RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli

29.7.2015 - (2015/2005(INI))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Wim van de Camp

Proċedura : 2015/2005(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0246/2015
Testi mressqa :
A8-0246/2015
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli

(2015/2005(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni ‘Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti’(COM(2011)0144),

–       wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku intitolat ʻWhite Paper dwar it-Trasport: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli’ li sar mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu fis-17 ta’ Marzu 2015,

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta' April 2015 intitolat ʻPjan direzzjonali għal żona unika Ewropea ta' trasport – progress u sfidi',

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar il-Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti[1],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2010 dwar futur sostenibbli għat-trasport[2],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 bit-titolu Inżommu lill-Ewropa miexja - Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna[3],

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Frar 2003 dwar il-ʻWhite Paper’ tal-Kummissjoni ʻIl-politika Ewropea tat-trasport għall-2010: il-ħin biex niddeċiedu’[4],

–       wara li kkunsidra l-ʻWhite Paper’ tal-Kummissjoni ʻIl-politika Ewropea tat-trasport għall-2010: il-ħin biex niddeċiedu’(COM(2001)0370),

–       wara li kkunsidra l-Konferenza dwar il-Klima tal-COP 21 li jmiss li se ssir f'Diċembru 2015 f'Pariġi,

–       wara li kkunsidra l-Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija u l-Komunikazzjoni tiegħu bit-titolu "Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li Tħares 'il Quddiem" (COM(2015)0080),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar il-Qafas ta' Politika għall-Klima u l-Enerġija għall-2030;

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija għas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi" (COM(2013)0913),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar is-sikurezza fit-toroq Ewropej 2011-2020[5],

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0246/2015),

A.     billi l-White Paper dwar it-Trasport stabbilixxiet aġenda għat-trasformazzjoni tas-sistema tat-trasport Ewropea u l-ħolqien ta’ Żona Unika Ewropea tat-Trasport;

B.     billi s-settur tat-trasport jirrappreżenta mutur tal-ekonomija tal-UE, li jimpjega madwar 10 miljun persuna u jammonta għal madwar 5 % tal-PGD, li għandu jibqa' fuq quddiem nett fil-ġenerazzjoni ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' xogħol ulterjuri, u jippromwovi l-kompetittività, l-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni territorjali;

C.     billi t-trasport huwa settur fejn l-Ewropa hija mexxejja dinjija, kemm fil-manifattura u fl-operazzjonijiet tat-trasport, u huwa kruċjali li t-trasport Ewropew ikompli jiżviluppa, jinvesti u jiġġedded b'mod sostenibbli, sabiex tinżamm it-tmexxija teknoloġika tagħha fil-livell dinji, tkompli tesporta l-istandards tagħha madwar id-dinja u żżomm il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fil-mezzi kollha tat-trasport f'ekonomija globali dejjem aktar karatterizzata mill-emerġenza ta' atturi ġodda potenti u mudelli ġodda ta' negozju;

D.     billi l-premessi tas-soċjetà tagħna qed jinbidlu bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni, l-urbanizzazzjoni, il-globalizzazzjoni u t-tibdil demografiku, u għandna bżonn bidla fil-paradigmi tal-politika tat-trasport eżistenti li jkunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi tal-futur;

E.     billi t-trasport huwa fundamentali għall-moviment ħieles ta' persuni, oġġetti u servizzi, li fuqhom jissejjes is-Suq Uniku, u l-moviment liberu huwa kemm mutur b'saħħtu għall-integrazzjoni fi ħdan l-Unjoni kif ukoll fattur kruċjali fil-prestazzjoni tal-industrija Ewropea u l-kummerċ;

F.     billi t-trasport ikompli jkun dipendenti kważi b'mod sħiħ fuq il-fjuwils fossili u huwa l-uniku settur fejn l-emissjonijiet ta' gass serra kibru matul l-aħħar 25 sena, u mingħajr it-tnaqqis ekonomiku riċenti t-tkabbir seta' kien anki akbar;

G.     billi hemm ħtieġa urġenti li tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija u s-sostenibilità tas-sistema tat-trasport u titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq iż-żejt u fuq ir-riżorsi tal-enerġija fossili b'mod kosteffiċjenti mingħajr ma tiġi sagrifikata l-kompetittività tagħha u mingħajr trażżin tal-mobilità, f'konformità mal-objettivi stabbiliti fil-White Paper;

H.     billi bijokarburanti sostenibbli avvanzati, b'mod partikolari dawk prodotti minn proċessar ta' skart u residwi konformi mal-ġerarkija tal-ġestjoni tal-iskart[6], jirrappreżentaw potenzjal mhux sfruttat għat-tnaqqis tad-dipendenza tas-sistema Ewropea tat-trasport fuq iż-żejt u biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gass serra mis-settur tat-trasport;

I.      billi huwa essenzjali li jiġi żgurat l-iżvilupp b'suċċess tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) fi ħdan il-perjodi ta' żmien maqbula, biex jorbtu b'mod effettiv in-netwerks tat-trasport tar-reġjuni kollha tal-UE, li jgħaqqdu reġjuni ġeografikament periferiċi maċ-ċentru tal-UE, u biex jelimina differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tal-infrastruttura u tal-manutenzjoni, b'mod partikolari bejn il-Lvant u l-Punent tal-Unjoni;

J.      billi l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport għandu impatt pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kummerċ, u huwa għaldaqstant meħtieġ li jiġu eliminati l-ostakli li jxekklu l-investiment privat fl-infrastruttura tat-trasport;

K.     billi l-infrastruttura tat-trasport ġeneralment tirrikjedi finanzjament fit-tul, u l-livelli ta' investiment naqsu f'dawn l-aħħar snin minħabba nuqqas ta' fiduċja fost dawk li jfasslu l-liġi, żviluppaturi ta' proġetti u s-settur finanzjarju;

L.     billi għal ħafna snin kien hemm nuqqas serju ta' investiment fl-infrastruttura tat-trasport pubbliku madwar l-UE, u billi faċilitajiet imtejba għal persuni bil-mixi, għall-anzjani u għall-passiġġieri b'mobilità mnaqqsa huma parti mill-għanijiet tal-Unjoni u jeħtieġu fondi addizzjonali;

M.    billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-White Paper għandu jkun li tagħmel lin-nies u d-drittijiet tagħhom bħala passiġġieri l-objettiv ċentrali tal-politika tat-trasport;

N.     billi l-innovazzjoni u sistemi tat-trasport intelliġenti għandhom jaqdu rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' suq modern, effiċjenti, sostenibbli u interoperabbli ta' sistema Ewropea tat-trasport li tkun aċċessibbli għal kulħadd;

O.     billi n-netwerks multimodali u l-integrazzjoni ta' mezzi differenti ta' trasport u servizzi huma potenzjalment ta' benefiċċju għat-titjib tal-konnessjonijiet u l-effiċjenza tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u b'hekk jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u emissjonijiet oħrajn li huma ta' ħsara;

P.     billi l-ħolqien ta' Żona Unika Ewropea tat-Trasport ġenwina mhux se tkun possibbli mingħajr l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri u, fejn meħtieġ, is-simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju eżistenti sabiex tiġi żgurata ċarezza ġuridika u infurzar imtejjeb;

Q.     billi jeħtieġ li jiġu eliminati l-ostakli residwi kollha, l-inkompatibilitajiet tekniċi u l-proċeduri amministrattivi ta' piż żejjed li jfixklu l-kisba ta' sistema tat-trasport integrata b'mod sħiħ, u jopponi kwalunkwe miżuri ġodda introdotti mill-Istati Membri li joħolqu ostakli għall-moviment ħieles ta' prodotti u servizzi;

R.     billi ftuħ tas-suq ulterjuri jeħtieġ li jimxi id f'id ma' impjiegi ta' kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, livell għoli ta' servizzi u kompetizzjoni ġusta fl-Istati Membri kollha;

S.     billi l-aħħar rapport tal-Kummissjoni dwar is-Sikurezza fit-Toroq fl-Unjoni Ewropea[7] żvela li l-għadd ta' mwiet fit-toroq tal-Ewropa naqas b'1 % fl-2014, li hija figura ferm baxxa mill-waqgħa ta' 8 % reġistrata fl-2012 u għal darb'oħra fl-2013;

Implimentazzjoni u reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-White Paper

1.      Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex twettaq rieżami ta' nofs it-terminu tal-White Paper, bl-għan li tivvaluta l-progress miksub u tipproponi azzjonijiet ulterjuri biex tilħaq l-objettivi tagħha; jikkunsidra li, filwaqt li għadu kmieni wisq biex jiġi valutat bis-sħiħ l-impatt ta' numru ta' miżuri tal-politika meħuda mill-adozzjoni tal-White Paper, eżerċizzju ta' rendikont huwa meħtieġ biex tinkiseb ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali fl-implimentazzjoni tal-40 inizjattiva u l-131 punt ta' azzjoni elenkati fl-Anness tagħha;

2.      Itenni l-appoġġ tiegħu favur il-miri stabbiliti fil-White Paper u l-"Għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti: parametri ta' referenza għall-ksib tal-mira ta' tnaqqis ta' 60 % tal-gassijiet serra"; jenfasizza li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu għandha għall-inqas iżżomm il-livell ta' ambizzjoni tal-għanijiet stipulati fl-2011 u tipproponi miżuri u inizjattivi konkreti, realistiċi u bbażati fuq evidenza biex iżidu, iħaffu u jissimplifikaw l-isforzi biex jilħquhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta sa fejn il-lista ta' azzjonijiet imniżżlin fil-White Paper hija biżżejjed biex jinkisbu l-għanijiet ġenerali tagħha, u biex tipproponi miżuri leġiżlattivi addizzjonali;

3.      Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet fil-White Paper f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta' Frar 2014 dwar il-qafas għall-politiki għall-klima u l-enerġija għall-2030 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar il-qafas għall-Politika għall-Klima u l-Enerġija għall-2030, u tipproponi miżuri mmirati lejn tnaqqis ulterjuri ta' emissjonijiet mit-trasport, sabiex jgħinu lill-Istati Membri jilħqu b'mod ġenerali "mira vinkolanti tal-UE ta' tnaqqis domestiku ta' mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet tal-gass serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990" ("bit-tnaqqis fis-setturi li jaqgħu taħt l-ETS u s-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS li jammonta għal 43 % u 30 % sal-2030 meta mqabbla mal-2005, rispettivament");

4.      Jenfasizza li l-mira tal-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra mit-trasport għandhom jiġu stabbiliti f'livell li jippermetti l-kisba tal-mira fuq perjodu twil ta' żmien tal-White Paper ta' tnaqqis ta' mill-inqas 60 % fl-emissjonijiet ta' gass serra mit-trasport sal-2050; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġija komprensiva għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport;

Prinċipji ġenerali: bidla modali u komodalità

5.      Jenfasizza li l-politika tal-mobilità sostenibbli Ewropea għandha tibni fuq firxa wiesa' ta' għodod tal-politika biex tersaq lejn il-mezzi tat-trasport li jniġġsu l-inqas u l-aktar effiċjenti fl-enerġija b'mod kosteffiċjenti; jirrimarka li ċ-ċaqliq tal-bilanċ bejn il-mezzi tat-trasport mhux għan aħħari fih innifsu, iżda huwa neċessarju li jisseparaw il-mobilità mill-effetti avversi tagħha bħall-konġestjoni, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, l-inċidenti u t-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi li l-politika ta' bidla modali s'issa ma tatx riżultati sodisfaċenti; jenfasizza, għaldaqstant, li kull mezz ta' trasport għandu jittejjeb u jsir aktar favur l-ambjent, sikur u effiċjenti fl-użu tal-enerġija sabiex jintlaħaq livell għoli ta' mobilità u ta' ħarsien ambjentali;

6.      Jinnota li l-iżvilupp tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija huwa dipendenti ħafna fuq l-użu effettiv tal-mezzi differenti tat-trasport, u li l-politika Ewropea tat-trasport għaldaqstant għandha tkun ibbażata fuq il-komodalità effiċjenti, fejn l-użu tal-aktar mezzi ta' trasport sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għandu jingħata prijorità meta jkun possibbli; jemmen li dan se jwassal għal riallokazzjoni ottimali bejn il-mezzi ta' trasport differenti, u se jipprovdi għal interoperabilità fi ħdan u bejn il-mezzi, jippromwovi trasport aktar sostenibbli u ktajjen loġistiċi u jtejjeb il-flussi tat-traffiku bla xkiel fil-mezzi u n-nodi;

