RAPPORT dwar il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u governanza ekonomika soda: linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

29.09.2015 - (2015/2052(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: José Blanco López


Proċedura : 2015/2052(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0268/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u governanza ekonomika soda: linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

(2015/2052(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment ma' governanza ekonomika soda skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (COM(2014)0494) (minn hawn 'il quddiem "il-Linji gwida"),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162, 174 sa 178 u 349 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni")[1],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 23, inkluża fid-Dikjarazzjonijiet marbuta mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar l-effetti tar-restrizzjonijiet baġitarji għall-awtoritajiet reġjonali u lokali rigward in-nefqa tal-Fondi Strutturali tal-UE fl-Istati Membri[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-Politika ta' Koeżjoni għall-ksib tal-objettivi ta' Lisbona u tal-UE2020[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar is-seba' u t-tmien rapporti ta' progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika ta' Koeżjoni tal-UE u r-Rapport Strateġiku tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-programm għal bejn l-2007 u l-2013[5],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014[6],

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bit-titolu "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni, tat-23 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport strateġiku tal-Kummissjoni tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-programm għal bejn l-2007 u l-2013, tat-18 ta' April 2013 (COM(2013)0210),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-12 ta' Frar 2015 dwar linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (FSIE) ma' governanza ekonomika soda,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament ta' Jannar 2014 bit-titolu "Il-Governanza Ekonomika Ewropea u l-Politika ta' Koeżjoni" (Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni),

–  wara li kkunsidra t-tgħarrif tal-Parlament ta' Diċembru 2014 bit-titolu "Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u governanza ekonomika soda: linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni "(Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0268/2015),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni hi politika bbażata fuq it-TFUE, u hija espressjoni ta' solidarjetà Ewropea, intiża biex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE u, b'mod partikolari, tnaqqas id-disparitajiet bejn ir-reġjuni, filwaqt li tippromwovi żvilupp soċjoekonomiku bilanċjat u armonjuż; billi hija wkoll politika ta' investiment li tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

B.  billi l-qafas leġiżlattiv attwali għall-politika ta' koeżjoni, filwaqt li jistabbilixxi rabtiet mal-Istrateġija tal-UE għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, is-Semestru Ewropew u l-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet relevanti speċifiċi għall-pajjiż u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, huwa madankollu soġġett għal missjonijiet, objettivi u prinċipji orizzontali speċifiċi ħafna;

C.  billi l-qafas legali attwali tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) għandu l-għan li jsaħħaħ il-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u s-sinerġiji ma' politiki u strumenti oħra tal-UE;

D.  billi teżisti evidenza li governanza tajba u istituzzjonijiet pubbliċi effiċjenti huma essenzjali għal tkabbir ekonomiku fit-tul u sostenibbli, għall-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp soċjali u territorjali, għalkemm teżisti inqas evidenza fir-rigward tal-fatturi makroekonomiċi li jolqtu l-mod ta' kif taħdem il-politika ta' koeżjoni;

E.  billi l-imprevedibilità ekonomika u finanzjarja u l-inċertezza legali jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis fil-livelli ta' investiment pubbliku u privat, u jpoġġu f'riskju l-ilħuq tal-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni;

F.  billi l-Linji Gwida jirrigwardaw l-ewwel taqsima ta' miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika soda skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; billi dan jirreferi għal programmar mill-ġdid u sospensjoni ta' pagamenti li mhumiex obbligatorji, kontrarjament għat-tieni taqsima tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni li jirrikjedi s-sospensjoni tal-impenji jew tal-pagamenti meta l-Istati Membri jonqsu milli jieħdu azzjoni korrettiva fil-kuntest tal-proċess ta' governanza ekonomika;

G.  billi, fil-passat, il-livell ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż min-naħa tal-Istati Membri kien baxx, skont dak li jidher mill-evidenza tal-valutazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni fir-rigward ta' 279 rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa fl-2012 u l-2013, li uri li 28 rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż ġew indirizzati għalkollox jew li deher progress sostanzjali fihom (10 %) u li 136 (48.7 %) kienu kisbu xi progress, iżda għal 115 (41.2 %) ġie reġistrat progress limitat jew inkella ebda progress;

