RAPPORT li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

22.7.2015 - (06040/2015 – C8-0077/2015 – 2015/0029(NLE) – 2015/2067(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Pablo Zalba Bidegain


Proċedura : 2015/2067(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0238/2015
Testi mressqa :
A8-0238/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta’ Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

(06040/2015 – C8-0077/2015 – 2015/0029(NLE)2015/2067(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06040/2015),

–       wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0077/2015),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2013 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp (DDA) u l-preparamenti għad-Disa’ Konferenza Ministerjali tad-WTO[1],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlament Konġunta AKP-UE dwar l-integrazzjoni reġjonali u l-modernizzazzjoni tad-dwana għal żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi AKP, b’kooperazzjoni mal-UE[2],

–       wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015”[3],

–       wara li kkunsidra r-riżultati tad-Disa’ Konferenza Ministerjali tad-WTO fl-Indoneżja f’Diċembru 2013 u l-ftehim li kien intlaħaq dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ[4],

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tas-27 ta’ Novembru 2014[5],

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD ta’ Frar 2014, Il-Ftehim tad-WTO tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ – impatt potenzjali fuq l-ispejjeż tal-kummerċ,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta' ...[6] dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0238/2015),

A.     billi l-faċilitazzjoni tal-kummerċ hija primarjament kwistjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, iżda ma hemm l-ebda dubju li f’ħafna oqsma l-kooperazzjoni multilaterali tista’ żżid il-qligħ u tnaqqas l-ispejjeż;

B.     billi żewġ terzi tal-membri tad-WTO jeħtiġilhom jirratifikaw il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ (TFA/ftehim) qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ; billi f’dan ir-rigward jappella lill-membri kollha tad-WTO jiżguraw li l-ftehim ikun jista’ jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun u b’mod partikolari qabel l-Għaxar Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC10) f’Nairobi f’Diċembru 2015;

C.     billi xi ekonomiji emerġenti kbar bħaċ-Ċina, il-Brażil u l-Indja mhumiex se jistaqsu għal għajnuna teknika; billi dan għandu jintlaqa’ tajjeb peress li juri li l-għajnuna disponibbli se tingħata lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha;

D.     billi l-UE qed taħdem b’mod attiv biex tiżgura l-koerenza bejn il-politiki differenti tagħha (fl-oqsma tal-kummerċ, il-kooperazzjoni, l-għajnuna umanitarja, eċċ.); billi dawn il-politiki għandhom ikunu transsettorjali u jiġu vvalutati fuq il-bażi ta’ studji tal-impatt;

E.     billi l-UE hija impenjata li tippromwovi kummerċ ħieles, ġust u miftuħ li jkun bilanċjat u ta’ benefiċċju reċiproku għal kulħadd; billi d-WTO hija l-qafas naturali għat-tkomplija u l-affermazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-prinċipji;

F.     billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar donaturi tal-għajnuna fid-dinja; billi l-assistenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ hija miżura taħt l-inizjattiva “Għajnuna għall-Kummerċ” u m’għandu jkollha l-ebda impatt fuq il-proporzjon tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA);

1.      Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati tad-Disa’ Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Diċembru 2013, fejn ġew konklużi negozjati mill-160 membru tad-WTO b’rabta mal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ; iqis li l-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ huwa pass importanti, għaliex huwa l-ewwel ftehim multilaterali mindu twaqqfet id-WTO fl-1995, u se joħloq pjan għall-modernizzazzjoni tad-dwana fost il-161 membru tad-WTO;

2.      Jenfasizza li l-UE tibqa’ favur li d-deċiżjonijiet tal-Pakkett ta’ Bali jiġu implimentati bis-sħiħ u b’lealtà mill-membri kollha tad-WTO, li jkun jippermetti li tingħata attenzjoni lill-konklużjoni b’suċċess tan-negozjati taħt l-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp (DDA);

