RAPPORT dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
14.9.2015 - (COM(2014)0715 – C8‑0280/2014 – 2014/0339(COD)) - ***I
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Claude Moraes
(Proċedura simplifikata – Artikolu 50(2) tar-Regoli ta' Proċedura)
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ċerti atti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
(COM(2014)0715 – C8‑0280/2014 – 2014/0339(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0715),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 82(1), 83(1), 87(2) u 88(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8‑0280/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 50(2) tar-Regoli ta ' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0252/2015),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1
EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW[1]*
għall-proposta tal-Kummissjoni
---------------------------------------------------------
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li tħassar ċerti atti fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1) u 83(1) u l-Artikolu 87(2), u l-Artikolu 88(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[2],
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,
Billi:
(1) It-titjib fit-trasparenza tad-dritt tal-Unjoni huwa element essenzjali tal-istrateġija għal tfassil aħjar tal-liġijiet li qed jimplimentaw l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’dak il-kuntest huwa xieraq li dawk l-atti li m’għadx għandhom skop jitneħħew mil-leġiżlazzjoni li tinsab fis-seħħ.
(2) Għadd ta’ atti adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ma baqgħux applikabbli ▌ billi l-kontenut tagħhom kien trattat minn f'atti suċċessivi, minkejja li ma tħassrux.
(3) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 96/610/ĠAI[3] ħolqot direttorju ta’ kompetenzi, ħiliet u speċjalizzazzjoni kontra t-terroriżmu, sabiex tagħmilhom disponibbli f’firxa aktar wiesgħa u malajr lill-aġenziji fl-Istati Membri kollha. Dik l-Azzjoni Konġunta ma baqgħetx applikabbli peress li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI[4] fdat lill-Europol biex jappoġġa u jsaħħaħ il-kooperazzjoni reċiproka bejn l-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi tal-Istati Membri ▌ fil-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-ġlieda kontrih u forom oħra ta’ kriminalità gravi u ▌ d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI[5] introduċiet qafas ġdid għall-kooperazzjoni transfruntiera dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.
(4) Permezz tal-Azzjoni konġunta tal-Kunsill 96/699/ĠAI[6] l-Unità tad-Drogi tal-Europol ġiet deżinjata bħala l-awtorità li lilha kellha tkun trażmessa l-informazzjoni dwar l-ipprofilar kimiku mill-Istati Membri. Dik l-azzjoni konġunta ma baqgħetx applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI[7]▌.
(5) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 96/747/ĠAI[8] kellha l-għan li ssaħħaħ l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri billi toħloq direttorju ta' oqsma ta' kompetenzi speċjalizzati, ħiliet u speċjalizzazzjoni. Din l-Azzjoni Konġunta saret obsoleta wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI li fdat lill-Europol bil-kompitu li jiżviluppa għarfien speċjalizzat tal-proċeduri investigattivi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u jipprovdi parir dwar l-investigazzjonijiet.
(6) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 96/750/ĠAI[9] kellha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet relevanti tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra d-dipendenza fuq id-droga u li tappella lill-Istati Membri biex jiġu approssimati l-liġijiet tagħhom biex ikunu kompatibbli b’mod reċiproku sal-livell meħtieġ biex ikun prevenut u miġġieled it-traffikar tad-droga fl-Unjoni. L-azzjoni konġunta saret obsoleta mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar assistenza reċiproka f'Materji kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI[10].
(7) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 97/339/ĠAI[11] ippermettiet il-kooperazzjoni u stabbiliet il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri rigward avvenimenti fuq skala kbira li għalihom jattendu għadd kbir ta’ nies minn iktar minn Stat Membru wieħed sabiex jitħarsu l-liġi u l-ordni, ikunu protetti n-nies u l-proprjetà tagħhom u jkunu prevenuti reati kriminali. Dik l-azzjoni konġunta ma baqgħetx applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI[12], 2002/348/ĠAI[13] u 2007/412/ĠAI[14] li pprevedew regoli ġodda dwar l-iskambju ta’ data mhux personali u dik personali u forom oħra ta’ kooperazzjoni għaż-żamma tal-ordni pubbliku u s-sigurtà għal avvenimenti ewlenin.
