RAPPORT dwar il-prospettivi għas-settur tal-ħalib tal-UE – rieżami tal-implimentazzjoni tal-pakkett dwar il-prodotti magħmula mill-Ħalib
12.6.2015 - (2014/2146(INI))
Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
Rapporteur: James Nicholson
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-prospettivi għas-settur tal-ħalib tal-UE – rieżami tal-implimentazzjoni tal-Pakkett dwar il-Prodotti magħmula mill-Ħalib
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007[2],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ġunju 2014 intitolat "L-iżvilupp tas-sitwazzjoni tas-suq tal-prodotti magħmula mill-ħalib u l-operat tad-dispożizzjonijiet tal-"Pakkett tal-Ħalib"" (COM(2014)0354),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2014 dwar il-Prospetti għas-swieq u d-dħul agrikoli tal-UE 2014-2024;
– wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar is-suġġett tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-10 ta' Diċembru 2012 intitolat "L-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib – it-tieni rapport ta' impatt tajjeb ("soft landing")" (COM(2012)0741),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar iż-żamma tal-produzzjoni tal-ħalib f'żoni muntanjużi, żoni żvantaġġati u r-reġjuni ultraperiferiċi wara li tiskadi l-kwota tal-ħalib[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar id-defiċit ta' proteini fl-UE: x'soluzzjoni għal problema li ilha teżisti?[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-kriżi fis-settur tat-trobbija ta' bhejjem tal-ħalib[5],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2014 dwar l-indirizzar ta' prattiki kummerċjali inġusti fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji (COM(2014)(0472),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 247/2006, li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar il-bogħod ta' l-Unjoni[6],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel[7],
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tat-13 ta' Jannar 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (COM(2015)0010),
– wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Il-futur tas-settur tal-prodotti tal-ħalib",
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil rigward il-kooperazzjoni fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fl-UE bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment iffirmat fit-23 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0187/2015),
A. billi l-hekk imsejjaħ "Pakkett tal-Ħalib" ġie ppubblikat fit-3 ta' Ottubru 2012 u se jibqa' japplika sat-30 ta' Ġunju 2020;
B. billi, kif deċiż fir-Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu tal-PAK tal-2003, il-kwoti tal-prodotti magħmula mill-ħalib se jiskadu fil-31 ta' Marzu 2015;
C. minħabba l-importanza u r-rilevanza tal-miżuri li jinsabu fir-riżoluzzjoni tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar iż-żamma tal-produzzjoni tal-ħalib f'żoni muntanjużi, żoni żvantaġġati u reġjuni ultraperiferiċi wara li tiskadi l-kwota tal-ħalib;
D. billi, s-suq globali tal-prodotti magħmula mill-ħalib huwa dejjem iktar volatili, bl-ogħla prezzijiet minn meta beda jittieħed kont tagħhom milħuqa f'Jannar 2014, segwiti bi tnaqqis sostanzjali fil-prezzijiet matul il-bqija tal-2014; billi t-trobbija tal-annimali u l-prodotti li jidħlu użati għall-produzzjoni tal-ħalib huma partikolarment vulnerabbli għall-isfidi tal-volatilità, bir-riżultat li l-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola huma anqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni;
E. billi l-biedja sostenibbli bħala sors ta' ikel ta' kwalità għolja tista' tiġi żgurata biss jekk il-bdiewa jirċievu prezz mal-ħruġ mill-azjenda agrikola li jkopri l-ispejjeż kollha ta' produzzjoni sostenibbli;
F. billi l-projbizzjoni Russa fuq prodotti Ewropej magħmula mill-ħalib minn Awwissu 2014 'l hawn kellha impatt negattiv fuq is-suq intern tal-UE, u dan għaldaqstant juri l-ħtieġa ta' tħejjija għall-applikazzjoni ta' miżuri relatati mal-kriżi tas-suq, irrispettivament min-natura tagħhom, kif ukoll l-importanza li jiġu żgurati diversi swieq ta' esportazzjoni għal prodotti tal-UE, b'mod partikolari hekk kif id-domanda globali għall-prodotti magħmula mill-ħalib hija prevista li se tiżdied, flimkien mal-iżgurar ta' suq domestiku stabbli u solventi;
G. billi l-Pakkett tal-Ħalib daħħal il-possibilità li l-Istati Membri jintroduċu kuntratti obbligatorji biex jgħin lill-produtturi u lill-proċessuri jippjanaw il-volumi ta' produzzjoni tagħhom, kif ukoll isaħħu l-istrutturar tal-ktajjen ta' provvista fid-dawl tat-tmiem tal-kwoti tal-ħalib, u billi ftit Stati Membri għamlu użu minn din il-prerogattiva s'issa;
H. billi l-Pakkett tal-Ħalib obbliga lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u r-rwol kruċjali li l-kooperattivi jkomplu jkollhom, b'kont meħud tal-ħtieġa li titjieb il-konċentrazzjoni tal-provvista sabiex tagħti lill-produtturi aktar setgħa ta' negozjar;
I. billi l-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib ġie stabbilit f'April 2014 biex jittejjeb il-monitoraġġ tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-industrija, u billi l-funzjoni tiegħu jeħtieġ li tissaħħaħ sabiex jinħoloq fi ħdan is-settur sistema effiċjenti ta' twissija f'każ ta' kriżi għal irziezet tal-produzzjoni tal-ħalib ta' daqsijiet differenti, f'postijiet ġeografiċi u b'metodi ta' produzzjoni u distribuzzjoni differenti;
J. billi din ix-xibka ta' sikurezza hija baxxa wisq biex tagħti protezzjoni fil-każ ta' tnaqqis fil-prezz tal-ħalib;
K. billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika agrikola komuni (PAK) huwa żvilupp territorjali bilanċjat, f'termini ekonomiċi, soċjali u ambjentali; billi dan jippresupponi li l-agrikoltura se tkompli tkun produttiva u sostenibbli f'reġjuni żvantaġġjati, ultraperiferiċi, remoti jew żoni muntanjużi;
L. billi t-tmiem tal-kwoti se jkollu impatt negattiv konsiderevoli fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari fl-Azores, fejn il-produzzjoni tal-ħalib hija l-attività ekonomika ewlenija, li tirrappreżenta madwar 46 % tal-ekonomija reġjonali;
M. billi għal għadd kbir ta' rziezet tal-produzzjoni tal-ħalib li jinsabu f'reġjuni żvantaġġati, ultraperiferiċi, insulari, żoni remoti u muntanjużi l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-ġbir u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti magħmula mill-ħalib barra miż-żona ta' produzzjoni tagħhom huma ħafna ogħla minn dawk f'oqsma oħra, u billi dawn ma jistgħux jużaw l-opportunitajiet għat-tkabbir maħluqa mit-tneħħija tal-kwota sal-istess punt minħabba l-limitazzjonijiet naturali ta' dawn ir-reġjuni; għal dawn ir-raġunijiet, dawn il-bdiewa jistgħu jkunu mhedda minn konċentrazzjoni akbar ta' produtturi fl-oqsma ekonomiċi fl-aħjar pożizzjoni fi ħdan l-UE;
N. billi dikjarazzjonijiet obbligatorji tal-volumi ta' ħalib forniti se japplikaw mill-1 ta' April 2015;
O. billi t-tiġdid ġenerazzjonali, il-modernizzazzjoni u l-investiment huma kruċjali għat-tħaddim tajjeb u sostenibbli tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib Ewropew;
P. billi l-ħalib u, b'mod partikolari, prodotti ta' "denominazzjoni protetta ta' oriġini" (DPO), "indikazzjoni ġeografika protetta" (IĠP) u "speċjalitajiet tradizzjonali garantiti" (STG) prodotti madwar l-UE jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għas-suċċess tal-industrija agroalimentari tal-UE u tal-prosperità tal-ekonomiji rurali fejn l-intrapriżi tal-familja żgħar u ta' daqs medju jippredominaw u fejn produzzjoni tal-ħalib estensiva għandha tinżamm, jipprovdu materja prima għal għadd kbir ta' proċessuri fis-setturi privati u kooperattivi, iħarsu l-wirt agroalimentari Ewropew, u għandhom rwol ewlieni fil-konfigurazzjoni territorjali u ambjentali tal-Ewropa, kif ukoll fil-qasam soċjali, b'effett multiplikatur fuq setturi oħra tan-negozju, bħal dak tat-turiżmu;
Q. billi ġew imposti multi sinifikanti fuq il-bdiewa u l-produtturi tal-ħalib f'xi Stati Membri talli qabżu l-kwoti tal-ħalib matul l-aħħar sentejn tal-kwota;
