RAPPORT dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp

22.7.2015 - (2015/2004(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp
Rapporteur: Eleni Theocharous

Proċedura : 2015/2004(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0232/2015
Testi mressqa :
A8-0232/2015
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp

(2015/2004(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000,

–       wara li kkunsidra r-rapport adottat f'Lulju 2014 mill-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015[1],

–       wara li kkunsidra r-rapport adottat fit-8 ta' Awwissu 2014 mill-Kumitat Intergovernattiv ta' Esperti dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp Sostenibbli,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, ta' Lulju 2014,

–       wara li kkunsidra r-"Rapport dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju għall-2014" tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra d-dokument finali tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC) li saret fil-Belt tal-Messiku, ta' April 2014,

–       wara li kkunsidra r-rapport bit-titolu "Dialogue on localizing the Post-2015 Development Agenda" (Djalogu dwar il-lokalizzazzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015) imħejji mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), mill-Global Taskforce[2] u mill-UN-HABITAT, tal-31 ta' Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra r-rapport 2014 tal-Grupp tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp (UNDG) bit-titolu "Delivering the Post-2015 Development Agenda: opportunities at the national and local levels" (Realizzazzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015: opportunitajiet fil-livelli nazzjonali u lokali),

–       wara li kkunsidra r-Rapport tal-2014 dwar l-Iżvilupp Uman tal-UNDP bit-titolu "Sustaining Human Progress: Reducing Vulnerabilities and Building Resilience" (Sostenn għall-progress uman: innaqqsu l-vulnerabbiltajiet u nibnu r-reżiljenza),

–       wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sinteżi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar l-Aġenda għal wara l-2015,

–       wara li kkunsidra l-"Gender Chart 2012" tan-NU, li tkejjel it-titjib fl-aspetti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneru tat-tmien Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs),

–       wara li kkunsidra l-eżitu tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-1992 u r-rapport tal-Konferenza ta' segwitu tiegħu dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li saret f'Rio de Janeiro, il-Brażil, mill-20 sat-22 ta' Ġunju 2012,

–       wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2013 tal-Grupp ta' Livell Għoli tan-NU ta' Persuni Eminenti dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015,

–       wara li kkunsidra r-rapport ta' Ġunju 2012 tas-System Task Team tan-NU dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015 tan-NU lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, bit-titolu, "Realising the future we want for all" (Realizzazzjoni tal-futur li rridu għal kulħadd),

–       wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni ta' Istanbul għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati għad-Deċennju 2011-2020,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni u l-pjan ta' azzjoni adottati fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan, il-Korea t'Isfel, f'Diċembru 2011,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-qafas ġuridiku tad-drittijiet tal-bniedem,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Akkra għall-Azzjoni,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986,

–       wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp[3] u l-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp[4],

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2013 bit-titolu "Responsabbilizzazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp" (COM(2013)0280),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili: l-involviment tal-Ewropa b'appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli[5] u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2013 dwar l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jerġa' jafferma li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jistabblixxi li "l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw",

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2015 bit-titolu "Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015" (COM(2015)0044),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2014 bit-titolu, "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva"(COM(2014)0335),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2014, bit-titolu "Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw" (COM(2014)0263),

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2014, ġabra ta' għodda bit-titolu, "A right-based approach, encompassing all human rights for EU development Cooperation" (Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE) (SWD(2014)0152),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2014 bit-titolu, "Ħajja diċenti għal kulħadd: Neqirdu l-faqar u nagħtu lid-dinja futur sostenibbli" (COM(2013)0092),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2012 bit-titolu, "L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni "(COM(2012)0492),

–       wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni dwar it-tħejjija ta' pożizzjoni tal-UE bit-titolu "Lejn Qafas tal-iżvilupp wara l-2015", li saru mill-15 ta' Ġunju sal-15 ta' Settembru 2012,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2008, bit-titolu "L-Awtoritajiet Lokali: Atturi għall-iżvilupp" (SEC(2008)2570),