(8) L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 97/372/ĠAI[15] kellha l-għan li iżżid il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-intelligence fost l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet oħra tal-infurzar tal-liġi partikolarment fir-rigward tad-drogi. Dik l-Azzjoni konġunta ma baqgħetx applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tal-Att tal-Kunsill 98/ C 24/01[16] li jfassal il-Konvenzjoni ta’ Napli li introduċiet regoli dettaljati dwar assistenza u kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri għall-prevenzjoni u d-detezzjoni ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet doganali nazzjonali, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI[17] li żiedet l-effikaċja tal-proċeduri ta’ kooperazzjoni u kontroll tal-awtoritajiet doganali billi jiġu stabbiliti sistemi ta’ informazzjoni doganali (Customs Information System - CIS) u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI li pprovdiet lill-Europol b’kompiti bil-għan li jappoġġa l-kooperazzjoni doganali.
(8a) Il-Konvenzjoni tas-17 ta’ Ġunju 1998 dwar Skwalifiki tas-Sewqan[18], kif imfassla bl-Att tal-Kunsill 98/C 216/01[19], ġiet ratifikata minn seba’ Stati Membri biss u qatt ma daħlet fis-seħħ. Barra minn hekk, fost dawk is-seba' Stati Membri li rratifikawha, l-Irlanda u r-Renju Unit biss, kienu għamlu dikjarazzjoni f’konformità mal-Artikolu 15(4) li ppermettiet li l-Konvenzjoni tiġi applikata bejniethom qabel id-dħul fis-seħħ tagħha fl-Istati Membri kollha. Madankollu, wara n-notifika mir-Renju Unit fl-24 ta’ Lulju 2013 f’konformità mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji, l-Att tal-Kunsill u l-Konvenzjoni ma baqgħux japplikaw għar-Renju Unit mill-1 ta’ Diċembru 2014, skont it-termini tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll imsemmi. Għalhekk, billi dawn l-istrumenti ma għadhomx applikabbli bejn ebda Stat Membri, tilfu r-rilevanza tagħhom fl-acquis tal-Unjoni u għandhom jitħassru.
(9) L-Azzjoni konġunta tal-Kunsill 98/427/ĠAI[20] dwar il-prattika tajba fl-assistenza legali reċiproka f'materji kriminali bil-għan li jsir skambju ta' prattika tajba fost l-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta' assistenza legali f'materji kriminali. Din l-azzjoni konġunta saret obsoleta. Hija ▌de facto ma baqgħetx relevanti bid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar assistenza reċiproka f'Materji kriminali bejn l-Istati Membri.
▌
(10a) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/978/ĠAI[21] dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi (EEW, European Evidence Warrant) ġiet sostitwita bid-Direttiva 2014/41/UE[22] dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea (OIE) minħabba li, kif spjegat fil-Premessa 4 tad-Direttiva dwar l-OIE, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-EEW kien wisq limitat. Billi l-OIE ser tapplika bejn 26 Stat Membru, l-EEW jibqa’ applikabbli biss bejn żewġ Stati Membri li ma jipparteċipawx fl-OIE. B’hekk, l-EEW jilef l-utilità tiegħu bħala strument ta’ kooperazzjoni f’materji kriminali u għandu jitħassar.
(11) Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza, dawk l-azzjonijiet konġunti li ma baqgħux applikabbli, il-Konvenzjoni, l-Atti tal-Kunsill 98/C 216/01 u d-Deċiżjoni Qafas għandhom jitħassru.
(11a) Għalkemm l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddisponi dwar l-adozzjoni ta’ direttivi, l-għażla ta’ regolament bħala strument għat-tneħħija tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 96/750/ĠIA u d-Deċiżjoni Qafas 2008/978/ĠIA hija l-unika għażla xierqa fid-dawl tal-fatt li hawnhekk il-leġiżlazzjoni mhijiex qed tistabbilixxi regoli minimi li jikkonċernaw id-definizzjoni ta’ reati u sanzjonijiet, iżda qiegħda biss tħassar atti obsoleti, mingħajr ma tissostwihom b’oħrajn ġodda.
(12) Billi l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tħassir ta’ għadd ta’ atti tal-Unjoni li ma għadhomx applikabbli fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri konformi mar-rekwiżiti tal-prinċipju tas-sussidjarjetà ▌kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq dak l-objettiv.
(13) F’konformità mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex ser tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.
