RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (diżastri fil-Bulgarija u l-Greċja fl-2015)

17.9.2015 - (COM(2015)0370 – C8-0198/2015 – 2015/2151(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Andrey Novakov

Proċedura : 2015/2151(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0253/2015
Testi mressqa :
A8-0253/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (diżastri fil-Bulgarija u l-Greċja fl-2015)

(COM(2015)0370 – C8-0198/2015 – 2015/2151(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0370 – C8-0198/2015),

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea[1],

–       wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu  10 tiegħu,

–       wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3], u b'mod partikolari tal-punt 11 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–       wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0253/2015),

1.      Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

2.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea[4] , u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[5], u b'mod partikolari tal-punt 11 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)         Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (il-"Fond") għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b'mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u tesprimi s-solidarjetà tagħha fir-rigward tal-popolazzjoni ta' reġjuni milquta minn katastrofi.

(2)         Il-Fond ma għandux jaqbeż l-ammont annwali massimu ta' EUR 500 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[6].

(3)         Il-Bulgarija ppreżentat talba bl-għan li timmobilizza l-Fond, rigward kundizzjonijiet xitwin qliel.

(4)         Ir-Greċja ppreżentat żewġ talbiet bl-għan li timmobilizza l-Fond, rigward l-għargħar.

(5)         Il-Kummissjoni vvalutat bir-reqqa li t-talbiet kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' għajnuna mill-Fond, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(6)         Il-Fond għandu, għalhekk, jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-ammont sħiħ ta' EUR 16 274 765 fir-rigward tat-talbiet ippreżentati mill-Bulgarija u mill-Greċja.

(7)         Hemm lok għar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet b'konformità mat-tieni sentenza tall-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċemrbu 2013. L-approprjazzjonijiet għall-avvanzi għas-sena finanzjarja 2015 intużaw, sa punt limitat ħafna, għat-tliet talbiet li huma s-suġġett ta' din id-Deċiżjoni u li l-bilanċ li fadal biex jitħallas fir-rigward tagħhom huwa ta' EUR 14 647 288. Konsegwentement, l-ammont sħiħ għall-mobilizzazzjoni se jiġi ffinanzjat permezz tar-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet disponibbli għall-avvanzi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, u ma hemm bżonn tal-ebda approprjazzjoni addizzjonali.

(8)         Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun il-ħin li jieħu l-Fond biex jiġi mobilizzat, din id-deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2015, għandha tiġi mobilizzata somma ta' EUR 16 274 765 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament taħt l-intestatura tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea.

L-ammont sħiħ ta' din il-mobilizzazzjoni għandu jiġi ffinanzjat permezz tal-approprjazzjonijiet immobilizzati bid-Deċiżjoni (UE) 2015/422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7] għall-ħlas ta'

avvanzi fil-baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2015, disponibbli

fl-intestatura baġitarja 13 06 01. L-ammont disponibbli f'dik l-intestatura baġitarja għandu jitnaqqas kif meħtieġ.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea. Hi għandha tapplika minn ... [id-data tal-adozzjoni tagħha] [Id-data trid tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU].

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                          Għall-Kunsill

Il-President                                                   Il-President

NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi mmobilizzat il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) biex tingħata assistenza finanzjarja b'rabta ma’ diżastru fil-Bulgarija (kundizzjonijiet xitwin qliel li kkawżaw diżastru li skont l-FSUE ġie kklassifikat bħala “diżastru naturali maġġur”) u ma' żewġ diżastri fil-Greċja (għargħar f’Evros u fiċ-ċentru tal-Greċja, li skont l-FSUE ġew ikklassifikati bħala “diżastri reġjonali”) li seħħew fil-bidu tal-2015, abbażi tal-punt 11 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013.

Il-Kummissjoni wettqet analiżi bir-reqqa ta' dawn it-tliet talbiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014, u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3 u 4 tiegħu.

Il-Bulgarija − kundizzjonijiet xitwin qliel

Partijiet kbar fil-Bulgarija ntlaqtu minn xita qalila, silġ, għargħar u valangi fl-aħħar ta’ Jannar u matul il-bidu ta' Frar 2015, filwaqt li r-reġjun tax-Xlokk kien dak li ġie affettwat l-aktar. Dawn l-avvenimenti kkawżaw ħsarat konsiderevoli lil infrastrutturi pubbliċi, bħal digi, toroq u netwerks ta’ komunikazzjoni, kif ukoll negozji, assi u djar privati (aktar minn 300 binja fil-belt ta’ Burgas biss sfaw mgħarrqa), kif ukoll ħsara lis-settur agrikolu u l-foresti.