Rabta bejn l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika soda

1.  Jenfasizza l-importanza tal-istrumenti u r-riżorsi tal-politika ta' koeżjoni biex jinżamm il-livell ta' investiment b'valur miżjud Ewropew fl-Istati Membri u r-reġjuni bil-għan li jissaħħaħ il-ħolqien tal-impjiegi u jittejbu l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, speċjalment fejn l-investiment naqas b'mod sinifikanti minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja;

2.  Jemmen li l-mekkaniżmi ta' governanza ekonomika m'għandhomx ixekklu l-ksib tal-objettivi u l-għanijiet tal-politika tal-Fondi ESI, u fl-istess waqt jirrikonoxxi r-rilevanza tagħhom fil-kontribut għal ambjent makroekonomiku stabbli u politika ta' koeżjoni effiċjenti, effettiva u orjentata lejn ir-riżultati;

3.  Iqis li l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għandu jintuża biss bħala l-aħħar alternattiva biex jikkontribwixxi għal implimentazzjoni effiċjenti tal-Fondi ESI;

4.  Jenfasizza li l-programmi u l-objettivi tal-Fondi SIE huma ta' natura pluriennali u fit-tul, għall-kuntrarju taċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew; jindika, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċarezza tal-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni ta' dan tal-aħħar, u jappella għal koordinazzjoni mill-qrib bejn dawn iż-żewġ proċessi u bejn il-korpi responsabbli għall-implimentazzjoni rispettiva tagħhom;

5.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni tippreżenta White Paper li tqis l-effetti tal-investiment pubbliku fit-tul u tistabbilixxi tipoloġija ta' investimenti ta' kwalità, sabiex dawk li jipproduċu l-aqwa effetti fit-tul ikunu jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar;

6.  Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni kellha rwol vitali u wriet kapaċità ta' reazzjoni sinifikanti għar-restrizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali fil-kuntest tal-kriżi attwali, permezz tal-ipprogrammar mill-ġdid ta' aktar minn 11 % tal-baġit disponibbli bejn l-2007 u l-2012, bil-għan li tagħti sostenn lill-ħtiġijiet l-aktar urġenti u ssaħħaħ ċerti interventi; jisħaq, f'dan ir-rigward, li f'diversi Stati Membri, il-politika ta' koeżjoni rrappreżentat aktar minn 80 % tal-investiment pubbliku tul il-perjodu 2007-2013;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi aktar data analitika dwar l-impatt u l-importanza tal-mekkaniżmi makroekonomiċi għall-iżvilupp reġjonali, għall-effettività tal-politika ta' koeżjoni u għall-interazzjoni bejn il-qafas ta' governanza ekonomika Ewropea u l-politika ta' koeżjoni, kif ukoll biex tipprovdi informazzjoni speċifika dwar kif il-politika ta' koeżjoni tikkontribwixxi għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill relevanti;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu mill-flessibilità eżistenti taħt ir-regoli tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir;

Programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

9.  Ifakkar li kwalunkwe deċiżjoni rigward l-ipprogrammar mill-ġdid jew sospensjoni skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jeħtieġ tintuża biss f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali, u trid tkun ikkunsidrata tajjeb, iġġustifikata bir-reqqa u implimentata b'mod kawt, b'indikazzjoni tal-programmi jew il-prijoritajiet ikkonċernati bil-għan li tiġi żgurata t-trasparenza u tkun tista' ssir verifika u rieżami; jenfasizza, barra minn hekk, li dawn id-deċiżjonijiet m'għandhomx iżidu d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-reġjuni u l-Istati Membri minħabba l-ambjent soċjoekonomiku jew il-pożizzjoni ġeografika u l-ispeċifiċitajiet tagħhom fis-sens tal-Artikoli 174 u 349 tat-TFUE;

10.  Iqis li l-ftehimiet u l-programmi ta' sħubija adottati fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali kkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż relevanti u r-rakkomandazzjonijiet relevanti tal-Kunsill, biex b'hekk żguraw li jkun hemm raġunijiet tajbin biex jiġi evitat kwalunkwe programmar mill-ġdid fuq perjodu ta' żmien medju, dment li l-kundizzjonijiet ekonomiċi ma jmorrux sostanzjalment għall-agħar;

11.  Jisħaq li l-ipprogrammar mill-ġdid frekwenti jkun kontroproduttiv u għandu jiġi evitat bil-għan li ma jxekkilx il-ġestjoni tal-fond jew idgħajjef l-istabilità u l-prevedibilità tal-istrateġija ta' investiment pluriennali u biex jiġi evitat kwalunkwe impatt negattiv, inkluż fuq l-assorbiment tal-Fondi SIE;

