħdin jiżviluppaw quddiemhom għandhom skwilibriju bejn id-dinamiżmu tal-impriżi privati u n-nuqqas ta' infrastrutturi pubbliċi affidabbli; billi tali skwilibriji (li huma lampanti fl-Indja jew fil-Brażil) imminaw it-tkabbir potenzjali, peress li limitaw il-kapaċitajiet tal-esportazzjoni/importazzjoni jew fixklu l-linji tal-produzzjoni minħabba l-assenza ta' biżżejjed infrastrutturi portwarji, nuqqasijiet tat-trasport intern (ferroviji, merkanzija jew awtostradi) jew impjanti tal-ġenerazzjoni u grilji tad-distribuzzjoni tal-elettriku li ma jaħdmux sewwa; billi dawn l-iskwilibriji għandhom ukoll impatt negattiv fuq il-benesseri tal-bniedem (minħabba l-iskarsezza tad-dranaġġ u tan-netwerks tad-distribuzzjoni tal-ilma); billi s-sħubijiet pubbliċi-privati jippermettu soluzzjonijiet integrati li bis-saħħa tagħhom sieħeb jew konsorzju jforni l-"bini" (servizzi ta' kostruzzjoni, inġinerija u arkitettura), il-"finanzjament" (injezzjoni ta' fondi privati, almenu għall-prefinanzjament ta' proġett) u l-"isfruttament" (servizzi ta' manutenzjoni, sorveljanza u ġestjoni);

O.     billi anke l-organizzazzjonijiet intergovernattivi rrikorrew għas-sħubijiet pubbliċi-privati biex jiddedikaw għajnuna lill-pajjiżi l-anqas żviluppati permezz ta' sħubijiet li joperaw fil-qasam tal-iżvilupp u tal-kooperazzjoni: il-Bank Dinji, il-banek ta' rikostruzzjoni reġjonali, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) u oħrajn, irrikorrew għas-sħubijiet pubbliċi-privati biex jattwaw l-azzjonijiet; billi, fir-rigward tal-orjentament ġeografiku, l-Istati Uniti, l-Awstralja, il-Ġappun, il-Malasja, Singapore, l-Emirati Għarab Magħquda u pajjiżi oħrajn tal-Asja u tal-Amerka Latina (in primis iċ-Ċilì) ilkoll għandhom esperjenza bis-sħubijiet pubbliċi-privati; billi l-pajjiżi tal-OECD (il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Irlanda, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja) ukoll għandhom leġiżlazzjoni rilevanti; billi r-Renju Unit għandu l-aktar programm żviluppat fir-rigward tas-sħubijiet pubbliċi-privati (bl-Inizjattiva ta' Finanzjament Privat tirrappreżenta madwar 20 % tal-investiment pubbliku); billi l-UE tinsab fuq quddiem nett fis-suq tal-infrastrutturi tas-sħubijiet pubbliċi-privati, inkwantu tikkonċentra aktar minn 45 % tal-valur nominali tas-sħubijiet pubbliċi-privati;

P.     billi sar rikors għas-sħubijiet pubbliċi-privati fil-kuntest tal-Fondi Strutturali, tat-tkabbir, tan-netwerks trans-Ewropej, tal-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti, tal-istrateġija Ewropa 2020, tar-R&Ż (fabbriki għall-futur, bini enerġetikament effiċjenti, l-inizjattiva għall-karozzi ekoloġiċi, industrija bi proċessi sostenibbli, il-fotonika, ir-robotika, kompjuters bi prestazzjonijiet għoljin u n-netwerks 5G), tat-tagħlim elettroniku, tal-proġetti ta' riċerka mal-universitajiet u ta' programmi oħrajn fil-qasam tas-saħħa (bħall-inizjattiva tal-mediċini innovattivi); billi l-Bank Ewropew tal-Investiment u ċ-Ċentru Ewropew għall-Konsulenza dwar is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati (European PPP Expertise Centre) wettqu proġetti fl-UE, fil-viċinat tagħha u lil hinn; billi l-UE kkontribwiet ukoll bis-saħħa tal-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli; billi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi biħsiebu jsostni għadd ta' sħubijiet pubbliċi-privati fl-UE, li fihom jistgħu jieħdu sehem il-kumpaniji tas-sħab kummerċjali;

Q.     billi l-UE s'issa żammet is-swieq tal-akkwist pubbliku tagħha miftuħin beraħ għall-kompetizzjoni internazzjonali u stabbiliet regoli li jimmiraw li jiggarantixxu kompetizzjoni awtentika u ġusta fis-suq uniku u li jippermettu lill-investituri internazzjonali jikkompetu f'kundizzjonijiet ta' parità; billi fi ħdan l-UE ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni abbażi tas-sjieda jew tal-kontroll barranin, u billi l-kumpaniji li ġejjin minn barra jistgħu joħolqu bażi lokali biex jieħdu sehem fis-sħubijiet pubbliċi-privati;

R.     billi l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE fihom dispożizzjonijiet li jwittu t-triq għall-kumpaniji biex jitfgħu l-offerti għas-sħubijiet pubbliċi-privati permezz tal-aċċess għas-suq u l-prestabbiliment; billi t-trattament u l-possibilitajiet miftuħa fir-rigward tal-Korea, tal-Kolombja/Perù, tal-Amerka Ċentrali, ta' Singapore u tal-Kanada (kif ukoll tal-Vjetnam u tal-Ġappun) huma definiti b'mod differenti u speċifiku; billi jeħtieġ li jkun hemm approċċ relattivament flessibbli fir-rigward tan-negozjati mas-sħab differenti; billi, madankollu, l-għan għandu jibqa' jkun dak li tingħata għajnuna għat-trawwim ta' żvilupp soċjali u ekonomiku, sostenibilità ambjentali, demokrazija u governanza tajba, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni ta' standards ta' protezzjoni rikonoxxuti fuq livell internazzjonali kif ukoll il-ħolqien ta' impjiegi dinjitużi; billi, fil-livell multilaterali, il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) u l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA) jistabbilixxu wkoll għadd ta' impenji, kif ukoll strumenti plurilaterali oħrajn bħall-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA); billi l-klima fl-UE qiegħda għalhekk issir dejjem iktar kompetittiva;

Kuntest

1.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu stimolati l-ħolqien ta' impjiegi dinjitużi, il-kompetittività u l-produttività fl-UE u fil-pajjiżi terzi permezz ta' politiki innovattivi u strumenti ġodda maħsuba biex jinkoraġġixxu l-attività tal-atturi ekonomiċi biex it-tkabbir sostenibbli jerġa' jiġi fuq saqajh anki bis-saħħa ta' investimenti barra mis-suq uniku; jemmen li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jkunu – fost bosta għażliet oħrajn – għajn potenzjali ta' tkabbir għall-kumpaniji tal-UE u, kontemporanjament, utli għall-pajjiżi terzi sħabna, billi tali sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jfornu infrastrutturi, beni u servizzi ta' interess ġenerali;

