Proċedura : 2012/0134(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0233/2015

Testi mressqa :

A8-0233/2015

Dibattiti :

PV 08/09/2015 - 15
CRE 08/09/2015 - 15

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2015 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0298

RAKKOMANDAZZJONI     
PDF 190kWORD 117k
27.5.2015
PE 557.215v03-00 A8-0233/2015

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll miftiehem bejn l-UE u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet

(11667/2012 – C8-0278/2014 – 2012/0134(NLE))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: João Ferreira

PR_NLE-AP_Agreement

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll miftiehem bejn l-UE u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet

(11667/2012 – C8-0278/2014 – 2012/0134(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11667/2012),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (11671/2012),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt a), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0278/2014),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu ta’ ...(1) dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Baġits (A8-0233/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Guinea-Bissau.

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

L-ewwel ftehim dwar is-sajd konkluż bejn l-UE u l-Guinea-Bissau imur lura għall-1980, meta l-flotot tal-Istati Membri tal-KEE/tal-Unjoni kellhom aċċess għal opportunitajiet ta’ sajd fl-ibħra ta’ dan il-pajjiż. Saru diversi Protokolli ta’ Implimentazzjoni tal-Ftehim minn dak iż-żmien 'l hawn, u l-aħħar wieħed fosthom kien fis-seħħ sal-15 ta’ Ġunju 2012.

Fl-10 ta’ Frar 2012, il-partijiet qablu dwar Protokoll ta’ Implimentazzjoni ġdid, adottat mill-Kummissjoni Ewropea fil-5 ta’ Ġunju 2012, u previst għal perjodu ta’ tliet snin, mis-16 ta’ Ġunju 2012 sal-15 ta’ Ġunju 2015. Madankollu, il-kolp ta’ stat militari fil-Guinea-Bissau fit-12 ta’ April 2012 wassal għas-sospensjoni min-naħa tal-UE tal-proċeduri meħtieġa għall-iffirmar ta’ dan il-Protokoll il-ġdid. Il-flotot tal-Istati Membri tal-UE li joperaw fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Guinea-Bissau skont il-Ftehim ġew imwissija jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom f’dan il-qasam minħabba li s-sigurtà tagħhom ma setgħetx tkun garantita. F’Mejju 2014 saru l-elezzjonijiet, u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni l-ġdid tal-Ftehim dwar is-Sajd bejn l-UE u l-Guinea-Bissau finalment ġie ffirmat fl-24 ta’ Novembru 2014, għal perjodu ta’ tliet snin.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja prevista mill-Ftehim tammonta għal EUR 9.2 miljun fis-sena: EUR 6.2 miljun għall-aċċess għar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona Ekonomika tal-Guinea-Bissau u EUR 3 miljun b'appoġġ għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd f’dak il-pajjiż.

L-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-flotot tal-Unjoni Ewropea huma dawn li ġejjin: 3 700 TGR (tunnellaġġ gross reġistrat) għall-bastimenti bi friża għas-sajd bit-tkarkir għall-gambli u 3 500 TGR għall-bastimenti tas-sajd bit-tkarkir bil-friża għall-ħut demersali u ċ-ċefalopodi; 28 bastiment tat-tonn bil-friża u bil-konz u 12-il bastiment tat-tonn bil-qasab u x-xlief.

Meta nqisu s-sospensjoni tan-negozjati mal-Mawritanja tikber l-importanza tal-ftehim dwar is-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Guinea-Bissau, u saħansitra jsir wieħed mill-aktar ftehimiet importanti fis-seħħ bħalissa. Dan hu wieħed mill-ftit ftehimiet dwar is-sajd tal-Unjoni Ewropea li joffri aċċess għal sajd imħallat.

Il-Guinea-Bissau tinsab max-xatt tal-Punent tal-Afrika, bejn is-Senegal u l-Ginea, u tkopri żona ta' art ta' 36 125 km². Bħala abitanti l-pajjiż għandu 1.4 miljun, li kwart minnhom jgħixu fil-kapitali, Bissaw, waqt li l-bqija jgħixu fiż-żoni rurali. Parti sinifikanti mill-popolazzjoni ta' dan il-pajjiż, li hu meqjus bħala wieħed mill-pajjiżi l-inqas żviluppati, tgħix taħt il-livell tal-faqar (żewġ terzi skont ċerti estimi). Il-PDG per capita tiegħu hu wieħed mill-aktar baxxi fid-dinja.

Fl-2008, kważi terzi tad-dħul pubbliku kien provdut mid-donaturi internazzjonali, u l-UE tirrappreżenta madwar terz minn din l-għajnuna.

