Proċedura : 2014/2234(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0240/2015

Testi mressqa :

A8-0240/2015

Dibattiti :

PV 07/09/2015 - 25
CRE 07/09/2015 - 25

Votazzjonijiet :

PV 08/09/2015 - 5.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0289

RAPPORT     
PDF 174kWORD 128k
23.7.2015
PE 549.347v02-00 A8-0240/2015

dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea: Lejn kontrolli bbażati fuq il-prestazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni

(2014/2234(INI))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Petri Sarvamaa

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea: Lejn kontrolli bbażati fuq il-prestazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni

(2014/2234(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 1/2012 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ċerti proposti għal regolamenti dwar il-politika agrikola komuni għall-perjodu 2014-2020,

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2004 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-mudell ta' awditu uniku,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 16/2013 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Valutazzjoni ta' awditu uniku (single audit) u d-dipendenza tal-Kummissjoni fuq ix-xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar fil-Koeżjoni",

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Attività Annwali 2013 tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0240/2015),

A. billi fuq iż-żewġ ċikli tar-riformi tal-politika agrikola komuni (PAK) ir-regoli saru ħafna aktar diversi u kumplessi;

B.  billi regoli iżjed kumplessi jwasslu għal iżjed żbalji fuq il-post;

C. billi l-objettivi tal-PAK għandhom jiġu sodisfatti, filwaqt li jeħtieġ li jiġu żgurati l-fehim u l-fiduċja reċiproċi bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi nazzjonali u reġjonali kollha tal-UE għall-implimentazzjoni effikaċi tal-PAK;

D. billi riforma tal-PAK iżjed effikaċi u effiċjenti tirrikjedi simplifikazzjoni u inqas burokrazija sabiex tissodisfa l-objettivi tal-PAK;

E.  billi l-ispejjeż tal-kontrolli u tal-forniment ta' pariri lill-partijiet interessati u lill-bdiewa attwalment huma stmati li jlaħħqu EUR 4 biljun fil-livell tal-Istati Membri, u aktarx li jogħlew, l-istess bħar-rati tal-iżbalji, bl-implimentazzjoni tal-aħħar riforma tal-PAK, partikolarment l-introduzzjoni ta' miżuri tal-"ekoloġizzazzjoni";

F.  billi r-riforma tal-2013 irriżultat f'tibdil sinifikanti fid-data meħtieġa mingħand il-bdiewa li għandha takkumpanja l-applikazzjonijiet u tiġġustifika t-talbiet, b'rekwiżiti ġodda li għandhom ir-riskju li jwasslu għal rata ogħla ta' żbalji fil-fażi inizjali ta' tagħlim u adattament;

G. billi huwa importanti li l-operaturi ma jitgħabbewx b'ammont sproporzjonat ta' spezzjonijiet;

H. billi l-objettivi tal-PAK għandhom jiġu ssodisfati, filwaqt li jiġu żgurati l-fehim u l-fiduċja reċiproċi bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi nazzjonali u reġjonali kollha tal-UE għall-implimentazzjoni effikaċi tal-PAK;

I.   billi l-bdiewa huma inċentivati biex jipprovdu servizzi bħall-pajsaġġi, il-bijodiversità tal-artijiet agrikoli u l-istabbiltà tal-klima anki jekk dawn m'għandhomx valur tas-suq;

J.   billi l-ispejjeż tal-kontrolli u l-għoti ta’ pariri lill-partijiet interessati u lill-bdiewa jistgħu fil-mument jammontaw għal EUR 4 biljun fil-livell tal-Istati Membri; jenfasizza l-bżonn li jiġu minimizzati l-ispejjeż tal-kontrolli u l-piż burokratiku tagħhom;

K. billi l-kontrolli abbażi tal-prestazzjoni jistgħu jsiru metodoloġija utli, filwaqt li l-istabbiltà u l-approċċ ta’ abilitazzjoni huma meħtieġa min-naħa tal-korpi amministrattivi sabiex jibnu l-fiduċja mal-benefiċjarji finali; ifakkar madankollu li sistema ta’ universalità ma tistax tiġi imposta fuq it-tipi u d-daqsijiet diversi tal-azjendi agrikoli fl-UE;

L.     billi miżuri ta' ekoloġizzazzjoni introdotti mill-aħħar riforma tal-politika agrikola komuni jimmiraw li jiksbu s-sostenibbiltà agrikola mtejba permezz tal-effett ta' diversi strumenti:

–   kundizzjonalità simplifikata u aktar immirata;

–   il-Pagament Dirett Ekoloġiku u miżuri volontarji li huma ta' benefiċċju għall-ambjent u t-tibdil fil-klima fl-iżvilupp rurali;

M. billi d-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali(1) qies li kien meħtieġ li joħroġ 51 riżervazzjoni għal xi aġenziji tal-pagamenti;

