ABBOZZ TA’ RAPPORT dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol
25.6.2015 - (2014/2160(INI))
Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Rapporteur għal opinjoni: Anna Záborská
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 19 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)[1],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Marzu 2014 dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta’ trasparenza (C(2014) 1405),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2013 bit-titolu “Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)” (COM(2013)0861),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Settembru 2010 bit-titolu “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2010 bit-titolu “Impenn Imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f’Isem il-Mara” (COM(2010)0078),
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) adottat mill-Kunsill fis-7 ta’ Marzu 2011;
– wara li kkunsidra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), ibbażata fuq l-Artikolu 157 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-'Gender Equality Index Report' tal-'European Institute for Gender Equality',
– wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1994 dwar Xogħol Part Time tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), li jeżiġu li l-pajjiżi jinkorporaw fil-kuntratti tal-akkwisti pubbliċi tagħhom klawżola dwar ix-xogħol li tinkludi l-kwistjoni ta’ pagi indaqs,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 tal-ILO dwar Remunerazzjoni Ugwali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1)(d) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa adottata fir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 34/180 tat-18 ta’ Diċembru 1979,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta' Diċembru 2014 bit-titolu 'Being Trans in the European Union',
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali[3],
– wara li kkunsidra l-Valutazzjoni dwar l-Implimentazzjoni Ewropea tad-Direttiva 2006/54/KE prodotta mid-Direttorat-Ġenerali għas-Servizzi ta’ Riċerka Parlamentari,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0213/2015),
A. billi t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-Dritt tal-UE;
B. billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali hija pprojbita mid-Dritt tal-UE;
C. billi l-indipendenza ekonomika hija prerekwiżit biex iċ-ċittadini Ewropej, irġiel u nisa, jeżerċitaw kontroll u jagħmlu għażliet ġenwini f’ħajjithom;
D. billi d-Direttiva 2006/54/KE tirreferi għall-każistika tal-QtĠ-UE, li tipprevedi li l-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa ma jistax jiġi ristrett għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tal-fatt li persuna tkun ta’ sess wieħed jew l-ieħor, iżda li tapplika wkoll għad-diskriminazzjoni li tirriżulta minħabba bidla fis-sess ta' persuna;
E. billi l-prinċipju ta’ paga ugwali ilu mniżżel fit-Trattati sa mill-bidu nett fl-1957; billi l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali issa huwa rikonoxxut skont l-Artikolu 157 tat-TFUE u inkorporat fid-Direttiva 2006/54/KE mfassla mill-ġdid (minn hawn 'il quddiem id-“Direttiva mfassla mill-ġdid”);
F. billi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid” kienet maħsuba biex tagħmel il-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam aktar koerenti u ġġibha f’konformità mal-każistika tal-QtĠ-UE u sabiex ikun hemm simplifikazzjoni u modernizzazzjoni tal-liġijiet rilevanti dwar l-ugwaljanza fil-livell nazzjonali, u b’hekk jingħata kontribut biex is-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol titjieb; billi l-proporzjon ta’ nisa fl-ogħla karigi ta’ maniġment f’kumpaniji li joperaw fl-UE kien għadu taħt it-18 % fl-2014;
G. billi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid” introduċiet punti ġodda, bħall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u d-definizzjoni tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta, il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni li ġejja minħabba bidla fis-sess ta' persuna, u għamlet referenza espliċita għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-ħajja privata u tal-familja; billi l-isfida ewlenija għall-Istati Membri kollha hija l-applikazzjoni u l-infurzar korretti tar-regoli dwar paga ugwali, kif stabbilit bid-Direttiva 2006/54/KE, u billi l-impatt ta’ dawn il-punti ġodda fl-Istati Membri għadu limitat; billi, minkejja l-korp ta’ leġiżlazzjoni sinifikanti li ilu fis-seħħ għal kważi 40 sena u l-azzjonijiet meħuda u r-riżorsi li ntefqu, il-progress f’dan il-qasam huwa estremament lent u d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa għadha teżisti, b’medja ta’ 16.4 % madwar l-UE, iżda b’differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri;
H. billi, fost fatturi oħra, bħala riżultat ta’ politiki tas-suq tax-xogħol li jfittxu li jitbiegħdu mill-prinċipju u l-prattika tan-negozjar kollettiv, is-salarji qegħdin dejjem iżjed jiġu nnegozjati fuq bażi individwali, u dan jikkontribwixxi għal nuqqas ta’ informazzjoni u trasparenza tal-istruttura tal-pagi tal-impjegati, filwaqt li jinħoloq ambjent fejn il-preġudizzju fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa u diskriminazzjoni fl-istrutturi tal-pagi jibqgħu moħbija mill-impjegati u/jew ir-rappreżentanti tagħhom u għalhekk huma estremament diffiċli li jiġu ppruvati, u dan ixekkel l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ paga indaqs għal xogħol indaqs, li hija ostakolata wkoll minn nuqqas ta’ ċertezza legali dwar il-kunċett ta’ xogħol ta’ valur ugwali, u minn ostakli proċedurali;
I. billi ugwaljanza akbar bejn l-irġiel u n-nisa tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija u għas-soċjetà b’mod ġenerali, u l-fatt li jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi bejn is-sessi jgħin biex jitnaqqsu l-livelli tal-faqar u biex jiżdied il-qligħ tul il-ħajja tan-nisa u billi dan huwa vitali għat-tkabbir fl-impjiegi, il-kompetittività u l-irkupru ekonomiku; billi d-differenza fil-pagi tidher aktar qawwija fost in-nisa bi żvantaġġi multipli, bħal nisa b’diżabilità, nisa minn minoranzi u nisa bla kwalifiki; billi l-familji b’ġenitur wieħed jinsabu dejjem aktar fost l-ifqar persuni li jaħdmu, u l-proporzjon ta’ familji b’ġenitur wieħed huwa ogħla għan-nisa milli għall-irġiel; billi d-differenza fil-pagi bejn is-sessi għalhekk għandha impatt serju fuq il-kondizzjonijiet tal-għixien u fuq l-opportunitajiet tal-ħajja ta’ ħafna familji Ewropej;
J. billi r-rati ta' impjieg huma ġeneralment aktar baxxi fost in-nisa meta mqabbla mal-irġiel: billi fl-2013, ir-rata ta' impjieg għall-irġiel kienet ta' 69.4 % fl-UE-28, imqabbla mat-58.8 % għan-nisa[4],
K. billi sar progress limitat fir-rigward tar-rati ta’ mpjieg tan-nisa u billi l-livell ta’ segregazzjoni settorjali u tax-xogħol tan-nisa u l-irġiel f’tipi differenti ta’ impjiegi jibqa’ relattivament għoli, b’xi kategoriji vokazzjonali jkunu prinċipalment okkupati minn nisa kif ukoll dawk is-setturi u l-professjonijiet li għandhom tendenza li jiġu mħallsa inqas jew huma ta' valur inqas, minkejja l-qafas legali eżistenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; billi din is-sitwazzjoni għandha impatt ukoll fuq id-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa matul il-ħajja kollha; billi s-segregazzjoni vertikali, li permezz tagħha n-nisa jidhru b’mod predominanti f'impjiegi l-inqas imħallsa jew li huma fil-pożizzjonijiet tal-livell l-aktar baxx fil-ġerarkija, tikkontribwixxi wkoll għad-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa; billi s-segregazzjoni orizzontali u vertikali huma ostaklu għall-iżvilupp professjonali tan-nisa u jirriżultaw f’livelli aktar baxxi ta’ viżibbiltà u ta' rappreżentanza tan-nisa fl-ambjent soċjali u dak pubbliku, u bħala tali jikkontribwixxu b’mod aktar wiesa’ għal inugwaljanzi akbar, u billi li dawn jingħelbu u li jkun hemm aktar nisa f’pożizzjonijiet għolja fil-ġerarkija tal-organizzazzjonijiet jipprovdi mudelli pożittivi għaż-żgħażagħ nisa u bniet;
L. billi r-rati ta’ impjieg huma iktar baxxi fiż-żoni rurali, u barra minn hekk, kwantità kbira ta’ nisa ma jidhrux b’mod uffiċjali fis-suq tax-xogħol, u għaldaqstant mhumiex irreġistrati la bħala qegħda u lanqas ma huma inklużi fl-istatistiċi dwar il-qgħad, u dan joħloq problemi finanzjarji u legali speċifiċi f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-maternità u l-liv tal-mard, il-kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-aċċess għas-sigurtà soċjali, kif ukoll problemi fil-każ ta’ divorzju; billi ż-żoni rurali huma żvantaġġati minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità għolja;
M. billi l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet permezz tal-edukazzjoni, speċjalment fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, kif ukoll li n-nisa jkunu inkoraġġiti jipparteċipaw fit-taħriġ vokazzjonali u programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja fost id-diversi setturi, huma elementi importanti li jippromwovu t-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs fl-impjieg; billi l-ħiliet u l-kompetenzi tan-nisa ħafna drabi huma sottovalutati, bħalma huma sottovalutati l-professjonijiet u x-xogħlijiet li fihom jippredominaw in-nisa, minkejja li dan mhux neċessarjament ġustifikat permezz ta’ xi kriterju oġġettiv;
N. billi d-Direttiva 2006/54/KE tistipula li l-Istati Membri jistgħu, bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, iżommu jew jadottaw miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmilha aktar faċli għal dak is-sess li jkun anqas rappreżentat li jfittex attività professjonali jew li dan jimpedixxi jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali[5];