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp bit-titolu "Il-Kunsens Ewropew"[6],

–       wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar kooperazzjoni għall-iżvilupp f'appoġġ għal governanza lokali mnedija matul il-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp fis-16 ta' Novembru 2008,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005 bit-titolu, "Il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp" (COM(2005)0134), u l-konklużjonijiet tat-3166 laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-14 ta' Mejju 2012 bit-titolu "Żieda fl-impatt tal-Politika tal-Iżvilupp tal-UE: Aġenda għall-Bidla",

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-24 ta' Frar 2015 bit-titolu "Ħajja diċenti għal kulħadd: minn viżjoni għal azzjoni kollettiva",

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "Responsabbilizzazzjoni tal-Awtoritajiet Lokali fil-pajjiżi msieħba għal governanza aħjar u iktar effettiva tal-eżiti tal-iżvilupp",

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tad-9 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "Il-Pakkett tar-Rebbiegħa: Pjan ta' Azzjoni tal-UE biex jitwettqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju",

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta' April 2009 bit-titolu "L-Awtoritajiet Lokali: Atturi għall-Iżvilupp",

–       wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020[7],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-2 ta' April 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Iżvilupp (2015)[8],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju - definizzjoni tal-qafas wara l-2015[9],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tad-19 ta' Mejju 2014 dwar approċċ għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ibbażat fuq id-drittijiet, li jħaddan id-drittijiet tal-bniedem kollha,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament tal-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli wara l-2015,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta AKP-UE dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp wara l-2015 tal-20 ta' Ġunju 2014,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0232/2015),

A.     billi l-awtoritajiet lokali, inkwantu huma l-atturi statali u istituzzjonali essenzjali għall-finijiet tal-governanza lokali, tal-affermazzjoni tad-demokrazija ta' bażi, ta' żvilupp sostenibbli bbażat fuq il-parteċipazzjoni tal-popolazzjonijiet lokali u l-espressjoni demokratika tagħhom, se jkollhom rwol essenzjali x'jiżvolġu fl-implimentazzjoni tal-objettivi ta' wara l-2015;

B.     billi l-awtoritajiet lokali jiżvolġu rwol fundamentali fid-definizzjoni, fl-organizzazzjoni u fil-ksib tal-objettivi tal-iżvilupp;

C.     billi l-awtoritajiet lokali jirrappreżentaw ħolqa b'saħħitha bejn il-komunità u l-objettivi nazzjonali u lokali fl-aġenda għal wara l-2015;

D.     billi l-awtoritajiet lokali jiżvolġu rwol fundamentali fis-salvagwardja tal-popolazzjonijiet vulnerabbli fl-Istati fraġli fi kriżi u fil-pajjiżi b'introjtu intermedju;

E.     billi l-qafas tal-iżvilupp sostenibbli globali l-ġdid joffri opportunità biex ikun żgurat l-involviment wiesa' tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), tal-awtoritajiet lokali u tal-parlamenti nazzjonali; billi r-responsabbilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u tal-OSĊ hija assolutament essenzjali biex tkun garantita governanza korretta, trasparenti u responsabbli;

F.     billi l-UE kienet ferm involuta fis-sostenn favur l-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan li tagħti kontribut fit-tnaqqis tal-faqar u fil-ksib tal-MDGs iżda anki tintegra l-governanza demokratika fil-livell lokali;

G.     billi r-rappreżentanti tal-gvernijiet sottonazzjonali u tal-awtoritajiet lokali taw il-kontribut tagħhom fis-sessjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ (OWG) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u t-Taskforce Globali mexxa konġuntament mal-UNDP u l-UN-Habitat il-konsulatazzjonijiet fi ħdan in-NU dwar il-"Lokalizzazzjoni tal-Aġenda għal wara l-2015";