L-ekonomija tal-pajjiż tiddependi ħafna fuq l-agrikultura, u b'mod partikolari l-anakardju Waħda mill-isfidi li l-pajjiż irid iħabbat wiċċu magħha hi dik tad-diversità tal-produzzjoni tiegħu.

F'dan ir-rigward, it-tmiem tal-preferenzi tariffarji miftiehma b'mod unilaterali u d-dħul fis-seħħ ta' ftehimiet magħrufa bħala 'ftehimiet ta' sħubija ekonomika' jirrappreżentaw limitazzjonijiet kbar, u jġibu magħhom sogri u telf kunsiderevoli għall-pajjiż.

L-eżistenza ta' pjattaforma kontinentali vasta, alimentata mix-xmajjar, u l-eskalar staġunali tal-kurrenti oċeaniċi ("upwelling") jikkontribwixxu għall-għana tar-riżorsi tal-baħar, b'mod partikolari l-ispeċijiet kostali u oċeaniċi.

L-istokkijiet prinċipali b'valur kummerċjali jinkludu speċijiet ta' ħut demersali, ħut pelaġiku żgħir, ħut pelaġiku kbir li jpassi, krustaċji (gambli, inklużi dawk tal-baħar miftuħ) u ċefalopodi (qarnit u klamari).

Is-sajd artiġjanali, inkluż is-sajd ta' sussistenza, jiżgura l-għajxien ta' diversi eluf ta' sajjieda (iċ-ċifri jvarjaw), li wħud minnhom huma minn pajjiżi ġirien, u qrabathom. Tliet kwarti tal-madwar 1 500 bastiment reġistrati fl-2009 kienu tipi ta' kenuri magħmula minn zokk ta' siġra.

In-nuqqas ta' osservanza tal-istandards sanitarji imposti mill-Unjoni Ewropea kien wieħed mill-fatturi li xekkel il-kummerċ tal-prodotti tas-sajd bejn il-Guinea-Bissau u l-Unjoni. It-tisħiħ tal-ħiliet tal-Guinea-Bissau f'dan il-qasam, flimkien mat-twaqqif ta' laboratorju sanitarju, f'Lulju 2014 jista', fil-prinċipju, jgħin biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.

Il-ftehim dwar is-sajd mal-UE jirrappreżenta parti sinifikanti tat-trasferimenti magħmula mill-Unjoni lill-Guinea-Bissau (kwart tat-total tat-trasferimenti fl-2010).

Ir-rapporteur jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-konklużjoni ta' dan il-protokoll mill-Parlament, għax dan huwa ftehim importanti kemm għall-Guinea-Bissau kif ukoll għall-flotot Ewropej li joperaw fl-ibħra ta' dan il-pajjiż.

Madankollu, ir-rapporteur hu tal-fehma li jeħtieġ li jsiru evalwazzjoni u studju aktar dettaljati dwar dan il-ftehim, il-passat tiegħu u l-perspettivi tal-ġejjieni. Minħabba r-rwol u s-setgħat tal-Parlament Ewropew f’dan il-qasam, ir-rapporteur iqis li huwa xieraq u meħtieġ li jadotta riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar il-ftehim, li tkun tinkludi fiha xi kummenti u rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni għat-tul kollu ta’ dan il-Protokoll, kif ukoll għal kwalunkwe rinegozjar possibbli.

Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza ċerti punti li jemmen li jeħtieġu attenzjoni partikolari.

Għalkemm l-ewwel ftehim dwar is-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau ġie ffirmat 35 snin ilu, ir-riżultati miksuba sa llum fil-qasam tal-kooperazzjoni settorjali huma limitati. Jeħtieġ li dan jinbidel mill-aktar fis. Il-Ftehim għandu jippromwovi djalogu ġenwin għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd fil-Guinea-Bissau, kif ukoll għall-industriji u l-attivitajiet relatati, billi jżidu l-valur miżjud li jibqa’ fil-pajjiż minħabba l-isfruttament tar-riżorsi naturali tiegħu.

Għandu jkun hemm artikulazzjoni aħjar bejn l-appoġġ settorjali previst taħt il-Ftehim dwar is-Sajd u l-istrumenti disponibbli fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) permezz ta’ programmi nazzjonali jew inkella permezz tal-programmazzjoni reġjonali għar-reġjun tal-Afrika tal-Punent.

