RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u r-Repubblika tal-Kap Verde
22.6.2015 - (15848/2014 – C8-0003/2015 – 2014/0329(NLE)) - ***
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Peter van Dalen
PR_NLE-AP_Agreement
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u r-Repubblika tal-Kap Verde
(15848/2014 – C8-0003/2015 – 2014/0329(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta ' deċiżjoni tal-Kunsill (15848/2014),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde (15849/2014),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill b'konformità mal-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0003/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2), u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Baġits (A8-0201/2015),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kap Verde.
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Il-Kap Verde huwa stat gżira arċipelaġika li jinsab fil-Lvant tal-Atlantiku, 375 mil lejn il-Punent tas-Senegal u l-Mawritania. Huwa magħmul minn 10 gżejjer u 5 gżejriet. Huwa għandu riżorsi naturali u ilma ħelu limitati. Il-Kap Verde huwa ex-kolonja Portuġiża. Ir-Repubblika tal-Kap Verde kisbet l-indipendenza tagħha fl-1975 hu hija parti mill-Grupp ta' Stati AKP u għaldaqstant tibbenefika mill-vantaġġi skont il-ftehim Cotonou. Mill-2008 l-Kap Verde m'għadux klassifikat bħala Pajjiż l-Anqas Żviluppat (LDC) u għaldaqstant m'għadux jibbenefika mill-istess livell ta' appoġġ pubbliku għall-iżvilupp u lanqas minn xi reġim preferenzjali marbut ma' status ta' LDC. Il-Kap Verde jista', madankollu jesporta lejn l-UE skont 'l-iskema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati +' (SĠP +). L-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem fl-2012 kien ta' 0.586, li poġġa lill-pajjiż fil-131 post fid-dinja (UNDP, 2013). L-ekonomija tal-Kap Verde għandha diversifikazzjoni fqira iżda qiegħda tgawdi dejjem aktar żvilupp fit-turiżmu.
Ir-riżorsi tas-sajd tal-blata insulari tal-għaxar gżejjer ġew stmati għal 18 000 t fl-aħħar tas-snin disgħin. Ma kien hemm l-ebda valutazzjoni minn dak iż-żmien 'l hawn. Ir-riżorsi tas-sajd pelaġiċi oċeaniċi huma stmati għal 25 000 t. In-nuqqas ta' valutazzjonijiet regolari tal-istokk jagħmel diffiċli l-valutazzjoni tal-abbundanza tagħhom u l-potenzjal disponibbli għas-sajd.
Hemm 4 kategoriji ta' unitajiet tas-sajd li joperaw fl-ilmijiet tal-arċipelagu Kap Verdjan: 1, artiġjanali nazzjonali, kummerċjali u ta' sussistenza; 2, nazzjonali semi-industrijali; 3, barrani, imwettaq fi ħdan il-qafas tal-ftehim ta' sħubija dwar is-sajd (FPA) bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Kap Verde; u 4, barrani, imwettaq fi ħdan il-qafas ta' reġim ta' aċċess ibbażat fuq liċenzji privati.
Il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde ġie ffirmat fl-24 ta' Lulju 1990. Minn dak iż-żmien, sitt Protokolli ġew implimentati, li minnhom tlieta kienu fi ħdan il-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd (FPA) li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2007.
Abbozz ta' protokoll ġdid ġie inizjalat min-negozjaturi fit-28 ta' Awwissu 2014. Il-Protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta' erba' snin mid-data ta' applikazzjoni proviżorja stabbilita fl-Artikolu 15, li kienet id-data meta l-Protokoll ġie ffirmat.
Analiżi tal-Protokoll il-ġdid
L-iskop prinċipali tal-Protokoll għal dan il-Ftehim huwa li joffri opportunitajiet ta' sajd lil bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tar-Repubblika tal-Kap Verde, skont l-aħjar opinjonijiet xjentifiċi disponibbli u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), fejn applikabbli fil-limiti tal-eċċess disponibbli. Il-pożizzjoni ta' negozjar tal-Kummissjoni kienet parzjalment ibbażata fuq ir-riżultati ta' valutazzjoni ex post tal-Protokoll preċedenti mwettaq minn esperti esterni.
