Proċedura : 2014/2240(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0214/2015

Testi mressqa :

A8-0214/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 27
CRE 07/09/2015 - 27

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0291

RAPPORT     
PDF 251kWORD 226k
25.6.2015
PE 546.875v02-00 A8-0214/2015

dwar Nisfruttaw il-potenzjal ta' riċerka u innovazzjoni fl-ekonomija blu biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi

(2014/2240(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur: João Ferreira

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Nisfruttaw il-potenzjal ta' riċerka u innovazzjoni fl-ekonomija blu biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi

(2014/2240(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2014 bit-titolu “L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir" (COM(2014)0254),

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Lulju 2014, li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu(1)

–       wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina)(2),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni” (COM(2010)0546),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007 dwar “Politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea” COM(2007)0575,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Limassol tat-8 ta' Ottubru 2012 dwar Aġenda dwar il-baħar u marittima għat-tkabbir u l-impjiegi,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2012 bit-titolu "It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu" (COM(2012)494),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2013 dwar “Pjan ta’ Azzjoni għal Strateġija Marittima fiż-żona tal-Atlantiku. Il-provvediment ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (COM(2013)0279),

–       wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-29 ta' Awwissu 2012 bit-titolu "Għarfien dwar il-Baħar 2020: mill-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku" (COM(2012)0473),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar “Tkabbir blu: It-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar, tat-trasport marittimu u tat-turiżmu fl-UE”(3),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar l-għarfien dwar il-baħar 2020: “L-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għall-promozzjoni ta’ sajd sostenibbli”(4),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tas-27 ta’ Frar 2014, dwar Azzjonijiet speċifiċi fil-Politika Komuni tas-Sajd għall-iżvilupp tar-rwol tan-nisa(5),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE(6),

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1292/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 294/2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(7),

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1312/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT): il-kontribuzzjoni tal-EIT għal Ewropa iktar innovattiva(8),

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, mogħtija fil-15 ta’Ottubru 2014, dwar "L-innovazzjoni u l-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir" (2015/C 012/15),

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, mogħtija fil-21 ta' Jannar 2015 dwar “L-innovazzjoni u l-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir" (2015/C 019/05),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2014 dwar “Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali” (COM(2014)0086),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Kompetittività tal-4 ta’ Diċembru 2014 bl-isem “It-tisħiħ tat-turiżmu permezz tal-promozzjoni tal-wirt kulturali, naturali u marittimu tal-Ewropa”,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata fil-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Rio+20) li saret f’Rio de Janeiro, il-Brażil, mill-20 sat-22 ta’ Ġunju 2012,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0214/2015),

A.     billi l-kunċett tal-ekonomija blu jkopri firxa wiesgħa ta' setturi ekonomiċi marbuta mal-ibħra u l-oċeani, li jvarjaw bejn setturi tradizzjonali jew stabbiliti u dawk emerġenti, fosthom is-sajd, l-akkwalkultura, it-trasport tal-merkanzija fuq il-baħar u dak tal-passaġġi fuq l-ilma interni, il-portijiet u l-loġistika, it-turiżmu, in-navigazzjoni rikreattiva u tal-kruċieri, il-bini u t-tiswija tal-bastimenti, xogħlijiet marittimi u protezzjoni tal-kosta, il-prospettar u l-isfruttar tar-riżorsi minerali lil hinn mill-kosta, l-isfruttar tal-enerġija mir-riħ u mill-baħar lil hinn mill-kosta, u l-bijoteknoloġija;

B.     billi l-iżvilupp tal-ekonomija blu għandu jiffoka fuq attivitajiet ekonomiċi sostenibbli li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet attwali u tal-ġejjieni u li jiġġeneraw prosperità għas-soċjetà;

C.     billi l-iżvilupp tal-ekonomija blu jeħtieġ bażi b’saħħitha ta’ għarfien xjentifiku, peress li dan huwa l-punt ta’ tluq għar-riċerka u l-innovazzjoni, u billi s-setturi xjentifiċi u teknoloġiċi marbuta mal-ekonomija blu huma diversi ferm;

D.     billi l-protezzjoni u s-salvagwardja tal-ambjenti naturali tal-baħar huma fundamentali għaż-żamma, l-appoġġ u l-iżvilupp tal-ekonomija blu u, barra minn hekk, l-ekosistemi vijabbli tal-baħar huma prekundizzjoni għall-isfruttament tar-riżorsi tal-ibħra u l-oċeani; billi l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà għandhom ikunu l-pilastri ewlenin tal-ekonomija blu sabiex jiġu ġġenerati t-tkabbir u l-impjiegi;

E.     billi jeżisti nuqqas gravi ta’ data, informazzjoni u għarfien dwar l-ibħra u l-oċeani, ir-riżorsi u l-bijodiversità tagħhom, u l-mod kif dawn jinteraġixxu mal-attivitajiet tal-bniedem, u l-impatti ambjentali u kumulattivi ta’ dawn l-istess attivitajiet – indipendentement minn jekk hux qed iseħħu jew iridux jiġu żviluppati – u billi l-għarfien inadegwat jillimita l-użu sostenibbli tar-riżorsi kkonċernati, huwa ostakolu għall-innovazzjoni u jirrestrinġi l-potenzjal sħiħ tal-ibħra u l-oċeani, fil-kuntest ta’ popolazzjoni dinjija li qed tiżdied bir-riżultat li l-ibħra u l-oċeani tagħna se jintużaw dejjem iżjed għall-ikel, l-ispazju, l-enerġija u l-minerali u b’hekk jeħtieġu approċċ aktar sistematiku għall-użu sostenibbli tagħhom;

F.     billi l-ekosistemi tal-baħar huma żoni b’bijodiversità fraġli, sensittivi għall-attivitajiet tal-bniedem, u qed isir dejjem aktar importanti li tinkiseb u tiġi kondiviża informazzjoni preċiża dwar il-post u l-firxa ta’ tipi ta’ ħabitat biex jiġu ffaċilitati l-ġestjoni soda, l-iżvilupp u l-protezzjoni ta’ żoni sensittivi;

G.     billi l-ostakli għas-suċċess fl-innovazzjoni fl-ekonomija blu ma jinħolqux biss minħabba l-lakuni fl-għarfien xjentifiku, li l-universitajiet, in-negozji u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka qed jippruvaw jindirizzaw permezz ta’ riċerka ta’ livell għoli, iżda jinħolqu wkoll bl-ostakli għall-finanzjamenti minn riżorsi kemm pubbliċi kif ukoll privati;

H.     billi l-potenzjal għall-isfruttar tar-riżorsi tal-baħar biex jiġu żviluppati riżorsi tal-enerġija rinnovabbli sostenibbli jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-istrateġija tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE permezz tat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Istati Membri fuq sorsi tal-enerġija mhux tal-UE;

I.      billi l-iżvilupp tal-ekonomija blu jista’ jagħti spinta kemm lit-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku, kif ukoll lill-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment għar-reġjuni kostali, ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi gżira, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet u d-differenzi speċifiċi u varji ta’ kull żona ġeografika;

J.      billi l-investiment ikbar fir-riċerka u l-innovazzjoni b’rabta mal-ibħra u l-oċeani jista’ jkun għodda utli biex jiġu appoġġjati l-għanijiet ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, filwaqt li jiġu indirizzati l-asimmetriji u d-differenzi li qed jikbru bejn l-Istati Membri, u tissaħħaħ ukoll il-pożizzjoni globali tal-UE fil-qasam tal-politika marittima u l-ekonomija blu (pereżempju permezz tal-esportazzjoni ta’ teknoloġija ambjentali), b’kunsiderazzjoni tal-importanza tal-impriżi żgħar u medji (SMEs) u n-negozji tal-familja għall-innovazzjoni u l-impjiegi;

K.     billi fl-attivitajiet tal-ekonomija blu għandhom jitqiesu livelli adegwati differenti ta’ kompetenza, b’mod speċifiku fill-livell internazzjonali, Ewropew u tal-Istati Membri; billi l-prijoritajiet settorjali għall-iżvilupp tal-ekonomija blu jistgħu jvarjaw bejn Stat Membru u ieħor, u jiddependu minn naħa fuq ir-rekord tal-iżvilupp rispettiv tas-setturi tradizzjonali jew stabbiliti u, min-naħa l-oħra, fuq ir-riżorsi eżistenti u l-iżvilupp potenzjali tas-setturi emerġenti f’kull Stat Membru;

L.     billi biex jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet ta’ innovazzjoni fl-ekonomija blu hemm bżonn ta’ forza tax-xogħol tas-sengħa, edukata u mħarrġa b’mod adegwat; billi attwalment jeżisti nuqqas ta’ ħiliet li għandu jiġi indirizzat;

M.    billi jeħtieġ li jiġi evitat li, bil-pretest li jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija blu, jiġu applikati forom insostenibbli ta’ sfruttament tar-riżorsi u mudelli tat-tkabbir li diġà ntwera li mhumiex sostenibbli għall-ibħra u l-oċeani, u billi l-isfruttament tar-riżorsi tal-ibħra u l-oċeani għandu jsir strettament b’konformità mal-ħtieġa li jiġu żgurati l-ġestjoni u l-konservazzjoni xierqa ta’ dawn ir-riżorsi, bla ma jinbidlu l-bilanċi assoċjati mal-ekosistemi tal-baħar, u billi jiġu rrestawrati dawk degradati pereżempju permezz ta’ metodi innovattivi biex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-baħar, b’mod partikolari l-volumi li qed jikbru ta’ skart tal-plastik, plastiglomerati u mikropartiċelli tal-plastik li jiddiżintegraw, u r-riċiklaġġ tal-iskart bla ma jinħlew ir-riżorsi;

N.     billi bosta għodod ta’ ġestjoni ambjentali kostali u tal-baħar qed jiġu appoġġjati bl-immappjar ta’ qiegħ il-baħar, inkluż l-ippjanar ta’ stħarriġ ta’ monitoraġġ bl-identifikazzjoni ta’ żoni li x ’aktarx jappoġġjaw ħabitat partikolari ta’ interess, jew bl-għoti ta’ informazzjoni bħala għajnuna fil-lokalizzazzjoni u l-ippjanar ta’ proġetti lil hinn mix-xtut, bħall-iżvilupp ta’ mollijiet u marini, xogħlijiet ta’ protezzjoni kostali, parkijiet eoliċi fuq il-baħar u reklamazzjoni tal-art, b’mod sostenibbli għall-ambjent;

O.     billi, skont l-Artikolu 190 tat-Trattat ta’ Lisbona u d-dikjarazzjoni ta’ Rio+20, il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-approċċ abbażi tal-ekosistema għandhom ikunu fil-qalba tal-ġestjoni ta’ kwalunkwe attività li jkollha impatt fuq l-ambjent tal-baħar;

P.     billi l-UE ilha tipproduċi sett ta’ programmi u linji gwida li jipprovdu qafas għal attivitajiet relatati mal-ekonomija blu u l-innovazzjoni; billi dak il-qafas għandu jiġi ġġudikat skont l-utilità prattika tiegħu fl-appoġġ tal-isforzi tal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jiżviluppaw l-ekonomija blu;

