RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni
24.6.2015 - (2014/2256(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Julia Reda
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 26, 34, 114, 118 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Ftehim tal-1994 dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPS),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-20 ta’ Ottubru 2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 13, 14, 16, 17, 22 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni[1],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artisitiċi, u espressament it-Test fi Tliet Stadji,
– wara li kkunsidra t-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-Drittijiet tal-Awtur tal-20 ta’ Diċembru 1996,
– wara li kkunsidra t-Trattat tad-WIPO dwar ir-Rappreżentazzjonijiet u l-Fonogrammi tal-20 ta’ Diċembru 1996,
– wara li kkunsidra t-Trattat tad-WIPO dwar ir-Rappreżentazzjonijiet Awdjoviżivi, adottat mill-Konferenza Diplomatika tad-WIPO dwar il-Protezzjoni tar-Rappreżentazzjonijiet Awdjoviżivi f’Beijing fl-24 ta’ Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-istudju tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPR) ta’ Settembru 2013, imwettaq b’mod konġunt mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) u l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) dwar l-industriji intensivi fid-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali: kontribuzzjoni għall-prestazzjoni ekonomika u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal xogħlijiet pubblikati għal persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li għandhom diffikultà jaqraw materjal stampat,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern[2],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku[3],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta’ xogħlijiet orfni[4],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati[5],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/77/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2011 li temenda d-Direttiva 2006/116/KE dwar it-terminu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ ċerti drittijiet relatati[6],
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable[7],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali[8],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali[9], li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE[10],
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar id-dritt tal-bejgħ mill-ġdid għall-benefiċċju tal-awtur ta’ xogħol oriġinali tal-arti[11],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Frar 2014 dwar imposti fuq l-ikkupjar privat[12],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bħala sorsi ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi[13],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012 dwar id-distribuzzjoni onlajn ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea[14],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern[15],
– wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-rieżami tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur, imwettqa mill-Kummissjoni bejn il-5 ta’ Diċembru 2013 u l-5 ta’ Marzu 2014,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2012 dwar il-Petizzjoni 0924/2011, imressqa minn Dan Pescod, ta’ ċittadinanza Britannika, f’isem l-Unjoni Ewropea għall-Għomja (EBU)/l-Istitut Nazzjonali Rjali għall-Għomja (RNIB), dwar l-aċċess tal-għomja għall-kotba u prodotti stampati oħra[16],
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2011 dwar it-tqassim tax-xogħlijiet awdjoviżivi onlajn fl-Unjoni Ewropea: l-opportunitajiet u l-isfidi biex nimxu lejn suq diġitali uniku (COM(2011)427),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Id-Drittijiet tal-Awtur fl-Ekonomija tal-Għarfien’ (COM(2008)0466),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ‘Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li jagħti spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni sabiex jipprovdi tkabbir ekonomiku, impjiegi ta’ kwalità għolja u prodotti u servizzi tal-ogħla livell fl-Ewropa’ (COM(2011)0287),
– wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Qbil tal-20 ta’ Settembru 2011 dwar il-prinċipji ewlenin tad-diġitalizzazzjoni u l-provvista tax-xogħlijiet mhux disponibbli, għall-faċilitazzjoni tad-diġitalizzazzjoni u l-provvista ta’ kotba u rivisti akkademiċi għal-libreriji Ewropej u istituzzjonijiet simili oħra,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0209/2015),
A. billi r-reviżjoni tad-Direttiva 2001/29/KE hija fundamentali għall-promozzjoni tal-kreattività u l-innovazzjoni, id-diversità kulturali, it-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività, is-Suq Uniku Diġitali u l-aċċess għall-għarfien u l-informazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi wkoll lill-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi b’biżżejjed rikonoxximent u protezzjoni ta’ drittijiethom;
B. billi l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi li l-UE għandha tippromwovi l-iżvilupp u d-diversità tal-kulturi tal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-kreazzjoni artistika u letterarja;
C. billi d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni kienet maħsuba biex tadatta l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati bil-għan li tirrifletti l-iżviluppi tekoloġiċi;
D. billi d-Direttiva 2001/29/KE tindirizza wkoll għadd ta’ obbligi tal-UE taħt id-dritt internazzjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-protezzjoni tax-xogħlijiet litterarji u artistiċi, tat-Trattat tad-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur u dak dwar l-Ispettakli u l-Fonogrammi;
E. billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jagħmlu investimenti kunsiderevoli fid-diġitizzazzjoni u l-aċċessibbiltà onlajn tal-kollezzjonijiet rikki ta’ istituzzjonijiet tal-wirt kulturali tal-Ewropa, biex b’hekk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu aċċess minn kullimkien fuq kwalunkwe apparat;
F. billi l-industriji kulturali u kreattivi Ewropej huma l-mutur għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE, u jikkontribwixxu bil-kbir għall-ekonomija tal-UE, hekk kif dawn skont stimi reċenti jimpjegaw iktar minn 7 miljun ruħ u jiġġeneraw aktar minn 4,2 % tal-PDG tal-UE, u billi l-industriji kulturali komplew joħolqu l-impjiegi matul il-kriżi ekonomika ta’ bejn l-2008 u l-2012;
G. billi studju konġunt tal-UEP u l-UASI ta’ Settembru 2013 juri li madwar 39 % tal-attività ekonomika totali fl-UE, b’valur ta’ madwar EUR 4 700 biljun fis-sena, hija ġġenerata mill-industriji intensivi fl-IPR, u li dan jgħodd ukoll għal 26 % tal-impjiegi diretti (jew 56 miljun impjieg) kif ukoll għal 9 % oħra tal-impjiegi indiretti min-numru totali ta’ impjiegi fl-UE;
H. billi r-rivoluzzjoni diġitali introduċiet tekniki u mezzi ta’ komunikazzjoni ġodda u għamlet possibbli forom ġodda espressivi li, filwaqt li jikkuntestaw ir-relazzjoni trilaterali li tradizzjonalment torbot lill-kreaturi, l-imprendituri kulturali u l-utenti, inkoraġġiet il-ħolqien ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien li toħloq impjiegi ġodda u tiffavorixxi l-promozzjoni tal-kultura u innovazzjoni;
I. billi kull inizjattiva politika dwar is-suq uniku diġitali għandha tkun konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 11, 13, 14, 16, 17 u 22 tagħha;
J. billi d-diversità kulturali u d-diversità tal-lingwa tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, b’xi lingwi Ewropej mitkellma f’aktar minn pajjiż wieħed;
K. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tipproteġi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-informazzjoni u l-libertà tal-arti u x-xjenza, u tiggarantixxi l-protezzjoni tad-data personali u tad-diversità kulturali u lingwistika, id-dritt għall-proprjetà u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, id-dritt għall-edukazzjoni u l-libertà ta’ intrapriża;
L. billi anki fl-era diġitali għandu jibqa’ japplika d-dritt li l-kreatur jipproteġi x-xogħol kreattiv tiegħu;
M. billi jeħtieġ li jitqiesu miżuri li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ulterjuri tal-iskambju kulturali u li jtejbu ċ-ċertezza ġuridika fis-settur; billi ġew żviluppati ħafna servizzi onlajn kreattivi mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE ‘l hawn, u l-konsumaturi qatt qabel ma kellhom aċċess għal firxa daqstant wiesgħa ta’ xogħlijiet kulturali u kreattivi; billi huwa neċessarju għall-utenti li jkollhom aċċess għal kontenut wiesgħa u varjat ta’ kwalità għolja;
N. billi l-iżvilupp armonjuż u sistematiku tal-librerija diġitali Europeana, li ġiet stabbilita fl-2008 bħala parti minn inizjattiva tal-UE, għamlet disponibbli xogħlijiet mil-libreriji tal-Istati Membri;
O. billi x-xogħlijiet kreattivi huma wieħed mis-sorsi prinċipali li jmexxu l-ekonomija diġitali u l-atturi tas-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni bħall-magni tat-tiftix, il-midja soċjali u l-pjattaformi ta’ kontenut iġġenerat mill-utenti, iżda tista’ tgħid il-valur kollu ġġenerat mix-xogħlijiet kreattivi huwa trasferit lil dawn l-intermedjarji diġitali, li jirrifjutaw li jagħtu remunerazzjoni lill-awturi jew jinnegozjaw livelli ta’ remunerazzjoni baxxi ħafna;
