Proċedura : 2014/2149(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0207/2015

Testi mressqa :

A8-0207/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0293

RAPPORT     
PDF 279kWORD 239k
24.6.2015
PE 546.783v01-00 A8-0207/2015

lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa

(2014/2149(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Mircea Diaconu

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa

(2014/2149(INI))

Il-Parlament Ewropew,

      wara li kkunsidra l-Preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3), li jiddikjara li l-firmatarji huma “ispirati mill-wirt kulturali, reliġjuż u umanista tal-Ewropa”,

      wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

      wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,

      wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali adottata mill-UNESCO fl-20 ta’ Ottubru 2005,

      wara li kkunsidra r-Regolament Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(1),

      wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006,(2)

      wara li kkunsidra r-Regolament Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006,(3)

      wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE,(4)

      wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/60 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta’ oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta’ Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (Riformulazzjoni),(5)

      wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/37 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku,(6)

         wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (Konvenzjoni ta’ Faro) tat-13 ta’ Ottubru 2005,(7)

      wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2014 dwar il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal Ewropa sostenibbli,(8)

–       wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2014 dwar il-governanza parteċipatorja tal-wirt kulturali u l-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura għall-perjodu 2015-2018 kif ukoll dwar is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali(9),

      wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/711/KE tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà fuq l-internet ta’ materjal kulturali u l-konservazzjoni diġitali,(10)

      wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Novembru 2014 bit-titolu “Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa” (COM(2014)0903),

      wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Lulju 2014 imsejħa “Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali” (COM(2014)0477),

      wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ta’ Novembru 2014 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali”,

         wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

      wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0207/2015),

A.     billi l-kultura u l-wirt kulturali huma riżorsi kondiviżi u huma beni u valuri komuni li ma jistgħux ikunu soġġetti għal użu esklussiv, u l-potenzjal sħiħ tagħhom għall-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku sostenibbli għadu ma ġiex rikonoxxut u sfruttat sew, kemm fil-livell tal-istrateġiji tal-UE kif ukoll l-għanijiet ta' żvilupp ta' wara l-2015 tan-NU;

B.     billi l-impatti differenti tal-kultura fuq is-soċjetajiet għandhom jitqiesu fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

C.     billi l-wirt kulturali huwa naturalment eteroġenu, jirrifletti d-diversità u l-pluraliżmu kulturali u lingwistiku, u jaffettwa l-iżvilupp reġjonali, il-koeżjoni soċjali, l-agrikoltura, l-affarijiet marittimi, l-ambjent, it-turiżmu, l-edukazzjoni, l-aġenda diġitali, ir-relazzjonijiet esterni, il-kooperazzjoni doganali u r-riċerka u l-innovazzjoni;

D.     billi l-promozzjoni tal-kultura, id-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali taġixxi bħala katalista għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri;

E.     billi t-titjib fid-diversità kulturali u lingwistika Ewropea, il-promozzjoni tal-wirt kulturali tal-Ewropa, u t-tisħiħ tal-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej huma mmirati biex jippromwovu tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

F.     billi r-riżorsi tal-wirt huma assi fit-tul li għandhom rwol li joħolqu valur u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ħiliet u t-tkabbir ekonomiku, permezz tal-promozzjoni tat-turiżmu, kif ukoll joħolqu impjiegi;

G.     billi l-proġetti għall-iżvilupp tal-wirt kulturali sikwit jirrappreżentaw eżempji ta’ attivitajiet ekonomiċi innovattivi u sostenibbli li jiżviluppaw il-kapaċitajiet kummerċjali u ta’ riċerka tal-impriżi żgħar u medji (SMEs);

H.     billi l-wirt kulturali, kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli, jaqdi rwol sinifikanti fil-ħolqien, iż-żamma u l-promozzjoni tal-kultura u l-valuri Ewropej u nazzjonali, reġjonali, lokali u l-identità individwali, kif ukoll l-identità kontemporanja tan-nies tal-Ewropa;

I.      billi l-politiki għall-manutenzjoni, ir-restawr u l-konservazzjoni, l-aċċessibbiltà u l-isfruttament tal-wirt kulturali huma primarjament responsabbiltajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali, iżda l-wirt kulturali għandu wkoll dimensjoni Ewropea ċara u huwa indirizzat direttament f’diversi politiki tal-UE, inklużi dawk li jikkonċernaw l-agrikoltura, l-ambjent, u r-riċerka u l-innovazzjoni;

J.      billi l-Artikolu 167 tat-TFUE jistipula li l-azzjoni tal-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt “tirriżalta l-wirt kulturali komuni”;

K.     billi l-Artikolu 167 tat-TFUE jiddikjara li l-azzjoni tal-Unjoni għandha tkun immirata lejn it-titjib tal-għarfien u t-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej, li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk jinħtieġ, tappoġġja u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom fil-qasam tal-konservazzjoni u s-salvagwardja tal-patrimonju kulturali ta’ importanza Ewropea;

L.     billi l-Pjan ta’ Ħidma għall-Kultura adottat mill-Kunsill fil-25 ta’ Novembru 2014 jinkludi l-wirt bħala waħda mill-erba’ prijoritajiet għall-ħidma tal-UE dwar il-kultura għall-perjodu 2015-2018;

M.    billi n-nuqqas ta’ data kulturali disaggregata skont is-sess kif ukoll fil-qasam tal-wirt kulturali huwa fattur li jaħbi d-disparitajiet bejn is-sessi u l-isfidi minn dawk li jfasslu l-politika u jieħdu d-deċiżjonijiet;

N.     billi l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament permezz tal-programmi tal-UE f’oqsma relatati mal-wirt kulturali – bħall-iżvilupp lokali u reġjonali, il-kooperazzjoni kulturali, ir-riċerka, l-edukazzjoni, l-appoġġ għall-SMEs u s-soċjetà ċivili, u t-turiżmu – hija disponibbli iżda frammentata;

O.     billi l-valur kulturali u turistiku tar-Rotot Kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa fil-promozzjoni ta’ wirt kulturali Ewropew komuni u l-iżvilupp ta’ turiżmu kulturali sostenibbli għandhom jissaħħu;

P.     billi l-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali/Premjijiet Europa Nostra jippromwovi l-eċċellenza, jispira permezz tas-“saħħa tal-eżempju” u jistimula l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-wirt madwar l-Ewropa;

Q.     billi l-Karta ta’ Venezja għall-Konservazzjoni u r-Restawr tal-Monumenti u s-Siti, il-Konvenzjoni ta’ Granada għall-Protezzjoni tal-Wirt Arkitettoniku tal-Ewropa u l-Konvenzjoni ta’ Valletta dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Arkeoloġiku jiddefinixxu b’mod ċar standards rikonoxxuti internazzjonalment għar-restawr tal-wirt kulturali u xogħlijiet arkeoloġiċi;(11)

Approċċ integrat

1.      Iqis ta’ importanza kbira li jintużaw ir-riżorsi disponibbli għall-appoġġ, it-titjib u l-promozzjoni tal-wirt kulturali fuq il-bażi ta’ approċċ integrat, filwaqt li jitqiesu l-komponenti kulturali, ekonomiċi, soċjali, storiċi, edukattivi, ambjentali u xjentifiċi;

2.      Jemmen li, fir-rigward tal-wirt kulturali, approċċ integrat huwa meħtieġ jekk wieħed jixtieq jikseb id-djalogu kulturali u l-fehim reċiproku; huwa konvint li approċċ bħal dan jista’ jwassal għal koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali msaħħa, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020;

3.      Jindirizza, fil-kuntest tal-iżvilupp tal-approċċ integrat il-ġdid lejn il-wirt kulturali, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li ġejjin lill-Kummissjoni:

         (a) li tistabbilixxi, f’konformità mal-pjan ta’ ħidma attwali tal-Kummissjoni dwar metodi ta’ ħidma bejn is-setturi u b’mod flessibbli, approċċ komuni fi ħdan il-Kummissjoni permezz ta’ kooperazzjoni mtejba bejn l-oqsma ta’ politika differenti li jittrattaw il-wirt kulturali, u biex tirrapporta lura lill-Parlament dwar ir-riżultati ta’ din il-kooperazzjoni aktar mill-qrib;

         (b) li tikkomunika lill-benefiċjarji potenzjali, b’mod sempliċi u aċċessibbli bħal permezz ta’ pjattaforma unika ta’ informazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki fl-UE, rigward linji ta’ finanzjament eżistenti tal-wirt kulturali Ewropew;

         (ċ) li taħtar, preferibbilment għall-2018, Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, b’baġit adegwat u bil-għan, fost affarijiet oħra, ta’ tixrid u żieda fl-għarfien u l-edukazzjoni fost il-ġenerazzjonijiet futuri fir-rigward tal-valuri tal-wirt kulturali Ewropew u l-ħarsien tiegħu, u biex tissottometti l-abbozz ta’ programm għas-Sena Ewropea lill-Parlament sa mhux aktar tard mill-2016;

         (d) li tirrikonoxxi, fl-approċċ politiku u trasversali tagħha, il-wirt kulturali bħala mobbli u immobbli, tanġibbli u intanġibbli, u bħala riżorsa li ma tiġġeddidx li l-awtentiċità tagħha għandha tiġi ppreservata;

4.      Jitlob li jiġi stabbilit qafas ta’ politika għall-ambjent storiku – magħruf bħala l-wirt immobbli – fil-futur qarib, li jinkludi qafas regolatorju għal monumenti, arkeoloġija u pajsaġġi storiċi f’konformità mal-Artikolu 4 tat-TFUE;

5.      Jippromwovi l-innovazzjoni kontemporanja kreattiva fl-arkitettura u d-disinn abbażi tar-rispett kemm passati kif ukoll preżenti u fl-istess ħin jiġi żgurat livell għoli ta’ kwalità u koerenza;

Finanzjament Ewropew għall-wirt kulturali

6.      Jinnota l-impenn tal-Unjoni biex tippreserva u ttejjeb il-wirt kulturali tal-Ewropa permezz ta’ diversi programmi (Ewropa Kreattiva, Orizzont 2020, Erasmus+, L-Ewropa għaċ-Ċittadini), finanzjament (il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej) u azzjonijiet bħall-Kapitali Ewropej tal-Kultura, il-Jiem tal-Wirt Ewropej u t-Tikketta tal-Wirt Ewropew; jinkoraġġixxi attività iktar qawwija min-naħa tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri fil-qasam tal-appoġġ għar-riċerka;

