RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Janusz Korwin-Mikke

16.7.2015 - (2015/2102(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Evelyn Regner

Proċedura : 2015/2102(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0229/2015
Testi mressqa :
A8-0229/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Janusz Korwin-Mikke

(2015/2102(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ Janusz Korwin-Mikke, mibgħuta fit-13 ta' Marzu 2015 mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja b’konnessjoni ma’ proċeduri legali mressqa mill-Kap tal-Pulizija Muniċipali ta' Piotrków Trybunalski, bid-data tad-9 ta' Marzu 2015 (Kawża Nru SM.O.4151-F.2454/16769/2014) u mħabbra fis-seduta plenarja tal-15 ta' April 2015,

–       wara li sema' lis-Sur Korvin-Mikke skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–       wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013[1],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u l-Artikoli 7b(1) u 7c(1) b'rabta mal-Artikolu 10b tal-Att tal-Polonja, tad-9 ta’ Mejju 1996 dwar l-eżerċizzju tal-mandat ta’ Deputat jew Senatur,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(1), u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0229/2015),

A.     billi l-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja għadda talba mill-Kap tal-Pulizija Muniċipali ta' Piotrków Trybunalski għall-awtorizzazzjoni biex jinfetħu proċeduri kontra Membru tal-Parlament Ewropew, Janusz Korwin-Mikke, fir-rigward ta’ reat skont l-Artikolu 92a tal-Att tal-20 ta' Mejju 1971 li jistabbilixxi l-Kodiċi ta' Reati b'rabta mal-Artikolu 20(1) tal-Att dwar it-Traffiku tat-Triq tal-20 ta' Ġunju 1997; billi, b'mod partikolari, l-offiża allegata tammonta għal sewqan b'veloċità li teċċedi l-veloċità massima permessa f'żona mibnija;

B.     billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom;

C.     billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri jgawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-Parlament ta' pajjiżhom;

D.     billi, skont l-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, deputat m’għandux jiġi soġġett għal responsabbiltà kriminali mingħajr il-kunsens tas-Sejm;

E.     billi huwa f’idejn il-Parlament biss li jiddeċiedi jekk l-immunità għandhiex tiġi rinunzjata jew le f’każ partikolari; billi l-Parlament jista’ raġonevolment iqis il-pożizzjoni tal-Membru sabiex jilħaq id-deċiżjoni tiegħu dwar jekk hemmx lok jew le ngħat-teħħija tal-immunità tiegħu jew tagħha[2];

F.     billi r-reat allegat ma għandux rabta diretta jew ovvja mal-prestazzjoni tas-Sur Korwin-Mikke fid-dmirijiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni jew vot espressi fil-qadi ta’ dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew skont it-tifsira tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

G.     billi f'dan il-każ il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-każ tressaq bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru kkonċernat;

1.      Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’ Janusz Korwin-Mikke;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu immedjatament lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Polonja u lil Janusz Korwin-Mikke.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Il-kuntest

Fit-13 ta' Marzu 2015, il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja bagħat lill-President tal-Parlament talba mill-Kap tal-Pulizija Muniċipali ta' Piotrków Trybunalski fid-9 ta’ Marzu 2015 biex tingħata awtorizzazzjoni biex jinbdew proċedimenti kontra Membru tal-Parlament Ewropew, is-Sur Janusz Korwin-Mikke, b'rabta mar-reat deskritt hawn taħt.

Il-Pulizija Muniċipali tallega li fis-6 ta' Settembru 2014, huwa u jsuq il-karozza tiegħu f'żona mibnija fi Piotrków Trybunalski, is-Sur Korwin-Mikke eċċeda l-veloċità massima permessa ta' 50 km/h bi 32 km/h skont kamera li tissorvelja l-veloċità f'dik iż-żona. Din l-imġiba tikkostitwixxi reat skont l-Artikolu 92a tal-Att Pollakk tal-20 ta' Mejju 1971 li jistabbilixxi l-Kodiċi ta' Reati b'rabta mal-Artikolu 20(1) tal-Att dwar it-Traffiku tat-Triq tal-20 ta' Ġunju 1997.