2.  Ifakkar li s-sħubijiet pubbliċi-privati għandhom joffru valur miżjud għoli liċ-ċittadini u lill-konsumaturi, jiżguraw servizzi u/jew beni ta' kwalità u jipprovdu vantaġġi kompetittivi u ekonomiċi konkreti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, kemm fil-livell tal-gvern kif ukoll f'dak lokali, filwaqt li jevitaw li joħolqu piż addizzjonali jew telf għas-settur pubbliku;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi definizzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-privati li tkun tista' takkwista rikonoxximent internazzjonali bħala relazzjoni fit-tul bejn l-entitajiet pubbliċi u l-investituri privati orjentata lejn il-forniment ta' servizzi u infrastrutturi pubbliċi ta' kwalità għolja u aċċessibbli abbażi ta' pattijiet u kundizzjonijiet stabbiliti b'mod ċar fil-kuntratti, li r-rispett tagħhom jista' jkun faċilment valutat bis-saħħa ta' indikaturi li jiggarantixxu li tali rispett jiġi premjat b'rimunerazzjoni ġusta u xierqa;

4.  Josserva li kemm l-SMEs kif ukoll il-kumpaniji l-kbar ilkoll jistgħu offru kompetenzi, esperjenza u prattiki tajba uniċi tas-settur privat, kif anki netwerks li jinvolvu lill-awtoritajiet pubbliċi fil-pajjiżi mhux membri tal-UE u li jgħinu b'mod effikaċi biex il-politiki fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli jħallu l-frott; iqis li l-SMEs jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tagħhom bl-aħjar mod jekk joħolqu netwerks u joperaw fuq livell globali kif ukoll jidħlu fi swieq barra mill-Ewropa, fost oħrajn permezz tas-sħubijiet pubbliċi-privati; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tippromwovi u tinkoraġġixxi l-formazzjoni ta' konsorzji u forom oħrajn ta' kooperazzjoni bejn il-kumpaniji l-kbar u l-SMEs bil-għan li jkun aġevolat l-aċċess ta' dawn tal-aħħar għall-proġetti ta' sħubijiet pubbliċi-privati;

5.  Jenfasizza li l-iżvilupp tas-sħubijiet pubbliċi-privati jrid jieħu kont, b'mod partikolari, tal-isfidi għall-SMEs ibbażati fl-UE li jikkompetu fis-swieq internazzjonali fil-kuntest ta' sħubija pubblika-privata kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-SMEs jiksbu aċċess konkret, ġust u reċiproku, notevolment fis-settur tas-servizzi pubbliċi, kif stabbilit fid-Direttiva 2014/25/UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' regoli speċifiċi li jippermettu offerta kollettiva (fi clusters) jew raggruppata mill-SMEs u l-użu ta' ktajjen ta' sottokuntrattar miftuħa u trasparenti;

Sfidi

6.  Iqis bħala deplorevoli li, sal-lum, l-UE żammet is-swieq tal-akkwist pubbliku tagħha konsiderevolment miftuħin għall-kompetizzjoni internazzjonali, mentri l-kumpaniji tal-UE għadhom iħabbtu wiċċhom ma' ostakli sostanzjali barra mill-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE jkun fihom strumenti biex il-kumpaniji tagħna, speċjalment l-SMEs, jikkompetu barra f'kundizzjonijiet indaqs mal-kumpaniji nazzjonali barranin; jesiġi wkoll regolamentazzjoni ċara tal-informazzjoni dwar l-appalti u l-kriterji ta' aġġudikazzjoni kif ukoll aċċess faċli għaliha, u t-tneħħija tal-ostakli kummerċjali diskriminatorji u inġustifikati fil-qasam tal-akkwist tal-gvern, tas-servizzi jew tal-investimenti (bħad-diskriminazzjoni fiskali, l-ostakli regolatorji għall-istabbiliment ta' fergħat jew sussidjarji u restrizzjonijiet tal-aċċess għall-finanzjamenti); jistieden lill-pajjiżi sħabna japplikaw il-prinċipji ta' gvern miftuħ bil-għan li tkun garantita t-trasparenza u jiġu evitati l-kunflitti ta' interess, u jirrikorru għall-prattika ta' sħubijiet pubbliċi-privati b'kawtela, filwaqt li jqisu mhux biss l-analiżijiet tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż u l-fattibilità tal-proġetti, iżda wkoll il-kapaċità finanzjarja u teknika tal-awtoritajiet pubbliċi biex jissorveljaw il-forniment tas-servizzi jew tal-infrastrutturi konformement mal-interess pubbliku ġenerali;

7.  Jikkonstata li l-isfidi marbuta mas-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jkunu mvinċija bis-saħħa tal-prinċipji tal-governanza tajba, bħat-trasparenza u ċ-ċarezza tar-regoli, u dawn l-aspetti huma fundamentali f'dan ir-rigward: l-għoti, l-eżekuzzjoni u l-evalwazzjoni tal-proġetti mill-fażijiet inizjali; it-tiswir u d-definizzjoni tat-trasferiment tar-riskju (partikolarment l-evalwazzjoni tal-kosteffikaċja f'terminu medju u twil); il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi; il-kapaċità finanzjarja u teknika tal-amministrazzjoni responsabbli biex tippjana u twettaq superviżjoni b'mod adegwat tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti; u t-tisħiħ taċ-ċertezza tad-dritt, fi ħdan qafas li jiggarantixxi l-eżerċizzju min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi tal-poteri leġittimi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri (li huma partijiet essenzjali f'dan ir-rigward) jippromwovu dawn il-prinċipji u l-prattiki tajba relatati lil hinn mill-fruntieri tagħna;

8.  Ifakkar li s-sħubijiet pubbliċi-privati huma karatterizzati mill-valur għoli u mill-kumplessità teknika tagħhom, u mill-impenn fit-tul tal-partijiet; jinnota li, konsegwentement, jeħtieġu livelli xierqa kemm ta' flessibilità kif ukoll ta' salvagwardji proċedurali biex jiżguraw trasparenza, nondiskriminazzjoni u trattament ugwali;

9.  Ifakkar li hemm numru ta' riskji inerenti fil-proġetti infrastrutturali (b'mod partikolari dawk relatati mal-bini, l-ambjent, it-telekomunikazzjonijiet u n-netwerks tal-enerġija) u li l-gvern, permezz tas-sħubijiet pubbliċi-privati, jittrasferixxi parti mir-riskju lill-kuntrattur privat sabiex it-tnejn li huma jkunu jistgħu jiksbu l-benefiċċji iżda wkoll jaqsmu r-riskji u r-responsabilitajiet ta' tali proġetti; jenfasizza, barra minn hekk, li l-qsim adegwat tar-riskju huwa essenzjali sabiex jitnaqqsu l-kostijiet ta' proġett u jiġu żgurati l-implimentazzjoni b'suċċess u l-fattibilità tiegħu;

