Proċedura : 2015/2040(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0197/2015

Testi mressqa :

A8-0197/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 23
CRE 07/09/2015 - 23

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0287

RAPPORT     
PDF 244kWORD 167k
19.6.2015
PE 549.154v02-00 A8-0197/2015

dwar proċeduri u prattiki rigward is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-proċess tal-2014

(2015/2040(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Rapporteur: Richard Corbett

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
 OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar proċeduri u prattiki rigward is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-proċess tal-2014

(2015/2040(INI))

Il-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra:

       l-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

       l-Artikolu 246 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

       ir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni(1),

       id-Deċiżjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar ir-Reviżjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni(2),

–       id-Deċiżjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar l-emenda tal-Artikoli 106 u 192 u l-Anness XVII tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew(3),

–       il-kodiċi ta' kondotta għall-Kummissarji Ewropej, b'mod partikolari l-Artikoli 1.3 u 1.6 tiegħu,

       l-Artikoli 52 u 118 u l-Anness XVI għar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

       ir-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0197/2015),

Billi:

A.     is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji nnominati, li ntużaw għall-ewwel darba fl-1994, illum huma prattika stabbilita sew li żżid il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tqarreb lil dawn l-istituzzjonijiet lejn iċ-ċittadini Ewropej;

B.     is-seduti ta' smigħ huma indispensabbli sabiex il-Parlament ikun jista' jfassal ġudizzju informat fuq il-Kummissjoni meta jorganizza l-vot ta' fiduċja tiegħu li jippermetti lill-Kummissjoni tieħu l-kariga;

C.     il-proċess ta' seduti ta' smigħ jagħti lill-Parlament u liċ-ċittadini tal-UE l-opportunità li jiskopru u jevalwaw il-personalitajiet, il-kwalifiki, it-tħejjija u l-prijoritajiet tal-kandidati, kif ukoll l-għarfien tagħhom tal-portafoll fdat lilhom;

D.     il-proċess ta' seduti ta' smigħ iżid it-trasparenza u jsaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Kummissjoni b'mod ġenerali;

E.     l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg; billi dan ir-rekwiżit għandu jiġi rifless fil-kompożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea; billi, minkejja t-talbiet imtennija minn Jean-Claude Juncker fl-2014, il-gvernijiet pproponew numru ferm akbar ta' kandidati rġiel milli kandidati nisa; billi n-nisa li ġew proposti ġejjin primarjament minn Stati Membri b'popolazzjonijiet iżgħar u, fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-Istati Membri l-kbar injoraw dan ir-rekwiżit; billi l-unika soluzzjoni ġusta hija li kull Stat Membru jintalab jipproponi żewġ kandidati, raġel u mara, sabiex il-President innominat ikun jista' jipproponi Kulleġġ ta' kwalità għolja b'numru ugwali ta' rġiel u nisa;

F.     il-proċess ta' seduti ta' smigħ, filwaqt li wera l-effikaċja tiegħu, dejjem jista' jittejjeb, b'mod partikolari permezz ta' skambji aktar flessibbli u dinamiċi bejn il-Kummissarju u l-membri tal-Kumitat responsabbli għas-seduta ta' smigħ;

G.     is-seduta ta' smigħ tal-Kummissarju nnominat għall-kariga ta' Viċi President, Frans Timmermans, enfasizzat l-ħtieġa li jiġu adatti l-proċeduri tal-Parlament f'każ li Kummissjonijiet futuri jkollhom status speċjali għal Viċi President wieħed jew aktar;

H.     L-Artikolu 3(3) tat-TUE jiddikjara li l-Unjoni "għandha tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel" u l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jgħid li "l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż l-impjieg, ix-xogħol u l-paga";

1.      Iqis li s-seduti ta' smigħ pubbliċi tal-Kummissarji nnominati jippreżentaw opportunità importanti għall-Parlament Ewropew u għaċ-ċittadini tal-UE biex jivvalutaw il-prijoritajiet ta' kull kandidat u jekk ikunux adatti għar-rwol;

2.      Iqis li jkun utli li tiġi stabbilita data ta' skadenza sa meta l-Istati Membri jridu jipproponu l-kandidati tagħhom, sabiex il-President elett tal-Kummissjoni jkollu biżżejjed żmien biex jalloka l-portafolli skont l-esperjenza ta' xogħol u l-isfond tal-kandidat, u biex il-Parlament ikun jista' jorganizza s-seduti ta' smigħ u jfassal l-evalwazzjonijiet tiegħu, u jitlob lill-President tiegħu biex jidħol f'diskussjoni mal-istituzzjonijiet l-oħra bil-għan li jinkiseb dan l-għan;

3.      Iqis ukoll li kull Stat Membru minn issa 'l quddiem għandu jressaq minn tal-anqas żewġ kandidati – raġel u mara, fuq bażi ta' ugwaljanza – għall-kunsiderazzjoni tal-President elett tal-Kummissjoni; iqis li huwa importanti li l-Unjoni għandha tikseb ukoll, fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħha stess, l-objettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi li tkun stabbiliet;

4.      Iqis li l-kontrolli fuq id-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji maħtura min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandhom jittejbu; iqis li d-dikjarazzjonijiet ta' interessi finanzjarji għandhom jinkludu l-interessi tal-familji, kif previst fl-Artikolu 1.6 tal-kodiċi ta' kondotta għall-Kummissarji; iqis li l-konferma min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar l-assenza ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess, ibbażata fuq analiżi sostantiva tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji, tikkostitwixxi prekundizzjoni essenzjali biex il-kumitat responsabbli jkun jista' jorganizza s-seduta ta' smigħ;

5.      Ifakkar li huma l-kumitati li huma responsabbli għat-tmexxija tas-seduti ta' smigħ; iqis, madankollu, li meta Viċi President tal-Kummissjoni jkollu responsabbiltajiet li huma primarjament orizzontali, is-seduta ta' smigħ tista', f'każijiet eċċezzjonali, issir f'format differenti, bħal laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti jew laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, dejjem jekk din il-laqgħa tkun tippermetti d-djalogi u tinkludi l-kumitati responsabbli rispettivi sabiex tippermettilhom jisimgħu l-Kummissarju nnomiat tagħhom;