H.     billi r-Rapport ta' Sinteżi tas-Segretarju Ġenerali dwar l-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015 tenna l-bżonn li l-aġenda għall-iżvilupp il-ġdida tkun trasformattiva, universali, inċentrata fuq in-nies u mibnija fuq il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; billi s-Segretarju Ġenerali għamel appell biex is-sħubijiet innovattivi, li jinkludu lill-awtoritajiet lokali, ikunu l-atturi ewlenin li jimplimentaw din l-aġenda fl-eqreb livell taċ-ċittadini;

I.      billi l-aktar objettivi u sfidi kritiċi fl-aġenda għall-iżvilupp globali għal wara l-2015 se jiddependu mill-azzjoni lokali u minn sħubijiet b'saħħithom;

J.      billi, skont il-projezzjonijiet, il-popolazzjoni dinjija se tikber minn madwar 7 biljun ruħ sa 9,3 biljuni sal-2050, u l-maġġor parti ta' dan it-tkabbir mistenni jsir fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment fiż-żoni urbani; billi l-urbanizzazzjoni eċċessiva qiegħda tgħarraq is-sostenibbiltà tal-iżvilupp fid-dimensjonijiet kollha tagħha;

K.     billi żewġ biljun u nofs abitanti urbani ġodda se jkollhom bżonn aċċess għall-edukazzjoni, għas-servizzi tas-saħħa, għall-impjiegi, għall-ikel, għas-sanità, għat-trasport, għall-alloġġi u għall-elettriku; billi dan jagħti lok għal sfidi kruċjali għal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-muniċipalitajiet inkarigati mill-forniment ta' dawn is-servizzi;

L.     billi d-Dikjarazzjoni ta' Rio tenfasizza li l-popli indiġeni u l-komunitajiet tagħhom jiżvolġu rwol vitali fil-ġestjoni ambjentali u fl-iżvilupp; billi l-gvernijiet imisshom jirrikonoxxu u jsostnu debitament l-identità, il-kultura u l-interessi tagħhom, u jippermettu l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-kisba tal-iżvilupp sostenibbli;

M.    billi t-tnaqqis tal-faqar mhuwiex omoġenju u l-inugwaljanzi bejn il-pajjiżi u fi ħdanhom, li żdiedu kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw, jirrappreżentaw sfida importanti għall-iżvilupp;

N.     billi l-kunflitti vjolenti u l-kriżijiet umanitarji għadhom jfixklu l-isforzi tal-iżvilupp; billi l-kategoriji vulnerabbli, bħan-nisa, it-tfal u l-anzjani, ibatu aktar il-konsegwenzi tal-kunflitti militari u tal-kriżijiet u l-awtoritajiet lokali huma l-atturi fundamentali li jinsabu quddiem nett fil-prevenzjoni u fil-ġestjoni tal-kunflitti;

O.     billi għadhom meħtieġa aktar sforzi sabiex il-perċentwal ta' persuni li qed ibatu l-ġuħ jonqos bin-nofs, peress li 162 miljun tifel u tifla huma f'riskju ta' nutrizzjoni ħażina; billi l-ġuħ moħbi jista' jiġi definit bħala nuqqas ta' mikronutrijenti, li jista' jikkawża effetti irreversibbli fuq is-saħħa u konsegwenzi soċjoekonomiċi marbuta mat-tnaqqis fil-produttività tal-persuni;

P.     billi t-tibdil fil-klima u d-degrad ambjentali jpoġġu f'riskju t-tnaqqis tal-faqar u jirrappreżentaw sfida ċentrali għall-awtoritajiet lokali peress li jinħassu l-ewwel nett fost il-popolazzjonijiet lokali

Q.     billi jeħtieġ li jinħolqu aktar impjiegi ġodda u dinjitużi sabiex jiġi indirizzat it-tkabbir demografiku fuq skala globali; billi s-settur privat jikkostitwixxi ġeneratur importanti ta' impjiegi, kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw, u b'hekk jista' jkun sieħeb essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar;