10. Ifakkar li l-forniment ta' servizzi ta' kwalità għolja, aċċessibbli u kosteffikaċi għall-pubbliku, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, huwa kundizzjoni essenzjali biex jiġu żgurati implimentazzjoni ta' suċċess u l-fattibilità tas-sħubijiet pubbliċi-privati; ifakkar li l-għażla kumplessa tal-mudelli u tal-kuntratti tħalli impatt fuq l-evoluzzjoni ta' proġett; iwissi li, f'ċerti fażijiet, ir-rikors għas-sħubijiet pubbliċi-privati sar sempliċement biex jinkiseb l-objettiv ta' konformità formali mal-objettivi tad-defiċit pubbliku; jenfasizza l-bżonn ta' qafas istituzzjonali adegwat li jgħaqqad l-impenn politiku, il-governanza tajba u l-leġiżlazzjoni adegwata sottostanti biex ikun garantit il-fatt li s-sħubijiet pubbliċi-privati joffru kwalità aħjar u kopertura wiesgħa tas-servizzi liċ-ċittadini; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' evalwazzjoni adegwata tal-profil u tal-esperjenzi tal-passat tal-kumpaniji involuti biex jiddeterminaw il-kwalità tas-servizzi fornuti u jekk ġabux ruħhom b'mod responsabbli fl-attivitajiet tagħhom;

Involviment tas-settur privat fl-iżvilupp

11. Jenfasizza li l-politiki tal-UE fil-qasam tal-kummerċ, tal-investiment u tal-iżvilupp huma interkonnessi u li l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona jistabbilixxi l-prinċipju tal-politika ta' koerenza għall-iżvilupp, li jirrikjedi li l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fil-politiki li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġi żgurat li l-politiki tal-investiment tal-UE huma orjentati lejn għażliet finanzjarji li jinkludu valutazzjoni reali tal-impatt soċjali;

12. Jisħaq fuq il-potenzjal krexxenti tas-sħubijiet pubbliċi-privati, bħala għażla fost oħrajn, għat-trawwim tas-soluzzjonijiet innovattivi u għall-mobilizzazzjoni tal-finanzjamenti privati fit-tul u r-riżorsi nazzjonali għall-ilħuq tal-objettivi ta' żvilupp, fid-dawl tal-fatt li jinħtieġu investimenti enormi fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw – f'termini ta' infrastrutturi, provvista tal-ilma u enerġija – li s-settur pubbliku mhuwiex se jkun kapaċi jforni waħdu, u l-maġġoranza tagħhom se jisiltu qligħ mill-involviment tas-settur privat; jemmen li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu wkoll jiġġeneraw l-innovazzjoni fit-teknoloġiji u fil-mudelli ta' negozju, u jibnu mekkaniżmi li jesiġu rendikont mis-settur privat; jiġbed l-attenzjoni iżda għall-fatt li jeżistu każijiet li fihom il-parteċipazzjoni tas-settur privat fis-sħubijiet pubbliċi-privati f'ċerti pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ma tatx ir-riżultati mistennija; josserva li, b'konsegwenza ta' dan, hemm bżonn kontribut ta' assistenza teknika bil-għan li jissaħħu l-oqfsa ġuridiċi u istituzzjonali li fihom huma żviluppati s-sħubijiet pubbliċi-privati, partikolarment fir-rigward tal-kapaċità ta' evalwazzjoni, ippjanar, superviżjoni tal-eżekuzzjoni ta' ċerti proġetti b'mod korrett, u joffri lis-sħab pubbliċi l-għażla li jitolbu indennizz mill-kumpaniji privati f'każ ta' nonkonformità mal-kuntratt;

13. Josserva li s-sħubijiet pubbliċi-privati huma prijorità fl-aġenda tal-iżvilupp u kulma jmur qegħdin ikunu aktar promossi bħala mezzi biex jagħlqu d-distakk fil-finanzjament tal-infrastrutturi fil-pajjiżi żviluppati u f'dawk li qegħdin jiżviluppaw;

14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-prospettiva tax-xewqa tagħha li testendi b'mod konsiderevoli l-użu tal-finanzjamenti mħallta fis-snin li ġejjin, timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-użu tal-finanzjamenti mħallta u tivvaluta l-mekkaniżmu għat-taħlit tas-self u l-għotjiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp u l-addizzjonalità finanzjarja, it-trasparenza u r-responsabilità;

15. Jistieden lill-korpi tal-UE jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-kumpaniji tal-UE fis-sħubijiet pubbliċi-privati fil-pajjiżi terzi, partikolarment fil-pajjiżi l-anqas żviluppati, biex jaħdmu fir-rispett tal-prinċipju tal-koerenza politika, konformement mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, bil-għan li jitqiesu l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-investimenti sostenibbli u tqis l-objettivi ta' żvilupp billi tagħti prijorità b'mod partikolari lill-iżvilupp fit-tul tal-ekonomiji nazzjonali u tippromwovi l-proġetti inċentrati pereżempju fuq il-ħarsien tal-ambjent, it-tnaqqis tal-faqar, l-edukazzjoni, l-immaniġġjar tal-iskart jew l-użu tal-enerġiji rinnovabbli;

16. Jisħaq fuq il-fatt li fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp, is-sħubijiet pubbliċi-privati jirrappreżentaw mod effikaċi kif jintefqu l-fondi Ewropej filwaqt li jiġu sostnuti l-prijoritajiet tal-UE u l-koerenza ma' politiki oħrajn; jappella għal aktar involviment u investiment min-naħa tal-Kummissjoni fis-sħubijiet pubbliċi-privati fil-qasam tal-iżvilupp, u biex isir rikors għas-sħubijiet pubbliċi-privati bħala mutur li jippermetti l-estensjoni tal-baġit limitat tal-Unjoni ddedikat għall-iżvilupp;

17. Jissottolinja l-fatt li l-investimenti u l-finanzi privati x'aktarx huma l-mutur ewlieni għat-tkabbir sostenibbli, li fis-snin li ġejjin huwa mbassar li jkun madwar 5 % fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jirrikonoxxi li finanzjamenti privati bħal dawn jistgħu jgħinu biex jappoġġaw ekonomiji u kumpaniji lokali u jipprovdu impjiegi dinjitużi, u għalhekk iwasslu għall-qerda tal-faqar, kemm-il darba li l-investiment dirett barrani jkun regolat kif xieraq u marbut ma' titjib konkret fl-ekonomiji tal-pajjiżi sħab, eż. permezz ta' trasferimenti ta' teknoloġija u opportunitajiet ta' taħriġ għall-forza tax-xogħol lokali; jikkunsidra, f'dawn iċ-ċirkostanzi, li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-pajjiżi l-anqas żviluppati peress li r-riskju sproporzjonat tal-investiment ma jinċentivax biżżejjed lill-investimenti privati; jenfasizza li s-sħubijiet pubbliċi-privati futuri fi ħdan l-aġenda tal-iżvilupp ta' wara l-2015 għandhom ikollhom l-objettiv li jnaqqsu l-faqar u objettivi oħrajn għal żvilupp sostenibbli u għandhom jiġu allinjati mal-pjanijiet nazzjonali għall-iżvilupp tal-pajjiżi sħab;