O. billi l-maternità u l-kura tat-tfal, l-anzjani, il-morda jew membri tal-familja b’diżabilità u dipendenti oħra jirrappreżentaw xogħol addizzjonali jew xi kultant xogħol full-time li kważi esklussivament jitwettaq min-nisa; billi dan ix-xogħol rarament jitħallas u mhuwiex stmat kif xieraq mis-soċjetà, anki jekk għandu importanza soċjali enormi u jikkontribwixxi għall-benessri soċjali u jista’ jitkejjel bl-indikaturi ekonomiċi bħall-PDG; billi dan jirriżulta fit-twessigħ tad-differenzi fl-introjtu li jeżistu bejn in-nisa u l-irġiel u għandu impatt detrimentali fuq il-karriera tan-nisa minħabba l-“kost” ta’ snin li wieħed iqatta’ barra mis-suq tax-xogħol jew ta’ sigħat imnaqqsa minħabba arranġamenti ta’ xogħol part-time, u konsegwentement iżid ukoll id-differenza fil-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa; billi l-impatt ta’ dawn l-elementi fuq id-dħul tul il-ħajja jvarja madwar l-Istati Membri skont il-livell ta’ appoġġ offrut lill-ġenituri, inkluż il-provvediment ta' kura tat-tfal, jew permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew ftehimiet kollettivi;
P. billi d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel tikber wara l-irtirar, u konsegwentement id-differenza fil-pensjoni tkun kunsiderevolment ogħla mid-differenzi fil-pagi; billi n-nisa jirċievu pensjoni medja ta’ 39 % inqas mill-irġiel; billi din is-sitwazzjoni hija kkawżata minn fatturi soċjali u ekonomiċi bħal swieq tax-xogħol segregati ħafna, filwaqt li x-xogħol tan-nisa hu sottovalutat, l-ogħla proporzjon ta’ nisa jaħdmu part-time, b'pagi fis-siegħa aktar baxxi, u anqas snin fl-impjieg; billi dan iżid ir-riskju ta’ faqar għan-nisa rtirati; billi aktar minn terz tan-nisa ta' età akbar fl-UE ma għandhom ebda pensjoni;
Q. billi ċerti kategoriji ta’ nisa jinsabu f’riskju ta’ diskriminazzjoni multipla fl-impjieg u fix-xogħol, fosthom in-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi, nisa leżbjani, bisesswali, nisa transġeneru, nisa waħidhom, nisa b’diżabilitajiet u nisa anzjani;
R. billi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid” tindika b’mod ċar li kwalunkwe forma ta’ trattament inqas favorevoli fir-rigward tat-tqala jew il-liv tal-maternità tikkostitwixxi diskriminazzjoni; billi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid” tipprovdi wkoll b’mod ċar garanzija tar-ritorn għax-xogħol wara l-liv tal-maternità għall-istess impjieg jew għal impjieg ekwivalenti u protezzjoni mit-tkeċċija għall-irġiel u n-nisa meta dawn jeżerċitaw id-dritt għal-liv parentali u/jew għall-adozzjoni;
S. billi l-imsieħba soċjali (it-trade unions u min iħaddem) u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti ħafna biex ikun inkoraġġit it-trattament ugwali u jiġi promoss il-kunċett ta’ xogħol ibbażat fuq paga ugwali;
T. billi l-korpi tal-ugwaljanza huma preżenti fl-Istati Membri kollha, iżda l-ħidma tagħhom u l-impatt ivarja ħafna skont il-livell ta’ indipendenza tagħhom u l-kompetenzi u r-riżorsi tagħhom; billi dawn il-korpi għandhom jiġu appoġġjati u msaħħa b’mod adegwat fil-qadi ta’ dmirijiethom fir-rigward tal-promozzjoni, il-monitoraġġ u l-appoġġ ta’ trattament ugwali b’mod indipendenti u effettiv;
U. billi l-Parlament ripetutament talab lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex tiġi indirizzata d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa; billi l-għeluq ta’ dan id-distakk jirrappreżenta mezz li permezz tiegħu jiżdiedu r-rati tal-impjieg fost in-nisa, titjieb is-sitwazzjoni ta’ ħafna familji Ewropej u jitnaqqas ir-riskju ta’ faqar għan-nisa, speċjalment fl-età tal-pensjoni;
V. billi l-għeluq tad-differenza bejn il-ġeneru tirrappreżenta mezz li bih jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 f’termini ta’ impjiegi u tnaqqis tal-faqar kif ukoll l-iżgurar tal-moviment ħieles tal-ħaddiema bħala libertà fundamentali Ewropea; billi skont il-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew[6] , tnaqqis ta’ punt perċentwali wieħed fid-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa se jżid it-tkabbir ekonomiku b’0.1 %;
W. billi r-rwoli tradizzjonali tas-sessi u l-istereotipi għadhom jeżerċitaw influwenza kbira ħafna fuq id-diviżjoni tax-xogħol fid-dar, fl-edukazzjoni, fil-karrieri, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà b'mod ġenerali;
Valutazzjoni ġenerali
1. Jinnota li, b’mod ġenerali, l-Istati Membri ġabu l-liġijiet nazzjonali tagħhom f’konformità mad-Dritt tal-UE[7]; jirrimarka li sempliċiment it-traspożizzjoni b’mod korrett tad-dispożizzjonijiet tad-'Direttiva mfassla mill-ġdid' fil-liġi nazzjonali ma kenitx biżżejjed biex jintlaħqu l-applikazzjoni sħiħa u l-infurzar effettiv tagħhom, u li d-differenzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel għadhom jeżistu u li saħansitra qed jikbru minħabba l-kriżi;
2. Jiddispjaċih li għalkemm l-Istati Membri kienu obbligati li jittrasponu biss dawk 'it-tibdiliet sostantivi' li ġabet id-'direttiva mfassla mill-ġdid', it-traspożizzjoni tad-Direttiva kienet ta’ natura suffiċjentement ċara u korretta f’żewġ Stati Membri biss, bi kwistjonijiet pendenti fis-26 Stat Membru l-oħra; jirrimarka, madankollu, li dawn il-bidliet ma kinux ġew identifikati b’mod ċar; jenfasizza l-fatt li l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex timmonitorja l-implimentazzjoni kienu limitati fl-impatt tagħhom fejn jirrigwarda l-fatt li jkun żgurat approċċ koerenti kif ukoll gwida meħtieġa sabiex tista' ssir implimentazzjoni effettiva fil-livell nazzjonali;
3. Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri ma ħatfux l-opportunità biex jissimplifikaw u jimmodernizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol; jirrimarka li l-Istati Membri mhux biss huma mistennija li jittrasponu d-Direttiva iżda wkoll li jiżguraw sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali u l-infurzar tar-rimedji kollha disponibbli għal diskriminazzjoni fil-pagi;
4. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma adottatx l-inizjattiva leġiżlattiva li hija kienet impenjat ruħha li tippreżenta s-sena l-oħra sabiex tippromwovi u tiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ paga ugwali fil-prattika; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tidentifika l-punti dgħajfa tad-'Direttiva mfassla mill-ġdid' u li tħejji, bħala kwistjoni ta’ urġenza, proposta leġiżlattiva li tista’ tibdilha, u f’din il-proposta tipprovdi għal aktar mezzi effettivi li jissorveljaw l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva fl-Istati Membri;
5. Jirrimarka, barra minn hekk, li l-biża' li persuna titlef l-impjieg tagħha wasslet biex ħafna nisa jabbandunaw il-possibbiltà ta' rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja permezz tal-użu ta’ jum iqsar ta’ xogħol jew ta' formoli simili, b’hekk dan għamel il-bilanċ ħajja tal-familja diffiċli, u wassal biex tkompli tonqos ir-rata ta’ twelid f'uħud mill-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta din it-tendenza u miżuri li ħadu gvernijiet differenti biex jiġi miġġieled il-fenomenu, u biex tressaq miżuri ħalli jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi fuq it-trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol kif ukoll il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;
Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ paga ugwali
6. Jenfasizza li, filwaqt li d-differenzi bejn ir-rati ta' impjieg u l-livelli tal-paga tal-irġiel u n-nisa setgħu tnaqqsu kemmxejn f'dawn l-aħħar snin, dan mhuwiex ir-riżultat ta' titjib fil-pożizzjoni tan-nisa, iżda konsegwenza tat-tnaqqis fir-rati ta' impjieg u fil-livelli ta' pagi tal-irġiel minħabba l-kriżi ekonomika;
7. Jenfasizza l-fatt li skont il-każistika tal-QtĠ-UE, għandu jiġi osservat il-prinċipju ta’ paga ugwali fir-rigward ta’ kull wieħed mill-elementi tar-remunerazzjoni mogħtija lill-irġiel u n-nisa;
8. Itenni l-ħtieġa li jkun hemm definizzjonijiet armonizzati, għat-tqabbil fil-livell tal-UE, ta’ termini bħal id-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa, id-differenza fil-pensjoni tal-anzjani nisa u rġiel, ir-remunerazzjoni, id-diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-pagi, u, speċjalment, xogħol trattat bħala ‘ugwali’ u xogħol tal-istess valur; iqis li, f’konformità mal-każistika tal-QtĠ-UE, il-valur tax-xogħol għandu jkun ivvalutat u mqabbel skont kriterji oġġettivi, bħal rekwiżiti edukattivi, professjonali u dawk ta’ taħriġ, ħiliet, sforz u responsabbiltà, ix-xogħol li wieħed ikun għamel u n-natura tal-kompiti involuti; jirrimarka li minħabba d-diversi tipi ta’ kuntratti tax-xogħol li jeżistu, kemm statutorji kif ukoll kuntrattwali, il-kalkolu attwali tad-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa jista’ jwassal għal fehim mhux preċiż tal-problema ta’ paga ugwali; jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza dawn id-distorsjonijiet possibbli u biex tipproponi soluzzjonijiet adegwati, inkluża l-introduzzjoni ta’ verifiki tal-ħlas obbligatorji għal kumpaniji elenkati fil-boroż tal-Istati Membri tal-UE, ħlief għal kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u l-possibbiltà ta’ sanzjonijiet f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippjanaw l-applikazzjoni tas-sistemi eżistenti ta’ evalwazzjoni u ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi li jvarjaw b’mod konsiderevoli; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi linji gwida għal sistemi newtrali ta’ evalwazzjoni u ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi, inklużi miżuri speċifiċi, bħar-rappreżentanza proporzjonali tan-nisa u l-irġiel fil-kumitati ta’ evalwazzjoni, l-iżvilupp ta’ deskrizzjonijiet tax-xogħol newtrali u tal-grids tal-ippeżar, u d-definizzjoni ta’ kriterji ċari għall-valutazzjoni tal-valur tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu u jużaw sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol ċari u newtrali fir-rigward tal-ġeneru, abbażi tal-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni, b’tali mod li jkunu jistgħu jindunaw b'diskriminazzjoni indiretta fil-pagi relatata mas-sottovalutazzjoni ta’ impjiegi tipikament magħmula min-nisa;