R.     billi l-għajnuna għadha tiżvolġi rwol fundamentali fit-tnaqqis tal-faqar u tirrappreżenta fattur ta' tibdil fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi trid tiġi mmirata aħjar biex tissodisfa l-esiġenzi tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli; billi l-għajnuna waħedha mhijiex biżżejjed u għalhekk jeħtieġ li jintużaw finanzjamenti innovativi;

S.     billi l-mobilizzazzjoni ta' finanzi internazzjonali, pubbliċi u privati se tkun kruċjali għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli lokali;

T.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, inkwantu l-akbar donaturi uffiċjali ta' għajnuna għall-iżvilupp, iżda wkoll l-entitajiet ewlenin li jiddefinixxu l-politiki u l-atturi fil-qasam tal-kooperazzjoni deċentralizzata, għandhom għalhekk jibqgħu l-forza li tixpruna matul il-fażi li jmiss tan-negozjati fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

U.     billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jistabbilixxi li l-qerda tal-faqar hija l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u jistabbilixxi l-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp;

I. L-awtoritajiet lokali bħala atturi tal-iżvilupp u r-rwol tal-Unjoni Ewropea

1.      Ifakkar li s-Sħubija ta' Busan toffri forum f'espansjoni għall-atturi l-ġodda fil-qasam tal-iżvilupp bħall-atturi lokali u reġjonali;

2.      Jenfasizza li l-linji gwida l-ġodda tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-awtoritajiet lokali u r-rikonoxximent tar-rwol tagħhom bħala partijiet statali interessati jirrappreżentaw pass 'il quddiem importanti fl-aġenda ta' żvilupp il-ġdida tal-Unjoni Ewropea;

3.      Jevidenzja n-neċessità li dawn il-linji gwida l-ġodda jissarrfu b'mod konkret fl-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni Ewropea kemm f'termini tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FES) kif ukoll tal-Istrument tal-tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp;

4.      Jenfasizza li l-ippjanar strateġiku fil-livell nazzjonali u lokali huwa assolutament fundamentali għall-promozzjoni u għall-integrazzjoni tat-tliet dimensjonijiet ewlenin tal-iżvilupp: id-dimensjoni soċjali, dik ekonomika u dik ambjentali;

5.      Jilqa' pożittivament is-sostenn mogħti lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali permezz tal-linja tematika tal-awtoritajiet lokali u partikolarment is-sostenn lit-tisħiħ tal-istrutturi tal-koordinament tal-awtoritajiet lokali f'livell nazzjonali, reġjonali u kontinentali u t-twaqqif ta' sħubija f'livell tal-UE;

6.      Jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' ftehimiet ta' sħubija bejn l-awtoritajiet lokali fl-Istati Membri tal-UE u l-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'oqsma bħat-taħriġ u l-kapaċità umana biex jinħolqu aktar benefiċċji u ppjanar ambjentali aħjar;

7.      Iqis li dawn l-istrutturi ta' koordinament jiżvolġu rwol essenzjali f'termini ta' sostenn tekniku u metodoloġiku għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet lokali billi jkun faċilitat l-iskambju ta' kompetenzi bil-għan li jiġi aġevolat il-proċess ta' deċentralizzazzjoni u l-forniment ta' servizzi bażiċi; jirrappreżentaw ukoll l-interfaċċja adegwata għad-djalogu politiku u biex isemma' leħen l-awtoritajiet lokali fil-livelli kollha tal-governanza;

