Proċedura : 2015/2119(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0236/2015

Testi mressqa :

A8-0236/2015

Dibattiti :

PV 08/09/2015 - 15
CRE 08/09/2015 - 15

Votazzjonijiet :

PV 09/09/2015 - 8.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0299

RAPPORT     
PDF 180kWORD 105k
20.7.2015
PE 557.236v02-00 A8-0236/2015

li jinkludi mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll miftiehem bejn l-UE u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn iż-żewġ partijiet

(11667/2012 – C8-0278/2014 – 2012/0134(NLE) – 2015/2119(INI))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: João Ferreira

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

li jinkludi mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll miftiehem bejn l-UE u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn iż-żewġ partijiet

(11667/2012 – C8-0278/2014 – 2012/0134(NLE)2015/2119(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11667/2012),

–       wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw (11671/2012),

–       wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0278/2014),

–       wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(1),

–       wara li kkunsidra r-rapport ta' evalwazzjoni ex post tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw (Ftehim qafas FISH/2006/20, konvenzjoni speċifika nru 72, Settembru 2010),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta' ...(2) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 99, il-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0236/2015),

A.     billi l-objettiv ġenerali tal-protokoll huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw fil-qasam tas-sajd fl-interess taż-żewġ partijiet, bis-saħħa tal-istabbiliment ta' qafas ta' sħubija li jippermetti l-iżvilupp ta' politika tas-sajd sostenibbli kif ukoll l-isfruttament responsabbli u sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żoni ekonomiċi esklużivi tal-Ginea Bissaw, filwaqt li jippermetti li tinkiseb parti mill-istokkijiet żejda disponibbli li tikkorrispondi mal-interessi tal-flotot tal-Unjoni;

B.     billi l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel kulma tista' biex il-ftehimiet tas-sajd sostenibbli konklużi ma' pajjiżi terzi jkunu ta' benefiċċju reċiproku għall-Unjoni u għall-partijiet terzi kkonċernati, inklużi l-popolazzjonijiet lokali tagħhom u l-industrija tas-sajd tagħhom;

C.     billi l-ewwel ftehim dwar is-sajd bejn il-KEE u l-Ginea Bissaw intlaħaq fl-1980 u billi, wara l-konklużjoni tal-ftehim, u sal-15 ta' Ġunju 2012, il-flotot tal-Istati Membri tal-KEE/l-Unjoni kellhom aċċess għas-sajd fl-ibħra ta' dawn il-pajjiżi permezz ta' bosta protokolli ta' implimentazzjoni tal-ftehim li daħlu fis-seħħ suċċessivament;

D.     billi l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-flotot tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-protokoll ikkonċernat huma dawn li ġejjin: 3 700 TGR (tunnellaġġ gross reġistrat) għall-bastimenti bi friża għas-sajd bit-tkarkir (gambli) u 3 500 TGR għall-bastimenti bi friża għas-sajd bit-tkarkir (ħut bil-pinen u ċefalopodi), 28 bastiment bi friża għas-sajd tat-tonn bit-tartarun u bil-konz u 12-il bastiment għas-sajd tat-tonn bix-xlief u l-bastun; billi l-Ftehim dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ginea Bissaw huwa wieħed ta' importanza kbira peress li huwa wieħed mill-ftit ftehimiet dwar is-sajd tal-UE li jippermetti l-aċċess għas-sajd imħallat;

E.     billi l-ammonti trasferiti lill-Ginea Bissaw fil-kuntest ta' dan il-Ftehim, jiġifieri bħala kumpens għall-aċċess għar-riżorsi, jikkostitwixxu parti importanti tal-baġit tal-pajjiż; billi, barra minn hekk, fl-imgħoddi t-trasferimenti li saru fil-kuntest tal-kooperazzjoni settorjali ġew sospiżi minħabba ċerti diffikultajiet fl-assorbiment tal-għajnuna min-naħa tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw;

F.     billi jeżistu nuqqasijiet fil-Ginea Bissaw fir-rigward tal-iżvilupp soċjoekonomiku b’mod ġenerali u b’mod partikolari fis-settur tas-sajd, f’ambiti sinifikattivi bħat-taħriġ tal-professjonisti, l-appoġġ settorjali jew ir-rikonoxximent tar-rwol tal-mara fis-settur, fost l-oħrajn;