L-għan ġenerali huwa t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde, biex għaldaqstant jinħoloq qafas ta' sħubija li fih tiżviluppa politika tas-sajd sostenibbli u sfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tar-Repubblika tal-Kap Verde, fl-interessi taż-żewġ partijiet.
Il-protokoll jipprovdi opportunitajiet ta' sajd għal:
- 28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun (preċedentement 28)
- 30 bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ (preċedentement 35)
- 13-il bastiment tas-sajd għat-tonn bil-qasab u x-xlief (preċedentement 11)
Il-valur totali tal-Protokoll, għall-perjodu ta' erba' snin, huwa stmat għal EUR 3 300 000. Dan l-ammont jikkonsisti minn tliet komponenti:
1. EUR 1.05.000 bħala kumpens finanzjarju għall-aċċess għar-riżorsi:
- Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali hija ta' EUR 550 000 għall-ewwel sentejn u EUR 500 000 għall-aħħar sentejn, abbażi ta' tunellaġġ ta' referenza ta' 5 000 tunellata, li għalih ammont marbut mal-aċċess ġie stabbilit għal EUR 275 000 għall-ewwel sentejn u EUR 250 000 għall-aħħar sentejn,
2. EUR 1.05.000 bħala appoġġ għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd tar-Repubblika tal-Kap Verde:
- Li jammonta għal EUR 275 000 fis-sena għall-ewwel sentejn u għal EUR 250 000 fis-sena għall-aħħar sentejn.
3. EUR 1 200 000 għat-tariffi li jridu jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti:
- It-tariffi huma kkalkulati kif ġej: EUR 55 għal kull tunellata maqbuda fiż-żona tas-sajd Kap Verdjana waqt l-ewwel sentejn ta' applikazzjoni; EUR 65 għal kull tunellata maqbuda fiż-żona tas-sajd Kap Verdjana waqt l-aħħar sentejn ta' applikazzjoni.
Il-Protokoll għandu wkoll jikkontribwixxi għal ġestjoni u konservazzjoni aħjar tar-riżorsi tas-sajd, permezz ta' appoġġ finanzjarju (appoġġ settorjali) għall-implimentazzjoni ta' programmi adottati f'livell nazzjonali minn pajjiż sieħeb, b'mod partikolari biex jiġi ssorveljat u miġġieled is-sajd illegali. Barra minn hekk hemm proġetti pjanati li għandhom jibbenefikaw lis-sajjieda lokali rigward sikurezza u taħriġ ġenerali.
Huwa ppjanat djalogu estensiv dwar l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-politika settorjali. Analiżi konġunta ta' riżultati, kif imsemmi fl-Artikolu 3, ukoll tifforma parti minn dawn il-miżuri ta' kontroll. Barra minn hekk, il-Protokoll fih klawżoli speċifiċi għas-sospensjoni tiegħu, skont ċerti kundizzjonijiet u ċirkostanzi partikolari.
Fil-Protokoll, il-partijiet ftiehmu dwar mekkaniżmu ta' sorveljar strett sabiex jiżguraw sfruttament sostenibbli tar-riżorsa. Dan il-mekkaniżmu għandu, b'mod partikolari, ikun ibbażat fuq l-iskambju trimestrali ta' data dwar qabdiet ta' klieb il-baħar. Jekk tali qabdiet jeċċedu l-limitu ta' 30 % tat-tunellaġġ ta' referenza, jiġi stabbilit sorveljar imsaħħaħ. Jekk il-qabdiet ta' klieb il-baħar jaqbżu l-limitu ta' 40 % l-Kumitat konġunt għandu jadotta miżuri ulterjuri ta' ġestjoni, fejn ikun xieraq.
Barra minn hekk, l-UE u l-istituti xjentifiċi Kap Verdjani għandhom iwettqu studju komprensiv dwar il-klieb il-baħar f'dawn l-ilmijiet. Il-partijiet qablu li jqisu dan l-istudju u li l-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jaġġusta s-sistema ta' sorveljar skont ir-riżultati ta' dan l-istudju.
Il-pożizzjoni tar-Rapporteur
Meta wieħed jikkunsidra l-opportunitajiet biex l-ekonomija Kap Verdjana tiffjorixxi permezz ta' sfruttament aħjar tal-istokkijiet disponibbli, skont il-prinċipji tas-sajd sostenibbli u skont l-aħjar prattiki fl-industrija, hija l-opinjoni tar-rapporteur li l-Ftehim il-ġdid u l-Protokoll ikunu fl-aħjar interessi tal-partijiet u, għal din ir-raġuni jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-PE.