8.      Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tippromwovi l-kooperazzjoni deċentralizzata bħala mezz biex timplimenta l-qafas ta' żvilupp ta' wara l-2015; jitlob, għal dan il-għan, lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tibddel lid-deċentralizzazzjoni f'settur ta' konċentrazzjoni finanzjarja tal-istrumenti finanzjarji tagħha ta' għajnuna esterna, l-ewwel nett dwar fl-ambitu tal-istrument tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u tal-FEŻ, u ssaħħaħ l-interventi tagħha intiżi li jinkludu lill-awtoritajiet lokali bħala atturi sħaħ fl-implimentazzjoni tal-11-il FEŻ fil-livell tal-pajjiżi sħab, tar-reġjuni jew tal-għajnuna settorjali u baġitarja; jistieden lill-Istati Membri jħallu fil-programmi ta' żvilupp tagħhom spazju xieraq lill-awtoritajiet lokali, billi jikkoordinaw azzjonijiethom ma' dawk tal-Kummissjoni u ta' Stati Membri oħrajn;

II. Djalogu politiku, mobilizzazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u rendikont

9.      Jissottolinja l-bżonn li jkun żgurat trasferiment aktar ġust ta' riżorsi finanzjarji f'livell nazzjonali lejn dak subreġjonali, tal-bliet u muniċipali;

10.    Jissottolinja l-bżonn, fil-kuntest tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni ta' bħalissa, li l-Istati nazzjonali jiġu inkoraġġiti jittrasferixxu parti mir-riżorsi tal-baġit nazzjonali lejn livelli tal-gvernijiet reġjonali u lokali; iqis, għal dan il-għan, li għandu jingħata sostenn akbar fil-qasam tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet finanzjarji u tal-baġit tal-awtoritajiet lokali, partikolarment permezz tal-għaqdiet tagħhom;

11.    iqis bħala essenzjali li parti mis-sostenn tal-baġit Ewropew tkun allokata għall-finanzjament tal-awtoritajiet lokali;

12.    Jinsisti fuq il-varar ta' djalogu politiku effettiv mal-awtoritajiet lokali fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewropea, b'tali mod li titħalla l-valutazzjoni tal-progress attwali, tad-diffikultajiet u tal-prospettivi ta' tisħiħ tal-effikaċja tal-għajnuna f'livell lokali;

13.    Jitlob li dan id-djalogu jkun istituzzjonalizzat billi jsir riferiment għall-istrutturi ta' koordinament eżistenti fid-diversi oqfsa ta' kooperazzjoni;

III. Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni tal-MDGs: lezzjonijiet meħudin

14.    Jissottolinja li l-MDGs urew ir-rwol fundamentali li jiżvolġu l-awtoritajiet lokali fil-ġlieda kontra l-faqar u fl-għoti tas-servizzi tal-komunità, bħall-ilma u s-sanità, l-assistenza sanitarja primarja u l-edukazzjoni;

15.    Jilqa' favorevolment it-tixrid tal-inizjattivi deċentralizzati ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u għall-użu tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn il-bliet;

16.    Jissottolinja l-bżonn li jiġu allokati riżorsi addizzjonali lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet deċentralizzati bil-għan li jkunu jistgħu joffru servizzi pubbliċi ta' kwalità, jiggarantixxu opportunitajiet indaqs u jibnu l-koeżjoni soċjali;

17.    Jiddispjaċih li l-MDGs ma tawx biżżejjed kas tal-importanza tad-dimensjoni lokali tal-iżvilupp, kif ukoll li l-programmi ta' żvilupp ma jħaddnux biżżejjed id-dimensjoni kulturali, li tirrappreżenta komponent indispensabbli għall-fehim tal-kuntest lokali; jitlob li jittieħed kont tad-dimensjoni kulturali fl-istrateġiji lokali, nazzjonali u internazzjonali mmirati lejn it-tnaqqis tal-faqar;

18.    Jiddispjaċih li l-MDGs attwali huma nieqsa minn ċarezza f'dak li għandu x'jaqsam mal-adegwament tal-objettivi globali għad-dinamika nazzjonali u lokali;

IV. Id-definizzjoni tal-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015: sfidi u opportunitajiet

19.    Iqis li l-proċedura għal wara l-2015 għandha toffri viżjoni ċara għal implimentazzjoni tal-eżiti ta' Rio+20 li tirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet lokali;