P. billi d-Direttiva 2011/77/UE u d-Direttiva 2006/116/KE armonizzaw it-termini ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati billi stabbilixxew armonizzazzjoni sħiħa tal-perjodu ta’ protezzjoni għal kull tip ta’ xogħol u kull dritt relatat fl-Istati Membri;
Q. billi huwa d-dmir tal-awtoritajiet leġiżlattivi tal-UE li jippromwovu qafas ġuridiku ċar dwar id-drittijiet tal-awtur u dawk relatati li jista’ jinftiehem mill-partijiet interessati kollha u b’mod partikolari mill-pubbliku inġenerali, li jassigura ċertezza ġuridika;
R. wara li kkunsidra l-vantaġġ kompetittiv u l-qawwa dejjem tikber ta’ ċerti intermedjarji fuq l-Internet, u l-impatt negattiv ta’ din is-sitwazzjoni fuq il-potenzjal ta’ kreattività tal-awturi u fuq l-iżvilupp tas-servizzi offruti minn distributuri oħra ta’ xogħlijiet kreattivi;
S. billi fid-definizzjoni tal-qafas ġuridiku fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u dawk relatati, irid jingħata kont tal-bżonn li jiġu mħeġġa mudelli industrijali u kummerċjali innovattivi, u li jinsilet vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji ġodda, sabiex tiżdied il-kompetittività tal-intrapriżi tal-UE;
T. billi l-ħolqien ta’ tkabbir u impjiegi jikkostitwixxi l-prijorità tal-Kummissjoni u l-enfasi tal-programm tagħha għall-perjodu 2014-2019;
1. Jindika li d-drittijiet tal-awtur jikkostitwixxu l-mod konkret li jiżgura r-remunerazzjoni tal-kreaturi u l-finanzjament tal-proċess ta’ kreattività;
2. Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ssir konsultazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur, li ġibdet interess kbir minn firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati, inkluż is-settur kulturali u tas-soċjetà ċivili[17];
3. Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li matul il-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida tiżviluppa aktar l-aġenda diġitali tal-UE, inklużi l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-awtur; jilqa’ l-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 għal dak li jirrigwarda l-wegħda tiegħu li jipprovdi Pakkett tas-Suq Uniku Diġitali, li jinkludi proposta leġiżlattiva bl-objettiv li jiġu modernizzati r-regoli tad-drittijiet tal-awtur biex ikunu adatti għall-era diġitali;
4. Ifakkar li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jipproteġu u jistimulaw kemm l-iżvilupp u l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi ġodda u kemm il-ħolqien u l-isfruttar tal-kontenut kreattiv tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxu għal titjib fil-kompetittività, ix-xogħol u l-innovazzjoni f’ħafna setturi industrijali fl-UE;
5. Jenfasizza li d-drittijiet tal-awtur huma effettivi biss daqs il-miżuri ta’ infurzar biex jipproteġuhom u li sabiex jiġi żgurat settur kreattiv li jirnexxi u innovattiv, l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur għandu jkun robust;
6. Jindika li l-eżistenza tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati, intrinsikament timplika t-territorjalità; jenfasizza li m’hemmx kontradizzjoni bejn dak il-prinċipju u l-miżuri li jiżguraw il-portabbiltà tal-kontenut;
7. Jenfasizza li kull reviżjoni tad-Direttiva 2001/29/KE għandha tkompli tissalvagwardja l-prinċipju ta’ remunerazzjoni ġusta għad-detenturi tad-drittijiet; jitlob li jiġi affermat mill-ġdid il-prinċipju tat-territorjalità, li jippermetti lil kull Stat Membru jissalvagwardja l-prinċipju tar-remunerazzjoni ġusta fil-qafas tal-politika kulturali tiegħu stess;
8. Jinnota li l-firxa ta’ xogħlijiet disponibbli legalment lill-utenti żdiedet mindu ġiet implimentata d-Direttiva 2001/29/KE; jinnota wkoll li l-aċċess transkonfinali għad-diversità tal-użi li l-progress teknoloġiku joffri lill-konsumaturi jista’ jitlob titjib ibbażat fuq l-evidenza fil-qafas ġuridiku attwali sabiex tiġi żviluppata aktar l-offerta legali tal-kontenut kulturali u kreattiv diversifikat onlajn li jippermetti aċċess għad-diversità kulturali Ewropea;
9. Ifakkar li l-konsumaturi spiss jiġu miċħuda l-aċċess għal ċerti servizzi li jipprovdu kontenut minħabba raġunijiet ġeografiċi, li jmur kontra l-objettiv tad-Direttiva 2001/29/KE li timplimenta l-erba' libertajiet tas-suq intern; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet adegwati għal aċċessibilità transfruntiera aħjar ta’ servizzi u ta’ kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur għall-konsumaturi;
10. Jikkunsidra li jistgħu jinsiltu tagħlimiet għal tipi oħra ta’ kontenut mill-approċċ meħud fid-Direttiva 2014/26/UE dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur, iżda li l-kwistjonijiet dwar il-portabilità u l-imblukkar ġeografiku ma jistgħux jiġu solvuti permezz ta’ soluzzjoni komprensiva waħda imma jistgħu jeħtieġu diversi interventi differenti, kemm regolatorji u kemm immexxija mis-suq;
11. Jenfasizza li l-produzzjoni kreattiva tal-UE hija waħda mill-aktar riżorsi ta’ valur tagħha, u li dawk li jixtiequ jgawdu minnha għandhom ikunu kapaċi jħallsu biex jagħmlu dan, anki meta din tinbiegħ biss fi Stat Membru ieħor;
12. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-liċenzjar multiterritorjali, kif previst fid-Direttiva 2014/26/UE dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur, jikkostitwixxi għażla fil-każ għax-xandara jkunu jridu jkopru t-territorju Ewropew kollu;
13. Jindika li l-finanzjament, il-produzzjoni u l-koproduzzjoni ta’ films u kontenut televiżiv jiddependu prinċipalment fuq liċenzji territorjali esklużivi mogħtija lid-distributuri lokali fuq firxa ta’ pjattaformi, li jirriflettu l-ispeċifiċitajiet kulturali tas-swieq Ewropej differenti; jenfasizza li minħabba dan, l-abilità, fil-qafas tal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali, li wieħed jagħżel il-livell ta’ kopertura territorjali u t-tip ta’ pjattaforma ta’ distribuzzjoni, tħeġġeġ l-investiment fil-films u l-kontenut televiżiv u tippromwovi d-diversità kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li qabel kull inizjattiva dwar il-modernizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ikun hemm studju wiesa’ tal-impatt mistenni tagħha fuq il-produzzjoni, il-finanzjament u d-distribuzzjoni ta’ films u kontenut televiżiv, kif ukoll fuq id-diversità kulturali;
14. Jenfasizza li l-prattiki tal-imblukkar ġeografiku tal-industrija m’għandhomx jipprevjenu lill-minoranzi kulturali li jgħixu fl-Istati Membri tal-UE milli jaċċessaw kontenut jew servizzi eżistenti fil-lingwa tagħhom li huma b’xejn jew bi ħlas;
15. Jappoġġja l-inizjattivi mmirati lejn it-tisħiħ tal-portabbiltà, fi ħdan l-UE, ta’ servizzi onlajn ta’ kontenut akkwistat u disponibbli legalment, filwaqt illi jiġu rrispettati b’mod sħiħ id-drittijiet tal-awtur u l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet;
16. Ifakkar li s-swieq kulturali Ewropej huma naturalment eteroġeni minħabba d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea; jinnota li din id-diversità għandha titqies bħala benefiċċju aktar milli ostaklu għas-suq uniku;
17. Jieħu nota tal-importanza tal-liċenzji territorjali fl-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-produzzjoni awdjoviżiva u tal-films li hija bbażata primarjament fuq sistemi ta’ xiri minn qabel jew finanzjament minn qabel tax-xandara;
18. Jinnota bi tħassib il-multiplikazzjoni tas-servizzi illegali onlajn u ż-żieda fil-piraterija u, b’mod iktar ġenerali, il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, xejra li tirrappreżenta theddida serja għall-ekonomiji tal-Istati Membri u għall-kreattività tal-UE;
19. Jenfasizza li kwalunkwe riforma tal-qafas tad-drittijiet tal-awtur għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, hekk kif id-drittijiet huma kruċjali għall-ħolqien intellettwali u jipprovdu bażi ġuridika stabbli, ċara u flessibbli li trawwem l-investiment u t-tkabbir fis-settur kreattiv u kulturali, filwaqt li tneħħi l-inċertezzi ġuridiċi u l-inkonsistenzi li jaffettwaw b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq intern;
20. Flimkien mal-kompitu importanti li jkun hemm espansjoni tal-istrutturi funzjonanti għas-suq uniku diġitali, jenfasizza li hemm bżonn li jittieħdu wkoll passi sabiex ikun żgurat li s-suq uniku analogu jkompli jiffunzjona b’mod adegwat;
21. Jindika li l-industriji intensivi fid-drittijiet tal-awtur jimpjegaw iktar minn seba’ miljun persuna fl-UE; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura li qabel kull inizjattiva leġiżlattiva għall-modernizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur ikun hemm valutazzjoni tal-impatt ex-ante sħiħa tal-effetti tagħha fuq it-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll tal-ispejjeż u l-vantaġġi potenzjali iġġenerati minnha, u dan skont il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar;
22. Jenfasizza li kull reviżjoni futura tal-liġi tad-drittijiet tal-awtur tal-UE għandha tkun immirata tajjeb u bbażata fuq data konvinċenti, bil-għan li jitkompla l-iżvilupp tas-setturi kreattivi kreattivi Ewropej;
23. Jirrikonoxxi li l-attivitajiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur kummerċjali joħolqu theddida serja għall-funzjonament tas-suq uniku diġitali u għall-iżvilupp tal-offerta legali ta’ kontenut kulturali u kreattiv diversifikat onlajn;