L-awtoritajiet Bulgari stmaw li d-dannu dirett totali kkawżat mid-diżastru huwa ta’ EUR 243 305 miljun. Peress li dan jirrappreżenta 0,622 % tal-ING tal-Bulgarija jew 103,6 % tas-soll ta’ “diżastru maġġur” ta’ EUR 234 871 miljun applikabbli għall-Bulgarija fl-2015 (jiġifieri 0,6 % tal-ING abbażi tad-data tal-2013 għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE), id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġur” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament.

It-talba tal-Bugarija waslet fl-24 ta' April 2015, fil-limitu preskritt ta’ 12-il ġimgħa wara li ġew irreġistrati l-ewwel ħsarat fit-30 ta’ Jannar 2015.

L-għajnuna finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta' emerġenza u rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament. Skont l-istimi tal-awtoritajiet Bulgari, il-kost tal-operazzjonijiet essenzjali ta' emerġenza eleġibbli jammonta għal EUR 239 225 miljun. Dan l-ammont għoli b’mod sproporzjonat (aktar minn 98 % tal-ħsara totali li ġiet irrappurtata) huwa dovut għas-sehem għoli ta’ ħsara pubblika, u l-inkapaċità tal-awtoritajiet lokali li jevalwaw il-ħsara privata b’mod xieraq fit-12-il ġimgħa skadenza tal-applikazzjoni. Għaldaqstant il-ħsara privata, fil-parti l-kbira, mhijiex inkluża fl-applikazzjoni. L-akbar sehem tal-kostijiet jinkludi operazzjonijiet urġenti ta’ rkupru – aktar minn EUR 97miljun, inkluża l-infrastruttura preventiva u ta’ sikurezza. Aktar minn EUR 46 miljun huma mitluba għall-irkupru tal-infrastruttura tat-trasport.

Ir-reġjuni milquta jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “reġjuni inqas żviluppati” skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (2014-2020). L-awtoritajiet Bulgari ma indikawx lill-Kummissjoni l-ħsieb tagħhom li jallokaw mill-ġdid il-fondi mill-programm tal-Fondi SIE għall-Bulgarija għal miżuri ta’ rkupru.

Fuq talba tal-Bulgarija, il-Kummissjoni għamlet ħlas ta' avvanz ta’ EUR 637 782, jiġifieri 10 % tal-kontribuzzjoni mistennija mill-Fond, b’konformità mal-Artikolu 4a(2) tar-Regolament. L-ammont kien diġà ntuża mill-gvern Bulgaru għall-irkupru urġenti ta’ infrastruttura tat-trasport, sistemi ta’ drenaġġ, u infrastruttura preventiva u ta' sikurezza.

Il-Greċja − Għargħar f’Evros u fir-reġjuni ċentrali u tal-Punent

L-għargħar mifrux fil-Lvant tal-Maċedonja u f'Traċja fil-bidu ta' Frar 2015 ikkawża ħsara lil infrastruttura essenzjali, bini pubbliku, djar privati, negozji u lill-agrikoltura tal-Greċja, bil-qerda ta' infrastruttura agrikola, imħażen u uċuħ tar-raba’. Kien hemm ħsarat tal-infrastruttura tad-dranaġġ u l-provvisti tal-ilma fi 17-il insedjament. B’mod parallel, partijiet kbar taċ-ċentru u l-Punent tal-Greċja ntlaqtu minn serje oħra ta’ għargħar li kkawżat saħansitra aktar ħsara, u rriżultat f’nuqqas ta’ elettriku, l-iżolazzjoni ta’ għadd ta’ insedjamenti muntanjużi u l-qerda ta’ ċerti assi tal-wirt kulturali tal-Greċja.

Peress li l-avvenimenti għandhom l-istess oriġini meteoroloġika, iż-żewġ talbiet ġew amalgamati u trattati bħala diżastru reġjonali uniku skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament. B’kollox, ħames reġjuni NUTS 2 intlaqtu mid-diżastru: ir-reġjun tal-Maċedonja tal-Lvant u t-Traċja (l-għargħar ta’ Evros) kif ukoll ir-reġjuni ta' Epiru, il-Greċja tal-Punent, iċ-Ċentru tal-Greċja u t-Tessalija (għargħar fiċ-ċentru u l-Punent tal-Greċja).