1.  Jaqbel mal-fehma espressa mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri li "l-arranġamenti għall-infiq tal-politika agrikola komuni għall-perjodu 2014-2020 jibqgħu kumplessi"(2); ifakkar madankollu li l-kumplessità tal-PAK hija minħabba d-diversità tal-biedja fl-Ewropa, u li s-simplifikazzjoni jeħtieġ li ma twassalx għaż-żarmar tal-istrumenti li ġew adottati;

2.  Jitlob li l-PAK issir anqas burokratika fir-rigward tat-tnaqqis fir-rata ta' żbalji; u li jiġu implimentati strumenti li jippermettu li ssir distinzjoni bejn l-iżball u l-frodi;

3.  Jitlob li ssir distinzjoni waqt l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-kontrolli u fir-rigward tal-impożizzjoni ta' penali, bejn l-ommissjonijiet mhux intenzjonati u l-każijiet ta' frodi, billi l-ommissjonijiet bħala regola ġenerali ma jġibux magħhom danni finanzjarji għall-kontribwent;

4.  Jitlob li l-PAK issir anqas burokratika, u li tkun tista' tiġi implimentata u interpretata b'mod ċar, bil-għan li titnaqqas ir-rata ta' żbalji u li jiġu stabbiliti strumenti li jagħmluha possibbli li ssir distinzjoni bejn żball u frodi, filwaqt li jiġi żgurat li l-bdiewa xorta jkunu għadhom jistgħu jwasslu l-produzzjoni tal-ikel kruċjali li hija fil-qalba tal-politika; jemmen li l-fatt li jiġu indirizzati l-kumplessità u l-integrazzjoni tal-PAK huwa wieħed mill-elementi ewlenin biex jiġu attirati parteċipanti ġodda fil-qasam tal-agrikoltura u wkoll biex huma u l-ħiliet tagħhom jinżammu fih sabiex jiġi żgurat is-suċċess tas-settur agrikolu tal-UE fil-futur; jistenna li jittieħdu miżuri mill-programm ta' regolamentazzjoni aħjar f'dan ir-rigward; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li testendi l-iskadenza għat-talbiet ta' pagamenti diretti b'xahar u jikkunsidra dan bħala pass lejn it-tnaqqis tar-rata ta' żbalji tal-PAK;

5.  Iħeġġeġ sabiex tingħata gwida iżjed ċara kemm lill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll lill-bdiewa sabiex titnaqqas ir-rata tal-iżbalji;

6.  Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni favur is-simplifikazzjoni tal-PAK b’eżami immedjat tal-miżuri li jistgħu jiġu implimentati malajr, peress li dan ikun ta' benefiċċju għall-bdiewa, għall-aġenziji tal-pagament, għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-kontribwenti tat-taxxa; iħeġġeġ ukoll li fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu, jitressqu proposti għal emendi fl-att leġiżlattiv bażiku sabiex jitqiesu fir-riforma għall-perjodu ta’ finanzjament li jmiss;

7.  Jibża' li r-rata ta' żball l-aktar probabbli determinata mill-Qorti tal-Awdituri se tiżdied fil-politika agrikola komuni fil-qasam tal-pagamenti diretti matul il-perjodu 2014-2020, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-qafas li jmiss għall-kundizzjonalità għadu mhux qed jikkorrispondi ma' tnaqqis fil-livell ta' kumplessità mhux meħtieġa ta' din il-politika għall-awtoritajiet amministrattivi jew għall-benefiċjarji;

8.  Ifakkar li l-Parlament u l-Qorti tal-Awdituri spiss enfasizzaw il-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn inqas piż amministrattiv u kontroll finanzjarju effikaċi;

9.  Jinnota li l-ispejjeż tal-kontrolli tal-politika agrikola komuni diġà jammontaw għal EUR 4 biljun fis-sena u dawn jikkonċernaw 50 miljun tranżazzjoni b'baġit għal agrikoltura ta' madwar EUR 58 biljun;

10. Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tagħti prijorità lil eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni ġdid tal-PAK u li qed tipproponi, l-ewwel nett, li tissimplifika għadd ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni;

11. Jiffavorixxi b'saħħa titjib tal-kwalità u konsistenza ta' spezzjonijiet aktar milli żieda fl-għadd ta' kontrolli fl-agrikoltura mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri;

12. Jenfasizza wkoll li l-kontrolli huma garanzija li l-flus mill-baġit tal-UE maħsuba għall-finanzjament tal-istrumenti tal-PAK qed jintefqu kif suppost;

13. Ifakkar li l-objettiv tal-iskema ta' awditu uniku huwa li tistabbilixxi katina waħda ta' awditjar mingħand il-benefiċjarji finali għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea;