24. Iqis li huwa indispensabbli li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-awturi u l-kreaturi u li titjieb ir-remunerazzjoni tagħhom fir-rigward tad-distribuzzjoni diġitali u l-isfruttament tax-xogħlijiet tagħhom;
Drittijiet esklussivi
25. Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-awturi u l-artisti interpreti jiġu pprovduti bi protezzjoni ġuridika għax-xogħlijiet kreattivi u artistiċi tagħhom; jirrikonoxxi li t-tixrid tal-kultura u l-għarfien huwa fl-interess pubbliku; jirrikonoxxi r-rwol tal-produtturi u l-pubblikaturi fl-introduzzjoni tax-xogħlijiet fis-suq, u l-ħtieġa għal remunerazzjoni ġusta u xierqa għall-kategoriji kollha ta' detenturi tad-drittijiet; jitlob li tittejjeb il-pożizzjoni kuntrattwali tal-awturi u l-artisti interpreti meta mqabbla ma’ detenturi tad-drittijiet u intermedjarji oħra, b’mod partikolari billi jiġi kkunsidrat perjodu raġonevoli għall-użu ta’ drittijiet trasferiti minn awturi lil partijiet terzi, li malli jgħaddi jiskadu dawn id-drittijiet, u dan minħabba li l-iskambji kuntrattwali jistgħu jiġu kkaratterizzati minn żbilanċ ta’ poter; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tal-libertà kuntrattwali;
26. Jinnota li protezzjoni proporzjonata ta’ xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur u ta’ materjal protett ieħor huwa ta’ importanza kbira, anke mil-lat kulturali, u li skont l-Artikolu 167 TFUE, l-Unjoni fl-attività tagħha għandha tieħu kont tal-aspetti kulturali;
27. Jenfasizza li l-awturi u l-artisti interpreti għandhom jingħataw remunerazzjoni xierqa fl-ambjent diġitali bl-istess mod bħal fid-dinja analoga;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa miżuri xierqa u mmirati biex titjieb iċ-ċertezza ġuridika, f’konformità mal-objettiv tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-impatt ta’ titlu uniku Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur fuq l-impjiegi u l-innovazzjoni, fuq l-interessi tal-awturi, l-artisti interpreti u detenturi oħra tad-drittijiet, u fuq il-promozzjoni tal-aċċess tal-konsumaturi għad-diversità kulturali reġjonali;
29. Ifakkar li d-drittijiet esklużivi u l-libertà kuntrattwali huma elementi fundamentali fl-ekosistema fraġli li tipproduċi u tiffinanzja x-xogħol kreattiv, billi dawn jippermettu li jinqasmu aħjar ir-riskji, li jiġu involuti atturi differenti fi ħdan proġetti konġunti għall-benefiċċju ta’ pubbliku kulturalment diversifikat, u jappoġġjaw l-inċentiv għal investiment fil-produzzjoni ta’ kontenut professjonali;
30. Jirrakkomanda li l-leġiżlatur tal-UE għandu jikkunsidra, sabiex jipproteġi l-interess pubbliku filwaqt li jipproteġi d-data personali, kif jista’ jnaqqas ulterjorment l-ostakli għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku; jinnota li tali aġġustament tal-leġiżlazzjoni għandu jsir b’kunsiderazzjoni xierqa tad-Direttiva 2013/37/UE, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema tad-drittijiet tal-awtur u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja b’mod effettiv ix-xogħlijiet ta’ dominju pubbliku li, skont id-definizzjoni tagħhom stess, mhumiex suġġetti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur; iħeġġeġ għaldaqstant lill-Kummissjoni tiċċara li ladarba x-xogħol ikun ta’ dominju pubbliku, kull diġitalizzazzjoni tax-xogħol li ma tikkostitwix xogħol trasformattiv ġdid, tibqa’ ta’ dominju pubbliku; jistieden ukoll lill-Kummissjoni teżamina jekk id-detenturi tad-drittijiet jistgħux jingħataw id-dritt li jiddedikaw ix-xogħlijiet tagħhom lid-dominju pubbliku, kollha kemm huma jew parti minnhom;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tarmonizza l-perjodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, filwaqt li toqgħod lura milli testendi ulterjorment dan il-perjodu ta’ protezzjoni, skont l-istandards internazzjonali stabbiliti fil-Konvenzjoni ta’ Berna; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffinalizzaw it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttivi 2006/116/KE u 2011/77/UE b’mod razzjonalizzat;
Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet
33. Jistieden lil-leġiżlatur tal-UE jibqa’ leali lejn l-objettiv imsemmi fid-Direttiva 2001/29/KE, jiġifieri li jagħti protezzjoni adegwata lid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati bħala wieħed mill-modi ewlenin tal-iżgurar tal-kreattività kulturali Ewropea, u jissalvagwardja bilanċ ġust bejn kategoriji differenti ta’ detenturi tad-drittijiet u utenti ta’ suġġetti protetti, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi tad-drittijiet; jenfasizza wkoll li kull bidla leġiżlattiva f’dan il-qasam għandha tiggarantixxi l-aċċess tal-persuni b’diżabilità għal xogħlijiet u servizzi protetti bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fi kwalunkwe format;
34. Jissottolinja li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jikkostitwixxu l-qafas ġuridiku għall-industriji kulturali u kreattivi Ewropej, kif ukoll għas-setturi tal-edukazzjoni u tar-riċerka u għas-settur li jibbenefika minn eċċezzjonijiet għal dawn id-drittijiet u limitazzjonijiet fuqhom u jiffurmaw il-bażi għall-attività u l-impjiegi tagħhom;
35. Jinnota li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għandhom ikunu applikati b’tali mod li jittieħed kont tar-raġuni għalfejn tfasslu u l-karatteristiċi rispettivi partikolari tal-ambjenti analogi u diġitali, filwaqt li jinżamm il-bilanċ bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u l-interessi tal-pubbliku; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li jiġu riveduti għadd ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti sabiex jiġu adattati aħjar għall-ambjent diġitali, b’kont meħud tal-iżviluppi li għaddejjin fl-ambjent diġitali u l-bżonn ta’ kompetittività;
36. Jenfasizza l-importanza li l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità; jinnota f’dan ir-rigward il-konklużjoni tat-Trattat ta’ Marrakexx li se jiffaċilita l-aċċess għall-kotba għal dawk b’diżabilità fil-vista, u jħeġġeġ ir-ratifika rapida tiegħu mingħajr ma r-ratifika tkun tiddependi mir-reviżjoni tal-qafas ġuridiku tal-UE; jemmen li t-Trattat huwa pass tajjeb ’il quddiem, iżda li għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir sabiex jinfetaħ l-aċċess għall-kontenut għall-persuni b’diżabbiltajiet differenti;
37. Jinnota l-importanza tad-diversità kulturali Ewropea, u jinnota li d-differenzi fost l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-eċċezzjonijiet jistgħu jkunu ta’ sfida għall-funzjonament tas-suq intern fid-dawl tal-iżvilupp ta’ attivitajiet transkonfinali u l-kompetittività globali u l-innovazzjoni tal-UE, u jistgħu jwasslu wkoll għal inċertezza ġuridika għall-awturi u l-utenti; iqis li xi eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet jistgħu għalhekk jibbenefikaw minn regoli aktar komuni; jirrimarka, madankollu, li d-differenzi jista’ jkunu ġustifikati biex jippermettu lill-Istati Membri jilleġiżlaw skont l-interessi ekonomiċi u kulturali speċifiċi tagħhom, u f’konformità mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u sussidjarjetà;
38. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-applikazzjoni tal-istandards minimi fl-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet, u tkompli tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet imsemmija fid-Direttiva 2001/29/KE u aċċess ugwali għad-diversità kulturali minn fruntiera għal oħra fi ħdan is-suq intern, u ttejjeb iċ-ċertezza ġuridika;
39. Iqis li huwa meħtieġ li jissaħħu l-eċċezzjonijiet għall-istituzzjonijiet taʼ interess pubbliku, bħal-libreriji, il-mużewijiet u l-arkivji, bil-għan li jiġi promoss aċċess wiesa’ għall-wirt kulturali, anke permezz taʼ pjattaformi onlajn;
40. Jistieden lill-Kummissjoni tqis bi prudenza l-possibilità li tagħmel ċerti eċċezzjonijiet obbligatorji meta l-għan ikun il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u partikolarment il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jew il-protezzjoni tal-libertà tal-istampa; ifakkar f’dan il-kuntest li għal dawn l-eċċezzjonijiet għandu jkun previst kumpens ġust;
41. Ifakkar fl-importanza tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-industriji kulturali u kreattivi għal dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ impjiegi u t-tkabbir fl-UE; jenfasizza li l-maġġoranza tal-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi jisfruttaw il-flessibilità tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur sabiex jipproduċu xogħlijiet kulturali u kreattivi, jinvestu fihom u jxerrduhom, iżda wkoll sabiex jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi li jippermettu lill-utenti jkollhom aċċess għal xogħlijiet kreattivi onlajn adattati għall-preferenzi u l-ispeċifiċitajiet tas-swieq lokali;
42. Jinnota b’interess l-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ użu ta’ xogħlijiet fuq netwerks diġitali, b’mod partikolari użi trasformattivi, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu eżaminati soluzzjonijiet li jirrikonċiljaw il-protezzjoni effiċjenti li tipprevedi remunerazzjoni xierqa u kumpens ġust għall-kreaturi mal-interess pubbliku għall-aċċess għal prodotti kulturali u l-għarfien;