1. Ifakkar li settur tal-produzzjoni tal-ħalib vijabbli, sostenibbli u kompetittiv fl-UE, b'għodod reattivi li jippermettu remunerazzjoni ġusta tal-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, huwa l-għan tal-Pakkett tal-Ħalib; jenfasizza li l-problemi identifikati fil-Pakkett tal-Ħalib għadhom ostaklu għal suq tal-produzzjoni tal-ħalib sostenibbli, kompetittiv u ekwu u għal dħul xieraq għall-bdiewa;
2. Ifakkar ir-rwol importanti tat-trobbija ta' bhejjem tal-ħalib f'termini tal-ġestjoni tal-art, l-impjieg rurali u l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali u soċjali ta' diversi reġjuni agrikoli Ewropej;
3. Jenfasizza l-fatt li l-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, b'mod speċjali bdiewa fuq skala żgħira, huma partikolarment vulnerabbli għal varjazzjonijiet fid-dħul u għal riskji kkawżati minn spejjeż kapitali għoljin, id-deterjorabilità tal-produzzjoni, prezzijiet volatili tal-prodott tal-ħalib bażiku, spejjeż tal-input u tal-enerġija, u li għajxien sostenibbli mill-produzzjoni tal-ħalib hija sfida kontinwa, peress li l-ispejjeż ta' produzzjoni huma ta' sikwit qrib ta' jew 'il fuq mill-prezz mal-ħruġ mill-azjenda agrikola;
4. Jenfasizza li l-bdiewa Ewropej ikollhom ilaħħqu ma' spejjeż kbar minħabba l-prezzijiet tal-oġġetti involuti fil-produzzjoni, bħalma huma l-għalf tal-bhejjem, u li, bħala riżultat ta' regolamenti Ewropej stretti dwar il-benesseri tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel, il-kompetittività tagħhom titnaqqas meta mqabbla ma' pajjiżi oħrajn;
L-impatt tal-embargo Russu u l-kriżi attwali fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrifletti dwar il-kawżi tal-kriżi u dwar il-miżuri li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ biex jipprevjenu kriżijiet futuri, kif indikat fl-Artikoli 219, 221 u 222 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza, b'miżuri ulterjuri immirati lejn is-suq, il-kriżi li attwalment qed tolqot is-swieq tal-produzzjoni tal-ħalib bħala riżultat ta' pressjoni għat-tnaqqis tal-prezzijiet li rriżultat minn nuqqas ta' strumenti xierqa relatati mal-kriżijiet, tnaqqis fid-domanda globali, il-volatilità globali tal-prezzijiet u l-embargo Russu, filwaqt li tirrikonoxxi l-ewwel passi li ttieħdu s'issa biex jindirizzaw l-impatt tal-embargo Russu;
7. Jirrimarka li l-eċċess ta' prodotti magħmula mill-ħalib minn ċerti Stati Membri li għandhom relazzjonijiet kummerċjali tradizzjonali tar-Russja toħloq żbilanċi kbar fis-swieq domestiċi tagħhom, li wassal għal tnaqqis qawwi fil-prezzijiet u li kkawża li l-produtturi lokali ma baqgħux kompetittivi; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tanalizza s-sitwazzjoni li għadha kif inħolqot u tieħu azzjoni prijoritarja;
8. Ifakkar li l-kriżi tal-ħalib tal-2009 seħħet taħt l-istruttura tal-kwota u minħabba nuqqas ta' funzjonament tal-katina tal-valur tal-prodotti magħmula mill-ħalib, li tirriżulta fi pressjoni għal tnaqqis fil-prezz imħallas lill-produtturi; ifakkar lill-Kummissjoni li d-dewmien biex tirreaġixxi għall-kriżi ġiegħlet ħafna bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib iħallu n-negozju, u jesprimi tħassib dwar il-kapaċità tal-Kummissjoni biex tirrispondi rapidament u effettivament għall-kriżijiet fis-suq; jenfasizza l-fatt li t-tnaqqis fil-prezzijiet mis-sors li affettwa dawk li jrabbu l-bhejjem ma kienx rifless fil-prezzijiet tal-konsumatur, li juri żbilanċ kbir bejn il-partijiet ikkonċernati differenti fil-katina tal-provvista tal-prodotti magħmula mill-ħalib;
9. Jiddispjaċih li t-talba tal-Parlament, li kellha l-għan, fil-każ ta' kriżi serja, li tipprovdi sussidji għal bdiewa li b'mod volontarju jkunu naqqsu l-produzzjoni tagħhom, ġiet irrifjutata mill-Kunsill; jissottolinja l-importanza li jerġa' jinfetaħ id-dibattitu dwar din l-għodda tal-ġestjoni ta' kriżijiet;
10. Jissottolinja li t-tneħħija tal-kwoti għandha r-riskju li twassal għal żieda fil-konċentrazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib l-aktar favur l-akbar bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib u għad-detriment tal-iżgħar bdiewa, mingħajr garanzija ta' effiċjenza jew dħul;
Sfidi u opportunitajiet għas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib
11. Jinnota li prospetti fuq terminu medju u twil għas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib kemm fis-swieq domestiċi kif ukoll dawk globali għadhom fluwidi b'domanda li tvarja, iżda fl-istess ħin jenfasizza li, bħala parti ewlenija mill-industrija agroalimentari, is-settur tal-produzzjoni tal-ħalib għandu potenzjal sinifikanti għal tkabbir fuq terminu twil u għall-ħolqien ta' impiegi li għandhom ukoll ikunu mmirati fil-Pjan ta' Investiment il-ġdid;
12. Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex il-produtturi u l-proċessuri kollha jitħallew jadattaw l-apparat u t-tekniki ta' produzzjoni tagħhom b'reazzjoni għall-aspettativi ekonomiċi, ambjentali u soċjali;
13. Jenfasizza r-rwol importanti li t-tiġdid ġenerazzjonali għandu għall-futur tas-settur tal-ħalib u l-opportunitajiet sinifikanti għal bdiewa żgħażagħ fil-produzzjoni tal-ħalib;
14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi opportunitajiet ġodda ta' finanzjament għal Stati Membri, inkluż bl-għajnuna tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li permezz tiegħu l-industrija tal-produzzjoni tal-ħalib se tiġi riformata; iqis li l-appoġġ finanzjarju, bħal fondi ta' garanzija, fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw u investiment kapitali, huma essenzjali, flimkien ma' riżorsi mogħtija mill-BEI, sabiex jintervjenu fil-livell tal-fondi strutturali u fondi ta' investiment Ewropej, b'mod partikolari f'armonija mal-iżvilupp rurali; dan jippermetti l-ksib ta' effett multiplikatur f'termini ta' tkabbir u ta' dħul, kif ukoll l-iffaċilitar tal-aċċess għall-kreditu għall-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib; jilqa' f'dan ir-rigward l-opportunitajiet ta' finanzjament preżentati lill-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib mill-fond il-ġdid tal-BEI, li joffri rati ta' interessi aktar baxxi biex jiffaċilita l-investiment u l-modernizzazzjoni fl-irziezet, filwaqt li joffri opportunitajiet ta' finanzjament lil bdiewa żgħażagħ biex ikabbru n-negozji tagħhom; jenfasizza ulterjorment in-natura komplementari tal-finanzjament mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, li għandu jgħin biex jiġi żviluppat is-settur tal-ħalib billi jattira kapital privat bil-għan ta' responsabilità fl-infiq u effettività akbar tal-investiment;
15. Jinnota li l-livell għoli ta' volatilità fil-prezzijiet u kriżijiet rikorrenti li huma inkompatibbli ma' investimenti kbar fil-bhejjem u l-istabbiliment ta' produtturi ġodda huma l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur tal-produzzjoni tal-ħalib; iħeġġeġ lill-Kummissjoni konsegwentement sabiex tikkunsidra miżuri biex timmitiga r-riskji li jirriżultaw minn espożizzjoni akbar għas-suq dinji, biex tissorvelja aktar mill-qrib il-funzjonament korrett tas-suq uniku fil-ħalib u fil-prodotti magħmula mill-ħalib u li tfassal pjan ta' azzjoni sabiex turi kif għandha l-ħsieb li tnaqqas dawn ir-riskji;
Iż-żamma ta' settur tal-produzzjoni tal-ħalib sostenibbli f'reġjuni żvantaġġati, muntanjużi, insulari u ultraperiferiċi
16. Jimpenja ruħu biex tinżamm il-produzzjoni tal-ħalib, peress li l-produzzjoni tal-ħalib tagħti kontribut soċjoekonomiku importanti għall-iżvilupp agrikolu u rurali madwar l-UE, u jenfasizza l-importanza partikolari tagħha f'reġjuni żvantaġġjati muntanjużi, insulari u dawk ultraperiferiċi, fejn xi drabi huwa l-uniku tip ta' biedja possibbli; iżid li għal dawn ir-reġjuni, dan is-settur huwa responsabbli għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali, l-għajxien ta' ħafna familji, l-organizzazzjoni, ix-xogħol u l-protezzjoni tat-territorju u ż-żamma ta' prattiki kulturali u tradizzjonali u l-produzzjoni tal-ħalib serviet ukoll biex sawret l-ambjent kulturali ta' sekli sħaħ f'dawn ir-reġjuni, u ħolqot bażi importanti għat-turiżmu; jenfasizza l-fatt li f'dawn ir-reġjuni l-abbandun tal-produzzjoni tal-ħalib tfisser l-abbandun tal-agrikoltura;
17. Jenfasizza li hu essenzjali li jinħoloq mekkaniżmu ta' tranżizzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi bejn l-eliminazzjoni tal-kwoti u l-liberalizzazzjoni tas-swieq li jagħmel possibbli l-protezzjoni tal-bdiewa u tas-settur f'dawn ir-reġjuni;