Q.     billi l-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ ekonomija blu ġdida u sostenibbli għandhom ikunu inklużi fil-politika għall-iżvilupp tal-UE, fil-politika barranija u fil-politika tal-Unjoni għall-Mediterran u l-pajjiżi kostali Afrikani tal-Mediterran, l-istati gżira tal-Afrika tal-Lvant fl-Oċean Indjan, filwaqt li l-istati gżira li huma partijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) tal-AKP jeħtieġ li jiġu kkunsidrati bħala sħab fl-isforz biex titwaqqaf ekonomija blu sostenibbli;

R.     billi l-komunitajiet kostali u tal-gżejjer u l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma partijiet ikkonċernati indispensabbli fid-dibattitu dwar il-potenzjal tal-ekonomija blu u t-twettiq tiegħu;

S.     billi ż-żoni kostali għandhom karatteristiċi speċifiċi li jagħmluhom distinti u jiddeterminaw l-opportunitajiet tagħhom għall-iżvilupp fit-terminu medju u fit-tul;

T.     billi l-oċeani u l-ibħra Ewropej huma differenti ħafna u jvarjaw mill-profondità tal-Atlantiku lil hinn mill-Irlanda għall-profondità tal-Baħar l-Iswed lil hinn mir-Rumanija u mill-ibħra kesħin fl-Artiku għall-ilmijiet sħan tal-Mediterran;

U.     billi t-turiżmu jikkostitwixxi 5 % tal-PDG tal-UE, 12-il miljun impjieg u 2.2 miljun impriża; billi t-turiżmu kulturali jikkostitwixxi kważi 40 % tat-turiżmu pan-Ewropew; billi t-turiżmu tal-baħar u kostali jikkostitwixxi terz tal-attivitajiet turistiċi kollha fl-Ewropa, u jimpjega 3.2 miljun ħaddiem;

V.     billi bħalissa huwa stmat li bejn 3 % u 5 % tal-PDG tal-UE jiġi mis-settur marittimu ġenerali, li jimpjega madwar 5.6 miljun persuna u li jiġġenera EUR 495 biljun għall-ekonomija Ewropea;

W.    billi huwa stmat li bħalissa n-numru ta’ molekuli fil-baħar huwa ħafna ogħla min-numru ta’ molekuli fuq l-art, u li dawn jirrappreżentaw potenzjali inkredibbli għar-riċerka fl-oqsma tas-saħħa, tal-kożmetiċi u tal-bijoteknoloġija;

X.     billi l-politika marittima integrata hija importanti bħala lieva b’saħħitha għall-attivitajiet tal-ekonomija blu, fuq kollox meta jkun meħtieġ li jiġu indirizzati b’mod integrat l-isfidi kollha li qed jiffaċċjaw l-ibħra Ewropej illum;

Y.     billi fil-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) preċedenti, il-gruppi għall-iżvilupp tas-sajd urew li huma utli ħafna bħala għodda għall-ħolqien tal-impjiegi u l-ġid, il-koeżjoni soċjali u territorjali, kif ukoll fit-teħid tad-deċiżjonijiet u bħala protagonisti attivi fl-iżvilupp tagħhom stess;

1.      Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir"; jinnota li l-komunikazzjoni għandha ambitu limitat u ma tkoprix is-setturi kollha li jikkostitwixxu l-ekonomija blu; jitlob lill-Kummissjoni tadotta approċċ integrat u iktar komprensiv li jkopri l-isfidi tal-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi fil-firxa varjata kollha ta’ setturi interkonnessi;

2.      Huwa tal-fehma li l-ekonomija blu għandha tiġi definiti f’termini speċifiċi u inklużivi li jkopru l-attivitajiet settorjali u intersettorjali kollha relatati mal-oċeani, l-ibħra, l-ekosistemi kostali, iż-żoni kostali u interni konnessi, inklużi forom ta’ appoġġ dirett u indirett; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza trażversali tal-innovazzjoni għal dawn l-attivitajiet kollha, kemm jekk ikunu tradizzjonali u kemm jekk ikunu emerġenti;

3.      Jippromwovi l-ħtieġa ta’ ppjanar strateġiku tal-attivitajiet fl-ekonomija blu, metodi diretti ta’ finanzjament, prijoritajiet fil-mira u pjan ta’ azzjoni sabiex dan is-settur jingħata spinta sal-2020, inklużi ideat speċifiċi dwar mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u investiment fl-infrastruttura;

4.      Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iwettqu analiżi u kwantifikazzjoni tal-firxa tal-attivitajiet ekonomiċi eżistenti tal-ekonomija blu tagħhom u jitlob l-iżvilupp ta’ strateġija li għandha ġġib flimkien inizjattivi dwar is-setturi marittimi kollha; jitlob lill-Kummissjoni twettaq ċensiment tal-għadd kbir ta’ proġetti li hija ffinanzjat fil-passat li kienu relevanti għall-ekonomija blu, u tniedi studju komprensiv dwar l-importanza u l-valur tal-ekonomija blu;

5.      Jenfasizza li l-ibħra u l-oċeani diġà jinsabu taħt pressjoni antropika konsiderevoli u qed ibatu mill-konsegwenzi marbuta ma’ din il-pressjoni (tniġġis, tibdil fl-ambjent u l-klima, sfruttament żejjed tar-riżorsi, sajd żejjed, eċċ.), iżda madankollu l-ibħra u l-oċeani għad għandhom riżervi importanti ta’ ekosistemi li mhumiex aċċessibbli u għaldaqstant għadhom intatti; jemmen li l-ekonomija blu għandha għalhekk tqis il-protezzjoni, ir-restawr u ż-żamma tal-ekosistemi, il-bijodiversità, ir-reżiljenza u l-produttività tal-ibħra u l-oċeani, inklużi s-servizzi assoċjati mal-funzjonament tal-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar; jemmen li l-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-approċċ ekosistemiku għandhom ikunu fil-qalba tal-ekonomija blu;

6.      Jenfasizza r-rwol importanti tat-teknoloġiji l-ġodda fil-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u jenfasizza r-rabtiet bejn l-ekonomija blu u l-ekonomija ekoloġika, speċjalment fir-rigward ta’ metodi innovattivi biex jitnaddfu l-ibħra, inkluż ir-riċiklaġġ tal-plastik ta’ ħsara għall-ambjent b’mod kosteffikaċi;

7.      Jinnota li fehim aħjar tal-ibħra u l-oċeani, inklużi qiegħ il-baħar u l-ħajja fil-baħar, flimkien ma’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, se jippermettu li jiġu sfruttati b’mod sostenibbli r-riżorsi tal-baħar, filwaqt li jsaħħu l-bażi xjentifika li fuqha huma msejsa l-politiki marittimi varji tal-UE;

8.      Jitlob lill-Kummissjoni biex, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri (wara t-tlestija tal-analiżi xjentifika u ċ-ċensiment imsemmija hawn fuq), tkejjel il-bżonnijiet finanzjarji tal-ekonomija blu (fil-livelli settorjali, reġjonali, nazzjonali u tal-Ewropa) bl-għan li jinkiseb il-potenzjal tagħha ta’ tkabbir sostenibbli, żvilupp u ħolqien tal-impjiegi, b’enfasi partikolari fuq ir-reġjuni li huma dipendenti ħafna fuq is-sajd u b’konsiderazzjoni partikolari għan-negozji l-ġodda, l-SMEs u n-negozji tal-familja;

9.      Jenfasizza li l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu jirrikjedi investiment ikbar fl-għarfien u r-riċerka; jiddeplora l-impatt fuq terminu ta’ żmien qasir u fit-tul li t-tnaqqis fl-investiment pubbliku fir-R&Ż qed ikollu fuq il-programmi nazzjonali tar-riċerka; huwa tal-fehma li, sabiex jitjieb il-fehim tal-ambjent tal-baħar u l-potenzjal ekonomiku tiegħu, l-UE u l-Istati Membri għandhom jipprovdu finanzjament sostanzjali, skont arranġamenti li jaħsbu għall-kontinwità u l-prevedibbiltà fuq medda twila taż-żmien, bla ma jipperikolaw il-finanzjament ta’ programmi diġà eżistenti u li qed jitwettqu;

10.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi l-kompilazzjoni ta’ data xjentifika perjodika u aġġornata dwar l-istatus tal-popolazzjonijiet tal-baħar fi ħdan l-ilmijiet tal-UE u barra minnhom, b’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra; itenni n-natura multidixxiplinarja tar-riċerka tal-baħar u dik marittima u jenfasizza l-importanza ta’ appoġġ għal sforz trażversali li jolqot id-diversi setturi u dixxiplini tar-riċerka tal-baħar u dik marittima;

11.    Iħeġġeġ sabiex jiġu stipulati objettivi u skadenzi ċari bl-għan li d-data – irrispettivament minn jekk tkun relatata ma' qiegħ il-baħar u l-kolonna tal-ilma jew ir-riżorsi ħajjin – tkun trasparenti, iktar aċċessibbli u kompletament interoperabbli u armonizzata; jitlob li tingħata informazzjoni dwar l-ibħra u l-oċeani lill-pubbliku, bl-għan li titrawwem l-innovazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-fondi ma jinħlewx u li l-proġetti ma jkunux iddupplikati; jemmen li l-investiment fi proġetti ta’ akkwiżizzjoni ta’ data jikkontribwixxi wkoll għall-produttività u għal żieda fl-innovazzjoni;

12.    Jitlob li r-riżultati tar-riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi jitqiegħdu fid-dominju pubbliku għal użu mhux kummerċjali (filwaqt li tiġi ssalvagwardjata d-data ta’ importanza strateġika għall-Istati Membri), u li dak il-prinċipju jkun japplika b’mod vinkolanti fuq is-sħab li jipparteċipaw fil-programmi ta’ riċerka tal-UE; jitlob li jingħata aċċess miftuħ għad-data li tappoġġja r-riżultati ta’ tali riċerka; jitlob inizjattiva tal-UE li tinkoraġġixxi lill-kumpaniji privati fis-settur marittimu biex jikkondividu data li ma tkunx ekonomikament sensittiva għal skopijiet ta’ riċerka u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjattaforma ta’ informazzjoni tar-riċerka Orizzont 2020 malajr kemm jista’ jkun;

13.    Jitlob li l-proġett Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni u Data Marittima (EMODnet) jinkludi b’mod espliċitu l-istħarriġ tad-data dwar l-impatti kumulattivi, l-iskart tal-baħar, l-istorbju tal-baħar u interferenti endokrinali li jistgħu jiġu dissolti, fit-taqsima tiegħu dwar l-impatt tal-bniedem;

14.    Jirrifjuta t-tnaqqis fil-baġit tal-programm qafas ta’ riċerka Orizzont 2020 propost mill-Kummissjoni;

15.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet regolari tal-implimentazzjoni tal-programm Orizzont 2020 fl-oqsma relatati mal-ekonomija blu u tippubblika r-riżultati; jappoġġja t-twaqqif ta’ sħubija speċifika għall-industrija marittima skont il-qafas tal-programm Orizzont 2020 u jitlob li tiġi inkluża fil-programm ta’ ħidma Orizzont 2020 għall-2016 u l-2017; iqis li għandhom isiru aktar sforzi biex titjieb ir-rabta bejn ir-riċerka u l-industrija fl-iżvilupp tal-prodotti u l-proċessi ġodda, it-tkabbir u l-impjiegi;

