RAPPORT dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, b'reazzjoni għal pressjonijiet migratorji
25.6.2015 - (00000/2015 – C8-0000/2015 – 2015/2121(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Eider Gardiazabal Rubial
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, b'reazzjoni għal pressjonijiet migratorji
(00000/2015 – C8-0000/2015 – 2015/2121(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, adottat b'mod definittiv fis-17 ta' Diċembru 2014[2],
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015, kif adottat b'mod definittiv fit-28 ta' April 2015[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[4] (Regolament QFP),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[5],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[6],
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015, adottat mill-Kummissjoni fit-13 taMejju 2015 (COM(2015)0241),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 adottata mill-Kunsill fid-19 ta' Ġunju 2015 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew dakinhar stess (09768/2015 – C8-0163/2015),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil[7],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bl-isem "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0240),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0212/2015),
A. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 għandu l-għan li jsaħħaħ ir-riżorsi tal-Unjoni biex jiġu ġestiti l-flussi migratorji u tar-refuġjati, wara t-traġedji li seħħew dan l-aħħar fil-Mediterran u ż-żieda fid-dimensjoni tal-flussi migratorji;
B. billi ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn tammonta għal EUR 75 722 000;
C. billi ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament, li tammonta għal EUR 69 652 000, hija riallokata kollha mill-programm Galileo, li tħalli l-livell globali tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit 2015 l-istess;
D. billi ż-żieda proposta għall-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) tammonta għal total ta' EUR 26,8 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament, li parti minnha ġejja minn approprjazzjonijiet addizzjonali permezz tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 u parti oħra minn riallokazzjoni fi ħdan il-Kapitolu 18 02 (Sigurtà Interna) minħabba l-għeluq ta' fajls qodma taħt il-Fond għall-Fruntieri Esterni;
E. billi l-piż finanzjarju relatat mal-emerġenza s’issa waqa' prinċipalment fuq il-baġits nazzjonali tal-Istati tal-kosta tan-Nofsinhar tal-Unjoni;
F. billi fid-dawl tat-tbassir makroekonomiku għall-perijodu medju u tax-xejriet demografiċi opposti fi ħdan l-Unjoni u fiż-żoni ġirien, partikolarment fl-Afrika tal-Punent u Ċentrali, iż-żieda fil-migrazzjoni lejn l-Ewropa ma tistax titqies bħala fenomenu temporanju;
G. billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 iżid ukoll il-livell ta' ammont ta' persunal ta' tliet aġenziji, jiġifieri 16-il post addizzjonali għall-FRONTEX, 4 postijiet għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u 3 postijiet għall-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol);
H. billi, jekk il-flussi migratorji ma jiġux ġestiti b’mod effettiv u f’waqtu, jistgħu jwasslu għal kosti konsiderevoli f’oqsma oħra ta’ politika;
1. Jieħu nota tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2015, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;
2. Jilqa' r-rieda tal-istituzzjonijiet kollha li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet tal-baġit relatati mal-migrazzjoni u l-asil, minħabba l-ħtieġa ovvja u urġenti;
3. Ifakkar li fil-qari tiegħu tal-baġit 2015 f'Ottubru 2014, il-Parlament kien diġà appella għal approprjazzjonijiet sostanzjalment ogħla f'dawn il-linji baġitarji u persunal addizzjonali għall-aġenziji konċernati;