18. Jikkonstata li s-sħubijiet pubbliċi-privati li jkunu strutturati sewwa u implimentati b'mod effikaċi jista' jkollhom ħafna benefiċċji, fosthom l-innovazzjoni, effiċjenza akbar fl-użu tar-riżorsi u aċċertament tal-kwalità u skrutinju; jikkonstata wkoll li s-sħubijiet pubbliċi-privati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jeħtieġ li jiġu analizzati abbażi tal-kapaċità tagħhom li jagħtu riżultati ta' żvilupp, u li hemm bżonn ta' tqassim ġust tal-piż tar-riskju bejn is-settur pubbliku u dak privat; jenfasizza li s'issa s-sħubijiet pubbliċi-privati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huma l-aktar ikkonċentrati fis-setturi tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet, mentri l-involviment privat fl-infrastruttura soċjali għadu rari; jinkoraġġixxi għalhekk lil dawk is-sħubijiet pubbliċi-privati li għandhom il-ksib ta' għanijiet ta' żvilupp sostenibbli bħala l-għan primarju tagħhom;

19. Jappella biex tingħata aktar assistenza teknika – inkluż it-taħriġ ta' persunal lokali u l-kondiviżjoni tat-teknoloġija – lill-gvernijiet tal-pajjiżi sħab sabiex jagħtu spinta lill-kapaċità tagħhom li jaffermaw s-sjieda ta' sħubijiet pubbliċi-privati u jassumu sehemhom tar-responsabilità għall-ġestjoni tal-proġetti ta' sħubijiet pubblika-privata,fost l-oħrajn billi jingħataw l-għajnuna ħalli jistabbilixxu sistemi bankarji u amministrazzjonijiet tat-taxxa kapaċi jagħtu governanza finanzjarja għall-fondi pubbliċi u privati kif ukoll il-ġestjoni tagħhom; jirrimarka li, f'xi każijiet, l-esperjenza tal-passat turi li l-kuntratti ta' sħubijiet pubbliċi-privati li mhumiex innegozjati sew jistgħu jżidu l-pożizzjoni ta' dejn tal-Istat, u jappella biex ikun stabbilit qafas regolatorju dwar il-finanzjament responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibilità li tipprovdi lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw assistenza teknika u pariri dwar kif jippreparaw u jimplimentaw l-istandards tal-UE fis-swieq tagħhom;

20. Jappoġġa bil-qawwa t-tixrid u l-implimentazzjoni effikaċi u komprensivi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-UE u 'l barra minnha, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri politiċi u leġiżlattivi kollha meħtieġa biex jiġu indirizzati l-lakuni fl-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU, anki fil-qasam tal-aċċess għall-ġustizzja;

21. Jenfasizza li l-aġenziji għall-iżvilupp għandhom jiżguraw li l-finanzjament għall-iżvilupp pubbliku jintuża biex jappoġġa n-netwerks ekonomiċi lokali f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u ma jiġix devjat biex jippromwovi kumpaniji privati u kumpaniji multinazzjonali mill-pajjiżi donaturi; jenfasizza, b'mod partikolari, li s-sħubijiet pubbliċi-privati għandhom ikunu mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità ta' impriżi nazzjonali mikro, żgħar u ta' daqs medju;22.  Ifakkar li l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-azzjonijiet kollha tagħha; jappella biex id-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata fl-ippjanar u fit-twettiq ta' sħubijiet pubbliċi-privati, eż. bl-użu ta' data diżaggregata skont is-sessi u analiżijiet għal investimenti mmirati u billi fil-kuntratti jiġu stabbiliti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għal benefiċċji għan-nisa; jappella, f'dan il-kuntest, għal żieda fl-appoġġ għall-SMEs lokali, speċjalment għall-imprendituri nisa, sabiex ikunu jistgħu jiggwadanjaw minn tkabbir immexxi mis-settur privat;

Strumenti potenzjali intiżi li jippermettu lill-kumpaniji tal-UE jidħlu fi sħubijiet pubbliċi-privati barra mill-UE

23. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex tikseb impenji sostanzjali marbuta mal-aċċess għas-swieq fuq livell internazzjonali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), u fin-negozjati bilaterali li għaddejjin mal-pajjiżi terzi, f'approċċ pożittiv u reċiproku li jippermetti l-kompetizzjoni internazzjonali, bil-għan li jitranġaw l-asimmetriji bejn l-UE u s-sħab kummerċjali l-oħrajn fir-rigward tal-livell ta' ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku; jitlob lill-Kummissjoni taħdem biex telimina l-ostakli amministrattivi, proċedurali u tekniċi li jimpedixxu lill-kumpaniji tal-UE milli jieħdu sehem fi sħubijiet pubbliċi-privati barranin;

24. Jistieden lill-Kummissjoni, hija u tinnegozja l-ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment ma' pajjiżi oħra, tappoġġa t-tneħħija tal-ostakli għall-kumpaniji tal-UE, u b'mod partikolari għall-SMEs, sabiex dawn ikunu jistgħu jidħlu fi sħubijiet pubbliċi-privati f'dawn il-pajjiżi u tappoġġa l-mobilità professjonali taċ-ċittadini tal-UE f'dawn l-Istati, bil-ħsieb li jkunu jistgħu jikkompetu f'kundizzjonijiet ta' parità mal-kumpaniji nazzjonali u kumpaniji li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ tal-impriżi tal-UE li joperaw barra minnha u tislet konklużjonijiet mill-każijiet li rnexxew, mill-mudelli u mill-prattiki tajba, bil-għan li tfassal linji gwida, u tikkunsidra li toħloq ċentri ta' dokumentazzjoni jew osservatorji virtwali biex tiffaċilita l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE, speċjalment l-SMEs, għall-informazzjoni dwar l-opportunitajiet tas-sħubijiet pubbliċi-privati; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' pjattaformi u netwerks faċli biex jintużaw biex tippromwovi djalogu strutturat bejn il-partijiet interessati u tforni sostenn tekniku fir-rigward tal-qafas ġuridiku u tal-isfidi mistennija; jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-effetti tal-ftehimijiet ta' kummerċ ħieles u dwar l-implimentazzjoni tagħhom fuq l-aċċess għal sħubijiet pubbliċi-privati barranin min-naħa tal-kumpaniji tal-UE; jemmen li tali studju jista' jagħti tagħrif dwar l-impatti konkreti tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles fil-qasam tas-sħubijiet pubbliċi-privati u, fl-aħħar mill-aħħar, jippermetti l-identifikazzjoni tal-ostakli li għadhom ma ġewx indirizzati;

26. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu ta' regoli tal-kontabilità ċari u komprensivi fuq livell internazzjonali biex jitnaqqsu l-inċertezzi assoċjati mas-sħubijiet pubbliċi-privati, filwaqt li, fl-istess ħin, jiġu promossi politiki baġitarji sodi u s-sostenibilità tal-proġetti;

27. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-korpi appoġġati mill-UE bħall-Aġenzija Eżekuttiva għall-Impriżi Żgħar u Medji (EASME) u n-Netwerk Enterprise Europe (EEN) ikunu jistgħu wkoll ikollhom aċċess u jaqsmu informazzjoni mal-SMEs dwar il-mod kif jidħlu fi sħubijiet pubbliċi-privati fi Stati barra mill-UE u l-mod kif jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju fi sħubijiet pubbliċi-privati fil-pajjiżi terzi;

28. Jissottolinja l-fatt li biex jinġibdu fondi transfruntieri mis-settur privat fis-sħubijiet pubbliċi-privati, huwa importantissmu li jingħataw biżżejjed garanziji li tali investimenti fit-tul se jibbenefikaw minn kuntest ċar, stabbli u sigur b'governanza tajba, ċertezza tad-dritt, trasparenza, trattament indaqs, nondiskriminazzjoni u soluzzjoni tat-tilwim effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkollaboraw għal dan il-għan fil-fora internazzjonali kompetenti kif ukoll fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ħalli jiggarantixxu l-eżistenza ta' qafas ġuridiku neċessarju f'dan il-kuntest u li jkun trasparenti, demokratiku, inklużiv, effikaċi u kosteffiċjenti;

Sħubijiet pubbliċi-privati barra mill-UE: impjiegi u opportunitajiet ta' tkabbir ġodda għall-kumpaniji tal-UE

29. Huwa konvint li ż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-kumpaniji tal-UE fi sħubijiet pubbliċi-privati internazzjonali fuq skala kbira taf issarraf f'benefiċċji sostanzjali f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi dinjitużi, produttività, kompetittività, kapaċitajiet teknoloġiċi u żvilupp tal-innovazzjoni fl-UE; ifakkar li l-istudju tal-Kummissjoni tal-2010 bit-titolu "Internationalisation of European SMEs" (Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej) jenfasizza r-rabta pożittiva bejn l-internazzjonalizzazzjoni u l-innovazzjoni f'termini ta' prodotti, servizzi u proċessi;

30. Jisħaq fuq il-fatt li l-ħidma f'dan il-qasam trid tqis, partikolarment, l-isfidi għall-SMEs ibbażati fl-UE involuti fil-kompetizzjoni fis-swieq internazzjonali bħala partijiet ta' sħubijiet pubbliċi-privati, u fuq il-bżonn li jiġi żgurat li l-SMEs jiksbu aċċess konkret u ġust; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' regoli speċifiċi li jippermettu offerta kollettiva (fi clusters) jew raggruppata mill-SMEs u l-użu ta' ktajjen ta' sottokuntrattar miftuħa u trasparenti; jemmen li l-SMEs għandhom jiġu inkoraġġiti jieħdu sehem bħala sottokuntratturi jew bħala parti minn konsorzji li jitfgħu offerta biex jiġu aġġudikati l-kuntratti;

31. Ifakkar fis-suċċessi li saru fl-UE bis-saħħa tar-rikors għas-sħubijiet pubbliċi-privati, fl-iżvilupp tal-infrastrutturi kif ukoll fl-oqsma avvanzati tat-teknoloġija, ir-riċerka, it-tagħlim elettroniku u setturi oħrajn b'valur miżjud għoli, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tidentifika dawk il-proġetti li pproduċew l-aqwa riżultati fl-UE u tippromwovi l-parteċipazzjoni min-naħa tal-kumpaniji tal-UE, speċjalment tal-SMEs, f'tali inizjattivi barra l-UE;

o

o         o

32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew għall-Investiment.

(1)

ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1.

(2)

ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(3)

ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243.

(4)

ĠU C 56E, 26.2.2013, p. 87.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2013)0050.

(6)

ĠU C 313E, 20.12.2006, p. 447.

(7)

http://www.oecd.org/governance/budgeting/PPP-Recommendation.pdf.

(8)

http://www.oecd.org/daf/anti-bribery/ConvCombatBribery_ENG.pdf.

(9)

www.unece.org/fileadmin/DAM/ceci/publications/ppp.pdf.

(10)

http://www.uncitral.org/pdf/english/texts/procurem/pfip/guide/pfip-e.pdf.

(11)

http://api.ning.com/files/Iumatxx-0jz3owSB05xZDkmWIE7GTVYA3cXwt4K4s3Uy0NtPPRgPWYO1lLrWaTUqybQeTXIeuSYUxbPFWlysuyNI5rL6b2Ms/PPPReferenceGuidev02Web.pdf.


NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapporteur iqis li ċerti esperjenzi pożittivi tas-sħubijiet pubbliċi-privati ġejjin mill-forniment imtejjeb tal-proġetti (f'termini ta' forniment fil-ħin u fil-limiti tal-baġit), il-proporzjon bejn il-kostijiet u l-benefiċċji, il-possibilità għall-finanzjamenti fit-tul tal-kostijiet tal-bini tal-infrastrutturi, l-istimolu mogħti lill-innovazzjoni u lir-riċerka, l-involviment tas-settur privat kemm fil-kostruzzjoni jew fit-tħaddim tal-proġetti kif ukoll fir-rigward tal-finanzjament, kuntest ta' ġestjoni aktar flessibbli u bi kwalifiki, benefiċċji f'termini ta' riżorsi għall-kumpaniji u għall-SMEs konsolidati, tisħiħ tal-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE biex jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi.

Fl-opinjoni tar-rapporteur, fil-bini, ġestjoni, manutenzjoni jew tħaddim tal-infrastrutturi fil-qasam tat-trasport (toroq, ferroviji, metrò), tal-binjiet pubbliċi u tagħmir (ħabsijiet, skejjel, sptarijiet), tal-ambjent (trattament jew immaniġġjar tal-ilma u tal-iskart), tas-servizzi pubbliċi, tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni jew tal-enerġija jew żvilupp ta' teknoloġiji jew prodotti ġodda, jeżistu għadd ta' benefiċċji u riskji potenzjali inerenti li jistgħu jinqasmu bejn is-settur privat u dak pubbliku.