Infrastruttura moderna u finanzjament intelliġenti

7.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tissottometti proposti biex tippjana l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-mezzi kollha tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, permezz tal-applikazzjoni ta' metodoloġija tal-UE komuni, koerenti u trasparenti u filwaqt li tqis l-ispeċifiċità ta' kull mezz, inkluż analiżi koerenti ta' riperkussjonijiet li jkunu diġà ġew internalizzati sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja; jitlob miżuri konkreti biex jiżgura applikazzjoni aktar estiża tal-prinċipji ta' "l-utent iħallas" u ta' "min iniġġes iħallas", inklużi linji gwida u l-aħjar prattiki, u biex kundizzjonijiet ekwi jkunu żgurati bejn il-mezzi tat-trasport, jitneħħew sussidji tat-taxxa dannużi għall-ambjent fejn xieraq, filwaqt li tinżamm il-kompetittività tar-reġjuni kollha tal-UE;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas ġenerali għal skemi ta' tariffi stradali nazzjonali għall-karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief, li għandhom ikunu mhux diskriminatorji lejn residenti ta' pajjiżi terzi u tingħata prijorità lil tariffi bbażati fuq id-distanza; jistieden lill-Istati Membri biex jallokaw id-dħul minn tariffi għall-użu tal-infrastruttura għall-bini u l-manutenzjoni ta' infrastruttura tat-trasport sikura u l-mitigazzjoni ta' problemi ambjentali relatati mat-trasport;

9.      Jenfasizza li t-tlestija tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport jibqa' wieħed mill-prekundizzjonijiet għal sistema tat-trasport multimodali aktar sostenibbli, effiċjenti u mingħajr xkiel u għal distribuzzjoni aktar bilanċjata tal-merkanzija u tal-passiġġieri fost il-mezzi tat-trasport; jenfasizza li l-għażla ta' proġetti eliġibbli għal finanzjament tal-UE għandha tiffoka fuq id-disa' kurituri ewlenin tan-netwerk, it-tlestija tal-konnessjonijiet nieqsa, b'mod partikolari taqsimiet transkonfinali, l-eliminazzjoni ta' konġestjonijiet, it-titjib tal-infrastruttura eżistenti, soluzzjonijiet innovattivi tat-trasport, l-interoperabilità, u l-iżvilupp ta' terminals multimodali u nodi urbani; hija għandha wkoll tagħmel aktar enfasi fuq il-valur miżjud Ewropew, fuq l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' konnettività ta' reġjuni periferiċi, gżejjer, reġjuni muntanjużi u reġjuni l-aktar imbiegħda, u fuq l-appoġġ għal proġetti li jgħaqqdu n-Netwerk ta' Trasport Trans-Ewropew ma' netwerks tal-infrastruttura ta' pajjiżi ġirien u kandidati;

10.    Iqis li l-finanzjament tal-UE għandu jirrifletti l-ħtiġijiet reali tal-investiment għat-tlestija tan-netwerk ewlieni TEN-T sal-2030, u li l-istrument tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u mezzi oħra ta' finanzjament għandhom jistimulaw l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport skont il-kriterji stabbiliti fil-linji gwida dwar it-TEN-T u l-CEF, li jagħti prijorità lil mezzi ta' trasport sostenibbli bħall-ferrovija, l-ilmijiet navigabbli interni u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra; jenfasizza li proġetti kofinanzjati għandhom jirriflettu l-ħtieġa għal infrastruttura li tibbenefika lill-Unjoni f'termini ta' kompetittività u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li tnaqqas l-impatt fuq l-ambjent, li tkun reżiljenti għall-impatt possibli tat-tibdil fil-klima u li tiggarantixxi s-saħħa u s-sikurezza tal-utenti;

11.    Jitlob żieda drastika fil-fondi allokati għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u għal aktar kompetenzi Ewropej fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-finanzjament ta' ppjanar u finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport transnazzjonali;

12.    Jenfasizza li l-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq, li għandha impatt dirett fuq is-sikurezza tat-triq, tvarja b'mod sinifikanti madwar l-UE u li aktar minn 90 fil-mija ta' mwiet minħabba inċidenti tat-triq fl-Istati Membri jseħħu fit-toroq urbani u rurali; jenfasizza li finanzjament effiċjenti ta' din it-tip ta' infrastruttura għandu jiġi promoss permezz ta' politiki u strumenti differenti tal-UE, speċjalment fil-pajjiżi ta' koeżjoni; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' manutenzjoni xierqa tal-infrastruttura eżistenti, inkluż in-netwerk tat-toroq sekondarji;

13.    Jenfasizza li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI), propost mill-Kummissjoni bħala parti mill-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa ta' Juncker, għandu jagħti prijorità lit-trasport sostenibbli u lil proġetti ta' infrastruttura li huma ta' importanza vitali li jagħtu valur soċjetali, ekonomiku u ambjentali għoli, u għandu jimmira lejn proġetti li jippromwovu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja, it-tkabbir fit-terminu twil, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-koeżjoni territorjali, inklużi proġetti urbani sostenibbli u proġetti ferrovjarji, skont l-objettivi tal-politika tat-trasport tal-UE u l-leġiżlazzjoni (Linji gwida TEN-T u CEF); f'dan il-kuntest, mezzi ġodda ta' finanzjament bħal sħubijiet pubbliċi privati u konċessjonijiet jistħoqqilhom aktar attenzjoni u applikazzjoni; jenfasizza li l-proċess għall-għażla ta' proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-EFSI għandu jkun trasparenti u jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti mis-settur pubbliku u privat;

14.    Iqis li l-EFSI għandu jiġi ffinanzjat bħala prijorità minn riżorsi mhux allokati fi ħdan il-baġit tal-UE u biss bħala l-aħħar għażla minn fondi mhux użati ta' programmi taħt l-intestatura 1A tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020; jenfasizza li l-finanzjament tal-fond ta' garanzija għandu jkun rieżaminat fil-qafas tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP tal-2016 u, abbażi tal-analiżi tal-prestazzjoni u rati ta' eżekuzzjoni tal-programmi differenti, l-għażliet alternattivi ta' finanzjament għandhom jiġu identifikati sabiex inaqqsu kemm jista' jkun ir-riallokazzjoni ta' fondi mill-intestatura 1A għall-perjodu 2016-2020; jenfasizza li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jesploraw ukoll modi biex jikkumpensaw, sa fejn l-aktar ikun possibbli għal riallokazzjonijiet mill-programmi tal-UE maqbula fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali bħala sors ta' finanzjament għall-EFSI fis-snin preċedenti għar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP;

15.    Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal strumenti finanzjarji innovattivi li jippermettu li l-infiq pubbliku jiġi ottimizzat permezz ta' mobilizzazzjoni aħjar ta' finanzjament privat, iżda jfakkar li bosta proġetti fis-settur tat-trasport ma jiġġenerawx biżżejjed dħul biex jibbażaw ruħhom esklużivament fuq dawn it-tipi ta' strument, u għalhekk jeħtieġu appoġġ f'forma ta' sussidji;

16.    Jenfasizza li t-tnedija u l-applikazzjoni rapidi ta' sistemi tat-trasport intelliġenti huma meħtieġa biex jippermettu użu aktar effiċjenti, sostenibbli u sikur tal-vetturi u tal-infrastruttura eżistenti u jipprovdu kapaċità addizzjonali mingħajr il-ħin, l-ispiża u t-teħid tal-art meħtieġa għall-kostruzzjoni ta' infrastruttura ġdida; jenfasizza l-importanza ta' użu effikaċi tal-frekwenzi u l-interoperabilità bejn is-sistemi tat-trasport intelliġenti sabiex isiru possibbli l-flussi tat-traffiku bla ostakli fil-mezzi u l-interkonnessjonijiet differenti; jitlob l-implimentazzjoni f'waqtha tal-fażijiet ta' tnedija u esplojtazzjoni tal-Programmi ta' Navigazzjoni Satellitari tal-UE, u l-iżvilupp effettiv tal-applikazzjonijiet tat-trasport fis-sistemi Galileo u EGNOS;

Trasport sostenibbli u mobilità urbana

17.    Jenfasizza li t-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-politika Ewropea tat-trasport; jiddikjara li hemm ħtieġa akuta li tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi tas-sistema tat-trasport b'mod ġenerali, bil-ħsieb li jsir użu aktar effiċjenti mill-kapaċità eżistenti, li ttejjeb ir-rata ta' utilizzazzjoni tal-vetturi u tiżgura li l-finanzjament pubbliku huwa allokat fuq livell nazzjonali u tal-UE għal miżuri bl-aktar impatt għoli;

18.    Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-elettromobilità u sistemi tat-trasport pubbliku tal-elettriku, flimkien mal-introduzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku, li jagħtu prijorità lil elettrifikazzjoni ulterjuri tan-netwerk ferrovjarju u l-promozzjoni ta' tramvieri, karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku (trolleybuses), karozzi elettriċi, mezzi elettriċi b'żewġ/tlieta/erba'-roti, ir-roti elettriċi u dgħajjes żgħar tal-elettriku; jenfasizza l-potenzjal ta' tramvieri moderni tal-ajru (karozzi teleferiċi), bħala mezz tat-trasport irħis u faċli biex jinbena, biex tiġi estiża l-kapaċità tas-sistemi tat-trasport urban pubbliku;

19.    Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-introduzzjoni ta' fjuwils alternattivi u sistemi ta' propulsjoni, b'mod partikolari dawk li kumparata magħhom, l-Ewropa għandha vantaġġ teknoloġiku kbir, sabiex titnaqqas id-dipendenza tat-trasport fuq il-fjuwils fossili, ittejjeb il-kwalità tal-arja u tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass serra; jiddeplora l-fatt li dawn it-teknoloġiji għadhom ma ġewx suffiċjentement imnedija, b'mod partikolari fit-trasport pubbliku;

20.    Jinnota li l-użu tat-trasport pubbliku fiż-żoni urbani mhux iddikjarat b'mod ċar fost l-għaxar għanijiet tal-White Paper; jemmen li l-għan il-ġdid għandu jkun li jirdoppja l-użu tat-trasport pubbliku fiż-żoni urbani sal-2030; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jipprovdu għal faċilitajiet u infrastrutturi li jiffaċilitaw il-mobilità bieb bieb bla periklu għal min juża t-trasport pubbliku, inklużi l-anzjani jew persuni b'diżabilità u ċiklisti li jużaw it-trasport pubbliku għal parti tar-rikba tagħhom; jissottolinja li biex jintlaħaq dan l-għan hemm bżonn ta' investiment xieraq, speċjalment sabiex tiġi żgurata manutenzjoni konsistenti u espansjoni tal-infrastruttura għat-trasport pubbliku; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jipprovdu, finanzjament xieraq, fit-tul u affidabbli għall-proġetti ta' infrastruttura tat-trasport pubbliku urban;

21.    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u lill-partijiet ikkonċernati jutilizzaw l-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE eżistenti u ġodda għat-trasport pubbliku u jiżviluppaw skemi innovattivi ta' sħubijiet pubbliċi-privati; jiġbed l-attenzjoni għal-lezzjonijiet li għandhom jittieħdu mir-Rapport Speċjali (Nru 1/2014) tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, bl-isem "L-effettività tal-proġetti għat-trasport urban pubbliku appoġġati mill-UE", li vvaluta l-implimentazzjoni u l-effettività ta' proġetti ta' trasport urban pubbliku kofinanzjati mill-fondi strutturali tal-UE u sa liema punt dawn jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti u jilħqu l-objettivi tagħhom f'termini ta' utilizzazzjoni;

22.    Jenfasizza l-importanza ta' Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMPs) bħala għodda biex tgħin il-bliet jagħmlu użu aktar effiċjenti mill-infrastruttura tat-trasport u s-servizzi u jtejbu l-integrazzjoni ta' mezzi differenti ta' mobilità b'mod sostenibbli, biex b'hekk jingħata kontribut għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u tat-tniġġis akustiku, l-emissjonijiet tas-CO2, il-konġestjoni u l-inċidenti fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġa l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-SUMPs; jenfasizza li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għandhom jintużaw b'mod aktar sistematiku għall-bliet li żviluppaw pjan integrat ta' trasport lokali, bħal SUMP, u identifikaw l-azzjonijiet xierqa skont il-kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti;

23.    Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-operaturi tat-trasport pubbliku u mal-awtoritajiet sabiex jipprovdu lill-utenti informazzjoni dwar il-vjaġġi permezz ta' mezzi differenti, inkluża informazzjoni dwar il-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilità, u biex taqdi rwol akbar sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattiki madwar l-UE u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għat-titjib tas-sistemi tat-trasport pubbliku urban; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħarsu l-obbligu għal sistemi ta' trasport urban li jgħaqqdu ċentri ta' bliet maż-żoni periferiċi tagħhom;