16.    Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-ekonomija blu u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja u tinkoraġġixxi l-forom kollha ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali (sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet f’dan il-qasam), bħall-inizjattivi ta’ programmazzjoni konġunta, filwaqt li jiġu involuti wkoll ir-raggruppamenti marittimi, is-settur tas-sajd u l-komunitajiet lokali; jenfasizza r-rwol tal-istrateġiji makroreġjonali bħala mezz biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni u jiġu sfruttati l-opportunitajiet konġunti (eż. l-Istrateġija għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku) u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jibnu fuq il-proġetti ta’ riċerka reġjonali ta’ suċċess (eż. BONUS);

17.    Jitlob li l-kooperazzjoni u s-sħubiji bejn l-Istati Membri jikkontribwixxu għall-immirar b’mod aktar effettiv tal-finanzjament disponibbli permezz ta’ strumenti tal-UE u nazzjonali; jenfasizza li, meta jkunu qed jiġu ffukati l-prijoritajiet, għandhom jitqiesu l-impatt dirett tal-fondi u l-kontribut dirett għall-ekonomija blu;

18.    Jenfasizza l-interess tal-Istati Membri li jespandu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw l-ekonomija blu bħala spazju addizzjonali ta’ kooperazzjoni; iħeġġeġ forom ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE (eż. l-Unjoni għall-Mediterran, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Ekonomika tal-Baħar l-Iswed) u jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ ekonomija blu sostenibbli bħala objettiv tal-politika għall-iżvilupp tal-UE;

19.    Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi kundizzjonijiet regolatorji u legali favorevoli għal investiment fl-enerġija rinnovabbli fl-ekonomija blu, u biex tippreżenta qafas ċar u stabbli ta’ appoġġ għar-riċerka, in-negozji u l-gvernijiet li jippermetti żieda fl-investiment fi proġetti innovattivi għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli;

20.    Jenfasizza li l-oċeani u l-ibħra Ewropej huma varjati ħafna u li għalhekk huwa essenzjali li l-Kummissjoni ma tadottax approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd"; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi promoss approċċ integrat għal setturi differenti tal-ekonomija blu, ibbażat fuq prinċipji komuni bħalma huma s-sostenibbiltà, filwaqt li jiġu rikonoxxuti u rrispettati l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet tar-reġjuni differenti u l-prijoritajiet tal-Istati Membri differenti, u jiġu appoġġjati fl-iżvilupp ta’ dawn il-prijoritajiet;

21.    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-aġenziji tagħha biex jappoġġjaw lill-Istati Membri fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali u reġjonali għall-iżvilupp tal-ekonomija marittima;

22.    Jiġbed l-attenzjoni għall-iżvilupp negattiv u d-deterjorament ċar ta’ wħud mis-setturi l-iktar tradizzjonali tal-ekonomija blu (bħas-sajd u l-bini u t-tiswija tal-bastimenti), speċjalment f'żoni fejn kellhom rwol ta' attivitajiet ta’ ankra awtentiċi, saħħew l-attivitajiet ekonomiċi upstream jew downstream, ħolqu l-impjiegi u ppromwovew l-iżvilupp; iqis li kwalunkwe strateġija tal-UE dwar l-ekonomija blu m’għandhiex tinsa dawn l-attivitajiet u r-reġjuni, u għandha tenfasizza l-potenzjal tal-innovazzjoni u tieħu vantaġġ mill-għarfien espert Ewropew fit-treġġigħ lura ta’ dan in-nuqqas (eż. modifiki iktar 'il quddiem tal-bastimenti);

23.    Jenfasizza l-importanza tar-riċerka tal-baħar u dik marittima u ta’ kooperazzjoni aktar b’saħħitha dwar dawn is-setturi fost ir-riċerkaturi, fost l-Istati Membri u fost ir-reġjuni sabiex jingħeleb id-distakk eżistenti bejn l-Istati Membri u l-konċentrazzjoni ġeografika f’ċerti żoni u sabiex tingħata spinta lill-kompetittività taż-żoni kostali u lill-ħolqien ta’ impjiegi lokali sostenibbli u ta’ kwalità;

24.    Jemmen li n-nuqqas ta’ professjonisti kkwalifikati fid-dixxiplini differenti u fis-setturi differenti ta’ attività – fosthom riċerkaturi, inġiniera, tekniċi u ħaddiema – huwa ostaklu kbir li jista’ jxekkel it-twettiq sħiħ tal-potenzjal tal-ekonomija blu; huwa tal-fehma li dan in-nuqqas huwa marbut sew kemm mad-diżinvolviment u d-diżinvestiment li qed jiżdiedu min-naħa tal-Istati Membri fl-oqsma tax-xjenza u l-edukazzjoni, kif ukoll man-nuqqas ta’ valorizzazzjoni tal-professjonisti eżistenti, speċjalment f’dawk l-Istati Membri li sofrew l-iktar minħabba l-kriżi ekonomika, u għalhekk jitlob li dawn iż-żewġ xejriet jitreġġgħu lura bla dewmien; iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali biex jinvestu f’dimensjoni soċjali ambizzjuża ta’ tkabbir blu u litteriżmu marittimu sabiex jiġu promossi t-taħriġ u l-aċċess taż-żgħażagħ għal professjonijiet marittimi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw kemm l-edukazzjoni għolja kif ukoll il-programmi ta’ taħriġ professjonali u kontinwu, u jiżguraw li dawn il-programmi jinkorporaw perspettivi tal-ekonomija blu;

25.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali, lill-istituzzjonijiet edukattivi u lill-industrija biex jikkoordinaw, joħolqu sinerġiji u jidentifikaw kwistjonijiet ta’ riċerka trażversali fil-qasam tal-ekonomija blu, sabiex jiġu promossi t-taħriġ u l-aċċess taż-żgħażagħ għall-professjonijiet relatati;

26.    Iqis li l-iżvilupp xieraq tal-ekonomija blu jeħtieġ id-dinjità tal-professjonijiet assoċjati magħha u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità bid-drittijiet, fosthom id-drittijiet ta’ saħħa u sikurezza għall-ħaddiema marittimi, u sensibilizzazzjoni dwar dawn id-drittijiet sabiex jiġi żgurat li s-settur jibqa’ attraenti; barra minn hekk, iqis li, peress li l-ekonomija blu kienet u għadha tradizzjonalment ddominata sew mill-irġiel, issa huwa opportun li l-UE tirrikonoxxi li dan huwa ż-żmien ideali biex in-nisa jiġu mħajra jipparteċipaw f’dan il-qasam ekonomiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkorporaw il-perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-istadji kollha tal-iżvilupp tal-ekonomija blu u jrawmu u jżidu l-parteċipazzjoni effettiva tan-nisa fiha;

27.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi d-drittijiet tal-ħaddiema u tiggarantixxi kundizzjonijiet ta’ xogħol sikuri fis-setturi kollha fi ħdan l-ekonomija blu, kemm jekk diġà stabbiliti u kemm jekk emerġenti;

28.    Jitlob lill-Kummissjoni tiġbor u tanalizza data marbuta mal-karrieri marittimi fil-livelli kollha (mil-liġi għall-inġinerija u l-ġestjoni ambjentali, minn strutturi tal-għaddasa għal baħħara u tekniċi marittimi) u biex tuża din id-data ħalli tesplora l-opportunitajiet ta’ impjiegi f’livelli differenti – dawk tradizzjonali, dawk emerġenti u dawk kompletament ġodda li jistgħu jinħolqu;

29.    Jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika l-fondi Ewropej disponibbli kollha għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-ekonomija blu u tiġborhom taħt pjattaforma unika aċċessibbli għaċ-ċittadini; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiddedika finanjament għall-innovazzjoni u t-tkabbir blu sabiex jiġu ffinanzjati r-riċerka fundamentali, ir-R&Ż, it-taħriġ, il-ħolqien ta’ impjiegi, il-ħolqien tan-negozju, l-SMEs, l-intrapriżi soċjali, il-kooperattivi, l-edukazzjoni u l-apprendistati, it-tnaqqis tal-faqar kostali, l-iżvilupp tal-bijoteknoloġija, il-links tat-trasport, l-interkonnettività tal-enerġija, il-kostruzzjoni u t-tiswija tal-bastimenti, l-aċċess kostali għall-broadband, il-protezzjoni ambjentali u l-bejgħ ta’ prodotti, servizzi u proċessi innovattivi;

30.    Jemmen li l-investiment fl-ekonomija blu għandu jiffoka, fost l-oħrajn, fuq l-"ekoinnovazzjoni" li ma tiddependix fuq riżorsi finiti, l-effiċjenza fir-riżorsi, l-ekonomija ċirkolari, il-konservazzjoni tan-natura, il-protezzjoni kostali u tal-baħar, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u l-użu sostenibbli tar-riżorsi (filwaqt li jiġi żgurat li r-rati ta’ użu ta’ dawn ir-riżorsi ma jaqbżux, fuq żmien fit-tul, ir-rati ta’ riġenerazzjoni naturali tagħhom); iħeġġeġ lill-Kummissjoni bix tinkorpora dawn il-prinċipji fil-programmi ta’ appoġġ attwali u futuri;

31.    Jitlob li jiġi stabbilit qafas finanzjarju xieraq sabiex jiġu stimulati l-innovazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu u l-ħolqien tal-impjiegi, li jgħaqqad, jikkoordina u jiffaċilita l-aċċess għall-istrumenti finanzjarji disponibbli il-finanzjament strutturali u ta’ investiment (il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u l-Fond ta’ Koeżjoni), il-programmi qafas ta’ riċerka, il-ħolqien possibbli ta’ komunità ta’ konoxxenza u innovazzjoni (KKI) futura iffokata fuq l-ekonomija blu, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), eċċ.; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-istrumenti jkunu mmirati aħjar għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati individwali – l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-awtoritajiet lokali, in-negożji, speċjalment l-SMEs, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi, eċċ. – u li l-opportunitajiet eżistenti jiġu ppubbliċizzati b’mod wiesa’;

32.    Jiddispjaċih profondament dwar id-dewmien fl-ipprogrammar b’rabta mal-FEMS f'ċerti Stati Membri;

33.    Iqis li l-investiment pubbliku, speċjalment f’xi Stati Membri, għandu rwol deċiżiv fil-promozzjoni tal-iżvilupp u l-isfruttament sħiħ tal-potenzjal tal-ekonomija blu, filwaqt li ma jintnesiex ir-rwol tal-investiment privat; jenfasizza li l-investiment fl-ekonomija blu jeħtieġ taħlita ta’ ffukar ta’ proġetti, minn proġetti infrastrutturali kbar għal investimenti differenti fuq skala żgħira fl-SMEs, li jeħtieġu assistenza addizzjonali fl-aċċess għall-finanzjament;

34.    Jenfasizza li l-industriji fuq l-art li jappoġġjaw l-ekonomija blu offshore jikkostitwixxu l-konnessjoni ta’ importanza vitali biex jiġi żgurat li l-innovazzjoni fil-baħar ittejjeb il-ħajja ta’ dawk kollha fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar appoġġ lil dawn l-industriji fuq l-art;

35.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jippromwovu strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, bl-għan li jinħolqu u jiġu sfruttati ktajjen tal-valur relatati mal-attivitajiet multipli u varjati tal-ekonomija blu; iqis li l-iżvilupp ta' "raggruppamenti" jew "superraggruppamenti" jimplika li l-Istati Membri għandu jkollhom rwol attiv fit-trawwim ta’ sinerġiji settorjali u transsettorjali; iqis li l-istrateġiji għar-riċerka marittima u l-iżvilupp teknoloġiku jistgħu jiġu introdotti inizjalment bħala strateġiji pilota u, għaldaqstant, iservu ta’ eżempju tal-aħjar prattika għall-ekonomija blu iktar wiesgħa;