6.      Iqis li l-kwestjonarju bil-miktub mibgħut qabel kull seduta ta' smigħ għandu jippermetti li jsiru seba' mistoqsijiet minflok ħamsa, iżda li m'għandux ikun hemm bosta sottomistoqsijiet għal kull mistoqsija;

7.      Iqis li jkun aħjar li jkun hemm madwar 25 mistoqsija, iżda li kull interpellant ikun permess jagħti segwitu immedjat, bil-għan li tittejjeb l-effikaċja u n-natura inkwiżitorjali tas-seduti ta' smigħ;

8.      Iqis li l-proċeduri għall-monitoraġġ tat-tweġibiet mogħtija mill-Kummissarji nnominati waqt is-seduti ta' smigħ jistgħu jgħinu biex jitjieb il-kontroll u tiżdied ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni b'mod ġenerali; jitlob, għaldaqstant, li jsir rieżami perjodiku tal-prijoritajiet imsemmija mill-Kummissarji nnominati wara li jkunu bdew il-mandat tagħhom;

9.      Iqis li l-linji gwida li ġejjin għandhom japplikaw għal-laqgħa ta' evalwazzjoni tal-koordinaturi li ssir wara s-seduti ta' smigħ:

•       jekk il-koordinaturi japprovaw b'mod unanimu l-kandidat – ittra ta' approvazzjoni;

•       jekk il-koordinaturi jirrifjutaw b'mod unanimu l-kandidat – ittra ta' rifjut;

•       jekk il-koordinaturi li jirrappreżentaw maġġoranza ċara japprovaw il-kandidat – ittra li tiddikjara li l-maġġoranza l-kbira tapprova (il-minoranzi jistgħu jitolbu li fl-ittra jingħad li l-grupp tagħhom ma jkkondividix il-fehma tal-maġġoranza);

•       jekk ma jkunx hemm maġġoranza ċara, jew ikun hemm maġġoranza (iżda mhux kunsens) kontra l-kandidat, u jekk il-koordinaturi jqisuh neċessarju:

o  l-ewwel għandha tintalab informazzjoni addizzjonali permezz ta' aktar mistoqsijiet bil-miktub;

o  jekk xorta waħda jibqgħu mhux sodisfatti, għandha tintalab seduta ta' smigħ oħra ta' siegħa u nofs, bl-approvazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti;

o  jekk ikun għad m'hemmx kunsens jew maġġoranza assoluta fost il-koordinaturi – għandha ssir votazzjoni fil-kumitat;

•       maġġoranza ċara, f'dan il-kuntest, għandha tkun ta' koordinaturi li flimkien jirrappreżentaw minn tal-anqas żewġ terzi tal-membri tal-kumitat;

10.    Jinnota li s-seduti ta' smigħ tal-2014 iġġeneraw interess akbar mill-midja u mill-pubbliku minn seduti ta' smigħ preċedenti, u dan, minn naħa, kien minħabba l-evoluzzjoni tal-midja soċjali; jemmen li l-impatt u l-infuwenza tal-midja soċjali aktarx li jkomplu jikbru fil-futur; iqis li għandha tiddaħħal fis-seħħ dispożizzjoni dwar l-użu tal-midja soċjali u tan-netwerks sabiex jiġu inklużi b'mod aktar effikaċi ċ-ċittadini tal-UE fil-proċess tas-seduti ta' smigħ;

11.    Iqis li:

       fil-websajt tal-Parlament għandu jkun hemm taqsima speċifika fejn, qabel is-seduti ta' smigħ pubbliċi, jiġu ppubblikati s-CVs tal-Kummissarji nnominati u t-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni;

–       fil-websajt tal-Parlament għandu jkun hemm taqsima speċifika u viżibbli fejn l-evalwazzjonijiet jitqiegħdu fi żmien 24 siegħa;

–       ir-regola għandha tinbidel biex tirreferi għal 24 siegħa wara l-evalwazzjoni, peress li xi evalwazzjonijiet jitlestew biss wara proċeduri ulterjuri;

12.    Iqis li l-kwistjonijiet orizzontali li jaffettwaw il-kompożizzjoni, l-istruttura u l-metodi ta' ħidma tal-Kummissjoni b'mod ġenerali, u li ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod adegwat minn Kummissarju nnominat partikolari, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-President elett tal-Kummissjoni; iqis li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati waqt il-laqgħat bejn il-President elett u l-Konferenza tal-Presidenti (waħda qabel ma jibda l-proċess tas-seduti ta' smigħ, u l-oħra wara li dan ikun intemm);

13.    Iqis li l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji għandu jibqa' kompetenza tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali; iqis, madankollu, li l-kamp ta' applikazzjoni attwali tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji huwa limitat wisq, u jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli tagħha dwar dan mill-aktar fis possibbli; iqis li huwa importanti, għaldaqstant, li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu, fix-xhur li ġejjin, jippubblika linji gwida fil-forma ta' rakkomandazzjoni jew rapport ta' inizjattiva, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riforma tal-proċeduri b'rabta mad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji; iqis li d-dikjarazzjonijiet ta' interessi u tal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji għandhom ikopru wkoll il-membri tal-familja li jgħixu magħhom fl-istess unità domestika;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 137.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2010)0366.

(3)

ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 152.


NOTA SPJEGATTIVA

1. Sfond

Is-seduti ta' smigħ pubbliċi ta' membri prospettivi tal-Kummissjoni Ewropea jikkostitwixxu eżerċizzju siewi ferm. Anki li kieku ma jkunx hemm problemi mal-ebda Kummissarju kandidat, is-seduti ta' smigħ jipprovdu opportunità għall-Parlament u l-pubbliku biex jiskopru l-personalitajiet, l-approċċ ġenerali u l-prijoritajiet ta' kull kandidat Kummissarju u jivvalutaw il-kwalifiki tagħhom. U meta jkun hemm problemi, ikun aħjar li dawn jiġu skoperti qabel ma l-Kummissarju jibda l-mandat tiegħu, milli wara.

Fil-fatt, wieħed jista' jirrifletti dwar x'jista' jiġri li kieku dan l-eżerċizzju kellu jseħħ fuq livell nazzjonali meta l-ministri jinħatru — seduta ta' tliet sigħat ta' mistoqsija wara oħra (public grilling) kapaċi tikxef ħafna dettalji qabel ma dawn jibdew il-mandat tagħhom!