43. Jenfasizza li, meta tkun diġà tapplika eċċezzjoni jew limitazzjoni, l-użi ġodda ta’ kontenut li huma possibbli permezz ta’ żviluppi teknoloġiċi jew użi ġodda tat-teknoloġija għandhom ikunu, sa fejn hu possibbli, interpretati skont eċċezzjoni jew limitazzjoni eżistenti, sakemm l-użu l-ġdid ikun simili għal dak eżistenti, biex b’hekk titjieb iċ-ċertezza ġuridika – dan ikun suġġett għal test fi tliet fażijiet; jirrikonoxxi li tali flessibilità fl-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet tista’ tippermetti l-adattament tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet inkwistjoni għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-ħtiġijiet soċjali differenti;
44. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati n-newtralità teknoloġika u l-kompatibilità futura tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet billi jitqiesu kif xieraq l-effetti tal-konverġenza tal-midja, filwaqt li jiġi sodisfatt l-interess tal-pubbliku billi jitrawmu inċentivi biex jinħolqu, jiġu ffinanzjati u distribwiti xogħlijiet ġodda u biex dawk ix-xogħlijiet isiru disponibbli għall-pubbliku f’modi ġodda, innovattivi u konvinċenti;
45. Jissuġġerixxi rieżami tar-responsabilità tal-fornituri u l-intermedjarji tas-servizzi sabiex jiċċara l-istatus ġuridiku u r-responsabilità tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur, jiggarantixxi li tiġi eżerċitata diliġenza dovuta matul il-proċess kreattiv u l-katina tal-provvista, u jiżgura remunerazzjoni ġusta għall-kreaturi u d-detenturi tad-drittijiet fi ħdan l-UE;
46. Iqis li l-użu kummerċjali tar-ritratti, filmati jew stampi oħra ta’ xogħlijiet li jinsabu b’mod permanenti f’postijiet pubbliċi fiżiċi għandhom ikunu dejjem suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel tal-awturi jew ta’ kull rappreżentant li jaġixxi għalihom;
47. Isostni li l-iżvilupp tas-suq diġitali huwa impossibbli mingħajr l-iżvilupp parallel tal-industriji kulturali u kreattivi;
48. Jenfasizza l-importanza tal-eċċezzjoni għall-karikaturi, parodiji u pastiċċ bħala fattur għall-vitalità tad-dibattitu demokratiku; jemmen li l-eċċezzjoni għandha ssib bilanċ bejn l-interessi u d-drittijiet tal-kreaturi u l-karattri oriġinali u l-libertà ta’ espressjoni tal-utenti ta’ xogħol protett li qed jiddependi fuq l-eċċezzjoni għall-karikaturi, parodiji jew pastiċċ;
49. Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-permess ta’ tekniki analitiċi awtomatizzati għat-test u d-data (pereżempju ‘l-estrazzjoni ta’ test u data’ jew ‘l-estrazzjoni ta’ kontenut’) għal skopijiet ta’ riċerka jiġi vvalutat b’mod adegwat, dejjem jekk ikun inkiseb il-permess li jinqara x-xogħol;
50. Isostni li l-iżvilupp tas-suq diġitali huwa marbut mill-qrib mal-iżvilupp tal-industriji kreattivi u kulturali, billi dan huwa l-uniku mod kif tista’ tinkiseb prosperità permanenti, u li dawn għandhom jimxu id f’id;
51. Jinnota li d-dritt għal proprjetà privata huwa wieħed mill-pedamenti tas-soċjetà moderna; jinnota wkoll li l-faċilitazzjoni tal-aċċess għal materjal edukattiv u oġġetti kulturali hija ta’ importanza estrema għall-iżvilupp tas-soċjetà bbażata fuq l-għarfien u li dan għandu jiġi kkunsidrat mil-leġiżlaturi;
52. Jitlob li jkun hemm eċċezzjoni għal skopijiet ta’ riċerka u edukazzjoni, li m’għandhiex tkopri biss stabbilimenti edukattivi iżda wkoll attivitajiet edukattivi jew ta’ riċerka akkreditati, inklużi attivitajiet onlajn u transfruntiera, marbuta ma’ stabbiliment edukattiv jew istituzzjoni rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti, jew leġiżlazzjoni, jew fl-ambitu ta’ programm edukattiv;
53. Jenfasizza li kwalunkwe eċċezzjoni jew limitazzjoni ġdida introdotta fis-sistema ġuridika tad-drittijiet tal-awtur tal-UE teħtieġ li tiġi ġġustifikata kif suppost minn analiżi ekonomika u ġuridika oġġettiva u soda;
54. Jirrikonoxxi l-importanza tal-libreriji għal aċċess għall-għarfien u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-adozzjoni ta’ eċċezzjoni li tippermetti lil-libreriji pubbliċi u tar-riċerka jisilfu legalment xogħlijiet lill-pubbliku f’formati diġitali għall-użu personali, għal perjodu limitat, permezz tal-internet jew in-netwerks tal-libreriji, u dan b’tali mod li d-dmir li għandhom fl-interess pubbliku li jxerrdu l-għarfien ikun jista’ jiġi ssodisfat b’mod effettiv u aġġornat; jirrakkomanda li l-awturi għandhom jiġu kkumpensati b’mod ġust għal self elettroniku bl-istess mod bħal fil-każ ta’ self ta’ kotba fiżiċi skont ir-restrizzjonijiet territorjali nazzjonali;
55. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-adozzjoni ta’ eċċezzjoni li tippermetti lil-libreriji jiddiġitalizzaw il-kontenut għall-finijiet ta’ konsultazzjoni, ġbir f’katalogi u arkivjar;
56. Jenfasizza l-importanza li jiġu meqjusa l-konklużjonijiet ta’ diversi esperimenti li qed jitwettqu mill-industrija tal-kotba biex jiġu stabbiliti mudelli tan-negozju ġusti, bilanċjati u vijabbli;
57. Jinnota li f’xi Stati Membri ġew introdotti liċenzji statutorji mmirati lejn skemi ta’ kumpens; jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li atti li huma permissibbli taħt eċċezzjoni jibqgħu hekk; ifakkar li l-kumpens għat-twettiq ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandu jitqies biss f’każijiet fejn l-atti meqjusa li jaqgħu taħt eċċezzjoni huma ta’ dannu għad-detentur tad-drittijiet; jistieden ukoll lill-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali jwettaq valutazzjoni xjentifika sħiħa ta’ dawn il-miżuri tal-Istati Membri u l-effett tagħhom fuq kull parti interessata affettwata;
58. Ifakkar fl-importanza tal-eċċezzjoni tal-ikkupjar privat li tista’ ma tkunx teknikament limitata, flimkien ma’ kumpens ġust tal-kreaturi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza, abbażi ta’ evidenza xjentifika, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-27 ta’ Frar 2014 dwar l-imposti fuq l-ikkupjar privat[18] u r-riżultati ta’ proċess ta’ medjazzjoni l-aktar reċenti mwettaq mill-Kummissjoni[19], il-vijabbiltà tal-miżuri eżistenti għall-kumpens ġust tad-detenturi tad-drittijiet fir-rigward ta’ riproduzzjonijiet li jkunu saru minn persuni naturali għall-użu privat, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda miżuri ta’ trasparenza;
59. Jinnota li d-dritt li jsiru imposti fuq l-ikkuppjar privat għandu jkun irregolat bʼtali mod li jinforma liċ-ċittadini dwar l-ammont reali tal-imposta, l-għan tagħha u l-mod kif se tintuża;
60. Jisħaq li l-imposti diġitali għandhom isiru aktar trasparenti u jiġu ottimizzati sabiex jissalvagwardjaw id-detenturi tad-drittijiet u d-drittijiet tal-konsumatur u billi titqies id-Direttiva 2014/26/UE dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern;
61. Jisħaq fuq l-importanza li r-reġim tad-drittijiet tal-awtur ikun aktar ċar u trasparenti għall-utenti tad-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kontenut iġġenerat mill-utent u imposti fuq id-drittijiet tal-awtur, biex b’hekk titrawwem il-kreattività, u l-iżvilupp ulterjuri ta’ pjattaformi onlajn, u tiġi żgurata remunerazzjoni xierqa tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur;
62. Jinnota l-importanza tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/29/KE u jisħaq fuq il-fatt li l-eżerċizzju effikaċi tal-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet, u l-aċċess għal kontenut li mhuwiex soġġett għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, m’għandux jiġi rrinunzjat minn kuntratt jew termini kuntrattwali;
63. Jistieden lid-distributuri jippubblikaw l-informazzjoni disponibbli kollha relatata mal-miżuri teknoloġiċi neċessarji sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-kontenut tagħhom;
64. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa aktar interoperabbiltà, b’mod partikolari għas-softwer u t-terminals, peress li n-nuqqas ta’ interoperabbiltà tfixkel l-innovazzjoni, tnaqqas il-kompetizzjoni u tagħmel ħsara lill-konsumatur; jemmen li n-nuqqas ta’ interoperabbiltà jwassal għal pożizzjoni dominanti tas-suq ta’ prodott jew servizz partikolari wieħed, bir-riżultat li tiġi mxekkla l-kompetizzjoni u tiġi limitata l-għażla tal-konsumatur fl-UE;
65. Jindika li r-rata mgħaġġla ta’ żvilupp teknoloġiku fis-suq diġitali titlob qafas leġiżlattiv teknoloġikament newtrali għad-drittijiet tal-awtur;
66. Jirrikonoxxi r-rwol ta’ infurzar proporzjonat u effettiv fl-appoġġ tal-kreaturi, id-detenturi tad-drittijiet u l-konsumaturi;
67. Jistieden lill-Kummissjoni u lil-leġiżlatura tal-UE jirriflettu dwar soluzzjonijiet għall-ispostament tal-valur mill-kontenut lejn is-servizzi; jinsisti dwar il-bżonn li tiġi aġġustata d-definizzjoni tal-istatus ta’ intermedjarju fl-ambjent diġitali attwali;
68. Jenfasizza li l-konsumaturi spiss jiffaċċjaw diversi limitazzjonijiet u l-kunċett ta’ drittijiet tal-konsumatur fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur huwa ħafna drabi assenti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effikaċja tal-liġi attwali tad-drittijiet tal-awtur mill-perspettiva tal-konsumaturi u tiżviluppa sett ta’ drittijiet tal-konsumaturi ċari u komprensivi;
o
o o
69. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.
- [2] ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72.
- [3] ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1.
- [4] ĠU L 299, 27.10.2012, p. 5.
- [5] ĠU L 372, 27.12.2006, p. 12.