18. Jitlob li jiġu attivati miżuri ta' lqugħ bħala indikaturi speċifiċi għal operazzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħalib u n-negozji f'reġjuni muntanjużi, fid-dawl tad-differenza fil-produzzjoni bejn reġjuni ta' produzzjoni tal-ħalib muntanjużi u territorji oħrajn;
19. Jesprimi d-diżappunt tiegħu bil-livelli baxxi ta' implimentazzjoni tal-miżuri tal-Pakkett tal-Ħalib fir-reġjuni ultraperiferiċi u muntanjużi, insulari u żoni żvantaġġati, u jissottolinja li huwa indispensabbli li jinżammu rziezet tal-produzzjoni tal-ħalib bħala negozji vijabbli u kompetittivi fit-territorji kollha tal-Unjoni; iqis, f'dan ir-rigward, li dawn iż-żoni jridu jkunu ċ-ċentru ta' attenzjoni speċjali u ta' studji speċifiċi mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri u li l-użu ta' ktajjen tal-provvista qosra, filwaqt li jagħti preferenza lill-produzzjoni lokali f'dawn il-każijiet speċifiċi, għandu jitħeġġeġ biex jiżgura produzzjoni kontinwa f'dawn ir-reġjuni u biex jevita l-abbandun tas-settur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex itejbu u jsaħħu s-sistemi ta' distribuzzjoni tal-ħalib fl-iskejjel, jiffavorixxu ktajjen ta' provvista qosra u b'hekk tkun tista' ssir id-distribuzzjoni tal-produzzjoni f'dawn ir-reġjuni; jenfasizza l-fatt li, f'dawn iż-żoni, l-ispejjeż tal-produzzjoni jinsabu tipikament viċin jew ogħla mill-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola u jikkunsidra li l-inċertezzi attwali tal-katina tal-provvista huma partikolarment ta' ħsara għal dawn iż-żoni, li jkollhom l-akbar ostakli u opportunitajiet ridotti għal ekonomiji ta' skala; ifakkar li l-bdiewa f'dawn iż-żoni jiddependu direttament u esklużivament fuq numru żgħir ta' fornituri tal-fatturi tal-produzzjoni u x-xerrejja għall-produzzjoni agrikola tagħhom minħabba l-iżolament ġeografiku tagħhom; jenfasizza li l-appoġġ għall-istabbiliment u l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jirriflettu aħjar ir-realtajiet ta' dawn ir-reġjuni; jenfasizza li jeħtieġ li jitwettqu politiki ambizzjużi biex jappoġġaw lil dawn ir-reġjuni bl-għajnuna tal-politika għall-iżvilupp rurali, il-Pjan ta' Investiment u l-promozzjoni u l-irfinar tal-għajnuna tal-PAK, kif permess mill-aħħar riforma; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw dawn il-miżuri, biex tippermetti l-preservazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib f'dawn ir-reġjuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-evoluzzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib f'dawn iż-żoni u tevalwa l-impatt ekonomiku ta' tmiem il-kwoti fuq l-irziezet tal-produzzjoni tal-ħalib; jemmen li huwa meħtieġ li jiġu allokati riżorsi addizzjonali lill-programm POSEI sabiex il-produtturi tal-ħalib jiġu megħjuna jadattaw għall-effetti li rriżultaw mid-deregolamentazzjoni tas-swieq u li jippermettilhom li jkollhom produzzjoni tal-ħalib vijabbli u kompetittiva relattiva għall-bqija taż-żona Ewropea;
20. Jenfasizza l-importanza tal-użu tat-terminu volontarju ta' kwalità "prodotti tal-muntanji" skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa din id-deżinjazzjoni permezz tal-promozzjoni tal-bejgħ;
21. Jenfasizza l-importanza tar-razez indiġeni bovini tal-muntanji għall-produzzjoni tal-ħalib f'żoni muntanjużi; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri biex issaħħaħ il-promozzjoni ta' dawn ir-razez bovini tal-muntanji;
Il-volatilità tal-prezz u t-tmiem tal-kwoti tal-ħalib
22. Jirrakkomanda li, biex tiġi evitata instabilità ulterjuri fis-suq, deċiżjonijiet preċedenti fuq il-kwoti tal-ħalib għandhom jinżammu fis-seħħ;
23. Huwa tal-fehma li l-politika tal-produzzjoni tal-ħalib tal-UE wara l-iskadenza tal-kwoti tal-ħalib għandha tinkludi mezz biex isir l-aħjar użu tal-opportunitajiet ta' espansjoni għall-ekonomija tal-UE sabiex il-produzzjoni tal-ħalib issir attraenti għall-bdiewa, u jqis li kwalunkwe miżuri futuri għandhom isaħħu l-kompetittività u l-istabilità sabiex jiġi ffaċilitat it-tkabbir u l-innovazzjoni sostenibbli fis-settur agrikolu u fil-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali;
24. Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi qafas legali adegwat li jippermetti li l-produzzjoni tiġi organizzata permezz ta' ġestjoni tal-provvista fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib;
25. Jirrikonoxxi d-deċiżjoni li l-ħlas fir-rigward ta' somom finali dovuti lill-bdiewa taħt ir-reġim tal-kwoti jinfirex fuq tliet snin, iżda jinnota li fondi sinifikanti tneħħew mis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib fl-aħħar sena tal-kwota bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-levy speċjali, u għaldaqstant jirrakkomanda li dan id-dħul jibqa' fi ħdan il-baġit tal-PAK biex tissaħħaħ il-kompetittività tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib;
26. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta għodda regolatorja waħda jew aktar għall-prevenzjoni u jindirizzaw b'mod effikaċi kriżijiet ġodda fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, b'mod partikolari billi jiffaċilitaw l-organizzazzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib f'termini tal-ġestjoni tal-provvista; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha f'taħdidiet formali mal-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur sabiex jinkiseb dan;
27. Iqis li kompetizzjoni aktar qawwija għandha tintuża bħala mezz biex jiġi żgurat il-bilanċ territorjali u remunerazzjoni aktar bilanċjata għall-produtturi tal-prodotti magħmula mill-ħalib fil-katina tal-valur;
L-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ħalib
28. Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ħalib għadha fi stadju bikri; jesprimi diżappunt, madankollu, bil-livelli baxxi ta' implimentazzjoni ta' kuntratti obbligatorji, u għalhekk iħeġġeġ li dawn jiġu estiżi għall-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju fil-fond tal-ostakli għall-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ħalib u ta' miżuri li jiżguraw l-aħjar użu tal-għodod disponibbli għall-Istati Membri;
29. Jiddispjaċih għall-fatt li l-pakkett tal-ħalib ma ġiex ikkunsidrat bħala prijorità fil-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-2015, u jitlob li l-Kummissjoni urġentement iddaħħal din il-prijorità;
30. Jiddispjaċih għall-fatt li mir-rapport mhuwiex ċar jekk il-Kummissjoni hijiex sodisfatta bl-implimentazzjoni tal-għodda regolatorja l-ġdida u li l-Kummissjoni ma tikkwantifikax x'għadd huwa mistenni ta' organizzazzjonijiet ġodda tal-produtturi, Stati Membri parteċipanti jew negozjati kollettivi; jinnota li lanqas mhuwa ċar l-effett li għandhom l-għodod il-ġodda fuq il-prezzijiet tal-ħalib; jitlob f'dan ir-rigward lista preċiża tal-effetti fuq il-prezzijiet tal-ħalib u rekord preċiż tal-organizzazzjonijiet parteċipanti tal-produtturi;
31. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta objettivi ċari fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-kuntratti u n-negozjati kollettivi;
32. Ifakkar li r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jiddisponi li "biex jiġi żgurat l-iżvilupp vijabbli tal-produzzjoni u b'riżultat ta' hekk, livell tal-għajxien ġust għall-bdiewa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti tiegħu, il-qawwa ta' negozjar li għandhom il-bdiewa vis-à-vis dik ta' proċessuri għandha tissaħħaħ, u din għandha twassal għal distribuzzjoni aktar ġusta ta' valur miżjud tul il-katina tal- provvista";
33. Jinnota li l-mudell kuntrattwali għadu ma ġiex implimentat kif previst, peress li l-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib għadhom f'pożizzjoni dgħajfa fis-suq, m'hemmx standards minimi fil-kuntratti u l-kooperattivi huma esklużi minnhom;
34. Jenfasizza li t-tisħiħ u t-titjib tar-relazzjonijiet kuntrattwali permezz tal-espansjoni għall-inklużjoni tas-settur kollu, u b'mod partikolari d-distribuzzjoni fuq skala kbira, jgħinu għall-iżgurar ta' distribuzzjoni ġusta tad-dħul tul il-katina tal-provvista, li jirriżulta f'żieda akbar ta' valur, u t-tisħieħ tar-responsabilità tal-partijiet ikkonċernati biex jittieħed kont tas-sitwazzjoni tas-suq u għal rispons adegwat; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ tal-ġestjoni tar-riskju u l-edukazzjoni bħala parti integrali tal-kurrikulu agrikolu sabiex il-bdiewa jiffaċċjaw il-volatilità u jużaw b'mod effikaċi l-għodod tal-immaniġġjar tar-riskji disponibbli;