Ir-rapporteur isostni li ż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-kumpaniji Ewropej fi proġetti internazzjonali fuq skala kbira, speċjalment is-sħubijiet pubbliċi-privati, se tirriżulta f'benefiċċji sostanzjali f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi, produttività, kompetittività u teknoloġija u innovazzjoni u dan iwassal għal benefiċċji u tkabbir ekonomiku fl-UE kollha kif ukoll fil-pajjiżi ospitanti. Għaldaqstant, ir-rapporteur jixtieq jikkonċentra l-attenzjoni fuq il-possibilitajiet li joffru s-sħubijiet pubbliċi-privati għall-kumpaniji mhux tal-UE, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu l-provvedimenti neċessarji biex jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-kumpaniji tal-UE, speċjalment l-SMEs, fil-proġetti tas-sħubijiet pubbliċi-privati.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (8.5.2015)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati f'pajjiżi barra l-UE

(2014/2233(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Brian Hayes

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza li l-politiki tal-UE fil-qasam tal-kummerċ, tal-investiment u tal-iżvilupp huma interkonnessi u li l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona jistabbilixxi l-prinċipju tal-politika ta' koerenza għall-iżvilupp, li jirrikjedi li l-objettivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fil-politiki li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġi żgurat li l-politiki tal-investiment tal-UE huma orjentati lejn għażliet finanzjarji li jinkludu valutazzjoni reali tal-impatt soċjali;

2.  Jissottolinja l-fatt li l-investiment u l-finanzi privati x'aktarx huma l-mutur ewlieni għat-tkabbir sostenibbli, li fis-snin li ġejjin huwa mbassar li jkun madwar 5 % fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; jirrikonoxxi li dawn jistgħu jgħinu biex jappoġġaw ekonomiji u kumpaniji lokali u jipprovdu impjiegi deċenti – u għalhekk iwasslu għall-qerda tal-faqar – kemm-il darba li l-investiment dirett barrani jkun regolat kif xieraq u marbut ma' titjib konkret fl-ekonomiji tal-pajjiżi sħab, eż. permezz ta' trasferimenti ta' teknoloġija u opportunitajiet ta' taħriġ għall-forza tax-xogħol lokali; jikkunsidra, f'dawn iċ-ċirkostanzi, li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jkun ta' benefiċċju għall-pajjiżi l-anqas żviluppati peress li r-riskju sproporzjonat tal-investiment ma jinċentivax biżżejjed lill-investimenti privati; jenfasizza li s-sħubijiet pubbliċi-privati futuri fi ħdan l-aġenda tal-iżvilupp ta' wara l-2015 għandhom ikollhom l-objettiv li jnaqqsu l-faqar u objettivi oħrajn għal żvilupp sostenibbli u għandhom jiġu allinjati mal-pjanijiet nazzjonali għall-iżvilupp tal-pajjiżi sħab;

3.  Jikkonstata li s-sħubijiet pubbliċi-privati li jkunu strutturati u implimentati b'mod xieraq jista' jkollhom ħafna benefiċċji bħalma huma l-innovazzjoni, effiċjenza akbar fl-użu tar-riżorsi u aċċertament tal-kwalità u skrutinju; jikkonstata wkoll li s-sħubijiet pubbliċi-privati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jeħtieġ li jiġu analizzati abbażi tal-kapaċità tagħhom li jagħtu riżultati ta' żvilupp, u li hemm bżonn ta' tqassim ġust tal-piż tar-riskju bejn is-settur pubbliku u dak privat; jenfasizza li s'issa s-sħubijiet pubbliċi-privati f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huma l-aktar ikkonċentrati fis-setturi tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet, mentri l-involviment privat fl-infrastruttura soċjali għadu rari; għalhekk jinkoraġġixxi lil dawk is-sħubijiet pubbliċi-privati li għandhom il-ksib ta' għanijiet ta' żvilupp sostenibbli bħala l-għan primarju tagħhom;

4.  Jappella għal aktar assistenza teknika – inkluż it-taħriġ ta' persunal lokali u l-qsim tat-teknoloġija – għall-gvernijiet tal-pajjiżi sħab, sabiex iżidu l-kapaċità tagħhom li jaffermaw s-sjieda ta' sħubijiet pubbliċi-privati u jassumu s-sehem ta' responsabilità tagħhom għall-ġestjoni tal-proġetti ta' sħubijiet pubblika-privata, li tgħinhom jistabbilixxu sistemi bankarji u amministrazzjonijiet tat-taxxa kapaċi jipprovdu governanza finanzjarja għal u l-ġestjoni ta' fondi pubbliċi u privati; jirrimarka li f'xi każijiet l-esperjenza tal-passat turi li kuntratti ta' sħubijiet pubbliċi-privati li mhumiex innegozjati sew jistgħu jżidu l-pożizzjoni ta' dejn tal-Istat, u jħeġġeġ li jkun stabbilit qafas regolatorju dwar il-finanzjament responsabbli;

5.  Jappoġġa bil-qawwa t-tixrid u l-implimentazzjoni effikaċi u komprensivi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-UE u 'l barra minnha, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri politiċi u leġiżlattivi kollha meħtieġa biex jiġu indirizzati l-lakuni fl-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU, fosthom dawk dwar l-aċċess għall-ġustizzja;

6.  Huwa mħasseb li ċerti salvagwardji li jiggarantixxu l-użu bi skop ta' finanzi pubbliċi mhux dejjem huma fis-seħħ; jikkonstata, b'mod partikolari, li l-għanijiet tas-sħubijiet pubbliċi-privati huma spiss definiti b'mod ġenerali ħafna, filwaqt li huma ġeneralment assenti l-kriterji għal objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, u jintlaħqu f'waqthom; jenfasizza li s-sħubijiet pubbliċi-privati għandhom ikunu għodda li jippremjaw l-imġiba responsabbli ta' kumpaniji privati; għalhekk, iqis li għandu jiġi stabbilit qafas regolatorju b'saħħtu li jiżgura li dawn l-investimenti jkunu konformi mad-drittijiet tal-bniedem, ma' standards soċjali, ambjentali u ta' trasparenza, filwaqt li jiżgura li s-settur privat iħallas is-sehem ġust tiegħu ta' taxxi; jirrimarka wkoll li valutazzjoni tal-impatt ex ante dwar l-iżvilupp favur il-fqar, li jiżgura d-drittijiet tal-persuni, b'mod partikolari l-aċċess għall-art, l-ilma u s-servizzi soċjali bażiċi, hija meħtieġa għal kull proġett ta' sħubija pubblika-privata li jibbenefika minn għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp; jenfasizza li l-indikaturi tar-riżultati li jistgħu jitkejlu u mekkaniżmi ta' monitoraġġ kif ukoll ta' evalwazzjoni jeħtieġ li jkunu miftiehma b'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili matul il-fażi preparatorja tal-proġetti u implimentati b'mod effikaċi; jissottolinja l-importanza tar-rwol formali konsultattiv u ta' skrutinju tal-parlamenti u tas-soċjetà ċivili sabiex jiġu żgurati t-trasparenza , il-leġittimità u r-responsabbiltà sħaħ;