14. Jiddispjaċih għall-fatt li l-iskema ta' awditu uniku għadha mhix effikaċi u li s-sistemi ta' kontroll stabbiliti mill-Istati Membri mhumiex jiffunzjonaw bil-potenzjal sħiħ tagħhom; ifakkar lill-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà tagħhom biex jipprovdu l-ewwel livell ta' kontrolli b'mod effikaċi filwaqt li jimminimizzaw il-piż fuq il-bdiewa, u l-għażliet eżistenti biex tiġi introdotta l-flessibbiltà meta jkunu qed jorganizzaw il-kontrolli;

15. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, bħala linja gwida, biex isibu modi biex jottimizzaw u jikkombinaw spezzjonijiet marbuta mal-PAK sabiex benefiċjarji magħżula, kull meta possibbli, ikunu soġġetti għal ċiklu wieħed ta’ kontrolli kull sena;

16. Jenfasizza li skont ir-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013:

a)  kieku l-awtoritajiet nazzjonali użaw l-informazzjoni disponibbli għalihom biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu dawk l-iżbalji tal-anqas parzjalment kieku l-iżball l-aktar probabbli fil-qasam tal-pagamenti diretti kien ikun 1.1 % inqas, u għalhekk relattivament qrib il-limitu minimu ta' materjalità ta' 2 %(3);

b)  kieku l-awtoritajiet nazzjonali użaw l-informazzjoni kollha disponibbli għalihom biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji, kieku r-rata ta' żball l-aktar probabbli kienet tonqos għal 2 % fl-iżvilupp rurali(4);

17. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni kellha tikkoreġi 'l fuq ir-rati ta' żball kkomunikati minn 42 aġenzija tal-pagamenti minn 68 b'rata ta' żbalji residwi 'l fuq minn 2 %, minkejja l-fatt li kważi l-aġenziji tal-pagamenti kollha għall-pagamenti diretti ġew akkreditati u ċertifikati mill-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni u minkejja l-fatt li 79 mit-82 dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni magħmula mill-aġenziji tal-pagamenti rċevew opinjoni mhux kwalifikata mill-korpi ta' ċertifikazzjoni fl-2013;

18. Jistenna li l-missjoni ġdida assenjata lil korpi ta' ċertifikazzjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 966/2012 u 1306/2013 se ttejjeb l-affidabbiltà tad-data komunikata mill-Istati Membri fir-rigward tal-ġestjoni tagħhom tal-fondi agrikoli tal-UE;

19. Jitlob lill-Kummissjoni temenda l-linji gwida għall-korpi taċ-ċertifikazzjoni biex il-kumpilazzjoni tar-rapporti ta' statistika tiġi vverifikata aktar mill-qrib;

20. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tfassal proposti bil-ħsieb li jiġi sanzjonat ir-rappurtar falz jew inkorrett li jsir mill-aġenziji tal-pagamenti, inklużi t-tliet dimensjonijiet li ġejjin, jiġifieri l-istatistika tal-ispezzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet mill-aġenziji tal-pagamenti, u x-xogħol imwettaq mill-korpi ta' ċertifikazzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tirtira l-akkreditament tal-aġenziji tal-pagamenti f'każijiet ta' dikjarazzjonijiet foloz gravi;

21. Jistenna li l-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ u b'mod urġenti mill-proċess ta' simplifikazzjoni tal-PAK, speċjalment fir-rigward tal-piż u r-regolamenti kumplessi li jirregolaw il-kundizzjonalità u l-ekoloġizzazzjoni li fl-aħħar mill-aħħar jaffettwaw lill-bdiewa fl-Ewropa kollha;

22. Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni favur is-simplifikazzjoni tal-PAK bil-kunsiderazzjoni immedjata ta' miżuri li jistgħu jiġu implimentati malajr, peress li dan ikun ta' benefiċċju għall-bdiewa, għall-aġenziji tal-pagament, għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-kontribwenti tat-taxxa; iħeġġeġ ukoll li jitressqu proposti għall-emendi tal-att leġiżlattiv bażiku; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti għas-simplifikazzjoni tal-PAK, filwaqt li tqis il-feedback mill-partijiet interessati fis-settur agrikolu;

23. Huwa favur it-tisħiħ u l-implimentazzjoni aktar b'saħħitha tal-verifika unika permezz tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' kontroll imwettqa mill-istituzzjonijiet varji, u jitlob li l-piżijiet amministrattivi li jirriżultaw minn verifiki jitħaffew sabiex il-bdiewa ma jiġux soġġetti għal żjarat differenti f'okkażjonijiet separati mill-korpi responsabbli jew għal kontrolli eċċessivi jew multipli mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Awdituri fl-istess sena, taħt kwalunkwe serje ta' regolamenti jew ir-regolamenti kollha, li b'hekk inaqqas il-piż fuq il-bdiewa billi jitnaqqas l-għadd ta' spezzjonijiet; jitlob sabiex il-kompiti ta' awditjar u l-kontrolli mwettqa minn korpi ta' ċertifikazzjoni u minn korpi oħra tal-Istati Membri jinġabru flimkien; jinnota li l-parir mogħti kemm mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll mill-Kummissjoni fil-linji gwida mgħoddija lill-bdiewa għall-implimentazzjoni tal-PAK spiss huwa kontradett mill-kriterji tal-valutazzjoni użati mill-Qorti tal-Awdituri, bir-riżultat ta' multi li huma kemm sproporzjonati kif ukoll sorprendenti;