Il-proċess ta' seduti ta' smigħ mhijiex prevista mit-Trattat. Din hija prattika li ġiet żviluppata tul l-aħħar 20 sena bl-insistenza tal-Parlament, li sempliċiment titlob lill-kandidati Kummissarji jidhru għal seduta quddiem il-kumitat(i) parlamentari li jikkorrispondi għall-portafoll tagħhom, qabel ma l-Parlament jipproċedi bil-vot ta' fiduċja fil-Kummissjoni (li huwa previst mit-Trattat, l-Artikolu 17 TUE). Illum, din hija prattika stabbilita sew.

Formalment, il-Parlament kollu kemm hu jivvota fuq il-Kummissjoni fis-sħuħija tagħha, u l-opinjoni tal-kumitati individwali dwar il-Kummissarji individwali m'għandha l-ebda portata ġuridika. Madankollu, din id-darba, id-darba l-oħra u ta' qabel, l-opinjonijiet negattivi tal-kumitati dwar kandidat partikolari rriżultaw f'bidla fil-kompożizzjoni tal-Kummissjoni jew fid-distribuzzjoni tal-portafolli.

Eżitu bħal dan, fil-prattika, huwa possibbli biss meta jkun hemm qbil pjuttost ġenerali bejn il-gruppi politiċi differenti fil-Parlament li kandidat ma jkunx xieraq. Ċertament, is-seduti ta' smigħ mhumiex opportunità għal tentattiv biex tinbidel il-kompożizzjoni politika tal-Kummissjoni, li tirrifletti l-bilanċ politiku bejn il-gvernijiet nazzjonali aktar milli dik fi ħdan il-Parlament. Kwalunkwe kandidat li ma jirnexxix se jiġi sostitwit minn kandidat ġdid innominat mill-istess gvern. Fil-fatt, din hija r-raġuni għaliex il-gruppi u l-Parlament jużaw l-eżerċizzju sħiħ u l-vot ta' fiduċja bil-għan li jiffokaw aktar fuq il-programm u l-politika aktar milli fuq il-personalitajiet — il-Kummissjoni tibqa' koalizzjoni f'termini politiċi.

Għalkemm il-midja għandha t-tendenza li tiffoka esklużivament fuq jekk kandidat Kummissarju partikolari ma jkunx irnexxa, il-proċess jipproduċi żviluppi oħrajn li jistgħu jkunu inqas spettakolari mil-lat medjatiku, iżda xorta waħda huma importanti. Dawn jistgħu jinkludu kjarifiki u impenji politiċi, aġġustamenti għall-portfolli, u, din id-darba, xi ftit aktar ċarezza dwar il-kwistjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Viċi Presidenti u Kummissarji oħra (għalkemm din, bla dubju, se tkun kwistjoni li tibqa' għaddejja). Pereżempju, l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għas-sostenibbiltà lill-ewwel Viċi President Timmermans, il-kjarifika tar-rwoli u r-relazzjoni ta' ħidma bejn l-Kummissarji Katainen u Moscovici, u l-kjarifika li l-Kummissarju tas-Saħħa se jkollu r-responsabbiltà għall-mediċini u l-prodotti farmaċewtiċi, huma kollha eżempji tajba ta' dan.

Dejjem jibqa' lok għal titjib. Bħalma ġara ħames snin ilu (ir-rapport Duff), aħna għandna nevalwaw l-proċeduri u l-metodi u naraw x'lezzjonijiet għandhom jinsiltu għat-titjib tal-proċess għad-darba li jmiss.

2. Ir-regoli tal-logħba

•   Is-seduti ta' smigħ jitmexxew f'konformità mal-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament u l-Anness XVI tagħhom, kif ukoll mal-Ftehim Qafas tal-2005 bejn il-Parlament u l-Kummissjoni.

•   Il-kriterji tat-Trattat fir-rigward tal-Kummissarji huma kompetenza ġenerali, indipendenza indubitabbli u "kompetenza Ewropea" (kriterju ġdid miżjud minn Lisbona) (l-Artikolu 17(3) TUE). B'mod partikolari, il-Parlament għandu l-għan li jiżgura li kull Kummissarju jkollu ħakma tajba tal-portafoll tiegħu jew tagħha, il-kapaċità li jaħdem/taħdem f'tim, u kapaċitajiet ta' komunikazzjoni tajba (l-Anness XVI tar-Regoli).

•   Il-Parlament għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-kwistjoni tal-bilanċ bejn is-sessi. Jista' jesprimi ruħu dwar l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-portafoll mill-President elett (l-Anness XVI tar-Regoli).

•   Il-Parlament jista' jfittex li jikseb kull tagħrif rilevanti biex jieħu deċiżjoni dwar il-kapaċità tal-Kummissarji nnominati. Huwa jistenna li t-tagħrif dwar l-interessi finanzjarji tagħhom ikun żevalat bis-sħiħ. Id-dikjarazzjonijiet ta' interess tal-Kummissarji nnominati għandhom jintbagħtu għall-iskrutinju tal-kumitat responsabbli għall-affarijiet legali (l-Anness XVI tar-Regoli).

3. L-arranġamenti tekniċi

Dawn kienu ta' suċċess. Is-swali tal-laqgħat (2Q2 u 4Q2) kienu kbar biżżejjed għall-Membri, il-persunal tagħhom, il-partijiet interessati u l-midja. Dawn kienu wkoll mgħammra b'żewġ skrins u arloġġ għall-kumdità tal-Kummissarji nnominati u t-tmexxija bla xkiel tal-proċess. Is-seduti ta' smigħ kollha damu 3 sigħat, u kull waħda saret b'mod parallel mal-oħra, ħlief dik tal-Kummissarju nnominat għall-Viċi President Frans Timmermans.

Il-persunal tal-Parlament għandu għal darba oħra jingħata ħajr u jiġi kkongratulat għat-tmexxija bla xkiel tal-proċeduri.

4. Il-kwestjonarju

Il-mistoqsijiet ġew ippreżentati fil-ħin lill-Kummissarji nnominati kollha mill-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz. Il-kwestjonarji kellhom żewġ mistoqsijiet komuni, l-ewwel waħda dwar il-kwistjoni ta' il-kompetenza ġenerali, l-impenn Ewropew u l-indipendenza personali, it-tieni fuq il-ġestjoni tal-portafoll u l-kooperazzjoni mal-Parlament. Tliet mistoqsijiet kienu tħallew f'idejn il-kumitat responsabbli (tnejn kull wieħed f'każijiet fejn il-proċess kien konġunt ma' kumitat ieħor). It-tweġibiet bil-miktub mingħand il-Kummissarji nnominati ntbagħtu lura fi żmien xieraq biżżejjed biex il-membri tal-Kumitat jevalwawhom qabel is-seduta.