7.  Iqis li s-sħubijiet pubbliċi-privati huma soluzzjoni innovattiva essenzjali għall-problema li qiegħda tikber ta' nuqqas ta' investiment pubbliku; jirrikonoxxi li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jippreżentaw sfidi istituzzjonali u organizzattivi għas-settur pubbliku minħabba li fin-natura tagħhom huma kumplessi, jeħtieġu tipi differenti ta' ħiliet u istituzzjonijiet ġodda li jagħmluhom possibbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' governanza tajba, l-istat tad-dritt u istituzzjonijiet pubbliċi inklużivi, miftuħa u trasparenti; itenni l-importanza tar-rwol ta' tmexxija tal-UE fit-tisħiħ tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli 16 dwar il-ġustizzja u istituzzjonijiet effikaċi fil-kuntest tan-negozjati intergovernattivi dwar il-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-prospettiva tax-xewqa tagħha li testendi b'mod konsiderevoli l-użu tat-taħlit fis-snin li ġejjin, timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-użu tat-taħlit u tivvaluta l-mekkaniżmu għat-taħlit tas-self u l-għotjiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp u l-addizzjonalità finanzjarja, it-trasparenza u r-responsabbiltà;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji involuti fi sħubijiet pubbliċi-privati jirrispettaw il-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-proġetti, inkluż billi jirrispettaw il-Patt Globali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO, l-istandards ambjentali u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni; iqis li għandhom jitqiesu wkoll il-Linji Gwida tal-OECD matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġetti, b'mod partikolari l-Kapitolu IV tagħhom dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi ta' responsabbiltà ġuridikament eżegwibbli;

10. Iħeġġeġ lill-UE tappoġġa l-proċess ta' elaborazzjoni li għaddej ta' strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti tan-NU dwar kumpaniji transnazzjonali u impriżioħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, peress li dan se jiċċara l-obbligi ta' kumpaniji transnazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll ta' kumpaniji fir-rigward ta' stati, u jipprevedi t-twaqqif ta' rimedji effikaċi għall-vittmi f'każijiet li fihom il-ġurisdizzjoni nazzjonali tidher b'mod ċar li mhijiex kapaċi tipproċessa lil dawk il-kumpaniji b'mod effikaċi;

11. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-SMEs huma l-mutur għall-ħolqien ta' impjiegi u ġid f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li jiġġeneraw madwar 90 % tal-impjiegi; iqis li hu indispensabbli li ninvolvu ruħna kemm mas-settur privat lokali – essenzjali għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi interni u l-ħolqien tal-impjiegi – u kif ukoll mal-SMEs Ewropej u kumpaniji ġodda f'termini ta' sħubijiet pubbliċi-privati sabiex jiġi mobilizzat finanzjament fit-tul, tiġi ġġenerata l-innovazzjoni fit-teknoloġiji u mudelli ta' negozju u jinbnew mekkaniżmi li jrendu lis-settur privat responsabbli;

12. Jenfasizza li l-aġenziji għall-iżvilupp għandhom jiżguraw li l-finanzjament għall-iżvilupp pubbliku jintuża biex jappoġġa netwerks ekonomiċi lokali f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u ma jiġix devjat biex jippromwovi kumpaniji privati u kumpaniji multinazzjonali mill-pajjiżi donaturi; jenfasizza, b'mod partikolari, li s-sħubijiet pubbliċi-privati għandhom ikunu mmirati lejn it-tisħiħ tal-kapaċità ta' impriżi nazzjonali mikro, żgħar u ta' daqs medju;

13. Ifakkar li l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u tiżgura l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-azzjonijiet kollha tagħha; iħeġġeġ li d-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata fl-ippjanar u fit-twettiq ta' sħubijiet pubbliċi-privati, eż. bl-użu ta' data diżaggregata skont is-sessi u analiżi għal investimenti mmirati u billi fil-kuntratti jiġu stabbiliti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għal benefiċċji għan-nisa; f'dan il-kuntest jappella għal żieda fl-appoġġ għall-SMEs lokali, speċjalment għall-imprendituri nisa, sabiex ikunu jistgħu jiggwadanjaw minn tkabbir immexxi mis-settur privat;

14. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita pjattaformi strutturali ta' djalogu b'diversi partijiet interessati, li jinvolvu, pereżempju, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-ħaddiema, l-imprendituri u min iħaddem, sabiex tinbena l-fiduċja u jkun hemm qbil dwar għanijiet komuni fost il-partijiet interessati differenti, bħal gvernijiet, donaturi, is-settur privat, il-fondazzjonijiet filantropiċi, l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u organizzazzjonijiet mhux governattivi, sabiex tinħoloq ċertezza minn perspettiva amministrattiva u ta' investiment; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti tad-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi differenti bħala faċilitaturi ta' djalogi bħal dawn.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

0

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Nirj Deva, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Joachim Zeller

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Tiziana Beghin, Julie Ward


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (7.5.2015)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati f'pajjiżi barra mill-UE

(2014/2233(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Dita Charanzová

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar fl-importanza tas-sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) bħala mutur għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi kemm fis-suq uniku kif ukoll 'il barra minnu; jenfasizza r-rwol strateġiku li l-PPPs għandhom fl-immodernizzar tal-infrastruttura, b'mod partikolari l-infrastruttura tal-enerġija, tal-ilma, tat-toroq u dik diġitali; jinnota li l-kumpaniji Ewropej huma mgħammra sew biex jikkompetu għal tali arranġamenti u biex iwettqu l-operat tagħhom;

2.  Jenfasizza li l-impatt pożittiv tal-PPPs jirriżulta minn twettiq imtejjeb ta' proġetti, proporzjon tajjeb tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż, il-possibbiltà għal finanzjament fit-tul tal-ispejjeż, l-istimolu previst għall-innovazzjoni u r-riċerka u ambjent ta' ġestjoni aktar flessibbli u kkwalifikat;

3.  Iqis il-fatt li l-PPPs huma karatterizzati minn ċiklu tal-ħajja twil li kultant jestendi minn 10 sa 30 sena; jemmen li ċ-ċiklu tal-ħajja tal-PPPs għandu jkun sinifikanti u konsistenti mal-objettivi mfittxija f'termini tax-xogħol, tal-prodotti u tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti, mingħajr distorsjoni artifiċjali tal-kompetizzjoni jew ħolqien ta' spejjeż ogħla u piż żejjed għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-kontribwenti;

4.  Ifakkar li hemm numru ta' riskji inerenti fil-proġetti infrastrutturali (b'mod partikolari dawk relatati mal-bini, l-ambjent, it-telekomunikazzjonijiet u n-netwerks tal-enerġija) u li l-gvern, permezz tal-PPPs, jittrasferixxi parti mir-riskju lill-kuntrattur privat, sabiex it-tnejn li huma jkunu jistgħu jiksbu l-benefiċċji iżda wkoll jaqsmu r-riskji u r-responsabbiltajiet ta' tali proġetti; jenfasizza, barra minn hekk, li l-qsim adegwat tar-riskju huwa essenzjali sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' proġett u jiġu żgurati l-implimentazzjoni b'suċċess u l-vijabbiltà tiegħu;