7.      Jitlob lill-Kummissjoni biex:

         (a) tistabbilixxi portal tal-UE wieħed iddedikat għall-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli, li jiġbor informazzjoni mill-programmi tal-UE kollha li jiffinanzjaw il-wirt kulturali u huwa strutturat madwar tliet aspetti prinċipali: database ta’ oġġetti kulturali tanġibbli u intanġibbli, inklużi eżempji tal-aħjar prattiki fil-preservazzjoni u l-promozzjoni bir-referenzi rilevanti kollha; opportunitajiet ta’ finanzjament għall-wirt kulturali, kif ukoll data dwar l-istat tal-wirt kulturali Ewropew u d-data ta’ importanza fir-rigward tal-konservazzjoni, bħal pereżempju, id-data dwar il-klima u dettalji ta’ restawr ta’ proġetti li diġà twettqu; u aħbarijiet u links dwar l-iżviluppi tal-politika, l-azzjonijiet u l-avvenimenti li għandhom x’jaqsmu mal-wirt kulturali;

         (b) tappoġġja, b’finanzjament apposta, studji, riċerka, azzjonijiet pilota, speċifikament immirati lejn l-analiżi tal-impatti tal-proċessi tal-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali, il-ħolqien ta’ indikaturi speċifiċi u kuntestwali tal-kontribut tiegħu, dirett u indirett, għall-proċessi tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u l-appoġġ dirett tal-innovazzjoni kulturali u soċjali integrata fil-kuntesti lokali li fihom il-wirt kulturali jista’ jwassal għall-iżvilupp u jgħin biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini;

(c) issaħħaħ il-prinċipju ta’ finanzjament multiplu li għadu kemm ġie stabbilit, li jippermetti l-użu kumplimentari ta’ fondi Ewropej differenti fl-istess proġett ta’ skala kbira;

         (d) tħeġġeġ sħubiji pubbliċi-privati;

         (e) tadatta r-rekwiżiti taż-żmien tal-ġestjoni tal-proġetti għall-Fondi Strutturali, sabiex takkomoda aħjar ir-rekwiżiti speċifiċi tal-proġetti ta’ konservazzjoni, restawr u preservazzjoni;

         (f) tikkunsidra mill-ġdid il-punt ta’ riferiment ta’ EUR 5 miljun fir-rigward tal-proġetti ta’ wirt kulturali ppreżentati fil-qafas tal-azzjoni tal-infrastruttura fuq skala żgħira(12), u ġġibu tal-inqas sal-istess livell bħall-proġetti tal-UNESCO, jiġifieri EUR 10 miljun;

8.      Jinnota li l-ispirtu tar-reviżjoni tar-Regolament tal-FEŻR u, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-finanzjament integrat jista’, f’każijiet speċifiċi, jiġi implimentat fil-prattika billi jiġu appoġġjati proġetti fuq skala kbira; jirrikonoxxi, madankollu, il-ħtieġa li jiġu promossi u appoġġjati inizjattivi kulturali fuq skala żgħira, li huma ta’ importanza partikolari għall-iżvilupp endoġenu u jistgħu jgħinu biex jiġi kkonservat il-patrimonju kulturali u jitħeġġu l-iżvilupp lokali u reġjonali u t-tkabbir soċjoekonomiku b’mod ġenerali;

9.      Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-linji gwida li jirregolaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ fondi strutturali għall-wirt kulturali, tinkludi sistema ta’ kontroll tal-kwalità obbligatorja, biex tapplika tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta' proġett;

10.    Jenfasizza r-rwol tal-Istati Membri fl-iżgurar kemm ta’ livell għoli ta’ kapaċità u għarfien professjonali tal-ħaddiema kif ukoll ta’ struttura tan-negozju li tista’ tiżgura l-aħjar prattika fis-salvagwardja tal-wirt kulturali, anki permezz ta’ sistemi kwalitattivi xierqa kif meħtieġ mill-karti internazzjonali;

11.    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, fl-atti delegati, is-sejħiet għall-espressjonijiet ta’ interess u l-inizjattivi għall-iżvilupp tar-regolamenti tal-Politika ta’ Koeżjoni matul il-perjodu 2014-2020, tiżgura li l-miżuri ta' konservazzjoni tal-patrimonju innovattiv u s-soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika b'impatt baxx għall-bini storiku jiġu ttrattati bħala eleġibbli;

12.    Jistieden lill-Istati Membri jistudjaw inċentivi fiskali possibbli fir-rigward tax-xogħol ta' restawr, preservazzjoni u konservazzjoni, bħalma huma t-tnaqqis tal-VAT jew taxxi oħra, peress li l-wirt kulturali Ewropew huwa wkoll ġestit minn korpi privati;

13.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu kont tal-aħjar prattiki fil-politiki fiskali fl-Ewropa u tirrakkomanda dawk li huma xierqa lill-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri biex isegwu dawk ir-rakkomandazzjonijiet u jiskambjaw l-aħjar prattiki bejniethom sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ inkoraġġiment għall-appoġġ privat għal proġetti ta’ wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli u jimmassimizzaw l-impatti tal-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fuq l-ambjent lokali rilevanti;

Mudelli ta’ governanza ġodda

14.    Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kunsill tal-abbozzar tal-linji gwida għall-mudelli ta’ governanza parteċipatorja l-ġodda għall-qasam tal-wirt kulturali, li jivvalorizzaw id-dimensjoni tiegħu ta' riżorsa komuni billi jsaħħu r-rabtiet bejn il-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej;

15.    Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw l-iżvilupp tal-għodod legali li jippermettu mudelli ta’ finanzjament u amministrazzjoni alternattivi, bħall-involviment tal-komunità, il-parteċipazzjoni tas-soċjtà ċivili u s-sħubiji pubbliċi-privati, bil-ħsieb li jimplimentaw azzjonijiet relatati mal-wirt kulturali (konservazzjoni, restawr, preservazzjoni, u promozzjoni);

16.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal djalogu fl-Ewropa kollha bejn dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha tal-governanza, flimkien mal-industrija kulturali u dik kreattiva, in-netwerks tal-operaturi tat-turiżmu, is-sħubijiet bejn atturi privati u pubbliċi, u l-NGOs;

17.    Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha li jipparteċipaw fil-governanza tal-wirt kulturali biex isibu bilanċ bejn il-konservazzjoni sostenibbli u l-iżvilupp tal-potenzjal ekonomiku u soċjali tal-wirt kulturali;

18.    Jenfasizza li l-proġetti tal-patrimonju kulturali tal-FEŻR huma eżempju prattiku ta' governanza fuq diversi livelli u tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u jirrappreżentaw element importanti tal-infiq tal-FEŻR; jisħaq l-importanza ta’ proġetti kulturali transkonfinali li jikkontribwixxu għaż-żieda fil-koeżjoni ekonomika u soċjali u jinkoraġġixxu l-inklużjoni; jitlob f’dan il-kuntest li jittieħdu miżuri li jsaħħu u jiżviluppaw l-appoġġ għall-iffinanzjar permezz ta’ ftehimiet ta’ sħubija pubblika-privata;

19.    Jenfasizza l-ħtieġa għal mudelli ta’ governanza ġodda biex jinkludu sistema ta’ kontroll tal-kwalita fil-forom alternattivi kollha ta’ finanzjament u amministrazzjoni ta’ wirt kulturali;

20.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-kontrolli fuq l-infiq ta’ komponenti relatati mal-wirt kulturali u biex irawmu l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività irregolari oħra li sseħħ f’dan il-qasam;

21.    Jipproponi li proposti leġiżlattivi Ewropej għandhom ikunu kkomplementati minn valutazzjoni tal-impatt rigward il-wirt kulturali, u li fejn il-valutazzjoni tiżvela impatt negattiv, il-wirt kulturali għandu jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta leġiżlattiva bħala eċċezzjoni;

Il-potenzjal ekonomiku u strateġiku tal-wirt kulturali

22.    Jinnota li l-wirt kulturali jikkontribwixxi għal impjiegi, prodotti, servizzi u proċessi innovattivi u jista’ jkun sors ta’ ideat kreattivi, irawwem l-ekonomija l-ġdida, filwaqt li – permezz ta' ġestjoni xierqa – ikollu impatt relattivament baxx fuq l-ambjent;

23.    Jirrikonoxxi li l-wirt kulturali jilgħab rwol importanti f’diversi inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020, bħall-Aġenda Diġitali, l-Unjoni tal-Innovazzjoni, l-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi u politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni; jitlob, għalhekk, li jiġi rikonoxxut aktar l-irwol tal-wirt kulturali Ewropew bħala riżorsa strateġika għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija Ewropa 2020;

24.    Jinnota li l-qasam tal-wirt kulturali għandu l-kapaċità li joħloq impjiegi b’ħiliet għolja; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iressqu inizjattivi dwar l-iżvilupp ta’ taħriġ għal ġestjoni u konservazzjoni għall-ħaddiema u r-riċerkaturi fil-qasam tal-wirt kulturali; jilqa’, b’mod partikolari, il-prospettivi ta’ finanzjament fit-tul għal netwerks ta’ riċerkaturi, bħal fil-każ ta’ għotjiet Marie Sklodowska Curie;

25.    Jisħaq fuq l-importanza għat-turiżmu Ewropew tal-wirt kulturali u l-wirt naturali, tanġibbli jew mhux tanġibbli, magħżul mill-UNESCO;

26.    Jissottolinja l-possibilità li tingħata attenzjoni aktar qawwija lit-turiżmu kulturali meta jiġu żviluppati l-istrateġiji makroreġjonali mfassla biex jagħmluh parti aktar integrali mill-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea;

27.    Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jippromwovu u jakkumpanjaw l-inizjattivi ta' "vvjaġġar ħafif" (ċirkwiti bil-mixi, biż-żwiemel u bir-roti) u b'hekk jiftħu possibbiltajiet ġodda għal turiżmu kulturali u naturali;

28.    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jaħdmu mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, sabiex jimmassimizzaw il-valur tal-wirt kulturali fis-soċjetajiet tagħna u l-kontribut tiegħu għall-impjiegi u t-tkabbir fl-UE;

29.    Jinnota li t-turiżmu kulturali, li jammonta għal 40 % tat-turiżmu Ewropew, huwa settur ekonomiku importanti f’termini ta’ potenzjal għat-tkabbir u l-impjiegi, li l-iżvilupp tagħhom għandu jkun imsaħħaħ aktar permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda; jenfasizza, madankollu, l-importanza li jiġi ppreservat il-wirt kulturali u naturali billi jsawru forom ta’ turiżmu sostenibbli, inqas invażivi u li huma ta’ valur miżjud ogħla, li fihom is-settur tat-turiżmu huwa integrat fi strateġiji ta’ żvilupp lokali;

30.    Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-istat ta’ politiki ta’ konservazzjoni, restawr, preservazzjoni u promozzjoni għall-wirt kulturali, li huwa tal-akbar importanza għall-identità Ewropea; jenfasizza li l-finanzjament għas-salvagwardja tal-wirt kulturali tnaqqas drastikament f’ċerti Stati Membri bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja; għal dan il-għan jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-fondi u inizjattivi adegwati jkunu diretti lejn il-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali tal-Ewropa;

31.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ l-eċċellenza, l-innovazzjoni u l-kompetittività tas-setturi kulturali u kreattivi billi tippromwovi x-xogħol ta’ artisti, ħallieqa u professjonisti kulturali;