24.    Jenfasizza li ż-żoni urbani jeħtieġu ċertu livell ta' flessibilità biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt il-liġi tal-UE b'rispett sħiħ tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u biex jiġi żgurat li soluzzjonijiet ta' mobilità huma adattati għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom;

25.    Jenfasizza li l-imġiba tal-utenti tat-trasport hija essenzjali għall-iżvilupp ta' sistema tat-trasport aktar sostenibbli; jitlob li jkun hemm inizjattivi li jimmotivaw u jippermettu lill-utenti, speċjalment liż-żgħażagħ, biex jużaw mezzi tat-trasport aktar sikuri u aktar sostenibbli (il-mixi, iċ-ċikliżmu, inkluż bike sharing u kiri tar-roti, it-trasport pubbliku, car sharing, car pooling), li għandhom ikunu imnedija f'infrastruttura sikura, u għall-ippjanar ta' vjaġġ u informazzjoni f'ħin reali li għandha tkun disponibbli sabiex tiffaċilita l-użu intermodali ta' mezzi differenti ta' trasport permezz ta' Sistemi tat-Trasport Intelliġenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika eżempji tal-aħjar prattika li jikkombinaw diversi mezzi ta' trasport bil-potenzjal li jiġu implimentati f'agglomerazzjonijiet urbani;

26.    Jenfasizza l-ħtieġa għal data aħjar tat-trasport nazzjonali u tal-UE dwar l-imġiba tal-utenti tat-trasport, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-mixi, iċ-ċikliżmu u x-xejriet ta' ivvjaġġar differenzjati skont il-ġeneru, li għandha tintuża mill-awtoritajiet lokali fid-definizzjoni tal-politiki ta' mobilità urbana tagħhom;

27.    Jenfasizza l-importanza li jittieħdu passi biex jiġu appoġġati programmi reġjonali għall-ħolqien u l-espansjoni ta' netwerks taċ-ċikliżmu f'bosta reġjuni Ewropej, sabiex iċ-ċittadini jitħeġġu jieħdu aktar responsabilità fi kwistjonijiet ambjentali, li kulħadd jingħata l-opportunità li juża r-roti, u li jitnaqqas it-tniġġis akustiku, il-konġestjoni u t-tniġġis urban;

28.    Jenfasizza l-importanza li jiġu analizzati l-effetti pożittivi fuq is-soċjetà ta' forom ġodda ta' mobilità appoġġati mill-mudell ta' Ekonomija Kollaborattiva, inkluż ride-sharing; iqis li huwa importanti li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri sabiex isir aġġustament regolatorju sabiex jittieħed kont ta' dawn il-pjattaformi innovattivi ta' mobilità bieb bieb;

29.    Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja s-sitwazzjoni fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-operat ta' kumpaniji tan-netwerk tat-trasport li jqabblu s-sewwieqa mal-passiġġieri (bl-aktar eżempju prominenti jkun l-Uber), u biex twettaq valutazzjoni tal-konsegwenzi legali, soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw mill-operat ta' tali kumpaniji, akkumpanjata, jekk xieraq, minn miżuri jew rakkomandazzjonijiet rilevanti għall-iżvilupp ta' servizzi ġodda fl-Ewropa, filwaqt li jittieħed kont tas-servizzi eżistenti tat-taksi;

30.    Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jipprovdu kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta bejn kumpaniji ta' trasport kondiviżi, taxksis tradizzjonali u kumpaniji tat-trasport bejn belt u oħra fir-rigward ta' konformità mal-leġiżlazzjoni tat-taxxa, is-sikurezza, l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-kundizzjonijiet tal-impjieg;

31.    Jenfasizza li mezzi tat-trasport b'żewġ roti li jaħdmu b'mutur (muturi, skuters u ċiklomuturi) u, dejjem aktar, mezzi tat-trasport b'żewġ jew tliet roti li jaħdmu bl-elettriku, għandhom rwol importanti fil-mobilità sostenibbli, speċjalment f'żoni urbani fejn jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-problemi ta' konġestjoni u ta' parkeġġ kif ukoll jipprovdu soluzzjoni għal loġistika żgħira; jinsisti għaldaqstant li d-disinn speċifiku u l-benefiċċji afferenti ta' dawn il-vetturi għandhom jiġu meħuda inkonsiderazzjoni b'mod adegwat u jiġu riflessi fil-leġiżlazzjoni u fil-linji gwida tal-UE dwar it-trasport;

32.    Jitlob li jkun hemm użu aħjar tal-katina tal-provvista f'żoni urbani; il-vetturi tal-merkanzija urbana jikkontribwixxu b'mod sproporzjonat għat-tniġġis tal-arja u għat-tniġġis akustiku u jkollhom impatt negattiv fuq il-konġestjoni; il-loġistika urbana għandha trawwem it-titjib tat-trasport u l-introduzzjoni kosteffetiva ta' tipi ġodda ta' operazzjonijiet, teknoloġiji u mudelli ta' negozju; għażla aħjar ta' mezzi u vetturi tista' tiżgura li soluzzjoni tat-trasport titqabbel bl-aħjar mod mar-rekwiżiti speċifiċi tal-vjeġġ u l-belt in kwistjoni;

33.    Jenfasizza l-importanza tad-depożiti tal-loġistika li jinsabu fit-tarf ta' żoni urbani, li tippermetti li l-oġġetti jkunu trasportati lejn id-destinazzjoni tagħhom, b'mod koordinat, bl-użu tal-aktar mezzi tat-trasport effiċjenti fl-użu tal-enerġija;

It-tqegħid tan-nies fil-qalba tal-politika tat-trasport

34.    Jitlob, fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq, għal:

–       l-adozzjoni rapida tal-mira għall-2020 ta' tnaqqis ta' 40 % fin-numru ta' nies li jkorru serjament, akkumpanjat minn strateġija tal-UE kompleta; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu mingħajr dewmien id-data statistika rilevanti kollha sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi din il-mira u l-istrateġija,

–       tisħiħ ta' azzjonijiet bl-għan li jitnaqqas in-numru ta' mwiet u korrimenti fit-toroq, b'attenzjoni partikolari għall-kawżi ewlenin, inkluż sewqan taħt l-influenza tal-alkoħol u d-drogi, veloċità eċċessiva, u n-nuqqas ta' użu taċ-ċinturin tas-sikurezza,

–       azzjoni biex tinkiseb il-mira tal-2020 għas-sikurezza fit-toroq ta' inqas minn 15 000 fatalità, permezz tal-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sikurezza fit-triq kosteffikaċi fuq livell tal-UE u nazzjonali,

–       azzjonijiet biex jitnaqqsu l-inċidenti fost l-utenti vulnerabbli, b'mod partikolari l-utenti ta' vetturi b'żewġ roti, il-persuni mixjin fit-triq f'ambjenti urbani u sewwieqa anzjani,

–       miżuri dwar is-sikurezza fit-toroq fi ħdan il-Pakkett tat-Triq u r-rieżami ta' nofs it-terminu dwar il-Programm tal-Kummissjoni għas-Sikurezza fit-Toroq 2011-2020,

–       rieżami tad-Direttiva 2015/413 li tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni transkonfinali dwar il-kontravvenzjonijiet tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, u l-isforzi biex tiġi estiża l-applikazzjoni tagħha fil-pajjiżi ġirien tal-UE,

–       l-estensjoni,fi ħdan ir-reviżjoni tad-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq, tal-erba' miżuri prinċipali għal partijiet oħra tan-netwerk tat-toroq, inklużi l-partijiet kollha tal-awtostradi u t-toroq rurali u urbani,

–       azzjonijiet biex jiġu prijoritizzati, kif issuġġerit mill-Pjan ta' Azzjoni u definit permezz tad-Direttiva Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS) (2010/40/UE), fir-rigward ta' utenti vulnerabbli tat-triq,

–       rieżami tad-Direttiva dwar it-Taħriġ u l-Kwalifika ta' Sewwieqa Professjonali bl-għan li jiċċaraw id-dispożizzjonijiet tagħha, u l-promozzjoni u l-iżvilupp ta' skemi ta' taħriġ wara li tingħata l-liċenzja għall-utenti tal-vetturi kollha,

–       proposta sal-2016 biex tirrevedi r-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali (661/2009) u r-Regolament dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Mexjin (78/2009) sabiex tistabbilixxi regoli mandatorji għad-disinn tal-kabina u s-sikurezza, il-viżjoni diretta, il-prestazzjoni f'każ ta' ħabta u l-ħarsien ta' persuni mexjin, tipprijoritizza lill-utenti vulnerabbli tat-toroq għall-vetturi tqal tal-merkanzija (HGVs),

–       applikazzjoni akbar f'karozzi ġodda tal-passiġġieri u fil-vetturi kummerċjali ta' sistemi ta' sikurezza ta' assistenza għas-sewwieq bħal brejkjar awtomatizzat ta' emerġenza (AEA), twissija mill-bogħod, indikazzjoni ta' ħruġ mil-lejn (LDW), indikaturi tat-tekil tat-tajers, adattament tal-veloċità intelliġenti li jista' jingħeleb (ISA) u l-eCall, flimkien ma' sistemi tat-trasport intelliġenti u kooperattivi,

–       rieżami tat-tielet Direttiva tal-Liċenzja tas-Sewqan, sabiex tintroduċi:

•  taħriġ obbligatorju għas-sewwieqa tal-funzjonijiet ġodda tal-vetturi (sistemi ta' assistenza għas-sewwieq),

•  it-tieni fażi biex tinkiseb liċenzja tas-sewqan,

•  edukazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq tul il-ħajja,

•  test tal-idoneità tas-sewwieqa, u

•  test mediku-psikoloġiku għal dawk li jiksru r-regolamenti tat-traffiku fir-rigward, pereżempju, tal-alkoħol, id-drogi jew l-aggressjoni,

–       konċentrazzjoni ta' alkoħol fid-demm tal-UE armonizzata għal limitu ta' 0.0 għal sewwieqa ġodda matul l-ewwel sentejn u għal sewwieqa professjonali;

35.    Jenfasizza li għalkemm sar titjib sinifikanti fis-sikurezza tat-toroq matul dawn l-aħħar snin, id-differenzi bejn l-Istati Membri għadhom jippersistu u hemm bżonn ta' miżuri ulterjuri biex jinkiseb l-objettiv tal-Viżjoni Żero; jinnota li s-sikurezza fit-toroq timxi id f'id ma' aġir rispettuż tal-utenti kollha tat-toroq, u li l-edukazzjoni fil-familji u l-iskejjel għandu jkollha rwol akbar fil-ksib ta' dan l-objettiv;

36.    Jenfasizza l-ħtieġa għal tlestija tal-qafas leġiżlattiv stabbilit għad-drittijiet tal-passiġġieri b'miżuri li għandhom l-għan li jeliminaw il-lakuni possibbli kollha fil-leġiżlazzjoni, li jkopru passiġġieri fi vjaġġi multimodali u li jiżguraw kompetizzjoni intermodali ġusta, filwaqt li jqisu d-differenzi speċifiċi bejn il-mezzi tat-trasport, ir-responsabilità legali għal taqsimiet individwali tal-vjaġġ u l-interazzjoni bejn il-mezzi differenti; itenni t-talba tiegħu għall-Karta tad-Drittijiet tal-Passiġġieri li tistabbilixxi d-drittijiet fundamentali tal-passiġġieri applikabbli għall-mezzi kollha tat-trasport, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull mezz tat-trasport u li fihom taqsima separata dwar vjaġġi multimodali, sabiex tittejjeb il-viżibilità tar-regoli tal-UE u jiġi żgurat infurzar aħjar; jitlob li jkun hemm inizjattivi li jippromwovu u jagħmlu disponibbli għall-passiġġieri informazzjoni dwar servizzi tal-ivvjaġġar multimodali, tal-ippjanar u ħruġ ta' biljetti; jitlob ukoll, miżuri li jtejbu l-kwalità tat-trasport u li jiffaċilitaw l-aċċessibilità mingħajr ostakli għall-anzjani, għall-passiġġieri b'mobilità mnaqqsa u passiġġieri b'diżabilità u li tingħata aktar attenzjoni lill-bżonnijiet speċjali tal-passiġġieri, bħal dawk taċ-ċiklisti li jġorru r-roti tagħhom fuq il-ferroviji;

37.    Jistieden, b'rabta mad-dritt fundamentali ta' kull persuna għall-mobilità individwali, speċjalment persuni b'diżabilità u l-anzjani, għal aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi ta' assistenza tas-sewwieq xierqa;