Il-mistoqsijiet huma għodda utli biex il-Kummissarji jiġu mistoqsija dwar l-impenn tagħhom lejn l-UE u biex issir valutazzjoni ta' dak li jixtiequ jagħmlu fir-rigward tal-portafoll. Dan, min-naħa tiegħu, jistabbilixxi l-mistoqsijiet orali għall-Kummissarji.

5. L-istruttura tas-seduti ta' smigħ

Is-seduti ta' smigħ għandhom ikunu organizzati mill-Konferenza tal-Presidenti fuq rakkomandazzjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati. Il-President u l-koordinatri ta' kull kumitat huma responsabbli għall-arranġamenti dettaljati. Il-Kumitati huma intitolati jaħtru r-rapporteurs iżda ftit għamlu dan, peress li l-utilità tagħhom f'dan il-kuntest mhijiex evidenti.

Kien hemm disa' seduti ta' smigħ ma' kumitati konġunti u disa' ma' kumitati assoċjati.

•   Il-biċċa l-kbira tal-kumitati kkonċedew sa 15-il minuta lill-Kummissarji nnominati biex jagħmlu r-rimarki preliminari tagħhom.

•   Il-biċċa l-kbira tal-kumitati segwew proċess sempliċi ta' Mistoqsija u Tweġiba b'45 mistoqsija ta' minuta u tweġiba ta' żewġ minuti.

o Uħud taw permess biex tintuża sistema ta' mistoqsija u tweġiba konsekuttivi ('ping-pong') għall-ewwel ċiklu mal-Koordinaturi tal-gruppi (din is-sistema tipprevedi mistoqsijiet u tweġibiet li jdumu 1:00, 2:00, 0:30, 1:00 rispettivament, jew 1:00, 1:45, 0:25, 0:30 rispettivament)

o Uħud taw permess biex isiru mistoqsijiet ta' segwitu okkażjonali, f'każ li jiġu mitluba, u jekk ikun baqa' ħin mhux użat dan kellu jsir fil-perjodu ta' ħin ta' 3 minuti.

o Ħadd ma uża s-sistema metodika ta' mistoqsija u tweġiba konsekuttivi ('ping-pong'), minħabba d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti li jkun hemm 45 mistoqsija u tweġiba singoli.

6. L-eżitu

Mill-ewwel 27 seduta:

•   18-il każ ta' kunsens min-naħa tal-koordinaturi b'ittri ta' aċċettazzjoni jew approvazzjoni tal-persuni nnominati

•   seba' każijiet ta' kumitati li approvaw lill-persuna nnominata biss wara l-votazzjoni tal-kumitat/kumitat konġunt

o wieħed minn dawn is-seba' seħħ wara t-tieni seduta ta' smigħ (Hill)

o wieħed minn dawn is-seba' seħħ wara evalwazzjoni ġdida min-naħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali ta' dikjarazzjoni ta' interess tal-persuna nnominata (Arias Canete)

•   każ wieħed kien ta' Kumitat li vvota biex jirrifjuta kategorikament lill-persuna nnominata (Bratusek)

•   każ wieħed kien tal-kumitat li vvota biex japprova lill-persuna nnominata għall-Kummissjoni iżda mhux għall-portafoll propost (Navrascics)

Miż-żewġ seduti li segwew:

•   żewġ każijiet ta' kunsens min-naħa tal-koordinaturi b'ittri ta' approvazzjoni tal-persuna nnominata

Ir-riżultati tal-votazzjoni tal-Parlament

Ir-riżultat tal-votazzjoni dwar il-kulleġġ il-ġdid tal-Kummissarji kien simili għall-votazzjoni preċedenti dwar Juncker għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni. Dan mhux dejjem kien il-każ, bħalma jidher fit-tabella t'hawn taħt;

IL-PARLAMENT EWROPEW JIVVOTA DWAR IL-KUMMISSJONI EWROPEA

 

+

-

 

 

Barroso bħala President

il-21 ta' Lulju 2004

413

58.33%

251

35.45%

44

6.21%

708

Il-Kummissjoni b'mod ġenerali

it-18 ta' Novembru 2004

449

66.03%

149

21.9%

82

12.06%

680

Barroso bħala President

is-16 ta' Settembru 2009

382

53.2%

219

30.5%

117

16.30 %

718

Il-Kummissjoni b'mod ġenerali

id-9 ta' Frar 2010

488

70.01%

137

19.66%

72

10.33%

697

Juncker bħala President

il-15 ta' Lulju 2014

422

57.88%

250

34.29%

47

9.87%

729 (10 mhux ivvalidati)

Il-Kummissjoni b'mod ġenerali

it-22 ta' Ottubru 2014

423

59.66%

209

29.47%

67

9.44%

709

Il-Midja

Fis-seduti ta' smigħ kien hemm interess konsiderevoli min-naħa tal-midja, mhux biss permezz ta' mezzi tradizzjonali tal-midja iżda wkoll permezz tal-internet (ħafna minnu permezz tal-websajt tal-Parlament Ewropew) u l-midja soċjali. F'dawn l-aħħar ħames snin, din tal-aħħar kibret sew: matul is-seduti ta' smigħ, kien hemm, skont is-servizzi tal-Parlament, xi 38 981 riferiment fuq pjattaformi tal-midja soċjali, 36 303 fuq pjattaformi tal-aħbarijiet, 75 284 fi blogs, u 210 f'forums — total ta' 150 778 riferiment, li mbagħad nqraw minn eluf ta' followers. B'mod simili, l-interfaċċa għall-utent tal-profil tal-PE fuq Twitter irreġistrat aktar minn 300 000 tweet. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-Membri tal-PE irċevew eluf ta' e-mails dwar is-seduti ta' smigħ.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (11.5.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar proċeduri u prattiki rigward is-Seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-proċess tal-2014