20.    Jisħaq fuq l-importanza li jiġu definiti objettivi u indikaturi affidabbli għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li jkunu jaqblu mal-kuntesti, mal-esiġenzi u mat-tħassib tal-popolazzjonijiet lokali; jistieden lill-UE ssaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u tieħu f'kunsiderazzjoni l-kompetenzi tagħhom f'SDGs oħrajn;

21.    Jistieden lill-UE tkompli tagħti attenzjoni partilolari lill-awtoritajiet lokali fl-ippjanar, fl-implimentazzjoni u fil-flussi finanzjarji tal-iżvilupp; jenfasizza li dan ikun jesiġi proċess ta' parteċipazzjoni reali, imwettaq fil-fażijiet inizjali tal-iżvilupp u għalhekk jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta u msaħħa l-għajnuna pubblika deċentralizzata; jissottolinja l-bżonn li l-parteċipazzjoni aktar intensiva tiġi żgurata fid-definizzjoni tal-istrateġiji ta' żvilupp;

22.    Jitlob lill-Unjoni tiżgura li l-awtoritajiet lokali jkunu rappreżentati aħjar fin-negozjati internazzjonali għall-adozzjoni tal-aġenda ta' wara l-2015, fil-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp u fil-konferenza internazzjonali dwar il-klima COP21;

23.    Jistieden lill-UE tkompli tappoġġa objettiv awtonomu għall-bliet u għall-insedjamenti umani;

V. Il-bżonn ta' sħubija globali effikaċi mġedda (mal-OSĊ, mas-settur privat, eċċ.)

24.    Jistieden lill-UE tagħti l-kontribut tagħha biex issaħħaħ is-sħubijiet b'diversi partijiet interessati u tillokalizza l-implimentazzjoni tal-aġenda għal wara l-2015;

25.    Jagħmel appell għal definizzjoni u qsim ċari tar-responsabbiltajiet fost is-sħab;

VI. Sħubijiet mas-settur privat

26.    Ifakkar li s-settur pubbliku se jkun attur fundamentali biex jagħmel possibbli u biex jimplimenta l-aġenda ta' żvilupp il-ġdida u jissottolinja li l-mobilizzazzjoni tad-dħul pubbliku u t-tisħiħ tas-sistema fiskali bbażata fuq il-kapaċità kontributtiva f'termini ta' taxxi miċ-ċittadini u fuq rimunerazzjoni ġusta ta' ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali se jkunu elementi essenzjali għall-finijiet tal-effikaċja;

27.    Itenni l-bżonn li jiġi appoġġat it-tinbit ta' klassi medja permezz tal-promozzjoni tal-imprenditorija privata, speċjalment fost iż-żgħażagħ u n-nisa;

28.    Jisħaq fuq l-importanza li jiġu responsabbilizzati l-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju lokali fil-ħolqien tal-impjiegi u jiġi promoss it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv, partikolarment bis-saħħa ta' politiki pubbliċi-privati;

29.    Itenni l-bżonn li jiġu implimentati mekkaniżmi ta' responsabbiltà effikaċi u definiti salvagwardji soċjali u ambjentali obbligatorji;

VII. Sħubija mas-soċjetà ċivili

30.    Iqis li l-aġenda għall-iżvilupp għall wara l-2015 għandha bżonn tbiddel ir-rwol u l-impatt tal-OSĊ; jemmen li l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-OSĊ billi jistitwixxu mekkaniżmi ta' djalogu regolari, bil-għan li jkunu biżżejjed effikaċi ħalli jirċievu rispons pożittiv mingħand is-soċjetà ċivili;

VIII. Sostenn għar-responsabbiltà nazzjonali u għall-konsolidament tal-kapaċitajiet

31.    Jenfasizza li l-gvernijiet għandhom ikunu responsabbli kemm quddiem il-partijiet interessati nazzjonali kif ukoll quddiem il-komunità internazzjonali;