Ir-rapporteur jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li abbażi tal-analiżi tal-protokoll preċedenti xi aspetti ġodda tal-Ftehim u tal-Protokoll jidhru promettenti u huma meħtieġa:
- Il-mekkaniżmu l-ġdid ta' sorveljar marbut ma' limiti ta' 30 % u ta' 40 % ta' qabdiet ta' klieb il-baħar li jiskattaw miżuri addizzjonali huwa, b'mod partikolari, pass fid-direzzjoni t-tajba. Ir-rapporteur jinnota madankollu li l-klieb il-baħar jammontaw għal 83 % tal-qabdiet minn bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ tal-UE fil-Kap Verde fl-2011-2012 u jistenna li dawn il-limiti jintlaħqu faċilment. Jekk ikun hekk, ir-rapporteur jittama li l-frażi 'fejn ikun xieraq' ma tintużax bħala pretest biex jiġu mwaqqfin l-aġġustamenti meħtieġa.
- Il-partijiet qablu li jżommu t-tunellaġġ ta' referenza iżda li jnaqqsu n-numru ta' bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ minn 35 għal 30. Wieħed jittama li dan inaqqas il-qabdiet ta' klieb il-baħar, peress li l-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ b'mod speċjali għandhom qabda aċċessorja għolja ta' klieb il-baħar.
- L-istudju tal-klieb il-baħar li għandu jitwettaq mill-UE flimkien mal-istituzzjonijiet xjentifiċi Kap Verdjani jistgħu jikkontribwixxu għal protezzjoni aħjar tal-klieb il-baħar fil-futur. Ir-rapporteur jittama li l-Kumitat Konġunt jaġġusta b'mod adegwat il-mekkaniżmu ta' sorveljar jekk ir-riżultati ta' dan l-istudju hekk jirrakkomandaw.
Barra minn hekk, ir-rapporteur jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jeħtieġ li xi aspetti jittejbu abbażi tal-analiżi tal-protokoll preċedenti, inkluż:
- L-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali qed jaffaċċa dewmien. Il-livell ta' suċċess huwa sodisfaċenti, għalkemm hija wkoll diffiċli d-determinazzjoni tal-impatt tal-appoġġ settorjali Ewropew meta mqabbel ma' azzjonijiet oħra mwettqa fil-kuntest ta' programmi ta' appoġġ mibdija minn sħab ta' żvilupp oħrajn, b'mod partikolari, dawk imwettqa fil-kuntest tal-Programm tas-Sajd Reġjonali fil-Punent tal-Afrika fil-Kap Verde (WARFP – CV, finanzjat mill-Bank Dinji).
- Għal speċi fil-mira tal-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ, jidher li m'hemmx riskju ta' sfruttament żejjed. Madankollu, il-valutazzjoni tal-effikaċja tissuġġerixxi li l-attività tal-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ tal-UE - ħlief għall-qafas ta' ġestjoni għall-ispeċi ta' klieb il-baħar immirati prinċipalment - mhix interament kompatibbli mal-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta għal sajd responsabbli; speċjalment b'referenza għall-prinċipju ta' prekawzjoni u l-pariri xjentifiċi li jgħidu li speċi varji li jinqabdu flimkien mal-kelb il-baħar blù (70 % tal-qabdiet) huma sfruttati bis-sħiħ.
- Ir-rieżami tal-konformità tal-FPA juri li qed jilħaq l-aspettattivi tal-operaturi tal-bastimenti; madankollu, hemm ir-riskju li jikkomprometti l-opinjoni pubblika minħabba l-mira lejn il-klieb il-baħar mill-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ tal-UE minflok lejn il-pixxispad u t-tonn bħalma kien il-każ ftit snin ilu. Hemm riskju ta' konfużjoni bejn speċi f'periklu ta' estinzjoni, li rarament jinqabdu minn bastimenti tal-UE, u oħrajn bħall-kelb il-baħar il-blù.