12.  Jilqa' l-approċċ kawt tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ipprogrammar mill-ġdid, kif ukoll l-intenzjoni tagħha li żżommu għall-minimu meħtieġ; jitlob li jkun hemm approċċ ta' 'twissija bikrija' bil-għan li l-Istati Membri kkonċernati jiġu infurmati dwar it-tnedija tal-proċedura ta' programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, u jenfasizza li kwalunkwe talba għal programmar mill-ġdid għandha tiġi ppreċeduta minn konsultazzjoni tal-kumitat ta' monitoraġġ;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati, analiżi komprensiva tal-għażliet kollha li huma disponibbli għajr l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni biex tindirizza kwistjonijiet li jistgħu jwasslu għal talba għal programmar mill-ġdid;

14.  Jiddeplora kwalunkwe żieda sproporzjonata fil-piż amministrattiv u l-ispejjeż sussegwenti għal kull livell tal-amministrazzjoni kkonċernat, minħabba l-iskadenzi qosra u l-kumplessità tal-proċedura ta' programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; iwissi kontra kwalunkwe trikkib bejn il-proċeduri ta' programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u ċ-ċikli tas-Semestru Ewropew sussegwenti; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibilità li tivvaluta mill-ġdid l-applikazzjoni tal-iskadenzi skont ir-rieżami previst fl-Artikolu 23(16) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

Il-prinċipji orizzontali skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Linji Gwida ma jagħmlux referenza espliċita għall-prinċipji ġenerali u orizzontali stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 8 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, u jfakkar li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni trid tikkunsidra u tkun konformi ma' dawn il-prinċipji, b'mod partikolari mal-prinċipji ta' sħubija u governanza f'diversi livelli, u mar-Regolament u l-Qafas Strateġiku Komuni b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tiċċara kif dawn il-prinċipji se jitqiesu b'mod speċifiku fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

Id-dimensjoni sottonazzjonali tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

16.  Jenfasizza li ż-żieda fid-dejn pubbliku toriġina prinċipalment mill-politiki li jsegwu l-gvernijiet tal-Istati Membri, u jinsab imħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' kapaċità li kwistjonijiet makroekonomiċi jiġu indirizzati kif jixraq fil-livell nazzjonali jaf jippenalizza lill-awtoritajiet sottonazzjonali u lill-benefiċjarji u l-applikanti tal-Fondi SIE;

17.  Ifakkar li r-regoli dwar il-konċentrazzjoni tematika previsti fil-politika ta' koeżjoni tal-perjodu 2014-2020 jippermettu ċertu livell ta' flessibilità fl-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-Istati Membri u r-reġjuni, u jinnota li l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni taf tillimita din il-flessibilità; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-isfidi territorjali ewlenin, kif ukoll il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif previst fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u s-sħab kif stipulat fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, l-impatt u l-kosteffiċjenza fil-livelli reġjonali u lokali ta' kull miżura adottata skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

19.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti b'mod attiv fi kwalunkwe programmar mill-ġdid, u huwa tal-fehma li peress li l-Fondi SIE huma marbuta ma' governanza ekonomika soda, is-Semestru Ewropew għandu jingħata dimensjoni territorjali bl-involviment ta' dawk l-awtoritajiet ukoll;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni taqra l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni f'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, billi tqis is-sitwazzjoni ta' dawk l-Istati Membri u reġjuni li jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet soċjoekonomiċi u fejn il-Fondi SIE jikkostitwixxu sehem sinifikanti tal-investiment, li huwa aktar evidenti fil-kuntest ta' kriżi; jisħaq li l-Istati Membri u r-reġjuni, b'mod partikolari dawk li baqgħu lura, m'għandhomx jintlaqtu ulterjorment;

Koordinazzjoni istituzzjonali, trasparenza u responsabilità

21.  Ifakkar li koordinazzjoni istituzzjonali soda hija essenzjali sabiex jiġu ggarantiti l-komplementarjetajiet u s-sinerġiji tal-politika tajba, kif ukoll interpretazzjoni xierqa u stabbli tal-qafas ta' governanza ekonomika soda u l-interazzjoni tagħha mal-politika ta' koeżjoni;