10. Hu tal-fehma li sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol għandhom preferibbilment ikunu bbażati fuq in-negozjar kollettiv;
11. Jirrimarka li sistema ċara u armonizzata ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi u t-trasparenza fil-pagi se jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja; jinnota li diversi Stati Membri diġà ħadu miżuri speċifiċi ta’ trasparenza fil-pagi; jenfasizza d-differenza li teżisti bejn dawn il-miżuri, u jieħu nota tar-Rakkomandazzjoni tal-2014 tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza tal-pagi, għalkemm jiddispjaċih dwar in-natura mhux vinkolanti tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod attiv dawk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni permezz ta' leġiżlazzjoni li twassal għal azzjoni trasparenti u pożittiva kontinwa, peress li ntwera li dan kien ta’ suċċess, kif ukoll bl-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ trasparenza fil-pagi rakkomandati u mfassla apposta; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt reali ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, inkluż ir-rekwiżit għall-kumpaniji li jirrapportaw regolarment dwar ir-remunerazzjoni medja skont il-kategorija ta’ impjegat jew il-pożizzjoni, imqassma skont il-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-proposta leġiżlattiva l-ġdida tagħha l-miżuri msemmija fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-2014 dwar it-trasparenza fil-pagi, id-differenza fil-pagi tal-irġiel u tan-nisa, u l-korpi tal-ugwaljanza; jistieden lill-Istati Membri biex jeżerċitaw pressjoni dwar prattiki ta' paga inugwali u biex jippromwovu t-trasparenza tal-pagi kif mitlub mit-trade unions u l-korpi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, fost partijiet interessati oħra;
Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar trattament ugwali
12. Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni indiretta fl-iskemi tal-pensjonijiet, mhux biss fl-iskemi tax-xogħol iżda wkoll fil-prattiki tal-iskemi tal-pensjonijiet statutorji; jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li l-iskemi ta' pensjonijiet tax-xogħol għandhom jiġu meqjusa bħala paga u li b'hekk, il-prinċipju tat-trattament ugwali japplika għal dawn l-iskemi ukoll, minkejja l-fatt li d-distinzjoni bejn l-iskemi tal-pensjonijiet statutorji u dawk tax-xogħol hija problematika f'ċerti Stati Membri u li l-kunċett tal-iskemi tal-pensjonijiet tax-xogħol mhuwiex magħruf f'xi Stati Membri, u dan jista' jwassal għal diskriminazzjoni indiretta fis-suq tax-xogħol; jirrikonoxxi li l-aċċess tan-nisa għal skemi ta’ pensjoni tax-xogħol hija aktar ristretta, minħabba ħinijiet tax-xogħol iqsar, inqas anzjanità u segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol, u d-differenza fil-pagi bejn is-sessi, u li skemi bbażati fuq il-kontribuzzjoni rarament jikkunsidraw waqfiet relatati mal-kura u xogħol part-time involontarju; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-impatt tal-bidla minn pensjonijiet tal-Istat statutorji lejn skemi tax-xogħol u skemi privati fuq id-differenza fil-pensjoni tal-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju, peress li t-traspożizzjoni ma tantx dehret li kienet ċara f’xi Stati Membri;
13. Jitlob lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-maternità tagħhom u jieħdu miżuri biex jimpedixxu t-tkeċċija inġusta tal-impjegati matul it-tqala u meta dawn jirritoraw lura wara l-liv tal-maternità; jistieden lill-Kunsill biex finalment jadotta pożizzjoni komuni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-promozzjoni tat-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal, ħaddiema li welldu reċentament, u nisa li qed ireddgħu (id-‘Direttiva dwar il-liv tal-Maternità’); jistieden lill-Kunsill biex jadotta malajr kemm jista’ jkun pożizzjoni komuni dwar il-proposta għal direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati fil-borża u miżuri relatati;
14. Jinnota li fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-liv tal-maternità u tal-paternità u/jew il-liv għall-adozzjoni, hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati b’mod koerenti fil-livell nazzjonali l-isfidi partikolari li jeżistu, inklużi d-differenzi settorjali (pubbliku-privat) u ta’ natura organizzattiva (dawn tal-aħħar kemm bejn l-intrapriżi u kemm bejn l-intrapriżi kbar, żgħar u dawk ta’ daqs medju), is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ kuntratti part-time u atipiċi, u l-prattiki ta’ kuntratti għal żmien determinat li jtemmu l-perjodu ta’ protezzjoni u jwasslu għal riżenji volontarji mix-xogħol;
15. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu miżuri biex jiġġieldu l-forom kollha ta' diskriminazzjoni multipla, biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol u fl-aċċess għall-impjieg, inkluż diskriminazzjoni kontra minoranzi etniċi u persuni b'diżabilità u diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-età, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u b'mod partikolari biex jadottaw miżuri ta' protezzjoni soċjali ħalli jiżguraw li l-pagi tan-nisa u l-benefiċċji soċjali, inklużi l-pensjonijiet, ikunu ugwal għal tal-irġiel bl-istess esperjenza jew esperjenza simili li jagħmlu l-istess xogħol, jew xogħol ta' valur ugwali;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, billi joħolqu sistemi ta’ monitoraġġ effettivi, sabiex jieħdu miżuri superviżorji u ta' kontroll biex itejbu l-ġbir tad-data dwar każijiet ta’ fastidju u diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, inkluż fir-rigward ta’ diskriminazzjoni relatata mat-tqala u l-maternità u forom oħrajn ta’ liv; jemmen li f’dawn il-każijiet għandha ssir ukoll dispożizzjoni għal sistema ta’ pieni, iżda li fuq kollox għandhom isiru sforzi f’termini ta’ prevenzjoni, sabiex is-servizzi jsiru aċċessibbli għal nisa tqal jew nisa li għadhom kif saru ommijiet li jistgħu jgħinuhom jiksbu bilanċ bejn tqala jew maternità u l-professjoni tagħhom, mingħajr ma jiġu obbligati li jagħżlu bejn ix-xogħol u l-familja, kif għadu ta’ sikwit jiġri; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 26 (dwar il-fastidju sesswali) fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ċari biex jiġi miġġieled il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol b'mod aktar effiċjenti; jiddispjaċih mill-fatt li minkejja d-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tal-individwi mid-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg, 30 % tal-persuni transġeneru li jfittxu impjieg esperjenzaw diskriminazzjoni huma u jfittxu xogħol u n-nisa transġeneru x'aktarx kienu dawk li l-aktar ħassewhom iddiskriminati fis-sena ta' qabel l-istħarriġ dwar l-LGBT tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jirrimarka li dan huwa ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-effikaċja tal-entitajiet nazzjonali responsabbli u l-proċeduri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fir-rigward tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-bidla fis-sess; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri b'għarfin espert dwar kif għandhom jipproċedu biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg għal raġunijiet ta' "karatteristiċi tas-sess"; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu l-persuni transġeneru u intersesswali fit-taħriġ dwar id-diversità, u biex jaħdmu ma' min iħaddem fuq miżuri li għandhom jittieħdu fuq il-post tax-xogħol, pereżempju l-proċeduri għal reklutaġġ anonimu; jistieden lill-Istati Membri jużaw il-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) sabiex jindirizzaw b’mod attiv id-diskriminazzjoni kontra l-persuni transġeneru f’konformità mal-każistika tal-QtĠ-UE;
18. Itenni l-importanza li l-Istati Membri jinkludu b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-bidla fis-sess;
19. Jiġbed l-attenzjoni li l-aċċess għall-ġustizzja f’dan il-qasam huwa limitat minħabba għadd ta’ raġunijiet, bħalma huma t-tul u l-ispejjeż tal-proċeduri, l-isfidi ffaċċjati mill-korpi għall-ugwaljanza f’ċerti Stati Membri, in-nuqqas ta’ trasparenza fil-pagi, in-nuqqas ta’ għajnuna legali mingħajr ħlas, il-biża’ tal-istigmatizzazzjoni jew it-tbatija tat-tpattija jekk il-vittmi jitkellmu dwar id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza l-fatt li l-applikazzjoni tar-regola tal-obbligu tal-provi toħloq ukoll problemi f’bosta Stati Membri, u b’hekk tagħmel il-ħarsien tal-ħaddiema nisa diffiċli peress li dawn ta’ spiss ma jkollhomx aċċess għall-informazzjoni rilevanti jew ikollhom biss aċċess limitat u, barra minn hekk, jibżgħu li jitilfu x-xogħol tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jieħdu rwol attiv billi jipprovdu assistenza lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni, direttament jew permezz ta’ appoġġ għal korpi ta’ ugwaljanza, it-trade unions, l-organizzazzjonijiet komunitarji u NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam; jirrimarka li soluzzjoni rilevanti biex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f’dan il-qasam tista' tkun l-għoti tas-setgħa lill-korpi għall-ugwaljanza indipendenti biex jipprovdu assistenza lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni, inkluża għajnuna legali bla ħlas, kif ukoll id-dritt li jirrappreżentaw l-individwi f’kawżi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi; jissuġġerixxi, f’dan ir-rigward, li jiġu introdotti sistemi ta’ rappurtar kunfidenzjali fl-Istati Membri li jippermettu lin-nisa jirrappurtaw każijiet possibbli ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament fuq il-post tax-xogħol;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, tiskambja u tqabbel l-aħjar prattiki eżistenti u tiddisemina r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni fir-rigward tal-miżuri effettivi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu sabiex iħeġġu lil min iħaddem u l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ vokazzjonali jimpedixxu l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, b’mod partikolari fir-rigward tal-fastidju u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, billi jtejbu l-aċċess għall-impjiegi, billi joffru aktar taħriġ vokazzjonali u jippromwovu l-aħjar prattiki;
21. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw u jtejbu l-aċċess tan-nisa għal tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ vokazzjonali, u n-netwerks ta’ mentoring madwar l-Ewropa, speċjalment f’setturi ddominati mill-irġiel, u biex jiddisseminaw l-aħjar prattika;
Promozzjoni ta’ trattament ugwali u ta' djalogu soċjali
22. Itenni li l-korpi ta’ ugwaljanza għandu jkollhom il-kompetenzi u r-riżorsi adegwati u l-persunal biex jimmonitorjaw u jirrappurtaw b’mod effettiv u indipendenti dwar il-leġiżlazzjoni li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jenfasizza li l-indipendenza tal-korpi ta’ ugwaljanza trid tiġi żgurata fl-Istati Membri kollha, u li l-forma istituzzjonali preċiża ta’ dawn il-korpi hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinkorraġixxu l-imsieħba soċjali (it-trade unions u min iħaddem), is-soċjetà ċivili u l-korpi tal-ugwaljanza bejn is-sessi biex jippromwovu l-monitoraġġ ta’ prattiki ta’ ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol, inklużi arranġamenti ta’ xogħol flessibbli, bil-għan li tiġi ffaċilitata r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata u jkun hemm aktar skrutinju ta’ ftehimiet kollettivi u skali tal-pagi applikabbli u skemi ta’ klasssifikazzjoni tax-xogħol sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra n-nisa; jenfasizza wkoll l-importanza ta’ strumenti oħra bħal kodiċi ta’ kondotta, ir-riċerka, u l-iskambji ta’ esperjenza u prattika tajba fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni aħjar kontra d-diskriminazzjoni;
24. Huwa tal-fehma li l-protezzjoni tad-data ma tistax tiġi invokata bħala skuża biex ma jiġux ippubblikati r-rapporti annwali tal-pagi fil-livell tal-post tax-xogħol;
25. Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-obbligi għall-intrapriżi kbar u ta’ daqs medju biex jiżguraw il-promozzjoni sistematika ta’ trattament ugwali u biex jipprovdu l-informazzjoni xierqa fuq bażi regolari lill-impjegati tagħhom, inkluż dwar kwistjonijiet ta’ paga ugwali; itenni li l-introduzzjoni ta’ penali finanzjarji għal dawk li jħaddmu li ma jirrispettawx l-ugwaljanza salarjali x’aktarx tkun mezz rilevanti biex tiġi eliminata d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa;
26. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-implimentazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, pereżempju, billi jiżguraw li, sa fejn ikun ikkonċernat il-prinċipju tal-pagi ugwali, l-aġenziji tal-ispezzjoni u l-infurzar ikollhom ir-riżorsi tekniċi, umani u finanzjarji meħtieġa, u biex tinkoraġġixxi lill-imsieħba soċjali jkejlu d-dimensjoni tal-ugwaljanza ta’ ftehimiet kollettivi;
27. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jissaħħu l-arranġamenti ta’ spezzjoni tax-xogħol pubbliċi u biex jiġu adottati metodi li jkejlu l-valur tax-xogħol u, pereżempju jiġu identifikati impjiegi fejn is-salarji huma baxxi u l-impjegati huma prinċipalment femminili u li b'hekk timplika forma ta’ diskriminazzjoni indiretta tal-paga;
28. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu b’mod sinifikanti l-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-vittmi ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha interessati, inklużi l-korpi tal-ugwaljanza, l-imsieħba soċjali (it-trade unions u min iħaddem) u l-NGOs, sabiex jiġu miġġielda l-isterjotipi dwar ix-xogħol tan-nisa u l-irġiel u kif dawn iħallu impatt fuq il-valur tax-xogħol u l-paga baxxa, inkluż fl-aċċess għall-impjiegi, u biex jiġi żgurat li min iħaddem jipprovdi taħriġ fir-rigward tal-ugwaljanza u d-diversità għall-persunal kollu u li l-kumpaniji jagħżlu l-aktar kandidati kwalifikati fuq il-bażi ta’ analiżi komparattiva tal-kwalifiki billi jiġu applikati kriterji stabbiliti minn qabel, ċari, ifformulati b’mod newtrali, mhux diskriminatorji u mhux ambigwi;
29. Jindika li waħda min-novitajiet introdotti mid-“Direttiva mfassla mill-ġdid” hija r-referenza għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-ħajja privata u tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni biex, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali (it-trade unions u min iħaddem), biex jiżviluppaw miżuri speċifiċi li jiżguraw drittijiet aktar b’saħħithom għall-irġiel u n-nisa f’dan il-qasam; jenfasizza li l-iżvilupp ta’ faċilitajiet pubbliċi għall-indukrar tat-tfal skont l-objettivi ta’ Barċellona huwa partikolarment meħtieġ f’dan ir-rigward;
30. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jifirxu u jżidu s-sensibilizzazzjoni pubblika li tirrigwarda l-pagi ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u d-differenza fil-pensjonijiet, u dwar diskriminazzjoni diretta u indiretta tan-nisa fuq il-post tax-xogħol fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Sena Ewropea għall-ġlieda kontra d-differenza fil-pagi bejn is-sessi;
31. Josserva b’interess li ħafna nisa jagħżlu li jaħdmu għal rashom minħabba li dan huwa l-uniku mod ta’ ħidma tagħhom li jippermettilhom li jikkombinaw il-ħajja tal-familja u tax-xogħol; jinnota, madankollu, li f’bosta Stati Membri l-benefiċċji ta’ protezzjoni tal-benesseri u l-benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk ta’ ħaddiema impjegati; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ekwivalenti biex jgħinu lil dawk li jaħdmu għal rashom sabiex ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn impjegati u persuni li jaħdmu għal rashom f’termini ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jew f'termini ta’ riperkussjonijiet fuq l-għajnuna għall-impjiegi u s-sistemi tal-pensjonijiet;
Rakkomandazzjonijiet
32. Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jinfurzaw id-Direttiva mfassla mill-ġdid 2006/54/KE b’mod konsistenti, u jinkoraġġixxu lill-imsieħba soċjali biex jieħdu rwol aktar attiv biex jitħeġġeġ trattament ugwali, inkluż permezz ta’ pjanijiet ta’ azzjoni li jindirizzaw kwalunkwe inugwaljanzi fil-pagi tal-irġiel u n-nisa, b’azzjonijiet konkreti u monitoraġġ tal-eżitu, fil-livell tal-kumpanija, dak settorjali, nazzjonali u tal-UE;
33. Jistieden lill-Kummissjoni, wara r-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-“Direttiva mfassla mill-ġdid” u din ir-riżoluzzjoni, biex tirrevedi d-Direttiva mfassla mill-ġdid, kif diġà ġie mitlub mill-Parlament, b’mod partikulari fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 li fiha rakkomandazzjonijiet speċifiċi u ċari;
34. Jenfasizza l-fatt li l-klassifikazzjoni u l-evalwazzjoni newtrali mil-lat tal-ġeneru tal-impjiegi, kif ukoll it-trasparenza fil-pagi, huma miżuri indispensabbli sabiex jiġi mħeġġeġ trattament ugwali; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, sabiex tinkludi dawn il-miżuri fil-proposta tagħha għal Direttiva ġdida li tissostitwixxi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid”; jirrimarka li approċċ armonizzat biss huwa kompatibbli mal-moviment liberu tal-ħaddiema bħala libertà bażika Ewropea;
35. Jindika l-ħtieġa li jinstab metodu ta’ evalwazzjoni tax-xogħol ħieles mill-preġudizzju bejn is-sessi, li jippermetti li l-impjiegi jitqabblu fuq il-bażi tal-iskala u l-kumplessità tagħhom sabiex tiġi determinata l-pożizzjoni ta’ impjieg wieħed meta mqabbel ma’ impjieg ieħor fi ħdan settur partikolari jew organizzazzjoni, jekk l-impjiegi inkwistjoni ikun fihom nisa jew irġiel;
36. Jistieden lill-Istati Membri jagħmluha obbligatorja, permezz ta’ sistemi legali nazzjonali tagħhom, għal kumpaniji sabiex ifasslu u jimplimentaw pjanijiet annwali tal-kumpanija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dritt kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa li jieħdu ħsieb membri tal-familja, kif ukoll biex tiġi garantita rappreżentanza bilanċjata tas-sessi fil-bordijiet tat-tmexxija tagħhom;
37. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi fid-Direttiva l-ġdida l-awditjar tal-pagi b'mod obbligatorju għal kumpaniji elenkati fil-boroż tal-Istati Membri tal-UE, ħlief għal kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) biex tiġi enfasizzata d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa, u jiġu introdotti sanzjonijiet fil-livell tal-UE li jeskludu kumpaniji li jonqsu milli jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi mill-akkwist pubbliku ta’ oġġetti u servizzi ffinanzjati mill-baġit tal-UE; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess ma’ kumpaniji ffinanzjati b’sussidji pubbliċi;
38. Jitlob lill-Istati Membri jkunu huma stess ta' eżempju fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-pagi għan-nisa f’karigi governattivi, istituzzjonijiet u kumpaniji pubbliċi b’mod ġenerali;
39. Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi standards u kontrolli komuni li jiżguraw l-indipendenza u l-effikaċja tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza;
40. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-vittmi ta’ trattament inugwali u ta' diskriminazzjoni, partikolarment dawk li jkunu vittmi ta' diskriminazzjoni multipla, ikunu intitolati għal kumpens proporzjonat skont id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ;
41. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jinvertu l-oneru tal-prova, billi jiġi żgurat li jkun dejjem min iħaddem li għandu jipprova li dawn id-differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġew ikkonstatati ma rriżultawx f'xi diskriminazzjoni;
42. Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi fil-livell nazzjonali u tal-UE biex tiġi miġġielda l-persistenza ta’ sterjotipi, permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-livelli kollha tas-soċjetà, b'involviment akbar tal-midja, bi strateġiji li jħeġġu lin-nisa biex jagħżlu karrieri u professjonijiet fejn huma anqas rappreżentati, u bl-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;
43. Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali biss twassal għal titjib reali tas-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u li din teħtieġ rieda politika vera u kooperazzjoni strateġika bejn l-atturi differenti fil-livell Ewropew, nazzjonali, settorjali u organizzativ; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tfassal strateġija attiva, flimkien ma’ punti ta’ referenza, għanijiet u miri bi skadenza, biex titnaqqas l-inugwaljanza fil-qasam tal-impjiegi u l-qgħad, kif sar b’suċċess f’oqsma oħra bħal, pereżempju, it-tnaqqas tal-għadd ta’ aċċidenti stradali fl-UE;
44. Jistieden lill-Istati Membri japplikaw b'mod attiv ibbaġitjar tal-ġeneru sabiex jippromwovu t-titjib tas-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tippromovi l-iskambju ta’ eżempji tal-aħjar prattiki rigward l-ibbaġitjar tal-ġeneru;
45. Jenfasizza l-importanza li jittieħdu miżuri pożittivi li jippromwovu l-involviment tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi; jirrimarka li kwoti vinkolanti wrew li huma fost l-aħjar modi biex jinkiseb dan l-objettiv;
46. Jindika li miżuri pożittivi huma wkoll meħtieġa biex jiġi inċentivat il-ġeneru l-inqas rappreżentat biex jidħol f’ċerti professjonijiet fejn ikun hemm is-segregazzjoni orizzontali ċara tal-ġeneru;
47. Jistieden lill-Kummissjoni tħares lejn il-fatturi li jwasslu għal differenzi fil-pensjonijiet u biex tivvaluta l-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi li jnaqqsu din id-differenza fil-livell tal-UE u nazzjonali, inkluż permezz ta’ miżuri leġiżlattivi u/jew mhux leġiżlattivi;
48. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jieħdu l-miżuri adegwati biex titnaqqas id-differenza fil-pensjonijiet bejn is-sessi li hija konsegwenza diretta tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi u jevalwaw l-impatt tas-sistemi ġodda tal-pensjoni fuq diversi kategoriji ta’ nisa, b’attenzjoni partikolari fuq il-kuntratti part-time u l-kuntratti mhux standard,
49. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jopponu l-inugwaljanzi fil-pagi bejn is-sessi fil-politiki tal-Unjoni u l-programmi nazzjonali relevanti kollha, b'mod partikulari dawk maħsuba għall-ġlieda kontra l-faqar;
50. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju li jista' jqabbel is-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ ommijiet li jaħdmu, l-ommijiet li jagħżlu li jibqgħu d-dar, u nisa bla tfal, sabiex jitfa' aktar dawl fuq il-pożizzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-gruppi ta’ nisa fis-suq tax-xogħol, waqt li speċifikament iħares lejn il-livelli ta’ impjieg, il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u tan-nisa, u l-iżvilupp tal-karriera;
51. Jenfasizza r-rilevanza ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi affidabbli, komparabbli u disponibbli, kif ukoll statistika msejsa fuq is-sessi, biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tad-Direttiva u segwitu għaliha, u jfakkar f’dan ir-rigward fl-irwol tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-Eurostat bi statistika annwali ta’ kwalità għolja dwar id-differenza fil-pagi bejn is-sessi sabiex ikunu jistgħu jiġu evalwati żviluppi madwar l-UE kollha;
52. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar kif il-proċeduri relatati ma’ rikonoxximent uffiċjali ta’ bidla fis-sess ta’ persuna, jew fin-nuqqas ta’ tali proċeduri, jaffettwaw il-pożizzjoni tal-persuni transġeneru fis-suq tax-xogħol, partikolarment l-aċċess tagħhom għall-impjiegi, il-livell ta' remunerazzjoni, l-iżvilupp tal-karriera u l-pensjonijiet;
53. Jirrimarka li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew għandhom jinkludi miri biex titnaqqas id-differenza fil-pagi u l-pensjonijiet bejn is-sessi, id-diskriminazzjoni u r-riskju tal-faqar fost in-nisa anzjani, u biex jiġu implimentati b’mod effikaċi l-prinċipji ta’ trattament ugwali;
54. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja bir-reqqa l-qagħda tal-impjiegi tan-nisa fit-tielet settur, l-ekonomija soċjali u l-ekonomija kollaborattiva, u biex tipproponi, malajr kemm jista’ jkun, strateġija li tippromwovi u tipproteġi l-impjiegi u l-qagħda tan-nisa f’dawn is-setturi;
55. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex tiġi miġġielda l-prattika ta' impjiegi mhux iddikjarati u prekarji; jenfasizza l-livelli għoljin ta' xogħol mhux iddikjarat imwettaq min-nisa li jolqot b'mod negattiv l-introjtu, is-sigurtà soċjali, il-kopertura u l-protezzjoni tan-nisa, u li għandu effett ħażin fuq il-livelli tal-PDG tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi indirizzat b'mod partikolari x-xogħol domestiku, li jsir l-aktar min-nisa, bħala sfida speċjali, peress li dan ix-xogħol jaqa' fis-settur informali, huwa singularizzat u fin-natura tiegħu inviżibbli, u għaldaqstant jeħtieġ li jiġu żviluppati miżuri strutturati sabiex jiġi indirizzat b'mod effiċjenti; jiddeplora, barra minn hekk, l-abbuż ta' forom ta' kuntratt atipiċi, inklużi l-kuntratti ta' żero sigħat, sabiex tiġi evitata l-ħtieġa ta' konformità mal-obbligi b'rabta mal-impjiegi u mal-protezzjoni soċjali; jiddispjaċih mill-fatt li kien hemm żieda fin-numru ta' nisa maqbuda fil-faqar fost dawk li jaħdmu;
56. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tipproponi azzjonijiet biex: (a) titnaqqas id-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa; (b) tiżdied l-indipendenza ekonomika tan-nisa; (ċ) jitjiebu l-aċċessibilità u l-progress fil-karriera fis-suq tax-xogħol għan-nisa; (d) tiżdied b'mod fundamentali l-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; u (e) jitneħħew strutturi u prattiki diskriminatorji relatati mas-sessi;
57. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0375.
- [3] ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 75.
- [4] http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Employment_statistics
- [5] L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54/KE u l-Artikolu 157(4) tat-TFUE
- [6] Valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa
għal xogħol ugwali ta’ valur ugwali”, prodotta mill-Parlament fl-2013 - [7] Skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva mfassla mill-ġdid (COM(2013)0861),
NOTA SPJEGATTIVA
Rimarki ġenerali
It-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fl-impjieg u fix-xogħol huwa kwistjoni ta’ libertà u ġustizzja. Huwa parti mhux negozzjabbli tal-kuntratt soċjali. In-nisa kollha irrispettivament mill-età, l-edukazzjoni jew l-istatus soċjali tagħhom huma l-vittmi potenzjali ta’ diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol, b’mod dirett jew indirett. Xi drabi, id-diskriminazzjoni tkun tant sottili li tista’ tinkixef biss permezz ta’ analiżi bir-reqqa tad-dejta tal-istatistika rilevanti.
L-impatt tal-inugwaljanza fil-qasam tal-impjiegi ma jistax jiġi sottovalutat. Dan ifixkel il-potenzjal tan-nisa, u b’hekk ma jippermettix li s-soċjetà tuża b’mod sħiħ it-talenti, il-ħiliet, u l-abilitajiet tagħhom. Għalhekk, il-paga ugwali għan-nisa u l-irġiel hija kwistjoni ta’ ġustizzja u motivazzjoni.
Fl-istess ħin, tista’ wkoll tinftiehem bħala kwistjoni tal-familja. Il-benessri ta’ ħafna familji fl-Ewropa jiddependi fuq il-pagi tan-nisa. Maġġoranza kbira ta’ ommijiet jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, u ħafna minnhom iġorru r-responsabbiltà ewlenija biex jappoġġjaw il-familji tagħhom bħala l-unika persuna jew il-persuna primarja li taqla’ l-għajxien għall-familja tagħha. Għalhekk, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għandha impatt serju fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien, in-nutrizzjoni, u l-opportunitajiet tal-ħajja tat-tfal tagħhom. It-twassil ta’ politiki effiċjenti mmirati lejn it-tnaqqis tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jista’ jtejjeb is-sitwazzjoni ta’ ħafna familji, speċjalment dawk b’ġenitur wieħed, u b’ġenituri li jaħdmu f’impjiegi b’paga baxxa.
It-trattament ugwali u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni huwa parti importanti kemm tal-leġiżlazzjoni primarja tal-UE sa mill-adozzjoni tat-Trattat ta’ Ruma fl-1957 (inkorporata aktar riċentement fl-Artikolu 157 tat-TFUE), kif ukoll tal-każistika tal-QtĠ-UE. Madankollu, matul l-aħħar għaxar snin id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa bħala indikatur importanti tal-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol baqat kważi staġnata, minn 17.5 % fl-2008 għal 16.4 % fl-2012.
Fid-dawl ta’ dan l-istaġnar ir-rapporteur hija inklinata li tikkonkludi li d-Direttiva attwali 006/54/KE (tfassil mill-ġdid) laħqet il-limiti tagħha, u teħtieġ li tiġi aġġornata. Din il-konklużjoni hija sostnuta wkoll mill-pożizzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew, l-aktar notevoli r-riżoluzzjoni ta’ inizjattiva 2011/2285(INI) Paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għall-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni (rapport Bauer).
Differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa
Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa (GPG) hija kkalkulata bħala d-differenza bejn il-medja tad-dħul gross fis-siegħa ta’ impjegati maskili u femminili bħala perċentwal tal-medja tad-dħul gross fis-siegħa ta’ rġiel impjegati mħallsin. Il-perċentwal li jirriżulta huwa indikatur importanti tal-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol billi l-kalkolu jqis kemm impjiegi full-time kif ukoll part-time (b’mod ġenerali dawn tal-aħħar ikollhom pagi fis-siegħa aktar baxxi, filwaqt li jkunu ddominati min-nisa).