24. Jiffavorixxi approċċ integrat għall-kontrolli, fejn il-kontrolli kollha neċessarji f'azjenda agrikola speċifika jitwettqu fl-istess żmien, safejn possibbli, sabiex l-għadd ta' żjarat fuq il-post jinżamm baxx u l-ispiża u l-piż finanzjarji u l-ħin meħtieġ konkomitanti għall-amministrazzjonijiet u l-bdiewa jkunu jistgħu jitnaqqsu u l-proċess ta' kontroll jiġi integrat;

25. Ifakkar lill-Kummissjoni li r-riskju ta' żbalji mhux intenzjonali minħabba regolamentazzjoni kumplessa fl-aħħar mill-aħħar jinġarr mill-benefiċjarju; jappella għal politika raġonevoli, proporzjonali u effikaċi dwar sanzjonijiet biex jappoġġjaw dan l-approċċ, bħal li jiġi evitat l-irduppjar ta' sanzjonijiet għall-istess żball kemm taħt l-iskema ta' pagament kif ukoll il-kundizzjonalità;

26. Jemmen li, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-proġett, il-pagamenti ma għandhomx jiġu interrotti meta jiġu identifikati żbalji żgħar u/jew klerikali;

27. Jitlob li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Qorti tal-Awdituri jkomplu jiżviluppaw strateġiji tal-awditjar ibbażati fuq ir-riskju b'kont meħud tad-data rilevanti kollha, inkluża l-identifikazzjoni minn qabel tal-aħjar/l-agħar prestazzjoni għal kull qasam tal-politika;

28. Jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati kriterji sabiex jiddefinixxu liema Stati Membri huma identifikati bħala l-aħjar/l-agħar prestazzjoni;

29. Ifakkar li firxa wiesgħa ta' Stati Membri jistgħu jiġu kkunsidrati bħala "l-agħar fil-prestazzjoni" fir-rigward tal-ġestjoni tal-fondi tal-UE, u dan jiddependi fuq il-qasam tal-politika kkonċernat;

30. Jinsisti li d-definizzjoni ta' prestazzjoni fir-rigward tal-kontrolli għandha primarjament tinvolvi l-kwalità tal-verifiki u tas-sistemi amministrattivi tal-Istati Membri, jiġifieri l-effiċjenza, il-konsistenza u l-affidabbiltà tal-awtoritajiet ta' ġestjoni u ta' ċertifikazzjoni;

31. Iqis li l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni f'kull qasam tal-politika għandhom jiġu kkumpensati bi tnaqqis fil-kontrolli tal-Unjoni;

32. Jemmen li l-iżvilupp u l-amministrazzjoni ta' kontrolli bbażati fuq il-prestazzjoni ma għandhom, bl-ebda mod, isiru sors ta' żieda fl-inċertezza fir-rigward tas-sikurezza tal-provvista tal-ikel tal-UE;

33. Jitlob l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ Stati Membri li għandhom l-agħar prestazzjoni;

34. Jitlob li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki, biex jiġu żgurati l-iżjed kontrolli bla xkiel u l-inqas tfixkil għall-bdiewa;

35. Jinnota li, skont l-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, "L-Istati Membri għandhom jiżguraw livell minimu ta' verifiki fuq il-post meħtieġa għal ġestjoni effettiva tar-riskji, għandhom iżidu dak il-livell minimu meta jkun meħtieġ. L-Istati Membri jistgħu jnaqqsu dak il-livell minimu meta s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll jiffunzjonaw tajjeb u fejn ir-rati ta' żbalji jibqgħu f'livell aċċettabbli";

36. Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi aktar il-livell aċċettabbli msemmi fl-Artikolu 59(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u biex tibda djalogu mal-Parlament u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri f'dan ir-rigward;

37. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu jiżviluppaw inizjattivi tal-gvern elettroniku li għandhom l-għan li jnaqqsu r-rata ta' żball permezz tal-prevenzjoni ta' żbalji fil-fażi tal-applikazzjoni bħala objettiv fuq perjodu ta' żmien medju u twil; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrispettaw id-data mmirata, kif previst fl-Artikolu 122(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, biex jaqilbu għal koeżjoni elettronika f’applikazzjoni għal proġett, ġestjoni u kontroll; jemmen li t-trasparenza sħiħa tad-dejta u l-aċċessibbiltà huma essenzjali biex jiġi evitat u miġġieled kwalunkwe abbuż; jistieden f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni biex tagħmel obbligatorja l-pubblikazzjoni ta’ dokumentazzjoni pprovduta mill-benefiċjarji kollha;