- [6] ĠU L 265, 11.10.2011, p. 1.
- [7] ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15.
- [8] ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45.
- [9] ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28.
- [10] ĠU L 346, 27.11.1992, p. 61.
- [11] ĠU L 272, 13.10.2001, p. 32.
- [12] Testi adottati, P7_TA(2014)0179.
- [13] Testi adottati, P7_TA(2013)0368.
- [14] ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 64.
- [15] ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 48.
- [16] ĠU C 249 E, 30.8.2013, p. 49.
- [17] Kummissjoni Ewropea, DĠ Suq Intern u Servizzi, Rapport dwar ir-rispons għall-Konsultazzjoni Pubblika rigward ir-Rieżami tar-Regoli tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Awtur, Lulju 2014.
- [18] Testi adottati, P7_TA(2014)0179.
- [19] Rakkomandazzjonijiet ta' António Vitorino tal-31 ta' Jannar 2013, li tnisslu mill-aktar proċess ta' medjazzjoni reċenti mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-imposti fuq l-ikkuppjar privat u r-reprografija.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (20.4.2015)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni
(2014/2256(INI))
Rapporteur għal opinjoni: José Blanco López
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jinnota l-importanza tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea, li tipprovdi opportunitajiet pjuttost milli ostakli għas-suq uniku, u jenfasizza li l-industriji kulturali u kreattivi Ewropej huma mutur għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE, peress li jħaddmu aktar minn 7 miljun persuna u jiġġeneraw aktar minn 4.2 % tal-PDG tal-UE; jenfasizza li l-industriji kulturali u kreattivi komplew joħolqu l-impjiegi matul il-kriżi ekonomika tal-2008-2012 u kellhom rwol importanti fiż-żieda tal-kompetittività tal-Unjoni; jenfasizza l-fatt li nħolqu mudelli ġodda ta' negozju u servizzi innovattivi fil-kuntest onlajn;
2. Jenfasizza li l-kontenut kulturali u kreattiv onlajn huwa mutur ewlieni għall-iżvilupp tas-soċjetà informatika, tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-investimenti fl-infrastruttura u s-servizzi diġitali, u li għalhekk irawwem l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-kreattività;
3. Jissottolinja li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jikkostitwixxu l-qafas legali għall-industriji kulturali u kreattivi Ewropej (CCIs) u jiffurmaw il-bażi għall-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw l-attività ekonomika, il-kompetittività, l-impjiegi, il-kreattività u l-innovazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li l-produttività tas-settur qed tkompli tikber, u jenfasizza li s-sistema fframmentata u skaduta attwali qed tfixkel l-iżvilupp u l-funzjonament sħiħ tas-suq uniku diġitali Ewropew;
4. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-interess kbir muri, kif ukoll il-kontributi magħmula miċ-ċittadini tal-UE, fis-sessjoni tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar ir-rieżami tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur;
5. Jissottolinja li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għandhom jikkostitwixxu qafas legali bbilanċjat għall-industriji kulturali u kreattivi Ewropej biex jiġġeneraw attività ekonomika u impjiegi; jenfasizza, madankollu, li s-sistema ta’ imposti fframmentata u skaduta attwali toħloq problemi kbar għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali Ewropew u, għaldaqstant, hija theddida għat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku;
6. Jissottolinja li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jikkostitwixxu l-qafas legali għas-settur tas-CCI Ewropew u jiffurmaw il-bażi għall-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw l-attività ekonomika u l-impjiegi; jenfasizza li, waqt li l-produttività tas-settur tas-CCI qed tkompli tikber, il-qligħ tad-detenturi tad-drittijiet fis-settur qed jonqos;
7. Jissottolinja li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jikkostitwixxu l-qafas legali għall-industriji kulturali u kreattivi Ewropej, kif ukoll għas-setturi tal-edukazzjoni u tar-riċerka u għas-settur li jibbenefika minn eċċezzjonijiet għal dawn id-drittijiet u limitazzjonijiet fuqhom u jiffurmaw il-bażi għall-attività u l-impjiegi tagħhom;
8. Jenfasizza li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati huma d-drittijiet li fuqhom huma mibnija l-industriji kreattivi kollha u l-katina tal-valur assoċjata magħhom; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tappoġġja u tipproteġi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-kreaturi sabiex l-industriji kreattivi fl-Ewropa jkunu jistgħu jimxu 'l quddiem;
9. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tiżviluppa ulterjorment l-aġenda diġitali tal-UE, inkluż l-objettiv tal-modernizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi rieżaminata d-Direttiva 2001/29/KE sabiex jiġi żgurat ħlas xieraq għall-awturi, l-artisti, u detenturi oħra tad-drittijiet tal-awtur u protezzjoni xierqa ta’ dawn id-drittijiet, kif ukoll bilanċ ġust fl-ekonomija kulturali Ewropea bejn il-partijiet kollha involuti (l-SMEs, il-konsumaturi, l-utenti, il-kreaturi u d-detenturi tad-drittijiet) f’era diġitali li timplika ambjent teknoloġiku li qed jinbidel u li qed jevolvi b’mod kostanti u li jwassal għal bidliet fl-imġiba tal-utenti, flimkien ma’ sfidi u opportunitajiet; iqis li dan ir-rieżami għandu jipprovdi ċ-ċarezza, l-istabbiltà u ċ-ċertezza ġuridiċi neċessarji, kif ukoll il-flessibilità meħtieġa biex jitrawmu l-investiment u t-tkabbir fis-settur kreattiv u kulturali filwaqt li jitneħħew l-inċertezzi u l-inkonsistenzi ġuridiċi li jaffettwaw b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq uniku diġitali; jitlob ukoll impenn qawwi fuq il-prinċipju ta’ ftuħ mill-ġdid, mill-aktar fis possibbli, fl-interess tal-konsistenza, tad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku; jemmen li wieħed mill-għanijiet ewlenin ta' dan ir-rieżami għandu jkun il-modernizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur sabiex jiffaċilita l-aċċess transfruntier għas-servizzi u l-kontenut, waqt li jippreserva livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u jiffavorixxi l-iżvilupp u d-diversità kulturali;
10. Jissottolinja li l-modernizzazzjoni tar-regoli eżistenti dwar id-drittijiet tal-awtur hija parti integrali mill-ekonomija diġitali;
11. Jenfasizza li l-innovazzjoni fil-kreattività u l-avvanzi teknoloġiċi jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-ħajja tal-persuni billi jippermettu li gruppi differenti jikkomunikaw b’mod kreattiv u jaħdmu f’kollaborazzjoni, u b’hekk it-tnejn li huma jtejbu l-ħiliet eżistenti tal-persuni kreattivi u joħolqu valur miżjud; iqis li dan jikkontribwixxi għal titjib fil-kompetittività, l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-Ewropa;
12. Jirrikonoxxi li l-attivitajiet ta' ksur tad-drittijiet tal-awtur kummerċjali joħolqu theddida serja għall-funzjonament tas-suq uniku diġitali u għall-iżvilupp tal-offerta legali ta’ kontenut kulturali u kreattiv diversifikat onlajn;
13. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-mekkaniżmi differenti ta’ kkupjar privat fl-Ewropa, billi tikkunsidra l-effikaċja u t-trasparenza tal-imposti u t-tibdil fl-użu tal-ikkupjar privat; iqis li l-Kummissjoni għandha tindirizza d-diverġenzi tal-mekkaniżmi ta’ kkupjar privat biex tiżgura l-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi fis-suq intern u r-remunerazzjoni ġusta tal-kontenut kreattiv u kulturali u tiffaċilita l-iżvilupp ta’ mudelli ta’ negozju ġodda u innovattivi;
14. Jenfasizza li riforma tal-acquis tad-drittijiet tal-awtur tal-UE għandha tkompli ssaħħaħ l-industriji kulturali u kreattivi tal-Ewropa billi ttejjeb iċ-ċertezza ġuridika fl-isfera diġitali għall-partijiet involuti kollha, inklużi d-detenturi tad-drittijiet, in-negozji u l-utenti, u billi tistabbilixxi inċentivi għal skemi innovattivi ta’ liċenzjar onlajn u mudelli ġodda ta’ negozju għad-distribuzzjoni onlajn tal-kontenut, biex b’hekk is-settur jibbenefika mir-rivoluzzjoni diġitali filwaqt li tiġi salvagwardjata katina ta’ valur bilanċjata;
15. Ifakkar li l-eċċezzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur u l-limitazzjonijiet tagħhom huma aspett ewlieni fis-sistema tad-drittijiet tal-awtur u li l-istituzzjonijiet li jserrħu fuq tali eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet jiġġeneraw kontribut notevoli għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, u l-ħolqien ta’ impjiegi fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas armonizzat għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet sabiex tindirizza s-suq frammentat, ittejjeb is-sigurtà legali u trawwem l-aċċessibbiltà transfruntiera tal-kontenut tad-drittijiet tal-awtur, sabiex tippermetti aċċess ugwali għad-diversità kulturali fl-UE u tilħaq l-aspettattivi tal-konsumaturi; ifakkar li meta l-Istati Membri jipprevedu eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, huma għandhom jiżguraw li l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġetti oħra u ma jippreġudikawx mingħajr raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet; jitlob valutazzjoni mill-ġdid tal-eċċezzjonijiet għal skopijiet ta’ riċerka u edukazzjoni, li għandha tkopri attivitajiet edukattivi u ta’ riċerka marbutin ma’ stabbiliment jew istituzzjoni edukattivi rikonoxxuti mill-awtoritajiet jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ programm edukattiv jew ta’ riċerka; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib modi kif il-libreriji pubbliċi u ta’ riċerka jistgħu jsellfu l-kotba lill-pubbliku f’forom diġitali għall-użu personali, irrispettivament mill-post ta’ aċċess u jiżguraw remunerazzjoni ġusta lid-detenturi tad-drittijiet;