Iż-żewġ talbiet ġew ippreżentati fit-23 ta’ April 2015, fl-iskadenza mitluba ta’ 12-il ġimgħa wara li ġew irreġistrati l-ewwel ħsarat (1 ta’ Frar għar-reġjuni taċ-ċentru u l-Punent u l-4 ta’ Frar 2015 għal Evros).

Huwa stmat li l-ħsara diretta akkumulata kkawżata mill-avvenimenti tammonta għal EUR 395 878 miljun (EUR 132 454 miljun għal Evros u EUR 263 424 miljun għaċ-Ċentru u l-Punent tal-Greċja). Abbażi ta’ dawn iċ-ċfri, l-avveniment ma jilħaqx is-soll ta’ “diżastru maġġur” applikabbli għall-Greċja fl-2015 (EUR 1 091 315 miljun jew 0,6 % tad-ING abbażi tad-data tal-2013). Madankollu, il-ħsara diretta totali tirrappreżenta 4,78 % tal-PDG medju ponderat tal-ħames reġjuni NUTS 2 kkonċernati u għalhekk taqbeż sew is-soll ta’ 1,5 % tal-PDG reġjonali ponderat biex tikkwalifika bħala diżastru reġjonali.

Skont l-istimi tal-awtoritajiet Griegi, il-kost tal-operazzjonijiet essenzjali ta' emerġenza eleġibbli jammonta għal EUR 308 445 miljun, fejn l-ikbar sehem jikkonċerna s-settur tat-trasport. Ir-reġjuni milquta huma “reġjuni inqas żviluppati” skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (2014-2020). L-awtoritajiet Griegi ma indikawx lill-Kummissjoni l-ħsieb tagħhom li jallokaw mill-ġdid il-fondi mill-programm tal-Fondi SIE għal miżuri ta’ rkupru.

Fuq talba tal-Greċja, tħallas avvanz ta' 10 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja mistennija mill-FSUE, li jammonta għal EUR 331 135 għal EVROS u EUR 658 560 għaċ-ċentru u l-Punent tal-Greċja.

B’konformità mal-prattika tal-imgħoddi, il-Kummissjoni tipproponi li fiż-żewġ każijiet tiġi applikata r-rata ta’ 2,5 % tal-ħsara diretta totali għall-ħsara kollha sas-soll, u 6 % għal ħsara ‘l fuq minn dan is-soll (fil-każ tal-Bulgarija biss).

Il-Kummissjoni qed tipproponi dawn l-ammonti ta’ għajnuna li ġejjin:

Diżastru

Ħsara diretta

(f'miljuni ta' EUR)

Applikazzjoni tas-soll għad-diżastri reġjonali (f'miljuni ta' EUR)

Soll għad-diżastri maġġuri

(f'miljuni ta' EUR)

Kost totali tal-operazzjonijiet eleġibbli

(f'miljuni ta' EUR)

2,5 % tal-ħsara diretta sas-soll (f'EUR)

6 % tal-ħsara diretta 'l fuq mis-soll (f'EUR)

Ammont totali ta' għajnuna proposta (f'EUR)

IL-BULGARIJA

243,305

-

234,871

239,225

5 871 775

506 040

6 377 815

IL-GREĊJA

395,878

124,354

1 091,315

308,445

9 896 950

-

9 896 950

TOTAL

 

 

 

 

 

 

16 274 765

Meta jitnaqqsu l-avvanzi ta’ 10 % li diġà tħallsu (EUR 637 782 għall-Bulgarija u EUR 989 695 għall-Greċja), il-bilanċ li fadal jitħallas huwa ta’ EUR 14 647 288 (li minnhom EUR 5 740 033 għall-Bulgarija u EUR 8 907 255 għall-Greċja).

Fiż-żmien tal-adozzjoni tal-Baġit 2015, iddaħħal l-ammont ta’ EUR 50 000 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament fil-baġit għall-ħlasijiet tal-avvanzi. Bl-invokazzjoni tal-punt 11 tal-FII li jipprevedi l-possibbiltà għar-riallokazzjoni ta’ approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi li timmobilizza l-Fond billi jintuża dan l-ammont diġà mmobilizzat, allokat speċifikament għal ħlas tal-avvanzi, sabiex jitħallas il-bilanċ li fadal ta’EUR 14 647 288.