38. Jemmen li kopertura totali tal-broadband veloċi ta' żoni rurali, b'livell sinifikanti ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ fl-użu tiegħu, se tkun għodda essenzjali biex il-bdiewa kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-applikazzjoni l-aktar reċenti tal-PAK u s-sistemi ta' talbiet;

39. Jitlob li jsiru iżjed sforzi biex titnaqqas il-kumplessità tas-sistemi ta' applikazzjoni u l-formoli għall-bdiewa, u jiffavorixxi l-użu akbar tat-teknoloġija tal-e-government min-naħa tal-Istati Membri, sabiex fil-mument tal-applikazzjoni jiġu evitati l-iżbalji bil-quddiem, li jitlob aċċess għall-internet bil-broadband għall-benefiċjarji; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni toħloq programm li jgħin fl-edukazzjoni ta' bdiewa aktar anzjani; jenfasizza l-investimenti robusti f'netwerks tal-broadband f'żoni rurali u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jistinkaw favur id-diġitalizzazzjoni tal-proċess ta' applikazzjoni; ifakkar li l-implimentazzjoni affidabbli tat-teknoloġiji tal-e-government tirrikjedi li l-Istati Membri jiżviluppaw, jiffinanzjaw jew jikkofinanzjaw din it-teknoloġija;

40. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw programmi ta' diġitalizzazzjoni fir-rigward tar-relazzjoni bejn azjendi tal-gvern u azjendi agrikoli bil-ħsieb li jinkiseb "fajl uniku tal-farm" b'ġestjoni integrata u simultanja tad-data dwar l-għelejjel; huwa tal-fehma li tali simplifikazzjoni taggrega entrati li bħalissa huma ġestiti b'mod separat (pjanijiet tal-għelejjel, pjanijiet individwali tal-assigurazzjoni u logbooks), hekk kif l-irziezet jagħmlu dikjarazzjoni waħda li mbagħad tinqasam bejn id-dipartimenti tal-gvern, li twassal għal aktar effiċjenza fil-kontrolli minn dawk id-dipartimenti u b'hekk għal riskju inqas ta' żbalji fil-pagamenti u l-integrazzjoni tal-kontrolli fis-sistema;

41. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-korpi governattivi/reġjonali li qed jindirizzaw l-implimentazzjoni tal-PAK il-ġdida jikkomunikaw u jaħdmu flimkien b’mod effikaċi għall-benefiċċju tal-bdiewa li qed jimplimentaw il-politika fuq il-post;

42. Iqis il-benefiċċji potenzjali fit-tul billi jiżviluppaw u jadottaw soluzzjonijiet industrijali bbażati fuq l-internet kemm tal-biedja u l-kontrolli, speċjalment fir-rigward ta’ soluzzjonijiet integrati għal benefiċjarji u l-aġenziji tal-pagamenti, bħala numerużi; jistenna li dan iħalli impatt pożittiv fuq il-konsistenza, l-affidabbiltà u l-kosteffiċjenza tal-kontrolli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta u twettaq proġetti pilota f’dan il-qasam; ifakkar li dan l-approċċ huwa dipendenti fuq l-impenn mill-Istati Membri biex jipprovdu konnessjonijiet broadband rapidi lil żoni rurali madwar l-UE;

43. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-partijiet interessati rilevanti kollha, inkluż, iżda mhux limitat għal, il-Qorti tal-Awdituri, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-benefiċjarji, fit-tħejjija ta’ strateġija fit-tul li tindirizza modi mhux relatati mal-politika dwar iż-żamma tal-piż fuq il-benefiċjarji u l-ispetturi milli jkompli jiżdied wara r-riformi tal-PAK u l-bidliet futuri tal-atti bażiċi;

44. Jitlob lill-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipju ta' kontrollabbiltà diġà fis-seħħ fl-iżvilupp rurali, f'konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, meta tkun qed tfassal proposta għal att leġiżlattiv dwar l-Erja b'Fokus Ekoloġiku;

45. Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tat-tnaqqis tal-livell minimu ta' kontrolli previsti fl-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rapport ta' evalwazzjoni previst fl-Artikolu 110 ta' dan l-istess Regolament dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-PAK;

46. Jitlob lill-Kummissjoni tabbozza Komunikazzjoni dwar il-possibbiltà li tintroduċi sistemi ta' ġestjoni bbażati fuq il-prestazzjoni fl-oqsma kollha tal-PAK, speċjalment fil-parti tal-investiment tal-iżvilupp rurali, sabiex tagħti bidu għal dibattitu mal-partijiet interessati kollha bil-ħsieb li tintroduċi dan il-prinċipju fil-leġiżlazzjoni tal-UE;

o

o        o

47.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Rapport Annwali tal-Attività 2013, id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

(2)

L-Opinjoni Nru 1/2012 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar ċerti proposti għal regolamenti dwar il-politika agrikola komuni għall-perjodu 2014-2020.