16. Jitlob l-adozzjoni ta' eċċezzjoni obbligatorja li tippermetti lil-libreriji pubbliċi u ta' riċerka jsellfu kotba lill-pubbliku f’forma diġitali għall-użu personali, irrispettivament mill-post tal-aċċess;
17. Jirrikonoxxi li adattament xieraq tad-Direttiva 2001/29/KE għall-era diġitali jista’ joħloq mudelli ġodda ta’ intraprenditorija u negozju, u b’hekk irawwem l-innovazzjoni u l-impjieg;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tqassar b’mod sinifikanti t-tul tat-termini armonizzati ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fi ħdan il-qafas ta’ aġenda ta’ politika kummerċjali moderna;
19. Jissottolinja l-importanza tal-libertà kuntrattwali għad-detenturi tad-drittijiet kollha, li għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw u jittrasferixxu b’mod liberu d-drittijiet tagħhom; iqis li hemm bżonn li jiġi żviluppat qafas legali li jkun ibbażat fuq l-evidenza, b'kunsiderazzjoni tal-esperjenza tal-partijiet interessati rilevanti kollha, waqt li tissaħħaħ ukoll il-pożizzjoni negozjattiva u kuntrattwali tal-kreaturi kollha fir-rigward ta’ detenturi ta’ drittijiet u intermedjarji oħra;
20. Jissuġġerixxi rieżami tar-responsabilità tal-fornituri u l-intermedjarji tas-servizzi sabiex jiċċara l-istat legali u r-responsabilità tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-awtur, jiggarantixxi li tiġi eżerċitata diliġenza dovuta matul il-proċess kreattiv u l-katina tal-provvista, u jiżgura remunerazzjoni ġusta għall-kreaturi u d-drittijiet tal-awtur fi ħdan l-Unjoni;
21. Iqis li hemm bżonn, bħala parti minn riforma kumplessiva tad-drittijiet tal-awtur, li jiġu introdotti wkoll miżuri li jistgħu jżidu l-offerta u d-disponibbiltà transfruntiera tal-kontenuti diġitali, bħal pereżempju regolamenti ġodda dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku, l-approssimazzjoni tar-rati tal-VAT u l-espansjoni tan-netwerks diġitali;
22. Iqis li huwa meħtieġ li jiġi pprovdut qafas aġġornat u ċar għall-istituzzjonijiet kulturali li jippermetti li l-libreriji jwettqu self elettroniku u jippermetti li l-libreriji, l-arkivji u l-mużewijiet jagħmlu disponibbli onlajn xogħlijiet protetti li ma għadhomx fiċ-ċirkolazzjoni kummerċjali;
23. Jemmen li ċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw u jixtru kontenut onlajn minn Stat Membru ieħor, u jqis li l-prattika li tirrestrinġi l-aċċess għal kontenut onlajn minħabba l-post fejn jinsab l-utent ixekkel l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali; jilqa’ l-liċenzjar multiterritorjali tad-drittijiet fil-qafas tad-Direttiva 2014/26/UE bħala eżempju u mod ta’ kif tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq intern; iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet bilanċjati, flessibbli u mmexxija mis-suq li jgħinu biex jingħelbu l-ostakli eżistenti għall-aċċess u d-disponibbiltà transfruntiera tal-prodotti u s-servizzi filwaqt li jirrispettaw id-diversità kulturali, inkluż l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi għall-portabbiltà transfruntiera fi ħdan l-UE ta' kontenut li jkun inkiseb b’mod legali u li jkun sar disponibbli;
24. Iqis li l-prattika li jiġi ristrett l-aċċess għall-kontenut onlajn abbażi tal-post fejn jinsabu l-utenti, li jkunu ħallsu qabel biex jiksbu aċċess għal dak il-kontenut, tagħmel ħsara għall-funzjonament tan-netwerks u timpedixxi l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali;
25. Jindika li r-rata mgħaġġla tal-iżvilupp teknoloġiku u l-bidla tal-mudelli ta' negozju fis-suq diġitali titlob qafas leġiżlattiv teknoloġikament newtrali għad-drittijiet tal-awtur; jenfasizza li l-ħarsien tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jrid jiġi rispettat kemm onlajn kif ukoll offlajn, iżda jinnota wkoll li l-ambjent diġitali mhuwiex l-istess bħad-dinja analoga u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi eżaminata mill-qrib il-lista ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet u jitqies jekk humiex meħtieġa forom addizzjonali jew alternattivi ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur biex jindirizzaw din il-kwistjoni u biex jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-iżvilupp sħiħ tas-suq uniku diġitali;
26. Jieħu nota tal-importanza tal-liċenzji territorjali fl-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-produzzjonijiet awdjoviżivi u l-produzzjoni tal-films, li huma bbażati primarjament fuq sistemi ta’ xiri minn qabel jew finanzjament minn qabel tax-xandara;
27. Jenfasizza li l-imposti diġitali għandhom isiru aktar trasparenti u jiġu ottimizzati sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet u tal-konsumaturi, anke bil-kunsiderazzjoni tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern;
28. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina u tipproponi soluzzjonijiet għal tekniki analitiċi awtomatiċi għat-test u għad-data (“estrazzjoni ta’ test u ta’ data”) għal skopijiet ta’ riċerka xjentifika, speċjalment għal skopijiet mhux kummerċjali, bil-kundizzjoni li l-permess biex jinqara x-xogħol ikun inkiseb u b’kont meħud ta' għażliet bħall-mudell ta' liċenzjar, kif diġà jinsab żviluppat f’ċerti Stati Membri, maħsub biex jippermetti lir-riċerkaturi jżommu l-vantaġġ kompetittiv tal-Ewropa f’ambjent globali;
29. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa aktar interoperabbiltà, b’mod partikolari għas-softwer u t-terminals, peress li n-nuqqas ta’ interoperabbiltà tfixkel l-innovazzjoni, tnaqqas il-kompetizzjoni u tagħmel ħsara lill-konsumatur; jemmen li n-nuqqas ta’ interoperabbiltà jwassal għal pożizzjoni dominanti tas-suq ta' prodott jew servizz wieħed partikolari, bir-riżultat li tiġi mxekkla l-kompetizzjoni u tiġi limitata l-għażla tal-konsumatur fl-UE;
30. Jirrikonoxxi li t-tixrid wiesa’ tal-kopertura tal-Internet wassal għall-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ użu ta’ xogħlijiet u jitlob għal soluzzjonijet adegwati ta’ redditu għad-detenturi tad-drittijiet fl-ambjent diġitali li jiżguraw ukoll l-aċċess taċ-ċittadini għall-prodotti u l-għarfien kulturali;
31. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tar-rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, tesplora jekk miżuri biex jiġi żgurat il-kumpens ġust tad-detenturi tad-dritt fir-rigward tar-riproduzzjonijiet magħmulin minn persuni fiżiċi għal użu privat, bħall-imposti fuq l-ikkupjar privat, jikkostitwixxux soluzzjonijiet aġġornati u effiċjenti;
32. Iħeġġeġ lil-libreriji u l-arkivji biex jinvolvu ruħhom fi ftehimiet volontarji mad-detenturi tad-drittijiet, li għandhom jippermettulhom iwettqu l-missjoni pubblika tagħhom fis-soċjetà diġitali, waqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet;
33. Jenfasizza li kwalunkwe bidla leġiżlattiva f’dan il-qasam għandha tiżgura aċċessibilità għal kulħadd, u speċjalment għall-persuni b'diżabilità, għal prodotti u servizzi protetti mid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u għandha tiżgura adattament kif xieraq tal-ambjent diġitali; jirrikonoxxi li l-inabilità min-naħa tal-utenti b'diżabilità li jixtru kontenut f’format xieraq jista’ joħloq ostaklu għall-kummerċ għall-intrapriżi kif ukoll inaqqas l-eżitu kulturali u l-offerta tal-kontenut disponibbli fl-Istati Membri; b’mod partikolari, iħeġġeġ lill-UE tirratifika t-Trattat ta' Marrakech biex jiġi ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabilità fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat li jirrikjedi eċċezzjoni obbligatorja għall-użu mhux kummerċjali għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabilità, li huma relatati direttament mad-diżabilità, sal-punt meħtieġ mid-diżabilità speċifika;
34. Iqis li, peress li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur hija effikaċi daqs il-miżuri ta’ infurzar li jipproteġuha, għandha tkun robusta sabiex tiżgura li s-settur tal-industriji kulturali u kreattivi fl-Ewropa jista’ jimxi 'l quddiem u jipproteġi l-innovazzjoni;
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis l-użu li dejjem qiegħed jiżdied b'rata mgħaġġla ta' xogħlijiet kreattivi f'kontenut maħluq mill-utent u l-pjattaformi tal-midja soċjali fuq l-internet, u ttejjeb l-informazzjoni tal-utent dwar l-obbligi fir-rigward ta' kwalunkwe persuna li tipprovdi b’mod konxju hyperlinks għal kontenut jew links mhux awtorizzati li jevitaw il-ħlasijiet, meta tirrieżamina r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur; jemmen li kwalunkwe proposta ġdida għandha timmira li ssib mod kif tipproteġi lill-IPRs u lill-utenti finali filwaqt li trawwem internet dinamiku, fejn it-teknoloġija u l-aċċess għall-internet jistgħu jkomplu jippermettu li l-individwi jkunu innovattivi u kreattivi; iqis li, barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tipproponi definizzjoni ġuridika tal-kunċett ta’ “xogħlijiet ta’ dominju pubbliku’’ u tiżgura li dawn ix-xogħlijiet huma protetti kontra l-approprjazzjoni privata permezz tad-diġitizzazzjoni jew mezzi oħra;