(14) F’konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda, fir-rigward taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(14a) Wara n-notifika li saret mir-Renju Unit fl-24 ta’ Lulju 2013 f’konformità mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36 dwar dispożizzjonijiet transitorji, l-azzjonijiet konġunti 96/610/ĠAI, 96/699/ĠAI, 96/747/ĠAI, 96/750/ĠAI, 97/339/ĠAI, 97/372/ĠAI, u 98/427/ĠAI, kif ukoll l-Atti tal-Kunsill 1999/C 26/07 u 98/C 216/01 waqfu milli japplikaw għar-Renju Unit mill-1 ta’ Diċembru 2014, skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll imsemmi. Għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ dawk l-atti legali u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu. B'dana kollu, a tenur tat-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll imsemmi, id-Deċiżjoni Qafas 200/978/ĠIA, kif rimpjazzata bid-Direttiva 2014/41/UE, baqgħet applikabbli għar-Renju Unit. Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda, fir-rigward taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Revoka ta’ atti li ma jkunux għadhom applikabbli
L-atti li ġejjin huma mħassra:
- Azzjoni Konġunta 96/610/ĠAI (direttorju tal-kompetenzi kontra t-terroriżmu);
- Azzjoni Konġunta96/699/ĠAI (profilar kimiku tad-drogi);
- Azzjoni Konġunta 96/747/JHA (direttorju ta’ kompetenzi dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata);
- Azzjoni Konġunta 96/750/ĠAI (il-ġlieda kontra dipendenza fuq id-droga u t-traffikar tad-droga);
- Azzjoni Konġunta 97/339/ĠAI (kooperazzjoni fuq iż-żamma tal-ordni u s-sigurtà);
- Azzjoni Konġunta 97/372/ĠAI (kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali);
- Att tal-Kunsill 98/C 216/01 u l-Konvenzjoni tas-17 ta’ Ġunju 1998 (skwalifiki tas-sewqan);
- Azzjoni Konġunta 98/427/JHA (prattika tajba f’assistenza legali reċiproka f’materji kriminali); u ▌
- Id-Deċiżjoni Qafas 2008/978/ĠAI (Mandat Ewropew għal Provi).
Artikolu 2
Dispożizzjoni tranżitorja
Kwalunkwe mandat Ewropew għal provi eżegwiti taħt id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/978/ĠIA tibqa' tkun regolata minn dak l-istrument sakemm tiġi ffinalizzata l-proċedura kriminali rilevanti.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
NOTA SPJEGATTIVA
Fil-kuntest li għalaq il-perijodu ta' tranżizzjoni delineat fil-Protokoll 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, anness mat-Trattati, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-acquis ta' Schengen u tal-istrumenti ġuridiċi fil-qasam tal-koperazzjoni bejn il-pulizija u l-koperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali. Għadd ta' atti ġew identifikati bħala obsoleti billi l-kontenut tagħhom ittieħed minn atti suċċessivi jew għax huma ta' natura temporanja.
Fil-Ftehim Inter-Istituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ftehmu dwar ir-riduzzjoni tal-volum tad-dritt tal-Unjoni u dwar s-semplifikazzjoni tiegħu, inkluż bil-mezzi tal-abolizzjoni tal-atti obsoleti.
Fuq il-bażi tal-analiżi wiesa' li għamlet u skont l-impennji misjubin fil-Ftehima Inter-istituzzjonali għal għemil aħjar tal-liġijiet u l-politika tagħhom dwar l-Idoneità Regolatorja[23], il-Kummissjoni sottomettiet proposta għat-tneħħija ta' 7 Azzjonijiet Konġunti tal-Kunsill li l-kontenut tagħhom ittieħed minn atti suċċessivi, u l-Att tal-Kunsill 1999/C 26/07 li jippreskrivi r-regolamenti dwar il-persunal applikabbli għall-impjegati tal-Europol. Dan tal-aħħar japplika biss għal għadd limitat ħafna ta' kuntratt ta' impjieg konklużi qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠIA dwar l-Europol. Ftit minn dawn il-kuntratt għadhom fis-seħħ u daqt se jiġu fi tmiemhom.
Skont l-emendi proposti mill-Kunsill fl-approċċ ġenerali tiegħu u miftehmin mill-Kummissjoni u wara li saret konsultazzjoni mas-Servizz Ġuridiku tal-Parlament Ewropew, ir-rapporteur qiegħed iressaq emendi għat-tneħħija ta' żewġ atti addizzjonali, li wkoll saru obsoleti:
1. Il-Konvenzjoni tas-17 ta' Ġunju 1998 dwar l-Iskwalifiki għas-Sewqan u l-Att tal-Kunsill 98/C 216/01.
Sabiex tidħol fis-seħħ, il-Konvenzjoni teħtieġ li tiġi ratifikata minn kull wieħed mill-15-il Stat Membru firmatarju. S'issa ġiet ratifikata biss minn seba' Stati Membri u għadha qatt ma daħlet fis-seħħ. Fost dawk l-Istati Membri li rratifikawha, tnejn minnhom biss, l-Irlanda u r-Renju Unit, kienu għamlu dikjarazzjoni skont it-termini tal-Artikolu 15(4) tal-Konvenzjoni li ppermetta li l-Konvenzjoni tiġi applikata bejniethom qabel id-dħul tagħha fis-seħħ bejn l-Istati Membri kollha. B'dana kollu, wara n-notifika magħmula mir-Renju Unit skont it-termini tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36, l-Att tal-Kunsill u l-Konvenzjoni ma baqgħux japplikawx għar-Renju Unit sa mill-1 ta' Diċembru 2014. Għalhekk, billi dawn l-istrumenti ma għadhomx applikabbli bejn ebda Stat Membri, tilfu r-rilevanza tagħhom fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u għandhom jitħassru.
2. Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/978/ĠAI dwar il-mandat Ewropew għall-provi għall-fini tal-akkwist ta' oġġetti, dokumenti u data għall-użu fil-proċedimenti f'materji kriminali (EEW).
Din id-Deċiżjoni Qafas ġie sostitwita għall-Istati Membri kollha, ħlief id-Danimarka u l-Irlanda, mid-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni Investigattiva Ewropea f'materji kriminali (EIO) (terminu għat-traspożizzjoni 22 Mejju 2017). Billi l-EEW se jibqa' applikabbli biss bejn żewġ Stati Membri, tilef il-valur tiegħu bħala strument ta' koperazzjoni f'materji kriminali u għandu jiġu abolit. Iddaħħlet dispożizzjoni tranżitorja li tiddisponi li d-Deċżjoni Qafas 2008/978/ĠIA tibqa' fis-seħħ għall-EEW maħruġin qabel it-traspożizzjoni tal-EIO sa ma l-proċedimenti kriminali rispettivi li għandhom inħarġu ma jiġux konklużi b'deċiżjoni definittiva.
Għal raġunijiet ta' ċertezza legali u kjarezza legali, ir-rapporteur jipproponi wkoll li jitneħħa r-riferiment għall-Att tal-Kunsill 1999/C 26/07 tat-3 ta' Diċembru 1998 li jippreskrivi r-regolamenti għall-persunal applikabbli għall-impjegati Ewropej. Id-Deċiżjoni 2009/371/ĠIA għaddejja mill-proċess li tiġi sostitwita b'Regolament futur tal-Europol li jkun fih dispożizzjonijiet tranżitorji dwar materji marbutin mal-persunal li għadhom koperti fis-sistema ta' qabel (ara l-Artikoli 55, 73 u 75(5) tal-abbozz tar-Regolament tal-Europol). Jidher li jkun aktar xieraq li tiġi ttrattata l-kwestjoni kollha tar-regoli ta' qabel għall-persunal li kienu applikabbli għar-Regolament tal-Europol innifsu, aktar milli tiġi ttrattata b'mod parallel f'din il-proposta.
Ir-rapport fih ukoll emendi li għandhom l-objettiv li jtejbu l-kitba tal-att, emendi li jispjegaw il-pożizzjoni tar-Renju Unit fid-dawl tad-deċiżjoni tiegħu skont it-termini tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll 36 u premessa ġdida li tiġġustifika l-użu ta' regolament bħala strument legali għat-tneħħija ta' ċerti atti li l-bażi ġuridika tagħhom wara t-Trattat ta' Lisbona teħtieġ l-adozzjoni ta' direttiva.
PROĊEDURA
Titolu |
It-tħassir ta’ ċerti atti fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali |
||||
Referenzi |
COM(2014)0715 – C8-0280/2014 – 2014/0339(COD) |
||||
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE |
28.11.2014 |
|
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
LIBE 15.12.2014 |
|
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Claude Moraes 5.2.2015 |
|
|
|
|
Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni |
15.12.2014 |
||||
Eżami fil-kumitat |
14.4.2015 |
2.7.2015 |
3.9.2015 |
|
|
Data tal-adozzjoni |
3.9.2015 |
|
|
|
|
Data tat-tressiq |
14.9.2015 |
||||
- [1] * * Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
- [2] XXX
- [3] L-Azzjoni Konġunta 96/610/ĠAI tal-15 ta' Ottubru 1996 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħolqien u l-manutenzjoni ta' Direttorju ta' kompetenzi, kapaċitajiet u ħila speċjalizzati anti-terroristiċi biex tiġi ffaċilitata l-koperazzjoni anti-terroristika bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 273, 25.10.1996, p. 1).