22.  Jitlob li jkun hemm fluss adegwat ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, u li jsir dibattitu pubbliku fil-livell politiku xieraq bil-għan li jiġi żgurat fehim komuni fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; ifakkar, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa għal konfigurazzjoni speċifika tal-Kunsill iddedikata għall-politika ta' koeżjoni inkarigata mid-deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

23.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabilità billi l-Parlament jingħata sorveljanza demokratika tas-sistema ta' governanza fil-kuntest tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, li jintroduċi limitazzjonijiet importanti fl-approċċ minn isfel għal fuq, li huwa aspett importanti tal-politika ta' koeżjoni;

Sospensjoni tal-pagamenti

24.  Ifakkar li s-sospensjoni tal-pagamenti hija kwistjoni deċiża mill-Kunsill abbażi ta' proposta li l-Kummissjoni tista' tadotta fil-każ li l-Istat Membru kkonċernat jonqos milli jieħu azzjoni effettiva; jissottolinja s-salvagwardji legali importanti stabbiliti mill-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni bil-għan li tiġi żgurata l-eċċezzjonalità tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni;

25.  Jenfasizza n-natura penalizzanti ta' kwalunkwe sospensjoni tal-pagamenti, u jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha biex tipproponi s-sospensjoni tal-pagamenti bl-akbar kawtela u b'konformità stretta mal-Artikolu 23(6) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, wara li tkun ivvalutat kif jixraq l-informazzjoni u l-elementi relevanti kollha li jirriżultaw mid-djalogu strutturat, kif ukoll l-opinjonijiet espressi permezz tiegħu;

26.  Jilqa', fil-kuntest tal-kriterji għad-determinazzjoni tal-programmi li għandhom jiġu sospiżi u l-livell ta' sospensjoni skont l-ewwel taqsima, l-approċċ kawt adottat fil-Linji Gwida fejn ser jitqiesu ċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri billi jiġu kkunsidrati fatturi mitiganti simili għal dawk previsti fis-sospensjonijiet skont l-Artikolu 23(9) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi skadenza għat-tneħħija tas-sospensjoni skont l-Artikolu 23(8) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

Ir-rwol tal-Parlament fil-qafas tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

28.  Jiddispjaċih li l-Linji Gwida ma jagħmlu l-ebda referenza għar-rwol tal-Parlament, minkejja l-fatt li r-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni ġie adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u minkejja l-appelli konsistenti tal-Parlament biex tissaħħaħ ir-responsabilità u l-kontroll demokratiċi fil-kuntest tal-governanza ekonomika;

29.  Iqis li l-involviment tal-Parlament, bħala l-garanti demokratiku ewlieni għall-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 23(15) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, għandu jiġi formalizzat permezz ta' proċedura ċara li tippermetti lill-Parlament Ewropew jiġi kkonsultat fl-istadji kollha fir-rigward tal-adozzjoni ta' talbiet għal programmar mill-ġdid jew ta' kwalunkwe proposta jew deċiżjoni dwar is-sospensjoni tal-impenji jew tal-pagamenti;

30.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm kollaborazzjoni kostanti, ċara u trasparenti fil-livell interistituzzjonali, u jqis li tali proċedura għandha tinkludi, minn tal-inqas, dawn il-passi li ġejjin:

  il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill li huma relevanti fil-kuntest tal-Fondi SIE, kif ukoll dwar il-programmi ta' assistenza finanzjarja, jew modifiki rispettivi, li jistgħu jwasslu għal talba għal programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

  il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament dwar kwalunkwe talba għal programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jew dwar kwalunkwe proposta għal deċiżjoni li jiġu sospiżi l-pagamenti skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, biex b'hekk tippermetti lill-Parlament jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu fil-forma ta' riżoluzzjoni qabel ma tieħu passi ulterjuri;

  il-Kummissjoni għandha tqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament u kwalunkwe element li jirriżulta mid-djalogu strutturat skont l-Artikolu 23(15) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jew opinjonijiet espressi permezz ta' tali djalogu;

  il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna mill-Parlament biex tispjega jekk l-opinjonijiet tal-Parlament ġewx ikkunsidrati fil-proċess, kif ukoll jekk sarx xi segwitu ieħor għad-djalogu strutturat;

  il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandhom jiġu infurmati u jinstemgħu dwar talbiet għal programmar mill-ġdid;

  Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu djalogu fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, billi jiżguraw koordinazzjoni interistituzzjonali u fluss xieraq ta' informazzjoni, waqt li jingħata lok għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' kwalunkwe proċedura skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-impatt u r-riżultati miksuba fl-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, fil-kuntest tar-rieżami tal-applikazzjoni tiegħu f'konformità mal-paragrafu 17 ta' dan l-Artikolu, fosthom billi tagħti dettalji dwar sa liema punt kull talba għal programmar mill-ġdid kienet ibbażata fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill relevanti, jew safejn saħħet l-impatt tat-tkabbir u l-kompetittività tal-Fondi SIE disponibbli għall-Istati Membri taħt programmi ta' assistenza finanzjarja, kif ukoll billi tipprovdi d-data dwar kwalunkwe ammont sospiż u l-programmi kkonċernati;

°

°  °

32.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom.

NOTA SPJEGATTIVA

Introduzzjoni

Id-dispożizzjonijiet dwar il-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika soda fl-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, adottati fil-leġiżlatura preċedenti probabbilment huma l-iktar aspett kontroversjali ta' dak ir-regolament.

Il-korapporteurs tal-Parlament Ewropew tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni proponew fir-rapport tagħhom it-tneħħija sħiħa tad-dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonalità makroekonomika. Dan it-tħassir tqajjem ukoll f'diversi emendi li saru, inklużi emendi mressqa f'isem diversi gruppi politiċi tal-Parlament. Għaldaqstant nistgħu ngħidu li maġġoranza kbira opponiet ruħha għall-kundizzjonalità makroekonomika.

Madankollu, il-kundizzjonalità makroekonomika finalment ġiet inkorporata fir-regolament. L-eżitu tal-ftehim milħuq bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li għadu jinkludi d-dispożizzjonijiet ikkonċernati, jiġi adottat fl-ewwel qari, mingħajr il-possibilità li ssir votazzjoni tal-emendi fir-rigward tat-tħassir tad-dispożizzjonijiet.

B'dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja, ma nistgħux inħassru jew nimmodifikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 kif stipulat fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni. Nistgħu biss niżguraw li jiġu applikati bl-iktar mod ġustifikat u bbilanċjat possibbli.

Ta' min jinnota li l-linji gwida f'dan ir-rapport jirreferu biss għall-ewwel parti tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni fir-rigward tal-ipprogrammar mill-ġdid jew is-sospensjonijiet tal-fondi strutturali u ta' investiment b'mod volontarju, u mhux għat-tieni parti dwar is-sospensjonijiet tal-fondi b'mod obbligatorju.

Matul it-tħejjija ta' dan ir-rapport, ir-rapporteur kellu l-opportunità li jkollu skambju ta' fehmiet ma' ħafna mix-shadow rapporteurs tal-Kumitat REGI, kif ukoll mar-responsabbli mill-kumitati li kellhom rapporti (ECON, EMPL u BUDG), flimkien ma' rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kummissjoni, il-Kunsill, fost oħrajn.

Il-limiti tal-Artikolu 23

Maġġoranza kbira kellha l-istess tħassib dwar l-implikazzjonijiet prattiċi ta' skedar mill-ġdid u sospensjoni tal-Fondi SIE permezz tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni. F'dan ir-rapport, ir-Rapporteur ipprova jsib bilanċ bejn il-fehmiet differenti tal-mekkaniżmu ta' kundizzjonalità makroekonomika mill-perspettiva tal-applikazzjoni tiegħu bħala l-aħħar rimedju fis-sistema.

Huwa essenzjali li ma nitbiegħdux mir-rwol oriġinali u l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni u l-importanza tagħha bħala strument għaż-żamma tal-investiment fir-reġjuni Ewropej, partikolarment fi żminijiet ta' kriżi u instabilità ekonomika. Filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa għal governanza ekonomika effettiva, tali mekkaniżmi m'għandhomx jostakolaw il-kisba ta' għanijiet usa' ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

M'għandniex naċċettaw li l-awtoritajiet reġjonali jew lokali jaf ikunu soġġetti għar-riprogrammar jew sospensjoni tal-fondi, id-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom stess, minħabba nuqqasijiet makroekonomiċi ta’ konformità relatati ma' livelli oħra tal-amministrazzjoni.

L-Artikolu tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jista' ma jwassalx għall-inċertezza u instabilità finanzjarja, li jġiegħlu s-sitwazzjoni diġà prekarja tmur għall-agħar f'reġjuni żvantaġġati jew dawk l-iktar milquta mill-kriżi. Għandna niżguraw rispons proporzjonat sabiex jiġi evitat żvantaġġ ulterjuri tar-reġjuni li diġà qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet.