36. Jinnota bi tħassib li l-valur iġġenerat fl-ekonomija diġitali mill-isfruttament ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur mhuwiex kondiviż b’mod ġust mad-detenturi tad-drittijiet, fost l-oħrajn minħabba r-reġim ta’ tassazzjoni tal-fornituri tas-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-limitu u l-impatt ta’ dan it-trasferiment ta’ valur lill-intermedjarji tal-internet;
37. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli d-djalogu u l-kollaborazzjoni mal-Istati Uniti, dwar l-oqfsa leġiżlattivi rispettivi tad-drittijiet tal-awtur, fi ħdan in-negozjati tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment, biex jiġu indirizzati l-ostakli potenzjali għall-aċċess għas-suq u għall-kummerċ;
38. Jistieden lill-Kummissjoni tadatta u tistandardizza l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet permessi fil-qafas regolatorju tad-dinja analoga fil-kuntest tax-xenarju ġdid irrappreżentat mill-paradigma diġitali u bʼmod partikolari mit-teknoloġiji tal-cloud computing;
39. Jemmen li għandu jsir sforz komuni fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur fl-UE sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u remunerazzjoni ġusta; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kuxjenza tal-konsumaturi dwar il-konsegwenza ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, u jħeġġeġ soluzzjoni xierqa biex jiġi żgurat li ħadd ma jagħmel profitt minn ksur tad-drittijiet tal-awtur;
40. Jiġbed l-attenzjoni għad-Direttiva 2013/37/UE tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, li tipprovdi qafas legali komuni għal suq tal-UE għal data miżmuma mill-gvern (informazzjoni tas-settur pubbliku) u li tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza u l-kompetizzjoni.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
14.4.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
47 11 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jerzy Buzek, Soledad Cabezón Ruiz, Philippe De Backer, Christian Ehler, Peter Eriksson, Fredrick Federley, Adam Gierek, Theresa Griffin, András Gyürk, Roger Helmer, Hans-Olaf Henkel, Dawid Bohdan Jackiewicz, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Janusz Lewandowski, Ernest Maragall, Edouard Martin, Csaba Molnár, Nadine Morano, Dan Nica, Aldo Patriciello, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Miloslav Ransdorf, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Neoklis Sylikiotis, Antonio Tajani, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Miguel Urbán Crespo, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Henna Virkkunen, Martina Werner, Hermann Winkler, Anna Záborská, Flavio Zanonato |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Pascal Arimont, José Blanco López, Simona Bonafè, Lefteris Christoforou, Cornelia Ernst, Eugen Freund, Michèle Rivasi, Pavel Telička, Marco Zullo |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Daniela Aiuto, Stanisław Ożóg |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (25.3.2015)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni
(2014/2256(INI))
Rapporteur: Catherine Stihler
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni għal aktar żvilupp tal-aġenda diġitali tal-UE inklużi kwistjonijiet tad-drittijiet tal-awtur, matul il-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida; jilqa' l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 sa fejn dan iwiegħed li jwassal għal Pakkett tas-Suq Uniku Diġitali li jinkludi proposta leġiżlattiva bil-għan li jiġu modernizzati r-regoli tad-drittijiet tal-awtur biex ikunu adatti għall-era diġitali;
2. Jenfasizza l-ħtieġa li jadatta l-qafas leġiżlattiv dwar id-drittijiet tal-awturbiex jiżgura remunerazzjoni xierqa u protezzjoni adegwata għad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fid-dawl ta' domandi ġodda tal-konsumaturi u l-isfidi imposti mill-ekonomija u s-soċjetà diġitali; jenfasizza wkoll li r-regoli modernizzati dwar id-drittijiet tal-awtur għandhom iħarsu bilanċ ġust bejn il-partijiet interessati kollha: il-konsumaturi, l-utenti, il-kreaturi u d-detenturi tad-drittijiet;
3. Jenfasizza li r-regolamentazzjoni komprensiva u koerenti tas-suq diġitali hija prekundizzjoni għat-tkabbir ekonomiku;
4. Jinnota li d-Direttiva 2001/29/KE (Direttiva Infosoc) ġiet adottata fl-2001 u li l-użu diġitali u provvista ta' materjal suġġett għad-drittijiet tal-awtur tbiddel u żdied bil-kbir minn dak iż-żmien; jissottolinja l-ħtieġa li l-Kummissjoni tirreaġixxi għal żviluppi teknoloġiċi u tadatta l-liġijiet attwali għall-isfidi preżenti u futuri;
5. Jissottolinja l-fatt li d-differenzi leġiżlattivi fl-Istati Membri jikkawżaw inċertezzi tad-dritt li jfixklu l-ħolqien ta' Suq Uniku Diġitali u l-aċċessibilità transfruntiera tal-kontenut tad-drittijiet tal-awtur;
6. Ifakkar li l-valur iġġenerat fl-ekonomija diġitali minn xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur għandu jitqassam b'mod ġust mad-detenturi tad-drittijiet; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta d-daqs u l-impatt ta' dan it-trasferiment tal-valur favur l-intermedjarji tekniċi diġitali;
7. Ifakkar li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għandhom rwol kruċjali għax dawn jipproteġu u jistimulaw kemm l-iżvilupp u l-kummerċ ta' prodotti u servizzi ġodda kif ukoll il-ħolqien u l-isfruttar tal-kontenut kreattiv tagħhom, u b'hekk jikkontribwixxu għat-titjib tal-kompetittività, il-ħolqien tax-xogħol u l-innovazzjoni f'ħafna setturi industrijali fl-UE, b'mod li kull armonizzazzjoni tad-drittijiet tal-awtur trid tittieħed f'livell għoli ta' protezzjoni u tirrikonoxxi t-tibdiliet fl-imġiba tal-utenti; jirrimarka li l-adattament neċessarju tad-Direttiva 2001/29/KE għall-era diġitali probabbilment jista' jiġġenera negozji u kumpanniji ġodda li jkunu sors ta' impjiegi għall-futur taż-żgħażagħ;
8. Jenfasizza li d-drittijiet tal-awtur huma effettivi biss daqs il-miżuri ta' infurzar biex jipproteġuhom u li sabiex jiġi żgurat żvilupp tas-settur kreattiv u innovattiv, l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur għandu jkun robust; jenfasizza wkoll li l-infurzar tar-regoli tad-drittijiet tal-awtur għandu jkun proporzjonat, u li kull restrizzjoni għad-drittijiet tal-utenti għandha tkun stipulata fil-liġi;
9. Jemmen li l-modernizzazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur fl-UE ma tkunx kompluta mingħajr aġġornament tad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra azzjonijiet f'din id-direzzjoni;
10. Jirrikonoxxi li l-iskop tad-drittijiet tal-awtur huwa li jipproteġi aħjar id-drittijiet tal-kategoriji kollha ta' detenturi tad-drittijiet sabiex jippermettu lid-detenturi jirċievu remunerazzjoni xierqa għall-isforzi tagħhom meta oħrajn jagħmlu użu minn xogħolhom, u b'hekk iħeġġu kreattività futura; ifakkar li, filwaqt li l-industriji kulturali u kreattivi (IKK) jimpjegaw iktar minn seba' miljun persuna u jikkontribwixxu 4.5 % tal-PDG tal-UE fis-sena, u, skont l-istudju tal-Parlament Ewropew "Cost of Non-Europe" se jinħolqu 223 000 impjieg mis-Suq Uniku Diġitali sal-2020 u li għalkemm is-servizzi, it-teknoloġiji u l-mezzi li jippermettu lill-pubbliku ġenerali jaċċessa xogħlijiet kreattivi jikber ta' kuljum, il-qligħ tad-detenturi tad-drittijiet fis-settur IKK baqa' jonqos; jenfasizza l-importanza ta' protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-awtur u l-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu sensibilizzati dwar il-konsegwenzi tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati magħhom;
11. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-pożizzjoni ta' negozjar bejn l-awturi u l-kreaturi fil-katina tal-valur fl-era diġitali;
12. Jenfasizza l-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri fuq id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jvarjaw b'mod konsiderevoli, u li l-esklużività li d-drittijiet tal-awtur jagħtu lil sidhom huwa, fil-prinċipju, limitat għall-konfini tal-Istat Membru fejn ġie konċess id-dritt; jemmen li tali restrizzjonijiet territorjali ħafna drabi jistgħu jwasslu għal frammentazzjoni tas-suq u għal diverġenzi prinċipali fl-infurzar fl-UE; ifakkar li s-suq Ewropew mhuwiex omoġenju u li s-swieq nazzjonali jevolvu b'rati differenti; ifakkar ukoll li preferenzi tal-konsumatur u t-tendenzi ta' konsum, u b'hekk il-kontenut, jikkorrispondu għal aspettattivi speċifiċi f'kull Stat Membru;
13. Jissottolinja l-importanza ta' komunikazzjoni ċara lill-konsumaturi dwar il-prestazzjonijiet tal-kontenut li qed jixtru b'konformità mad-Direttiva tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur;
14. Jemmen li għandu jsir sforz komuni fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-awtur fl-UE sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u remunerazzjoni ġusta għal awturi ta' kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur onlajn;