G.     billi jidher ċar li r-riżultati miksuba s'issa fil-qasam tal-kooperazzjoni settorjali b'mod ġenerali ma kinux sodisfaċenti; billi, minkejja dan, ġie rreġistrat progress fil-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd, il-kapaċità tal-ispezzjoni sanitarja u l-parteċipazzjoni tal-Ginea Bissaw mal-entitajiet reġjonali tas-sajd; billi għad hemm lok għal titjib bil-għan li jiġi żgurat li l-ftehim ikun aktar effikaċi fil-promozzjoni tat-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont fil-kooperazzjoni settorjali u biex jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd tal-Ginea Bissaw, kif ukoll tal-industriji u l-attivitajiet marbuta miegħu, b'tali mod li jiġi żgurat li proporzjon akbar tal-valur miżjud, li jirriżulta mill-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-pajjiż, jibqa' fil-Ginea Bissaw stess;

H.     billi s-sidien tal-bastimenti industrijali li jittrażbordaw jew iħottu l-art il-qabdiet tagħhom 'il barra minn pajjiżhom (b'mod partikolari f'Dakar u l-Gżejjer Kanarji) b'dan il-mod inaqqsu l-benefiċċji ekonomiċi tas-sajd industrijali jew jillimitawhom għall-ħolqien ta' xi postijiet tax-xogħol (148 membru tal-ekwipaġġ lokali, fil-kuntest tal-protokoll preċedenti); billi, fl-2010, kien jeżisti biss stabbiliment operazzjonali wieħed għat-trattament tal-ħut fil-pajjiż;

I.      billi, minkejja l-ftit progress li ġie osservat reċentement f'dan il-qasam, in-nuqqas ta' rispett lejn l-istandards tal-iġjene imposti mill-Unjoni kkontribwixxa sabiex ixekkel il-kummerċ tal-prodotti tas-sajd mal-Unjoni;

J.      billi s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) fl-ibħra tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw jikkostitwixxi problema li ilha teżisti żmien twil; billi fl-2008 u l-2009, l-awtoritajiet nazzjonali identifikaw 58 bastiment li kienu qed jikkommettu reat, li 11 minhom kienu qed jistadu mingħajr liċenzja u seba f'żoni projbiti; billi, minkejja l-progress li sar u l-mezzi użati min-naħa tal-Ginea Bissaw għas-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd, b'mod partikolari l-organizzazzjonijet osservaturi u l-bastimenti rapidi tal-pattulja, għadhom jeżistu l-lakuni fis-sistema ta' sorveljanza u kontroll tas-sajd fl-ibħra territorjali tal-Ginea Bissaw;

K.     billi n-nuqqas ta' għarfien, kemm fir-rigward tal-konsegwenzi ta' dan il-Ftehim fuq l-ekosistema tal-baħar kif ukoll fir-rigward tal-garanzija li l-aċċess ikun limitat għall-istokkijiet żejda li ma jistgħux jinqabdu mill-flotot lokali, u minħabba l-problemi marbuta mal-assenza ta' data bijoloġika aġġornata (b'mod partikolari wara t-tluq tal-flotot tal-UE mill-Ginea Bissaw fl-2012) għandhom jitqiesu bħala fatturi li jqajmu tħassib u jeħtieġ li jiġu riżolti mill-aktar fis possibbli;

L.     billi l-Parlament għandu jiġi infurmat immedjatament u dwar kollox, fl-istadji kollha, dwar il-proċeduri relatati mal-Protokoll jew mat-tiġdid tiegħu.

1.      Iqis li dan il-Ftehim huwa importanti ferm, kemm għall-Ginea Bissaw kif ukoll għall-flotot Ewropej li joperaw fl-ibħra ta' dan il-pajjiż. jemmen, għaldaqstant, li sal-lum ir-riżultati miksuba mhumiex biżżejjed f'dan il-qasam tal-kooperazzjoni settorjali, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu l-miżuri meħtieġa – billi toħloq mekkaniżmi għal aktar trasparenza, responsabilità u parteċipazzjoni min-naħa tal-benefiċjarji b'mod partikolari l-komunitajiet tas-sajd artiġjanali fuq skala żgħira, u jekk ikun meħtieġ, tirrevedi u ssaħħaħ il-parti tal-Ftehim relatata mal-appoġġ settorjali, kif ukoll l-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet ġodda aktar effikaċi biex tiżdied ir-rata ta' assorbiment tal-għajnuna – sabiex jiġi żgurat li titreġġa' lura x-xejra li ġiet osservata f'dawn l-aħħar deċennji;