35. Jenfasizza r-riskju li l-industrija fi kwalunkwe Stat Membru tista' tintroduċi klawsoli inġusti f'kuntratti sabiex jikkumpensaw għall-objettiv tal-istabilità fil-kunsinni, li hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-vijabilità tal-irziezet tal-produzzjoni tal-ħalib;
36. Jinnota li s-settur jista' jesplora ulterjorment il-potenzjal offrut minn kuntratti fuq il-katina ta' provvista integrati fuq terminu twil, kuntratti forward, kuntratti b'marġni fiss, u l-opportunità li prezz tal-ħalib jiġi "inblukkat" biex jirrifletti l-ispejjeż tal-produzzjoni għal perjodu ta' żmien stabbilit; jemmen li l-għażla li jsir użu minn strumenti ġodda fir-relazzjonijiet kuntrattwali għandha tkun disponibbli u li għodod għall-medjazzjoni kuntrattwali għandhom ukoll isiru disponibbli;
Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi
37. Jenfasizza r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) u l-assoċjazzjonijiet tagħhom għaż-żieda tas-setgħa tan-negozjar u l-influenza tal-produtturi fil-katina tal-provvista, kif ukoll fir-riċerka u l-innovazzjoni, u jiddispjaċih dwar il-fatt li kien hemm biss progress limitat lejn l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, partikolarment fl-Istati Membri l-ġodda; iqis li r-regoli għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jissaħħu biex tiżdied b'mod aktar effikaċi l-influwenza tal-produtturi fin-negozjati tal-kuntratti; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ finanzjarju taħt il-Pilastru II u jħeġġeġ inċentivizzazzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, pereżempju billi jkun hemm aktar informazzjoni disponibbli u tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq il-partijiet ikkonċernati li jixtiequ joħolqu u jingħaqdu f'organizzazzjonijiet tal-produtturi u biex jipparteċipaw b'modi differenti fl-attivitajiet tagħhom u biex iwettqu attivitajiet edukattivi fost il-produtturi dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi bħala għodda li tgħin sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi fil-katina tal-provvista; iqis li hu meħtieġ li titjieb il-kapaċità għar-regolamentazzjoni u l-organizzazzjoni tas-suq mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi;
38. Jiddefendi l-ħtieġa li jittejbu d-dispożizzjonijiet tal-Pakkett tal-Ħalib primarjament bl-għan li jitwaqqfu organizzazzjonijiet tal-produtturi b'kapaċità akbar ta' ġestjoni u negozjar fis-suq;
39. Jinnota li l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi jista' jiġi promoss billi jingħata appoġġ politiku proattiv biex il-bdiewa jitħeġġu biex iħarsu lejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi bħala strumenti xierqa;
40. Jenfasizza l-importanza li jitħaffu l-iskambji tal-informazzjoni u d-djalogu mal-produtturi u mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) sabiex ikunu jistgħu iqisu l-iżviluppi tas-suq u jantiċipaw il-kriżijiet;
41. Jinsisti dwar il-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jkunu ta' daqs adegwat u jkunu legalment marbuta mal-produzzjoni tal-membri tagħhom li huma bdiewa, peress li organizzazzjonijiet tal-produtturi li jkunu sempliċement rappreżentattivi m'għandhom l-ebda kapaċità reali sabiex jiżguraw il-konformità mal-kundizzjonijiet ta' kwalità u ta' kwantità kuntrattati u jkunu nieqsa mill-interess f'li jaġixxu bħala negozjaturi serji mal-industrija;
42. Jitlob għal appoġġ akbar għall-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet indipendenti tal-produtturi permezz ta' mekkaniżmi ta' informazzjoni aktar mifruxa u appoġġ għal attivitajiet ta' ġestjoni, sabiex jinkoraġġixxu lill-bdiewa biex jarawhom bħala strumenti effikaċi u jipparteċipaw fihom;
43. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-għodod ta' ġestjoni interprofessjonali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq;
44. Jissottolinja r-rwol tal-kooperattivi b'mod li jipprovdu stabilità fit-tul għall-membri tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika;
45. Jinnota l-importanza tal-istabbiliment ta' Organizzazzjonijiet Interprofessjonali għall-iżgurar tat-trasparenza u tal-iskambju tal-aħjar prattiki;
46. Ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza tat-trasparenza matul il-katina tal-provvista kollha sabiex is-settur iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati jirrispondu għas-sinjali tas-suq; jinnota l-importanza miżjuda ta' informazzjoni preċiża u fil-ħin fis-suq ta' wara t-tneħħija tal-kwota;
It-tisħiħ tal-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib
47. Jilqa' l-istabbiliment tal-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib (MMO) u jenfasizza l-importanza tiegħu għall-firxa u għall-analiżi tad-data tas-suq u jitlob rwol akbar għall-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib; jirrakkomanda d-definizzjoni ta' indiċi tas-suq li tinkludi x-xejriet tal-kwotazzjonijiet tal-prodotti, tal-prezzijiet tal-ħalib u tal-ispejjeż ta' produzzjoni; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tiżgura li l-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib jkun f'pożizzjoni li, min-naħa, jforni data preċiża f'ħin reali u, min-naħa l-oħra, jikkomunika twissijiet, l-antiċipazzjonijiet ta' kriżi u azzjonijiet rakkomandati bbażati fuq l-analiżi tas-suq u għodod ta' previżjoni aktar bikrija u aktar frekwenti, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti meta l-indiċi tas-suq jaqa' taħt ċertu livell, u meta s-sitwazzjoni fis-suq tkun teħtieġ dan; iqis li l-informazzjoni mogħtija mill-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib għandha tinvolvi aġġornamenti dwar ix-xejriet tas-suq u tal-prezzijiet, data dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-interazzjonijiet bejn il-produzzjoni taċ-ċanga u tal-ħalib, il-konsum, il-qagħda tal-istokk, il-prezzijiet u l-iskambji ta' ħalib importat jew esportat fil-livell Ewropew; jinnota li hija ugwalment utli l-integrazzjoni tal-monitoraġġ tal-ispejjeż tal-produzzjoni u tas-swieq internazzjonali sabiex jiġu identifikati kwalunkwe tendenzi u jinħatfu opportunitajiet ta' esportazzjoni; jenfasizza li d-data għandha tkun faċilment aċċessibbli u faċli biex tintuża għall-partijiet ikkonċernati kollha;
48. Jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib u li l-istess Osservatorju jippubblika d-data li jirċievi kull xahar fil-ħin għall-ġid tal-partijiet ikkonċernati kollha, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis miżuri addizzjonali sabiex tiżgura li l-informazzjoni tasal fil-ħin; jistieden lill-Kummissjoni biex tispeċifika r-regoli għat-trasmissjoni tad-data mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni hija komparabbli fil-livell Ewropew;
49. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi strutturi separati mgħammra b'mod komprensiv għall-akkwiżizzjoni tad-data għas-setturi agrikoli kollha;
Il-miżuri tal-PAK u l-industrija tal-produzzjoni tal-ħalib
50. Jinnota li, taħt il-Pilastru I, appoġġ akkoppjat volontarju huwa għodda disponibbli sabiex jgħin lis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, filwaqt li taħt il-Pilastru II, il-produtturi jistgħu jagħmlu użu ta' servizzi ta' konsulenza li jappoġġaw id-deċiżjonijiet tan-negozju u l-ġestjoni finanzjarja soda – jekk meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jużaw miżuri ta' assigurazzjoni bħall-Għodda għall-Istabilizzazzjoni tad-Dħul u jistgħu wkoll jiddeterminaw ir-raggruppament u l-immirar fi ħdan is-settur ta' miżuri ta' żvilupp rurali b'livell ogħla ta' għajnuna;
51. Jistieden lis-settur biex jinvestiga l-iżvilupp ta' aktar għodod ta' assigurazzjoni meta s-suq ikun b'saħħtu, sabiex titnaqqas il-volatilità tal-prezz tal-ħalib u sabiex l-irziezet Ewropej tal-produzzjoni tal-ħalib ma jiċċaħħdux mid-dħul; jenfasizza l-ħtieġa ta' studju tal-possibilità ta' integrazzjoni tal-għodod immirati lejn il-ġestjoni tar-riskju, bħal programmi bbażati fuq il-protezzjoni tal-marġini, fil-Pilastru 1 tal-PAK;
