RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

22.7.2015 - (06040/2015 – C8-0077/2015 – 2015/0029(NLE)) - ***

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Pablo Zalba Bidegain
PR_NLE-AP_Agreement

Proċedura : 2015/0029(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0237/2015
Testi mressqa :
A8-0237/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

(06040/2015 – C8-0077/2015 – 2015/0029(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (06040/2015),

–       wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta’ Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (06041/2015),

–       wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) (v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0077/2015),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu ta' ...[1] dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta’ Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0237/2015),

1.      Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ li ġie konkluż fid-9 Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Diċembru 2013 huwa l-ewwel ftehim multilaterali mindu ġiet stabbilita d-WTO fl-1995. Il-kwistjoni dehret għall-ewwel darba fuq l-aġenda tad-WTO matul il-Konferenza Ministerjali f’Singapor fl-1996, u sussegwentement iddaħħlet fid-Dikjarazzjoni ta’ Doha fejn il-membri tad-WTO impenjaw ruħhom li jikkonkludu ftehim dwar din il-kwistjoni.

Il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ jikkostitwixxi ftehim innovattiv mhux biss għax huwa l-ewwel ftehim multilaterali dwar regoli ġodda li ġie nnegozjat taħt il-patroċinju tad-WTO mindu nħolqot daqs 20 sena ilu. Huwa jistabbilixxi approċċ innovattiv billi:

-       Jippermetti lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati jikkategorizzaw l-impenji u jiddeterminaw iż-żmien tal-implimentazzjoni tagħhom.

-       Jorbot l-implimentazzjoni ta’ ċerti dixxiplini mal-għoti ta’ assistenza teknika.

-       Jappella għal azzjoni konġunta minn pajjiżi donaturi, fornituri tal-assistenza għall-iżvilupp u membri tad-WTO minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati biex jassistu lil dawn tal-aħħar fl-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tal-ftehim.

-       Jinkorpora Grupp ta’ Esperti biex jivvaluta s-sitwazzjoni f’pajjiż membru ladarba jkunu skadew il-perjodi notifikati għall-implimentazzjoni, u l-użu tal-Kumitat tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ bħala forum għall-iskambju ta’ esperjenzi u deliberazzjoni.

Il-Ftehim jimmira lejn “integrazzjoni pożittiva” permezz ta’ prattiki speċifiċi u, minflok ma jastjeni milli juża ċerti politiki, fih madwar 40 dispożizzjoni biex jitħaffu l-moviment, ir-rilaxx u l-ikklerjar ta’ merkanzija, inklużi dispożizzjonijiet għall-pubblikazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u proċeduri, l-użu ta’ pagament elettroniku, inqas formalitajiet u rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni jew uniformità fl-applikazzjoni ta’ proċeduri fil-fruntiera.

Il-Ftehim se jirrikjedi aktar trasparenza u kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet doganali. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-merkanzija fi tranżitu huma ta’ interess partikolari għall-pajjiżi mingħajr kosta li jimmiraw li jagħmlu negozju bl-użu tal-portijiet tal-pajjiżi ġirien.

Għandu jiġi nnutat ukoll li fil-Ftehim hemm inqas enfasi fuq “liġijiet vinkolanti” u aktar enfasi fuq il-kooperazzjoni bil-għan li jinkiseb sett ta’ prattiki tajba li l-gvernijiet jistgħu jappoġġjaw u jikkonformaw magħhom.

Trattament speċjali u divrenzjat

Il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ jindirizza d-differenzi fil-kapaċità tal-membri tad-WTO li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet, billi jippermetti lil kull membru mill-pajjiżi l-anqas żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw jiddetermina huwa stess meta jimplimenta, skont skeda gradwali, kull miżura teknika prevista. Hemm tliet kategoriji ta’ dispożizzjonijiet differenti, jiġifieri:

-       Kategorija A: id-dispożizzjonijiet li se jiġu implimentati mill-membru sa ma jidħol fis-seħħ il-Ftehim (jew fil-każ ta’ membru mill-pajjiżi l-anqas żviluppati, fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ)

-       Kategorija B: id-dispożizzjonijiet li l-membru se jimplimenta wara perjodu tranżitorju wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim

-       Kategorija C: id-dispożizzjonijiet li l-membru se jimplimenta f’data wara perjodu tranżitorju wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, u li se jirrikjedu l-akkwist ta’ għajnuna u appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet.

Għad-dispożizzjonijiet ta’ Kategoriji B u C, il-membru għandu jipprovdi dati għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet, kif spjegat fl-iskedi informattivi li ġejjin:

Assistenza teknika u finanzjarja

Aspett ewlieni tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ huwa l-għoti ta’ assistenza teknika minn pajjiżi donaturi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati permezz ta’ mekkaniżmu ta’ assistenza. Il-Bank Dinji għandu faċilità għal pajjiżi b’introjtu medju u jista’ jqassam massimu ta’ EUR 30 miljun fis-sena, li terz minnhom ġejjin mill-UE. L-UE wegħdet aktar minn EUR 400 miljun f’għajnuna li titħallas fuq perjodu ta’ ħames snin. Barra minn hekk, il-Bank Dinji u l-UNCTAD allokaw ukoll fondi għal dan l-għan u l-Istati Membri wkoll qed jagħmlu l-flus disponibbli.