15. Jisħaq li l-frammentazzjoni territorjali tista' teħtieġ lill-utenti li jaspiraw li joffru servizzi ta' kontenut fl-UE li jiksbu numru ta' liċenzji; jenfasizza l-fatt li differenzi fil-limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet spiss wisq jikkreaw spejjeż legali addizzjonali u inċertezza legali, u b'hekk jimminaw l-innovazzjoni u l-investiment u jikkontribwixxu f'ċerti każijiet għall-konċentrazzjoni tas-suq; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex teżamina liema eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet fakultattivi msemmija fid-Direttiva 2001/29/KE jistgħu jsiru obbligatorji, bil-għan li tippermetti aċċess ugwali għad-diversità kulturali minn fruntiera għal oħra fi ħdan is-suq intern u bil-għan li ttejjeb iċ-ċertezza tad-dritt;
16. Ifakkar li l-konsumaturi wisq ta' spiss jiġu miċħuda l-aċċess għal ċerti servizzi li jipprovdu kontenut minħabba raġunijiet geografiċi, li jmur kontra l-objettiv tad-Direttiva 2001/29/KE li timplimenta l-erba' libertajiet tas-suq intern; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet adegwati għal aċċessibilità transfruntiera aħjar ta' servizzi u ta' kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur għall-konsumaturi;
17. Jemmen li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jixtru kontenut onlajn minn Stat Membru ieħor; jenfasizza li għandha tiġi pprovduta informazzjoni ċara lill-konsumaturi fil-mument meta jixtru liċenzja ta' kontenut diġitali, inkluż fuq il-limitazzjonijiet ġeografiċi tal-użu ta' dak il-kontenut, sakemm dawn jiġu solvuti; jenfasizza l-fatt li l-produzzjoni kreattiva tal-Ewropa hija waħda mill-iktar riżorsi sinjuri tagħha, u li dawk li jixtiequ jgawdu minnha għandhom ikunu kapaċi jħallsu biex jagħmlu dan, anki meta din tinbiegħ biss fi Stat Membru ieħor;
18. Jemmen li għalkemm hemm il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet li jistgħu jiżguraw il-portabbiltà tas-servizzi, jiġifieri meta l-konsumaturi jivvjaġġaw bejn Stati Membri differenti, huwa tal-akbar importanza li tiġi mħarsa l-għażla tal-konsumatur f'dak li jirrigwarda l-aċċess għal kontenut kulturali differenti, inkluż lingwistikament differenti;
19. Jisħaq fuq l-importanza li r-reġim tad-drittijiet tal-awtur ikun aktar ċar u trasparenti għall-utenti tad-drittijiet tal-awtur, b'mod partikolari fir-rigward ta' kontenut iġġenerat mill-utent u taxxi fuq id-drittijiet tal-awtur, li jrawmu l-kreattività, aktar żvilupp ta' pjattaformi onlajn, u jiżguraw ir-remunerazzjoni xierqa tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur;
20. Itenni l-importanza ta' qafas tad-drittijiet tal-awtur modern favur il-kompetizzjoni u l-konsumaturi li jirreaġixxi għall-isfidi tal-ambjent diġitali; jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' approċċ olistiku fil-modernizzazzjoni tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur li jindirizzaw il-frammentazzjonijiet tas-suq eżistenti b'mod partikolari għall-ġestjoni tad-drittijiet onlajn u li jiggarantixxu livell sikur, adegwat u ta' ambjent sigur għall-konsumaturi, il-kreaturi u l-utenti tad-drittijiet tal-awtur;
21. Għalhekk, jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/26/UE dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet, li tipprovdi bilanċ tajjeb bejn l-aċċess tal-pubbliku għal xogħlijiet kulturali, faċilità għall-ikklerjar tad-drittijiet għall-utenti u remunerazzjoni xierqa għall-kreaturi, u jemmen li l-implimentazzjoni ta' din id-direttiva twassal għal sett iktar ċar ta' standards applikabbli għall-UE kollha li jirriżulta f'infrastruttura għal għoti ta' liċenzji aktar mgħaġġla u aktar flessibbli adattat għal użu speċifiku; jinnota, madankollu, li għad hemm frammentazzjoni u li għandhom ikunu kkunsidrati soluzzjonijiet, inkluż fil-qasam ta' approċċi komuni li jipprevedu eċċezzjonijiet immirati li jaffettwaw skambji transfruntieri ta' xogħlijiet, li huma neċessarji għall-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali;
22. Jemmen li huwa neċessarju li jiġu pprovduti soluzzjonijiet ibbilanċjati li jgħinu jmexxu 'l quddiem u/jew itejbu l-aċċess transfruntier u l-portabilità tal-prodotti u s-servizzi li huma essenzjali biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jiksbu servizzi u prodotti fejn u meta jixtiquhom b'mod legali u awtorizzat, skont l-aħħar domandi tal-konsumaturi; jemmen li d-diversità kulturali tal-Ewropa tinsab fil-qalba tal-identità Ewropea u li għandha titrawwem u tiġi promossa bejn l-Istati Membri;
23. Jenfasizza li l-konsumaturi ta' spiss jiffaċċjaw diversi limitazzjonijiet u l-kunċett ta' drittijiet tal-konsumatur fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur huwa ħafna drabi assenti; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effikaċja tal-liġi attwali tad-drittijiet tal-awtur minn perspettiva tal-konsumaturi u tiżviluppa sett ta' drittijiet tal-konsumaturi ċari u komprensivi;
24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu livell ogħla ta' armonizzazzjoni u qafas ibbilanċjat għall-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li ma jikkawżax dannu lid-detenturi tad-drittijiet, li jikkonforma mal-aspettattivi tal-konsumaturi, li jħaddan kemm il-kreattività u l-innovazzjoni, u jadatta għall-avvanzi teknoloġiċi fl-ambjent diġitali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jagħmlu użu minn eċċezzjonijiet b'mod immirat u teknoloġikament newtrali; jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li sar qbil dwarhom għal raġunijiet ta' interess pubbliku, għall-finijiet tar-riċerka, l-edukazzjoni u t-tagħlim, fl-għoti tal-aċċess għal għarfien kif ukoll biex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni kulturali u tas-soċjetà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-inklużjoni ta' e-books fi skemi ta' self lill-pubbliku, dment li jkunu ntlaħqu qabel jew ikun sar tentattiv li jintlaħqu l-ftehimiet kollha neċessarji biex jiżguraw remunerazzjoni ġusta u rispett għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu mekkaniżmu li jippermetti libreriji, arkivji u mużewijiet jagħmlu disponibbli għal aċċess onlajn mill-pubbliku, xogħlijiet protetti fil-kollezzjonijiet tagħhom, li ma jkunux aktar ġestiti mid-detenturi tagħhom tad-drittijiet;
25. Jilqa' d-djalogu strutturat bejn il-partijiet interessati 'Liċenzji għall-Ewropa', imniedi mill-Kummissjoni fl-2013; b'hekk jemmen li l-użu u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki mill-partijiet interessati rilevanti huwa essenzjali biex tinkiseb implimentazzjoni iktar omoġenja u bbażata fuq l-evidenza tal-liġijiet tad-drittijiet tal-awtur fl-UE kollha; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tat-twegħid tal-'Liċenzji għall-Ewropa;
26. Jenfasizza l-importanza ta' promozzjoni akbar tal-interoperabilità, peress li n-nuqqas ta' interoperabilità jtellef l-innovazzjoni u jnaqqas il-kompetizzjoni fl-UE u jnaqqas l-avvanz tal-innovazzjoni; jinnota li n-nuqqas ta' interoperabbiltà li jirriżulta qed ixekkel l-iżvilupp ta' servizzi ta' kontenut ġdid għad-detriment ta' artisti li jfittxu l-pubbliku ġenerali madwar l-Ewropa; jemmen li n-nuqqas ta' interoperabilità jista' jwassal għal dominanza fis-suq ta' prodott wieħed partikolari, li konsegwentement joħnoq il-kompetizzjoni u jillimita l-għażla għall-konsumatur fl-UE;
27. Jenfasizza l-importanza tal-eċċezzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur li jippermettu aċċessibbiltà mtejba għal kontenut diġitali għal persuni b'diżabilità; jirrikonoxxi li l-inkapaċità li jixtru kontenut f'format xieraq għall-utenti b'diżabilità toħloq ukoll ostakolu għall-kummerċ għan-negozji; jirrikonoxxi wkoll li l-inabilità li jinxtara kontenut f'format xieraq li jista' jgħin lill-utenti b'diżabilità tnaqqas it-talent kulturali u l-offerta ta' kontenut disponibbli madwar l-Istati Membri; għalhekk, jenfasizza li kull bidla leġiżlattiva f'dan il-qasam għandha tiżgura aċċessibilità għal persuni b'diżabilità għal xogħlijiet u servizzi li huma protetti bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u għandhom jadattaw għall-ambjent diġitali.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
24.3.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
34 3 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Dita Charanzová, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Daniel Dalton, Nicola Danti, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Antanas Guoga, Sergio Gutiérrez Prieto, Liisa Jaakonsaari, Antonio López-Istúriz White, Jiří Maštálka, Marlene Mizzi, Jiří Pospíšil, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Emma McClarkin, Roberta Metsola, Franz Obermayr, Adam Szejnfeld, Ulrike Trebesius, Sabine Verheyen, Inês Cristina Zuber |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jonathan Arnott, Philippe De Backer, Andrey Novakov |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
16.6.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Laura Ferrara, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Sajjad Karim, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, Jiří Maštálka, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Angel Dzhambazki, Jytte Guteland, Constance Le Grip, Angelika Niebler, Cecilia Wikström |
||||