38.    Jinnota li t-titjib tad-disponibilità ta' broadband b'xejn jew irħis, netwerks ċellulari, Wi-Fi u servizzi diġitali oħra fuq it-trasport pubbliku u fl-istazzjonijiet ittejjeb il-mobilità personali;

39.    Jitlob Pjan Direzzjonali tal-UE bl-għan li jiġi stabbilit il-qafas għal sistema Ewropea tat-trasport multimodali tal-passiġġieri mingħajr xkiel; Dan il-Pjan Direzzjonali għandu jidentifika il-kurituri multimodali Ewropej tal-passiġġieri fil-qafas tan-netwerk TEN-T, jiġbru flimkien riżorsi pubbliċi u privati, jallinjaw inizjattivi eżistenti u jikkonċentraw l-appoġġ finanzjarju mill-UE;

40.    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwalità tax-xogħol fil-mezzi kollha tat-trasport, partikolarment fir-rigward tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżvilupp tal-karriera, bil-ħsieb li jinħolqu impjiegi ta' kwalità, l-iżvilupp tal-ħiliet neċessarji u t-tisħiħ tal-kompetittività u l-mobilità tal-operaturi tat-trasport fl-UE; jenfasizza l-importanza ta' soluzzjoni għall-kwistjoni tal-fatturat tax-xogħol u ta' ħaddiema li qed jixjieħu fis-settur tat-trasport, u l-ħtieġa urġenti biex ix-xogħol fis-settur jingħamel/isir attraenti għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda;

41.    Jenfasizza l-importanza kruċjali li jkunu żgurati trattament ugwali u ġust, termini u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u ambjent tax-xogħol sikur għall-ħaddiema fil-qasam tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tippreżenta miżuri/inizjattivi konkreti u immedjati biex jindirizzaw l-aspetti soċjali tal-mezzi differenti tat-trasport, bl-għan li jippromwovu impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità għolja għall-ħaddiema tat-trasport u li jiżguraw kompetizzjoni ġusta u mhux distorta bejn l-operaturi tat-trasport; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE mill-Istati Membri fil-mezzi kollha tat-trasport;

42.    Jenfasizza li jinħtieġu miżuri biex tingħata spinta qawwija lill-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tat-trasport, jitneħħew l-ostakli eżistenti, u jiżguraw trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa billi jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti fir-rimunerazzjoni u fl-avvanz;

43.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposti dwar il-ftuħ tas-swieq tas-servizzi tat-trasport kollha jimxu id f'id ma' infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE u, fejn meħtieġ, b'miżuri ta' appoġġ sabiex jiġu evitati d-differenzi bejn il-kundizzjonijiet soċjali fl-Istati Membri differenti; jenfasizza li l-ftuħ tas-swieq tat-trasport m'għandux iwassal għal dumping soċjali, servizzi ta' kwalità inferjuri, servizz pubbliku mnaqqas, piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, prattiki kummerċjali inġusti jew tgħawwiġ tal-kompetizzjoni ġusta; għandu, wkoll, itemm il-frammentazzjoni tas-suq intern u jevita l-ħolqien ta' monopolji jew il-ġirja lejn l-aktar livell baxx rigward il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport;

Sistema tat-trasport kompetittiva, effiċjenti, sikura, integrata u interoperabbli

44.    Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni hija vitali biex ittejjeb l-effiċjenza u l-produttività tas-settur tat-trasport; jenfasizza l-ħtieġa li jsir użu aħjar mill-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali, u biex tippromwovi servizzi tat-trasport ġodda, kif ukoll mudelli ta' negozju u distribuzzjoni ġodda, sabiex jitrawmu t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi pprovdut qafas regolatorju li jippermetti proġetti pilota mmirati lejn it-tnedija ta' trasport awtomatizzat intelliġenti fl-Ewropa; jinnota f'dan ir-rigward l-irwol ewlieni tal-SMEs u n-negozji li jkunu għadhom jibdew fit-trawwim tal-innovazzjoni fis-settur tat-trasport;

45.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tpoġġi l-approċċ integrat (l-interoperabilità, l-interkonnettività u l-intermodalità), inklużi sistemi tal-ICT, fil-qalba tar-rieżami tal-White Paper; ifakkar lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tgħaqqad l-avvanzi teknoloġiċi ma' bidla fl-imġiba sabiex tinkiseb bidla modali ambizzjuża, kif ukoll l-evitar tat-trasport permezz tal-loġistika ekoloġika, għodod xierqa tal-ġestjoni tal-mobilità u l-applikazzjoni tad-diġitalizzazzjoni;

46.    Jenfasizza li politika Ewropea dwar il-mobilità sostenibbli għandha tħares lejn sinerġiji bejn il-mezzi, kurituri u netwerks kollha tat-trasport, u tiffoka fuq il-ħtiġijiet ta' nodi ewlenin, żoni urbani, punti ta' interkonnettività, pjattaformi tat-trasbord u portijiet; il-mobilità għandha tiġi kkunsidrata bħala sistema aktar milli bħala kollezzjoni ta' mezzi individwali;

47.    Jitlob għal standardizzazzjoni ta' unitajiet ta' tagħbija intermodali, li jieħdu in kunsiderazzjoni l-unitajiet ta' tagħbija użati fit-trasport globali u d-dimensjonijiet tal-vetturi tat-trasport, u għal dispożizzjonijiet uniformi dwar tagħbija, sabiex jottimizzaw it-trasport multimodali u titjieb is-sikurezza;

48.    Jinsisti li għandhom jitnaqqsu l-ostakli burokratiċi għall-forom kollha ta' trasport; jitlob simplifikazzjoni u armonizzazzjoni akbar ta' dokumenti u proċeduri amministrattivi u doganali, li għandhom ikunu prattiċi, effiċjenti u fattibbli għall-partijiet kollha tul il-katina loġistika; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għall-istabbiliment ta' qafas elettroniku għat-trasport multimodali tal-merkanzija (trasport elettroniku tal-merkanzija), mingħajr l-użu ta' karti, bi flussi ta' informazzjoni bla xkiel tul il-katina loġistika sħiħa, b'kont meħud tal-għodod u s-sinerġiji eżistenti li jiffunzjonaw tajjeb, l-iżviluppi globali u l-aħjar prattiki;

49.    Jitlob l-introduzzjoni ta' għan ġdid, akkumpanjat mill-miżuri neċessarji, ta' trasferiment ta' 50 % tat-trasport ta' merkanzija perikoluża attwali fi ħdan l-UE lejn mezzi ta' trasport aktar sostenibbli bħat-trasport bil-ferrovija u l-passaġġi tal-ilma interni sal-2030 f'konformità sħiħa mad-Direttiva 2008/68/KE dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi;

50.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika r-regoli għat-trasport intermodali tal-oġġetti perikolużi biex tiġi żgurata l-interoperabilità bejn il-mezzi differenti;

51.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw il-potenzjal u jappoġġaw it-tnedija tat-trasport tal-merkanzija tat-tubu u loġistika ċikliċi/taċ-ċikliżmu? bħala kunċetti promettenti għal sistema tat-trasport sostenibbli;

52.    Jenfasizza r-rwol ewlieni tas-settur tat-trasport fl-iżvilupp tat-turiżmu, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni tal-Unjoni li huma aktar remoti u li attwalment għandhom aċċess diffiċli ħafna;

53.    Jenfasizza li ċentri Ewropej jgħaqqdu l-Ewropa mal-bqija tad-dinja u li l-Ewropa teħtieġ iżżomm il-kollegament dirett tagħha mal-partijiet kollha tad-dinja, billi tipprovdi titjiriet diretti minn trasportaturi Ewropej miċ-ċentri tagħhom għal destinazzjonijiet internazzjonali u ż-żamma tal-impjiegi u t-tkabbir fis-settur Ewropew tal-avjazzjoni; jenfasizza li t-titjiriet fl-UE mhux biss jipprovdu l-mobilità fis-suq intern iżda wkoll għandhom rwol vitali bħala titjiriet li jwasslu lill-passiġġieri fl-ajruporti ċentrali (feeder) biex iżommu konnettività f'dawk l-ajruporti ċentrali tal-UE; il-politika tal-UE trid tiżgura netwerk li twassal lill-passiġġieri fl-ajruporti ċentrali li tkun effiċjenti u kompetittiva biex jissaħħu ċ-ċentri Ewropej billi jitnaqqsu l-ispejjeż globalment għal livelli kompetittivi u tiżgura kompetizzjoni ġusta ma' trasportaturi minn pajjiżi terzi; l-Istati Membri tal-UE għandhom bżonn ta' politika komuni u koerenti sabiex ma jitilfux aktar konnettività diretta bejn l-Ewropa, l-Asja u l-Afrika lejn ċentri fil-Golf u t-Turkija; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, timplimenta dawn l-għanijiet f'kull leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-avjazzjoni u tapplikahom f'negozjati ma' pajjiżi terzi;

54.    Jitlob li jkun hemm politika ta' riċerka u teknoloġija mtejba bl-għan ta' promozzjoni tal-innovazzjoni fis-settur tat-trasport; iqis li din il-politika, li għandha tkun akkumpanjata minn miżuri xierqa ta' finanzjament, għandha titfassal f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi ċ-ċittadini u r-rappreżentanti tal-utenti, sabiex jiġu mifhuma l-ħtiġijiet tas-settur u, għaldaqstant, tittejjeb l-allokazzjoni tal-finanzjament tal-UE, b'mod partikolari permezz tal-programm Orizzont 2020; huwa tal-fehma li għandha tingħata prijorità lill-proġetti b'valur miżjud Ewropew ċar li jimmiraw lejn id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u l-promozzjoni ta' mezzi ta' trasport li huma effiċjenti fl-enerġija (inklużi l-mixi u l-użu tar-roti), tiżdied l-effiċjenza u t-trasparenza tal-katina tal-provvista, titjieb l-aċċessibilità, is-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport, titjieb il-ġestjoni tat-traffiku u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi; huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll għal teknoloġiji li jfixklu l-qasam tat-trasport, pereżempju fil-forma ta' vetturi awtomatizzati jew ikkontrollati mill-bogħod bħal inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ u vetturi mingħajr sewwieqa;

55.    Jitlob l-istess livell ta' sforz fil-qasam tal-edukazzjoni biex jitħeġġeġ il-ħolqien ta' studji u proċessi ta' taħriġ ġodda u, b'mod partikolari fuq livelli professjonali u ogħla, jiffoka fuq ħiliet u professjonijiet ġodda li se joħorġu bħala riżultat ta' mobilità intelliġenti;

56.    Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ ta' programmi ta' qafas tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni sabiex jinkisbu fjuwils aktar nodfa u grad għoli ta' avvanz teknoloġiku, pereżempju fir-rigward ta' bijokarburanti raffinati;

57.    Jitlob fi ħdan il-qafas tal-programm REFIT u matul il-valutazzjoni sussegwenti tal-leġiżlazzjoni Ewropea għal rieżami ġenerali ta' liċenzja tas-sewqan Ewropea u kundizzjonijiet ta' sikurezza u rekwiżiti ta' rappurtar relatati mat-trasport bil-ħsieb li jinkiseb tnaqqis sostanzjali fil-piżijiet amministrattivi;

58.    Jirrikonoxxi l-importanza ta' frekwenzi tar-radju mingħajr interferenza, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-infurzar tal-ħin tas-sewqan u l-perjodi ta' serħan tal-ħaddiema tat-trasport bit-triq u t-tnedija ta' sistemi ta' trasport intelliġenti; jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq, fejn meħtieġ, il-qafas regolatorju rilevanti;

Id-dimensjoni globali tat-trasport

59.    Jenfasizza li l-ħolqien ta' żona Ewropea tat-trasport hija prijorità importanti li tiddependi ħafna fuq l-aċċettazzjoni internazzjonali fil-qafas ta' ftehimiet negozjati globalment mal-imsieħba tal-kummerċ għall-mezzi kollha tat-trasport, b'mod partikolari f'konnessjoni mat-trasport bl-ajru u bil-baħar, u li l-UE għandu jkollha rwol dejjem aktar formattiv fl-entitajiet internazzjonali rilevanti;

60.    Huwa tal-fehma li l-UE għandha żżomm ir-rwol prinċipali tagħha fl-isforzi globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Klima ta' Pariġi tal-2015 (COP21) billi tipprommwovi fil-livell globali d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u l-iżvilupp ta' mezzi tat-trasport sostenibbli u għaldaqstant tikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira miftiehma internazzjonalment li t-tisħin globali jinżamm taħt iż-2 °C;