Kwistjoni ewlenija se tkun li jiġi żgurat li d-diversi fondi jkunu kkoordinati sew. Il-flus se jkunu mmexxija mid-destinatarju u għalhekk l-identifikazzjoni tal-prijoritajiet partikolari se tkun f'idejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati. Dwar il-kompetenza, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali tista’ tipprovdi tisħiħ tal-kapaċitajiet u għarfien espert lill-pajjiżi fil-bżonn.

Konklużjonijiet

Il-Ftehim juri li kapaċi jkun innovattiv biex jirrikonoxxi id-differenzi fil-kapaċità ta’ implimentazzjoni tan-nazzjonijiet, u dan billi jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati jiddeterminaw meta se japplikaw dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Ftehim u billi jorbot l-implimentazzjoni ta’ ċerti dixxiplini mal-għoti ta’ assistenza min-nazzjonijiet żviluppati.

Sabiex jidħol fis-seħħ il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, hemm bżonn li jiġi ratifikat minn żewġ terzi tal-160 membru tad-WTO li qablu dwaru fid-9 Konferenza Ministerjali.

25.6.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

(06040/2015 – C8-0077/2015 – 2015/0029(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Doru-Claudian Frunzulică

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

In-negozjati dwar il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ (TFA), mibdija kważi għaxar snin ilu, ġew konklużi waqt id-disa' Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li saret f'Diċembru 2013. Il-Ftehim jikkostitwixxi s'issa l-aktar riżultat importanti taċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp imniedi fl-2001 u, għal ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, se jirrappreżenta l-vantaġġ prinċipali li ġej minn dan iċ-ċiklu ta' negozjati.

It-TFA jista' jkun definit bħala storiku tal-anqas minħabba żewġ raġunijiet. Huwa l-ewwel Ftehim ġdid wara l-ħolqien tad-WTO fl-1995, li, barra minn hekk, itejjeb il-kapaċità tas-sistema kummerċjali multilaterali li tirrispondi għat-tħassib tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Infatti, l-implimentazzjoni tal-impenji l-ġodda, partikolarment min-naħa tal-pajjiżi membri li qed jiżviluppaw u l-anqas żviluppati, kienet kunsiderazzjoni fundamentali u l-flessibilità ta' implimentazzjoni prevista hi mingħajr preċedenti fil-livell tad-WTO.

Il-Ftehim, maħsub essenzjalment biex jissemplifika u jimmodernizza l-proċeduri u r-regoli doganali, fih bejn wieħed u ieħor 40 dispożizzjoni mmirati li jiffaċilitaw il-moviment transfruntier tal-merkanzija u jiżguraw li l-flussi kummerċjali jkunu kemm jista' jkun lixxi u prevedibbli. Il-Ftehim se jeħtieġ aktar trasparenza u kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet doganali. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-merkanzija fi tranżitu huma ta' interess partikolari għall-pajjiżi mingħajr kosta li jimmiraw li jagħmlu kummerċ bl-użu tal-portijiet tal-pajjiżi ġirien.

Ladarba implimentat, il-Ftehim għandu jkattar il-flussi kummerċjali, iżid il-ġbir tad-dħul mid-dazji bħala konsegwenza tal-volum ikbar ta' kummerċ u identifikazzjoni aħjar tal-frodi, kif ukoll itejjeb l-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet tad-dwana. Il-miżuri relatati mat-trasparenza u mal-awtomazzjoni se jgħinu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-fruntieri. Skont l-istimi tal-OECD, implimentazzjoni globali tal-miżuri previsti mit-TFA tista' tnaqqas il-kostijiet totali tal-kummerċ minn 13 sa 15,5 % fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-benefiċċji potenzjali jaqbżu bil-kbir il-kostijiet li jibqgħu essenzjalment limitati.

It-tneħħija tal-ostakli amministrattivi, barra mill-fatt li, bis-saħħa ta' dan, il-kummerċ isir aktar faċli, malajr u orħos, għandha wkoll tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u lill-impriżi tagħhom, inklużi l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), jintegraw ruħhom aħjar fil-katini tal-valur reġjonali u dinji u b'dan il-mod jiksbu vantaġġi akbar mill-kummerċ internazzjonali.