32.    Jafferma l-bżonn urġenti biex il-wirt kulturali jingħata l-post ċar tiegħu fil-Pjan ta’ Investiment tal-Kummissjoni għall-Ewropa;

33.    Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa biex jittejjeb il-qafas metodoloġiku, sabiex ikun hemm statistiċi aħjar dwar il-qasam tal-wirt kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi sett ta’ indikaturi li jistgħu jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-wirt kulturali u li jkun uniformi għall-Istati Membri kollha; jenfasizza n-neċessità li jinkisbu riżultati ta’ riċerka b’mod intensifikat għal diversi aspetti li huma relatati mal-wirt kulturali u li dawn jiġu assoċjati ma’ xulxin sabiex tiġi miġġielda l-frammentazzjoni f’dan il-qasam; jinnota f’dan ir-rigward il-potenzjal ta’ “big data” għall-kisba ta’ aktar għarfien permezz tal-proġetti ta’ riċerka; jenfasizza li, sabiex jiġi vvalutat il-valur ekonomiku attwali u potenzjali tal-wirt kulturali, huwa essenzjali li l-istatistika tinġabar b’mod aktar sistematiku;

34.    Iqis li l-Kummissjoni għandha tikklassifika l-kumpaniji u l-entitajiet involuti fid-diversi aspetti tal-konservazzjoni tal-partimonju bħala parti minn settur speċifiku, billi jintużaw metodi tradizzjonali b'valur miżjud li jiffaċilitaw il-konservazzjoni ekoloġika u sostenibbli;

35.    Jirrikonoxxi l-bżonn urġenti biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u jenfasizza li l-wirt kulturali huwa qasam b’potenzjal għal aktar impjieg u li jkun aħjar, fejn jista’ jissaħħaħ il-pont bejn l-edukazzjoni u l-ħajja tax-xogħol, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta’ apprendistati ta’ kwalità, traineeships u negozji ġodda, fil-qasam tal-SMEs u l-ekonomija soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri f’dan ir-rigward biex jiżviluppaw opportunitajiet ta’ finanzjament ġodda u innovattivi li jappoġġjaw il-ġestjoni u l-konservazzjoni tat-taħriġ u l-edukazzjoni u l-mobbiltà tal-ħaddiema u r-riċerkaturi f’dan is-settur;

36.    Jissuġġerixxi li mill-Kummissjoni Ewropea jiġu inċentivati programmi konġunti ta’ wirt kulturali u turiżmu b’viżjoni integrali u bażi xjentifika li jservu bħala referenza u mudell tal-prattiki tajbin;

37.    Jistieden lill-Istati Membri biex jippjanaw b’mod strateġiku proġetti li għandhom x’jaqsmu mal-wirt kulturali li jistgħu jwasslu għal żvilupp reġjonali u lokali ġenerali, programmi ta’ kooperazzjoni internazzjonali u interreġjonali, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, riġenerazzjoni rurali u urban sostenibbli, u l-preservazzjoni u l-promozzjoni ta’ ħiliet tradizzjonali li għandhom x’jaqsmu mar-restawr tal-wirt kulturali;

38.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu stħarriġ ekonomiku u statistiku dwar l-impriżi, l-entitajiet ta’ ġestjoni u l-attivitajiet speċjalisti professjonali fis-settur tal-konservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali, kif ukoll il-kontribut speċifiku tagħhom f'termini ta' produzzjoni u ħolqien ta' xogħol;

39.    Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jinħolqu, jiġu żviluppati u mħeġġa opportunitajiet għall-mobilità u l-iskambju tal-esperjenzi ta’ dawk li jaħdmu fis-settur tal-wirt kulturali, billi jiġi żgurat li jkun hemm reċiproċità professjonali reali, bi qbil mad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, permezz tal-identifikazzjoni u l-iskambju bejn l-Istati Membri ta’ livelli ta’ ħiliet minimi (l-abbiltà u l-għarfien), b’mod partikolari għall-pożizzjoni ta’ restawratur-kuratur; jistieden f’dan il-kuntest lill-Kummissjoni biex tressaq proposta biex testendi l-programmi xierqa ħalli tiġi inkluża l-mobbiltà tal-maniġers u l-impjegati tal-wirt kulturali (eż maniġers ta’ kastelli) bil-ħsieb li jiskambjaw l-esperjenzi u l-aħjar prattiki;

40.    Jistieden lill-Istati Membri biex jenfasizzaw il-valur tal-assi patrimonjali tagħhom billi jippromwovu studji li jiddeterminaw il-valur ekonomiku u kulturali tal-wirt kulturali sabiex jibdlu “l-ispiża” għall-preservazzjoni tiegħu f'“investiment” għall-valur tiegħu;

41.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-possibbiltà li l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) jistabbilixxi, skont l-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni tiegħu li jmiss, Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (KIC) fil-qasam tal-wirt kulturali u l-industriji kreattivi, u b’hekk jappoġġja direttament viżjoni olistika tar-riċerka u l-innovazzjoni;

42.    Itenni l-importanza tal-promozzjoni tal-inklużjoni tal-edukazzjoni tal-arti, il-mużika, it-teatru u ċ-ċinema fil-kurrikuli skolastiċi bħala komponent essenzjali għall-iżvilupp tal-għarfien dwar il-wirt kulturali, il-prattika artistika u espressiva, kif ukoll il-ħiliet orjentati lejn il-kreattività u l-innovazzjoni;

43.    Tħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu temi transdixxiplinari relatati mal-wirt kulturali f’diversi livelli tas-sistema edukattiva;

44.    Jenfasizza l-potenzjal sinifikanti eżistenti għall-iżvilupp tal-attività imprenditorjali u ta' approċċ parteċipattiv fis-settur tat-turiżmu, b'mod partikolari għall-SMEs tas-settur turistiku, iżda wkoll għan-negozji l-ġodda, is-settur mingħajr skop ta' qligħ u organizzazzjonijiet oħra li jikkontribwixxu għall-preservazzjoni, il-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt kulturali tal-Ewropa; jisħaq li, minbarra l-assi kulturali, il-kwalità tas-servizz u l-livell għoli tal-ħiliet professjonali, l-eżistenza ta' speċjalisti mħarrġa tajjeb fil-qasam u l-preżenza onlajn huma fatturi ewlenin għas-suċċess u l-kompetittività tas-settur tat-turiżmu Ewropew; jenfasizza li r-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda, speċjalment fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, huma essenzjali biex il-wirt kulturali jitressaq aktar qrib tan-nies; iqis ukoll li l-piżijiet mhux meħtieġa fuq l-SMEs għandhom jitneħħew fl-interess tal-kompetittività tagħhom, u li l-leġiżlazzjoni li għandha effetti negattivi fuq l-SMEs fl-industrija tat-turiżmu għandha tiġi riveduta;

L-opportunitajiet u l-isfidi

45.    Jenfasizza l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali, kemm bħala għodda biex nippreżervaw il-passat tagħna kif ukoll bħala sors ta’ opportunitajiet ta’ riċerka tal-edukazzjoni, ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u inklużjoni soċjali aħjar, aċċess usa’ għal nies b’diżabbiltà jew nies li jgħixu f’żoni remoti, u żvilupp ekonomiku sostenibbli; jenfasizza li d-diġitizzazzjoni tal-wirt teħtieġ sforzi finanzjarji konsegwenzjali għall-istituzzjonijiet kulturali ta' daqs medju u żgħir jew iżolati, u li finanzjament adegwat huwa importanti biex tiġi żgurata udjenza akbar u tixrid usa' ta’ dan il-wirt; jenfasizza li l-opportunitajiet offruti bid-diġitizzazzjoni u bit-teknoloġiji ġodda, li qatt mhux se jissostitwixxu l-aċċess għall-wirt oriġinali jew benefiċċji soċjali assoċjati ta’ forom tradizzjonali ta’ parteċipazzjoni fil-kultura, m’għandhomx iwasslu għal negliġenza fil-konservazzjoni ta' oġġetti oriġinali jew nuqqas ta’ attenzjoni għal forom tradizzjonali tal-promozzjoni tal-kultura, sew jekk matul jew wara d-diġitizzazzjoni,

46.    Jappoġġja l-innovazzjoni diġitali fis-settur tal-arti u tal-patrimonju, u jinnota li l-użu ta’ infrastrutturi elettroniċi jista' jinvolvi udjenzi ġodda u jiżgura aċċess aħjar għall-wirt kulturali diġitali u l-isfruttament tiegħu; jisħaq fuq ir-rilevanza ta’ għodod eżistenti bħall-websajt tal-Europeana u jħeġġeġ it-titjib tal-kriterji tat-tiftix ta' dak is-sit bil-għan li jkun hemm iktar użu faċli;

47.    Jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb il-livell ta' diġitizzazzjoni, preservazzjoni u disponibbiltà onlajn tal-wirt kulturali, b’mod partikolari l-wirt ċinematografiku Ewropew;

48.    Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata narrattiva demokratika u parteċipattiva reali għall-wirt Ewropew, inkluż dak tal-minoranzi reliġjużi u etniċi; jiġbed l-attenzjoni għall-preżenza ta’ siti ta’ wirt li jinkorporaw passati differenti u kkontestati, u jenfasizza li l-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni ma għandhomx iwasslu għal soppressjoni tal-kuxjenza storika tal-komunitajiet; jistieden lill-Istati Membri biex jirriflettu dwar l-etika u l-metodi ta’ preżentazzjoni tal-wirt kulturali u jqisu d-diversità tal-interpretazzjonijiet;

49.    Jafferma li l-wirt reliġjuż jikkostitwixxi parti intanġibbli mill-wirt kulturali Ewropew; jenfasizza li l-importanza ta’ postijiet, prattiki u oġġetti marbuta mal-prattiki reliġjużi ma għandhiex tiġi injorata fid-diskors tal-wirt kulturali Ewropew. Lanqas ma għandha tkun soġġetta għal xi forma ta’ trattament diskriminatorju;

50.    Iqis li l-wirt storiku reliġjuż, inklużi l-arkitettura u l-mużika għandhom jiġu kkonservati għall-valur kulturali tagħhom, indipendentement mill-kuntest reliġjuż li nħolqu fih;

51.    Jenfasizza l-importanza ta’ djalogu interkulturali kemm fi ħdan l-Ewropa u lil hinn minnha, u jemmen li l-Unjoni għandha tippromwovi djalogu bħal dan bħala għodda xierqa kontra r-radikalizzazzjoni independentement mill-oriġini;

52.    Jiġbed l-attenzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tal-minoranzi nazzjonali fl-Istati Membri rigward il-wirt kulturali; jitlob, għaldaqstant, għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali tagħhom u għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali;

53.    Jenfasizza li diskriminazzjoni kulturali kontra minoranzi reliġjużi u etniċi għandhom jiġu evitati;

54.    Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati attivitajiet kulturali ta’ komunitajiet migranti;

55.    Jafferma mill-ġdid il-kontribut importanti tal-wirt kulturali għall-industriji kulturali u kreattivi kif ukoll għall-inklużjoni soċjali permezz tal-kultura;