61.    Jitlob approċċ aktar integrat bejn l-Istati Membri dwar il-possibilità li jiġi applikat il-prinċipju tar-reċiproċità fir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi u għal eżami fi ħdan il-politika ta' finanzjament tal-UE, għat-trasport dwar jekk finanzjament addizzjonali minn pajjiżi terzi huwiex xieraq;

62.    Jenfasizza li l-esplojtazzjoni ta' riżorsi internazzjonali għall-iżvilupp ta' sistema tat-trasport tagħna (żejt, litju, metalli prezzjużi, bijokarburanti) għandha tirrispetta l-interessi leġittimi tal-persuni li jgħixu fiż-żoni minn fejn dawn ir-riżorsi huma nnegozjati u importati;

Integrazzjoni tal-mezzi kollha tat-trasport fi ħdan il-viżjoni ta' sistema tat-trasport aktar effiċjenti, sostenibbli, kompetittiva, aċċessibbli u faċli biex tintuża mill-utent u miċ-ċittadin

63.    Jitlob, fir-rigward tat-trasport bl-ajru:

–       l-indirizzar tal-isfidi ewlenin għall-kompetizzjoni fis-settur tal-ajru Ewropew ikkawżat mit-tnaqqis ta' konnettività diretta bejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja, kapaċità tal-ajruporti limitata fid-dawl ta' żieda futura fit-traffiku tal-ajru, u t-twessigħ tal-firxa tas-servizzi tal-ajru provduti minn kumpaniji li mhumiex tal-UE,

–       li ssir reviżjoni tar-Regolament 868/2004 għas-salvagwardja tal-kompetizzjoni ġusta fir-relazzjonijiet esterni tal-avjazzjoni tal-UE u tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE, l-iżgurar tar-reċiproċità u l-eliminazzjoni ta' prattiki inġusti, inklużi sussidji li jfixklu s-suq,

–       Djalogu tal-Avjazzjoni mal-Istati tal-Golf u mat-Turkija bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza finanzjarja u tiġi salvagwardjata l-kompetizzjoni ġusta; l-inklużjoni tal-'klawsoli tal-kompetizzjoni ġusta' fil-ftehimiet tat-trasport tal-ajru, dispożizzjonijiet dettaljati fuq is-sussidji, prattiki u kompetizzjoni inġusti, u mezz effiċjenti ta' azzjoni fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' dawk id-dispożizzjonijiet,

–       it-tħaffif tal-proċess għall-konklużjoni, fejn meħtieġ, ta' ftehimiet ġodda dwar l-avjazzjoni ma' sħab kummerċjali ewlenin tal-UE bħall-pajjiżi ġirien, BRICs, pajjiżi tal-ASEAN u l-Messiku, inklużi dispożizzjonijiet għal aċċess imtejjeb għas-suq għas-servizzi tal-merkanzija bl-ajru,

–       rieżami tal-politiki fiskali u regolatorji tal-UE u tal-Istati Membri biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-avjazzjoni u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta ma' linji tal-ajru minn pajjiżi terzi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tirrieżamina u telimina kwalunkwe dispożizzjonijiet unilaterali tal-UE li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaġixxu kif xieraq fir-rigward ta' dispożizzjonijiet nazzjonali simili,

–       tlestija tas-suq intern tal-avjazzjoni billi jitneħħew l-ostakli introdotti mill-Istati Membri għat-trasportaturi tal-UE li jixtiequ joperaw mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tagħhom lejn pajjiż terz permezz ta' Stat Membru ieħor,

–       żvilupp koerenti u effettiv ta' netwerk ta' ajruporti tal-UE, li għandu jinkludi, l-ewwel nett, l-ajruporti ewlenin ('hubs') u, it-tieni nett, netwerk moqdi tajjeb, vijabbli u appoġġat ta' ajruporti lokali, provinċjali u reġjonali, li huma essenzjali għat-tkabbir u l-iżvilupp tat-territorji kkonċernati, b'mod partikolari żoni mbiegħda u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, li spiss huma aċċessibbli biss permezz tat-trasport bl-ajru; it-tfassil ta' qafas leġiżlattiv għall-iżvilupp u l-massimizzazzjoni tal-potenzjal mhux sfruttat ta' ajruporti reġjonali u ta' infrastruttura ġdida f'ajruporti ffullati,

–       approvazzjoni ta' proġetti finanzjati mill-UE li huma parti min-netwerk ewlieni TEN-T bħala prijorità,

–       tħejjija bir-reqqa u adozzjoni rapida ta' Pakkett tal-Avjazzjoni komprensiv, inkluż: qafas regolatorju ġdid dwar l-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ li jiżgura s-sikurezza, is-sigurtà u d-drittijiet fundamentali filwaqt li jitrawwem il-potenzjal ekonomiku tal-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ li joffri lin-negozji Ewropej, b'mod partikolari lill-SMEs u n-negozji l-ġodda; ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-EASA biex tikkjarifika r-rwol tagħha vis-à-vis l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni u ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha biex tissorvelja s-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Istati Membri kollha, inklużi reġjuni remoti, u l-promozzjoni ta' regoli u standards tal-UE globalment,

–       l-azzjonijiet kollha meħtieġa mill-Istati Membri biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, permezz tal-adozzjoni tal-pakkett SES2+, l-implimentazzjoni sħiħa u t-tħaddim ta' blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali (FABs) u t-tnedija tas-sistema futura ta' ġestjoni tat-traffiku bl-ajru (SESAR), sabiex isseħħ deframmentazzjoni tal-ispazju tal-ajru tal-UE bil-għan li jitnaqqas id-dewmien tat-titjiriet, tittejjeb is-sikurezza u jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bl-ajru,

–       adozzjoni rapida mill-Kunsill tal-pożizzjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni tar-Regolament 261/2004 u r-Regolament 2027/97 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, u r-Regolament 95/93 dwar l-allokazzjoni ta' slots,

–       eżami mill-Kunsill tal-alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn ir-Renju Unit u Spanja dwar Ġibiltà, li bħalissa qed itellfu bosta fajls leġiżlattivi dwar it-trasport bl-ajru,

–       it-titjib tan-negozjati fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar l-iżvilupp ta' mekkaniżmu bbażat fuq is-suq globali li jindirizza l-emissjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni,

–       l-introduzzjoni ta' kriterji internazzjonali ta' sostenibilità tal-fjuwil tal-avjazzjoni rinnovabbli,

–       appoġġ għal riċerka u żvilupp fl-ajrunawtika permezz tal-programmi Orizzont 2020 u Clean Sky, sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda u aktar nodfa li jirriżultaw f'inġenji tal-ajru inqas storbjużi u aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, għal promozzjoni ta' tipi ġodda ta' inġenji tal-ajru, bħal inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, u biex jinħoloq tkabbir u impjiegi fl-industrija tal-avjazzjoni Ewropea,

–       rieżami bir-reqqa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-istrateġija u l-politiki tagħhom dwar is-sikurezza u s-sigurtà tal-avjazzjoni bil-ħsieb li jimxu gradwalment lejn approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-benefiċċju tal-passiġġieri,

–       it-titjib tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-UE kollha fil-qasam tal-manifattura tal-inġenji tal-ajru, it-taħriġ u l-liċenzjar tal-ekwipaġġ, l-operazzjonijiet ta' titjir, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru,

–       valutazzjoni tal-possibilità ta' miżuri ta' sikurezza meħtieġa biex jiġu evitati inċidenti tal-ajru bħal dak tat-Titjira 9525 tal-Germanwings fl-Alpi li seħħ f'Marzu 2015,

–       proposta tal-Kummissjoni inklużi miżuri biex tittejjeb is-sikurezza u r-regoli soċjali, partikolarment il-ħin ta' titjir u ta' mistrieħ, sabiex tiġi evitata l-għeja u tittejjeb il-kwalità tal-arja tal-kabina,

–       l-iżvilupp ta' sett koordinat ta' regoli li jirregolaw skejjel tat-titjir u r-reġistrazzjoni tas-sigħat ta' titjir għall-bdoti attivi fl-UE, filwaqt li jiġi żgurat kontroll aktar effettiv u l-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-linji tal-ajru,

–       skambju ta' data ġenerali tal-avjazzjoni mal-Eurostat mill-Istati Membri, b'mod partikolari dwar in-numru ta' ajruplani, bdoti u sigħat ta' titjir sabiex jittejbu r-regolamenti applikabbli, b'enfasi speċjali fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni,

–       djalogu soċjali kostruttiv bejn il-partijiet ikkonċernati fl-avjazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda li jirriżultaw mill-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda li se jeħtieġu l-impjiegi fis-settur tal-avjazzjoni biex jadattaw kif meħtieġ,

–       miżuri kontra ż-żieda ta' prattiki ta' negozju soċjalment problematiċi bħal "bnadar ta' konvenjenza" u l-forom differenti tal-impjieg atipiċi u l-esternalizzazzjoni; reviżjoni tar-Regolament 1008/2008 biex jiġi żgurat l-infurzar xieraq u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi għal-linji tal-ajru b'bażijiet operattivi fit-territorju tal-UE; definizzjoni riveduta tal-"post prinċipali tan-negozju" ta' kumpanija sabiex ikun rekwiżit li l-linji tal-ajru jevidenzjaw attivitajiet tal-avjazzjoni sostanzjali f'pajjiż; rakkomandazzjonijiet tal-EASA li jirrikjedu li mill-inqas 50 fil-mija tat-tekniċi tal-manutenzjoni jkunu impjegati direttament, li jkopri l-kategoriji kollha ta' persunal ta' fuq l-art, tal-bdoti u tal-ekwipaġġ tal-kabina;

64.    Jitlob, fir-rigward tat-trasport bit-triq, għal:

–       oqfsa effikaċi ta' politika nazzjonali mmirati lejn l-iżvilupp tas-suq fir-rigward tal-użu ta' vetturi elettriċi u fjuwils alternattivi (l-elettriku, l-idroġenu, il-gass naturali (gass naturali kkompressat (CNG) u gass naturali likwifikat (LNG), il-gass likwifikat miż-żejt (LPG), il-fjuwils sintetiċi u paraffiniċi, u bijokarburanti sostenibbli, speċjalment dawk prodotti mill-ipproċessar ta' skart u residwi, inkluż l-etanol abbażi tal-melassa), u t-tnedija rapida ta' infrastruttura meħtieġa ta' riforniment ta' karburnat/irriċarġjar; l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn proġetti eżistenti fl-Istati Membri differenti fir-rigward tas-suq għal fjuwils alternattivi u d-distribuzzjoni fil-bliet; Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-implimentazzjoni tal-istrateġija deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Enerġija nadifa għat-trasport: strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi" sabiex jinkiseb l-usa' użu possibbli ta' fjuwils alternattivi għat-trasport, u biex tippromwovi mobilità elettrika sostenibbli madwar l-Unjoni kollha,

–       żieda globali ta' 40 % sal-2020, meta mqabbla maċ-ċifri tal-2010, fin-numru ta' postijiet sikuri għall-ipparkjar ta' vetturi heavy-duty fin-netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew (TERN) u jkun hemm titjib fil-kwalità u fl-istandards tal-iġjene tagħhom,

–       inizjattivi biex jiżguraw l-interoperabilità ta' sistemi tal-pedaġġ tat-toroq elettroniċi,

–       evalwazzjoni mill-Kummissjoni tad-diversi skemi ta' nollijiet tat-toroq għall-karozzi u l-kompatibilità tagħhom mat-Trattati tal-UE, b'mod partikolari l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni abbażi tar-residenza,

–       l-approvazzjoni bħala prijorità ta' proġetti ta' infrastruttura finanzjati mill-UE li tikkompleta n-netwerk tat-toroq li hija parti min-netwerk ewlieni tat-TEN-T,

–       pjan direzzjonali tal-UE biex iċ-ċikliżmu jiġi inkluż fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016,

–       proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi limiti obbligatorji fuq il-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vannijiet ġodda għall-perjodu lil hinn mill-2020, li żżomm trajettorja fit-tul ċara ta' tnaqqis fl-emissjonijiet,

–       it-tlestija fil-ħin ta' għodda ta' simulazzjoni li tkejjel b'mod preċiż, affidabbli u kosteffikaċi l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas- CO2 ta' vetturi heavy-duty (trakkijiet, xarabanks u kowċis), li għandha tiġi segwita, jekk dan ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi limiti obbligatorji fuq il-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty li jkunu għadhom kif ġew irreġistrati, kif diġà huwa l-każ għall-karozzi u l-vannijiet; miżuri ulterjuri biex jinċentivaw l-introduzzjoni fis-suq tal-aktar vetturi effiċjenti u jippromwovu l-aħjar prattiki biex jitnaqqas il-konsum tal-fjuwil,