- [4] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37).
- [5] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).
- [6] L-Azzjoni Konġunta 96/699/ĠAI tad-29 ta' Novembru 1996 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li tikkonċerna l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-profilar kimiku ta' droga biex tiġi faċilitata l-koperazzjoni mtejba bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tad-droga (ĠU L 322 tat-12 ta' Diċembru 1996, p. 5).
- [7] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (ĠU L 121, 15.5.2009, p. 37).
- [8] L-Azzjoni Konġunta 96/747/ĠAI tad-29 ta' Novembru 1996 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jikkonċerna l-kreazzjoni u l-manteniment ta' direttorju ta' kompetenzi, kapaċitajiet u ħiliet speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata internazzjonali, biex tiġi ffaċilitata l-koperazzjoni għall-infurzar tal-liġi bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 342, 31.12.1996, p. 2).
- [9] L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 96/750/ĠAI tas-17 ta' Diċembru 1996, adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jikkonċerna l-approssimazzjoni tal-liġijiet u l-prattika tal-Istati Membri tal-UE fil-ġlieda kontra l-vizzju tad-droga u biex jipprevjeni u jiġġieled kontra t-traffikar illegali tad-droga (ĠU L 342 tal-31 ta' Diċembru 1996, p. 6).
- [10] Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/757/ĠAI tal-25 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti tar-reat u l-pieni kriminali fil-qasam tat-traffikar illegali tad-droga (ĠU L 335, 11.11.2004, p 8).
- [11] L-Azzjoni Konġunta 97/339/ĠAI tas-26 ta' Mejju 1997 adottata mill-Kunsill a bażi tal-Artikolu K3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar koperazzjoni fuq iż-żamma tal-ordni u s-sigurtà (ĠU L 147, 5.6.1997, p.1)
- [12] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).
- [13] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/348/ĠAI tal-25 ta' April 2002 dwar sigurtà b' konnessjoni ma' logħbiet tal-futbol b' dimensjoni internazzjonali (ĠU L 121, 8.5.2002, p. 1).
- [14] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/412/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 li temenda d-Deċiżjoni 2002/348/ĠAI dwar is-sigurtà b’konnessjoni ma’ logħbiet tal-futbol b’dimensjoni internazzjonali (ĠU L 155, 15.6.2007, p. 76).
- [15] L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 97/372/ĠAI tad-9 ta' Ġunju 1997 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, sabiex jiġu rfinati l-kriterji għall-kontrolli mmirati, il-metodi ta' selezzjoni u l-ġbir ta' informazzjoni doganali u tal-pulizija (ĠU L 159, 17.6.1997, p. 1)
- [16] L-Att tal-Kunsill 98/C 24/01 tat-18 ta' Diċembru 1997 li jfassal, fuq il-bażi tal-Artikolu K3 tat-Trattat dwar l-Unoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar l-assistenza u l-koperazzjoni reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet tad-dwana (il-Konvenzjoni ta' Napli) (ĠU C 24, 23.1.1998).
- [17] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali (ĠU L 323, 10.12.2009, p. 20).
- [18] Il-Konvenzjoni tas-17 ta' Ġunju 1998, imfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar Skwalifiki tas-Sewqan (ĠU C 216, 10.7.1998, p. 2).
- [19] L-Att tal-Kunsill 98/C 216/01 tas-17 ta’ Ġunju 1998 li jħejji Konvenzjoni dwar l-Iskwalifiki tas-Sewqan (ĠU C 216, 10.7.1998, p. 1).
- [20] L-Azzjoni konġunta tal-Kunsill 98/427/ĠAI tad-29 ta' Ġunju 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar prattika tajba f'assistenza legali reċiproka fi kwistjonijiet kriminali (ĠU L 191, 7.7.1998, p. 1).
- [21] Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/978/ĠAI tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-Mandat Ewropew għall-Provi sabiex jinkisbu oġġetti, dokumenti u data għall-użu fi proċedimenti f'materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 72).
- [22] Id-Direttiva 2014/41/UE tat-3 ta’ April 2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali, (ĠU L 130, 1.5.2014, p. 12).
- [23] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2014 dwar "Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Is-Sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi" (COM(2014) 368 finali, 18.6.2014.