(2015/2040(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Aldo Patriciello

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi li s-seduti ta' smigħ pubbliku tal-Kummissarji nominati huma element importanti tad-Demokrazija Ewropea li, għalkemm mhux stipulati mit-Trattat, saru prattika stabbilita sew li żviluppat tul dawn l-aħħar 20 sena, u jippreżentaw opportunità importanti għall-Parlament u għaċ-ċittadini tal-UE biex jivvalutaw il-ħiliet u l-prijoritajiet ta’ kull kandidat u l-adattabilità tagħhom għal dan ir-rwol;

2.  Jenfasizza li f'dak li jikkonċerna d-dikjarazzjonijiet tal-ftuħ, ikun aħjar jekk, bi qbil mat-Taqsima 1(b)(7) (Seduti ta' Smigħ) tal-Anness XVI għar-Regoli ta' Proċedura, il-kandidati kollha jingħataw l-istess ammont ta' ħin sabiex il-Kummissarji nominati kollha jgawdu minn opportunità ugwali u ġusta biex jippreżentaw lilhom infushom u l-fehmiet tagħhom;

3.  Iqis ukoll li jkun xieraq li kieku kull Stat Membru jressaq minn tal-anqas żewġ kandidati – raġel u mara – għall-kunsiderazzjoni tal-President elett tal-Kummissjoni;

4.  Iqis li jkun utli, għal raġunijiet prattiċi u politiċi, li tkun iffissata data ta' skadenza li fiha l-Istati Membri kollha jkunu ppreżentaw il-kandidati tagħhom;

5.  Jinnota li s-seduti ta' smigħ tal-2014 iġġeneraw interess akbar mill-midja u mill-pubbliku minn seduti ta' smigħ preċedenti minħabba l-evoluzzjoni tal-midja soċjali; jemmen li l-impatt u l-infuwenza tal-midja soċjali aktarx li jkomplu jikbru fil-futur; iqis li għandha tiddaħħal fis-seħħ dispożizzjoni dwar l-użu tal-midja soċjali u tan-netwerks sabiex jiġu inklużi b'mod aktar effikaċi ċ-ċittadini tal-UE fil-proċess tas-seduti ta' smigħ;

6.  Jirrakkomanda li t-taqsima 1(b)(7) (Seduti ta' smigħ) tal-Anness XVI tar-Regoli ta’ Proċedura (Linji gwida għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni) tipprevedi li l-mistoqsijiet “għandhom’” aktar milli “Meta jkun possibbli’, jinġabru flimkien skont it-tema; jemmen li bidla bħal din għandha tkun konsistenti mal-ħtieġa li għandhom il-gruppi politiċi biex jistabbilixxu l-prijoritajiet politiċi tagħhom stess f’interrogazzjoni u din għandha tippermetti aktar flessibbiltà f'arranġamenti għal numru dejjem jiżdied ta’ seduti ta' smigħ ta' kumitati konġunti (li jinvolvu żewġ kumitati jew aktar);

7.  Iqis li n-nuqqas ta’ mistoqsijiet ta’ segwitu lill-Kummissarji nominati matul il-proċess tal-2014 jista' jitqies li ppermetta lil xi kandidati jevitaw milli jwieġbu dwar kwistjonijiet aktar sensittivi; iqis li, wara li kkunsidra l-funzjoni demokratika tas-seduti ta’ smigħ, l-istruttura tagħhom għandha tiġi modifikata biex tippermetti lill-Membri jagħmlu mistoqsijiet ta’ segwitu supplimentari u partikolari lil Kummissarju nominat sabiex issir evalwazzjoni aħjar tal-kandidati; jenfasizza l-importanza li l-gruppi politiċi jkollhom l-ammont massimu possibbli ta’ ħin għall-mistoqsijiet, b’mod partikolari fil-każ ta' seduti ta' smigħ ta' kumitati konġunti;

8.  Iqis li għandu jkun possibbli li tiġi estiża s-seduta ta’ smigħ tal-Viċi Presidenti u tal-Kummissarji nominati b’poteri estensivi lil hinn minn tliet sigħat, minħabba l-kompetenzi usa' tagħhom meta mqabbla ma’ Kummissarji ordinarja, mhux l-inqas sabiex il-kumitati kollha involuti jkunu jistgħu jivvalutaw b'mod xieraq il-kandidati u l-istat ta’ tħejjija tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-oqsma kollha fil-portafoll tagħhom;

9.  Ifakkar li t-taqsima 1(a)(1) tal-Anness imsemmi hawn fuq tistipula li “Il-Parlament għandu jevalwa l-Kummissarji nominati fuq il-bażi tal-kompetenza ġenerali, l-impenn Ewropew u l-indipendenza personali tagħhom. Għandu jevalwa l-għarfien tal-portafoll li għalih qed ikunu proposti u l-ħiliet ta’ komunikazzjoni tagħhom.”; jissuġġerixxi, madankollu, li l-esperjenza u l-imġiba professjonali preċedenti għandhom jitqiesu bħala kriterji ta' adegwatezza supplimentari; jinnota wkoll li skont il-paragrafu 1(a), il-Parlament hu intitolat li jfittex kull informazzjoni rilevanti sabiex jilħaq deċiżjoni dwar id-dispożizzjoni tal-Kummissarji nominati, inkluż b'mod partikolari, fejn japplika, informazzjoni rigward l-attivitajiet imwettqa, jew karigi miżmuma, fi kwalunkwe istituzzjoni Ewropea u d-dikjarazzjonijiet ta' interess ippreżentati f'dak ir-rigward; iqis li l-valutazzjoni mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-konformità tad-dikjarazzjoni ta' interessi finanzjarji tista' tkun biss kontroll formali u ma tistax tieħu post valutazzjoni politika tal-indipendenza ta' kandidat ibbażata inter alia fuq id-dikjarazzjoni tal-interessi tagħhom; iqis li l-iskrutinju tad-dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji nominati għandu jitwessa' biex jinkludi l-familjari tagħhom jekk ikun possibbli;

10. Jenfasizza li l-Membri tal-Parlament għandhom dejjem jiġu garantiti l-possibilità li jiksbu tweġiba sħiħa u eżawrjenti mill-Kummissarji nominati;

11. Jirrakkomanda li l-Kummissarji nominati jingħataw il-possibilità li jressqu dikjarazzjoni bil-miktub fi żmien 12-il siegħa wara li s-seduta ta' smigħ tiġi dikjarata magħluqa f'każijiet fejn ma jkunx irnexxielhom jagħtu tweġiba sħiħa u eżawrjenti għal xi mistoqsija;