Id-definizzjoni ta’ GPG tagħmilha sensittiva għal tliet tipi ta’ tfixkil li jistabbilixxu limitazzjonijiet għall-interpretazzjoni tagħha: karatteristiċi individwali (eż edukazzjoni - jekk in-nisa b’edukazzjoni baxxa jibqgħu barra mis-suq tax-xogħol imbagħad il-GPG taqa’, filwaqt li jekk ikollhom bżonn l-introjtu u jmorru jaħdmu l-GPG tikber peress li l-impjegati b’edukazzjoni ogħla jaqilgħu aktar), karatteristiċi tal-industrija (eż. id-daqs tal-kumpanija - ħaddiema f’kumpaniji kbar għandhom tendenza li jkollhom qligħ ogħla minn dawk li jaħdmu għal kumpaniji iżgħar), u karatteristiċi istituzzjonali (paga minima - paga minima ogħla tnaqqas il-GPG, billi ħafna nisa jaħdmu f’impjiegi bi ħlas baxx).
Dan hu għaliex huwa importanti li titqabbel il-GPG globali ma’ differenza rreġistrata f’setturi speċifiċi. Filwaqt li tista’ tiġi osservata differenza konsiderevoli fil-pagi bejn l-impjegati part-time u dawk full-time, din id-differenza mhijiex neċessarjament ir-riżultat ta’ diskriminazzjoni diretta. Hija pjuttost konsegwenza tal-fatt li l-impjiegi part-time huma aktar frekwenti fis-setturi b’paga baxxa, bħas-servizzi tal-kura tas-saħħa jew tat-tindif. It-tqabbil intern tal-pagi fis-siegħa fost il-ħaddiema part-time juri li d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa hija iżgħar minn meta mqabbla mal-ħaddiema full-time.
Sabiex tiġi indirizzati l-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif manifestata mill-GPG, huwa meħtieġ li tiġi identifikata l-motivazzjoni sottostanti ta’ ħafna nisa irrispettivament mill-edukazzjoni u t-talenti tagħhom li jagħżlu mpjiegi ta’ valur tas-suq aktar baxx.
Żbilanċ bejn ix-xogħol u l-familja
In-nisa huma l-persuni prinċipali li jindukraw, billi jqattgħu ammont sproporzjonat ta’ ħin jagħmlu xogħol mhux imħallas u jipprovdu kura għat-tfal tagħhom u membri oħra tal-familja. Sabiex jagħmlu dan, ta’ spiss jagħżlu li jaħdmu part-time. Jiddominaw wkoll pożizzjonijiet f’setturi u okkupazzjonijiet li jippermettu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Dan iwassal biex ta’ spiss in-nisa jiġu impjegati f’impjiegi bi ħlas baxx u ma jidħlux għal pożizzjonijiet ta’ tmexxija. Iżda filwaqt li l-irġiel jaħdmu sigħat itwal min-nisa fuq il-post tax-xogħol, jekk is-sigħat imħallsa u mhux imħallsa li jaħdmu n-nisa jingħaqdu flimkien ikunu b'mod sinifikanti itwal minn dawk tal-irġiel.
Fl-istess ħin, it-tensjoni bejn il-ħajja tal-familja u dik professjonali tikkontribwixxi biex il-mara tipposponi ż-żmien meta jkollha l-ewwel tarbija u għal rati ta’ fertilità baxxi f’bosta Stati Membri. Ir-rati tal-impjiegi ta’ nisa bit-tfal żgħar qed ikunu b’mod kostanti aktar baxxi minn dawk ta’ nisa mingħajr tfal. Barra minn hekk, skont analiżi minn esperti, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa tibda tidher wara li l-mara tmur lura lejn is-suq tax-xogħol mil-liv tal-maternità tagħha, tiżdied minħabba interruzzjonijiet ripetuti fil-karriera minħabba fatturi esterni, bħal waqfien mix-xogħol biex tieħu ħsieb it-tfal jew membri dipendenti tal-familja, u aktarx li tkompli tikber bl-età. [1]
Minħabba perjodi ta’ liv tal-maternità u liv relatat mal-familja, in-nisa jesperjenzaw interruzzjonijiet sinifikanti ta’ esperjenza professjonali li jikkontribwixxu wkoll għall-GPG. L-impatt dirett ta’ perjodi bħal dawn jinkludi telf ta’ paga u s-sostituzzjoni tagħha minn allowance tal-maternità u f’ħafna Stati Membri dan huwa akkumpanjat ukoll minn benefiċċju tas-sigurtà soċjali aktar baxx matul dan il-perjodu. Din hija r-raġuni wkoll għaliex id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa hija l-aktar baxxa għall-impjegati żgħażagħ u tiżdied bl-età bħala riżultat tal-interruzzjonijiet fil-karriera msemmija hawn fuq.
L-inabbiltà li noffru lin-nisa soluzzjonijiet prattiċi li jgħinuhom jirrikonċiljaw aħjar ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja hija l-fattur ewlieni li jikkontribwixxi għas-segregazzjoni orizzontali/settorjali u vertikali/okkupazzjonali tas-suq tax-xogħol.
Bħala riżultat, in-nisa ta’ spiss jaħdmu f’setturi li joffru pagi fis-siegħa aktar baxxi minn setturi ddominati mill-irġiel, bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni jew l-amministrazzjoni pubblika. Fl-istess ħin, in-nisa qed jiffaċċjaw segregazzjoni vertikali jew okkupazzjonali li hija riżultat ta’ assenjamenti tar-rwol preġudikati fis-soċjetà ddominata mill-irġiel: ta’ spiss jinstabu impjegati bħala assistenti amministrattivi, assistenti fil-ħwienet jew ħaddiema b’ħiliet baxxi jew bla sengħa.
Ir-rapporteur tenfasizza l-ħtieġa li titqies ir-rabta bejn ir-rwol speċifiku tan-nisa bħala dawk li jrabbu t-tfal, u r-rieda tagħhom li jaċċettaw trattament inġust fis-suq tax-xogħol. Huwa għalhekk li tissuġġerixxi b’mod qawwi li d-dispożizzjonijiet immirati lejn l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ottimali għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja jqisu l-importanza ta’ xogħol mhux imħallas tan-nisa bħala persuni li jindukraw u jirrikonoxxu b’mod xieraq il-valur ta’ dan ix-xogħol mhux imħallas.
F’dan ir-rigward, jista’ jkun meħtieġ li jinbidel il-kalkolu tal-GPG biex jeskludi n-nisa b’wild wieħed jew aktar. B’dan il-mod, il-GPG tirrifletti biss id-differenza reali bejn il-pagi li tirriżulta minn diskriminazzjoni. Fl-istess ħin, it-tqabbil bejn id-differenza fl-pagi kif ikkalkulata issa u l-GPG “mingħajr dettalji” ibbażata fuq il-kalkolu l-ġdid jista’ jintuża bħala bażi biex jiġi stmat id-dejn dovut mis-soċjetà lin-nisa għax-xogħol mhux imħallas tagħhom bħala indukraturi.
Diskriminazzjoni fl-iskemi tal-pensjonijiet
Id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel tikber wara l-irtirar. Skont statistiċi disponibbli, in-nisa fl-UE jirċievu medja ta’ 39 % inqas mill-irġiel fil-pensjonijiet. Dan l-iżvilupp jirrifletti żvantaġġi fil-karriera li jsiru evidenti meta jitqabblu l-pensjonijiet okkupazzjonali. Bħala medja, id-differenzi fil-pensjonijiet huma konsiderevolment ogħla mid-differenzi fil-pagi. Dan huwa kkawżat mill-proporzjon ogħla ta’ nisa li jaħdmu part-time, minn pagi aktar baxxi fis-siegħa, u anqas snin fl-impjieg. F’xi Stati Membri, id-differenzi fil-pensjonijiet laħqu livelli li huma kważi d-doppju meta mqabbla mad-differenza fil-pagi L-inugwaljanza li tirriżulta tista’ tkompli tikber hekk kif is-sitwazzjoni demografika fl-Istati Membri tiddeterjora. Dan se jpoġġi s-sistemi tal-pensjoni Ħallas Waqt li Tkun Għaddej taħt pressjoni li dejjem tikber u l-fondi tal-pensjoni privati li jimmaniġġjaw it-tfaddil ikkalkulat bħala perċentwal tal-paga gwadanjata jsiru s-sors ewlieni ta’ dħul għaċ-ċittadini rtirati.
Ir-rapporteur tara d-differenza fil-pensjoni bħala estensjoni tad-differenza fil-pagi: bħala tali, hija diskriminatorja u għandha tiġi eliminata.
Kunċett tal-istess xogħol
Billi hemm rabta ċara bejn diskriminazzjoni indiretta persistenti tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u l-istatus speċjali ta’ mara bħala omm/mara tqila potenzjali jew attwali, id-definizzjoni nieqsa ta’ xogħol ta’ valur ugwali jew kwalunkwe kriterji ta’ valutazzjoni ċari għat-tqabbil ta’ impjiegi differenti tikkostitwixxi ostaklu kbir ieħor fit-twassil tas-suq tax-xogħol ġust ibbażat fuq it-trattament indaqs tan-nisa u l-irġiel.
Fil-Premessa 9, id-Direttiva mfassla mill-ġdid tiddikjara li “sabiex jiġi stmat jekk ħaddiema humiex jagħmlu xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, għandu jiġi determinat jekk, meħud kont ta’ firxa ta’ fatturi inklużi n-natura tax-xogħol u t-taħriġ u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, dawk il-ħaddiema jistgħux jitqiesu li huma f’sitwazzjoni kumparabbli.”
S’issa, tnax-il Stat Membru introduċew definizzjoni ta’ dan il-kunċett fil-leġiżlazzjoni tagħhom. Fil-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet, hija bbażata fuq l-erba’ komponenti ewlenin tal-evalwazzjoni tax-xogħol introdotti fl-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE: ħiliet, sforzi, responsabbiltà u kundizzjonijiet tax-xogħol. Ir-rapporteur tipproponi li l-kunċett tal-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali għandu jiġi introdott fl-Istati Membri kollha bħala rekwiżit obbligatorju bħala kontribuzzjoni għal-libertà bażika Ewropea tal-moviment tal-ħaddiema.