- Numru ta' elementi addizzjonali għall-valutazzjoni retrospettiva għandhom jissemmew. L-aktar importanti hija l-ħtieġa tal-istabbiliment ta' qafas loġiku ta' intervent sabiex imexxi aħjar u jistandardizza l-valutazzjonijiet ta' protokoll. Dan għandu jitwettaq speċifikament għall-appoġġ settorjali. Hija wkoll meħtieġa l-estensjoni tad-durata ta' protokolli biex tingħata aktar konsistenza lix-xogħol ta' valutazzjoni (li attwalment ikopri biss terz tad-durata tal-protokoll), biex isir kompendju ta' testi legali u mekkaniżmi relatati mas-sajd fil-Kap Verde biex ikunu reġistrati l-interventi kollha f'qafas mifhum mill-partijiet kollha u mbagħad biex ikunu finalizzati u konfermati l-arranġamenti kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' politika għas-sajd u ta' strumenti relatati.
Fl-aħħarnett, ir-rapporteur għandu bosta talbiet futuri għal informazzjoni għall-Kummissjoni Ewropea:
Ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni biex tgħaddi lill-Parlament il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, kif ukoll il-programm settorjali pluriennali previst fl-Artikolu 3 tal-Protokoll il-ġdid;
Ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament u l-Kunsill, matul l-aħħar sena ta' applikazzjoni tal-protokoll u qabel il-ftuħ ta' negozjati għat-tiġdid tiegħu, rapport sħiħ dwar l-implimentazzjoni tiegħu;
Ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar l-azzjonijiet mittieħda mill-Kumitat Konġunt b'risposta għall-istudju bbażat fuq xjenza kritika li għandu jitwettaq kif deskritt fl-Artikolu 4 (6) tal-Anness għall-Protokoll; jenfasizza li barra minn hekk il-Parlament għandu jkun infurmat bid-data dwar il-figuri tal-qabda aċċessorja tal-klieb il-baħar li hija meqjusa bħala l-aktar element kontroversjali ta' dan il-Ftehim u l-Protokoll;
Ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, biex jaġixxu fil-limiti tas-setgħat rispettivi tagħhom, biex iżommu lill-Parlament immedjatament u interament infurmat fl-istadji kollha tal-proċeduri relatati mal-Protokoll u mat-tiġdid tiegħu, skont l-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
Ir-rapporteurjitlob lill-Kummissjoni biex tikkomunika kull sena mal-Parlament dwar il-ftehimiet internazzjonali addizzjonali tal-Kap Verde sabiex il-Parlament ikun jista' jissorvelja l-attivitajiet tas-sajd fir-reġjun inklużi dawk li jistgħu jkunu kontra l-politika Ewropea tas-Sajd, pereżempju, it-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (7.5.2015)
għall-Kumitat għas-Sajd
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde
(15848/2014 – C8-0003/2015 – 2014/0329(NLE))
Rapporteur għal opinjoni: Maurice Ponga
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Dan il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde għandu jikkonforma mar-regolament il-ġdid dwar il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), li jpoġġi enfasi b'mod partikolari fuq is-sajd sostenibbli u l-governanza tajba, filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza ta' koerenza ta' politiki bejn il-PKS u l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea.
Il-Protokoll ikopri perjodu ta' erba' snin u b'hekk joffri ċerta stabbiltà.
L-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-UE jirrispettaw l-aħjar opinjonijiet xjentifiċi disponibbli kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tal-"kwantità żejda disponibbli". Ta' min jinnota li l-Protokoll il-ġdid jinkludi tunnellaġġ ta' referenza identiku għall-protokoll preċedenti. Il-livell ta' qbid huwa għaldaqstant ikkontrollat, iżda xorta jippermetti kopertura komplementari taż-żoni tas-sajd għall-bastimenti Ewropej permezz tal-ftehimiet tas-sajd konklużi mill-UE mas-Senegal u l-Ginea Bissaw, li jippermettilu jiġi inkluż f'"netwerk reġjonali ta' ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd attivi".
Minbarra l-ħlas tal-ammont globali ta' EUR 1 050 000 għall-aċċess tar-riżorsi tas-sajd u EUR 1 200 000 fi ħlasijiet dovuti mis-sidien tal-bastimenti, dan il-Protokoll jinkludi l-ammont annwali ta' EUR 275 000 matul l-ewwel sentejn u EUR 250 000 għall-aħħar sentejn bħala għajnuna għas-settur tas-sajd tal-Kap Verde.