12. Jenfasizza li l-koordinaturi tal-kumitati għandhom jagħmlu ħilithom biex jaslu għal konsensus dwar l-evalwazzjoni; iqis li, meta dan ma jkunux possibbli, huma għandhom ikunu kapaċi jaġixxu abbażi ta’ deċiżjoni mill-koordinaturi li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-membri tal-kumitat; jenfasizza li, minħabba ż-żmien limitat disponibbli biex tintlaħaq pożizzjoni, il-koordinaturi għandhom, fejn xieraq, jillimitaw il-kummenti tagħhom għal dawk li jkopru l-kriterji deskritti fil-1(a)(1) tal-Anness imsemmi hawn fuq; iqis, barra minn hekk, li l-gruppi li ma jaqblux mal-fehma tal-maġġoranza għandhom ikunu jistgħu jitolbu referenza xierqa fl-ittra ta’ evalwazzjoni; ifakkar li, fi kwalunkwe każ, ir-Regoli ta’ Proċedura jippermettu wkoll li grupp politiku jitlob li l-President isejjaħ laqgħa tal-kumitat sħiħ, kif ukoll vot dwar l-evalwazzjoni tal-kandidat;

13. Jinnota li l-metodi u l-prattiki tal-evalwazzjoni ta' wara s-seduta ta' smigħ ivarjaw bejn il-kumitati;

14. Jemmen li, fir-rigward tal-iskadenzi applikabbli għad-dikjarazzjonijiet ta' evalwazzjoni, u sabiex il-proċess isir aktar ċar u biex tiġi evitata kull tip ta' konfużjoni li tista' tirriżulta minn interpretazzjoni ħażina tat-Taqsima 1(c)(6) tal-Anness XVI tar-Regoli ta' Proċedura, ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom b'mod espliċitu jipprovdu għal dikjarazzjoni ta’ evalwazzjoni li għandha tiġi adottata malajr kemm jista’ jkun, u ppubblikata fi żmien 24 siegħa wara t-tmiem ta' kull seduti ta’ smigħ individwali; jitlob l applikazzjoni stretta u uniformi ta' din ir-Regola fost il-kumitati kollha.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

60

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Iratxe García Pérez, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Jytte Guteland, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Josu Juaristi Abaunz, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Pavel Poc, Marcus Pretzell, Michèle Rivasi, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Renata Briano, Nicola Caputo, Mark Demesmaeker, Esther Herranz García, Merja Kyllönen, James Nicholson, Aldo Patriciello, Gabriele Preuß, Bart Staes

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Arne Gericke


OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (17.4.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar proċeduri u prattiki rigward is-Seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-proċess tal-2014

(2015/2040(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Michael Cramer

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.      Jinnota li l-iffurmar tal-Kummissjoni Juncker ġie pospost minħabba li xi Stati Membri damu ma ħatru l-kandidat tagħhom, filwaqt li livell aċċettabbli ta’ bilanċ bejn is-sessi inkiseb biss fl-aħħar minuta bis-saħħa tal-insistenza soda tal-Parlament li l-Kummissjoni l-ġdida għandha tinkludu mill-inqas l-istess għadd ta’ nisa li kellha l-Kummissjoni ta' qabilha; iqis li sitwazzjoni bħal din tista’ tiġi evitata fil-futur billi tiġi stabbilita skadenza biex l-Istati Membri jinnominaw il-kandidati tagħhom, u billi l-Istati Membri jiġu mħeġġa jipproponu mill-anqas żewġ kandidati biex jiġu kkunsidrati mill-President elett, filwaqt li jqisu kif jixraq il-bilanċ tal-ġeneri billi jinnominaw, pereżempju, mill-inqas mara waħda; jinnota li dan se jippermetti lill-President elett jagħżel l-aktar kandidati adattati, filwaqt li jqis il-kapaċitajiet speċifiċi u l-qasam ta’ għarfien espert tagħhom, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat livell xieraq ta’ bilanċ tal-ġeneri;

2.      Iqis li għandu tkun iffissata wkoll skadenza għall-adozzjoni, mill-President elett u l-Kunsill, bi qbil komuni, tal-lista ta’ persuni proposti għall-ħatra bħala Membri tal-Kummissjoni, sabiex il-Parlament jingħata biżżejjed żmien biex iħejji u jmexxi b'mod xieraq is-seduti ta’ smigħ, inklużi seduti ta' smigħ supplimentari fejn ikun meħtieġ;

3.      Jirrikonoxxi li s-seduti ta' smigħ pubbliċi tal-Kummissarji nnominati jippreżentaw opportunità importanti għall-Parlament u għaċ-ċittadini tal-UE biex jivvalutaw il-prijoritajiet ta’ kull kandidat u jekk ikunux adattati għar-rwol;

4.      Iqis li meta Viċi President tal-Kummissjoni ikollu responsabbiltajiet li huma primarjament orizzontali, is-seduta ta' smigħ tista’ eċċezzjonalment issir f’format differenti, bħal laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati, dment li tali laqgħa tkun miftuħa għall-membri kollha, jew laqgħa konġunta tal-kumitati rilevanti;

5.      Jemmen li l-Kummissarju nnominat għandu jintalab jistabbilixxi b’mod ċar il-prijoritajiet tal-programm għall-portafoll ikkunsidrat fid-dikjarazzjoni tal-ftuħ tiegħu jew tagħha;

6.      Jirrimarka li r-regola li tapplika b'mod ġenerali, ta’ 45 mistoqsijiet ta’ tliet minuti, kif deċiż mill-Konferenza tal-Presidenti, ma offrietx lill-kumitati flessibbiltà biżżejjed biex ivarjaw il-prattiki tagħhom fejn ikun meħtieġ, pereżempju billi jintroduċu proċedura "catch the eye" jew jallokaw aktar ħin lill-kelliema fl-ewwel rawnd, filwaqt li tliet minuti kienu totalment insuffiċjenti biex issir mistoqsija ta’ segwitu; iqis li fil-futur għandhom isiru arranġamenti li joffru aktar flessibbiltà lill-kumitati, filwaqt li jiġu żgurati wkoll in-natura inkwiżitorjali tas-seduti ta' smigħ billi jsiru mistoqsijiet u tweġibiet konsekuttivi, prinċipju magħruf bħala "ping-pong";