56.    Jenfasizza l-importanza li titjieb l-aċċessibilità għal siti ta’ wirt kulturali għall-persuni b’diżabilità;

57.    Jindika l-importanza tal-preservazzjoni tal-pajsaġġi kulturali u, b’mod partikolari, il-wirt kulturali intanġibbli li jirrappreżenta kultura ħajja u jsaħħaħ lis-snajja’ tradizzjonali u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi dan b’mod aktar wiesa’, fil-programmi rispettivi;

58.    Jenfasizza l-importanza tal-wirt gastronomiku, li għandu jiġi protett u appoġġat; iqis li r-riżorsi allokati għal dan il-qasam jistgħu jiġu ottimizzati permezz ta' interazzjoni ma' politiki oħra tal-UE, bħalma huma l-Politika Agrikola Komuni u l-politika dwar il-protezzjoni tal-konsumatur;

59.    Josserva li l-wirt u t-turiżmu kulturali huma ta' benefiċċju reċiproku peress li, minn naħa, il-wirt kulturali jiġġenera dħul sostanzjali għall-industrija tat-turiżmu, filwaqt li, min-naħa l-oħra, it-turiżmu huwa tajjeb għall-kultura, peress li jħeġġeġ il-wiri u l-konservazzjoni tal-assi kulturali u jiġġenera d-dħul meħtieġ għall-preservazzjoni tagħhom;

60.    Jisħaq li t-turiżmu kulturali għandu rwol importanti fil-preservazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali tagħna, li jinkludi mhux biss il-wirt fiżiku u l-pajsaġġi, iżda wkoll il-patrimonju intanġibbli, bħall-lingwi u t-tradizzjonijiet reliġjużi u kulinari;

61.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jkomplu jikkooperaw bil-għan li jimplimentaw, fuq il-livelli rispettivi kollha, l-azzjonijiet maħsuba għall-promozzjoni tal-wirt kulturali u t-turiżmu kulturali inklużi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352

62.    Jenfasizza, fid-dawl tat-tibdiliet profondi demografiċi u fis-soċjetà, is-sinifikat tal-wirt kulturali komuni Ewropew tagħna kif ukoll tas-Sena li hija ppjanata għall-identifikazzjoni taċ-ċittadini mal-Unjoni Ewropea kif ukoll it-tisħiħ tal-ispirtu ta’ komunità fi ħdan l-Unjoni;

63.    Huwa tal-fehma li l-komprensjoni tal-wirt kulturali komuni fl-Ewropa joffri gwida diretta anke lill-ġenerazzjonijiet futuri u l-possibbiltà għall-formazzjoni ta’ identità Ewropea u ta’ valuri bħall-kooperazzjoni b’rispett sħiħ lil hinn mill-fruntieri tal-Istat Membru tal-individwu; waqt it-tfassil tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali jirrakkomanda fost l-oħrajn ukoll il-kunsiderazzjoni partikolari tal-ġenerazzjoni żagħżugħa minħabba din ir-raġuni;

64.    Jilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess kbir tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura; Jappella biex dawn il-bliet jiġu kkollegati bħala parti minn netwerk bil-għan li l-attenzjoni tiġi estiża għal fuq iż-żoni kkonċernati, jiġi previst skambju tal-esperjenza u l-prattika tajba, fosthom bil-ħsieb li jiġu megħjuna kandidati futuri, u biex tiġi ffaċilitata l-organizzazzjoni tal-avvenimenti u ċ-ċirkwiti speċifiċi;

65.    Jinkoraġġixxi l-użu tal-wirt kulturali bħala għodda edukattiva biex tittratta kwistjonijiet soċjali sabiex tressaq lin-nies li jgħixu fl-Ewropa aktar qrib xulxin;

66.    Jiġbed l-attenzjoni għat-theddid ambjentali li jaffettwa numru importanti ta’ siti ta’ patrimonju fi ħdan l-UE, u jħeġġeġ li l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u l-pressjoni min-naħa tal-bniedem għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fl-istrateġiji ta’ finanzjament fit-tul tagħhom għall-metodi ta' preservazzjoni u restawr tal-wirt; jirrakkomanda, barra minn hekk, li l-Istati Membri u l-UE għandhom jippromwovu aktar riċerka f’dan il-qasam, inter alia sabiex jinvestigaw l-effetti multipli tal-bidla fil-klima fuq il-wirt kulturali f’iktar dettall u biex jiżviluppaw kontromiżuri;

67.    Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jibnu fuq l-inizjattiva "Endangered Places", mibdija mill-Federazzjoni pan-Ewropea "Europa Nostra" flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, billi jidentifikaw eżempji oħra ta' wirt Ewropew li jinsabu fil-periklu, ifasslu pjanijiet ta' azzjoni u jfittxu għejun possibbli ta' finanzjament; josserva li l-iżvilupp ta' din l-inizjattiva hija mod wieħed kif jiġi attirat l-investiment privat fit-tisħiħ tal-wirt;

68.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina u tappoġġja aħjar l-isforzi tal-Istati Membri għall-ġlieda kontra s-serq, il-kuntrabandu u t-traffikar illegali tal-assi tal-wirt kulturali ġewwa u barra l-UE; jitlob għar-ritorn ta’ oġġetti kulturali illegalment imneħħija mit-territorju ta’ Stat Membru;

69.    Ifakkar fl-importanza tal-ħarsien u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali, mhux biss mill-effetti qerrieda taż-żmien, iżda wkoll mill-ħuliganiżmu u s-sakkeġġi; josserva li bosta siti arkeoloġiċi għadhom fir-riskju li jiġu sakkeġġati minn gruppi organizzati ta' kaċċaturi tal-fdalijiet tal-imgħoddi, partikolarment is-siti li jinsabu taħt l-ilma fejn l-aċċess u s-sorveljanza min-naħa tal-awtoritajiet huma diffiċli; Jitlob, f'dan ir-rigward, biex ikun hemm kooperazzjoni aktar effikaċi bejn l-Istati Membri fl-identifikazzjoni u l-irkupru ta' oġġetti kulturali u l-prevenzjoni tat-traffikar illegali ta' tali oġġetti;

70.    Jenfasizza r-rwol li għandu l-wirt kulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni permezz tad-djalogu tal-politika u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lid-diplomazija kulturali; barra minn hekk, jirreferi għall-potenzjal li għandhom proġetti ta’ riċerka interdixxiplinari fir-rigward tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali li jinvolvu l-Istati Membri u l-pajjiżi li mhumiex tal-UE;

71.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri, l-UE u l-komunità internazzjonali jimpenjaw irwieħhom għall-prevenzjoni, il-protezzjoni, id-dokumentazzjoni u r-restawr f'każijiet fejn il-wirt kulturali tal-UE jew tal-pajjiżi li mhumiex membri jiġi mhedded u danneġġat intenzjonalment bħala att ta’ gwerra u ta’ ksur tal-identitajiet kulturali u reliġjużi, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-ICCROM, ICBS (Kumitat Internazzjonali tal-Blue Shield), l-awtoritajiet ċivili u militari, l-istituzzjonijiet kulturali u l-assoċjazzjonijiet professjonali;

72.    Jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali biex jipprevjenu t-traffikar illeċitu tal-patrimonju kulturali; jenfasizza l-ħtieġa għall-UE, flimkien man-NU u l-UNESCO, li tiddefendi l-patrimonju fil-periklu u l-ġlieda kontra s-serq u l-qerda ta’ oġġetti kulturali f’żoni ta’ kunflitt;

73.    Jinnota l-potenzjal li joħroġ mill-għarfien disponibbli fl-UE fir-rigward tal-preservazzjoni ta' artefatti kulturali danneġġati jew meqrudin minħabba t-terroriżmu u l-gwerer;

74.    Jappoġġa l-ħolqien ta' prodotti tat-turiżmu kulturali transnazzjonali li jirriflettu l-valuri u l-wirt komuni Ewropej; Jistieden lill-Kummissjoni biex tfittex kooperazzjoni akbar mal-Istati Membri u organizzazzjonijiet oħra li jifformulaw il-politiki dwar il-kultura u t-turiżmu, bħalma huma l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti (UNWTO) u l-UNESCO, u biex tkompli tikkofinanzja u tippromwovi netwerks, proġetti reġjonali transfruntieri u, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa, ir-Rotot Kulturali Ewropej, li huma l-aqwa eżempju ta' proġetti turistiċi tematiċi pan-Ewropej transnazzjonali;

75.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Ma teżistix definizzjoni waħda tat-terminu “wirt kulturali”, iżda varjetà ta’ definizzjonijiet formali li kollha għandhom bżonn jinftiehmu fil-kuntest li għalih ġew ippreparati. Għall-iskop ta’ dan ir-rapport, it-terminu “wirt kulturali” jirreferi għall-wirt kulturali tanġibbli (mobbli, immobbli u taħt l-ilma), il-wirt kulturali mhux tanġibbli (it-tradizzjonijiet orali, l-arti tal-ispettaklu, ir-ritwali) u l-wirt kulturali diġitali.

Minn naħa waħda, dan ir-rapport inbena fuq l-aħħar dokumenti ta’ politika maħruġa dwar it-tema tal-wirt kulturali(13) u jkompli l-punti ewlenin tad-dibattitu pubbliku dwar dan is-suġġett. Min-naħa l-oħra, ir-rapport qies il-konklużjonijiet tas-seduta pubblika “Approċċ integrat għall-wirt kulturali fl-Ewropa: Il-qagħda llum u prospettivi” organizzat mill-Kumitat CULT fit-2 ta’ Diċembru 2014. Ġabar ukoll kontribuzzjonijiet mis-settur u l-partijiet interessati, sabiex jidentifika l-isfidi ewlenin f’dan il-qasam u jressaq proposti konkreti biex jiġu riżolti.

A. Approċċ integrat lejn il-wirt kulturali fil-prattika

Kemm il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-konklużjonijiet tal-aħħar żewġ Presidenzi tal-Kunsill jindikaw il-ħtieġa biex ikun hemm approċċ integrat lejn il-qasam tal-wirt kulturali. Madankollu, għad hemm xi passi prattiċi li jridu jittieħdu, sabiex tiġi implimentata din ir-rakkomandazzjoni tal-politika.

Fil-livell tal-Istituzzjonijiet Ewropej, għandu jiġi nnutat li l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-wirt kulturali jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ diversi DĠ fil-Kummissjoni Ewropea. Ix-xogħol tagħhom għalhekk huwa kumplimentari u, bħala konsegwenza, huwa imperattiv li jtejbu l-kooperazzjoni fosthom f’dan il-qasam u li jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom li jinvolvu jew li jaffettwaw il-wirt kulturali.