36.    Iqis li l-implimentazzjoni tal-istrateġiji, il-pjanijiet u l-programmi, kif ukoll ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika, tista’ tipprovdi qafas politiku u istituzzjonali li jkun aktar favorevoli għall-iżvilupp tal-ekonomija blu fl-Istati Membri differenti; jenfasizza li dawn l-istrateġiji, il-pjanijiet u l-programmi, flimkien ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika, għandhom jikkontribwixxu għal interazzjoni armonjuża u sostenibbli bejn l-attivitajiet tal-bniedem u l-ambjent tal-baħar u kostali; jenfasizza l-importanza tal-ippjanar spazjali marittimu għall-iżvilupp sostenibbli u kkoordinat tal-attivitajiet marittimi filwaqt li, b’mod ekwu, jitqiesu l-interessi tas-setturi kkonċernati kollha kif ukoll l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar u l-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali; ifakkar fid-Direttiva dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu, id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija tal-Baħar u l-Politika Marittima Integrata fil-livell tal-UE u f’dak tal-baċiri tal-baħar;

37.    Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-kumpaniji statali pubbliċi jew b’maġġoranza pubblika f’oqsma bħat-trasport tal-merkanzija fuq il-baħar, il-ġestjoni tal-portijiet, l-industrija tat-trasport fuq il-baħar u x-xogħlijiet marittimi u ta’ difiża kostali; jirrifjuta l-viżjoni li għandha t-tendenza tiffoka biss fuq is-settur privat u jemmen li t-tisħiħ u l-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku jistgħu jkunu forza motriċi importanti għall-promozzjoni tal-ekonomija blu;

38.    Jemmen li sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu għandu jkun hemm integrazzjoni u koordinazzjoni aħjar tal-isforzi u l-kompetenzi fil-livell tal-UE, b’azzjonijiet ta’ koeżjoni u koerenza; jitlob li jinġabru flimkien l-aġenziji rilevanti u l-kompetenzi mxerrda li diġà jeżistu taħt aġenzija eżistenti b’kompetenzi marittimi, bħala mezz biex jissaħħu l-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-appoġġ lill-Istati Membri fl-iżvilupp u l-użu sħiħ tal-potenzjal tal-ekonomija blu;

39.    Iqis li l-komunitajiet ta' max-xtut u tal-gżejjer għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-fażijiet kollha tal-iżvilupp tal-ekonomija blu, u li dan huwa kundizzjoni essenzjali għat-twettiq tal-potenzjal ta’ din l-ekonomija f'termini ta’ innovazzjoni, ta’ impjiegi, ta’ prosperità u ta’ żvilupp sostenibbli; jirrikonoxxi l-potenzjal u l-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet innovattivi rigward l-espansjoni tal-bliet fuq il-baħar;

40.    Jirrikonoxxi d-diversità u l-partikolarità tal-komunitajiet kostali u tal-gżejjer u jitlob l-adozzjoni ta’ miżuri straordinarji sabiex jiġi promoss b’mod effiċjenti l-iżvilupp tal-ekonomija blu f’dawn iż-żoni permezz tat-tneħħija tal-ostakli għall-investiment u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir;

Approċċi bbażati fuq is-settur

41.    Jitlob appoġġ iktar attiv għall-modernizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd u l-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd, bl-għan li jinħoloq valur miżjud ogħla, ikun hemm enfasi fuq is-sajd fuq skala żgħira, u tiżdied is-selettività tal-irkaptu tas-sajd, minbarra li jiġu pprovduti modi iktar effikaċi għall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux regolat u mhux rappurtat; ifakkar li l-immappjar u l-klassifikazzjoni tal-ħabitats tar-riżorsi huma essenzjali għat-twaqqif ta’ settur tas-sajd vijabbli, sostenibbli u ġestit tajjeb; huwa tal-fehma li d-data xjentifika dwar is-sajd li tifforma l-bażi tad-deċiżjonijiet politiċi għandha ssir magħrufa lill-pubbliku fis-sħuħija tagħha;

42.    Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji biex issaħħaħ ir-rwol tal-gruppi għall-iżvilupp tas-sajd skont il-PKS il-ġdida, filwaqt li tipprovdihom b’iktar riżorsi sabiex ikunu jistgħu jkomplu u jiżviluppaw ir-rwol tagħhom u jippromwovu din il-kooperazzjoni interterritorjali;

43.    Huwa favur il-ħtieġa li jiġu identifikati u promossi l-attrazzjonijiet naturali u kulturali; jenfasizza r-rwol taż-żoni “no-go” bħala għajnuna biex iż-żoni verġni jkampaw u ż-żoni ta’ qiegħ il-baħar sfruttati żżejjed jirriġeneraw, u b’hekk jikkontribwixxi lejn is-sostenibbiltà futura tal-ibħra tagħna;

44.    Hu tal-opinjoni li l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea jirrikjedi appoġġ iktar b’saħħtu għar-riċerka xjentifika u l-iżvilupp teknoloġiku b’rabta mat-trobbija ta’ speċijiet ġodda, speċjalment speċijiet indiġeni, filwaqt li jiġi żgurat il-forniment sostenibbli tal-għalf, jiġu minimizzati l-impatti tal-bijodiversità u jitnaqqas l-impatt tal-użu ta’ kimiċi u mediċini, kif ukoll fil-qasam tal-iżvilupp ta’ prodotti ġodda jew imtejba b’mod sinifikanti, biex jiġi żgurat li jkun hemm diversifikazzjoni tal-produzzjoni u tal-provvista tal-ikel u biex tittejjeb il-kwalità tagħhom, filwaqt li jiżdied il-livell tas-sikurezza ambjentali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għarfien preċiż dwar il-batimetrija u l-kompożizzjoni ta’ qiegħ il-baħar huwa essenzjali fl-għażla tas-siti l-iktar adegwati għall-espansjoni tal-industrija tal-akkwakultura lokali, fl-istima tal-kapaċità ta’ ġarr tagħhom, u fl-immudellar tat-tniġġis li jirriżulta mill-attivitajiet tal-akkwakultura;

45.    Huwa favur l-integrazzjoni tal-kriterji ambjentali u ta’ sostenibbiltà usa’ fl-istandards ta’ produzzjoni u tikkettar, biex il-produtturi responsabbli jiġu ppremjati u biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati aħjar hekk kif dan is-settur jespandi; jitlob regolamentazzjoni xierqa marbuta mal-akkwakultura u miżuri biex itaffu l-alterazzjoni tal-kwalità tal-ilma; jitlob li jingħata appoġġ għat-tranżizzjoni mill-metodi ta’ produzzjoni konvenzjonali tal-akkwakultura għall-akkwakultura organika;

46.    Jemmen li, għal raġunijiet relatati mal-konsum tal-enerġija u l-faċilità teknika tal-konverżjoni f’gass likwifikat miż-żejt (LPG), it-trasport tal-merkanzija fuq il-baħar u x-xmajjar, apparagun ta’ modi oħrajn ta’ trasport tal-merkanzija, qed ikompli jieħu importanza deċiżiva; jitlob li r-riżorsi jiġu kkanalizzati lejn l-appoġġ tal-innovazzjoni f'dan is-settur, bl-għan li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika, ssir diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija primarja u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ sustanzi noċivi;

47.    Itenni l-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata fir-rigward tat-trasport marittimu f’termini ta’ titjib tal-effiċjenza u t-tħaffif tad-dekarbonizzazzjoni tas-settur, u li l-iżvilupp u l-użu tal-gass naturali likwifikat (LNG), bħala fjuwil tranżitorju aktar nadif, għandu jiġi mħeġġeġ għal dan is-settur;

48.    Jenfasizza l-importanza strateġika tal-bini u t-tiswija tal-bastimenti u r-rabtiet tagħhom ma' setturi oħrajn – bħall-industrija tal-azzar, it-trasport tal-merkanzija fuq il-baħar, is-sajd u t-turiżmu tal-kruċieri; iqis li l-impenn favur l-innovazzjoni teknoloġika u livell għoli ta’ speċjalizzazzjoni, li jistgħu jwasslu għal żieda fil-valur miżjud, jista’ joħloq kuntesti inqas esposti għall-kompetittività internazzjonali, peress li jaspira biex tinqaleb it-tendenza ta' tnaqqis fir-ritmu li għaddej minnu s-settur; hu tal-fehma li għandu jingħata appoġġ speċifiku għall-qawmien mill-ġdid u l-modernizzazzjoni tal-industriji Ewropej tal-bini tal-bastimenti u tal-azzar speċjali, fid-diversi forom tagħhom;

49.    Jitlob lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid u b’mod sħiħ il-politika tagħha lejn l-industrija Ewropea tal-bini tal-vapuri u japprova bil-qawwa l-għajnuna speċjali maħsuba għall-bidu mill-ġdid u l-modernizzazzjoni tal-bini tal-bastimenti fl-Ewropa;

50.    Jemmen li għandu jkun hemm aktar enfasi fuq ir-rwol tal-baħar fit-turiżmu u fuq is-sostenibbiltà tiegħu; jinnota li t-turiżmu marittimu u kostali Ewropew qed iħabbat wiċċu ma’ kompetizzjoni minn pajjiżi terzi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE għandha tisfrutta r-rikkezzi kulturali tagħha biex toffri servizzi ta’ turiżmu marittimu u kostali sostenibbli u ta’ kwalità għolja; iqis li l-patrimonju kulturali u t-turiżmu marittimu u kostali jista’ jkollhom rwol distintiv fl-attrazzjoni ta’ aktar konsumaturi u negozji bid-diversifikazzjoni tal-offerta turistika; jenfasizza l-kontribut pożittiv tal-patrimonju kulturali, it-turiżmu marittimu u kostali għall-għanijiet tal-Ewropa ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli u ħolqien ta’ impjiegi; jitlob aktar appoġġ għall-SMEs, li jikkostitwixxu l-maġġoranza l-kbira tas-settur tal-akkwaturiżmu, sabiex jiġi żgurat li l-impjiegi eżistenti u dawk ġodda jkunu sostenibbli, ta’ kwalità għolja, u jdumu tul is-sena kollha;

51.    Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta’ forom ta’ turiżmu sostenibbli mill-perspettiva soċjali, ekonomika u ambjentali li jistgħu jikkostitwixxu sors sinifikanti ta’ valur miżjud għaż-żoni marittimi;

52.    Jemmen li huwa ta’ importanza imperattiva li l-patrimonju kulturali ta’ taħt l-ilma jingħata l-importanza dovuta fi ħdan l-ekonomija blu, b’mod partikolari peress li l-patrimonju kulturali ta’ taħt l-ilma jista’ jgħallem lis-soċjetajiet tal-lum dwar l-esplojtazzjoni tal-passat tal-baħar, dwar ir-reazzjonijiet tal-bnedmin għat-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-livell tal-baħar fost oħrajn, u barra dan billi l-patrimonju kulturali ta’ taħt l-ilma huwa riżorsa għat-turiżmu;