32.    Jissottolinja l-importanza tat-trasparenza u tal-promozzjoni tad-djalogi bejn diversi partijiet interessati bil-għan li jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-kulturi lokali, tal-popli indiġeni, tal-migranti u tal-minoranzi;

33.    Iqis li jeħtieġ isir sforz qawwi biex tittejjeb il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali biex jagħtu servizzi pubbliċi;

34.    Jisħaq fuq l-importanza tal-promozzjoni tal-governanza tajba f'livell lokali permezz tal-promozzjoni tal-prinċipji ta' responsabbilizzazzjoni, ġestjoni tajba, trasparenza, parteċipazzjoni, reattività u preminenza tal-liġi;

35.    Jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' pjattaformi ta' konsultazzjoni lokali fil-qafas tal-ippjanar tal-baġit;

36.    Jisħaq fuq il-bżonn urġenti ta' riforma tas-servizzi uffiċjali inkarigati mill-ġbir tad-data;

IX. Popli indiġeni u ppjanar tal-iżvilupp

37.    Jissottolinja li l-popolazzjonijiet indiġeni għandhom ikunu involuti mill-qrib fit-tħejjija tal-pjani ta' żvilupp u ta' investiment lokali u territorjali;

38.    Jistieden lill-gvernijiet nazzjonali u lill-awtoritajiet lokali: (a) isaħħu l-leġiżlazzjoni lokali bil-għan li jistabbilixxu r-rikonoxximent tal-arranġamenti tradizzjonali fil-qasam tal-pussess tal-art; (b) jikkooperaw mal-awtoritajiet tradizzjonali fil-ġestjoni tar-riżorsi naturali; (c) jaffrontaw il-kwistjonijiet ta' ġeneru u interġenerazzjonali li jeżistu fost il-popli indiġeni; (d) jipproteġu l-konoxxenzi indiġeni; (e) isaħħu l-kapaċità tal-popli indiġeni biex jipparteċipaw fl-ippjanar tal-iżvilupp;

X. Trasferiment tat-teknoloġija

39.    Jenfasizza li l-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet lokali għandhom joħolqu ambjenti favorevoli għat-trasferiment tat-teknoloġiji;

40.    Iqis li tali kooperazzjoni għandha wkoll tinkludi investimenti fuq terminu itwal;

XI. Bliet u insedjamenti umani

41.    Jilqa' favorevolment il-mobilizzazzjoni u l-impenn tal-bliet Afrikani fil-qafas tat-tħejjjia tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Alloġġ u l-Iżvilupp Sostenibbli Habitat III; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssostni dawn il-proċessi ta' mobilizzazzjoni u tipprevedi fil-pjani ta' sħubija tagħha sostenn għall-ġestjoni ta' proċessi ta' urbanizzazzjoni sostenibbli;

42.    Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-OWG biex jinkludi għan indipendenti rigward l-iżvilupp urban sostenibbli;

43.    Jissottolinja l-importanza li jkun adottat approċċ territorjali biex jiġu affrontati kwistjonijiet bħall-immaniġġjar tal-iskart u l-faqar urban, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, l-azzjoni awtonoma taċ-ċittadini, il-governanza inklużiva u parteċipattiva, id-disinn ta' infrastrutturi innovattivi, il-forniment ta' servizzi, il-ġestjoni tal-art, il-kontribut tal-bliet lit-tibdil ambjentali globali, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri naturali u l-impatt tal-bliet stess fuq l-ekosistemi, l-użu tal-enerġija, eċċ.;

44.    Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati, anki permezz ta' assistenza finanzjarja u teknika;

XII. Governanza tajba u ġlieda kontra l-korruzzjoni

45.    Jenfasizza li biex jiġu garantiti kundizzjonijiet uniformi fit-tassazzjoni tal-kumpaniji lokali u internazzjonali għandha tiġi intensifikata l-kooperazzjoni internazzjonali biex jiġu mvinċija l-flussi finanzjarji illeċiti;