Minħabba dan, il-mobilizzazzjoni proposta ma teħtieġx emenda għall-baġit tal-2015. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex il-ħsieb li tippreżenta abbozz ta’ baġit emendatorju.

Din l-operazzjoni tħalliammont ta’ EUR 33 725 235 disponibbli għall-ħlas ta’ kwalunkwe avvanz ulterjuri fl-2015, jekk ikun hemm bżonn, li l-Kummissjoni tqis suffiċjenti biex tiġi koperta kwalunkwe talba possibbli ġdida li tasal matul ix-xhur li għad baqa’ tal-2015.

Dinhija t-tieni deċiżjoni ta' mobilizzazzjoni tal-2015 u l-ammont totali ta' għajnuna propost hawn fuq huwa konformi mad-dispożizzjonijiet ta' limitu massimu għall-Fond ta' Solidarjetà tal-UE kif stabbilit fir-Regolament dwar il-QFP ta' EUR 541,2 miljun (jiġifieri EUR 500 miljun bil-prezzijiet tal-2011).

Skont il-punt 11 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013, f'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar dawn il-proposti, il-Kummissjoni tniedi proċedura ta' trilogu bl-għan li tiżgura l-qbil taż-żewġ fergħat tal-Awtorità Baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-Fond u dwar l-ammont meħtieġ.

Skont ftehim intern mal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (REGI), dan il-Kumitat għandu jkun assoċjat mal-proċess, sabiex jipprovdi appoġġ kostruttiv għall-implimentazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE. Wara l-valutazzjoni tat-talbiet, il-Kumitat REGI tal-Parlament Ewropew ta l-opinjonijiet tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, kif espressi fl-ittra ta' opinjoni mehmuża ma' dan ir-rapport.

Ir-Rapporteur jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kummissjoni annessa ma' dan ir-rapport għar-raġunijiet li ġejjin:

•   iż-żewġ każijiet jissodisfaw il-kriterji tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;

•   in-natura tad-diżastri, u l-kobor u l-impatt profond tagħhom fuq il-komunitajiet u l-ekonomiji lokali;

•   Il-ħsara affetwat bil-qawwa lir-reġjuni - mhux biss l-infrastruttura pubblika (il-provvista tal-ilma u l-infrastruttura tad-dranaġġ u l-elettriku) iżda wkoll lil proprjetà privata, negozji, art agrikola u foresti;

ANNESS – ITTRA MILL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Għażiż Sur Arthuis,

Suġġett:           Il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea favur il-Bulgarija u l-Greċja

Il-Kummissjoni Ewropea għaddiet lill-Parlament Ewropew il-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE (COM(2015)0370), abbażi tal-applikazzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond li tressqu mill-Bulgarija u mill-Greċja fir-rigward ta' tliet diżastri li seħħew fit-territorji tagħhom fl-2015.

Il-Kummissjoni tipproponi l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, bl-istima tal-ħsara kkawżata minn kull diżastru kif tidher hawn taħt u mqassma skont il-pajjiż:

Diżastru

Ħsara diretta

(f'miljuni ta' EUR)

Applikazzjoni tas-soll għad-diżastri reġjonali (f'miljuni ta' EUR)

Soll għad-diżastri maġġuri

(f'miljuni ta' EUR)

Kost totali tal-operazzjonijiet eleġibbli

(f'miljuni ta' EUR)

2,5 % tal-ħsara diretta sas-soll (f'EUR)

6 % tal-ħsara diretta 'l fuq mis-soll (f'EUR)

Ammont totali ta' għajnuna proposta (f'EUR)

 

 

IL-BULGARIJA

243,305

-

234,871

239,225

5 871 775

506 040

6 377 815

IL-GREĊJA

395,878

124,354

1 091,315

308,445

9 896 950

-

9 896 950

TOTAL

 

 

 

 

 

 

16 274 765

Fid-dawl tal-eżami tal-applikazzjonijiet, u meta titqies l-għotja massima possibbli mill-Fond, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-Fond għal dawn iż-żewġ każijiet bl-użu ta' EUR 16 274 765 mill-EUR 50 000 000 immobilizzati speċifikament għall-avvanzi fuq il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex nirrapportalek li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

14.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Carlos Iturgaiz, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Ernest Maragall, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Urmas Paet, Indrek Tarand, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrey Novakov

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Raymond Finch

  • [1]  ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [4]  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3).
  • [5]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [6]  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali
    għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
  • [7]  Deċiżjoni (UE) Nru 2015/422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 68, 13.3.2015, p. 47).