Ir-rapporteur iqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu l-miżuri meħtieġa — inkluża reviżjoni eventwali u t-tisħiħ tal-parti tal-ftehim relatata mal-appoġġ settorjali, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet aktar effikaċi biex tiżdied ir-rata ta’ assorbiment tal-għajnuna — sabiex ikun żgurat li titreġġa' lura x-xejra nnotata f’dawn l-aħħar deċennji. Għandhom jitkomplew l-isforzi fuq il-ftit żviluppi pożittivi osservati f’dawn l-aħħar snin biex dawn jikbru u jipproduċi riżultati notevoli.

Bħalma jiġri f’pajjiżi oħra fir-reġjun, jidher li jeħtieġ li tittejjeb il-kwantità u l-affidabilità tad-data dwar il-qabdiet u b'mod ġenerali dwar l-istat ta’ konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, kif ukoll li jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-kapaċitajiet proprji tal-kisba ta' din l-informazzjoni min-naħa tal-Guinea-Bissau.

Fl-aħħar nett, ir-rapporteur jenfasizza li l-Parlament għandu jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ, fl-istadji kollha, dwar il-proċeduri relatati mal-Protokoll il-ġdid jew mat-tiġdid tiegħu. Qed jiġi propost li kull sena jiġi ppreżentat rapport dwar ir-riżultati tal-programm settorjali pluriennali deskritt fl-Artikolu 3 tal-Protokoll u dwar l-osservanza tar-rekwiżiti tal-iddikjarar tal-qabdiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

25.6.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll miftiehem bejn l-UE u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet

(11667/2012 – C8-0278/2014 – 2012/0134(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Nirj Deva

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-Guinea-Bissau hija wieħed mill-pajjiżi l-anqas żviluppati u mill-aktar foqra fid-dinja u għandha ħafna dejn. Għandha wkoll wieħed mill-iktar livelli baxxi ta' PDG per capita fid-dinja.

L-ekonomija tagħha tiddependi ħafna fuq l-agrikoltura, b'mod partikolari l-produzzjoni tal-anakardju. Barra minn hekk, il-Guinea-Bissau hija estremament sinjura fir-riżorsi tas-sajd, u d-dipendenza fuq is-sajd għall-ikel hija kbira minħabba n-nuqqas ta' sorsi alternattivi ta' proteini mill-annimali.

Is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż għadha instabbli. Il-kolp ta' stat militari tat-12 ta' April 2012 kien ikkundannat mill-komunità internazzjonali, li rrifjutat li tirrikonoxxi l-istituzzjonijiet stabbiliti mill-mexxejja tal-kolp u talbet biex terġa' tinkiseb l-ordni kostituzzjonali.

L-evoluzzjoni pożittiva sa minn Mejju 2014, meta saru l-elezzjonijiet presidenzjali, ħeġġet lill-UE biex tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal-Guinea-Bissau, inkluż it-tkomplija tan-negozjati tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd (FSS).

Il-Protokoll attwali jkopri perjodu ta' tliet snin mid-data tal-iffirmar tiegħu. Huwa ftehim dwar sajd imħallat peress li jkopri mhux biss it-tonn iżda wkoll il-gambli u ċ-ċefalopodi. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tammonta għal EUR 9 200 000 fis-sena, inkluż EUR 3 000 000 fis-sena għall-appoġġ tal-politika settorjali tas-sajd tal-Guinea-Bissau.

Il-Protokoll jipprovdi opportunitajiet tas-sajd għal bastimenti tal-UE fiż-żona ekonomika esklussiva tal-Guinea-Bissau fi ħdan il-limiti tar-riżorsi żejda disponibbli. L-FSS huwa ta' importanza kbira għall-Guinea-Bissau mill-aspett finanzjarju iżda anke għall-bini mill-ġdid tas-settur tas-sajd u l-iżvilupp tal-industrija lokali (inkluż is-sajd artiġjanali) tas-sajd tagħha. Huwa għodda essenzjali biex jiżdied il-valur fil-proċess tas-sajd u fl-aħħar mill-aħħar biex jiġu esportatati prodotti tas-sajd lejn l-UE.

Barra minn hekk, huwa jista' jgħin biex inaqqas id-dipendenza tal-Guinea-Bissau fuq il-produzzjoni tal-anakardju u fuq l-għajnuna internazzjonali, u biex isaħħaħ l-ekonomija tal-pajjiż li d-dgħufija tagħha, flimkien mal-instabbiltà politika, ekonomika u finanzjarja, ippermettiet li l-kartelli tan-narkotiċi jsiru aktar u aktar b'saħħithom - żvilupp li wassal għal destabbilizzazzjoni qawwija fil-pajjiż.

******

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig

24.6.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau

(11667/2012 – C8-0278/2014 – 2012/0134(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Indrek Tarand

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Abbażi ta' mandat mogħti lilha mill-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat mar-Repubblika tal-Guinea-Bissau bil-ħsieb li l-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau jiġġedded.