Din iż-żieda sinifikanti fl-allokazzjoni settorjali, li qabel kienet ta' EUR 110 000 fis-sena, għandha tippermetti lill-Kap Verde jindirizza aħjar il-ħtiġijiet tiegħu fil-ġlieda tiegħu kontra s-sajd IUU billi jsaħħaħ il-kontroll u s-sorveljanza taż-żona ekonomika esklużiva filwaqt li jtejjeb il-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd, jappoġġja d-djalogu mal-partijiet ikkonċernati kollha u l-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali, itejjeb il-kwalità sanitarja tal-prodotti tas-sajd u jippromwovi l-iżvilupp tas-sajd artiġjanali.
Wara li kkunsidra r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-Protokoll preċedenti u b'kunsiderazzjoni tal-kontenut tal-Protokoll il-ġdid, ir-rapporteur huwa favur l-approvazzjoni tiegħu.
******
Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
6.5.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 0 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Nirj Deva, Charles Goerens, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Patrizia Toia, Joachim Zeller |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Daniela Aiuto, Tiziana Beghin, Julie Ward |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (7.5.2015)
għall-Kumitat għas-Sajd
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde
(15848/2014 – C8-0003/2015 – 2014/0329(NLE))
Rapporteur għal opinjoni: José Manuel Fernandes
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Fid-dawl tal-awtorizzazzjoni mogħtija lilha mill-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea fetħet in-negozjati ma' Cape Verde bil-ħsieb li jiġġedded il-Protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd li hemm bejn il-Komunità Ewropea u dan il-pajjiż.
Kif intemmu dawn in-negozjati, in-negozjaturi inizjalaw abbozz ta' Protokoll ġdid fit-28 ta' Awwissu 2014. Il-Protokoll il-ġdid ikopri perjodu ta' erba' snin mid-data tal-firma tiegħu.
L-għan prinċipali tal-Protokoll tal-Ftehim huwa li joffri opportunitajiet ta' sajd għall-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd ta' Cape Verde, skont l-aqwa opinjonijiet xjentifiċi disponibbli u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas - ICCAT), meta applikabbli fil-limiti tal-kwantità żejda disponibbli.
L-għan ġenerali huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Cape Verde favur l-istabbiliment ta’ qafas ta’ sħubija għall-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttar responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta' Cape Verde, fl-interess taż-żewġ partijiet.
IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI: id-dikjarazzjoni finanzjarja annessa ma’ dan l-abbozz ta’ Ftehim tipprevedi pakkett totali ta’ EUR 2 792 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament mill-2015 sal-2018 (inkluża n-nefqa amministrattiva għall-ġestjoni tal-Ftehim).
Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tiġi stabbilita kif ġej:
- il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali fir-rigward tal-aċċess għaż-żoni tas-sajd:
• EUR 550 000 għall-ewwel sentejn;
• EUR 500 000 għall-aħħar sentejn,
li hija bbażata fuq tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 5 000 tunnellata, li għalih ammont marbut mal-aċċess ġie stabbilit għal EUR 275 000 għall-ewwel sentejn u EUR 250 000 għall-aħħar sentejn,
- appoġġ għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd tar-Repubblika ta' Cape Verde, li jammonta għal:
• EUR 275 000 fis-sena għall-ewwel sentejn;
• EUR 250 000 fis-sena għall-aħħar sentejn.
Dan l-appoġġ jilħaq l-għanijiet tal-politika nazzjonali tas-sajd u b'mod partikolari l-ħtiġijiet tar-Repubblika ta' Cape Verde fil-ġlieda kontra s-sajd illegali.
******
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Cape Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja li jipprovdi għalihom il-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Cape Verde.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
6.5.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
28 1 5 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Carlos Iturgaiz, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Siegfried Mureșan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Inese Vaidere, Marco Valli, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrey Novakov, Claudia Tapardel, Miguel Urbán Crespo, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Emilian Pavel |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
17.6.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
18 1 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, Richard Corbett, Diane Dodds, Linnéa Engström, João Ferreira, Raymond Finch, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
José Blanco López, Marek Józef Gróbarczyk, Francisco José Millán Mon |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Tim Aker |
||||