Nilqgħu l-fatt li l-Kummissjoni tidher li taqbel li hu meħtieġ li jitnaqqas il-programmar mill-ġdid għall-minimu strett u essenzjali u li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali speċifika tal-Istat Membru inkwistjoni titqies fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni. Kwalunkwe applikazzjoni tal-kundizzjonalità makroekonomika għandha tkun trasparenti, ġustifikata, u evidentement ta' benefiċċju għall-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni għar-reġjun jew ir-reġjuni inkwistjoni.

Jiena nifhem li l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għandu jservi biss biex jagħmel il-politika ta' koeżjoni iktar effiċjenti u sostenibbli.

Għall-perjodu ta' programmazjoni attwali, il-politika ta' koeżjoni hija marbuta mill-qrib mal-għanijiet strateġiċi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-mekkaniżmi ta' governanza ekonomika bħas-Semestru Ewropew. Dan ifisser li, fil-prinċipju, il-ftehimiet u l-programmi ta' sħubija stabbiliti għal dan il-perjodu diġà għandhom ikunu konformi mal-għanijiet makroekonomiċi usa' tal-Unjoni li jwassal biex il-programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni mhuwiex utli ħlief fl-iktar ċirkostanzi eċċezzjonali.

Sabiex jiġi żgurat li l-objettiv primarju ta' koeżjoni mhuwiex affettwat, għandna nenfasizzaw l-importanza ta' koordinazzjoni istituzzjonali b'saħħitha bejn il-livelli kollha tal-amministrazzjoni, biex jiġu evitati ċentralizzazzjonijiet mill-ġdid li jikkontestaw il-governanza f'diversi livelli u l-prinċipju tas-sħubija, fil-qalba tal-politika ta' koeżjoni.

F'dan ir-rigward, se jkun importanti li tinġabar u tiġi analizzata data dwar l-interazzjoni bejn il-proċessi ta' governanza ekonomika Ewropej u l-għanijiet u r-riżultati tal-politika ta' koeżjoni.

Għandna niżguraw ukoll id-dimensjoni sottonazzjonali tal-politika ta' koeżjoni, flimkien mal-prinċipji ta' sussidjarjetà, trasparenza u proporzjonalità.

Jeħtieġ li niżguraw li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jżommu l-flessibilità li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u għandna nevitaw xenarju fejn il-programmar mill-ġdid skont l-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jillimita l-kapaċità tagħhom li jaġixxi f'reazzjoni għall-isfidi fil-livelli rispettivi tagħhom ta' governanza.

Jeħtieġ, fl-aħħar nett, li nillimitaw il-piżijiet amministrattivi possibbli u l-ispejjeż addizzjonali li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.

Kwalunkwe proċessi ta' programmar mill-ġdid għandhom jinżammu sempliċi u trasparenti kemm jista' jkun u l-kumplessità addizzjonali u l-inċertezza għall-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jiġu prevenuti.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Jeħtieġ li l-Parlament Ewropew isir l-garanti demokratiku ewlieni għall-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonalità makroekonomika fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.

Sfortunatament, il-linji gwida tal-Kummissjoni għadhom ma bdewx jiffurmaw ir-rwol tal-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni tal-ipprogrammar mill-ġdid u s-sospensjonijiet ta' fondi abbażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.

Lil hinn mill-kritika tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, dan ir-rapport għandu jservi biex isawwar l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew fil-proċessi ta' programmar mill-ġdid u s-sospensjonijiet għall-implimentazzjoni xierqa tal-prinċipju ta' kundizzjonalità makroekonomika.

Il-Parlament jeħtieġ ikollu rwol attiv fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u dan se jirrikjedi fluss kostanti u affidabbli ta' informazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kollha u trasparenza sħiħa f'kull stadju tal-proċess.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (23.6.2015)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u governanza ekonomika soda: linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni
(2015/2052(INI))

Rapporteur: Janusz Lewandowski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-kjarifika dwar l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi tal-paragrafi 1 u 6 tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

2.  Jaqbel li ambjent makroekonomiku stabbli, inkluż governanza ta' kwalità għolja fil-livelli kollha, iwassal għall-implimentazzjoni b'suċċes tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