Trasparenza fil-pagi
L-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ trasparenza fil-pagi hija pass ieħor importanti lejn il-bini ta’ suq tax-xogħol ibbażat fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Ir-rapporteur tinsab konvinta li l-inklużjoni obbligatorja ta’ din l-għodda bbażata fuq definizzjoni Ewropea komuni tħalli impatt pożittiv billi min-naħa waħda tqajjem il-kuxjenza tal-impjegati fir-rigward ta’ remunerazzjoni eżistenti u disparitajiet ta’ benefiċċju filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi strument għall-vittmi li jibdew proċeduri tal-qorti f’każijiet ta’ diskriminazzjoni.
Aċċess għall-ġustizzja
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-direttiva mfassla mill-ġdid juri li l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi ta ’diskriminazzjoni jvarja b’mod sostantiv fost l-Istati Membri. Sabiex jingħeleb l-ostaklu ewlieni li jiffaċċjaw il-vittmi fil-maġġoranza tal-Istati Membri, ir-rapporteur tenfasizza l-bżonn ta’ għajnuna legali bla ħlas. Dan jista’ jiġi offrut minn korpi ta’ ugwaljanza, trejdjunjins jew NGOs.
It-titjib fl-aċċess għall-ġustizzja huwa wkoll prekundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ klawżoli ta’ kumpens u pieni skont id-Direttiva mfassla mill-ġdid. Filwaqt li l-kumpens jippermetti li l-qrati jagħtu lill-vittmi rimedji xierqa, is-sanzjonijiet u l-penali għandhom effett detrimentali fuq l-impjegaturi u jipprovdu motivazzjoni biex tiġi evitata kwalunkwe forma ta’ mġiba li tista’ tiġi interpretata bħala diskriminatorja Wara l-prinċipju tas-sussidjarjetà, is-sanzjonijiet ssuġġeriti mir-rapporteur għandhom jiġu imposti b’mod speċifiku fil-livell tal-UE u jaffettwaw l-ammissibbiltà ta’ kumpaniji fl-akkwisti pubbliċi ta’ prodotti u servizzi mħallsa mill-baġit tal-UE.
- [1] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Mejju 2012 b’rakkomandazzjonijiet
lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema irġiel u nisa
għall-istess xogħol jew xogħol ta’ valur ugwali (2011/2285(INI)
OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (1.6.2015)
għall-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
dwar ir-rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol
(2014/2160(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Vilija Blinkevičiūtė
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi sfida prinċipali għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea hija l-applikazzjoni u l-infurzar korrett tar-regoli dwar pagi ugwali, kif stabbilit mid-Direttiva 2006/54/KE;
B. billi r-rati ta' impjieg huma ġeneralment aktar baxxi fost in-nisa meta mqabbla mal-irġiel: fl-2013, ir-rata ta' impjieg għall-irġiel kienet ta' 69.4 % fl-UE-28, imqabbla mal-58.8 % għan-nisa[1],
C. billi n-nisa ġeneralment huma mħallsin madwar 16 % anqas mill-irġiel, u d-differenza fil-pagi bejn is-sessi ħafna drabi twassal biex in-nisa jirċievu pensjonijiet aktar baxxi meta mqabbla mal-irġiel – bħala medja fl-UE, il-pensjonijiet tan-nisa huma 39 % iktar baxxi minn dawk tal-irġiel,
D. billi n-nuqqas ta' trasparenza fl-istruttura tal-pagi tal-impjegati joħloq ambjent li fih id-diskriminazzjoni bejn is-sessi u fl-istrutturi tal-pagi tibqa' imperċettibbli għall-impjegati u/jew għar-rappreżentanti tagħhom u jibqa' diffiċli ħafna biex jiġi pprovat, u għalhekk ifixkel l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali;
E. billi fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-liġijiet nazzjonali ma jiddefinixxu bl-ebda mod il-kunċetti ta' "xogħol ta' valur ugwali" u "xogħol ugwali", għalhekk l-interpretazzjoni tagħhom titħalla f'idejn il-qrati nazzjonali fuq bażi ta' każ b'każ, u dan jikkontribwixxi ħafna għan-nuqqas ta' ċertezza legali għall-vittmi potenzjali ta' diskriminazzjoni fil-paga, minkejja r-referenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali,
1. Huwa tal-fehma li l-ugwaljanza bejn is-sessi, li tista' tinkiseb billi jiżdied il-benessri soċjali u ekonomiku, hija ta' benefiċċju mhux biss għan-nisa iżda għas-soċjetà kollha kemm hi; ifakkar li ġlieda effikaċi kontra l-istereotipi tas-sessi hija kruċjali sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-setturi kollha tas-suq tax-xogħol; jistieden lill-UE tkun promotur tal-ġlieda kontra l-istereotipi tas-sessi, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni, ix-xogħol u t-taħriġ ulterjuri;
2. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tipproponi azzjonijiet biex: (a) titnaqqas id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; (b) tiżdied l-indipendenza ekonomika tan-nisa; (ċ) jitjiebu l-aċċessibilità u l-progress fil-karriera fis-suq tax-xogħol tan-nisa; (d) tiżdied b'mod fundamentali l-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; u (e) jitneħħew strutturi u prattiki diskriminatorji relatati mas-sessi;
3. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu miżuri biex jiġġieldu l-forom kollha ta' diskriminazzjoni multipla, biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u ugwaljanza fis-suq tax-xogħol u fl-aċċess għall-impjieg, inkluż diskriminazzjoni kontra minoranzi etniċi u persuni b'diżabilità u diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-età, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u b'mod partikolari biex jadottaw miżuri ta' protezzjoni soċjali biex jiżguraw li l-pagi tan-nisa u l-benefiċċji soċjali, inklużi l-pensjonijiet, ikunu daqs tal-irġiel bl-istess esperjenza jew esperjenza simili li jagħmlu l-istess xogħol, jew xogħol ta' valur ugwali;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ċari biex jiġi miġġieled il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol b'mod aktar effiċjenti; jiddispjaċih mill-fatt li minkejja d-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tal-individwi mid-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg, 30 % tal-persuni transġeneru li jfittxu impjieg esperjenzaw diskriminazzjoni huma u jfittxu xogħol u n-nisa transġeneru x'aktarx kienu dawk li l-aktar ħassewhom iddiskriminati fis-sena ta' qabel l-istħarriġ dwar l-LGBT tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jirrimarka li dan huwa ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-effikaċja tal-entitajiet nazzjonali responsabbli u l-proċeduri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fir-rigward tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-bidla fis-sess; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri b'kompetenzi dwar kif għandhom jipproċedu biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg għal raġunijiet ta' "karatteristiċi tas-sess"; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu l-persuni transġeneru u intersesswali fit-taħriġ dwar id-diversità, u biex jaħdmu ma' min iħaddem fuq miżuri li għandhom jittieħdu fuq il-post tax-xogħol, pereżempju l-proċeduri għal reklutaġġ anonimu; jistieden lill-Istati Membri jużaw il-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) sabiex jindirizzaw b'mod attiv id-diskriminazzjoni kontra l-persuni transġeneru f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
5. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw attivament ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta' pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa permezz tat-trasparenza[2] u azzjoni pożittiva kontinwa permezz ta' leġiżlazzjoni, minħabba li din uriet li kienet ta' suċċess, bl-introduzzjoni ta' miżuri ta' trasparenza fil-pagi bħall-politiki ta' trasparenza dwar il-kompożizzjoni u l-istrutturi tal-pagi kif rakkomandati u mfassla apposta; jistieden lill-Istati Membri kollha jsibu l-aktar modi xierqa sabiex jiżguraw sistemi ta' evalwazzjoni u klassifikazzjoni newtrali tax-xogħol li huma bbilanċjati u mhux diskriminatorji billi jiġu kkunsidrati ftehimiet tax-xogħol kollettivi jew strumenti prattiċi; jistieden lill-Istati Membri biex jeħtieġu lill-kumpaniji kbar jippubblikaw id-differenza tagħhom fil-pagi bejn is-sessi;
6. Jilqa' l-bidla fl-oneru tal-provi fid-Direttiva 2006/54/KE favur in-nisa, li fil-proċedimenti legali huma meqjusa bħala vittmi ta' diskriminazzjoni sesswali, iżda jixtieq jisħaq li din id-dispożizzjoni mhijiex se tkun effikaċi sakemm ma jkunx hemm dritt rikonoxxut għal dawn in-nisa biex ikollhom aċċess għall-informazzjoni li jkollu min iħaddem, kif propost mill-Kummissjoni għall-inklużjoni fid-Direttiva tal-Kunsill 97/80/KE dwar l-oneru tal-provi f'każijiet ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, iżda li finalment ma ġiex adottat; jistieden lill-Istati Membri joħolqu pjattaformi li jkunu jistgħu jirċievu lmenti u jipprovdu appoġġ bla ħlas dwar il-kuntest legali f'każijiet ta' diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol;
7. Jenfasizza li, filwaqt li d-differenzi bejn ir-rati ta' impjieg u r-rati tal-paga tal-irġiel u n-nisa setgħu tnaqqsu kemmxejn f'dawn l-aħħar snin, dan mhuwiex ir-riżultat ta' titjib fil-pożizzjoni tan-nisa, iżda konsegwenza tat-tnaqqis fir-rati ta' impjieg u l-livelli ta' pagi tal-irġiel minħabba l-kriżi ekonomika;
8. Jistieden lill-Istati Membri jsibu mezz biex jipprovdu definizzjoni fil-liġijiet nazzjonali ta' dak li għandu jitqies bħala xogħol ta' valur ugwali jew sett ta' oqfsa ċari li fuq il-bażi tiegħu jkun possibbli li jiġi ddeterminat dak li għandu jitqies bħala xogħol ta' valur ugwali; jikkunsidra li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-valur tax-xogħol għandu jiġi vvalutat u kkomparat abbażi ta' kriterji oġġettivi, bħar-rekwiżiti tal-edukazzjoni, professjonali u tat-taħriġ, il-ħiliet, l-isforzi u r-responsabilità, il-ħidma mwettqa u n-natura tal-kompiti involuti – fatturi oħra jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, bħal kundizzjonijiet ta' xogħol, stress fiżiku u mentali, kompetenza u livell ta' indipendenza, ippjanar u teħid ta' deċiżjonijiet;
9. Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jegħlbu r-reżistenza għall-impjieg tan-nisa fis-settur privat u jiffavorixxu l-intraprenditorija femminili;
10. Jenfasizza li n-nisa, minkejja li jammontaw għal 60 % tal-gradwati tal-università fl-UE, għadhom ftit li xejn rappreżentati f'pożizzjonijiet għolja u ta' tmexxija fil-livelli kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi; jistieden, għaldaqstant, adozzjoni minnufih tad-Direttiva dwar in-nisa fuq bordijiet bħala l-ewwel pass importanti għar-rappreżentazzjoni indaqs fis-settur pubbliku u privat, u jisħaq fuq ir-responsabilità tal-Kummissjoni li tieħu kwalunkwe azzjoni li tista' tgħin biex jintemm l-istaġnar fil-Kunsill fir-rigward ta' leġiżlazzjoni tal-UE li tindirizza t-trasparenza u bilanċ akbar tal-ġeneri fir-reklutaġġ għal pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet;
11. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji jiggarantixxu d-diversità tal-ġeneru fl-għamla tal-listi ta' kandidati, filwaqt li jiġi żgurat li l-ġeneru tad-diretturi mhux eżekuttivi li huma eletti permezz ta' din il-proċedura bl-ebda mod ma jkun predeterminat u li l-kumpanniji jgħażlu l-aktar kandidati kwalifikati abbażi ta' analiżi komparattiva tal-kwalifiki billi jiġu applikati kriterji stabbiliti minn qabel, ċari, ifformulati b'mod newtrali, mhux diskriminatorji u mhux ambigwi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-kampanji li jiġġieldu l-istereotipi tas-sessi fl-aċċess għall-impjiegi, billi jenfasizzaw li kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel jistgħu jaċċedu oqsma differenti, b'mod partikolari x-xjenzi u t-teknoloġiji, u biex in-nisa jiġu nkoraġġuti jidħlu għal apprentistati u xogħol li huma tradizzjonalment iddominati mill-irġiel u biex jiżguraw li min iħaddem jipprovdi taħriġ dwar l-ugwaljanza u d-diversità għall-persunal kollu;
12. Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu d-dritt għar-ritorn għax-xogħol għan-nisa wara t-tqala u l-liv tal-maternità, id-dritt għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, biex jissalvagwardjaw id-drittijiet ta' maternità tagħhom, u biex jieħdu miżuri biex jipprevjenu t-tkeċċija inġusta tal-impjegati matul it-tqala u biex jipproteġu lin-nisa u lill-irġiel b'responsabilitajiet ta' kura mit-tkeċċija inġusta; f'dan ir-rigward, jiddeplora l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevoka d-Direttiva dwar il-liv tal-maternità u jistieden lill-Kunsill jaħdem b'mod proattiv mal-Parlament u mal-Kummissjoni sabiex tiġi żblukkata d-Direttiva dwar il-liv tal-maternità; jisħaq, barra minn hekk, li t-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni dwar il-liv tal-paternità jagħti spinta importanti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bejn is-sessi b'pagi differenti fuq il-post tax-xogħol;
13. Jemmen li l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi promossa b'investiment fl-infrastrutturi tal-assistenza, u f'servizzi għall-familja u billi jingħataw inċentivi għal regolamenti dwar il-liv tal-ġenituri u tal-paternità u ħinijiet tax-xogħol flessibbli;
14. Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni indiretta fl-iskemi tal-pensjonijiet, mhux biss fl-iskemi okkupazzjonali iżda wkoll fil-prattiki tal-iskemi tal-pensjonijiet statutorji; jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li l-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali għandhom jiġu meqjusa bħala paga u li b'hekk, il-prinċipju tat-trattament ugwali japplika għal dawn l-iskemi ukoll, minkejja l-fatt li d-distinzjoni bejn l-iskemi tal-pensjonijiet statutorji u dawk okkupazzjonali hija problematika f'ċerti Stati Membri u li l-kunċett tal-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali mhuwiex magħruf f'xi Stati Membri, li jista' jwassal għal diskriminazzjoni indiretta fis-suq tax-xogħol;
15. Jenfasizza li s-segregazzjoni okkupazzjonali u settorjali tas-suq tax-xogħol tibqa' fattur li jiddetermina d-differenza fil-pagi bejn is-sessi; jenfasizza wkoll li l-impjiegi tan-nisa, b'mod partikolari n-nisa li jaħdmu bħala ħaddiema domestiċi u ta' kura, huma konsistentement sottovalutati u huwa aktar probabbli li jiġu soġġetti għal paga baxxa, xogħol involontarju part-time, impjiegi prekarji u kuntratti ta' żero sigħat, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri xierqa biex effettivament jillimitaw xogħol involontarju part-time; jisħaq li l-femminizzazzjoni tal-faqar hija r-riżultat ta' diskriminazzjoni multipla u ta' bosta fatturi oħra, li jinkludu d-differenza fil-pagi bejn is-sessi, id-differenza fil-pensjonijiet, ir-responsabilitajiet tal-kura u l-waqfien relatat, kif ukoll in-nuqqas ta' sistemi ta' sostenn li jolqtu unitajiet domestiċi mmexxija minn ommijiet waħedhom; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tal-valutazzjoni tal-effett bejn is-sessi tas-sistemi ta' sigurtà soċjali; ifakkar l-importanza li ssir implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti kontra d-diskriminazzjoni, filwaqt li jitqies approċċ intersezzjonali sabiex jitnaqqas il-faqar fost in-nisa;
16. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex tiġi miġġielda l-prattika ta' xogħol mhux iddikjarat u prekarju; jenfasizza l-livelli għoljin ta' xogħol mhux iddikjarat imwettaq min-nisa li jolqot b'mod negattiv l-introjtu, is-sigurtà soċjali, il-kopertura u l-protezzjoni tan-nisa, u li għandu effett ħażin fuq il-livelli tal-PDG tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi indirizzat b'mod partikolari x-xogħol domestiku, li jsir l-aktar min-nisa, bħala sfida speċjali, peress li dan ix-xogħol jaqa' fis-settur informali, huwa singularizzat u fin-natura tiegħu inviżibbli, u għaldaqstant jeħtieġ li jiġu żviluppati miżuri strutturati sabiex jiġi indirizzat b'mod effiċjenti; jiddeplora, barra minn hekk, l-abbuż ta' forom ta' kuntratt atipiċi, inklużi l-kuntratti ta' żero sigħat, sabiex tiġi evitata l-ħtieġa ta' konformità mal-obbligi b'rabta mal-impjiegi u mal-protezzjoni soċjali; jiddispjaċih mill-fatt li kien hemm żieda fin-numru ta' nisa maqbuda fil-faqar fost dawk li jaħdmu;
17. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jifirxu u jżidu s-sensibilizzazzjoni pubblika li tirrigwarda l-pagi ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u d-differenza fil-pensjonijiet bejn is-sessi, u dwar diskriminazzjoni diretta u indiretta tan-nisa fuq il-post tax-xogħol fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Sena Ewropea għall-ġlieda kontra d-differenza fil-pagi bejn is-sessi;
18. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvolvu lis-sħab soċjali (trejdjunjins u impjegaturi) u s-soċjetà ċivili, inklużi korpi tal-ugwaljanza bejn is-sessi fit-twettiq tal-ugwaljanza bejn is-sessi, bil-ħsieb li jitrawwem it-trattament ugwali; jenfasizza li d-djalogu soċjali għandu jinkludi l-monitoraġġ u l-promozzjoni ta' prattiki ta' ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol, inklużi arranġamenti ta' xogħol flessibbli, bil-għan li tiġi ffaċilitata r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol mal-ħajja privata; jenfasizza l-importanza ta' ftehimiet kollettivi fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol kif ukoll strumenti oħra bħal kodiċi ta' mġiba, ta' riċerka jew skambju ta' esperjenzi u ta' prattika tajba fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi;
19. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fis-Semestru Ewropew dwar l-indirizzar tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi jiġu implimentati;
20. Jiddispjaċih li ċerti Stati Membri ma jissodisfawx jew iħallu barra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u jħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi malajr u b'mod sod sabiex issolvi din is-sitwazzjoni.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
28.5.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
42 8 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, David Casa, Ole Christensen, Lampros Fountoulis, Agnes Jongerius, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Zdzisław Krasnodębski, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Terry Reintke, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Amjad Bashir, Heinz K. Becker, Mercedes Bresso, Tania González Peñas, Eva Kaili, Eduard Kukan, António Marinho e Pinto, Evelyn Regner, Csaba Sógor, Gabriele Zimmer |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Michaela Šojdrová |
||||
SEJĦA TAL-ISMIJIET GĦALL-VOTAZZJONI FINALI
[24] |
+ |
|
ALDE |
Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Angelika Mlinar |
|
EFDD |
Daniela Aiuto |
|
GUE/NGL |
Malin Björk, Stefan Eck |
|
PPE |
Anna Maria Corazza Bildt, Ildikó Gáll-Pelcz, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Elisabeth Köstinger, Elissavet Vozemberg, Suica Dubravka |
|
S&D |
Inés Ayala Sender, Biljana Borzan, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Clare Moody, Maria Noichl, Liliana Rodrigues, Marc Tarabella |
|
VERTS/ALE |
Terry Reintke, Jordi Sebastià, Ernest Urtasun |
|
[2] |
- |
|
EFDD |
Louise Bours |
|
NI |
Sylvie Goddyn |
|
[6] |
0 |
|
ECR |
Branislav Skripek, Jadwiga Wisniewska, Jana Zitnanská |
|
PPE |
Marijana Petir, Michaela Sojdrová, Anna Záborská |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
16.6.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
24 2 6 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Daniela Aiuto, Beatriz Becerra Basterrechea, Malin Björk, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Mlinar, Maria Noichl, Marijana Petir, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Elissavet Vozemberg, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská, Jana Žitňanská |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Inés Ayala Sender, Izaskun Bilbao Barandica, Biljana Borzan, Louise Bours, Stefan Eck, Ildikó Gáll-Pelcz, Sylvie Goddyn, Clare Moody, Branislav Škripek, Dubravka Šuica, Marc Tarabella |
||||