52. Jenfasizza li, fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għadd ta' Stati Membri għażlu proċess ta' konverġenza interna mhux komplut u bil-mod li għal darb'oħra jiffavorixxi l-biedja ta' art b'altitudni baxxa li għandha kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin;
53. Jiddefendi l-ħtieġa ta' rieżami tar-rekwiżiti għall-attivazzjoni ta' mekkaniżmu ta' stabilizzazzjoni tad-dħul disponibbli taħt l-Iżvilupp Rurali, peress li jqis li d-domanda għal telf ta' 30 % għall-aċċess għall-għajnuna Komunitarja hija eċċessiva;
Potenzjal għas-settur tal-UE tal-produzzjoni tal-ħalib fis-suq dinji
54. Jirrimarka li d-domanda globali għall-prodotti magħmula mill-ħalib huwa mbassar li se jikber bi 2 % fis-sena, u dan joffri opportunitajiet għal prodotti li joriġinaw fl-UE, iżda jenfasizza li dawn l-opportunitajiet ta' esportazzjoni għandhom ikunu bilanċjati permezz ta' suq domestiku stabbli, peress li dan tal-aħħar jirrappreżenta iżjed minn 90 % tas-suq tal-prodotti magħmula mill-ħalib fl-Ewropa; madankollu, jinnota li s-suq huwa dejjem aktar iddominat mill-prodotti magħmula mill-ħalib imnixxef;
55. Jirrimarka li l-UE tibqa' l-akbar importatur agrikolu fid-dinja u li t-tkabbir fil-produzzjoni tal-ħalib għall-esportazzjoni huwa dipendenti fuq l-importazzjoni ta' għalf u magħlef;
56. Jissottolinja li negozjati kummerċjali bilaterali jistgħu jirrappreżentaw opportunitajiet strateġiċi għas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib tal-UE, li b'rabta magħhom huwa jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha aktar fil-ftuħ ta' swieq ġodda f'pajjiżi terzi u fit-tneħħija ta' ostakli għall-kummerċ, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra kif dovut it-tħassib dwar id-"denominazzjoni protetta ta' oriġini" (DPO) jew l- "indikazzjoni ġeografika protetta" (IĠP) u l-"ispeċjalità tradizzjonali garantita" (STG) matul in-negozjati kummerċjali, soġġett għall-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-kwalità Ewropea u l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà tal-produzzjoni u l-provvista ta' prodotti għall-konsumaturi;
57. Jenfasizza l-ħtieġa kontinwa tal-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' swieq ġodda, it-tkabbir tas-sehem tal-UE fis-suq globali, l-assigurazzjoni ta' aċċess ġust għall-esportaturi tal-UE u l-istimolu għat-tkabbir sostenibbli tal-esportazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tieħu l-azzjoni meħtieġa u tipparteċipa b'mod aktar attiv fl-identifikazzjoni ta' swieq ġodda ta' esportazzjoni; huwa tal-fehma li għandhom jiġu esplorati opportunitajiet futuri permezz ta' titjib fir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi u li l-industrija tal-produzzjoni tal-ħalib għandha tiġi dinamizzata, u jenfasizza l-importanza tal-għarfien tax-xejriet ta' konsum f'dawn is-swieq sabiex tinbena l-kapaċità għal reazzjonijiet f'waqthom għall-bidliet futuri;
58. Jinnota, barra minn hekk, li l-kumpaniji tal-UE qed jiffaċċjaw kompetizzjoni minn ftit esportaturi globali b'saħħithom (New Zealand, l-Istati Uniti u l-Awstralja) li storikament kellhom aċċess għas-swieq Asjatiċi u li għandhom influenza deċiżiva fuq il-prezzijiet tas-suq dinji tal-prodotti magħmula mill-ħalib;
Skemi ta' promozzjoni u ta' kwalità
59. Jirrimarka li s-settur tal-produzzjoni tal-ħalib jista' jibbenefika minn inizjattivi ta' promozzjoni akbar fi swieq domestiċi u ta' pajjiżi terzi skont Miżuri Promozzjonali ġodda u jħeġġeġ lill-produtturi biex jieħdu sehem f'kampanji ġodda wara d-dħul fis-seħħ fl-2016 tar-regolamenti l-ġodda dwar il-promozzjoni, filwaqt li jitqies li żieda fl-appoġġ finanzjarju tal-UE huwa ppjanat;
60. Jenfasizza li l-ħtieġa biex is-settur bl-akbar potenzjal għall-ħolqien ta' valur ma jinsabx biss fil-produzzjoni ta' prodotti mhux proċessati u jqis li għandu jsir użu sħiħ tal-miżuri ta' riċerka biex jiġu żviluppati prodotti magħmula mill-ħalib innovattivi fi swieq bi tkabbir għoli, bħal prodotti mediċinali nutrizzjonali u prodotti nutrizzjonali għat-trabi, għall-anzjani u għall-atleti;
61. Jinnota li s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni: produttività u sostenibilità fil-qasam agrikolu (EIP-AGRI) taħt il-programm Orizzont 2020 jista' jappoġġa proġetti innovattivi li jikkontribwixxu għal ekonomija sostenibbli u produttiva ħafna fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib sabiex jilħqu d-domanda globali fi prodotti magħmula mill-ħalib ta' valur għoli;
62. Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-iskema ta' għajnuna għad-distribuzzjoni tal-ħalib fl-istabbilimenti edukattivi, l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-għoti ta' prijorità lill-prodotti lokali magħmula mill-ħalib u lill-ktajjen tal-provvista qosra, bil-ħsieb ta' kontribuzzjoni għall-promozzjoni ta' drawwiet tal-ikel tajbin għas-saħħa fost il-konsumaturi Ewropej;
63. Jinnota li s-settur s'issa mhux impenjat fl-iskemi ta' "denominazzjoni protetta ta' oriġini" (DPO), "indikazzjoni ġeografika protetta" (IĠP) u "speċjalità tradizzjonali garantita" (STG) b'mod sinifikanti u ugwali fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika l-aċċess u r-rekwiżiti amministrattivi għall-approvazzjoni ta' dawn l-iskemi għal produtturi u negozji żgħar, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv assoċjat mal-proċess tal-applikazzjoni, li jinżammu bħala punt ta' riferiment tal-kwalità għal prodotti Ewropej, li qabel ma kinitx tiġi dubitata fost is-swieq tal-esportazzjoni tal-UE, u biex issir promozzjoni mmirata ta' attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni għal dawn il-prodotti;
64. Jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika r-regoli dwar ir-regolamentazzjoni tal-provvista tal-ġobon li għandu "denominazzjoni protetta ta' oriġini" jew "indikazzjoni ġeografika protetta", b'mod partikolari rigward il-kondizzjonijiet minimi meħtieġa għall-approvazzjoni ta' dawk l-iskemi;
65. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippubblika malajr kemm jista' jkun ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, b'rabta mal-analiżi tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-indikazzjoni obbligatorja tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-post ta' provenjenza tal-ħalib u ta' prodotti magħmula mill-ħalib; jiddispjaċih li l-Eżekuttiv tal-Komunità għadu ma ħejjiex dan ir-rapport, li kellu jiġi preżentat sal-31 ta' Diċembru 2014;
Ġestjoni tar-riskju fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib
66. Jenfasizza li miżuri eżistenti ta' "xibka ta' sikurezza" bħal ma huma l-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat biss mhumiex għodod suffiċjenti biex jindirizzaw volatilità persistenti jew kriżi fis-settur tal-ħalib; iżid li l-prezzijiet tal-intervent huma baxxi wisq, ma għandhom l-ebda konnessjoni mal-prezzijiet kurrenti tas-suq u wrew li mhumiex effikaċi biex jiggarantixxu prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola adegwati u stabbli fuq perjodu twil ta' żmien;
67. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 219 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 mhux biss biex tindirizza t-tfixkil tas-suq attwali, iżda wkoll biex tieħu azzjoni immedjata biex tevita dan, inkluż f'każijiet fejn azzjoni tista' tipprevjeni milli tali theddid iseħħ, ikompli jew jinbidel fi tfixkil aktar serju jew imtawwal, jew fejn id-dewmien ta' azzjoni immedjata jhedded li jikkawża jew jaggrava t-tfixkil jew iwessa' l-firxa tal-miżuri li aktar tard ikunu meħtieġa biex it-theddid jew it-tfixkil jiġi indirizzat jew ikun ta' detriment għall-produzzjoni jew għall-kundizzjonijiet tas-suq;
68 Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha mal-partijiet ikkonċernati fis-settur u timplimenta dispożizzjonijiet ta' "xibka ta' sikurezza" aktar risponsivi u realistiċi bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib, li jforni sikurezza fi kriżijiet fejn ikun hemm tnaqqis sostanzjali tal-prezzijiet tal-ħalib u żieda sostanzjali simultanja tal-prezzijiet ta' prodotti bażiċi li għandhom impatt gravi fuq il-marġni tad-dħul għall-bdiewa; jitlob intervent sabiex jiġi aġġornat biex jirrifletti l-ispejjeż tal-produzzjoni u jadatta għat-tibdil fis-suq;
69. Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta dispożizzjonijiet ta' "xibka ta' sikurezza" aktar reattivi u realistiċi, u biex il-prezz ta' intervent jirrifletti aħjar l-ispejjeż reali tal-produzzjoni u tal-prezzijiet reali tas-suq, u li jiġu adattati mat-tibdil fis-suq; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni sabiex minnufih tadatta l-prezzijiet ta' intervent; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li r-rifużjoni tal-esportazzjoni għandha tingħata lura temporanjament f'każ ta' kriżi tas-suq abbażi ta' kriterji oġġettivi;
70. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-partijiet ikkonċernati biex jiġu ffissati indikaturi dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni li jikkunsidraw l-ispejjeż tal-enerġija, il-fertilizzanti, l-għalf tal-annimali, is-salarji, il-kera u spejjeż tal-input ewlenin oħrajn, u biex jiġu riveduti l-prezzijiet ta' referenza kif xieraq; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex taħdem flimkien mal-partijiet ikkonċernati biex tiddefinixxi indiċi tas-suq li jinkludi x-xejra fi kwotazzjonijiet tal-prodotti, il-prezzijiet tal-ħalib u l-ispejjeż ta' produzzjoni, li għandu jservi bħala bażi għall-implimentazzjoni ta' strumenti ta' ġestjoni tal-provvista meta l-indiċi jaqa' għal livell predefinit u għandu jservi wkoll biex jissospendi l-miżuri għall-immaniġġjar tal-provvista meta jirkupra l-indiċi;
71. Jissottolinja li l-esperjenza attwali tal-embargo Russu turi li huwa mixtieq li jkun hemm linji gwida li jkunu diskussi bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Parlament u li jservu bħala gwida għall-attivazzjoni ta' miżuri;
72. Jissottolinja l-importanza ta' strument għall-kriżijiet aktar reattiv u realistiku, u jirrakkomanda li l-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament bħala koleġiżlatur, timpenja ruħha mas-settur dwar il-possibilità tal-użu ta' strumenti ta' ġestjoni tar-riskju bħal swieq tal-futuri biex jittieħed vantaġġ tal-volatilità fis-settur sabiex tiżdied il-kompetittività tiegħu; iqis li strumenti ġodda ta' stabilizzazzjoni tal-introjtu għandhom jiġu studjati wkoll, bħal assigurazzjoni fuq id-dħul jew l-implimentazzjoni ta' Programm ta' Protezzjoni tal-Marġni tal-produzzjoni tal-ħalib;
73. Jitlob li l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u ma' parteċipanti mis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib, tiżviluppa strumenti effikaċi u adegwati sabiex tissalvagwardja kontra nżul sinifikanti f'daqqa fil-prezz tal-ħalib;
Prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-prodotti magħmula mill-ħalib
74. Jenfasizza li l-produtturi tal-ħalib, b'mod partikolari tal-produtturi tal-ħalib fuq skala żgħira, huma partikolarment vulnerabbli għal żbilanċi fil-katina tal-provvista, b'mod partikolari minħabba l-fluttwazzjonijiet fid-domanda, l-ispejjeż tal-produzzjoni li qed jiżdiedu u prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola li qed jonqsu, iżda wkoll minħabba l-prijoritajiet ekonomiċi f'kull Stat Membru; iqis li l-pressjoni għat-tnaqqis tal-prezzijiet mill-bejjiegħa bl-imnut minn tikkettar ta' marka proprja u l-użu persistenti tal-ħalib likwidu għall-bejgħ b'kost mill-bejjiegħa bl-imnut, jimminaw ix-xogħol u l-investiment tal-produtturi fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib u jnaqqsu l-valur tal-prodott aħħari għall-konsumatur; jiddefendi l-ħtieġa tal-introduzzjoni ta' kodiċijiet ta' prattika tajba bejn id-diversi parteċipanti fil-katina tal-provvista tal-ikel; jenfasizza l-ħtieġa li jinstabu mekkaniżmi li b'mod effikaċi jipproteġu lill-bdiewa minn abbuż mill-industrija u mid-distributuri u mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-suq bl-imnut, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha dwar it-trażżin ta' prattiki kummerċjali inġusti kemm jista' jkun malajr u biex tikkunsidra approċċ speċifiku għas-settur rigward il-liġi tal-kompetizzjoni u prattiki kummerċjali inġusti;
75. Iqis li l-prattiki kummerċjali inġusti jirrestrinġu serjament il-ħila tas-settur li jinvesti u jadatta, u li huwa neċessarju li dawn jiġu miġġielda kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri;
76. Jinnota li l-produtturi tal-ħalib se jkunu f'pożizzjoni ferm aktar dgħajfa mingħajr programm kontra l-kriżi, filwaqt li l-industrija tal-ħalib u gruppi korporattivi kbar tal-ikel se jingħataw aktar setgħa;
77. Jitlob għal inklużjoni akbar tal-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib u tal-organizzazzjonijiet tagħhom f'mekkaniżmi ta' ġestjoni tal-katina tal-provvista tal-ikel, gruppi u inizjattivi;
78. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Sfidi u opportunitajiet li qed jiffaċċja s-settur tal-produzzjoni tal-ħalib
Fl-2003, wara r-Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu ta' dak li kien il-PAK, l-Istati Membri tal-UE qablu li jtemmu r-reġim tal-kwota mill-31 ta' Marzu 2015. It-tmiem tal-kwota għall-produzzjoni tal-ħalib wara tletin sena jippreżenta kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet għas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib.
Il-volatilità se tkun sfida kontinwa li qed jiffaċċja s-settur tal-produzzjoni tal-ħalib. Il-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib huma partikolarment vulnerabbli għall-varjazzjonijiet fid-dħul minħabba l-ispejjeż għolja ta' kapital, il-volatilità tal-prezzijiet tal-prodotti bażiċi tal-ħalib u l-varjabilità tal-ispejjeż tal-konsum u l-enerġija. Barra minn hekk, il-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib ħafna drabi jokkupaw pożizzjoni dgħajfa fil-katina tal-provvista alimentari ġenerali u huma esposti b'mod partikolari għal prattiki kummerċjali inġusti. It-tixjiħ demografiku tal-produtturi tal-ħalib hija wkoll kwistjoni ta' tħassib u l-inkoraġġiment u l-appoġġ tat-tiġdid ġenerazzjonali permezz ta' għodod ġodda u eżistenti hija essenzjali għal tkabbir futur u għal sostenibilità f'dan is-settur.
B'mod ġenerali, il-prospetti fuq terminu medju u fit-tul għas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib huma pożittivi, kemm fis-suq intern kif ukoll fis-suq dinji. Id-domanda hija b'saħħitha, partikolarment f'ekonomiji emerġenti. L-OECD u l-FAO, fir-rapport l-aktar riċenti tagħhom dwar il-Prospettiva Agrikola, ibassru li d-domanda globali tal-prodotti magħmula mill-ħalib se tikber b'madwar 2 % fis-sena sal-2023.
L-identifikazzjoni u l-garanzija tas-swieq tal-esportazzjoni għandhom jiġu prijoritizzati skont is-settur u l-promozzjoni ta' prodotti magħmula mill-ħalib ġo swieq terzi trid tkun immirata u effettiva. It-titjib tat-trasferiment tal-għarfien, tar-riċerka, tal-innovazzjoni u ta' miżuri għat-titjib tal-kwalità u tat-tikkettar se jġibu valur miżjud ulterjuri għal prodotti tal-UE magħmula mill-ħalib u jżidu l-kompetittività tagħhom fis-suq intern u fis-suq dinji.
L-opportunitajiet għas-settur għat-tkabbir u l-iżvilupp permezz ta' strumenti taħt il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi għandhom jiġu esplorati b'mod sħiħ u s-settur għandu jiġi faċilitat u megħjun biex jilħaq il-potenzjal tiegħu, bl-iżvilupp ta' impjiegi sostenibbli u billi tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku f'żoni rurali madwar l-UE.
F'ħafna żoni żvantaġġati u reġjuni ultraperiferiċi l-industrija tal-produzzjoni tal-ħalib għadha l-uniku ġeneratur ta' dħul mill-biedja u l-impjieg u t-tkomplija tiegħu huma essenzjali biex jiġi evitat l-abbandun tal-art. Filwaqt li għadu kmieni wisq biex jiġu eżaminati b'mod sħiħ l-effetti tal-Pakkett tal-Ħalib fuq is-settur tal-ħalib f'reġjuni żvantaġġati, huwa ċar li l-miżuri mressqa fil-Pakkett jeħtieġ li jkunu kombinati mal-għażliet miftuħa għall-Istati Membri skont il-PAK biex jiġu appoġġati l-bdiewa u żgurat l-issoktar tal-kontribut ekonomiku u soċjali ta' azjendi agrikoli tal-produzzjoni tal-ħalib fuq skala żgħira f'dawn ir-reġjuni. Ir-Rapport tal-Kummissjoni joħloq il-possibilità ta' approċċ aktar immirat biex jiġu megħjuna reġjuni żvantaġġati, minħabba l-eteroġeneità ta' dawn iż-żoni bejn l-Istati Membri.