4. Jiddispjaċih madankollu għall-ammont limitat taż-żidiet proposti fl-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015, li ma jikkorrispondux mal-ħtiġijiet attwali meta wieħed jara l-kriżi li għaddejja fil-Mediterran u li probabbilment sejra għall-agħar, ir-riskju dejjem jikber li jiżdiedu r-rifuġjati mill-Ukraina u l-ħtieġa li l-isfidi migratorji jiġu indirizzati b'mod ġenerali; jenfasizza madankollu l-bżonn li jkun hemm kontroll strett fuq id-destinazzjoni ta’ dawk il-fondi u konsegwentement aktar trasparenza f'dak li jirrigwarda l-proċeduri tal-kuntratti u tas-sottokuntratti, filwaqt li jittieħed kont tad-diversi investigazzjonijiet li jikkonċernaw għadd ta’ abbużi skoperti fl-Istati Membri;
5. Jiddispjaċih minħabba d-diviżjonijiet li tfaċċaw bejn l-Istati Membri fil-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni li tinsab fl-“Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”; ifakkar li, minħabba n-natura tal-fenomenu tal-migrazzjoni, l-emerġenza tista' tiġi ttrattata b’mod iżjed effettiv fil-livell tal-Unjoni;
6. Iqis li l-aġenziji rilevanti m'għandhomx jiġu suġġetti għal tnaqqis jew ripożizzjonament tal-persunal; iqis li dawk l-aġenziji għandhom jallokaw il-persunal tagħhom b'mod xieraq bil-għan li jissodisfaw ir-responsabilitajiet dejjem akbar li għandhom;
7. jenfasizza li, minħabba l-għadd kbir ta' persuni li jaslu fuq ix-xtut tan-Nofsinhar tal-Unjoni, u r-rwol dejjem akbar li l-EASO jkollu jwettaq fil-ġestjoni tal-asil, u l-appell ċar għall-appoġġ fil-forniment minn qabel tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza, il-proposta biex il-persunal tal-EASO jiżdied b'4 biss bla dubju mhijiex biżżejjed; għaldaqstant jitlob għall-ippustjar ta' persunal u baġit tal-EASO xierqa għall-2016 sabiex l-EASO ikun jista’ b’mod effettiv iwettaq il-kompiti u l-operazzjonijiet tiegħu;
8. Jemmen li l-impatt baġitarju u l-kompiti addizzjonali tal-miżuri ppreżentati bħala parti mill-Aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà fir-rigward tal-Europol għandhom jiġu vvalutati fid-dettall mill-Kummissjoni ħalli l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jaġġustaw kif xieraq il-ħtiġijiet baġitarji u ta' persunal tal-Europol; jenfasizza r-rwol tal-Europol fl-appoġġ transfruntier għall-Istati Membri u fl-iskambju ta’ informazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Europol ikollu baġit u livell ta’ persunal xierqa għall-2016, sabiex ikun jista’ jwettaq għalkollox b’mod effettiv il-kompiti u l-operazzjonijiet tiegħu;
9. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq, fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-term tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, valutazzjoni, b’mod kemm jista’ jkun preċiż, tal-ħtiġijiet tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni sal-2020; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposta għal żieda adegwata u, meta tokkorri, distribuzzjoni aġġustata tal-finanzjament bejn il-programmi differenti u l-metodi ta’ implimentazzjoni differenti tal-Fond, wara r-reviżjoni tal-prospettivi finanzjarji;
10. Jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jimmodifika n-nomenklatura tal-baġit tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni fl-interess ta’ trasparenza u kontroll aħjar tal-allokazzjoni tal-approprjazzjonijiet annwali bejn il-programmi u l-mezzi ta’ implimentazzjoni tal-Fond, kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 516/2014[8];
11. Jinnota barra minn hekk li l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 ma jipprevedix approprjazzjonijiet ta' pagament globali addizzjonali fil-baġit 2015, iżda sempliċement jerġa' jmur lura għar-riallokazzjoni ta' riżorsi li diġà jeżistu;
12. Jinsisti li r-riallokazzjoni minn Galileo teħtieġ tkun ikkumpensata kif xieraq fil-baġit 2016;
13. Jafferma madankollu r-rieda tiegħu li jadotta l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 mill-aktar fis possibbli kif ippreżentat mill-Kummissjoni, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni;
14. Japprova għalhekk il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 5/2015;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru x/2015 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.