7.      Jemmen li l-mistoqsijiet waqt is-seduta ta' smigħ għandhom, tal-inqas parzjalment, jitwieġbu f’lingwa differenti mil-lingwa materna tal-Kummissarju nnominat;

8.      Jinnota li d-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-ħin tad-diskorsi bejn il-gruppi u dwar l-għadd ta’ mistoqsijiet allokati lill-kumitati assoċjati/mistiedna fl-aħħar mill-aħħar ittieħdu mill-Konferenza tal-Presidenti u mill-gruppi politiċi rispettivament, għalkemm fil-passat dawk l-arranġamenti kienu saru fil-livell tal-kumitati; jinnota li l-proċedura ħolqot konfużjoni, peress li l-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati inizjalment kienet issuġġeriet lill-kumitati biex jiftehmu bilateralment fuq l-għadd ta’ mistoqsijiet li kellhom jiġu allokati lill-kumitati assoċjati/mistiedna;

9.      Jenfasizza li r-regola d’Hondt għall-allokazzjoni tal-ħin għad-diskorsi fost il-gruppi politiċi għandha tiġi applikata b'reqqa;

10.    Iqis li jekk l-evalwazzjoni turi li ma kienx hemm maġġoranza ċara, jew jekk ikun hemm maġġoranza iżda mhux kunsens kontra kandidat, il-koordinaturi għandhom, bħala l-pass li jmiss, jitolbu seduta ta' smigħ addizzjonali siegħa u nofs;

11.    Jenfasizza li t-talba tal-Parlament għas-sostituzzjoni ta’ Kummissarju nnominat jew l-allokazzjoni lilu jew lilha ta’ portafoll, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni magħmula mill-kumitat (i) responsabbli, għandha titqies għalkollox; iqis li fejn il-Parlament jitlob is-sostituzzjoni ta’ Kummissarju nnominat, għandha tiġi ffissata skadenza għan-nomina ta’ kandidat ġdid mill-Istat Membru kkonċernat; ma jaqbilx mas-sitwazzjoni fejn il-kumitat ma jitħalla ebda għażla oħra ħlief li jaċċetta lill-persuna nnominata fil-każ eċċezzjonali fejn it-tieni persuna nominata minn Stat Membru jinstab li ma tkunx kwalifikata biex tinħatar membru tal-kulleġġ u biex twettaq id-dmirijiet partikolari assenjati lilu jew lilha; iqis li bħala l-aħħar alternattiva tista’ tkun aċċettata estensjoni limitata tal-mandat tal-Kummissjoni uxxenti, u dan biss f’każijiet eċċezzjonali fejn il-ħtieġa għat-tħejjija xierqa ta' seduti ta’ smigħ supplimentari ma tippermettix lill-Parlament japprova l-Kummissjoni l-ġdida qabel l-1 ta’ Novembru;

12.    Jesprimi n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħu dwar il-proċedura li wasslet għas-sostituzzjoni tal-Kummissarju nnominat għat-Trasport fi żmien qasir ħafna u mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-kumitat responsabbli; jiddeplora l-fatt li l-persuna nnominata sussegwenti ma gawdietx kundizzjonijiet ugwali u ġusti biex tippreżenta ruħha quddiem il-Kumitat, għaliex kellha ħin limitat ħafna għad-dispożizzjoni tagħha biex tħejji lilha nnifisha għas-seduta ta’ smigħ; itenni li t-trasport huwa qasam ewlieni tal-politika li m’għandux jisfa l-vittma ta’ tibdiliet fl-aħħar minuta;

13.    Jenfasizza li, skont l-Anness XVI tar-Regoli ta’ Proċedura, l-opinjonijiet tal-kumitati kollha assoċjati ma’ seduta ta’ smigħ għandhom ikunu inklużi fi stqarrija ta’ evalwazzjoni waħda; jinnota, madankollu, li dan ir-rekwiżit mhux dejjem ġie ssodisfat għalkollox; iqis, għalhekk, li d-dispożizzjoni korrispondenti jeħtieġ litissaħħaħ billi jiġi speċifikat li l-opinjonijiet tal-kumitati assoċjati għandhom jiġu annessi fl-intier tagħhom fl-istqarrija ta’ evalwazzjoni unika mingħajr l-ebda tibdil;

14.    Ifakkar li, skont l-Anness XVI tar-Regoli ta’ Proċedura, l-istqarrijiet ta' evalwazzjoni jeħtieġ jiġu adottati u ppubblikati fi żmien 24 siegħa wara s-seduta ta’ smigħ; jinnota, madankollu, li l-proċedura li ġiet segwita ma kinitx konformi ma' din id-dispożizzjoni, minħabba li l-istqarrijiet ta' evalwazzjoni kienu disponibbli biss wara li l-Konferenza tal-Presidenti iddikjarat li s-seduti ta’ smigħ kienu magħluqa; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ċċarata din id-dispożizzjoni biex tkun permessa l-pubblikazzjoni ta’ stqarrijiet ta' evalwazzjoni f'post fejn tidher fis-sit elettroniku tal-Parlament 24 siegħa wara l-evalwazzjoni;

15.    Jitlob li jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet li ġejjin fl-Anness XVI tar-Regoli ta’ Proċedura:

−      'Meta jkun possibbli, il-mistoqsijiet li jsiru matul is-seduta ta’ smigħ għandhom jinġabru flimkien skont it-tema.' Din id-dispożizzjoni ġiet interpretata bħala l-ġbir flimkien tal-mistoqsijiet tal-kumitati assoċjati/mistiedna, iżda t-tema propja ta' mistoqsija mhux suppost tkun magħrufa minn qabel, għax il-mistoqsijiet m'għandhomx jiġu żvelati qabel is-seduta ta' smigh;

−      'Jekk ikun falla kull tentattiv ieħor, il-president għandu jressaq iż-żewġ deċiżjonijiet għal votazzjoni sigrieta.' Hu maħsub li l-kliem ‘iż-żewġ deċiżjonijiet’ jirreferu għal jekk 'il-Kummissarji nnominati humiex ikkwalifikati kemm biex ikunu membri tal-kulleġġ u biex iwettqu d-dmirijiet partikolari assenjati lilhom'. Madankollu, m'hemm ebda rabta evidenti bejn dawn iż-żewġ sentenzi fl-Anness XVI, u dan jista' jwassal għal interpretazzjoni ħażina.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.4.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Bruno Gollnisch, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Stelios Kouloglou, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Georg Mayer, Gesine Meissner, Cláudia Monteiro de Aguiar, Renaud Muselier, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Claudia Tapardel, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Wim van de Camp, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, Markus Ferber, Olga Sehnalová, Patricija Šulin