53.    Jenfasizza l-fatt li filwaqt li l-UE għadha mexxejja globali fl-ekonomija blu, il-kompetizzjoni internazzjonali f’dan is-settur hija qawwija u huwa biss ambjent b'kundizzjonijiet ekwi globali li jista’ jkompli jiżgura tkabbir sostenibbli u ħolqien ta' impjiegi Ewropej f’dan is-settur kumpless;

54.    Huwa tal-fehma li l-istudji dwar id-degradazzjoni tas-sistemi kostali (tniġġis u telf tal-bijodiversità), ir-reżiljenza u r-restawr tal-ekosistema, l-erożjoni kostali, il-mitigazzjoni tal-kawżi tiegħu u xogħlijiet marittimi biex tiġi protetta l-kosta (inklużi soluzzjonijiet b’bażi naturali bħall-Infrastrutturi Ekoloġiċi) huma oqsma kruċjali għall-ekonomija blu li qed isiru aktar importanti fid-dawl tat-tibdil fil-klima; jappella għat-tisħiħ tal-għajnuna tal-UE għal dawn iż-żoni u flessibbiltà għal żoni bi profil kostali distint u b’okkorrenzi ripetuti ta’ diżastri minħabba l-erożjoni kostali;

55.    Jinnota li l-enerġija mill-ibħra u l-oċeani għandha potenzjal kbir f'termini tal-użu tar-riżorsi domestiċi, id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, u l-kontribuzzjoni għall-objettivi tal-klima u l-enerġija; jenfasizza li l-enerġiji rinnovabbli tal-baħar huma settur industrijali għall-ġejjieni u jiġbed l-attenzjoni, f’dan ir-rigward, għall-importanza tal-iżvilupp ta’ sorsi innovattivi ta’ enerġija nadifa u enerġija “blu”, bħall-enerġija mill-fluss tal-marea, l-enerġija mill-mewġ u l-enerġija ożmotika, kif imsemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Jannar 2014 dwar l-enerġija blu; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sistemi ta' distribuzzjoni fil-baħar bejn l-Istati Membri huma ta’ importanza kbira; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi kkunsidrat u jsir iktar studju dwar il-potenzjal tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS);

56.    Jenfasizza li l-esplorazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi tal-enerġija tal-ibħra u l-oċeani għandhom iqisu l-ħtiġijiet tat-trasferiment tat-teknoloġiji, partikolarment fir-rigward tat-taħriġ ta’ ħaddiema tas-sengħa u bi kwalifiki għoljin, u jissodisfaw ukoll kriterji stretti ta’ sostenibilità ambjentali; jinnota l-potenzjal ta’ effett multiplikatur ta' dawn l-attivitajiet f'termini ta' impjiegi u tal-attivitajiet relatati, kemm upstream kif ukoll downstream;

57.    Jenfasizza r-rwol importanti tat-teknoloġiji l-ġodda, pereżempju fil-ġlieda kontra d-degradazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar, jew fil-ġbir u l-ħżin tal-emissjonijiet tal-karbonju; jitlob lill-Kummissjoni biex tanalizza wkoll kif it-teknoloġija u l-infrastruttura ta’ akkumpanjament tagħha għat-trasport tas-CO2 mingħajr periklu u b’mod kosteffikaċi jistgħu jiġu applikati b’mod ekonomikament vijabbli;

58.    Jinnota li l-aħjar l-post għall-ġeneraturi tal-enerġija li jużaw l-enerġija blu, bħall-enerġija mir-riħ, mill-mewġ jew dik solari, il-kurrenti tal-oċeani, l-enerġija ożmotika u l-konverżjoni tal-enerġija termali, tista’ tiddependi fuq għadd ta’ fatturi, inklużi l-fond tal-ilma, il-kundizzjonijiet ta’ qiegħ il-baħar, il-karatteristiċi oċeanografiċi u d-distanza mill-kosta; jemmen, għalhekk, li l-armonizzazzjoni tad-data miġbura fil-programmi nazzjonali differenti dwar il-batimetrija, il-karatteristiċi ta’ qiegħ il-baħar jew il-profili vertikali tal-oċeani tista’ tgħin fl-għażla tas-sit u l-politiki ta’ liċenzjar għal żviluppi fl-enerġija rinnovabbli; jisħaq ukoll li tinħtieġ riċerka ulterjuri f’soluzzjonijiet ta’ enerġija tal-baħar sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta’ teknoloġija tal-enerġija affordabbli, kosteffikaċi u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

59.    Iqis li l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni fil-blata kontinentali jirrikjedu l-involviment kostanti tal-Istat, b’mod partikolari f'termini ta’ informazzjoni, identifikazzjoni ta’ żoni fejn l-estrazzjoni hija pprojbiti, valutazzjoni tal-impatt ambjentali, analiżi u minimizzazzjoni tar-riskji, u l-eżerċizzju tas-sovranità; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi u taġġorna lista mhux eżawrjenti ta’ attivitajiet marittimi (pereżempju l-produzzjoni ta’ enerġija lil hinn mix-xtut, l-estrazzjoni fil-baħar miftuħ, l-esplojtazzjoni tar-ramel u ż-żrar fil-baħar, eċċ.) li jeħtieġu valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u soċjoekonomiku minn qabel; jitlob li tingħata attenzjoni fir-rigward tal-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-minerali bħala għażla alternattiva għall-estrazzjoni fil-baħar miftuħ u l-potenzjal offrut minn dawn l-attivitajiet għall-inkorporazzjoni tal-għarfien xjentifiku u l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija;

60.    Huwa favur involviment ikkoordinat u b’saħħtu tal-UE fl-Awtorità Internazzjonali ta’ Qiegħ il-Baħar biex jiġi żgurat qafas regolatorju ambjentali effikaċi u prekawzjonarju għall-prevenzjoni tal-impatti negattivi tal-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tal-estrazzjoni fil-baħar miftuħ, inklużi ż-Żoni ta’ Interess Ambjentali Partikolari, kif ukoll l-impatti soċjetali tal-estrazzjoni fil-baħar miftuħ u l-bijoprospettar fuq il-komunitajiet lokali, u biex tiġi ggarantita t-trasparenza sħiħa tad-data;

61.    Iqis li l-bijoteknoloġija relatata mal-ibħra u l-oċeani hija settur ferm diversifikat li, b'mod ġenerali, għandu potenzjal enormi f’dak li jirrigwarda l-ħolqien u l-applikazzjoni ta' għarfien ġdid u l-ħolqien ta' prodotti u proċessi ġodda b'valur miżjud għoli (materjali, ikel, komposti farmaċewtiċi ġodda, eċċ.); jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet ta' edukazzjoni u taħriġ relatati ma' dan is-settur, li jirrikjedu responsabilizzazzjoni sħiħa mill-Istati Membri, f’assoċjazzjoni mas-settur privat, kif ukoll kooperazzjoni internazzjonali fuq skala komprensiva simili;

62.    Jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali u jqis li s-sħab soċjali kollha involuti fl-ekonomija blu għandhom ikunu rappreżentati; jenfasizza l-importanza tal-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar l-iżvilupp tal-ekonomija blu inġenerali, inklużi l-konsultazzjonijiet kemm mas-soċjetà ċivili kif ukoll mal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

63.    Jappoġġja bil-qawwi l-inizjattiva tal-Kummissjoni inkluża fil-komunikazzjoni tagħha għall-promozzjoni ta’ Alleanza ta’ Ħiliet u Ċentru ta’ Innovazzjoni tal-Għarfien dwar l-Ekonomija Blu;

64.    Jemmen li għandu jitnieda pakkett “Erika IV” għas-sikurezza marittima biex jiġu evitati diżastri marittimi kbar ulterjuri; iqis li dan il-pakkett għandu jirrikonoxxi l-ħsara ekoloġika għall-ilmijiet tal-baħar fil-leġiżlazzjoni Ewropea;

65.    Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili dwar l-importanza tal-baħar bħala riżorsa ekonomika, kulturali u soċjali u r-rwol tar-riċerka u d-djalogu fil-kisba ta’ sostenibbiltà integrata bejn il-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini;

66.    Iqis li l-ibħra u l-kosti huma riżorsi ta’ valur li għandhom jiffurmaw wieħed mill-pilastri tal-politika ta’ rinaxximent industrijali tal-UE; jinnota li għandhom jittieħdu passi lejn ir-rivitalizzazzjoni tal-industrija blu filwaqt li jiġu appoġġjati l-koeżjoni tal-ekonomija Ewropea u l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari f’dawk ir-reġjuni fejn dan il-potenzjal ġie marġinalizzat b’riżultat tal-proċessi ta’ globalizzazzjoni;

67.    Huwa tal-fehma li l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp rapidu u sostenibbli tas-settur;

68.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri.

(1)

ĠU L 257, 28.8.2014, p. 135.

(2)

ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0300.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2013)0438.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2014)0178.

(6)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.

(7)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 174.

(8)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 892.


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-baħar ilu mill-antikità klassika magħruf bħala fornitur tar-riżorsi.

It-trasport marittimu baqa' l-mezz ewlieni ta' trasport tan-nies u tal-merkanzija fuq distanzi qosra, medji u twal, sal-aħħar tas-seklu dsatax. Is-sajd kien u għadu sors importanti ta' ikel għall-popolazzjonijiet ta' max-xtut. Ma' dawn wieħed irid iżid l-attivitajiet marbuta magħhom (upstream u downstream) li jitwettqu fuq l-art: il-bini u t-tiswija ta' bastimenti, il-bini u l-manutenzjoni tal-portijiet, il-manifattura ta' tagħmir tas-sajd, l-attivitajiet ta' assigurazzjoni u bankarji, fost ħafna oħrajn.

L-aħħar nofs seklu ra bidliet kbar fil-kwalità fir-rabta bejn il-bniedem u l-baħar, l-aktar: it-tnaqqis fit-trasport tal-passiġġieri (biż-żieda fit-trasport bl-ajru); iż-żieda rilevanti fl-attivitajiet rikreattivi; l-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi enerġetiċi fossili (iż-żejt u l-gass naturali fl-ibħra dejjem aktar fil-fond) minħabba l-iskarsità tagħhom fuq l-art; l-ipprospettar (għadu fil-bidu) u l-prospettivi ta' esplorazzjoni tal-minerali eżistenti f'qiegħ l-ibħra; il-prospettivi tal-isfruttar tal-potenzjal enerġetiku li jinsab fil mewġ, fil-marea, fil-kurrenti u fil-bijomassa (algi) għall-produzzjoni tal-elettriku; il-produzzjoni tal-enerġija mir-riħ offshore; l-iżvilupp ta' bijoteknoloġiji marbuta mal-baħar.

Ħafna mill-isfidi kbar soċjetali li jħabbat wiċċu magħhom il-bniedem illum jistgħu isibu s-soluzzjoni tagħhom fil-fehim aħjar tal-ambjent tal-baħar u fil-kapaċità mtejba li juża, jimmaniġġja u jikkonserva r-riżorsi tal-ibħra, l-oċeani u ż-żoni tax-xtut tagħna.