18.6.2015
OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
għall-Kumitat għall-Baġits
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, b'reazzjoni għal pressjonijiet migratorji
(00000/2015 - C8-0000/2015 - 2015/2121(BUD))
Rapporteur għal opinjoni: Péter Niedermüller
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 5/2015 bħala l-ewwel pass b'reazzjoni għall-isfidi maħluqa mix-xejriet tal-migrazzjoni, u s-sitwazzjoni mingħajr preċedent fil-Mediterran; jinnota li huwa jipproponi żieda fl-impenji ta' EUR 75 722 000, b'EUR 69 652 000 f'pagamenti li għandhom jiġu utilizzati mill-ġdid mill-programm Galileo;
2. Jinnota l-ammonti addizzjonali proposti għall-Frontex, speċjalment għall-operazzjonijiet Triton u Poseidon; jinsisti li s-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar għandu jkun il-punt fokali primarju ta' dawk l-operazzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm disponibbli biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jiġu ssodisfati l-obbligi tal-Unjoni fir-rigward tat-tfittxija u s-salvataġġ; ifakkar, madankollu, li hemm il-ħtieġa ta' soluzzjonijiet li jħarsu fit-tul għall-isfidi aktar wiesgħa li qed jiġu ffaċċjati fir-rigward tal-migrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin;
3. Jilqa' ż-żieda fil-finanzjament għall-operazzjonijiet Ewropej Triton u Poseidon; ifakkar li l-kontribuzzjonijiet għat-tfittxija u s-salvataġġ għandhom ikunu prijorità; jinnota li l-ittripplar tal-finanzjament għall-operazzjoni Triton għandu x'jaqsam biss maċ-ċifra l-baxxa tal-baġit tal-2015 u mhux maċ-ċifra l-għolja tal-baġit tal-2014; jiddispjaċih tan-nuqqas ta' trasparenza rigward il-kosti tal-operazzjoni Triton u jfittex li jikseb aktar kjarifikar mill-Kummissjoni dwar id-differenzi sinifikanti bejn l-ammonti allokati għall-operazzjoni Triton fil-baġit tal-2014 u fil-baġit tal-2015; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Frontex jagħtu data affidabbli, komprensiva u aġġornata regolarment dwar il-kosti tal-operazzjonijiet Triton u Poseidon;
4. Jilqa' l-finanzjament addizzjonali għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni; iqis li l-finanzjament propost mhuwiex se jkun biżżejjed biex jippermetti l-finanzjament sħiħ tal-proposti tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmu ta' rilokazzjoni u programmi ta' risistemazzjoni, biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza u l-integrazzjoni għal dawk li qed ifittxu l-asil u r-rifuġjati, u biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri kollha li jinsabu fil-linja ta' quddiem nett li qed jesperjenzaw il-pressjoni tal-migrazzjoni; jitlob li l-finanzjament mill-baġit tal-2016 ikun ibbażat fuq il-bżonnijiet u jimxi skont il-għadd ta' miġjiet fl-2015, minħabba n-numri akbar ta' miġjiet li saru mill-bidu ta' din is-sena;
5. Iqis li l-aġenziji rilevanti m'għandhomx jiġu suġġetti għal tnaqqis jew ripożizzjonament tal-persunal; iqis li dawk l-aġenziji għandhom jallokaw il-persunal tagħhom b'mod xieraq bil-għan li jissodisfaw ir-responsabilitajiet dejjem akbar li għandhom;
6. Jenfasizza li, minħabba l-għadd kbir ta' persuni li jaslu fuq ix-xtut tan-Nofsinhar tal-Unjoni, u r-rwol dejjem akbar li l-EASO jkollu jwettaq fil-ġestjoni tal-asil, u l-appell ċar għall-appoġġ fil-forniment minn qabel tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza, il-proposta biex il-persunal tal-EASO jiżdied b'4 biss bla dubju mhijiex biżżejjed; għaldaqstant jitlob għall-ippustjar ta' persunal u baġit tal-EASO xierqa sabiex l-EASO tkun tista’ b’mod effettiv twettaq il-kompiti u l-operazzjonijiet tagħha;
7 Jenfasizza li riżorsi allokati addizzjonali huma meħtieġa wkoll biex jingħata appoġġ lill-Istati Membri fl-ipproċessar effiċjenti u espedjenti tal-applikazzjonijiet bil-għajnuna tal-EASO;