–       miżuri li jżidu l-effiċjenza tal-fjuwil, u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty, inkluż użu ulterjuri ta' taħriġ f'sewqan ekoloġiku, loġistika tat-trasport imtejba u infrastruttura intelliġenti, u użu akbar ta' fjuwils alternattivi,

–       ċiklu rivedut tal-ittestjar, b'rekwiżiti tal-ittestjar għall-konformità aktar robusti għall-kejl tas-CO2 u tal-emissjonijiet minn vetturi ta' sustanzi li jniġġsu, li jissostitwixxi ċ-"Ċiklu Ġdid tas-Sewqan Ewropew" attwalment użat, li jiżgura li l-emissjonijiet u l-konsum tal-fjuwil tal-vetturi huma mkejla permezz ta' proċedura ta' ttestjar li tirrifletti l-kundizzjonijiet reali tas-sewqan,

–       biex il-Kummissjoni tibda taħdem mingħajr dewmien żejjed dwar ir-rieżami tad-Direttiva 2015/719 dwar piżijiet u dimensjonijiet massimi awtorizzati, b'tali mod li, sa mhux aktar tard mill-2020, rapport ikun jista' jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jqis ukoll karatteristiċi speċifiċi ta' ċerti setturi tas-suq bħalma huma trasportaturi speċjalizzati tal-karozzi użati fi ħdan is-settur ta' loġistika tal-vetturi rfinuti,

–       l-adozzjoni ta' kodiċi soċjali għall-ħaddiema mobbli tat-trasport bit-triq, u l-indirizzar ukoll tal-problemi tal-impjieg indipendenti moħbi, biex titqies aħjar in-natura partikolari ta' ħaddiema fit-trasport internazzjonali bit-triq u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta,

–       infurzar aħjar, evalwazzjoni u, jekk meħtieġ, kjarifika jew rieżami ta' regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ir-Regolament 1072/2009),

–       miżuri biex jiżguraw il-konformità ta' dispożizzjonijiet nazzjonali mal-liġi tal-UE fil-qasam tat-trasport transkonfinali,

–       il-kunsiderazzjoni tal-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea għat-Trasport bit-Triq biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tippromwovi l-istandardizzazzjoni fl-Istati Membri kollha,

–       miżuri biex tkun żgurata ċ-ċarezza ġuridika u implimentazzjoni aħjar ta' regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet soċjali u tal-benessri, il-pagi u r-responsabilità soċjali, sabiex jiġu garantiti standards soċjali għoljin fit-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE kollha; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri kontra prattiki illegali li jwasslu għal kompetizzjoni inġusta u dumping soċjali; it-trasport tal-merkanzija bit-triq għandu jitqies bħala settur speċifiku, minħabba l-mobilità għolja tal-ħaddiema tiegħu u l-ħtieġa tas-sewwieqa li jgħaddu l-perjodi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa f'darhom,

–       l-aġġustament tal-applikazzjoni tal-prinċipji tas-suq intern li effettivament jisseparaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi mil-libertà tal-istabbiliment, bl-għan li jiġi żgurat li attivitajiet minn impriża fi Stat Membru li mhix stabbilita fih ikunu strettament temporanji;

65.    Jitlob, fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, għal:

–       tlestija taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea permezz tal-adozzjoni rapida tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju, l-iżgurar ta' twessiegħ bilanċjat tas-suq domestiku tal-passiġġieri ferrovjarji, l-indipendenza tal-maniġers tal-infrastruttura, permezz ta' sejħiet għal offerti kompetittivi għal kuntratti ta' servizz pubbliku, l-ogħla livell ta' sikurezza ferrovjarja u interoperabilità, u riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti għall-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea sabiex jiġi żgurat li tkun kompletament operattiva u tkun f'pożizzjoni li twettaq il-missjoni tagħha bħala punt uniku ta' servizz għall-awtorizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-vetturi; ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju għandu jiżgura livell għoli ta' kwalità u effiċjenza tas-servizzi ferrovjarji, iħares l-ekwilibriju ekonomiku tal-obbligi tas-servizz pubbliku u jippromwovi standards għoljin għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-koeżjoni territorjali; l-adozzjoni tiegħu għandha tkun segwita minn traspożizzjoni u implimentazzjoni rapidi mill-Istati Membri,

–       l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' strateġija ferrovjarja tipproponi miżuri ġodda biex jintlaħqu l-miri ta' tibdil minn mezz ta' trasport għal ieħor għall-2030 u l-2050 kif stabbilit fl-"għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi" tal-White Paper,

–       finanzjament solidu, suffiċjenti, trasparenti u prevedibbli fit-tul, b'regoli u proċeduri simplifikati għal aċċess għal finanzjament tal-UE, sabiex tittejjeb il-kwalità u l-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali u transkonfinali, li tingħata prijorità liż-żamma u t-titjib tal-infrastruttura eżistenti, u li tippermetti l-għoti ta' servizzi affidabbli, sikuri, aċċessibbli u sostenibbli minn operaturi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri,

–       analiżi dettaljata tar-raġunijiet li għalihom iż-żona ferrovjarja Ewropea hija karatterizzata minn għadd kbir ta' konnessjonijiet neqsin bejn il-fruntieri tal-Istati Membri; jitlob li jittieħdu miżuri u inċentivi mill-Kummissjoni biex tingħata ħajja ġdida bħala kwistjoni tal-akbar urġenza għal konnessjonijiet transkonfinali ferrovjarji lokali, reġjonali u nazzjonali li kienu ġew żarmati jew abbandunati matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-perjodu ta' wara l-gwerra, minkejja l-interess ekonomiku jew l-utilità tagħhom lill-pubbliku, kif ukoll tal-bini urġenti ta' dawk li ġew ippjanati iżda ma tlestewx, sabiex jitneħħew l-ostakli eżistenti u l-kollegamenti nieqsa f'reġjuni transkonfinali; tiġdid u manutenzjoni ta' linji ferrovjarji sekondarji li jwasslu għal netwerks ewlenin nazzjonali u kurituri Ewropej; inizjattivi biex jinsabu funzjonijiet ġodda, għal netwerks mhux użati bħal tat-trasport ta' merkanzija jew dawk li jipprovdu servizzi ġodda għat-turisti,

–       titqies prijorità l-approvazzjoni ta' proġetti ta' infrastruttura finanzjati mill-UE li jikkompletaw in-netwerk ferrovjarju li huwa parti min-netwerk ewlieni TEN-T u l-proġetti approvati taħt is-CEF,

–       jitwessa' r-rwol tal-Kummissjoni sabiex tikseb tlestija effettiva u rapida tal-kurituri ferrovjarji tat-TEN-T, li kienu ppjanati iżda posposti mill-Istati Membri minkejja l-utilità tagħhom f'termini soċjali u ekonomiċi,

–       studju ta' ġbir ta' informazzjoni dwar benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta' appoġġ kontinwu għal servizzi ferrovjarji nazzjonali u internazzjonali ta' matul il-lejl, u, fejn xieraq, tiġdid ta' dawn is-servizzi, kif ukoll ta' servizzi transkonfinali interurbani, pereżempju fil-kuntest ta' obbligi ta' servizz pubbliku u proċeduri tal-offerti,

–       l-azzjonijiet kollha meħtieġa mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati għall-implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta Shift2Rail, sabiex titħaffef l-integrazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati f'soluzzjonijiet ta' prodotti ferrovjarji innovativi, it-trasport ferrovjarju jsir iżjed attraenti u jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-industrija ferrovjarja Ewropea,

–       azzjonijiet immirati lejn netwerk ferrovjarju Ewropew ġenwinament interoperabbli, tnaqqis ta' ostakli tekniċi persistenti, il-promozzjoni ta' soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu li l-ferroviji jużaw binarji ta' wisa' differenti, u li jiġi żgurat li r-restrizzjonijiet differenti għall-għoli fl-UE ma jikkostitwixxux ostaklu addizzjonali,

–       it-tnedija tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) fuq il-kurituri kollha tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T bħala prijorità, inkluż it-tagħmir korrispondenti abbord il-lokomotivi,

–       l-implimentazzjoni rapida tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 rigward l-istabbiliment ta' kurituri ferrovjarji internazzjonali għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva, u l-iżvilupp jew it-titjib ta' One-Stop Shops (OSS) għall-koordinazzjoni ta' dawn il-kurituri,

–       it-tnaqqis ta' storbju tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija billi l-vaguni tal-merkanzija jiġu modifikati u tittejjeb l-infrastruttura ferrovjarja permezz ta' finanzjament pubbliku mmirat; preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' proposta li tipprovdi għal projbizzjoni fl-UE kollha ta' vaguni merkantili eċċessivament storbjużi sal-2020,

–       l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' ħruġ ta' biljetti integrati fit-trasport ferrovjarju nazzjonali u internazzjonali, u l-eliminazzjoni ta' tariffi żejda applikabbli għall-ferroviji tal-passiġġieri li jivvjaġġaw b'mod transkonfinali,

–       it-tneħħija tal-ostakli li jipprevjenu li l-industrija ferrovjarja Ewropea (manifatturi ta' vetturi ferrovjarji, infrastruttura ferrovjarja u s-sistemi tas-sinjalazzjoni) milli tagħmel offerti għal kuntratti pubbliċi f'pajjiżi li mhumiex fl-UE;

66.    Jitlob, fir-rigward tat-trasport marittimu:

–       miżuri biex jiffaċilitaw il-formalitajiet għall-vapuri li joperaw bejn portijiet tal-UE bl-għan li tiġi stabbilita bażi reali ta' Spazju tat-Trasport Marittimu Ewropew mingħajr Ostakli ("Blue Belt"),

–       koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet marittimi u doganali fil-livelli kollha biex jissimplifikaw il-flussi ta' informazzjoni u jillimitaw piżijiet amministrattivi u formalitajiet tad-dwana mhux meħtieġa,

–       miżuri biex jiġi żviluppat il-potenzjal ta' awtostradi tal-baħar bħala parti min-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport,

–       miżuri addizzjonali biex jinżamm u jiġi żviluppat ulterjorment trasport bil-baħar ta' kwalità, attraenti, sikur u sostenibbli u biex jiġu żgurati swieq marittimi miftuħin u aċċess għal tagħbijiet ta' merkanzija mingħajr restrizzjonijiet,

–       miżuri għall-appoġġ u l-koordinazzjoni tal-adattament ta' port gateways u sistemi loġistiċi għal bastimenti akbar u għall-promozzjoni ta' konnessjonijiet aħjar tal-portijiet, b'mod partikolari bil-ferrovija u bil-passaġġi tal-ilma interni; l-iffaċilitar ta' investimenti fil-portijiet permezz tal-mobilizzazzjoni ta' sorsi varji ta' finanzjament tal-UE sabiex tiżdied il-kapaċità ta' portijiet tal-UE, titjieb l-infrastruttura eżistenti, jiġu żviluppati terminals multimodali u l-promozzjoni tal-ħolqien ta' portijiet intelliġenti li jużaw sistemi tat-trasport intelliġenti, u bliet portwali intelliġenti; miżuri li jtejbu l-infrastruttura tal-portijiet marittimi, b'mod partikolari fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed, sabiex jittrasferixxu l-merkanzija mit-triq għall-baħar f'dawk l-oqsma,

–       assigurazzjoni li portijiet marittimi tan-netwerk ewlieni għandhom ikunu konnessi mal-infrastruttura tat-trasport bil-ferrovija u dak bit-triq u, fejn possibbli, mal-passaġġi tal-ilma intern tal-infrastruttura tat-trasport tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport sal-2030, ħlief meta tali konnessjoni tiġi ostakolata minn restrizzjonijiet fiżiċi,

–       aktar ċarezza u koerenza dwar l-applikazzjoni ta' regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-portijiet sabiex jinħoloq ambjent pragmatiku, prevedibbli u stabbli li jippermetti strateġiji ta' investiment portwali li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi u jnaqqas l-iskadenzi proċedurali,

–       avvanz mal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi qafas dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi portwali u t-trasparenza finanzjarja tal-portijiet, sabiex tiġi mmodernizzata u titjieb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tal-port, tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jinħolqu kundizzjonijiet ta' qafas biex jiġi attirat l-investimenti fil-portijiet,