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (11.5.2015)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Proċeduri u prattiki rigward is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji, tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-proċess tal-2014

(2015/2040(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jean-Marie Cavada

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-garanzija ta' indipendenza tal-Kummissarji nnominati; iqis li l-iskrutinju tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji għandu jibqa' ta' kompetenza esklussiva tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali; iqis, madankollu, li l-kamp ta' applikazzjoni attwali tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-Kummissarji huwa limitat wisq, u jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli tagħha dwar dan mill-aktar fis possibbli;

2.  Huwa tal-opinjoni li l-analiżi tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji tal-Kummissarji nnominati tikkonsisti mhux biss fil-verifika li d-dikjarazzjoni tkun ġiet ikkompletata b'mod xieraq, iżda wkoll biex tiddetermina jekk il-kontenut tagħha jindikax kunflitt ta' interessi; iqis, f'dak il-każ, li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandu jkollu setgħa ta' skrutinju msaħħa, inkluża, b'mod partikolari, il-possibilità li jordna d-divulgazzjoni ta' kwalunkwe informazzjoni ulterjuri meħtieġa biex issir valutazzjoni bir-reqqa tad-dikjarazzjonijiet u s-setgħa li tintalab il-preżenza tal-Kummissarju nnominat biex iwieġeb aktar mistoqsijiet abbażi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji mingħajr ma jinkiser il-privileġġ tal-kumitat ewlieni li jwettaq is-seduta tas-smigħ;

3.  Iqis li d-dikjarazzjonijiet ta' interessi finanzjarji jridu jinkludu l-interessi tal-familji, kif previst fl-Artikolu 1.6 tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji;

4.  Jinnota li l-Kummissjoni għandha r-responsabilità li tidentifika kwalunkwe kunflitt ta' interess li jista' jxekkel lill-Membri tagħha milli jwettqu l-kompiti tagħhom, u hu tal-fehma, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha tkun f'pożizzjoni li tivverifika u tiggarantixxi l-akkuratezza u l-kompletezza tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji sottomessi mill-Kummissarju nnominat qabel is-seduti tas-smigħ tagħhom quddiem il-Parlament;

5.  Jipproponi li għandu jitwettaq rapport fuq inizjattiva proprja b'mod speċifiku rigward il- kwistjoni tal-kunflitti ta' interess fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Kummissarji nnominati;

6.  Iqis li huwa mixtieq li jkun hemm allinjament akbar bejn il-portafolli tal-Kummissarji u l-oqsma ta' kompetenzi rispettivi tal-kumitati parlamentari, mingħajr il-privileġġ ta' kull istituzzjoni li tiddetermina jekk l-istruttura u l-kompożizzjoni interna tagħha hijiex qed tinkiser minn istituzzjoni oħra;

7.  Huwa tal-opinjoni li s-seduti tas-smigħ mwettqa mill-kumitati responsabbli huma importanti bħala mezz mhux biss ta' verifika tal-personalità tan-nominati u tal-prijoritajiet politiċi tagħhom, iżda wkoll biex tkun ivverifikata l-attiduni u l-abilità tagħhom biex iwettqu d-doveri tagħhom; jenfasizza li n-nominati għal karigi bħall-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni, għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħan-nominati l-oħra;

8.  Jenfasizza li l-iskop tas-seduti tas-smigħ għandu jkun biex il-Kummissarji nominati jingħataw opportunità ugwali u ġusta biex jippreżentaw lilhom infushom u l-opinjonijiet tagħhom bi qbil mal-Anness XVI tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, b'enfasi partikolari fuq l-imparzjalità u n-newtralità politika tal-proċedura;

9.  Jenfasizza l-bżonn li tinkiseb il-parità tal-ġeneru fost il- membri tal-Kulleġġ tal-Kummissarji;

10. Huwa tal-opinjoni li għandu jkun hemm aktar flessibilità, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħin allokat għall-mistoqsijiet supplimentari u għat-tweġibiet tal-kandidati;

11. Huwa tal-opinjoni li l-awturi tal-mistoqsijiet għandhom ikunu permessi jressqu immedjatament mistoqsijiet ta' segwitu (pereżempju, tista' titħalla 30 sekonda għall-mistoqsija ta' segwitu u minuta għat-tweġiba);

12. Huwa tal-opinjoni li għandhom jitfasslu regoli, b'mod partikolari rigward l-iskadenzi, li jikkontrollaw is-seduti ta' smigħ ta' nominati sostituti, sabiex dawn tal-aħħar ma jkunux fi żvantaġġ fir-rigward tal-Kummissarji nominati li jkunu nstemgħu oriġinarjament; jitlob għalhekk għal regoli li jiggvernaw is-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji nominati li għandhom jitfasslu fi ftehim interistituzzjonali;

13. Huwa tal-opinjoni li f'każijiet fejn il-koordinaturi ma jilħqux kunsens dwar il-valutazzjoni ta' Kummissarju nnominat, id-deċiżjoni finali għandha titressaq għal votazzjoni b'sejħa tal-ismijiet fil-Kumitat.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

7.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

0

7

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Jean-Marie Cavada, Therese Comodini Cachia, Rosa Estaràs Ferragut, Laura Ferrara, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Dietmar Köster, António Marinho e Pinto, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Sergio Gaetano Cofferati, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Jytte Guteland, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Virginie Rozière, Cecilia Wikström

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Morten Messerschmidt


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Fabio Massimo Castaldo, Richard Corbett, Pascal Durand, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Ramón Jáuregui Atondo, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, György Schöpflin, Barbara Spinelli, Josep-Maria Terricabras, Kazimierz Michał Ujazdowski, Rainer Wieland

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Sylvia-Yvonne Kaufmann, David McAllister, Andrej Plenković, Marcus Pretzell, Helmut Scholz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Adam Szejnfeld, Csaba Sógor, Dario Tamburrano

Avviż legali - Politika tal-privatezza