F'dawn l-aħħar xhur, tnaqqis fid-domanda minn swieq esterni, il-volatilità globali tal-prezzijiet u l-embargo Russu poġġew aktar pressjoni fuq is-settur u pressjoni 'l isfel fuq il-prezzijiet. Għalkemm l-azzjoni rapida meħuda mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġi indirizzat l-impatt tal-embargo Russu, b'mod partikolari fl-Istati Membri Baltiċi, hija ta' min ifaħħarha, huwa ċar li l-miżuri tal-kriżi u l-għodod fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea mhumiex imfassla biex iwieġbu għar-realtajiet moderni tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib.
Il-miżuri eżistenti ta' "xibka ta' sikurezza" bħal ma huma l-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat biss mhumiex adattati biex jindirizzaw il-volatilità persistenti jew kriżi fis-settur tal-ħalib. Ir-Rapport tal-Kummissjoni nnota li hemm dubji dwar il-kapaċità tal-qafas regolatorju tal-UE għat-trattament ta' każijiet ta' volatilità estrema tas-suq jew sitwazzjoni ta' kriżi wara li tiskadi s-sistema tal-kwoti, speċjalment bil-ħsieb li jiġi żgurat l-iżvilupp bilanċjat tal-produzzjoni tal-ħalib madwar l-UE u l-evitar ta' konċentrazzjoni estrema fl-aktar żoni produttivi. F'dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni timplimenta xibka ta' sikurezza aktar reattiva u realistika u bi prezz ta' intervent li għandu jirrifletti aktar l-ispejjeż tal-produzzjoni. Il-prezz attwali, li ma nbidilx mill-2008, jeħtieġ li jiġi rivedut sabiex iqis iż-żieda tal-produzzjoni u l-ispejjeż ta' konsum u għandu jiġi riveduti fuq bażi regolari.
Il-pożizzjoni tar-Rapporteur dwar l-operat tal-Pakkett tal-Ħalib
Il-Pakkett tal-Ħalib, fis-seħħ minn Ottubru 2012, offra għodod lill-bdiewa biex jilqgħu l-isfidi li jiffaċċja s-settur tal-produzzjoni tal-ħalib. Relazzjonijiet kuntrattwali msaħħa u setgħa ta' negozjar akbar permezz tal-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi u Organizzazzjonijiet Interprofessjonali kienu introdotti. Ir-Rapporteur għadu tal-fehma li l-miżuri mressqa biex titjieb it-trasparenza u analiżi aktar komprensiva tad-data tal-produzzjoni tal-ħalib fl-UE huma essenzjali għal tkabbir sostenibbli u għall-funzjonament tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib.
L-użu ta' kuntratti formalizzati u bil-miktub u t-tisħiħ ta' relazzjonijiet kuntrattwali offrew lill-bdiewa għodda b'saħħitha, u saħħew ir-responsabilità tal-operaturi fil-katina tal-produzzjoni tal-ħalib sabiex jitqiesu s-sinjali tas-suq, titjieb it-trażmissjoni tal-prezzijiet u biex il-provvista tiġi adattata mad-domanda, kif ukoll biex jiġu evitati ċerti prattiki kummerċjali inġusti. L-Istati Membri kienu obbligati biex formalment jirrikonoxxu l-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi (POs), iżda ngħataw flessibilità biex jiddeterminaw jekk numru minimu ta' membri jew volum minimu ta' produzzjoni kummerċjabbli għandux jikkostitwixxi Organizzazzjoni tal-Produtturi.
L-implimentazzjoni tal-miżuri mressqa fil-Pakkett mhux uniformi madwar l-Istati Membri u l-aċċettazzjoni kienet diżappuntanti. Is-saħħa ġenerali tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib u ta' kundizzjonijiet tas-suq favorevoli fil-frattemp ġew invokati bħala raġunijiet għal nuqqas ta' rieda tal-produtturi li jorganizzaw lilhom infushom f'Organizzazzjonijiet tal-Produtturi. Jeħtieġ li ostakli oħra bħal nuqqas ta' għarfien dwar ir-rwol tal-Organizzazzjoni tal-Produtturi jiġu identifikati u indirizzati. Ir-Rapporteur irrakkomanda aktar inċentivizzazzjoni biex jinħolqu Organizzazzjonijiet tal-Produtturi u biex wieħed jingħaqad magħhom bħala għodda biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi fil-katina tal-provvista.
Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-operat tal-Pakkett tal-Ħalib
Skont l-Artikolu 225(b) tar-Regolament OKS, il-Kummissjoni kienet meħtieġa tippreżenta rapport lill-Parlament u lill-Kunsill sat-30 ta' Ġunju 2014 dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tas-suq fis-settur tal-ħalib tal-UE u l-funzjonament tal-Pakkett tal-Ħalib. Ir-rapport tal-Kummissjoni kopra tliet oqsma prinċipali:
Analiżi tas-Suq
L-operat u l-adozzjoni tal-Pakkett tal-Ħalib fl-Istati Membri
Il-pożizzjoni tal-bdiewa fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib f'reġjuni żvantaġġati
Ir-rapport jinnota li skont il-PAK riveduta għadd kbir ta' għodod jeżistu biex jgħinu lis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib f'ċirkostanzi eċċezzjonali, pereżempju l-appoġġ akkoppjat u d-dispożizzjonijiet addizzjonali tax-xibka ta' sikurezza u skemi ta' Programm ta' Żvilupp Rurali, madankollu r-rapport ma jeskludix il-possibilità ta' għodod addizzjonali biex ilaħħqu ma' tmiem il-kwoti.
Ir-rapport jirrikonoxxi wkoll li numru limitat ta' Stati Membri applikaw regoli biex jirregolaw il-provvista ta' ġobnijiet DPO/IĠP, fuq talba ta' Organizzazzjoni tal-Produtturi, Organizzazzjoni Interprofessjonali jew grupp DPO/IĠP.
F'termini tal-operat tal-Pakkett tal-Ħalib, ir-rapport jissuġġerixxi li dan tejjeb ir-relazzjonijiet fil-katina tal-forniment għalkemm għadu kmieni wisq biex wieħed jara effetti sinifikanti fuq is-settur tal-ħalib.
L-appoġġ ta' settur tal-produzzjoni tal-ħalib kompetittiv u sostenibbli
Minħabba li l-livell ta' implimentazzjoni ta' miżuri fil-qafas tal-Pakkett tal-Ħalib kien diżappuntanti, ir-Rapporteur iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati matul il-katina tal-provvista tal-prodotti magħmula mill-ħalib biex jużaw miżuri skont il-Pakket tal-Ħalib, kif ukoll joffri rakkomandazzjonijiet dwar strumenti ġodda li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni u mill-industrija.
Ir-rapporteur jipprevedi l-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib (MMO), imniedi f'April 2014, li jiżvolġi rwol kruċjali u msaħħaħ fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib tal-UE fis-snin li ġejjin. L-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib ixerred u janalizza d-data tas-suq, filwaqt li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati biex jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji u ta' investiment aħjar. Fir-rapport tal-Kummissjoni ta' Ġunju 2014, kien previst li l-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib għandu "jibgħat twissijiet bikrija lis-servizzi tal-Kummissjoni" u b'hekk jippermetti lill-Kummissjoni taġixxi aktar rapidament fl-istadji inizjali ta' kriżi.
Dan ir-rapport jesponi l-pożizzjoni li l-Kummissjoni għandha tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tiżgura li l-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib jista' jissodisfa l-potenzjal sħiħ tiegħu. L-informazzjoni pprovduta mill-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib għandha tinvolvi aġġornamenti dwar it-tendenzi tas-suq u tal-prezzijiet, u għandha tkun aċċessibbli aktar faċilment u tkun aktar faċli biex tintuża milli fil-format attwali tagħha. L-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib għandu jiġi appoġġat fil-ħidma tiegħu mill-Istati Membri billi jipprovdu l-informazzjoni relevanti fil-ħin, u jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tesplora mezzi addizzjonali biex jiżgura li din l-informazzjoni tkun waslet fil-ħin. F'Diċembru 2014 sa 9 Stati Membri ma pprovdewx l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni fil-ħin.