Il-kunċett tal-ekonomija blu jgħaqqad medda wiesgħa ta' setturi ta' attività ekonomika marbuta mal-ibħra u l-oċeani, u jolqot is-setturi tradizzjonali jew emerġenti, fosthom, pereżempju: is-sajd, l-akkwalkultura, it-trasport marittimu u bix-xmajjar, il-portijiet u l-loġistika, it-turiżmu u n-navigazzjoni rikreattiva u tal-kruċieri, il-bini u t-tiswija ta' vapuri, xogħlijiet marittimi u ta' difiża tax-xtut, l-esplorazzjoni u l-isfruttar tar-riżorsi minerali (offshore), l-esplorazzjoni u l-isfruttar tas-sorsi tal-enerġija (offshore), il-bijoteknoloġija, fost l-oħrajn;

Minkejja l-potenzjal enormi ta' ċerti setturi emerġenti, is-setturi tradizzjonali għadhom iżommu l-importanza tagħhom f'diversi Stati Membri u m'għandhomx jiġu ttraskurati. M'għandniex naħsbu fl-innovazzjoni bħala element esklussivament tas-setturi emerġenti. Huwa importanti u essenzjali li nassoċjaw l-innovazzjoni mas-setturi tradizzjonali. Pereżempju, meta ġew iffaċċjati bid-diffikultajiet kbar li l-industrija tat-tarznari Ewropea ltaqgħet magħhom matul l-aħħar tletin sena, xi Stati Membri rnexxielhom jiġġieldu u jreġġgħu lura x-xejra ġenerali ta' deklin billi ppromwovew proċessi ferm speċjalizzati, li ġew tradotti f'żieda fil-valur miżjud u li, għalhekk, poġġew lil din l-industrija f'ambjent inqas kompetittiv u b'hekk setgħet tikkompeti mal-industriji tat-tarznari setgħana tal-Lvant Imbiegħed. Is-sajd ukoll huwa settur bi sfidi kbar ħafna: is-sostenibbiltà tal-attivitajiet tiegħu, it-titjib tas-selettività tat-tagħmir tas-sajd, il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux regolat u mhux rappurtat, huma biss xi eżempji.

Filwaqt li huwa veru li s-setturi emerġenti, inklużi l-esplorazzjoni u l-isfruttament tar-riżorsi minerali (offshore), l-esplorazzjoni u l-isfruttament ta' sorsi ta' enerġija (offshore) u l-bijoteknoloġija, fost oħrajn, għandhom potenzjal kbir ħafna, jeħtieġ madankollu titqies ukoll il-vulnerabbiltà tal-ekosistemi tal-baħar, il-funzjonijiet ambjentali, ekoloġiċi u soċjali tal-ibħra u tal-oċeani, li jeħtieġu li l-Istati jkollhom rwol qawwi fl-immaniġġjar sostenibbli u l-konservazzjoni tar-riżorsi, bħala mod biex tiġi żgurata s-supremazija tal-interess komuni u tal-ġid pubbliku fuq l-interessi partikulari, settorjali jew individwali. Jeħtieġ li nevitaw li, fl-ibħra u l-oċeani tagħna, nerġgħu nagħmlu l-iżbalji li għamilna fuq l-art tagħna; jeħtieġ li ma nimplimentawx mudelli ta' użu tar-riżorsi li jwasslu malajr għal eżawriment u għall-insostenibbiltà tagħhom (kif ukoll għall-konċentrazzjoni tal-benefiċċji ta' dan l-isfruttament f'idejn il-ftit).

Għandna niġġieldu kontra l-opaċità fejn tidħol l-informazzjoni dwar il-kampanji u l-proġetti ta' riċerka żviluppati fl-ibħra u l-oċeani, speċjalment dawk iffinanzjati minn fondi pubbliċi.

L-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u l-iżvilupp, huma elementi fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu.

Huwa importanti li tiġi evalwata l-adegwatezza tal-programmi u tal-miżuri fis-seħħ (anki fuq livell ta' finanzjament) mal-objettivi tal-iżvilupp tal-ekonomija blu, l-interazzjoni bejn l-istrutturi u l-programmi varji eżistenti, kif ukoll ir-riżultati tagħhom.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (2.6.2015)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-isfruttament tal-potenzjal ta' riċerka u innovazzjoni fl-ekonomija blu biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi

(2014/2240(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Laura Agea

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal ta’ impjiegi tal-kosti, l-ibħra u l-oċeani Ewropej, u l-interazzjoni bejn l-art u l-baħar b'rabta mal-impjiegi, permezz tal-innovazzjoni — element ewlieni f’setturi tradizzjonali u innovattivi bħalma huma t-trasport marittimu u attivitajiet oħra ta’ trasport bil-baħar, il-bini tal-bastimenti, it-turiżmu, l-akkwakultura, il-ġenerazzjoni tal-enerġija sostenibbli, il-bijoteknoloġija tal-baħar, il-protezzjoni ambjentali, l-infrastruttura tal-port u tad-dgħajjes ta’ rikreazzjoni u s-sajd;

2.  Jinnota li fehim aħjar tal-ibħra u l-oċeani, inklużi qiegħ il-baħar u l-ħajja fil-baħar, flimkien ma’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, se jippermettu li jiġu sfruttati b’mod sostenibbli r-riżorsi tal-baħar, filwaqt li jsaħħu l-bażi xjentifika li fuqha huma msejsa l-politiki marittimi varji tal-UE;

3.  Jenfasizza li l-intrapriżi żgħar u medji, l-intraprendituri li jkunu għadhom qed jibdew u n-negozji tal-familji għandhom rwol essenzjali fir-rigward tal-innovazzjoni u l-impjiegi fl-ekonomija blu; iqis li l-aċċess aħjar għall-kreditu għall-SMEs u t-titjib tan-netwerks tan-negozju eżistenti (clusters) huma neċessarji sabiex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli fis-setturi varji tal-ekonomija blu;

4.  Jinnota u jappoġġa bis-sħiħ il-miri strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018, li bħalissa qed jiġu riveduti fil-kuntest ta’ rieżami ta’ nofs it-terminu;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien sabiex jiġbru, jipproċessaw u jiskambjaw data dwar l-ekonomija blu, inkluż fil-livell lokali u dak reġjonali;

6.  Jenfasizza r-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomija blu u l-ekonomija ekoloġika, inkluż f’termini ta’ politika ekonomika u tax-xogħol, speċjalment fir-rigward ta’ metodi innovattivi biex jitnaddfu l-ibħra u fir-rigward tar-riċiklaġġ bi qligħ tal-plastik estrinsiku, ta’ ħsara għall-ambjent, u, f’xi każijiet, karċinoġeniku li jinsab fihom;

7.  Jemmen li d-disponibbiltà ta’ data iktar affidabbli tista' trawwem investiment pubbliku u privat fis-settur;

8.  Jenfasizza li t-tkabbir blu qatt ma għandu jitqies b’mod separat mill-impatt fuq l-ambjent u l-persuni u mill-użu tar-riżorsi fid-dawl tas-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali, u dan jinkludi wkoll il-ħarsien u r-restawr tal-ekosistemi abbażi ta’ evidenza xjentifika; jenfasizza l-opportunità ekonomika biex fl-Ewropa jiġu żviluppati u promossi metodi innovattivi biex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-baħar, inklużi il-kontaminazzjoni dejjem iktar allarmanti li tirriżulta mill-iskart tal-plastik, il-plastiglomerati u l-mikropartiċelli tal-plastik li qed jiddiżintegraw;

9.  Jenfasizza l-importanza tar-riċerka tal-baħar u dik marittima u ta’ kooperazzjoni aktar b’saħħitha dwar dawn is-setturi fost ir-riċerkaturi, fost l-Istati Membri u fost ir-reġjuni sabiex jingħeleb id-distakk eżistenti bejn l-Istati Membri u l-konċentrazzjoni ġeografika f’ċerti żoni u sabiex tingħata spinta lill-kompetittività taż-żoni kostali u l-ħolqien ta’ impjiegi lokali sostenibbli u ta’ kwalità;

10. Jinnota li se jkun possibbli li jintlaħaq il-potenzjal ta' tkabbir u ħolqien tal-impjiegi tal-ekonomija blu biss jekk ikun disponibbli investiment adegwat;

11. Filwaqt li jqis il-potenzjalitajiet ġodda tal-isfruttament tar-riżorsi tal-baħar li jirriżultaw mill-bijoteknoloġija, mill-esplorazzjoni tal-baħar fond u mill-enerġija alternattiva (ir-riħ, il-marea, il-kurrenti tal-baħar), jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-SMEs u l-impatt negattiv fuq l-impjieg fit-tul meta l-industrija peżanti tieħu rwol ewleni f’dawn is-setturi;

12. Jenfasizza l-importanza tat-titjib tal-ħiliet neċessarji sabiex jiġu applikati t-teknoloġiji l-ġodda fl-ambjent tal-baħar, u tat-tisħiħ tal-koordinazzjoni, id-dimostrazzjoni u l-użu tar-riċerka u l-iżvilupp, sabiex jinħolqu impjiegi sostenibbli u jsir kontribut għall-kisba sħiħa tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020;

13. Jenfasizza li hemm riskju għoli ta’ inċidenti inerenti fix-xogħol fuq il-baħar u jistieden lill-Istati Membri u lill-UE biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fir-rigward tat-tagħmir, il-bastimenti u l-ħaddiema;

14. Jenfasizza li l-appoġġ u l-iżvilupp ta’ ekonomija blu sostenibbli ġdida għandu jiġi inkluż fil-politika tal-UE dwar l-iżvilupp, il-politika esterna u l-politika tal-Unjoni għall-Mediterran, u li l-pajjiżi kostali Afrikani tal-Mediterran, l-istati gżejjer tal-Afrika tal-Lvant fl-Oċean Indjan kif ukoll l-istati gżejjer koperti bi Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika tal-pajjiżi AKP għandhom jitqiesu bħala sħab fl-isforzi biex tiġi stabbilita ekonomija blu sostenibbli;

15. Huwa tal-fehma li l-ekonomija blu hija magħmula minn setturi differenti ħafna u li l-iżvilupp tagħha jeħtieġ ħaddiema b’ħiliet għolja f’dawk is-setturi kollha; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu s-setturi varji tal-ekonomija blu fil-programmi ta’ taħriġ tagħhom, b’kunsiderazzjoni tal-edukazzjoni formali u informali, is-sistemi ta’ tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ doppju;

16. Jenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi dwar l-aspetti ambjentali u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent tal-baħar sabiex titħares ekonomija blu sostenibbli bl-għan li tingħata spinta lill-potenzjal ta' tkabbir u impjiegi tiegħu, b’mod partikolari f’setturi emerġenti tal-enerġija rinnovabbli bħalma huma s-settur tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta billi l-portijiet rilevanti jingħataw forma ġdida u jiġi garantit l-indirizzar b'urġenza tan-nuqqas ta’ ħiliet ferm inkwetanti fis-settur speċjalizzat tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta; iħeġġeġ, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex isolvu dan in-nuqqas ta’ ħiliet; u jenfasizza l-importanza ta’ dan anki għall-enerġija mill-oċeani, bħall-enerġija ożmotika, mill-marea, mill-mewġ u dik termali tal-oċeani, u l-enerġija prodotta mill-kurrenti tal-oċeani;

17. Huwa tal-fehma li t-turiżmu kostali, marittimu u dak intern jagħti kontribut kbir għat-tkabbir ekonomiku u għal impjiegi aħjar u sostenibbli, speċjalment għall-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà, sakemm dawn l-attivitajiet jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli u ma jkollhom l-ebda impatt ambjentali jew soċjali negattiv; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jagħmlu skambju tal-aħjar prattiki dwar il-politiki tal-iżvilupp tat-turiżmu u, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jindirizzaw soluzzjonijiet għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fir-reġjuni kostali;