Barra minn hekk, il-finanzjament Ewropej għall-wirt kulturali huwa disponibbli taħt diversi programmi tal-UE. Biex insemmu ftit minnhom: Ewropa Kreattiva, Orizzont 2020, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali eċċ. L-informazzjoni kollha li għandha x’taqsam ma’ dawn l-opportunitajiet ta’ finanzjament hija disponibbli pubblikament, iżda hija mxerrda fuq għadd ta’ websajts, ippreżentata b’mod teknokratiku ħafna u tradotta biss f’xi ftit mil-lingwi uffiċjali tal-UE. Għalhekk huwa importanti li din l-informazzjoni tiġi kkomunikata aħjar lill-benefiċjarji potenzjali. Dan ir-rapport għalhekk jitlob għall-istabbiliment ta’ portal tal-UE wieħed iddedikat għall-wirt kulturali, li jiġbor informazzjoni mill-programmi tal-UE kollha li jiffinanzjaw il-wirt kulturali u strutturat fi tliet taqsimiet prinċipali: opportunitajiet ta’ finanzjament għall-wirt kulturali, bażijiet ta' data b’eżempji tal-aħjar prattiki u l-eċċellenza mill-qasam tal-wirt kulturali u r-referenzi rilevanti, aħbarijiet u links dwar l-iżviluppi tal-politika, l-azzjonijiet u l-avvenimenti li għandhom x’jaqsmu mal-wirt kulturali.

Sena Ewropea ddedikata lill-Wirt Kulturali tista’ tinkorpora perfettament dan l-impenn tal-UE mġedded lejn il-wirt kulturali. Jekk tkun ippjanata kif suppost, inizjattiva bħal din tista’ tagħti spinta lill-qasam tal-wirt kulturali u turi l-potenzjal impressjonanti tiegħu. Sabiex inizjattiva bħal din tagħmel differenza, is-Sena Ewropea għall-Wirt Kulturali jkollha bżonn baġit adegwat u li l-attivitajiet organizzati fiha jkomplu jiġu mmultiplikati fl-Istati Membri.

B. Nittrasformaw l-isfidi affaċċjati mis-settur f’opportunitajiet ġodda

Waqt il-fażi ta’ konsultazzjoni għal dan ir-rapport, serje ta’ problemi speċifiċi tqajmu minn partijiet interessati stabbiliti, professjonisti tal-wirt u esperti oħra mill-qasam tal-wirt kulturali. Bħala konsegwenza, ir-rapport jimmira biex jipproponi numru ta’ soluzzjonijiet possibbli għall-ostakli prinċipali li bħalissa qed jipprevjenu lill-qasam tal-wirt kulturali milli jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu.

Bħal dejjem, ħafna problemi huma relatati mal-finanzjament u, b’mod speċifiku, mal-fondi strutturali allokati għall-proġetti tal-iżvilupp reġjonali li jinkludu siti ta’ wirt kulturali. F’xi wħud minn dawn il-każi, ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni lill-kwalità tax-xogħlijiet ta’ restawr u dan wassal għal telf fil-valur kulturali tas-sit tal-wirt. Għalhekk, għandha ssir ħafna iktar enfasi fuq il-kwalità tal-proġett tar-restawr, fuq il-ħtieġa li tiġi impjegata forza tax-xogħol kwalifikata għal dawn il-proġetti u fuq mekkaniżmu ta’ kontroll tal-kwalità globali sabiex jipprevjeni telf irrimedjabbli. Dawn għandhom ikunu f’konformità ma’ standards rikonoxxuti internazzjonalment għax-xogħljiet ta’ restawr, kif ippreżentat fil-Karta ta’ Venezja u fil-Konvenzjoni ta’ Granada għall-Protezzjoni tal-Wirt Arkitettoniku tal-Ewropa. Ir-rapport iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex terġa’ tikkunsidra l-livell massimu ta’ EUR 5 miljun stabbilit għal proġetti ta’ infrastruttura [...] kulturali t a’ skala żgħira, fuq il-bażi tat-talbiet riċevuti mill-Istati Membri u tikkunsidra l-ispejjeż mistennija mġarrba minn proġett ta’ restawr imwettaq kif suppost.

Talba ewlenija oħra ta’ dan ir-rapport hija l-iżvilupp tal-għodod legali għal mudelli ta’ governanza alternattiva. Issa huwa rikonoxxut li għandna ninvolvu aħjar lill-komunitajiet lokali, lis-soċjetà ċivili u lis-settur privat, kemm fl-attivijiet ta’ preservazzjoni kif ukoll ta’ promozzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-wirt kulturali. Diġà hemm ħafna eżempji madwar l-UE ta’ inizjattivi effettivi ħafna li jimpenjaw lill-komunità jew impriżi pubbliċi-privati, iżda mhux l-Istati Membri kollha għandhom dispożizzjonijiet legali biex ikopru dawn il-mudelli alternattivi. Għalhekk, ir-rapport jappoġġja l-idea li tkompli tiġi esplorata l-governanza parteċipatorja, sakemm jiġi implimentat mekkaniżmu ta’ kontroll tal-kwalità fil-livelli kollha u jiġu żgurati għodod legali mill-Istati Membri.

Għandha tingħata wkoll attenzjoni speċifika lill-kwistjoni tad-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali. Anke jekk id-diġitizzazzjoni hija sempliċement għodda, din tgħin biex tippreserva l-passat tagħna u tkopri diversi opportunitajiet għar-riċerka, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp ekonomiku.

Ir-rapport iressaq ukoll rakkomandazzjonijiet speċifiċi f’termini ta’ taħriġ, ħiliet u mobilità tal-professjonisti tal-wirt kulturali u aċċess għas-suq tal-impjiegi kulturali għall-professjonisti żgħażagħ tal-wirt.

C. Il-potenzjal ekonomiku tal-wirt kulturali

It-termini “kultura” u “ekonomija” jistgħu jidhru li jappartjenu għal żewġ mentalitajiet differenti iżda, fil-fatt, il-qasam tal-wirt kulturali għandu potenzjal ekonomiku enormi.

Madankollu, jidher li dan mhuwiex prijorità f’termini ta’ politika pubblika Ewropea, minħabba l-fatt li la l-istrateġija Ewropa 2020 u lanqas il-Pjan ta’ Investiment ta’ Juncker riċenti għall-Ewropa ma jsemmu b’mod ċar il-kultura, aħseb u ara l-wirt kulturali. Wasal iż-żmien li nqiegħdu l-kultura iktar ’il fuq fl-aġenda politika u nivvalutaw il-valur veru tagħha f’termini ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi. Minbarra l-politika għandna bżonn li jkollna statistiċi mwettqa kif suppost li jistgħu jkopru l-firxa wiesgħa ta’ ħiliet u impjiegi relatati mal-kultura b’mod ġenerali u l-wirt kulturali b’mod partikolari. Dan mhuwiex il-każ bħalissa, peress li s-sistemi li jiġbru d-data b’mod tradizzjonali jqisu biss parti mill-ħiliet u l-impjiegi relatati. Għal din ir-raġuni, ir-rapport jitlob qafas usa’ biex jiġi applikat għall-istatistiċi li għandhom x’jaqsmu mal-kultura.

D. Il-wirt kulturali f’oqsma ta’ politika oħra

Hemm diversi oqsma ta’ politika li jinkludu aspetti relatati mal-wirt kulturali u għandna nqisu dan sabiex niżviluppaw approċċ verament integrat.

Pereżempju, il-wirt kulturali jipprovdi ambjent tajjeb għar-riċerka xjentifika fil-qasam tar-restawr u l-preservazzjoni u jista’ potenzjalment jaħdem bħala “inkubatur tal-innovazzjoni” filwaqt li jieħu vantaġġ mill-opportunitajiet ta’ finanzjament eżistenti fil-qasam.

Is-siti ta’ wirt kulturali jistgħu jservu wkoll bħala “magna” għall-iżvilupp reġjonali u t-turiżmu. Jeżistu ħafna eżempji ta’ dawn il-każijiet madwar l-Ewropa u r-rapporteur jinkoraġġixxi lill-Istati Membri li ma “jisfruttawx” bis-sħiħ il-potenzjal tas-siti ta’ wirt tagħhom biex jagħmlu dan, b’mod responsabbli, sabiex jagħtu spinta lill-ekonomija lokali u jżidu l-attrazzjoni ġenerali tar-reġjun.

Barra minn hekk, il-kultura jeħtieġ li jkollha rwol ikbar fir-relazzjonijiet barranin tal-UE. Il-kultura hija waħda mill-ikbar assi li għandna fl-Ewropa u għad hemm lok għal titjib fil-politika u l-programmi attwali.

Konklużjoni

Il-wirt kulturali huwa x-xhud sieket tal-istorja twila, il-kreattività u l-ġlidiet tas-sekli tagħna. Huwa wieħed mill-pilastri tal-kultura Ewropea u l-wirt komuni tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk, kwalunkwe politika pubblika fil-qafas tal-wirt kulturali għandha tqis żewġ perspettivi: li l-wirt kulturali jista’ jkun sors sinifikanti ta’ impjiegi u dħul, li huma punti kruċjali li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ekonomiku ta’ bħalissa u li l-valur prinċipali tal-wirt kulturali jibqa’ l-valur kulturali tiegħu. Strateġija integrata ideali għall-wirt kulturali għandha tqis iż-żewġ naħat tal-istess munita u tikkombina l-ħtieġa għal tkabbir u impjiegi immedjati bil-fehma li l-wirt kulturali huwa riżorsa fit-tul li għandha bżonn pjan ta’ żvilupp sostenibbli.