Wara dawn in-negozjati, Protokoll ġdid ġie inizjalat fl-10 ta' Frar 2012. Il-Protokoll ġie ffirmat bi qbil ma' Deċiżjoni u ġie applikat b'mod provviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu.

Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom japplikaw għal perjodu ta' tliet snin mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tiegħu.

Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati qabel in-negozjati fil-qafas tal-Kunsill Konsultatttiv Reġjonali għall-Flotot tas-Sajd fuq Distanzi Twal, li jlaqqa' l-industrija tas-sajd ma' NGOs ambjentali u ta' żvilupp. L-esperti tal-Istati Membri wkoll ġew ikkonsultati waqt laqgħat tekniċi. Dawn il-konsultazzjonijiet ikkonkludew li ż-żamma ta' protokoll tas-sajd mal-Guinea-Bissau tkun ta' siwi.

L-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill għandu l-għan li jikkonkludi l-Protokoll maqbul bejn l-UE u l-Guinea-Bissau li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn iż-żewġ partijiet li huwa fis-seħħ illum.

L-għan ewlieni tal-Protokoll għall-Ftehim huwa:

•  li joffri opportunitajiet ta' sajd lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ibħra tal-Guinea-Bissau fi ħdan il-limiti tal-eċċess disponibbli;

•  li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Guinea-Bissau, biex b'hekk joħloq qafas ta' sħubija li fih tkun tista' jiġu żviluppati politika tas-sajd sostenibbli u użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żoni tas-sajd tal-Guinea-Bissau, fl-interess taż-żewġ partijiet.

IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI: Il-kontribuzzjoni finanzjarja globali tal-Protokoll għandha tkun EUR 27 972 000 mill-2012 sal-2015 (infiq amministrattiv inkluż).

Il-kontribuzzjoni finanzjarja globali tal-Protokoll ta' EUR 9 200 000 għall-perjodu kollu hija bbażata fuq:

•  massimu ta' 40 awtorizzazzjoni għall-bastimenti tat-tonn u ta' 7 200 TGR (tunnellaġġ gross reġistrat) għall-bastimenti tas-sajd tat-tkarkir, għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 6 200 000;

•  sostenn għall-iżvilupp tal-politika tas-sajd settorjali tar-Repubblika tal-Guinea-Bissau li jammonta għal EUR 3 000 000. Dan is-sostenn jissodisfa l-għanijiet tal-politika nazzjonali fil-qasam tas-sajd.

L-implimentazzjoni ta' dan il-Protokoll tista' tiġi sospiża fuq inizjattiva ta' waħda miż-żewġ partijiet wara konsultazzjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt, jekk isseħħ xi waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) ċirkostanzi mhux normali, għajr fenomeni naturali, li jimpedixxu t-twettiq tal-attivitajiet tas-sajd fiż-ŻEE tal-Guinea-Bissau; (b) wara bidliet sinifikanti fl-objettivi ta' politika li wasslu għall-konklużjoni ta' dan il-Protokoll; (c) waħda miż-żewġ partijiet tikser wieħed mill-elementi essenzjali u fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi, eċċ. F'każ ta' sospensjoni, iż-żewġ partijiet għandhom ikomplu bil-konsultazzjonijiet sabiex isibu soluzzjoni bonarja għat-tilwima ta' bejniethom. Miżuri finanzjarji speċifiċi jiġu previsti f'dak il-każ.

******

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau.

Il-Kumitat għall-Baġits jissuġġerixxi lill-Kumitat għas-Sajd li għandu jadotta riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva ta' akkumpanjament, li tinkludi l-paragrafi li ġejjin:

•  Jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-programm settorjali pluriennali deskritt fl-Artikolu 3 tal-Protokoll, kif ukoll dwar l-ottemperanza tal-Istati Membri mar-rekwiżiti ta' rappurtar;

•  Jitlob li l-Kummissjoni tressaq lill-Parlament u lill-Kunsill, qabel ma jiskadi l-Protokoll jew qabel ma jibdew in-negozjati għas-sostituzzjoni possibbli tiegħu, evalwazzjoni ex-post tal-Protokoll, inkluża analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u spjegazzjoni ta’ kif il-fondi allokati lill-Guinea-Bissau jintużaw u jiġu mmonitorjati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Isabelle Thomas, Monika Vana, Daniele Viotti, Stanisław Żółtek

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Janusz Lewandowski, Nils Torvalds, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Tiziana Beghin, Marco Zullo

(1)

Testi adottati ta’ dik id-data, P8_TA(0000)0000.

Avviż legali - Politika tal-privatezza