(3)

     Ara r-Rapport Annwali tal-QEA 2013, punt 3.8.

(4)

     Ara r-Rapport Annwali tal-QEA 2013, punt 4.8.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (3.7.2015)

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni: Lejn kontrolli bbażati fuq il-prestazzjoni tal-Politika Agrikola komuni

(2014/2234(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jens Gieseke

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A. billi r-riformi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) żdiedu u kibru b'mod sinifikanti fil-kumplessità u l-burokrazija għall-awtoritajiet kompetenti u għall-bdiewa f'dawn l-aħħar snin, u billi l-ambitu tal-burokrazija eżistenti żdied mir-riforma tal-2013;

B.  billi regoli iżjed kumplessi jwasslu għal iżjed żbalji fuq il-post;

C. billi l-objettivi tal-PAK għandhom jiġu sodisfatti, filwaqt li jeħtieġ li jiġu żgurati l-fehim u l-fiduċja reċiproċi bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi nazzjonali u reġjonali kollha tal-UE għall-implimentazzjoni effettiva tal-PAK;

D. billi riforma tal-PAK iżjed effettiva u effiċjenti tirrikjedi simplifikazzjoni u inqas burokrazija sabiex tissodisfa l-objettivi tal-PAK;

E.  billi l-kostijiet tal-kontrolli u tal-forniment ta' pariri lill-partijiet interessati attwalment huma stmati li jlaħħqu EUR 4 biljun fil-livell tal-Istati Membri, u aktarx li jogħlew, l-istess bħar-rati tal-iżbalji, bl-implimentazzjoni tal-aħħar riforma tal-PAK, partikolarment l-introduzzjoni ta' miżuri tal-"ekoloġizzazzjoni";

F.  billi r-riforma tal-2013 irriżultat f'tibdil sinifikanti fid-data meħtieġa mingħand il-bdiewa li għandha takkumpanja l-applikazzjonijiet u tiġġustifika t-talbiet, b'rekwiżiti ġodda li għandhom ir-riskju li jwasslu għal rata ogħla ta' żbalji fil-fażi inizjali ta' tagħlim u adattament;

G. billi s-sistema attwali jkollha tittratta madwar 15-il miljun tranżazzjoni fis-sena, imħallsa lil madwar 8 miljun benefiċjarju, u tinkludi miljun verifika fuq il-post li jinvolvu miljuni ta' biċċiet ta' art ta' referenza, u billi konsegwentement is-sistema attwali hija soġġetta għal limiti u jeħtieġ li tittieħed azzjoni;

H. billi huwa importanti li l-operaturi ma jitgħabbewx b'ammont sproporzjonat ta' ispezzjonijiet;

1.  Jinnota li ż-żieda fil-piż amministrattiv mill-kontrolli hija relatata b'mod dirett ma' żieda fil-kumplessità tal-PAK; jitlob, għalhekk, li jkun hemm aktar simplifikazzjoni u numru iżgħar ta' kontrolli, sabiex jonqsu r-rati tal-iżbalji u biex titjieb l-effiċjenza fil-ħruġ ta' pagamenti tal-PAK, kif ukoll biex jitnaqqsu l-kostijiet u l-piż amministrattiv li jġorru l-kontribwenti tat-taxxa u l-bdiewa, u fl-istess ħin jiġi żgurat li l-baġit jintefaq tajjeb;

2.  Jitlob li ssir distinzjoni waqt l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-kontrolli u fir-rigward tal-impożizzjoni ta' penali, bejn l-ommissjonijiet mhux intenzjonati u l-każijiet ta' frodi, billi l-ommissjonijiet bħala regola ġenerali ma jġibux magħhom danni finanzjarji għall-kontribwent;

3.  Jitlob li l-PAK issir anqas burokratika, u li tkun tista' tiġi implimentata u interpretata b'mod ċar, bil-għan li titnaqqas ir-rata ta' żbalji u li jiġu stabbiliti strumenti li jagħmluha possibbli li ssir distinzjoni bejn żball u frodi, filwaqt li jiġi żgurat li l-bdiewa xorta jkunu għadhom jistgħu jwasslu l-produzzjoni tal-ikel kruċjali li hija fil-qalba tal-politika; jemmen li l-fatt li jiġu indirizzati l-kumplessità u l-integrazzjoni tal-PAK huwa wieħed mill-elementi ewlenin biex jiġu attratti parteċipanti ġodda fil-qasam tal-agrikoltura u wkoll biex huma u l-ħiliet tagħhom jinżammu fih sabiex jiġi żgurat is-suċċess tas-settur agrikolu tal-UE fil-futur; jistenna li jittieħdu miżuri mill-programm ta' regolazzjoni aħjar f'dan ir-rigward; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li testendi l-iskadenza għat-talbiet ta' pagamenti diretti b'xahar u jikkunsidra dan bħala pass lejn it-tnaqqis tar-rata ta' żbalji tal-PAK;