Trattament speċjali u differenzjat

F'termini ta' implimentazzjoni, il-Ftehim fih dispożizzjonijiet ta' portata kbira dwar it-trattament speċjali u differenzjat għall-pajjiżi li qed jiżvilupaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati. Jekk dak li jkun jorbot l-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi mal-kapaċità li din issir, il-Ftehim jintroduċi sistema innovattiva u unika ta' adegwament tal-impenji, li taf isservi ta' parametru ta' riferiment għall-ftehimiet futuri. Minflok ma jillimita ruħu jagħti perjodi ta' tranżizzjoni, it-TFA jippermetti lil kull membru li qed jiżviluppa u dak l-anqas żviluppat jiddeċiedi b'awtonomija meta jimplimenta, skont kalendarju organizzat fi skaluni, kull miżura teknika prevista. Elementi ta' flessibilità addizzjonali jipprevedu proroga tat-termini ta' implimentazzjoni għall-pajjiżi li jsibu diffikultajiet biex jirrispettaw il-kalendarju tagħhom.

Għadd sinifikanti ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw diġà nnotifikaw l-impenji tagħhom tal-kategorija A – jiġifieri l-miżuri li għandhom jimplimentaw mid-dħul fis-seħħ tat-TFA – u waslu l-ewwel żewġ notifiki mingħand pajjiżi l-anqas żviluppati. Barra minn hekk, hemm indikazzjonijiet pożittivi li juru li l-ekonomiji emerġenti prinċipali mhumiex se jitolbu perjodi ta' tranżizzjoni jew appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni.

Bl-eċċezzjoni tal-parti marbuta mal-awtomazzjoni (dwani elettroniċi, punt uniku ta' servizz), kumplessivament il-miżuri li jikkontribwixxu l-aktar għall-faċilitazzjoni huma pjuttost sempliċi u rħas u, fil-maġġorparti tal-pajjiżi, ma għandhomx jeħtieġu assistenza sinifikanti u għandhom ikunu jistgħu jiġu implimentati minnufih jew wara perjodi ta' tranżizzjoni relattivament qosra. Anki f'dan il-każ, il-vantaġġi se jiddependu mill-implimentazzjoni. Il-pajjiżi li jirrikonoxxu l-vantaġġi potenzjali u jaħtfu l-opportunità u l-finanzjamenti biex jimmodernizzaw l-istrutturi tagħhom se jisiltu benefiċċji sħaħ mill-Ftehim.

Assistenza teknika u finanzjarja

Barra milli jipprevedi flessibilitajiet ta' implimentazzjoni, it-TFA jimmira li jiggarantixxi li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati li huma membri tad-WTO jkunu jistgħu jibbenefikaw minn assistenza teknika u finanzjarja biex jibnu l-kapaċitajiet tagħhom biex jimplimentaw ir-riformi.

L-UE, bħala l-fornitur ewlieni ta' sostenn għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ, intrabtet li tkopri sehem konsiderevoli tal-bżonnijiet ta' finanzjamenti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jimplimentaw il-Ftehim u żżomm tal-anqas EUR 400 miljun fuq ħames snin bħala parti tal-assistenza tagħha relatata mal-kummerċ (Għajnuna għall-Kummerċ). Flimkien mal-programmazzjoni reġjonali u nazzjonali tagħha, l-UE se tkompli ssostni r-riformi relatati mal-faċilitazzjoni tal-kummerċ, partikolarment permezz tad-WTO, tal-Bank Dinji u tal-UNCTAD.

Fid-dawl tal-involviment ta' għadd ta' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali u tal-impenji importanti favur l-implimentazzjoni tat-TFA, il-koordinament tal-għajnuna se jkun essenzjali biex jiġi evitat ir-riskju ta' dispersjoni eċċessiva tal-finanzjamenti li għandhom ikunu ġestiti, u fl-istess ħin jiġi garantit il-monitoraġġ u r-rapportar neċessarji tal-flussi tal-għajnuna.

Konklużjonijiet

Billi l-Ftehim il-ġdid mistenni jnaqqas konsiderevolment iż-żmien u l-kost tal-kummerċ, u b'hekk jgħin lill-impriżi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-anqas żviluppati jaċċedu għall-opportunitajiet ġodda ta' esportazzjoni, ir-rapporteur għal opinjoni josserva li l-Ftehim se jkun, l-ewwel nett, ta' benefiċċju għal dawk il-pajjiżi li jimplimentaw malajr l-impenji tagħhom fil-qafas tal-kummerċ tagħhom. Fl-aħħar mill-aħħar l-isforzi ta' modernizzazzjoni għandhom iħallu l-frott fil-pajjiżi kollha.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmijin hawn fuq, ir-rapporteur għal opinjoni jirrakkomanda li tingħata l-approvazzjoni lill-konklużjoni tal-Ftehim.

******

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jirrakkomanda lill-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu lill-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle de Sarnez, Santiago Fisas Ayxelà, Eleonora Forenza, Yannick Jadot, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Emma McClarkin, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Artis Pabriks, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Hannu Takkula, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bendt Bendtsen, Reimer Böge, Klaus Buchner, Nicola Danti, Edouard Ferrand, Gabriel Mato, Frédérique Ries, Fernando Ruas, Lola Sánchez Caldentey, Marita Ulvskog, Jarosław Wałęsa, Pablo Zalba Bidegain

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Laura Agea, Elisabetta Gardini

  • [1]               Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2015)0000.