46.    Jenfasizza li d-deċentralizzazzjoni tal-poter hija strument effikaċi biex tkun miġġielda l-korruzzjoni, li toriġina mill-kumpaniji multinazzjonali, u biex tgħin fil-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u twieġeb għall-esiġenzi tan-nies permezz tar-riformi ekonomiċi u soċjali;

XIII. Tisħiħ tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi

47.    Jenfasizza li jeħtieġ jiġu eżaminati mekkaniżmi ta' finanzjament kreattivi u ekwi;

48.    Jisħaq fuq l-importanza kapitali tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali f'livell lokali għas-suċċess tal-aġenda ta' wara l-2015, bħala element essenzjali fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji u tal-politiki ta' żvilupp f'livell kemm lokali kif ukoll nazzjonali; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-bżonn urġenti li jiġu kkonsolidati l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi sħab fil-qasam tat-tassazzjoni muniċipali u tal-ippjanar tal-baġit; japprezza l-introduzzjoni progressiva ta' osservatorji tal-finanzi lokali li jistħoqqilhom aktar sostenn min-naħa tal-Unjoni Ewropea;

49.    Iqis li jirriżulta aktar effikaċi li dak li jkun jopera fuq livell lokali bil-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta' ħajja tal-popolazzjonijiet, speċjalment fiż-żoni rurali, u waħda mill-isfidi importanti għall-awtoritajiet lokali u nazzjonali tikkonsisti mit-tħeġġiġ tar-reintegrazzjoni progressiva tas-settur informali mingħajr ma tkun skoraġġita l-innovazzjoni;

50.    Jistieden lill-Bank Dinji u lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jaġġornaw il-politiki ta' salvagwardja ambjentali u soċjali;

51.    Ifakkar li l-gvernijiet lokali jinsabu fuq quddiem nett biex isibu tarf in-numru dejjem ogħla ta' kriżijiet, iżda fil-maġġoranza tad-drabi tonqsilhom il-kapaċità, kif ukoll il-mezzi, biex jiżviluppaw risposta effikaċi;

52.    Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-mobilizzazzjoni ta' għejun innovattivi ta' finanzjament għall-kooperazzjoni deċentralizzata, anki permezz ta' strumenti ta' finanzjament imħallat self-għoti, li għadhom mhumiex adattati għall-ispeċifiċitajiet tal-awtoritajiet lokali;

53.    Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea ssaħħaħ għalhekk il-baġits tal-finanzjament deċentralizzat indispensabbli għall-iżvilupp lokali;

54.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

  • [1]  Testi adottati, P8_TA(2014)0059.
  • [2]  It-Taskforce Globali tal-Gvernijiet Lokali u Reġjonali
    għall-Aġenda għall-Iżvilupp għal wara l-2015 lejn HABITAT III.
  • [3]  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
  • [4]  Konklużjonijiet tal-Kunsill 9558/07, 15.5.2007.
  • [5]  Testi adottati, P7_TA(2013)0432.
  • [6]  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
  • [7]  ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.
  • [8]  Testi adottati, P7_TA(2014)0269.
  • [9]  Testi adottati, P7_TA(2013)0283.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Ignazio Corrao, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Charles Goerens, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Seb Dance, Eider Gardiazabal Rubial, Louis Michel, Eleni Theocharous, Jan Zahradil, Joachim Zeller

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

James Carver

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

19

+

ALDE

Charles Goerens, Louis Michel, Paavo Väyrynen

ECR

Nirj Deva, Jan Zahradil

EFDD

Ignazio Corrao

PPE

Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Eleni Theocharous, Bogdan Brunon Wenta, Joachim Zeller

S&D

Seb Dance, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Arne Lietz, Norbert Neuser, Elly Schlein

VERTS/ALE

Heidi Hautala, Maria Heubuch

2

-

EFDD

James Carver

ENF

Louis Aliot

2

0

GUE/GL

Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey

Tifsira tas-simboli użati:

+ : favur

-  : kontra

0 : astensjoni