3.      Jirrikonoxxi l-benefiċċji li se ġġib magħha l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba l-kontribut li se tagħti għal ambjent tan-negozju aktar favorevoli, b’mod partikolari għall-SMEs; jenfasizza, b’mod partikolari, li l-ftehim għandu jnaqqas l-inċertezza dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul fis-suq u l-ispejjeż tal-kummerċ b’bejn 12.5 % u 17.5 % (skont estimi bħal dawk mill-OECD) jekk jiġi implimentati bis-sħiħ, biex b’hekk il-konsumaturi jkun jista' jkollhom aċċess għal firxa akbar u orħos ta’ prodotti u n-negozji jkun jista' jkollhom aċċess għal swieq ġodda u jtejbu l-kompetittività tagħhom billi jżidu l-effiċjenza u jnaqqsu l-burokrazija żejda u l-ispejjeż assoċjati;

4.      Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-ftehim, b’mod partikolari mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, se twassal għall-istandardizzazzjoni u s-semplifikazzjoni ta’ proċeduri relatati mal-kummerċ; jindika li l-ftehim jista’ jipprovdi opportunitajiet ġodda biex jiġi estiż l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi u sistemi elettroniċi, inklużi sistemi ta’ ħlas elettroniku, portali nazzjonali tan-negozju u punti uniċi ta' servizz;

5.      Iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO jippruvaw isibu soluzzjoni mingħajr dewmien biex jiġi implimentat il-Pakkett ta’ Bali fl-aspetti kollha tiegħu, inkluż it-tnaqqis ta’ sussidji li jfixklu l-kummerċ, u dan sabiex id-DDA tkun tista’ tiġi konkluża għall-Għaxar Konferenza Ministerjali tad-WTO;

6.      Jenfasizza l-importanza ta’ dan il-ftehim minn perspettiva ta’ żvilupp, b’kont meħud tal-fatt li japplika trattament speċjali u divrenzjat li fih il-pajjiżi l-anqas żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw jistgħu jiddeċiedu meta se jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet differenti u għal liema minnhom se tkun tinħtieġ għajnuna teknika;

7.      Jenfasizza li l-benefiċċji li se jirriżultaw mill-ftehim se jiddependu mil-livell ta’ implimentazzjoni tiegħu u meta se jiġi implimentat; jemmen li implimentazzjoni sħiħa u leali li tirrifletti l-prijoritajiet u t-tħassib tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ambitu tad-DDA se tkun ta' benefiċċju kbir għall-firmatarji kollha;

8.      Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ftehim jinkludi dispożizzjonijiet vinkolanti u linji gwida mhux vinkolanti; iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO jagħmlu l-almu tagħhom biex jimplimentaw kemm id-dispożizzjonijiet obbligatorji u kemm il-linji gwida, bil-ħsieb li jbaxxu kemm jista' jkun l-ispejjeż tal-kummerċ;

9.      Jenfasizza li għadd ta’ rekwiżiti skont il-ftehim, partikolarment b’rabta mat-trasparenza u d-dħul u l-ħlas awtomatizzati tad-dazji, jistgħu jikkostitwixxu mezz qawwi biex tiġi affrontata l-korruzzjoni fil-fruntieri; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet doganali u jenfasizza li trasparenza akbar se twassal għal livell ogħla ta’ sigurtà u se sservi ta’ inċentiv b’saħħtu għall-intensifikazzjoni tal-kummerċ, minbarra li tiżgura kontrolli doganali aktar effettivi;

10.    Jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-UE li timmira li jkun hemm EUR 400 miljun f’finanzjament fuq medda ta’ ħames snin bħala appoġġ għar-riformi tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ u proġetti bħat-titjib tas-sistemi doganali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati; ifakkar li dan il-finanzjament, li fil-parti l-kbira se jiġi pprovdut permezz tal-allokazzjonijiet tal-Programmi Indikattivi Reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali, jagħmel parti mill-inizjattiva ferm usa’ tal-UE “Għajnuna għall-Kummerċ” (EUR 3.5 biljun f’għotjiet tal-UE fl-2013), u jitlob li l-Parlament Ewropew u l-Istati Membri jiġu pprovduti b’informazzjoni regolari f’dan ir-rigward;

11.    Jenfasizza madankollu li dan il-finanzjament għandu jkun ikkoordinat tajjeb ħafna ma’ finanzjament li ġej minn donaturi internazzjonali oħra bħall-UNCTAD, id-WTO u l-Bank Dinji; jenfasizza li d-duplikazzjoni u l-burokrazija eċċessiva għandhom jiġu evitati fir-rigward tal-pajjiżi li qed jagħmlu t-talba, u li dan jista’ jservi ta’ deterrent għal dawk li qed ifittxu assistenza;