L-importanza ta' informazzjoni preċiża u fil-ħin fiż-żmien ta' wara li tintemm il-kwota se tiżdied b'mod sinifikanti, u l-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib għandu jimmira li jipprovdi informazzjoni aktar frekwenti u aġġornata lill-partijiet ikkonċernati relevanti kollha. Id-data li ssir disponibbli tista' tgħin fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet kuntrattwali u tista' tintuża wkoll għan-negozjar ta' derivattivi vijabbli tas-settur tal-produzzjoni tal-ħalib.
Il-Kummissjoni għandha tesplora l-possibilità ta' suq tal-futuri li jġib prevedibilità fiż-żmien medju fl-istrutturi tal-ipprezzar u żieda fil-kompetittività tas-settur. Tali suq għandu jippermetti li l-produtturi u l-proċessuri ugwalment jipproteġu ruħhom mir-riskju billi jkunu jafu l-prezzijiet bil-quddiem, u dan jippermettilhom deċiżjonijiet ta' investiment aħjar.
It-tisħiħ ta' relazzjonijiet kuntrattwali, previst fil-Pakkett tal-Ħalib, jirrappreżenta metodu konkret kif tkun żgurata distribuzzjoni aktar ekwa tul il-katina tal-provvista. Ir-rapport jitlob lill-Kummissjoni u atturi oħra fis-settur tal-produzzjoni tal-ħalib tal-UE biex jesploraw il-potenzjal offrut bis-saħħa ta' kuntratti integrati fit-tul tal-katina ta' provvista, kuntratti forward, kuntratti b'marġni fissi, kuntratti A B u l-opportunità li "jiġu blukkati" l-prezzijiet tal-ħalib għal perjodu ta' żmien stipulat. Hemm ħafna eżempji fejn l-industrija nnifisha qiegħda toqrob lejn dawn il-miżuri u dawn għandhom jiġu kkunsidrati aktar, bħal strumenti ta' hedging, bħal kuntratti ta' marġni fiss, li jistgħu joffru ċertezza, flessibilità u għażliet reattivi lill-bdiewa. L-ippjanar fit-tul u l-ġestjoni tal-biedja biex tiġi ġestita l-volatilità huwa aktar importanti minn qatt qabel u permezz ta' kuntratti, il-kompetittività u s-sostenibilità tas-settur għall-bdiewa u għall-provvista tista' tiġi msaħħa.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (25.2.2015)
għall-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
dwar il-prospetti għas-settur tal-ħalib tal-UE – Rieżami tal-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ħalib
(2014/2146(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Petri Sarvamaa
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tas-suq tal-prodotti magħmula mill-ħalib u l-operat tad-dispożizzjonijiet tal-"Pakkett tal-Ħalib" (COM(2014)0354) (minn hawn 'il quddiem "ir-rapport"),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 225(b) tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2014 dwar il-"Prospects for the EU agricultural markets and income 2014-2024" ("Prospetti għas-swieq u d-dħul agrikoli tal-UE 2014-2024"),
1. Jirrimarka li r-rapport tal-Kummissjoni ġie ppubblikat qabel ma ġie impost l-embargo Russu u għalhekk mhuwiex riflessjoni eżatta tas-sitwazzjoni fis-settur tal-ħalib;
2. Jenfasizza li l-kwistjoni tal-volatilità tal-prezzijiet hija l-isfida prinċipali li jsibu ma' wiċċhom il-bdiewa tal-ħalib;
3. Jinnota f'dan ir-rigward li l-embargo Russu ta' dan l-aħħar fuq il-prodotti agrikoli wera b'mod drammatiku li l-qafas regolatorju biex jiġu ttrattati episodji ta' volatilità estrema tas-swieq għandu jiġi msaħħaħ;
4. Jinnota li l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ma tidhirx li hija waħda omoġenja fl-Istati Membri kollha u li l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-ħalib f'termini reali u l-kawżi tagħha setgħu ġew enfasizzati b'mod aktar qawwi fir-rapport;
5. Jirrakkomanda li, bil-għan li tiġi pprevenuta instabilità ulterjuri tas-swieq, għandhom jinżammu kif inhuma d-deċiżjonijiet preċedenti dwar il-kwoti tal-ħalib u s-sistema tal-kwoti tal-ħalib m'għandhiex tiġi aġġustata matul l-aħħar sena tas-sistema;
6. Ifakkar li r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jiddisponi li "biex jiġi żgurat l-iżvilupp vijabbli tal-produzzjoni u b'riżultat ta' hekk, livell tal-għajxien ġust għall-bdiewa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti tiegħu, il-qawwa ta’ negozjar li għandhom il-bdiewa vis-à-vis dik ta’ proċessuri għandha tissaħħaħ, u din għandha twassal għal distribuzzjoni aktar ġusta ta’ valur miżjud tul il-katina tal-provvista";
7. Jiddispjaċih għall-fatt li mir-rapport mhuwiex ċar jekk il-Kummissjoni hijiex sodisfatta bl-implimentazzjoni tal-għodda regolatorja l-ġdida u li l-Kummissjoni ma tikkwantifikax x'għadd huwa mistenni ta' organizzazzjonijiet ġodda tal-produtturi, Stati Membri parteċipanti jew negozjati kollettivi; jinnota li lanqas mhuwa ċar l-effett li għandhom l-għodod il-ġodda fuq il-prezzijiet tal-ħalib; jitlob f'dan ir-rigward għal lista preċiża tal-effetti fuq il-prezzijiet tal-ħalib u reġistru preċiż tal-organizzazzjonijiet parteċipanti tal-produtturi;
8. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq, sa tmiem l-2015, valutazzjoni tal-Istati Membri wieħed wieħed tal-impatt tal-ftehimiet kollettivi fuq il-produzzjoni u l-prezzijiet;
9. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta objettivi ċari fir-rigward tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, il-kuntratti u n-negozjati kollettivi;
10. Jenfasizza li mingħajr rieżami ċar tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali u tal-impatt mistenni tal-għodda regolatorja l-ġdida fuq il-prezzijiet tal-ħalib, l-adattament tal-għodda tal-Pakkett tal-Ħalib mhuwiex possibbli;
11. Iqis b'mod favorevoli t-twaqqif ta' Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib, iżda jenfasizza li għandu jkun hemm għodda ċara ta' informazzjoni tal-prezzijiet u l-volumi li tkun utli għall-bdiewa; hu tal-fehma li r-rwol tal-Osservatorju għandu jkun li jgħin lill-Kummissjoni tanalizza s-swieq tal-ħalib f'dan il-kuntest il-ġdid, jagħti data tas-swieq aktar eżatta u informazzjoni aktar eżatta fuq ix-xejriet tas-swieq u li jenfasizza kwalunkwe riskju ta' żbilanċi tas-swieq, filwaqt li l-Kummissjoni mbagħad tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa;
12. Jenfasizza li għandu jsir użu aktar effiċjenti ta' dan l-Osservatorju billi jiġu ffissati l-livelli ta' kriżi skont l-indikaturi stabbiliti għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, ħaġa li tippermetti li jiġu applikati mekkaniżmi preventivi u ta' twissija bikrija;
13. Jinnota, li skont il-Kummissjoni, "l-Istati Membri ma rrapportaw ebda effett sinifikanti tal-Pakkett tal-Ħalib fuq is-settur tal-ħalib f’reġjuni żvantaġġjati, partikolarment minħabba li d-dispożizzjonijiet ġew implimentati riċentament […]" u "s-sitwazzjonijiet u l-iżviluppi […] huma pjuttost eteroġenji u jeħtieġu approċċ immirat";
14. Jirrakkomanda li l-appoġġ akkoppjat mal-produzzjoni tal-ħalib u l-appoġġ relatat mal-produzzjoni tal-ħalib fir-reġjuni żvantaġġjati għandhom jiġu żviluppati u miżmuma fi ħdan approċċ strateġiku li jkun ta' perjodu twil ta' żmien;
15. Jirrakkomanda li l-qafas ġuridiku għaż-żoni zvantaġġjati għandu jiġi msaħħaħ;
16. Jenfasizza li l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-swieq u l-effikaċja tal-istrumenti għandhom jiġu vvalutati wara li tkun ġiet fi tmiemha s-sistema tal-kwoti tal-ħalib; rapport ta' segwitu għandu jkun disponibbli fi żmien sentejn wara li tkun intemmet is-sistema tal-kwoti tal-ħalib, fl-2017.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
24.2.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 0 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Verónica Lope Fontagné, Fulvio Martusciello, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Bart Staes, Michael Theurer, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Karin Kadenbach, Marian-Jean Marinescu, Julia Pitera, Patricija Šulin |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Judith Sargentini |
||||
- [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
8.6.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 9 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, José Bové, Paul Brannen, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Zbigniew Kuźmiuk, Mairead McGuinness, Nuno Melo, Giulia Moi, Ulrike Müller, James Nicholson, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Bronis Ropė, Jordi Sebastià, Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski, Marco Zullo |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Franc Bogovič, Angélique Delahaye, Stefan Eck, Fredrick Federley, Momchil Nekov, Ricardo Serrão Santos |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Martina Anderson, Ivo Vajgl |
||||