2.      Ifakkar li l-Ftehim għandu jippromwovi żvilupp aktar effikaċi u sostenibbli tas-settur tas-sajd fil-Ginea Bissaw, kif ukoll għall-industriji u l-attivitajiet relatati, b´mod partikolari s-sajd fuq skala żgħira li jikkontribwixxi ħafna għas-sigurtà tal-ikel u tal-għajxien lokali, billi jżid il-valur miżjud li jibqa' fil-pajjiż minħabba l-isfruttament tar-riżorsi naturali tiegħu; jinnota l-iżviluppi pożittivi osservati f'dawn l-aħħar snin, iżda jqis li jeħtieġ li jsiru sforzi kontinwi fuq perjodu ta' żmien twil bil-għan li jinkisbu riżultati sinifikanti; jagħti bħala eżempji xi oqsma li għandhom jiġu appoġġati, speċjalment permezz ta' assistenza teknika: it-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali, it-taħriġ tal-professjonisti tas-sajd, is-sħubijiet mas-sajd artiġjanali ta’ skala żgħira, kif ukoll l-attenzjoni prijoritarja għall-politiki b'rabta mal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, b'mod partikolari r-rikonoxximent u l-għoti ta' importanza lir-rwol tan-nisa (fid-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut, il-konservazzjoni, l-ipproċessar tal-ewwel stadju, eċċ.);

3.      Iqis li għandhom jiġu sfruttati b'mod sħiħ il-possibbiltajiet ta' impjiegi għall-baħħara lokali abbord il-bastimenti tal-UE kif previst fil-Protokoll;

4.      Iqis li għandhom jissaħħu l-miżuri għall-prevenzjoni ta' sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Ginea Bissau, fosthom permezz tat-titjib fil-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza permezz ta' użu estensiv tas-sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti bis-satellita, ġurnali ta' abbord, spetturi u l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet minn organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd;

5.      Jesprimi l-ħtieġa li jkun hemm artikolazzjoni aħjar bejn l-appoġġ settorjali previst taħt il-Ftehim dwar is-Sajd u l-istrumenti disponibbli fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ);

6.      Jistieden lill-Kummissjoni, minkejja l-isforzi li saru, biex tibqa' tappoġġa lill-awtoritajiet tal-Ginea Bissaw fit-tisħiħ tas-sistema ta' sorveljanza u kontroll tas-sajd fl-ibħra territorjali tal-Ginea Bissaw, bil-għan li jissaħħu l-miżuri għall-ġlieda kontra s-sajd IUU;

7.      Jenfasizza li dan il-Ftehim jinkludi klawżola ta' nondiskriminazzjoni; jinnota b'sodisfazzjon li l-kontenut ta' ftehimiet tas-sajd konklużi mill-Ginea Bissaw ma' pajjiżi terzi ġie ppubblikat fl-ambitu tan-negozjati u jistgħu jiġu kkonsultati; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-andament ta' dawn il-ftehimiet u l-attivitajiet ta' sajd fl-ibħra tal-Ginea Bissaw;

8.      Huwa tal-fehma li jeħtieġ li jittejbu l-kwantità u l-affidabilità tal-informazzjoni dwar il-qabdiet kollha (il-qabdiet fil-mira kif ukoll dawk inċidentali) u b'mod ġenerali, dwar l-istat ta' konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, bil-għan li jitkejjel aħjar l-impatt tal-Ftehim fuq l-ekosistema tal-baħar u l-komunitajiet tas-sajd; u jemmen li jeħtieġ li jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-kapaċitajiet proprji għall-kisba ta' din l-informazzjoni min-naħa tal-Ginea Bissaw; Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura r-regolarità u t-trasparenza tal-monitoraġġ min-naħa tal-entitajiet inkarigati mis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, b'mod partikolari l-Kumitat Xjentifiku Konġunt;

9.      Jitlob lill-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-kumitat konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, il-programm settorjali pluriennali msemmi fl-Artikolu 3 tal-Protokoll il-ġdid, ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet annwali kif ukoll il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat previsti fl-Artikolu 4 tal-Protokoll il-ġdid; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament, bħala osservaturi, fil-laqgħat tal-kumitat konġunt u tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet tas-sajd tal-Ginea Bissaw; jitlob, finalment, lill-Parlament u lill-Kunsill, fl-aħħar sena tal-eżistenza tal-Protokoll il-ġdid u qabel ma jinfetħu n-negozjati għat-tiġdid tiegħu, rapport sħiħ dwar l-implimentazzjoni tiegħu, mingħajr restrizzjonijiet bla ħtieġa tal-aċċess għal dan id-dokument;