5.  Ifakkar li l-PPPs huma kkaratterizzati mill-valur għoli u l-kumplessità teknika tagħhom, u mill-impenn fit-tul tal-partijiet ikkonċernati; jinnota li, konsegwentement, jeħtieġu livelli xierqa kemm ta' flessibbiltà kif ukoll ta' salvagwardji proċedurali biex jiżguraw trasparenza, nondiskriminazzjoni u trattament ugwali;

6.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu żgurati kompetizzjoni ġusta u aċċess għall-partijiet kollha involuti f'PPP, partikolarment permezz ta' proċeduri ta' selezzjoni ġusti u trasparenti li permezz tagħhom il-gvernijiet jiżviluppaw tali sħubijiet;

7.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-PPPs irid jieħu kont, b'mod partikolari, tal-isfidi għall-SMEs ibbażati fl-UE b'rabta mal-fatt li jikkompetu fis-swieq internazzjonali fil-kuntest ta' PPP kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-SMEs jiksbu aċċess konkret, ġust u reċiproku, notevolment fis-settur tal-utilitajiet, kif stabbilit fid-Direttiva 2014/25/UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' regoli speċifiċi li jippermettu offerta kollettiva jew raggruppata mill-SMEs u l-użu ta' ktajjen ta' sottokuntrattar miftuħa u trasparenti;

8.  Ifakkar li l-PPPs għandhom joffru valur miżjud għoli liċ-ċittadini u l-konsumaturi, jiżguraw servizzi u/jew prodotti ta' kwalità u jipprovdu vantaġġi kompetittivi u ekonomiċi konkreti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, kemm fil-livell tal-gvern kif ukoll f'dak lokali, filwaqt li jevitaw li joħolqu piż żejjed jew telf għas-settur pubbliku;

9.  Jenfasizza li, filwaqt li l-arranġamenti tal-PPP jistgħu jieħdu diversi forom, il-leġiżlazzjoni tas-suq uniku tistabbilixxi standards proċedurali għoljin; jinnota li din il-leġiżlazzjoni ġiet riveduta u kkonsolidata fid-Direttivi 2014/24/UE u 2014/25/UE dwar l-akkwist pubbliku, fid-Direttiva 2014/23/UE dwar il-konċessjonijiet, u fil-qafas tal-linji gwida dwar il-PPPs istituzzjonalizzati; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li tipprovdi lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw assistenza teknika u pariri dwar kif jippreparaw u jimplimentaw l-istandards tal-UE fis-swieq tagħhom;

10. Jenfasizza li s-swieq tal-UE għall-akkwist pubbliku huma fil-biċċa l-kbira tagħhom miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali, b'regoli mmirati lejn it-tisħiħ ta' kompetizzjoni ġusta u effikaċi fi ħdan is-suq uniku, lejn il-kisba ta' tkabbir inklużiv ibbażat fuq il-prinċipju ta' kuntratti li jingħataw skont l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża u lejn il-forniment ta' kundizzjonijiet ekwi għall-investituri internazzjonali; ifakkar li ma hemm ebda diskriminazzjoni abbażi ta' sjieda jew kontroll barranin, u li kumpaniji minn barra jistgħu jistabbilixxu ruħhom lokalment sabiex jipparteċipaw f'PPPs;

11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet ta' kummerċ tal-Unjoni jkun fihom il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jippermettu lill-kumpaniji Ewropej jikkompetu f'termini ugwali mal-kumpaniji nazzjonali barra mill-UE; jikkunsidra li dan jinkludi aċċess għas-servizzi relatati, flimkien ma' regoli ċari u ekwi dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-offerti u dwar il-kriterji tal-għoti; jenfasizza li aktar trasparenza kif ukoll l-iżvilupp ta' proċeduri onlajn huma ta' importanza partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u għall-konklużjoni ta' PPPs sostenibbli u inklużivi;

12. Jissottolinja li, sabiex is-settur privat ikun attiratt lejn il-PPPs, b'mod partikolari dawk transkonfinali, huwa importanti ħafna li l-investituri jingħataw biżżejjed garanziji li l-investiment fit-tul tagħhom se jibbenefika minn ambjent sikur, ċertezza tad-dritt u governanza tajba; jenfasizza għalhekk il-bżonn li tiġi żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-investimenti u tal-assi ekonomiċi miżmuma mill-kumpaniji Ewropej bħala parti mill-arranġamenti tal-PPP barra mill-UE;

13. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem fl-isfera tal-politiki u l-ftehimiet dwar il-kummerċ bil-ħsieb li tiftaħ l-aċċess għas-suq għall-kumpaniji Ewropej fil-kuntest tal-arranġamenti tal-PPP barra mill-UE;

14. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-korpi appoġġjati mill-UE bħall-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) u n-Netwerk Enterprise Europe (EEN) jkunu jistgħu wkoll ikollhom aċċess u jaqsmu informazzjoni mal-SMEs dwar kif jidħlu f'PPPs fi stati barra mill-UE u jippromwovu l-parteċipazzjoni ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju f'PPPs f'pajjiżi terzi;

15. Jistieden lill-Kummissjoni biex, hija u tinnegozja l-ftehimiet ta' kummerċ u investiment ma' pajjiżi oħra, tappoġġja t-tneħħija ttal-ostakoli għall-kumpaniji tal-UE, u b'mod partikolari l-SMEs, sabiex dawn ikunu jistgħu jidħlu f'PPPs f'dawn il-pajjiżi u tappoġġja l-mobbiltà professjonali taċ-ċittadini tal-UE f'dawn l-istati, bil-ħsieb li jkunu jistgħu jikkompetu fuq livell ugwali ma' kumpaniji nazzjonali u kumpaniji li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

7.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Anna Maria Corazza Bildt, Nicola Danti, Dennis de Jong, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Antonio López-Istúriz White, Marlene Mizzi, Eva Paunova, Jiří Pospíšil, Marcus Pretzell, Robert Rochefort, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Mihai Țurcanu, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Biljana Borzan, Birgit Collin-Langen, Jens Nilsson, Julia Reda, Sabine Verheyen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Petras Auštrevičius, Damiano Zoffoli


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

28.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

5

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, Daniel Caspary, Marielle de Sarnez, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Yannick Jadot, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, Jörg Leichtfried, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Alessia Maria Mosca, Franz Obermayr, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Goffredo Maria Bettini, Dita Charanzová, Georgios Epitideios, Seán Kelly, Sander Loones, Adina-Ioana Vălean, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Cecilia Wikström

Avviż legali - Politika tal-privatezza