8. Jemmen li l-impatt baġitarju u l-kompiti addizzjonali tal-miżuri ppreżentati bħala parti mill-Aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni u l-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà fir-rigward tal-Europol għandhom jiġu vvalutati fid-dettall mill-Kummissjoni ħalli l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jaġġustaw kif xieraq il-ħtiġijiet baġitarji u ta' persunal tal-Europol; jenfasizza r-rwol tal-Europol fl-appoġġ transkonfinali għall-Istati Membri u fl-iskambju ta’ informazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Europol ikollu baġit u livell ta’ persunal xierqa għall-2016, sabiex ikun jista’ jwettaq b’mod effettiv il-kompiti u l-operazzjonijiet tiegħu;
9. Iqis li s-EUR 7 000 000 addizzjonali għall-Programmi Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni fl-Afrika ta' Fuq u fil-Qarn tal-Afrika mhumiex se jkunu biżżejjed meta jitqiesu l-isfidi li jiġu ffaċċjati f'dawk ir-reġjuni; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi data trasparenti u aġġornata dwar kif dawn il-fondi huma użati u kif id-drittijiet fundamentali tal-migranti huma rrispettati fil-pajjiżi terzi, ibda miċ-ċentri ta’ detenzjoni;
10. Jikkonkludi li sabiex ma jitħalliex li jintilfu aktar ħajjiet fuq il-baħar u biex jiġu implimentati ulterjorment il-prinċipji tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabilità, se jkunu meħtieġa riżorsi finanzjarji akbar u aktar prevedibbli kemm għall-perjodu medju u kemm għall-perjodu fit-tul.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
16.6.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
41 7 6 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Heinz K. Becker, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Rachida Dati, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Monika Flašíková Beňová, Lorenzo Fontana, Ana Gomes, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Marju Lauristin, Monica Macovei, Vicky Maeijer, Roberta Metsola, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Soraya Post, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Tomáš Zdechovský |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Pál Csáky, Daniel Dalton, Ska Keller, Miltiadis Kyrkos, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Angelika Mlinar, Emil Radev, Elly Schlein, Barbara Spinelli, Ruža Tomašić, Axel Voss |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Fabio Massimo Castaldo, Iris Hoffmann, Peter Lundgren, Marco Valli |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
23.6.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
32 3 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Isabelle Thomas, Monika Vana, Daniele Viotti, Stanisław Żółtek |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Nils Torvalds, Derek Vaughan, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Tiziana Beghin, Marco Zullo |
||||
- [1] ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 24 p. 239).
- [2] ĠU L 69, 13.3.2015, p. 1.
- [3] ĠU L …
- [4] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
- [5] ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.
- [6] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
- [7] Testi adottati, P8_TA(2015)0176.
- [8] Skont ir-Regolament (UE) Nru 516/2014, l-ammont ta' riżorsi globali allokati lill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-perjodu 2014-2020 huwa ta’ EUR 3 137 miljun. Dan l-ammont għandu jitqassam kif ġej (f'EUR):
a. EUR 2 392 miljun għal programmi nazzjonali (Artikolu 19);
b. EUR 360 miljun għal azzjonijiet speċifiċi elenkati fl-Anness II (Artikolu 16), il-programmi ta’ risistemazzjoni (Artikolu 17), it-trasferimenti (Artikolu 18);
c. EUR 385 miljun għall-azzjoni tal-Unjoni (Artikolu 20), għajnuna ta’ emerġenza (Artikolu 21), in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (Artikolu 22), għajnuna teknika (Artikolu 23).
In-nomenklatura attwali tal-baġit bl-ebda mod ma tikkorrispondi ma' din l-allokazzjoni.