4.  Jitlob li tingħata gwida ċara lill-operaturi u biex jiġu applikati sanzjonijiet b'mod proporzjonat b'livell ta' tolleranza għal żbalji żgħar u aċċidentali;

5.  Jemmen li, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-proġett, il-pagamenti ma għandhomx jiġu interrotti meta jiġu identifikati żbalji żgħar u/jew klerikali;

6.  Jemmen li l-iżvilupp u l-amministrazzjoni ta' kontrolli bbażati fuq il-prestazzjoni ma għandhom, bl-ebda mod, isiru sors ta' żieda fl-inċertezza fir-rigward tas-sikurezza tal-provvista tal-ikel tal-UE;

7.  Iħeġġeġ sabiex tingħata gwida iżjed ċara kemm lill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll lill-bdiewa sabiex titnaqqas ir-rata tal-iżbalji;

8.  Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni favur is-simplifikazzjoni tal-PAK bil-kunsiderazzjoni immedjata ta' miżuri li jistgħu jiġu implimentati malajr, peress li dan ikun ta' benefiċċju għall-bdiewa, għall-aġenziji tal-pagament, għall-istituzzjonijiet tal-UE u għall-kontribwenti tat-taxxa; iħeġġeġ ukoll li jitressqu proposti għall-emendi tal-att leġiżlattiv bażiku; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti għas-simplifikazzjoni tal-PAK, filwaqt li tqis il-feedback mill-partijiet interessati fis-settur agrikolu;

9.  Huwa favur it-tisħiħ u l-implimentazzjoni aktar b'saħħitha tal-verifika unika permezz tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' kontroll imwettqa mill-istituzzjonijiet varji, u jitlob li l-piżijiet amministrattivi li jirriżultaw minn verifiki jitħaffew sabiex il-bdiewa ma jiġux soġġetti għal żjarat differenti f'okkażjonijiet separati mill-korpi responsabbli jew għal aktar minn żewġ kontrolli, jew għal kontrolli eċċessivi jew multipli mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Awdituri fl-istess sena, taħt kwalunkwe serje ta' regolamenti jew ir-regolamenti kollha, li b'hekk inaqqas il-piż fuq il-bdiewa billi jitnaqqas l-għadd ta' ispezzjonijiet; jitlob sabiex il-kompiti ta' awditjar u l-kontrolli mwettqa minn korpi ta' ċertifikazzjoni u minn korpi oħra tal-Istati Membri jinġabru flimkien; jinnota li l-parir mogħti kemm mill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll mill-Kummissjoni fil-linji gwida mgħoddija lill-bdiewa għall-implimentazzjoni tal-PAK spiss huwa kontradett mill-kriterji tal-valutazzjoni użati mill-Qorti tal-Awdituri, bir-riżultat ta' multi li huma kemm sproporzjonati kif ukoll sorprendenti;

10. Jiffavorixxi approċċ integrat għall-kontrolli, fejn il-kontrolli kollha neċessarji f'azjenda agrikola speċifika jitwettqu fl-istess żmien, safejn possibbli, sabiex l-għadd ta' żjarat fuq il-post jinżamm baxx u l-ispiża u l-piż finanzjarji u l-ħin meħtieġ konkomitanti għall-amministrazzjonijiet u l-bdiewa jkunu jistgħu jitnaqqsu u l-proċess ta' kontroll jiġi integrat;

11. Jiffavorixxi approċċ ibbażat fuq ir-riskju; jappoġġja l-approċċ li jitnaqqas in-numru ta' kontrolli fl-Istati Membri fejn ir-rata tal-iżbalji jew il-livell ta' nuqqas ta' konformità kien estremament baxx matul perjodu partikolari; ifakkar li għandha tiżdied il-konsultazzjoni dwar l-aħjar prattika u l-kontrolli fl-Istati Membri fejn ir-rata ta' żbalji jew il-livell ta' nuqqas ta' konformità huma għoljin jew qed jiżdiedu, għalkemm għandu jkun hemm marġini ta' tolleranza fl-ewwel sena ta' implimentazzjoni ta' miżuri ġodda kumplessi skont l-aktar riforma reċenti tal-PAK; iħeġġeġ, barra minn hekk, li fejn saru żbalji żgħar jew aċċidentali, il-penali jkunu proporzjonati;