12.    Jitlob ukoll kooperazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet speċjalizzati bħall-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), li jistgħu jipprovdu għarfien espert prattiku u tekniku ta' valur fuq bażi ta’ każ b’każ li jiffaċilita l-iżvilupp u l-bini tal-kapaċità f’dan l-ambitu; jenfasizza li partikolarment il-pajjiżi l-anqas żviluppati jistgħu jisiltu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet kummerċjali maħluqa mill-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ;

13.    Jenfasizza r-rwol ewlieni li jista’ jkollhom id-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja, li jistgħu jaħdmu ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati fuq il-post, u jitlob li dawn id-delegazzjonijiet jiġu involuti bl-aktar mod possibbli fil-ħruġ ta’ għajnuna teknika;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom, b’kont meħud tal-ħtieġa għall-flessibbiltà għall-implimentazzjoni tal-obbligi taħt il-ftehim; jisħaq fuq il-fatt li l-finanzjament għall-bini tal-kapaċità għandu jkun orjentat lejn il-benefiċjarji u bbażat fuq valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet proprji;

15.    Jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet internazzjonali u s-sħab tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati jikkollaboraw mill-qrib fl-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ kategorija C sabiex jimplimentawhom fl-iqsar żmien possibbli;

16.    Jirrikonoxxi d-distakk estensiv li għad fadal bejn il-proċeduri fil-fruntieri tal-pajjiżi żviluppati u tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li infrastruttura fqira, ġestjoni doganali ineffiċjenti u proċeduri burokratiċi eċċessivi jnaqqsu r-ritmu tal-kummerċ; jirrikonoxxi li l-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u l-proċess ta' liberalizzazzjoni kummerċjali jikkondividu l-istess objettiv li jnaqqsu l-ispejjeż kummerċjali biex jagħtu spinta lill-esportazzjonijiet u l-attività ekonomika;

17.    Ifakkar li għal ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ se tkun is-sors prinċipali ta' kisbiet fid-DDA; jilqa' d-dispożizzjonijiet estensivi rigward it-trattament speċjali u divrenzjat għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati; jissuġġerixxi li l-approċċ oriġinali li permezz tiegħu l-impenji u l-programmazzjoni tagħhom ikunu proporzjonati mal-kapaċitajiet tal-pajjiżi għandu jservi bħala punt ta' riferiment għall-ftehimiet fil-ġejjieni;

18.    Jirrikonoxxi li l-għarfien espert mis-settur privat jista' jiżvolġi rwol ċentrali fil-promozzjoni ta' miżuri għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u fil-forniment ta' assistenza u appoġġ għall-implimentazzjoni tal-ftehim fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jieħu nota ta' inizjattiva ppjanata mill-USAID għal alleanza pubblika-privata għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-involviment tas-settur privat u tesplora l-possibilitajiet għal sħubijiet ma' industriji Ewropej b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-ftehim;

19.    Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tar-riformi fil-qasam tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ għandha benefiċċji aktar estensivi fir-rigward tal-iżvilupp; jinnota f'dan il-kuntest ir-rwol kruċjali li d-dwani jistgħu jiżvolġu biex jiffaċilitaw iċ-ċaqliq fil-pront ta' spedizzjonijiet ta' oġġetti għal għajnuna f'każ ta' diżastru; jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza umanitarja f'emerġenza għandha tibbenefika minn proċeduri ta' approvazzjoni doganali semplifikati biex jitħaffef il-forniment ta' għajnuna u, barra minn hekk, għandha tkun eżentata minn dazji u taxxi;

20.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni ill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

25.6.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ

(2015/2067(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Doru-Claudian Frunzulică

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi d-distakk estensiv li għad fadal bejn il-proċeduri fil-fruntieri tal-pajjiżi żviluppati u tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li infrastruttura fqira, ġestjoni doganali ineffiċjenti u proċeduri burokratiċi eċċessivi qed inaqqsu r-ritmu tal-kummerċ; jirrikonoxxi li l-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u l-proċess ta' liberalizzazzjoni kummerċjali jikkondividu l-istess objettiv li jnaqqsu l-ispejjeż kummerċjali biex jagħtu spinta lill-esportazzjonijiet u l-attività ekonomika;

