RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza lir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Polonja rispettivament biex jirratifikaw, u lir-Repubblika tal-Awstrija biex taderixxi mal-Konvenzjoni ta' Budapest dwar il-Kuntratt tat-Trasport ta' Merkanzija permezz ta' Passaġġi fuq l-Ilma Interni (CMNI)

16.7.2015 - (08223/2015 – C8-0173/2015 – 2014/0345(NLE)) - ***

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Pavel Svoboda

Proċedura : 2014/0345(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0231/2015
Testi mressqa :
A8-0231/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza lir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Polonja rispettivament biex jirratifikaw, u lir-Repubblika tal-Awstrija biex taderixxi mal-Konvenzjoni ta' Budapest dwar il-Kuntratt tat-Trasport ta' Merkanzija permezz ta' Passaġġi fuq l-Ilma Interni (CMNI)

(08223/2015 – C8-0173/2015 – 2014/0345(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Budapest dwar il-Kuntratt tat-Trasport ta' Merkanzija permezz ta' Passaġġi fuq l-Ilma Interni (08223/15/ADD1)

–       wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill bi qbil mal-Artikolu 81(2) u mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0173/2015),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2), u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0231/2015),

1.      Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza lir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Polonja rispettivament biex jirratifikaw, u lir-Repubblika tal-Awstrija biex taderixxi mal-Konvenzjoni ta' Budapest dwar il-Kuntratt tat-Trasport ta' Merkanzija permezz ta' Passaġġi fuq l-Ilma Interni;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-Konvenzjoni ta' Budapest dwar il-Kuntratt tat-Trasport ta' Merkanzija permezz ta' Passaġġi fuq l-Ilma Interni ġiet adottata minn konferenza diplomatika organizzata b'mod konġunt mill-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu u l-Kummissjoni tad-Danubju b'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2005. Tikkontribwixxi għas-suq intern fil-qasam tat-trasport bl-armonizzazzjoni ta' kuntratti u ta' standards għan-navigazzjoni interna madwar l-Ewropa.

L-Artikolu 29 tal-Konvenzjoni ta' Budapest jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-għażla tal-liġi mill-partijiet kontraenti li jaqgħu taħt din il-konvenzjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet jaffettwaw ir-regoli stipulati fir-Regolament Ruma I (Regolament (KE) Nru. 593/2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali).

Għalhekk il-Konvenzjoni ta' Budapest hi ftehim li jaqa' parzjalment taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-konvenzjoni ma tistipulax il-possibilità li l-Unjoni ssir parti. Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jirratifikaw jew jaderixxu għaliha mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni (Artikolu 2(1) TFUE).

F'dan il-każ, il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni hi limitata għal dispożizzjoni unika u awtorizzazzjoni mogħtija lill-Istati Membri individwali ma jkollhiex effett negattiv fuq l-implimentazzjoni tal-politika esterna tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Ħdax-il Stat Membru huma diġà partijiet fil-Konvenzjoni ta' Budapest, u ħmistax-il Stat Membru indikaw li huma ma għandhomx rotot ta' navigazzjoni interna kopruti mill-konvenzjoni.

L-Awstrija u l-Polonja diġà esprimew interess li jsiru partijiet għall-konvenzjoni. Il-parteċipazzjoni tagħhom għandha tippromwovi l-implimentazzjoni mifruxa ta' dan l-istrument legali, b'benefiċċji għaċ-ċittadini u n-negozji.

Il-Belġju rratifika l-konvenzjoni fil-5 ta' Awwissu 2008, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ruma I fl-24 ta' Lulju 2008. Għalhekk hemm bżonn li tingħata awtorizzazzjoni retroattiva sabiex tiġi korretta sitwazzjoni irregolari.

Għalhekk l-abbozz ta' deċiżjoni jawtorizza lill-Belġju u l-Polonja biex jirratifikaw, u lill-Awstrija biex taderixxi għall-Konvenzjoni ta' Budapest. Għar-raġunijiet kollha elenkati hawn fuq, ir-rapporteur jipproponi li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal din l-awtorizzazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

13.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki, Evelyne Gebhardt, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Virginie Rozière

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ángela Vallina, Bogdan Brunon Wenta