12. Jitlob lill-Kummissjoni temenda l-linji gwida għall-korpi taċ-ċertifikazzjoni biex il-kumpilazzjoni tar-rapporti ta' statistika jiġu vverifikati aktar mill-qrib;

13. Jitlob li jkun hemm tnaqqis fid-daqs tal-kampjun għall-verifiki fuq il-post ta' 3 % għall-pagamenti diretti kollha, peress li, inkella, ikun hemm ir-riskju li jintilef l-iffrankar potenzjali fl-isforzi li jsiru għall-kontrolli;

14. Jemmen li kopertura tal-broadband veloċi 100 % ta' żoni rurali, b'livell sinifikanti ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ fl-użu tiegħu, se tkun għodda essenzjali biex il-bdiewa kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-applikazzjoni l-aktar reċenti tal-PAK u s-sistemi ta' talbiet;

15. Jitlob li jsiru iżjed sforzi biex titnaqqas il-kumplessità tas-sistemi ta' applikazzjoni u l-formoli għall-bdiewa, u jiffavorixxi l-użu akbar tat-teknoloġija tal-e-Government min-naħa tal-Istati Membri, sabiex fil-mument tal-applikazzjoni jiġu evitati l-iżbalji bil-quddiem, li jitlob aċċess għall-internet bil-broadband għall-benefiċjarji; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni toħloq programm li jgħin fl-edukazzjoni ta' bdiewa aktar anzjani; jissottolinja l-investimenti robusti f'netwerks tal-broadband f'żoni rurali u jistieden lill-Istati Membri biex jistinkaw favur id-diġitalizzazzjoni tal-proċess ta' applikazzjoni; ifakkar li l-implimentazzjoni affidabbli tat-teknoloġiji tal-e-Government tirrikjedi li l-Istati Membri jiżviluppaw, jiffinanzjaw jew jikkofinanzjaw din it-teknoloġija;

16. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw programmi ta' diġitalizzazzjoni fir-rigward tar-relazzjoni bejn azjendi tal-gvern u azjendi agrikoli bil-ħsieb li jinkiseb "fajl uniku tal-farm" b'ġestjoni integrata u simultanja tad-data dwar l-għelejjel; huwa tal-fehma li tali simplifikazzjoni taggrega entrati li bħalissa huma ġestiti b'mod separat (pjanijiet tal-għelejjel, pjanijiet individwali tal-assigurazzjoni u logbooks), hekk kif il-farms jagħmlu dikjarazzjoni waħda li mbagħad tinqasam bejn id-dipartimenti tal-gvern, li twassal għal aktar effiċjenza fil-kontrolli minn dawk id-dipartimenti u b'hekk għal riskju inqas ta' żbalji fil-pagamenti u l-integrazzjoni tal-kontrolli fis-sistema;

17. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-korpi governattivi/reġjonali li jittrattaw l-implimentazzjoni tal-PAK il-ġdida jikkomunikaw u jaħdmu flimkien b'mod effettiv għall-benefiċċju tal-bdiewa li jimplimentaw il-politika fuq il-post;

18. Jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tirrikonoxxi, fir-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-baġit mill-Kummissjoni għall-2015, il-grad sinifikanti ta' tibdil fil-PAK – li ma setax japplika b'mod retroattiv – wara r-riforma tal-2013, meta tippreżenta r-rata tal-iżbalji tagħha u r-rimarki ta' akkumpanjament, u li tenfasizza l-grad sa fejn l-Istati Membri huma responsabbli taħt il-ġestjoni kondiviża tal-fondi;

19. Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha responsabbli għall-implimentazzjoni tal-PAK jikkooperaw biex jegħlbu n-nuqqas ta' fiduċja u l-ansjetà marbuta mal-piż konsiderevoli tal-awditjar u l-kontroll li potenzjalment ipoġġu fir-riskju l-iżvilupp u l-innovazzjoni futuri u l-pożizzjoni tas-settur agrikolu tal-UE f'relazzjoni ma' swieq oħra;

20. Jitlob li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki, biex jiġu żgurati l-iżjed kontrolli bla xkiel u l-inqas tfixkil għall-bdiewa.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

35

9

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Paul Brannen, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Jan Huitema, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Giulia Moi, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marit Paulsen, Laurenţiu Rebega, Jordi Sebastià, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jean-Paul Denanot, Jørn Dohrmann, Stefan Eck, Peter Eriksson, Fredrick Federley, Jens Gieseke, Emmanouil Glezos, Maria Heubuch, Norbert Lins, Anthea McIntyre, Momchil Nekov, Sofia Ribeiro


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Louis Aliot, Jonathan Arnott, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Fulvio Martusciello, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici, Benedek Jávor, Julia Pitera, Patricija Šulin

Avviż legali - Politika tal-privatezza