7.5.2015

Opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar 'Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa'

(2014/2149(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Miltiadis Kyrkos

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-Ewropa hija d-destinazzjoni turistika ewlenija tad-dinja bis-saħħa tal-wirt kulturali, artistiku, reliġjuż u storiku għani tagħha, l-assi naturali tagħha, il-pożizzjoni ġeografika tagħha, il-varjetà tal-pajsaġġi tagħha u l-faxxinu tal-istil ta' ħajja tagħha, u jfakkar ukoll li t-turiżmu kulturali jikkostitwixxi madwar 40 % tat-turiżmu Ewropew;

2.  Jisħaq li t-turiżmu kulturali għandu rwol importanti fil-preservazzjoni u l-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali tagħna, li jinkludi mhux biss il-wirt fiżiku u l-pajsaġġi, iżda wkoll il-patrimonju intanġibbli, bħall-lingwi u t-tradizzjonijiet reliġjużi u kulinari;

3.  Josserva li l-wirt u t-turiżmu kulturali huma ta' benefiċċju reċiproku peress li, minn naħa, il-wirt kulturali jiġġenera dħul sostanzjali għall-industrija tat-turiżmu, filwaqt li, min-naħa l-oħra, it-turiżmu huwa tajjeb għall-kultura, peress li jħeġġeġ il-wiri u l-konservazzjoni tal-assi kulturali u jiġġenera d-dħul meħtieġ għall-preservazzjoni tagħhom;

4.  Jagħti sinjal politiku ċar li d-diversità u l-multikulturaliżmu tal-Ewropa joffru potenzjal kbir għall-iżvilupp ta' kwalunkwe forma ta' turiżmu tematiku u l-promozzjoni koordinata tat-turiżmu diversifikat u l-iskambju kulturali; Jisħaq li kwalunkwe aġenda tat-turiżmu kulturali għandha tkun imsejsa fuq id-diversità Ewropea, l-awtentiċità, is-sostenibbiltà, l-aċċessibbiltà sħiħa u l-kwalità għolja;

5.  Jieħu nota tat-13-il Forum Ewropew dwar it-Turiżmu, li sar f'Napli fit-30 u l-31 ta' Ottubru 2014, li enfasizza l-importanza tas-sinerġiji bejn it-turiżmu u l-kultura, u l-kontribut tagħhom għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi;

6.  Jisħaq li approċċ integrat immirat lejn il-konservazzjoni, il-promozzjoni u l-enfasi fuq il-wirt kulturali u naturali materjali u mhux materjali jikkostitwixxi forza mexxejja b'saħħitha għall-innovazzjoni soċjali u l-iżvilupp inklużiv lokali, reġjonali, urban u rurali u jikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' turiżmu kulturali sostenibbli, filwaqt li jnaqqas l-impatt tal-istaġjonalità; b'mod partikolari:

(a) jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu involuti b'mod attiv il-komunitajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati privati;

(b) jinnota l-importanza li jiġu aġġustati ħiliet u profili professjonali ġodda fil-qasam kulturali fil-kuntest tal-Klassifikazzjoni Ewropea ta' Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO);

(c) jappoġġa d-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn ta' kontenut kulturali bil-għan li jintlaħaq pubbliku usa' u biex iż-żgħażagħ jiġu involuti b'mod aktar sħiħ;

(d) jiffavorixxi l-adozzjoni ta' approċċ strateġiku lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

7.  Jisħaq fuq l-importanza fundamentali tal-kultura u l-wirt kulturali fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew fit-tħeġġiġ tal-innovazzjoni tan-negozju u l-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi marbuta mat-turiżmu, speċjalment il-forniment ta' faċilitajiet għall-viżitaturi f'ċentri turistiċi kif ukoll firxa wiesgħa ta' servizzi li jkopru s-settur kollu; josserva li l-konservazzjoni, l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-wirt kulturali huma vitali għal numru ta' setturi tan-negozju, speċjalment it-turiżmu;

8.  Jisħaq li t-turiżmu kulturali jista' jagħti spinta lill-ekonomiji lokali billi jippromwovi l-produzzjoni lokali, iħeġġeġ il-ħolqien tan-negozji u jżid id-domanda tal-konsumaturi fis-settur tat-turiżmu u billi jimmassimizza l-valur miżjud domestiku;

9.  Jissottolinja l-potenzjal li jeżisti biex tingħata spinta lit-turiżmu kulturali fir-reġjuni rurali, insulari, kostali u muntanjużi li joffru natura u pajsaġġi mhux mimsusa, lingwi u djaletti reġjonali jew minoritarji, kultura tradizzjonali (arti folkloristika tradizzjonali, kostumi, artiġjanat, festivals lokali, kultura ta' mobilità, tradizzjonijiet gastronomiċi), prodotti u servizzi artiġjanali lokali, awtentiċità, wirt industrijali u agrikolu, u l-wirt kulturali tal-minoranzi etniċi; josserva li t-turiżmu kulturali f'dawn ir-reġjuni jgħin biex jiġu ddiversifikati l-attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali u jħeġġeġ lill-popolazzjonijiet lokali biex ma jitilqux, u b'hekk jevita t-tnaqqis fil-popolazzjoni u l-abbandun u d-deterjorament ta' ħafna siti kulturali ta' valur u jżomm ħajjin it-tradizzjonijiet u d-drawwiet; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw infrastruttura intermodali sostenibbli u jtejbu l-konnettività transfruntiera – inkluż l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, bħalma huma servizzi integrati ta' pjanar tal-ivvjaġġar u bejgħ tal-biljetti – bħala mezz kif jissaħħaħ il-faxxinu u l-aċċessibilità bl-ajru, bil-baħar, bit-triq u bil-ferrovija tad-destinazzjonijiet turistiċi b'mod ġenerali u tad-destinazzjonijiet turistiċi li huma iżgħar u mbiegħda b'mod partikolari;

10. Josserva li l-iżvilupp tal-passaġġi ġodda fuq l-ilma intern u l-konnessjonijiet multimodali jistgħu jagħtu kontribut deċiżiv għat-tkabbir sostenibbli tat-turiżmu kulturali;

11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni miftiehma bejniethom bil-ħsieb li jistabbilixxu politiki li jattiraw it-turiżmu rurali, filwaqt li jżommu f'moħħhom li din hija forza li ssuq l-iżvilupp fir-reġjuni interni u rurali; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej joħolqu rabtiet bejn il-wirt u l-komunitajiet lokali bil-għan li jikkapitalizzaw mill-involviment tal-partijiet ikkonċernati lokali fir-reġjuni rurali u mbiegħda; isostni li għandha titqiegħed enfasi partikolari fuq it-taħriġ ta' riżorsi umani u l-appoġġ finanzjarju għall-konservazzjoni tal-wirt, minħabba l-fatt li t-tisħiħ tat-turiżmu kulturali fiż-żoni rurali jħeġġeġ ukoll devjazzjoni mit-turiżmu tal-massa;

12. Jisħaq li l-iżvilupp reġjonali tat-turiżmu kulturali fl-Istati Membri jeħtieġ il-varar ta' programmi ta' investiment fl-infrastruttura għall-għoti tas-servizzi bażiċi essenzjali;

13. Jinsab imħasseb dwar l-inadegwatezza tar-riżorsi regolatorji u baġitarji tal-UE għal dan is-settur; jisħaq li, fil-kuntest tal-politika reġjonali, l-immodifikar tal-programmi operazzjonali kompla jnaqqas l-appoġġ għall-politiki ddedikati għall-wirt kulturali;

14. Josserva li ħafna mill-istrutturi kulturali li mhumiex parti mill-ekonomija tas-suq spiss jaħdmu bħala assoċjazzjonijiet jew fuq bażi volontarja u raw tnaqqis drastiku fil-finanzjament pubbliku tagħhom bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għall-promozzjoni tal-kontribut ta' kapital privat fi proġetti marbuta mal-wirt kulturali, tkun xi tkun is-sura tiegħu (sponsorizzar jew kwalunkwe sura oħra);

15. Jinnota li għandu jiġi adottat approċċ integrat u koordinat f'kull livell (internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali) li jkun jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha u l-komunità lokali, u jħeġġeġ, b'rabta ma' dan, l-iżvilupp ta' sħubijiet pubbliċi-privati biex jitwettaq il-potenzjal ekonomiku sħiħ tar-riżorsi kulturali;

16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu bidu għal djalogu fl-Ewropa kollha bejn dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha tal-governanza, flimkien mal-industrija kulturali u dik kreattiva, in-netwerks tal-operaturi tat-turiżmu, is-sħubijiet bejn atturi privati u pubbliċi, u l-NGOs;

17. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jkomplu jikkooperaw bil-għan li jimplimentaw, fuq il-livelli rispettivi kollha, l-azzjonijiet maħsuba għall-promozzjoni tal-wirt kulturali u t-turiżmu kulturali inklużi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja - qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352

18. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq tat-30 ta' Ġunju 2010;

19. Jinsab konvint li l-ħolqien u l-promozzjoni ta' "marka tal-Ewropa" se toffri valur miżjud għoli għas-suċċess tal-Ewropa bħala l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja u għall-promozzjoni tal-wirt kulturali Ewropew b'mod partikolari; jistieden, għaldaqstant, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha biex jikkooperaw mal-Kummissjoni, u jikkomplementaw din il-marka bl-isforzi nazzjonali u reġjonali tagħhom stess, u b'mod konġunt jippromwovu l-Ewropa f'avvenimenti internazzjonali maġġuri u f'fieri ta' skala kbira dwar it-turiżmu bħala damma ta' destinazzjonijiet turistiċi ta' kwalità għolja;

20. Jappoġġa l-ħolqien ta' prodotti tat-turiżmu kulturali transnazzjonali li jirriflettu l-valuri u l-wirt kondiviżi komuni Ewropej; Jistieden lill-Kummissjoni tfittex kooperazzjoni akbar mal-Istati Membri u organizzazzjonijiet oħra li jifformulaw il-politiki dwar il-kultura u t-turiżmu, bħalma huma l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-Nazzjonijiet Uniti (UNWTO) u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO), u jistedinha wkoll tkompli tikkofinanzja u tippromwovi netwerks, proġetti reġjonali transfruntieri u - f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa - ir-Rotot Kulturali Ewropej, li huma l-aqwa eżempji ta' proġetti turistiċi tematiċi pan-Ewropej transnazzjonali;

21. Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jiġu żviluppati prodotti kulturali u turistiċi interreġjonali u transfruntiera li huma bbażati fuq azzjoni kkoordinata, li jibnu fuq is-sinerġiji, jiffrankaw ir-riżorsi, u jsaħħu u jippromwovu l-identità kulturali komuni u l-kompetittività tar-reġjun kollu; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiffaċilitaw dan il-proċess;

22. Jenfasizza l-importanza tal-wirt gastronomiku, li għandu jiġi protett u appoġġat; iqis li r-riżorsi allokati għal din il-kwistjoni jistgħu jiġu ottimizzati permezz ta' interazzjoni ma' politiki oħra tal-UE, bħalma huma l-Politika Agrikola Komuni u l-politika dwar il-protezzjoni tal-konsumatur;

23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu inizjattivi li jfittxu li jisfruttaw bl-aħjar mod il-wirt kulturali Ewropew ta' taħt l-ilma u, b'mod partikolari, tistabbilixxu rotta Ewropea tal-wirt kulturali ta' taħt l-ilma li tippermetti li l-bastimenti u l-bliet mgħarrqa jiġu esibiti jew jinbidlu f'mużewijiet;

24. Jappoġġa l-ħolqien ta' inizjattivi li jivvalorizzaw il-wirt komuni tal-Ewropa, iżidu l-viżibbiltà ta' siti kulturali u għandhom impatt partikolari fil-livell lokali u reġjonali, bħar-rotot ċiklistiċi Ewropej jew ir-rotot tal-pellegrinaġġi, it-treni panoramiċi, il-ferroviji turistiċi Ewropej (permezz tar-ristawrazzjoni ta' rotot u stazzjonijiet antiki), il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura, il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Isport, in-netwerk Europa Nostra, in-netwerk 'Natura 2000', iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew u l-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali; jitlob biex jiġi promoss u ffaċilitat it-turiżmu kulturali taż-żgħażagħ; għandu l-ħsieb, barra minn hekk, li jappoġġa l-inizjattivi li jinvolvu b'mod attiv liż-żgħażagħ, bħalma hi dik tal-Bliet Kapitali Ewropej taż-Żgħażagħ;

25. Jilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess kbir tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura; Jappella biex dawn il-bliet jiġu kkollegati bħala parti minn netwerk bil-għan li l-attenzjoni tiġi estiża għal fuq iż-żoni kkonċernati, jiġi previst skambju tal-esperjenza u l-prattika tajba, fosthom bil-ħsieb li jiġu megħjuna kandidati futuri, u biex tiġi ffaċilitata l-organizzazzjoni tal-avvenimenti u ċ-ċirkwiti speċifiċi;

26. Jilqa' l-inizjattivi l-ġodda, bħas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, li jżidu l-għarfien dwar il-ħtieġa li jitħares il-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jagħmlu aktar biex jippromwovu l-wirt industrijali tal-Ewropa bħala parti mill-interess kulturali komuni tagħha, wirt li l-potenzjal tiegħu għadu ma ġiex rikonoxxut biżżejjed;

27. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri u l-operaturi ewlenin fl-industrija jsiru konxji tal-ħtieġa li s-siti ta' wirt kulturali Ewropew jagħmluhom aċċessibbli għal kulħadd u bi prezz tajjeb għall-but ta' kulħadd, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-persuni b'diżabilità jew b'mobilità mnaqqsa, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-familji bi dħul baxx;

28. Itenni l-prinċipju importanti ta' turiżmu ekoloġikament u ekonomikament sostenibbli u responsabbli, u jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li, filwaqt li l-azzjoni tal-UE għandha, l-ewwel u qabel kollox, tħeġġeġ il-prosperità tat-turiżmu fl-Ewropa, hija għandha wkoll tieħu azzjoni fir-rigward tat-tħassib dwar l-effetti negattivi possibbli tal-bidliet strutturali kkawżati mit-turiżmu u r-riskji li t-turiżmu tal-massa jikkostitwixxi għall-wirt kulturali; jisħaq li l-UE jeħtieġ li taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati lokali biex ifasslu linji gwida mmirati lejn it-tnaqqis tal-effetti dannużi tat-turiżmu tal-massa fuq ir-reġjuni mbiegħda tal-UE, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi u dawk insulari, speċjalment fiż-żmien meta l-istaġun ikun fl-aqwa tiegħu;

29. Ifakkar fl-importanza tal-ħarsien u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali, mhux biss mill-effetti qerrieda taż-żmien, iżda wkoll mill-ħuliganiżmu u s-sakkeġġi; josserva li bosta siti arkeoloġiċi għadhom fir-riskju li jiġu sakkeġġati minn gruppi organizzati ta' kaċċaturi tal-fdalijiet tal-imgħoddi, partikolarment is-siti li jinsabu taħt l-ilma fejn l-aċċess u s-sorveljanza min-naħa tal-awtoritajiet huma diffiċli; Jitlob, f'dan ir-rigward, biex ikun hemm kooperazzjoni aktar effikaċi bejn l-Istati Membri fl-identifikazzjoni u l-irkupru ta' oġġetti kulturali u l-prevenzjoni tat-traffikar illegali ta' tali oġġetti;

30. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jibnu fuq l-inizjattiva "Endangered Places", mibdija mill-Federazzjoni pan-Ewropea "Europa Nostra" flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, billi jidentifikaw eżempji oħra ta' wirt Ewropew li jinsabu fil-periklu, ifasslu pjanijiet ta' azzjoni u jfittxu għejun possibbli ta' finanzjament; josserva li l-iżvilupp ta' din l-inizjattiva hija mod wieħed kif jiġi attirat l-investiment privat fit-tisħiħ tal-wirt;

31. Jenfasizza l-potenzjal sinifikanti għall-iżvilupp tal-attività imprenditorjali u ta' approċċ parteċipattiv fis-settur tat-turiżmu, b'mod partikolari għall-SMEs tas-settur turistiku, iżda wkoll għan-negozji l-ġodda, is-settur mingħajr skop ta' qligħ u organizzazzjonijiet oħra li jikkontribwixxu għall-preservazzjoni, il-ħarsien u l-promozzjoni tal-wirt kulturali tal-Ewropa; jisħaq li, minbarra l-assi kulturali, il-kwalità tas-servizz, il-livell għoli tal-ħiliet professjonali, l-ispeċjalisti mħarrġa tajjeb fil-qasam u l-preżenza onlajn huma fatturi ewlenin għas-suċċess u l-kompetittività tas-settur tat-turiżmu Ewropew; jenfasizza li r-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda, speċjalment fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, huma essenzjali biex il-wirt kulturali jitressaq aktar qrib tan-nies; iqis ukoll li l-piżijiet mhux meħtieġa fuq l-SMEs għandhom jitneħħew fl-interess tal-kompetittività tagħhom, u li l-leġiżlazzjoni li għandha effetti negattivi fuq l-SMEs fl-industrija tat-turiżmu għandha tiġi riveduta;

32. Iqis li l-kriżi ekonomika ċaħdet il-finanzjament lil wieħed mis-setturi li ntlaqat l-aktar minn dan it-tnaqqis, u rriżultat fl-abbandun u t-traskurar ta' bosta siti ta' valur kulturali kbir li issa ntesew darba għal dejjem, u dan b'detriment għas-soċjetà u s-settur tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-informazzjoni dwar il-fondi tal-UE għall-preservazzjoni u l-promozzjoni tat-turiżmu kulturali hija faċilment aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha, bħalma huma l-SMEs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u li din tkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali tal-UE, u jistedinha wkoll tiżgura li l-proċeduri amministrattivi għall-aċċess dirett għal dawn il-fondi jiġu ffaċilitati aktar, b'mod partikolari għall-SMEs, li jirrappreżentaw sehem kbir tas-settur tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm trasparenza akbar fl-użu tal-fondi; jappella għal approċċ aktar miftuħ min-naħa tal-Kummissjoni rigward l-approvazzjoni ta' programmi operazzjonali ta' finanzjament integrat biex tippromwovi l-wirt kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tnaqqas il-piż amministrattiv permezz ta' ambjent regolatorju adegwat sabiex jiżdied in-numru ta' negozji – speċjalment l-SMEs u n-negozji l-ġodda – fis-settur tat-turiżmu;

33. Jissottolinja l-possibilità li tingħata attenzjoni aktar qawwija lit-turiżmu kulturali meta jiġu żviluppati l-istrateġiji makroreġjonali mfassla biex jagħmluh parti aktar integrali mill-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea;

34. Jappoġġa lill-Kummissjoni fl-inizjattivi tagħha għad-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali għani tal-Ewropa bħala kontribut importanti għall-promozzjoni tal-ġid kulturali uniku tagħha madwar id-dinja, u jqis li huwa importanti li dan jiġi implimentat ukoll fil-livell lokali għall-benefiċċju tan-negozji ż-żgħar; jissottolinja r-rwol importanti tar-riżorsi tal-libreriji u l-arkivji fil-preservazzjoni, il-promozzjoni u l-aċċess għall-wirt kulturali fiżiku u diġitali fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex jiġi identifikat u diġitalizzat il-wirt dinji tal-UNESCO tal-Ewropa, kemm dak tanġibbli kif ukoll dak intanġibbli, sabiex dan ikun jista' jsir disponibbli fuq il-websajt visiteurope.com;

35. Jisħaq li t-tisħiħ tal-patrimonju wkoll jeħtieġ reazzjonijiet għall-istili ta' ħajja ġodda taċ-ċittadini sħabna u, f'dak ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra strateġija ta' komunikazzjoni diġitali komprensiva biex jiġu enfasizzati l-inizjattivi li varat, flimkien ma' appoġġ għal proġetti kulturali li jgħaqqdu l-wirt u l-modernità (eż. bl-użu ta' teknoloġiji ġodda fi spazji tal-mużewijiet);

36. Jisħaq fuq l-importanza u n-natura speċifika tat-turiżmu kulturali bħala parti integrali mill-edukazzjoni u mill-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja tal-UE, bħalma hu l-Erasmus+; josserva li t-turiżmu kulturali huwa maħsub għal firxa wiesgħa ħafna ta' parteċipanti, u għalhekk għandu jitfassal skont il-ħtiġijiet u l-interessi edukattivi u kulturali ta' gruppi ta' etajiet differenti, li jvarjaw minn tfal għal ċittadini anzjani;

37. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni twaqqaf portal uniku tal-UE ddedikat għall-wirt kulturali, li jiġbor flimkien informazzjoni dwar il-programmi kollha tal-UE li jiffinanzjaw il-wirt kulturali; iqis li l-varar tal-portal għandu jiġi segwit minn kampanja ta' promozzjoni f'kull Stat Membru b'tali mod li l-benefiċjarji potenzjali jkunu jafu li jeżisti;

38. Jirrakkomanda strateġija ta' komunikazzjoni simplifikata, uniformi li tidentifika lill-Ewropa bħala destinazzjoni unika, u jilqa', għaldaqstant, l-inizjattiva Destinazzjoni Ewropa 2020 għall-ħolqien ta' portal Ewropew li jintroduċi l-websajts nazzjonali tal-Istati Membri; jirrakkomanda, barra minn hekk, il-ħolqien ta' portals multilingwi għal destinazzjonijiet lokali li jinsabu barra mill-bliet il-kbar u li jagħtu viżibilità lill-prodotti li jinvolvu l-wirt kulturali u industrijali;

39. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tippromwovi l-programm Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ bħala mekkaniżmu ta' finanzjament tal-wirt kulturali;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Dieter-Lebrecht Koch, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Cláudia Monteiro de Aguiar, Renaud Muselier, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Claudia Tapardel, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Peter van Dalen, Wim van de Camp, Janusz Zemke, Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, Martina Dlabajová, Maria Grapini, Henna Virkkunen

8.5.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

lejn approċċ integrat għall-patrimonju kulturali tal-Ewropa

(2014/2149(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Andrea Cozzolino

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jemmen li, fir-rigward tal-wirt kulturali, approċċ integrat huwa meħtieġ jekk wieħed jixtieq jikseb id-djalogu kulturali u l-fehim reċiproku; huwa konvint li approċċ bħal dan jista’ jwassal għal koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali msaħħa, filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għat-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020;