18. Jenfasizza l-fatt li filwaqt li l-UE għadha mexxejja globali fl-ekonomija blu, il-kompetizzjoni internazzjonali f’dan is-settur hija qawwija u huwa biss ambjent b'kundizzjonijiet ekwi globali li jista’ jkompli jiżgura tkabbir sostenibbli u ħolqien ta' impjiegi Ewropej f’dan is-settur kumpless;

19. Jinnota li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fl-iżvilupp tal-ekonomija blu u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġa u tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn dawn l-atturi, pereżempju permezz ta’ Inizjattivi ta' Programmazzjoni Konġunta; jenfasizza li l-koordinazzjoni konġunta, b’mod partikolari fil-livell reġjonali u dak lokali, tal-attivitajiet ekonomiċi relevanti kollha marbuta mal-ekonomija blu hija importanti sabiex ikun jista' jsir l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni kostali;

20. Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati mudelli ta’ turiżmu li joffru alternattiva jew jikkomplementaw id-dawl tax-xemx u l-bajjiet u li jgħinu biex tingħeleb l-istaġjonalità, bħalma huma l-ekoturiżmu u t-turiżmu kulturali;

21. Jenfasizza r-rwol kruċjali tar-reġjuni kostali Ewropej fl-iżvilupp ta’ ekonomija blu sostenibbli, u għalhekk jitlob modi ġodda biex jiġi żgurat l-involviment u l-parteċipazzjoni diretta tar-reġjuni;

22. Jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali u jqis li s-sħab soċjali kollha involuti fl-ekonomija blu għandhom ikunu rappreżentati; jenfasizza l-importanza tal-konsultazzjonijiet tal-partijiet interessati dwar l-iżvilupp tal-ekonomija blu inġenerali, inkluż kemm mas-soċjetà ċivili kif ukoll mal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

23. Jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili dwar l-importanza tal-baħar bħala riżorsa ekonomika, kulturali u soċjali u r-rwol tar-riċerka u d-djalogu fil-kisba ta’ sostenibbiltà integrata bejn il-partijiet interessati u ċ-ċittadini;

24. Jistieden lill-Kummissjoni biex, b’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u r-reġjuni, tkejjel il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-ekonomija blu (fil-livelli settorjali, il-livell nazzjonali, u dak Ewropew) bl-għan li jinkiseb il-potenzjal tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tiegħu u b’kunsiderazzjoni partikolari tal-intraprendituri li jkunu għadhom kemm jibdew, l-intrapriżi żgħar u medji u n-negozji tal-familja;

25. Iqis li sabiex jiġi mmassimizzat it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u jiżdied il-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità abbażi ta' teknoloġiji blu, għandhom jiġu mħeġġa l-iżvilupp konġunt ta’ ideat u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn ix-xjenza u n-negozji sabiex jiġu promossi t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

26. Iqis li l-ibħra u l-kosti huma riżorsi ta’ valur li għandhom jiffurmaw wieħed mill-pilastri tal-politika ta’ rinaxximent industrijali tal-UE; jinnota li għandhom jittieħdu passi lejn ir-rivitalizzazzjoni tal-industrija blu filwaqt li jiġu appoġġati l-koeżjoni tal-ekonomija Ewropea u l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari f’dawk ir-reġjuni fejn dan il-potenzjal ġie marġinalizzat b’riżultat tal-proċessi ta’ globalizzazzjoni;

27. Huwa tal-fehma li l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u rapidu tas-settur;

28. Jinnota l-kumplessità tal-attivitajiet, is-setturi u d-dixxiplini tas-sistemi soċjoekonomiċi involuti fl-ekonomija blu, u jikkunsidra, għaldaqstant, li huwa estremament importanti li tiżdied il-kapaċità ta’ adattament għat-tibdil, l-innovazzjoni u l-multidixxiplinarjetà filwaqt li jiġi adattat it-taħriġ tal-kapital uman;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

1.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

51

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Lampros Fountoulis, Arne Gericke, Agnes Jongerius, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Zdzisław Krasnodębski, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Terry Reintke, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Ulla Tørnæs, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Heinz K. Becker, Lynn Boylan, Mercedes Bresso, Eva Kaili, Eduard Kukan, António Marinho e Pinto, Evelyn Regner, Michaela Šojdrová, Gabriele Zimmer

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Csaba Sógor


OPINJONI tal-Kumitat għas-Sajd (11.5.2015)

għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

dwar l-isfruttament tal-potenzjal ta' Riċerka u Innovazzjoni fl-Ekonomija Blu biex jinħolqu t-Tkabbir u l-Impjiegi

(2014/2240(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Isabelle Thomas

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Sajd jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi l-ibħra u l-oċeani fl-aħħar ġew rikonoxxuti bħala muturi b'saħħithom tal-ekonomija Ewropea u jirrappreżentaw potenzjal konsiderevoli ta' innovazzjoni, tkabbir u impjieg; billi dan il-potenzjal, madankollu, ma jistax joħroġ ħlief jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet;

B.  billi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija li jkun hemm definizzjoni li tintegra l-attivitajiet kollha tal-ekonomija blu u billi dawn għandhom jiġu analizzati b’mod integrat, sabiex tinħoloq ekosistema blu li tintegra lill-partijiet ikkonċernati kollha;

C. billi ż-żoni kostali għandhom karatteristiċi speċifiċi li jagħmluhom differenti, li jiddeterminaw il-possibbiltajiet għall-iżvilupp tagħhom fit-terminu medju u fit-tul;

D. billi huwa stmat li bħalissa n-numru ta’ molekuli fil-baħar huwa ħafna ogħla min-numru ta’ molekuli fuq l-art, u li dawn jirrappreżentaw novità potenzjali għar-riċerka fil-qasam tas-saħħa, il-kożmetiċi u l-bijoteknoloġija;

E.  billi l-Politika Marittima Integrata hija importanti bħala lieva għall-attivitajiet tal-ekonomija blu, fuq kollox meta jkun meħtieġ li jiġu indirizzati b’mod integrat l-isfidi kollha li qed jiffaċċjaw l-ibħra Ewropej illum;

F.  billi r-reġjuni periferiċi u insulari huma spiss marittimi, u l-iżvilupp tal-ekonomija blu għandu sehem fil-bilanċ u l-ugwaljanza tat-territorji tal-UE;

G. billi l-Gruppi għall-Iżvilupp tas-Sajd urew fil-PKS preċedenti li tkun għodda utli ħafna għall-ħolqien tal-impjiegi u l-ġid, il-koeżjoni soċjali u territorjali, filwaqt li jkunu dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-protagonisti fl-iżvilupp tagħhom stess;

H. billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni ultraperiferiċi, li n-natura insulari tagħhom hija intrinsikament marbuta mal-ekonomija blu, li huma żoni li l-bijotopu tagħhom huwa partikolarment għani u fejn il-klima speċifika tippermetti li jiġu previsti modi ġodda ta’ produzzjoni tal-enerġija tal-baħar;

I.   billi l-ippjanar marittimu spazjali u l-ġestjoni integrata taż-żoni kostali huma għodda indispensabbli ta' ġestjoni biex jiġu evitati l-kunflitti u jiġu ottimizzati l-interdipendenzi bejn id-diversi setturi u, f'dan ir-rigward, għandu jiġi deplorat l-abbandun fil-livell tal-Unjoni tal-ICZM;

J.   billi, minkejja l-abbandun tal-ICZM fil-livell Komunitarju, huwa importanti li wieħed jikkunsidra l-interazzjonijiet tal-baħar mal-art, tiġi organizzata l-koeżistenza tal-attivitajiet marittimi kollha sabiex jiġu evitati l-kunflitti tal-użu, jiġu trattati l-interdipendenzi u tiġi żgurata l-konsultazzjoni u l-governanza tajba;

K. billi l-interazzjonijiet tal-baħar mal-art jikkonċernaw b’mod partikolari t-tniġġis marittimu, li ta’ spiss ikun ġej mill-art, kif ukoll il-konsegwenzi fuq l-art tal-attivitajiet marittimi, bħal pereżempju s-settur tal-ipproċessar tal-ħut, il-bini ta’ impjanti tal-enerġija, portijiet, dockyards u strutturi ta’ taħriġ;

L.  billi l-ġbir, l-ipproċessar u t-tqassim tad-data jagħmlu parti mill-investiment fl-ekonomija blu u jirrappreżentaw kundizzjoni sine qua non biex jiżguraw il-vijabilità teknika, ekonomika u finanzjarja tagħhom;

M. billi bħalissa huwa stmat li bejn 3 % u 5 % tal-PDG tal-UE jiġi mis-settur marittimu kumplessivament, li jimpjega madwar 5,6 miljun persuna u li jiġġenera EUR 495 biljun għall-ekonomija Ewropea;

N. billi t-tkabbir f’dan is-settur għandu jseħħ b'konsistenza sħiħa mal-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli u l-użu sostenibbli f'termini wesgħin, ambjentali, ekonomiku u soċjali, u dan jista’ jkun żgurat biss jekk l-għanijiet tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina jkunu implimentati b’mod strett sal-2020;

O. billi l-iżvilupp sostenibbli tal-politiki marittimi ma għandux jirrepeti l-iżbalji li saru fuq l-art; billi l-ibħra u l-oċeani huma ġid komuni li, bħala tali, għandhom jinżammu u bl-ebda mod ma għandhom jiġu privatizzati; billi, għalhekk, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jippreservawhom mill-ispekulazzjoni tas-suq, mill-isfruttament żejjed u mill-attivitajiet li jistgħu jikkawżaw alterazzjonijiet li jkollhom impatt negattiv fuq il-ħajja, il-bijodiversità u l-klima; billi l-istudji tal-impatt ambjentali għandhom jitwettqu qabel it-tnedija ta' attivitajiet ġodda;

P.  billi l-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet marittimi għandu jkollu wkoll komponent soċjali b’saħħtu, u li ż-żieda fid-drittijiet u s-sigurtà fuq ix-xogħol hija wkoll mutur għat-tkabbir ekonomiku;

Q. billi objettiv politiku mhuwiex prijorità billi ma għandux baġit iddedikat;

1.  Jinsisti mal-Kummissjoni biex din tikkunsidra l-proposti tal-Parlament u tipproponi definizzjoni tal-ekonomija blu li tkopri l-produzzjoni u l-impjiegi kollha b’rabta mal-baħar, eżistenti jew futuri, u r-riperkussjonijiet tagħhom fl-art; jistieden lill-Kummissjoni telenka l-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea li għandhom l-akbar potenzjal ta’ żvilupp u li jasserixxu l-aktar l-ekonomija blu, permezz ta’ lista mhux eżawrjenti u inklużiva b’mill-inqas l-attivitajiet sussegwenti: it-teknoloġija marittima u l-innovazzjoni, is-sajd sostenibbli, il-kostruzzjoni tal-bastimenti, l-enerġiji marittimi rinnovabbli, l-isfruttament ta’ qiegħ il-baħar, il-bijoteknoloġiji marittimi, l-agrikoltura, il-pixxikultura, l-industrija tal-krostaċej, it-turiżmu kostali u marittimu, l-iżvilupp ta’ pjattaformi fil-baħar, it-trasport bil-baħar, it-tindif tal-ibħra u l-portijiet, id-dfin ta’ pipelines u cables taħt il-baħar u d-desalinazzjoni tal-ilma baħar;