Wara li identifikat il-proprjetarju tal-karozza bħala s-Sur Korwin-Mikke abbażi tar-Reġistru Ċentrali Pollakk tal-Vetturi u s-Sewwieqa, il-Pulizija tallega wkoll li l-immaġini ta' wiċċ is-sewwieq fir-ritratt meħud mill-kamera tal-veloċità taqbel mal-immaġini ta' wiċċ is-Sur Korwin-Mikke kif provduta mill-awtoritajiet muniċipali kompetenti.

Fis-seduta plenarja tal-15 ta' April 2015 il-President ħabbar, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta' Proċedura, li kien irċieva ittra mingħand il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja li titlob għat-tneħħija tal-immunità parlamentari tas-Sur Janusz Korwin-Mikke.

Il-President irrefera din it-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 9(1). Is-Sur Korwin-Mikke nstema’ mill-Kumitat fl-14 ta' Lulju 2015 skont l-Artikolu 9(5).

2. Il-liġi u l-proċedura tal-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jaqraw kif ġej:

Artikolu 8

Il-Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Artikolu 9

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu, għandhom igawdu:

a. fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b. fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' miżura jew detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja l-immunità ta’ xi wieħed mill-Membri tiegħu.

L-Artikoli 6(1) u 9 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew għandhom jinqraw kif ġej:

Artikolu 6

Tneħħija tal-immunità

1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu jħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. Kull talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tkun ivvalutata skont it-termini tal-Artikoli 7, 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u skont il-prinċipji li hemm riferiment għalihom f'dan l-Artikolu.

(...)

Artikolu 9

Proċeduri dwar l-immunità

1. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta’ xi Membru, jew minn Membru jew xi ħadd li kien Membru sabiex jitħarsu l-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tkun riferuta lill-kumitat responsabbli.

Il-Membru jew l-ex-Membru jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor. It-talba ma tistax issir minn Membru ieħor mingħajr il-qbil tal-Membru kkonċernat.

2. Il-kumitat għandu jikkunsidra mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet.

3. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija ta' l-immunità jew għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet.

4. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa.

5. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema’, jista’ jippreżenta

dokumenti jew evidenza bil-miktub li dak il-Membru jħoss li huma relevanti u jista’ jkun rappreżentat minn Membru ieħor.

Il-Membru ma għandux ikun preżenti matul id-dibattiti dwar it-talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tiegħu, ħlief għas-smigħ innifsu.

Il-President tal-Kumitat għandu jistieden lill-Membru għas-smigħ, billi jindika d-data u l-ħin. Il-Membru jista’ jirrinunzja d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-smigħ.

Jekk il-Membru ma jipparteċipax fis-smigħ wara dik l-istedina, jitqies li rrinunzja dak il-jedd li jkun mismugħ, sakemm ma jitlobx li jkun eżonerat mis-smigħ f’dik id-data u ħin kif proposti, u jagħti r-raġunijiet. Il-President tal-Kumitat għandu jagħti deċiżjoni dwar jekk tali talba li dak li jkun ikun skużat tintlaqax fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija, u ma jkun permess l-ebda appell fuq dan il-punt.

Jekk il-President tal-Kumitat jilqa’ t-talba għal eżoneru, allura jistieden lill-Membru jinstema’ f’data u ħin ġodda. Jekk il-Membru jonqos li jimxi mat-tieni stedina li jinstema’, il-proċedura tissokta mingħajr ma jinstema’ l-Membru. Ebda talba oħra għal eżoneru, jew għas-smigħ, ma tintlaqa’ minn dan l-istadju ’l quddiem.

(...)

7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza ta' l-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.

(...)

L-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja huwa fformulat kif ġej:

Mill-ġurnata meta jitħabbru r-riżultati tal-elezzjonijiet sal-ġurnata meta jintemm il-mandat tiegħu, Deputat m’għandux ikun suġġett għal responsabiltà kriminali mingħajr il-kunsens tas-Sejm.

L-Artikoli 7b(1), 7c(1) u 10b tal-Att tad-9 ta’ Mejju 1996 dwar l-eżerċizzju tal-mandat ta’ Membru jew Senatur jgħid kif ġej:

Artikolu 7b

1. Mozzjoni għal espressjoni ta’ kunsens biex deputat jew senatur jitressaq għal responsabilità penali f’każ ta' reat li ssir prosekuzzjoni tiegħu permezz ta' akkuża pubblika għandha tiġi ppreżentata permezz tal-Ministru tal-Ġustizzja – il-Prosekutur Pubbliku Ġenerali.