2.  Jinnota li l-proġetti tal-patrimonju kulturali sikwit jirrappreżentaw eżempji ta' attivitajiet ekonomiċi innovattivi u sostenibbli, li joħolqu impjiegi ta' kwalità u jiżviluppaw il-kapaċitajiet kummerċjali u ta' riċerka tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), mutur ewlieni tal-ekonomija tal-UE; jinnota li l-wirt kulturali huwa beni komuni u pubbliku u għandu impatt pożittiv fuq l-innovazzjoni soċjali, it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jinvestu fil-wirt kulturali u jgħinu biex jipproteġu u jikkonservaw l-identità kulturali reġjonali, nazzjonali u Ewropea;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-promozzjoni għall-konservazzjoni tal-assi tal-patrimonju kulturali u l-inklużjoni tagħhom fi prodotti tat-turiżmu sostenibbli ser tiġbed lin-nies u tgħin biex tissaħħaħ l-ekonomija lokali/reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-importanza ekonomika tal-wirt kulturali u r-rabtiet bejn il-wirt kulturali u t-turiżmu sostenibbli, biex tistabbilixxi approċċ komprensiv – anke fid-dawl tal-inizjattiva reċenti dwar il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi – għall-finanzjament tal-wirt kulturali, eż. l-iżviluppi tal-infrastruttura urbana, l-istandardizzazzjoni u l-armonizzazzjoni meħtieġa għal finijiet ta’ kostruzzjoni (mill-ġdid) u l-preservazzjoni ta’ monumenti, billi wieħed iżomm f’moħħu li d-diversità u l-karatteristiċi speċjali tal-wirt storiku jirrikjedu soluzzjonijiet u metodi speċifiċi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi, fil-kuntest tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u tar-reviżjoni tal-istrateġija Ewropa 2020, proġetti tal-patrimonju kulturali Ewropew, inkluż proġetti fuq skala kbira, peress li dawn jiġġeneraw postijiet tax-xogħol fir-reġjuni kollha, partikolarment għaż-żgħażagħ, u jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali; jinnota d-diversi benefiċċji ta’ investimenti f’wirt kulturali – li jtejbu l-valur intrinsiku tal-wirt kulturali Ewropew – u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkonsolidati s-sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat għal skopijiet ta’ finanzjament;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibilità li tippromwovi, fi ħdan il-FEIS, pjattaforma ta’ investiment tematika li tattira riżorsi pubbliċi u privati f'oqsma ta' riċerka applikata għall-ħarsien u l-iżvilupp tal-patrimonju kulturali; jinnota, barra minn hekk, li għad irid jissaħħaħ aktar approċċ integrat għall-patrimonju kulturali fil-FSIE; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jkunu żviluppati sinerġiji bejn il-fondi strutturali tal-UE, programmi ta’ qafas u riżorsi oħra disponibbli għas-settur kulturali; jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja u tiggwida l-Istati Membri dwar l-integrazzjoni tal-wirt kulturali fl-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjonali, sabiex jinkiseb il-massimu tal-effikaċja u l-effiċjenza u biex tirrapporta lill-Parlament dwar investimenti fil-wirt kulturali u r-riżultati miksuba;

6.  Jinnota li l-ispirtu tar-reviżjoni tar-Regolament tal-FEŻR u, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-finanzjament integrat jista’, f’każijiet speċifiċi, jiġi implimentat fil-prattika billi jiġu appoġġjati proġetti fuq skala kbira; jirrikonoxxi, madankollu, il-ħtieġa li jiġu promossi u appoġġjati inizjattivi kulturali fuq skala żgħira, li huma ta’ importanza partikolari għall-iżvilupp endoġenu u jistgħu jgħinu biex jiġi kkonservat il-patrimonju kulturali u jitħeġġu l-iżvilupp lokali u reġjonali u t-tkabbir soċjoekonomiku b’mod ġenerali;

7.  Rigward proġetti fuq skala kbira bħala eżempju ta’ ffinanzjar integrat imsemmi hawn fuq u tal-benefiċċji tal-ħarsien tal-patrimonju kulturali uniku tal-Ewropa, kif rifless bl-involviment dirett u kostanti tal-Kummissjoni fil-proġetti, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza l-bżonn li jiġi rikonoxxut is-sinifikat tagħhom bħala l-ewwel pass lejn ir-rabtiet u l-unifikazzjoni interkulturali bejn ir-reġjuni tal-Ewropa;

8.  Josserva li l-Artikolu 3(1)(e), tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 jirreferi għall-investiment f'"infrastuttura kulturali [...] fuq skala żgħira"; japprezza l-opportunitajiet ta’ finanzjament għas-servizzi kulturali previsti fl-Artikolu 5(9)(a) tal-istess regolament;

9.  Jirrikonoxxi li, fil-fażi ta' negozjar dwar il-programmi operattivi reġjonali, il-Kummissjoni kkwantifikat in-nefqa totali ta' proġetti tal-investiment infrastrutturali bħal dawn għal massimu ta' EUR 5 miljun (EUR 10 miljun għas-siti tal-Patrimonju Dinji tal-UNESCO);

10. Jinnota li dan il-limitu massimu, b’mod partikolari minħabba li jkun relatat mal-ispejjeż totali, jista’ jillimita serjament il-kapaċità tal-Istati Membri li jiffinanzjaw proġetti integrati bħal dawn li jikkontribwixxu għall-preservazzjoni u t-titjib tal-patrimonju kulturali; jinnota, madankollu, li l-proġetti ta’ infrastruttura kulturali jistgħu jiġu kkombinati ma’ proġetti tal-edukazzjoni kulturali (billi jsir użu sħiħ mill-possibbiltajiet ta’ diġitalizzazzjoni) u proġetti għall-SMEs, eċċ., li jippermettu ammont investit totali li jkun ħafna ogħla minn EUR 5 miljun;

11. Jistieden lill-Kummissjoni biex, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u r-reġjuni, tikkunsidra li żżid il-valur ta' EUR 5 miljun fid-dawl ta' effetti negattivi possibbli fuq il-kapaċità tal-Istati Membri li jużaw b'mod effikaċi l-finanzjament tal-FEŻR; Jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tinkoraġġixxu kombinazzjoni effikaċi ta’ fondi differenti għall-finanzjament ta’ proġetti kulturali, u biex tintroduċi flessibbiltà fil-każ ta’ proġetti speċifiċi fejn l-investiment fl-infrastruttura jaqbeż il-limitu ta’ EUR 5 miljun;

12. Jenfasizza li l-proġetti tal-patrimonju kulturali tal-FEŻR jirrappreżentaw eżempju prattiku ta' governanza fuq diversi livelli u tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u jirrappreżentaw element importanti tal-infiq tal-FEŻR; jisħaq l-importanza ta’ proġetti kulturali transkonfinali li jikkontribwixxu għaż-żieda fil-koeżjoni ekonomika u soċjali u jinkoraġġixxu l-inklużjoni; jitlob f’dan il-kuntest li jittieħdu miżuri li jsaħħu u jiżviluppaw l-appoġġ għall-iffinanzjar permezz ta’ ftehimiet ta’ sħubija pubblika-privata;

13. Josserva li dawn il-proġetti sikwit jirrappreżentaw eżempji ta' prattiki tajbin fit-twettiq ta' proġetti integrati f'żoni urbani, u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-aġenda urbana; jenfasizza d-dimensjoni urbana ta’ inizjattivi tal-kapitali tal-kultura Ewropej, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ netwerks kulturali fl-ibliet u jippromwovu inizjattivi kreattivi fuq medda twila ta’ żmien, bħas-salvagwardja tal-identitajiet ta’ diversi tradizzjonijiet kulturali lokali u reġjonali; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, il-ħolqien ta’ prodotti turistiċi komprensivi bbażati fuq pjan ta' strateġija/żvilupp integrat u l-użu ta’ għodod ICT, għodod tal-marketing u tekniki innovattivi oħra biex tissaħħaħ il-viżibilità tal-patrimonju kulturali;

14. Jikkunsidra li d-DĠ Edukazzjoni u Kultura għandu joħloq KKI (Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni) fl-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), iddedikata b’mod speċifiku għall-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali, u li din il-KKI għandha tappoġġja b’mod dirett viżjoni olistika tar-riċerka u l-innovazzjoni;

15. Jilqa' bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni biex tintroduċi VALOR bħala l-pjattaforma ta' tixrid tar-riżultati tal-proġett, però titlob lill-Kummissjoni biex tinkludi f'din il-pjattaforma anke eżempji ta' prattiki tajbin meħudin minn proġetti tal-patrimonju kulturali, diġà mwettqa permezz tal-FEŻR matul il-perjodi ta' programmazzjoni tal-2000-2006 u tal-2007-2013; jirrakkomanda li titwettaq analiżi teknika tal-metodi speċifiċi għall-applowdjar tad-dejta fil-portal; jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa għall-ħolqien ta’ database/portal unifikata tal-UE, li jkun fiha informazzjoni dwar proġetti tal-patrimonju kulturali ffinanzjati mill-programmi u l-inizjattivi kollha tal-UE, u jitlob lill-Kummissjoni biex tintroduċi database/portal unifikata tal-UE sabiex tinforma lill-benefiċjarji potenzjali dwar linji ta’ finanzjament Ewropew eżistenti;

16. Iqis li, fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji urbani integrati u sostenibbli (Artikolu 7, Regolament FEŻR, 1301/2013) u strateġiji ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-Komunità (Artikolu 32, Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, 1303/2013), il-politiki għall-konservazzjoni tal-patrimonju (b’mod partikolari l-politika dwar iċ-ċentri storiċi) għandhom jissaħħu, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti għandha tiġi implimentata, kif ukoll l-adattament tal-akkomodazzjoni minħabba l-bidla fil-klima, l-użu ta’ għodod tal-ICT għandhom jissaħħu, u l-għodod tal-marketing u tekniki innovattivi oħra għandhom ikunu applikati għall-fini tat-tisħiħ tal-viżibbiltà tal-patrimonju kulturali;

17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

5.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, José Blanco López, Franc Bogovič, Victor Boștinaru, Mercedes Bresso, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Tamás Deutsch, Anna Hedh, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Constanze Krehl, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Monika Smolková, Maria Spyraki, Olaf Stuger, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ángela Vallina, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Enrique Calvet Chambon, Josu Juaristi Abaunz, Ivana Maletić, Bronis Ropė, Marco Zullo

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ulrike Trebesius

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Damian Drăghici, Jill Evans, Petra Kammerevert, Rikke Karlsson, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Fernando Maura Barandiarán, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Norbert Erdős, Mary Honeyball, Marc Joulaud, Ernest Maragall

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.

(5)

ĠU L 159, 28.5.2014, p. 1.

(6)

ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1.

(7)

Adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fit-13 ta’ Ottubru 2005; miftuħa għall-iffirmar tal-Istati Membri f’Faro (il-Portugall) fis-27 ta’ Ottubru tal-istess sena; daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2011.

(8)

ĠU C 183, 14.6.2014, p. 36.

(9)

Għadhom mhux ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

(10)

ĠU L 283, 29.10.2011, p. 39.

(11)

il-Karta ta’ Venezja adottata mill-ICOMOS (il-Kunsill Internazzjonali tal-Monumenti u s-Siti) fl-1965; il-Konvenzjoni ta’ Granata adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fl-1985; il-Konvenzjoni ta’ Valletta adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fl-1992.

(12)

Ara: L-Artikolu 3.1(e) tar-Regolament Nru 1301/2013 (Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006).

(13)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Ġunju 2014 “Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali” COM (2014) 477 final, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2014 dwar il-wirt kulturali bħala riżorsa strateġika għal Ewropa sostenibbli, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Novembru 2014 dwar il-governanza parteċipatorja tal-wirt kulturali u l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa, Novembru  2014.

Avviż legali - Politika tal-privatezza