2.  Jinsisti biex il-Kummissjoni ma tirrestrinġix l-ambitu tal-innovazzjoni għall-attivitajiet ġodda, iżda tikkunsidra l-potenzjal għall-innovazzjoni inerenti fl-attivitajiet marittimi kollha;

3.  Jenfasizza l-importanza tas-sajd u tal-akkwakultura fl-ekonomija blu; jemmen li l-kompetittività tal-attivitajiet tas-sajd għandha tmur id f’id mal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar skont ir-regoli tal-PKS;

4.  Jitlob li jsir żvilupp ibbilanċjat u li ssir regolamentazzjoni aktar b’saħħitha tal-proġetti tal-akkwakultura sabiex ma tiġix ikkawżata d-degradazzjoni fiż-żoni qrib faċilitajiet tal-akkwakultura, b'riferiment speċifiku għall-impatt negattiv fuq l-ekonomiji lokali minħabba d-degradazzjoni ġenetika tal-istokkijiet tal-ħut selvaġġ ikkawżata mill-ħut imrobbi maħrub, u d-degradazzjoni fil-kuntest tal-qerda u l-alterazzjoni tal-ħabitat flimkien mal-kontaminazzjoni kimika, patoġenika u parasitika mill-akkwakultura intensiva fuq skala kbira li taffettwa l-ekosistemi;

5.  Jenfasizza li l-ibħra u l-oċeani diġà huma soġġetti għal pressjonijiet antropoġeniċi kbar u għall-problemi li dawn il-pressjonijiet jikkawżaw (tniġġis, tibdil fl-ambjent, tibdil fil-klima, sfruttament eċċessiv tar-riżorsi, sajd eċċessiv), iżda li jżommu riżervi sinifikanti ta' naturalità u ta' ambjenti ftit li xejn aċċessibli u għalhekk intatti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, qabel ma titfassal xi proposta għal definizzjoni, tiżviluppa studju serju u rigoruż tal-impatt fuq il-bijodiversità, il-klima, is-sajd, l-ekonomija u l-impjiegi, tal-iżvilupp tal-attivitajiet li jimmiraw li jiżviluppaw taħt l-umbrella ta' "ekonomija blu";

6.  Jippreċiża li, minkejja n-natura tradizzjonali ta’ ċerti attivitajiet bħas-sajd, dawn għandhom potenzjal intrinsiku ta’ innovazzjoni, bħal pereżempju l-iżvilupp ta’ għodod ġodda għall-kontroll tas-sajd jew il-bini ta’ bastimenti futuri selettivi ħafna, effiċjenti f’termini ta’ fjuwil u b’emissjonijiet baxxi ta’ CO2, sikuri u komdi;

7.  Jenfasizza li l-protezzjoni u s-salvagwardja tal-ambjenti naturali tal-baħar huma rekwiżit fundamentali biex ikunu jistgħu jinżammu, jiġu sostnuti u jiġu żviluppati ekonomiji blu, bħas-sajd u t-turiżmu;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tikkwantifika l-bżonnijiet finanzjarji tat-tkabbir blu, b’mod partikolari f’termini ta’ ġbir tad-data, riċerka u taħriġ; jissuġġerixxi l-ippjanar ta’ dan il-finanzjament sal-2020; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-kontribuzzjoni tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS);

9.  Jiddispjaċih profondament dwar id-dewmien fl-ipprogrammar għall-FEMS f'ċerti Stati Membri;

10. Jistieden lill-Kummissjoni telenka l-fondi Ewropej disponibbli għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-ekonomija blu u tiġborhom taħt pjattaforma unika aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tipprevedi fondi ddedikati għall-innovazzjoni u t-tkabbir blu li jiffinanzjaw ir-riċerka fundamentali, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-taħriġ, il-ħolqien ta’ impjiegi, il-ħolqien ta' intrapriżi, l-SMEs, l-intrapriżi soċjali, il-kooperattivi, l-edukazzjoni u l-apprendistati, it-tnaqqis tal-faqar kostali, l-iżvilupp tal-bijoteknoloġija, ir-rabtiet tat-trasport, l-interkonnettività tal-enerġija, il-kostruzzjoni u t-tiswija tal-bastimenti, l-aċċess kostali għall-broadband, il-protezzjoni ambjentali u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti, is-servizzi u l-proċeduri innovattivi;

11. Jiddefendi l-ħtieġa li jiġi stabbilit ippjanar strateġiku ta’ attivitajiet tal-ekonomija blu, il-modi ta’ finanzjament dirett u pjan ta’ azzjoni, b’tali mod li dan is-settur jissaħħaħ minn issa sal-2020; iqis għalhekk li kull attività elenkata għandha tinkludi ċertu numru ta’ ideat speċifiċi dwar il-kooperazzjoni fir-riċerka, l-investimenti fl-infrastruttura u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni (li l-Istati Membri huma mistiedna jimplimentaw billi jirrikorru għall-fondi tal-UE), il-finanzjament tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-involviment tas-settur privat, bħalma huma l-prattiki skont il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi jew bl-użu tiegħu, li l-għan tagħhom huwa li jitrawmu investimenti sinifikanti fl-infratsruttura u jiġi żgurat il-finanzjament ta' proġetti innovattivi; jitlob, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tintegra l-iżvilupp tal-ekonomija blu mal-lista ta’ objettivi li għandhom jintlaħqu biex proġett ikun eliġibbli għall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi;

12. Jenfasizza l-importanza tal-ippjanar spazjali marittimu sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli u tiġi kkoordinata l-ekonomija blu; jitlob, f’dan ir-rigward, it-tisħiħ tal-governanza tal-Politika Marittima Integrata fil-livell tal-Unjoni u tal-baċiri tal-baħar;

13. Jenfasizza l-importanza li jinkiseb għarfien iktar profond tal-oċeani u li jitjiebu l-kompetenzi meħtieġa biex jiġu applikati t-teknoloġiji l-ġodda għall-ambjent marittimu;

14. Jinsisti li għandha tiġi stabbilita Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni ddedikata għall-ekonomija blu biex tippromwovi r-riċerka f’dan il-qasam u tidentifikaha bħala objettiv prijoritarju tal-UE, u mhux bħala verżjoni marittima fakultattiva ta’ objettiv tal-enerġija jew tal-ikel;

15. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi aġenzija li tkun responsabbli mill-iżvilupp tal-ekonomija blu, il-ġbir tad-data, u l-koordinazzjoni tal-proġetti li jimmiraw li jilħqu dak l-objettiv;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti biex tiffaċilita l-kuntatti u l-kooperazzjoni bejn il-livelli reġjonali u nazzjonali tal-Unjoni, eż. permezz tal-INTERREG u l-istrateġiji stabbiliti għall-baċiri marittimi differenti; jistieden lill-Kummissjoni tlaqqa’ l-atturi prinċipali internazzjonali li jipparteċipaw fl-ekonomija blu u tmexxi proġett internazzjonali bl-għan li tippromwovi dan is-settur ġdid ta’ attività ekonomika;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji biex issaħħaħ ir-rwol tal-Gruppi għall-Iżvilupp tas-Sajd skont il-PKS il-ġdida, u tipprovdilhom aktar riżorsi biex ikunu jistgħu jkomplu u jiżviluppaw ir-rwol tagħhom u jrawmu din il-kooperazzjoni interterritorjali;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora l-kunċett tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fl-istrateġiji dwar il-baċini tal-baħar, sabiex ir-riċerka u l-innovazzjoni marittimi jingħataw fokus reġjonali u l-kompetenzi reġjonali ewlenin jiġu promossi b’mod immirat;

19. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ħolqien ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda fl-ekonomija blu, billi tistimola l-intraprenditorija u l-ħolqien ta’ negozji li jkunu għadhom kemm jiftħu li joffru potenzjal għoli li jħallu impatt fil-qasam marittimu;

20. Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tiggarantixxi t-trasparenza fl-użu tal-fondi u ż-żamma fil-qasam pubbliku tar-riżultati tar-riċerka li hija tiffinanzja, bi qbil mal-parti pubblika Ewropea tal-finanzjament totali b'rabta ma' kull parti privata, billi jiġi ggarantit ukoll l-aċċess faċli, liberu u mingħajr ħlas għal din l-informazzjoni għall-partijiet interessati kollha u filwaqt li tippromwovi d-disseminazzjoni ta' tali riżultati;

21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni terġa' tibda u tippromwovi l-ippjanar spazjali marittimu u l-ġestjoni integrata taż-żoni kostali (ICZM) f'livell tal-UE;

22. Jiddefendi l-ħtieġa li jiġu elenkati u promossi attivitajiet tradizzjonali, kulturali u turistiċi li jżidu l-valur tal-karatteristiċi speċifiċi tal-komunitajiet lokali u jissalvagwardjaw is-sajd artiġjanali;

23. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u tarmonizza s-sistemi li jiffaċilitaw l-ipproċessar, l-użu u d-diffużjoni tad-data;

24. Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tippromwovi l-ġbir ta' data xjentifika aġġornata regolarment dwar l-istokks tal-baħar fl-ilmijiet tal-UE u barra minnhom, f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa kemm l-edukazzjoni għolja kif ukoll it-taħriġ professjonali u l-programmi ddedikati għat-tagħlim tul il-ħajja billi tiżgura li l-perspettiva tal-ekonomija blu tiġi inkluża fihom u li ssir sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ, biex jogħla l-profil tagħha fil-livelli kollha tal-edukazzjoni; jesprimi tħassib dwar l-impatt li se jkollu l-FEIS kif propost mill-Kummissjoni fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, fid-dawl tal-fatt li se jittieħdu EUR 2.7 biljun minn Orizzont 2020 matul il-5 snin li ġejjin;

26. Jinsisti li għandu jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ korsijiet ta’ taħriġ li jiġbru flimkien l-impjiegi marittimi kollha; jippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-interazzjonijiet bejn il-korsijiet varji ta’ taħriġ marittimu jgħinu biex jippromwovu l-iżvilupp ta’ attivitajiet marittimi integrati u l-varjetà tal-impjiegi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

6.5.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, Linnéa Engström, Raymond Finch, Ian Hudghton, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Liadh Ní Riada, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, José Blanco López, Ole Christensen, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Anja Hazekamp, Verónica Lope Fontagné, Francisco José Millán Mon, Cláudia Monteiro de Aguiar

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Peter Lundgren, Miguel Viegas


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

16.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

8

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Bendt Bendtsen, Reinhard Bütikofer, Jerzy Buzek, Philippe De Backer, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, Theresa Griffin, Marek Józef Gróbarczyk, András Gyürk, Roger Helmer, Eva Kaili, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Janusz Lewandowski, Ernest Maragall, Edouard Martin, Nadine Morano, Dan Nica, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Miloslav Ransdorf, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Miguel Urbán Crespo, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Martina Werner, Flavio Zanonato

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Michał Boni, Lefteris Christoforou, David Coburn, Miriam Dalli, João Ferreira, Gerben-Jan Gerbrandy, Françoise Grossetête, Constanze Krehl, Olle Ludvigsson, Piernicola Pedicini, Sofia Sakorafa, Maria Spyraki, Indrek Tarand, Mihai Ţurcanu, Anneleen Van Bossuyt

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Marietje Schaake, Bart Staes

Avviż legali - Politika tal-privatezza