2.  Ifakkar li, għall-ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ se tkun is-sors prinċipali ta' kisbiet fl-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp; jilqa' d-dispożizzjonijiet estensivi rigward trattament speċjali u differenzjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati; jissuġġerixxi li l-approċċ oriġinali li permezz tiegħu l-impenji u l-programmazzjoni tagħhom isiru proporzjonati għall-kapaċitajiet tal-pajjiżi għandu jservi bħala parametru ta' riferiment għall-ftehimiet fil-ġejjieni;

3.  Jirrikonoxxi li implimentazzjoni fil-pront u komprensiva tal-Ftehim hi fl-interess tal-membri kollha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), minħabba l-kisbiet tanġibbli u, b'mod partikolari, it-tnaqqis stmat fl-ispejjeż kummerċjali; jissottolinja li l-grad ta' implimentazzjoni tal-Ftehim se jkun deċiżiv għall-benefiċċji miksuba minnu; iqis li l-implimentazzjoni tal-Ftehim tista' tkun biss fl-interess tal-membri kollha tad-WTO jekk anke l-prijoritajiet u t-tħassib tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-qasam ta' kompetenza tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp jiġu riflessi kif dovut;

4.  Jirrikonoxxi li għadd ta' rekwiżiti skont il-Ftehim, speċifikament fir-rigward tat-trasparenza u proċeduri awtomatizzati ta' dħul u pagament ta' dazji, jistgħu jkunu mezz qawwi biex tiġi affrontata l-korruzzjoni fil-fruntieri;

5.  Jilqa' d-diversi impenji, inklużi dawk li ħadet l-UE, biex jiġu pprovduti assistenza u appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet b'mod li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati jiġu megħjuna jimplimentaw il-Ftehim; jisħaq fuq il-fatt li l-finanzjament għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għandu jkun orjentat lejn il-benefiċjarji, abbażi ta' valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet xierqa; jikkunsidra li hu indispensabbli li l-għajnuna tiġi ġestita u kkoordinata kif jixraq, minħabba l-għadd ta' donaturi u wegħdiet; jissottolinja l-ħtieġa għal monitoraġġ u rapportar adegwati fir-rigward tal-flussi tal-għajnuna;

6.  Jirrikonoxxi li l-esperti mis-settur privat jistgħu jiżvolġu rwol ċentrali fil-promozzjoni ta' miżuri għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u fil-forniment ta' assistenza u appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jieħu nota ta' inizjattiva ppjanata minn USAID għal alleanza pubblika-privata għal dan il-għan; jappella lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi l-involviment min-naħa tas-settur privat u tesplora l-possibilitajiet għal sħubijiet ma' industriji Ewropej b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim;

7.        Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tar-riformi fil-qasam tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ għandha benefiċċji aktar estensivi fir-rigward tal-iżvilupp; jikkonstata f'dan il-kuntest ir-rwol kruċjali li d-dwani jistgħu jiżvolġu biex jiffaċilitaw iċ-ċaqliq fil-pront ta' spedizzjonijiet ta' oġġetti għal għajnuna f'każ ta' diżastru; jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza umanitarja ta' emerġenza għandha tibbenefika minn proċeduri ta' approvazzjoni doganali ssemplifikati biex jitħaffef il-forniment ta' għajnuna u, barra minn hekk, għandha tkun eżentata minn dazji u taxxi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Rübig

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

4

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, David Campbell Bannerman, Daniel Caspary, Marielle de Sarnez, Santiago Fisas Ayxelà, Eleonora Forenza, Yannick Jadot, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Emma McClarkin, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Artis Pabriks, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Hannu Takkula, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Bendt Bendtsen, Reimer Böge, Klaus Buchner, Nicola Danti, Edouard Ferrand, Gabriel Mato, Frédérique Ries, Fernando Ruas, Lola Sánchez Caldentey, Marita Ulvskog, Jarosław Wałęsa, Pablo Zalba Bidegain

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Laura Agea, Elisabetta Gardini