–       l-istabbiliment ta' mira vinkolanti globali fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) biex jintlaħaq l-għan tal-White Paper ta' tnaqqis ta' mill-inqas 40 % tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-fjuwils tal-bunkers marittimi sal-2050, biex tiġi appoġġata permezz ta' mira tal-UE għall-2030; it-titjib tan-negozjati fi ħdan l-IMO dwar l-iżvilupp ta' mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq li jindirizza l-emissjonijiet marittimi internazzjonali, bħal mekkaniżmu tal-ipprezzar tal-emissjonijiet; fil-każ li jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar sistema globali ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika (MRV) għall-emissjonijiet ta' gass serra jew dwar miżuri globali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass serra mit-trasport marittimu, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan ir-Regolament (UE) 2015/757 u għandha, jekk xieraq, tipproponi emendi għal dan ir-Regolament sabiex tiżgura l-allinjament ma' dak il-ftehim internazzjonali,

–       kunsiderazzjoni tal-estensjoni tal-limiti tal-kubrit għall-fjuwils tal-baħar applikabbli għal Żoni tal-Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidi tal-Kubrit (SECAs), u regoli rilevanti tal-IMO, għall-ispazju marittimu Ewropew kollu,

–       promozzjoni ta' teknoloġiji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-miżuri għall-effiċjenza tal-enerġija permezz ta' inċentivi finanzjarji u miżuri ta' appoġġ immirati, b'enfasi partikolari fuq l-użu ta' fjuwils alternattivi, kif ukoll il-promozzjoni ta' miżuri slow-steaming, li huma rrappurtati li għandhom potenzjal kbir biex jitnaqqsu l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet ta' gass serra,

–       azzjonijiet li jappoġġjaw it-tnedija ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-portijiet marittimi u ta' ilmijiet interni, inkluż il-provvista ta' faċilitajiet ta' riforniment tal-LNG u l-elettriku mill-art,

–       proposta leġiżlattiva għall-immodernizzar tal-leġiżlazzjoni tas-sikurezza tal-passiġġieri fuq il-bastimenti; implimentazzjoni aħjar u, jekk ikun xieraq, ir-rieżami tat-Tielet Pakkett ta' Sikurezza Marittima sabiex issaħħaħ il-prevenzjoni tal-inċidenti fuq il-baħar u l-ġestjoni tal-konsegwenzi tagħhom,

–       proposta leġiżlattiva bl-għan li jiġi ċċarat ir-reġim ta' responsabilità u ta' kumpens minħabba l-fenomenu dejjem jikber ta' kontejners li jintilfu fuq il-baħar, ibbażat fuq sistema li tippermetti l-identifikazzjoni tas-sidien ta' kontejners bħal dawn;

67.    Jitlob, fir-rigward tal-passaġġi tal-ilma interni:

–       l-istabbiliment ta' qafas xieraq biex jiġi ottimizzat is-suq intern għat-trasport fil-passaġġi tal-ilma interni u t-tneħħija tal-ostakli li jipprevjenu li jintuża aktar,

–       implimentazzjoni sħiħa tal-programm ta' azzjoni Naiades II, b'attenzjoni speċjali għall-infrastruttura, it-tnedija u l-innovazzjoni ta' servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar; valutazzjoni tal-programm sal-2017, u, jekk meħtieġ, adattament tal-miżuri proposti biex jiżgura li l-objettivi tal-programm jiġu milħuqa,

–       approvazzjoni ta' proġetti finanzjati mill-UE rigward passaġġi tal-ilma interni li huma parti min-netwerk ewlieni TEN-T,

–       titjib u manutenzjoni xierqa matul is-sena kollha, u l-eliminazzjoni ta' konġestjoni f'passaġġi tal-ilma interni li huma parti mill-kurituri tan-netwerk ewlieni TEN-T sal-2025, f'konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, sabiex jiġu salvagwardjati l-livelli ta' servizz adegwat,

–       appoġġ akbar mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fit-trasport permezz ta' passaġġi tal-ilma interni taħt l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-użu ta' fjuwils alternattivi u adattament tekniku u ambjentali tal-flotta sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra,

–       l-integrazzjoni tat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni fit-trasport u l-loġistika multimodali, kif ukoll fi pjanijiet u politiki ta' mobilità urbana sostenibbli fil-bliet Ewropej li minnhom jgħaddu passaġġi tal-ilma, u t-titjib tar-rwol ta' portijiet interni fid-distribuzzjoni ta' merkanzija fil-bliet,

–       rieżami rapidu tad-Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS), li jiżgura tnedija sħiħa tar-RIS sal-2020 u konnessjoni għal sistemi tat-trasport intelliġenti kooperattivi oħrajn,

–       konverġenza, fejn xieraq, tal-governanza u s-sistemi regolatorji fuq ir-Renu u d-Danubju li tiżviluppa sistema tat-trasport effiċjenti, multimodali u sostenibbli fuq passaġġi tal-ilma interni ewlenin tal-Ewropa,

–       involviment tal-Kummissjoni fl-allokazzjoni ta' fondi tal-UE u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta' proġetti inkluża fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju,

–       proposta leġiżlattiva dwar ir-rikonoxximent u l-modernizzazzjoni ta' kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni fl-ilmijiet interni u l-kunsiderazzjoni tal-miżuri li jattiraw liż-żgħażagħ lejn dan is-settur;

°

°         °

68.    Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-proposti li jinsabu f'din ir-riżoluzzjoni fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-White Paper u f'inizjattivi futuri fil-qasam tat-trasport;

69.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-progress sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-White Paper, u biex tirrapporta annwalment dwar l-implimentazzjoni tagħha;

70.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 72.
  • [2]  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 13.
  • [3]  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 556-561.
  • [4]  ĠU C 43 E, 19.2.2004, p. 250-259.
  • [5]  Testi adottati, P7_TA(2011)0408.
  • [6]  Kif definit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi.
  • [7]  Is-sikurezza fit-toroq fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, Marzu 2015.

NOTA SPJEGATTIVA

Fil-White Paper tagħha dwar it-Trasport[1]tal-2011, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat strateġija tal-futur ambizzjuża għal sistema tat-trasport kompetittiva bl-għan li żżid il-mobbiltà, tneħħi l-ostakli ewlenin fiż-żoni prinċipali u tippromwovi t-tkabbir u x-xogħol. Fl-istess ħin, il-proposti jimmiraw biex inaqqsu b’mod drammatiku d-dipendenza tal-Ewropa fuq iż-żejt importat u jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport b’60% sal-2050.

Ir-Rapporteur itenni l-appoġġ tal-Parlament Ewropew għall-implimentazzjoni effettiva ta-White Paper dwar it-Trasport. Is-sempliċi qari tal-għaxar għanijiet stipulati fil-White Paper, b’appoġġ tal-viżjoni globali biex tinkiseb sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fir-riżorsi (parametri għall-kisba tal-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass serra ta’ 60%), turi li, għalkemm ix-xogħol tagħna beda, l-isforzi kbar meħtieġa biex tiġi ttrasformata s-sistema tat-trasport tal-UE jinsabu quddiemna,

Li jiġu solvuti l-akbar problemi identifikati fil-White Paper ifisser li jintlaħqu għanijiet diffiċli ħafna sal-2050, u dawk ta’ sfida sal-2020/30. It-trasformazzjoni tat-trasport u li jsir aktar effiċjenti, aktar nadif, aktar sikur u aktar affidabbli mhux se jkunu possibbli b’numru żgħir ta’ intervenzjonijiet magħżula biss. It-trasport huwa sistema kumplessa li huwa bbażat fuq l-interazzjoni tal-infrastruttura, tal-vetturi, tat-teknoloġija informatika, tar-regoli u tal-imġieba. Dawn l-elementi kollha għandhom ikunu parti minn viżjoni komuni għal bidla. Għalkemm l-Unjoni Ewropea għandha (u għandha tuża) l-poter biex tifforma l-politiki tat-trasport futuri tagħna, f’ħafna oqsma l-intervent Ewropew mhux se jkun biżżejjed. Azzjoni komplementari b’mod reċiproku se tkun meħtieġa fuq livelli ta’ gvern nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll miċ-ċittadini u mill-industrija nfushom.

Qabel ma nħarsu lejn il-futur, ikun utli li jitqiesu l-iżviluppi fil-passat reċenti. Filwaqt li għadu kmieni wisq biex jiġi evalwat bis-sħiħ l-impatt ta’ numru ta’ miżuri tal-politiki meħuda mill-adozzjoni tal-White Paper, eżerċizzju ta’ rendikont huwa meħtieġ biex tinkiseb ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali fl-implimentazzjoni tal-40 inizjattiva u l-131 punt ta’ azzjoni elenkati fl-Anness tagħha.

Aktar importanti minn hekk, huwa neċessarju li jiġi evalwat sa liema punt il-lista ta’ azzjonijiet stipulati fl-Anness tal-White Paper huma biżżejjed biex jintlaħqu l-miri komprensivi tagħha. B'mod globali, jidher li hemm lakuna sinifikanti bejn l-għanijiet u l-mezzi li bihom se jintlaħqu u jiġu finanzjati. Il-miri ambizzjużi ħafna jidhru diffiċli ħafna biex jintlaħqu, sakemm ma jkunux appoġġjati minn pjan aktar dettaljat u solidu, marbut ma’ miri realistiċi u operabbli ta’ terminu qasir u medju tul it-triq lejn l-għanijiet fit-tul (2050).

1. IL-ĦTIEĠA GĦAL SISTEMA TAT-TRASPORT ROBUSTA U KOMPETITTIVA F’AMBJENT GLOBALI

L-ekonomija globali hija dejjem aktar karatterizzata mill-emerġenza ta’ atturi qawwija ġodda. L-atturi ekonomiċi Ewropej għandhom jikkonfrontaw numru kbir ta’ kompetituri globali. Id-Dinja miexja ’l quddiem fl-oqsma kollha u l-bidliet kbar proposti fil-White Paper m’għandhomx jitqiesu biss bħala opportunità biex tiżdied l-effiċjenza, iżda wkoll bħala kundizzjoni neċessarja għaż-żamma tal-kompetittività tas-settur tat-trasport u l-loġistika Ewropew li għandu jibqa’ waħda mill-magni tat-tkabbir tal-Ewropa.

Bosta kumpaniji Ewropej huma mexxejja dinjija tal-infrastruttura, tal-loġistika, tas-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku u tal-manifattura tat-tagħmir tat-trasport. Iżda kif reġjuni oħra tad-dinja qed iniedu programmi ta’ investiment tal-infrastruttura tal-modernizzazzjoni tat-trasport ambizzjużi, huwa kruċjali li t-trasport Ewropew ikompli jiżviluppa u jinvesti biex iżomm il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu.

Kumpaniji tal-UE jiffaċċjaw numru ta’ restrizzjonijiet meta jippruvaw jespandu n-negozji tagħhom fi swieq terzi. F’dan il-kuntest, li żżid l-aċċess tas-suq għall-prodotti tal-industrija tat-trasport tal-UE għandu jmur id f’id mal-isforzi biex jiġu eliminati l-ostakli kummerċjali. Il-promozzjoni ta’ standards kondiviżi soċjali u ambjentali hija meħtieġa biex tippermetti li s-settur tat-trasport isir verament globali u biex tevita l-kompetizzjoni inġusta, filwaqt li hemm ħtieġa li jiġu adottati standards tekniċi fuq bażi dinjija (li jistgħu jkunu bbażati fuq dawk tal-UE) biex isaħħu l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-industrija tat-trasport kollha kemm hi. L-UE għandha żżomm il-mira lejn aċċess akbar għas-suq fit-trasport fin-negozjati internazzjonali rilevanti kollha.

2. KOMPETIZZJONI LI TIKBER FL-AVJAZZJONI INTERNAZZJONALI

Il-pożizzjoni ġeografika tal-Ewropa tippermetti s-sistema tat-trasport tal-ajru Ewropea mhux biss biex tgħaqqad iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej mal-bqija tad-dinja, iżda wkoll biex tkun ċentru tat-trasport tal-ajru internazzjonali. Madankollu, il-pożizzjoni kompetittiva tal-linji tal-ajru tal-UE jiffaċċjaw bosta sfidi u theddid, kemm fis-swieq interni u kif ukoll dawk esterni. Fost dawn l-isfidi, mhux neċessarjament konnessi mal-kriżi ekonomika kontinwa, hemm il-kompetizzjoni dejjem tiżdied mit-trasportaturi 'l barra mill-UE f’reġjuni li qed jikbru malajr bħar-reġjun tal-Asja u tal-Paċifiku, u l-isfidi tal-ġestjoni tal-kapaċità disponibbli b’mod effiċjenti. Sfida partikolari hi biex jimmaniġġjaw l-aspett soċjali tat-trasformazzjoni tal-industrija u partikolarment il-mudelli tan-negozji li jinbidlu (notevolment il-mudell ta’ spiża baxxa), li jqajmu domandi dwar l-istatus u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema transnazzjonali mobbli.