Artikolu 7c

1. Mozzjoni għal espressjoni ta’ kunsens biex deputat jew senatur jitressaq għal responsabilità penali għandha titressaq quddiem l-ispeaker tas-Sejm jew l-ispeaker tas-Senat, li għandhom jgħaddu din il-mozzjoni lill-korp kompetenti biex jeżamina l-mozzjoni skont ir-regoli ta’ proċedura tas-Sejm jew is-Senat, u fl-istess ħin jiġi nnotifikat id-deputat jew is-senatur tal-mozzjoni kkonċernata dwar il-kontenut ta’ din il-proposta.

Art. 10b.

Ir-Regolamenti dwar l-espressjoni ta' kunsens biex Membru jew Senatur jinżammu kriminalment responsabbli għandhom japplikaw kif ikun xieraq għal responsabilità għal reati żgħar.

3. Ġustifikazzjoni għall-proposta ta' deċiżjoni

Fuq il-bażi tal-fatti msemmija hawn fuq, dan il-każ jikkwalifika għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

Skont din id-dispożizzjoni, il-Membri jgawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-Membri tal-Parlament ta’ dak l-Istat. Barra minn hekk, l-Artikolu 105(2) tal-Kostituzzjoni Pollakka jistipula li prosekuzzjoni kriminali tal-Membri tas-Sejm huma suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel minn dan tal-aħħar. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew hija għalhekk meħtieġa, jekk l-azzjoni kontra s-Sur Korwin-Mikke trid titkompla[3].

Sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok jew le għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Membru, il-Parlament Ewropew japplika l-prinċipji konsistenti tiegħu. Wieħed minn dawn il-prinċipji huwa li l-immunità normalment tiġi mneħħija meta r-reat jaqa’ taħt l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, sakemm ma hemmx fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-kwistjoni qed tiġi mressqa quddiem qorti bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru kkonċernat.

L-ewwel u qabel kollox, it-talba għat-tneħħija tal-immunità tas-sur Korwin-Mikke tressqet bħala riżultat ta' reat allegat li jikkonsisti f'eċċess tal-veloċità massima permessa f'żona mibnija. It-tieni nett, dan il-każ huwa konness ma' reat tat-traffiku li, skont it-talba, huwa soġġett għall-ħlas ta' ċitazzjoni relattivament baxxa ta' PLN 300 sa PLN 400. Fl-aħħar nett, it-tqabbil tal-wiċċ operat mill-pulizija jidher li huwa teknika investigattiva oġġettiva li, min-natura tagħha stess, tipprekludi kwalunkwe intenzjoni li jiġi kkawżat dannu politiku lis-Sur Korwin-Mikke. Jidher, għalhekk, miċ-ċirkostanzi tal-każ li, għalkemm il-fatti msemmija hawn fuq seħħew meta s-Sur Korwin-Mikke diġà kien Membru tal-Parlament Ewropew, l-allegat reat u l-prosekuzzjoni ta' wara jidhru b’mod ċar li m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-pożizzjoni tas-Sur Korwin-Mikke bħala Membru tal-Parlament Ewropew u lanqas mhemm provi ta' fumus persecutionis.

4. Konklużjoni

Abbażi tal-kunsiderazzjoni t’hawn fuq u skont l-Artikolu 9(3) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità parlamentari tas-Sur Janusz Korwin-Mikke.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

11

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Mady Delvaux, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, József Szájer, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Sylvia-Yvonne Kaufmann

  • [1]  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 1964, Wagner v Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Wybot v Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote v Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra v De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch v Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch v Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
  • [2]  Kawża T-345/05 Mote v Il-Parlament (imsemmija iktar ’il fuq), paragrafu 28.
  • [3]  Skont l-Artikolu 10b tal-Att tal-Polonja tad-9 ta' Mejju 1996 dwar l-eżerċizzju tal-mandat ta’ Deputat jew Senatur, it-tneħħija tal-immunità hija meħtieġa wkoll b'rabta ma' reati minuri, bħalma huma r-reati tat-traffiku.