10.    Iqis li l-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tinkludi fil-programm settorjali pluriennali previst fl-Artikolu 3 tal-Protokoll l-objettivi li jwasslu għall-iżvilupp attwali tas-sajd lokali, b'mod partikolari tas-sajd artiġjanali u l-industrija tal-ipproċessar tal-ħut, inkluż permezz ta' aktar żbarki fil-Ginea Bissau, u attivitajiet ekonomiċi u sħubiji oħra fis-settur tas-sajd;

11.    Iqis li l-Kumitat Konġunt previst fil-Ftehim ta' Sħubija għandu jiżgura li, minħabba l-problema ta' korruzzjoni, is-solidità tal-mekkaniżmi kollha previsti minn dan il-Protokoll hija indiskutibbli;

12.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu fil-limiti tas-setgħat rispettivi tagħhom, jgħarrfu lill-Parlament immedjatament u dwar kollox, fl-istadji kollha, dwar il-proċeduri relatati mal-protokoll il-ġdid u t-tiġdid tiegħu, skont it-termini tal-Artikolu 13, il-paragrafu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 218, il-paragrafu 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

13.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika ta' Ginea Bissaw.

25.6.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau

(2015/2119(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Nirj Deva

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

Il-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq il-punti li ġejjin waqt l-implimentazzjoni tal-ftehim:

1.  L-aċċess mill-bastimenti tal-UE għar-riżorsi tas-sajd żejda għandu jkun limitat skont ir-rendiment massimu sostenibbli, ladarba jkunu ġew sodisfatti l-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-popolazzjonijiet lokali;

2.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tinkludi fil-programm settorjali pluriennali previst fl-Artikolu 3 tal-Protokoll l-objettivi li jwasslu għall-iżvilupp attwali tas-sajd lokali, b'mod partikolari tas-sajd artiġjanali u l-industrija tal-ipproċessar tal-ħut, inkluż permezz ta' aktar żbarki fil-Guinea-Bissau, u attivitajiet ekonomiċi u sħubiji oħra fis-settur tas-sajd; għandu jitfassal rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm settorjali u jintbagħat lill-Parlament u lill-Kunsill, sabiex tiġi promossa t-trasparenza u jiġi żgurat li l-baġit allokat għall-appoġġ tal-politika tas-sajd settorjali qiegħed fil-fatt jintuża għal dan l-iskop;

3.  Għandhom jiġu sfruttati b'mod sħiħ il-possibbiltajiet ta' impjiegi għall-baħħara lokali abbord il-bastimenti tal-UE kif previst fil-Protokoll;

4.  Għandu jiġi rinfurzat t-titjib fil-monitoraġġ, fil-kontroll u l-kapaċità ta' sorveljanza tas-sajd kif osservat fil-Protokoll preċedenti; għal dan l-għan, għandu jitkompla l-appoġġ fl-oqsma tal-leġiżlazzjoni, l-istatistika, ir-rappurtar u l-ġestjoni tar-riżorsi;

5.  Għandhom jissaħħu miżuri għall-prevenzjoni ta' sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fiż-żona ekonomika esklussiva tal-Guinea-Bissau inkluż bit-titjib fil-monitoraġġ, fil-kontroll u s-sorveljanza permezz ta' użu estensiv tas-sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti bis-satellita, ġurnali ta' abbord, spetturi u l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet minn organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd;

6.  Il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha fi djalogu politiku mal-awtoritajiet tal-Guinea-Bissau bil-għan li tiggarantixxi li l-prinċipji ta' trasparenza u trattament ugwali fir-rigward tal-aċċess ta' flotot barranin għaż-żona ekonomika esklussiva tal-Guinea-Bissau huma mwettqa; in-nuqqas li jitwettqu dawn il-prinċipji jista' jkollu effetti negattivi fuq il-ġestjoni sostenibbli u responsabbli tar-riżorsi tal-baħar fil-pajjiż u dwar is-sigurtà alimentari taċ-ċittadini tagħha;

7.  Il-Kumitat Konġunt previst fil-Ftehim ta' Sħubija għandu jiżgura li, minħabba l-problema ta' korruzzjoni, is-solidità tal-mekkaniżmi kollha previsti minn dan il-Protokoll hija indiskutibbli.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

15.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

2

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, Richard Corbett, Diane Dodds, Linnéa Engström, Raymond Finch, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Liadh Ní Riada, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Marek Józef Gróbarczyk, Anja Hazekamp, Verónica Lope Fontagné, Francisco José Millán Mon, Lidia Senra Rodríguez

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi

(1)

ĠU C 72 E, 11.3.2014, p. 21.

(2)

Testi adottati, P8_TA(0000)0000.

Avviż legali - Politika tal-privatezza