Is-sitwazzjoni hija aggravata minn linji tal-ajru mir-reġjun tal-Golf li jespandu l-kapaċità tagħhom fuq bosta mir-rotot li kienu moqdija minn trasportaturi Ewropej. Bosta minn dawn il-linji tal-ajru huma (parzjalment) ta’ proprjetà statali, appoġġjati minn għajnuna mill-istat, u jibbenefikaw minn aċċess għal infrastruttura (tal-ajruport), fjuwil u kapital irħas. Barra minn hekk, mhumiex soġġetti għal limiti tal-ħin ta’ bil-lejl fl-ajruporti (restrizzjonijiet tal-istorbju), taxxi fuq il-biljetti u ħlasijiet ambjentali bħall-kompetituri Ewropej tagħhom. L-UE għandha tuża l-firxa sħiħa ta’ għodda disponibbli biex tindirizza b’mod aktar effettiv il-kompetizzjoni inġusta. Barra minn hekk, l-UE għandha turi tmexxija għat-twettiq ta’ bidla fis-sjieda internazzjonali u tikkontrolla reġimi li jiżguraw li trasportaturi bbażati fl-UE jibqgħu prominenti fin-netwerk globali għas-snin li ġejjin.

3. IL-MIXJA LEJN SISTEMA TAT-TRASPORT B'LIVELL BAXX TA' EMISSJONIJIET TA' KARBONJU

It-trasport huwa responsabbli għal madwar kwart (25%) tal-emissjonijiet tal-gass serra tal-UE li jagħmluh it-tieni l-akbar settur emittenti wara l-enerġija. Filwaqt li l-emissjonijiet minn setturi oħra ġeneralment qed jonqsu, dawk mit-trasport komplew jiżdiedu sal-2008 meta l-emissjonijiet tat-trasport bdew jiżdiedu minħabba żieda fl-effiċjenza tal-karozzi tal-passiġġieri u tkabbir aktar kajman fil-mobbiltà bħala riżultat tar-reċessjoni ekonomika. Madankollu, jekk nimxu mal-istess approċċ, l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport jibqgħu terz ogħla mil-livell tagħhom tal-1990 sal-2050.

Aktar minn 70% tal-emissjonijiet tal-gass serra relatati mat-trasport jiġu mit-trasport bit-triq. It-trasport bit-triq biss jikkontribwixxi għal kwint tal-emissjonijiet totali tas-CO2 tal-UE. Madankollu, hemm emissjonijiet sinifikanti mis-setturi tal-avjazzjoni u marittimi li qed jesperjenzaw l-ogħla tkabbir fl-emissjonijiet, li jfisser li huma meħtieġa politiki għal firxa ta’ modi tat-trasport.

Emissjonijiet tal-gass serra tal-UE28 skont is-settur u l-mod tat-trasport, 2012 (Sors: Kummissjoni Ewropea)

 

Il-preservazzjoni tal-mobbiltà jkun possibbli biss billi jsir sostenibbli. L-isfida hija li tintemm id-dipendenza tas-sistema tat-trasport fuq iż-żejt mingħajr ma tiġi ssagrifikata l-effiċjenza u ma jitrażżnu l-mobbiltà u t-tkabbir ekonomiku. L-investiment f’teknoloġiji nodfa ġodda għandu potenzjal kbir biex jistimula t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol. Tibdil strutturali fit-trasport jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja u tal-ambjent filwaqt li fl-istess ħin jippreservaw il-libertà tan-nies li jivvjaġġaw u l-kompetittività tal-industrija tal-UE.

4. IĊ-ĊAQLIQ TAL-BILANĊ BEJN IL-MODI TAT-TRASPORT

Hemm żbilanċ li qed jikber bejn il-modi tat-trasport fl-Ewropa. Is-suċċess li qed jiżdied tat-trasport tat-toroq u tal-ajru qed jirriżulta f’konġestjoni dejjem agħar, filwaqt li n-nuqqas tal-esplojtazzjoni tal-potenzjal sħiħ tal-ferrovija, tat-tbaħħir fuq distanzi qosra u tal-passaġġi fuq l-ilma qed ikun ta’ impediment għall-iżvilupp ta’ alternattivi reali għat-trasport bit-triq. Filwaqt li dan jirrifletti l-fatt li ċertu modi addattaw aħjar għall-bżonnijiet ta’ ekonomija moderna, dan huwa wkoll sinjal li mhux l-ispejjeż esterni kollha ġew inklużi fil-prezz tat-trasport u ċerti regolamenti soċjali u tas-sikurezza ma ġewx rispettati, notevolment fit-trasport bit-triq.

Politika Ewropea dwar il-mobbiltà sostenibbli jeħtieġ li tibni fuq firxa usa’ ta’ għodod tal-politika sabiex tikseb ċaqliq għal modi tat-trasport li jiffavorixxu aktar l-ambjent, speċjalment fuq distanzi twal, f’żoni urbani u f’kurituri bi problema ta’ konġestjoni. Fl-istess ħin, għandu jsir l-aħjar użu tal-modi kollha tat-trasport. Kull metodu għandu jiffavorixxi aktar l-ambjent, ikun sikur u effiċjenti f’termini ta’ enerġija. Il-komodalità, jiġifieri l-użu effiċjenti ta’ modi tat-trasport differenti waħidhom u f’kombinazzjoni, se tirriżulta f’utilizzazzjoni ottima u sostenibbli tar-riżorsi. Dan l-approċċ joffri l-aħjar garanziji biex jinkiseb fl-istess waqt livell għoli kemm ta’ mobbiltà u kif ukoll ta’ protezzjoni ambjentali.

5. ŻONA UNIKA EWROPEA GĦAT-TRASPORT

Minkejja t-tkabbir tal-UE, għad baqa’ diverġenzi kbar fit-termini tal-infrastruttura tat-trasport bejn il-partijiet tal-Lvant u tal-Punent tal-UE. It-tlestija tan-Netwerk trans-Ewropew tat-Trasport tibqa’ waħda mill-prekundizzjonijiet għall-bilanċ mill-ġdid tal-modi tat-trasport, li torbot in-netwerks tar-reġjuni kollha tal-UE u telimina d-disparitajiet bejn il-livelli tal-iżvilupp tal-infrastruttura.

Billi l-UE fetħet għall-kompetizzjoni l-maġġoranza tas-swieq tat-trasport tagħha mid-disgħinijiet, numru ta’ ostakli għall-funzjonament bla xkiel u effiċjenti tas-suq intern tat-trasport jippersistu. Il-livell ta’ integrazzjoni tas-suq tat-trasport tal-UE jibqa’ baxx meta mqabbel ma’ partijiet oħra tal-ekonomija. Suq intern ġenwin madwar l-UE jeżisti biss fit-trasport tal-ajru, filwaqt li modi oħra tat-trasport ibatu minn gradi differenti ta’ frammentazzjoni fil-konfini nazzjonali; dan jikkonċerna l-ewwel nett il-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni, iżda huma affettwati wkoll it-toroq u t-tbaħħir fuq distanzi qosra.

Il-kisba ta’ sistema tat-trasport integrata bis-sħiħ tittardja b’numru ta’ ostakli regolatorji għad-dħul fis-suq li jibqgħu, b’inkompatibilitajiet tekniċi bejn il-modi, bi proċeduri amministrattivi ta’ piż, jew b’leġiżlazzjoni imperfetta jew antikwata. Il-ftuħ tas-suq ma kienx akkumpanjat minn proċess parallel ta’ armonizzazzjoni soċjali fl-impjieg u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-Kummissjoni għandha tindirizza l-kwalità tax-xogħol fil-modi kollha tat-trasport, partikolarment fir-rigward tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżvilupp tal-karriera, bil-ħsieb li jinħolqu impjiegi ta’ kwalità, l-iżvilupp tal-ħiliet neċessarji u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-operaturi tat-trasport fl-UE.

6. IT-TQEGĦID TAN-NIES FIL-QALBA TAL-POLITIKA TAT-TRASPORT

Is-sikurezza fit-toroq hija kwistjoni soċjetali maġġuri u ta’ tħassib kbir għaċ-ċittadini madwar l-Ewropa. It-trasport bit-triq huwa l-aktar mezz użat b’mod wiesa’ għall-ivvjaġġar u kawża primarja għall-inċidenti. Għalkemm sar titjib sinifikanti, għandu jsir ħafna aktar biex tintlaħaq ʻżeroviżjoni’. Dan għandu jitwettaq: b’miżuri tas-sikurezza mtejba għal trakkijiet u karozzi; bil-bini ta’ toroq aktar sikuri; bl-iżvilupp ta’ vetturi intelliġenti; bit-tisħiħ tal-liċenzjar u t-taħriġ; b’infurzar aħjar; b’mira fuq il-korrimenti; u b’fokus ġdid fuq il-persuni bil-mixi, iċ-ċiklisti, il-motoċiklisti u utenti tat-triq vulnerabbli.

Huwa meħtieġ ukoll li jitlesta l-qafas leġiżlattiv stabbilit b’miżuri li jkopru passiġġieri fi vjaġġi multimodali b’biljetti integrati f’kuntratt wieħed tax-xiri kif ukoll fil-każ tal-falliment tal-operatur tat-trasport. Għandna wkoll intejbu l-kwalità tat-trasport għall-anzjani, għall-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa u passiġġieri b’diżabbiltà, inkluż aċċessibbiltà aħjar għall-infrastruttura.

Il-kuntest urban joħloq l-akbar sfidi għas-sostenibbiltà tat-trasport. L-ibliet bħalissa jbatu l-iżjed mill-konġestjoni, kwalità ħażina tal-arja u storbju. It-trasport urban huwa sors importanti tal-emissjonijiet tat-trasport. Id-dimensjoni urbana se ssir saħansitra aktar importanti minħabba li l-perċentwal tal-Ewropej li jgħixu f’żoni urbani huwa pproġettat li jiżdied minn 74% illum għal madwar 85% fl-2050. Fl-istess ħin, il-prinċipju tas-sussidjarjetà jinvolvi approċċ bir-reqqa fil-livell Ewropew.

Fortunatament, l-ambjent urban joffri bosta għażliet f’termini tal-mobbiltà. F’żoni urbani, il-mixi u ċ-ċikliżmu, flimkien mat-trasport pubbliku, ta’ spiss joffru alternattivi aqwa mhux biss fit-termini tal-emissjonijiet, iżda wkoll tal-veloċità: jistgħu faċilment jissostitwixxu s-sehem kbir ta’ vjaġġi li jkopru inqas minn 5km. L-iffaċilitar tal-mixi u taċ-ċikliżmu għandhom isiru parti integrali mill-mobbiltà urbana u d-disinn tal-infrastruttura. It-trasport pubbliku għandu jikseb sehem akbar mil-lum fit-trasport, isir aċċessibbli faċilment għal kulħadd u jiġi integrat bis-sħiħ ma’ modi mhux motorizzati.

***

It-trasport huwa sistema kumplessa li jiddependi minn bosta fatturi. Minħabba din il-kumplessità, kwalunkwe intervent għandu jkun ibbażat fuq viżjoni fuq medda twila għall-mobbiltà sostenibbli tal-bnedmin u l-oġġetti, u mhux l-inqas minħabba li l-politiki ta’ natura strutturali jieħdu ż-żmien biex jiġu implimentati u għandhom jiġu ppjanati minn qabel sew.

Ir-reviżjoni ta' nofs it-term li ġejja tal-White Paper dwar it-Trasport għandha żżomm din il-viżjoni fit-tul (2050). Madankollu. għandha tiġi supplementata minn miri u għanijiet intermedji għas-snin li ġejjin. Il-lista ta’ inizjattivi u punti ta’ azzjoni proposti fil-White Paper għandhom jiġu adottati u komplementati fuq bażi regolari, u evalwati skont l-effettività tagħhom biex jilħqu l-għanijiet ġenerali fit-tul. L-iskop tar-reviżjoni ta' nofs it-term mhix li tbaxxi l-livell ta’ ambizzjoni tal-għanijiet stipulati fl-2011, iżda li żżid u tissimplifika l-isforzi biex jilħquhom.

  • [1]  White Paper “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport — Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” (COM(2011)0144)

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.7.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

3

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Dieter-Lebrecht Koch, Stelios Kouloglou, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Gesine Meissner, Cláudia Monteiro de Aguiar, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Gabriele Preuß, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Claudia Tapardel, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Peter van Dalen, Wim van de Camp, Janusz Zemke, Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Belet, Bas Eickhout, Theresa Griffin, Henna Virkkunen

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

James Carver, Ruža Tomašić