3.  Jenfasizza li għandhom jintużaw kriterji oġġettivi għall-valutazzjoni ta' x'tikkostitwixxi "azzjoni effikaċi" min-naħa ta' Stat Membru; jissottolinja l-importanza li jiġu rrispettati l-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' trattament ugwali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 23, kif ukoll il-bżonn għal djalogu f'waqtu u komprensiv mal-Istat Membru kkonċernat;

4.  Ifakkar li l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) huma strumentali għat-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-livell tal-Istati Membri u li għandhom jiġu kkunsidrati qabel ma Stat Membru jintalab biex jirrieżamina u jemenda l-Ftehim ta' Sħubija tiegħu u l-programmi rilevanti;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-proċedura skont l-ewwel taqsima tal-Artikolu 23 bħala l-aħħar miżura u f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali biss fejn il-benefiċċji tat-tibdiliet proposti huma akbar bil-qabda mill-ispejjeż tagħhom, filwaqt li jittieħed kont tal-fatt li l-proċess ta' riprogrammazzjoni jista' jkun għali u diffiċli li jkun ġestit għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, meta wieħed iqis l-esperjenza fil-passat;

6.  Jirrimarka li r-reġjuni, bħala medja, jimplimentaw terz tan-nefqa pubblika fl-UE u għandhom rwol importanti fl-għoti ta' servizzi pubbliċi u infiq li jwassal għal tkabbir; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iskadenzi qosra stabbiliti għar-riprogrammazzjoni u biħsiebu jissorvelja mill-qrib jekk l-involviment xieraq ta' awtoritajiet reġjonali u s-sħab speċifikati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 hux se jkun possibbli, skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tas-sħubija li huma fil-qalba tal-politika ta' koeżjoni;

7.  Iwissi, b'mod partikolari, li kwalunkwe sospensjoni ta' approprjazzjonijiet ta' pagament tista' tħarbat l-ippjanar finanzjarju fil-livell tal-programm u tippenalizza lil promoturi tal-proġetti u, b'mod aktar ġenerali, timmina l-prevedibbiltà u l-ippjanar tal-investimenti, b'impatt potenzjalment kontroproduttiv fuq Stati Membri ekonomikament vulnerabbli, li l-finanzi pubbliċi tagħhom diġà jinsabu f'defiċit u li l-investiment pubbliku tagħhom jiddependi bil-kbir fuq il-finanzjament Strutturali u ta' Investiment Ewropew, u possibilment tikkawża wkoll instabbiltà makroekonomika u tista' tkun ta' detriment għall-immaġni tal-UE b'mod globali;

8.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-Parlament ma kienx involut fil-process deċiżjonali dwar ir-riprogrammazzjoni jew is-sospensjoni ta' fondi; jitlob li l-aspetti baġitarji ta' kwalunkwe każ ta' riprogrammazzjoni u ta' sospensjoni jkun parti mid-djalogu strutturat mal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 u li dan id-djalogu jsir qabel ma l-Kummissjoni tadotta proposta dwar is-sospensjoni ta' finanzjament;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni, tippreżenta mingħajr dewmien fl-2017, skont l-Artikolu 23(16), rapport li jirrieżamina l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, li għandu jinkludi valutazzjoni tal-aspetti baġitarji involuti kollha.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

7

12

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Sophie Montel, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Isabelle Thomas, Monika Vana, Daniele Viotti, Stanisław Żółtek

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Janusz Lewandowski, Nils Torvalds, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Tiziana Beghin, Marco Zullo

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (24.6.2015)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u governanza ekonomika soda: linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni
(2015/2052(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Javi López

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-kriterji tal-Kummissjoni, filwaqt li jenfasizza l-fatt li l-isfidi li jiffaċċjaw l-Istati Membri huma fit-tul u li l-programmi pluriennali ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), maħsuba biex jindirizzaw dawn l-isfidi, jeħtieġu ċertezza u permanenza, u li għalhekk għandha tiġi evitata riprogrammazzjoni frekwenti u, minflok, tiġi preferuta l-istabbiltà sabiex jissaħħu l-prevedibbiltà u l-kredibbiltà tal-programmi ffinanzjati mill-Fondi SIE; jemmen li l-fatt li r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi (CSRs) jiffukaw fuq terminu aktar qasir m'għandux jipperikola l-għanijiet fit-tul tal-Fondi SIE minħabba n-natura fit-tul u orjentata lejn ir-riżultati tal-Fondi SIE u ċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew; jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill ikunu prudenti ħafna meta jitolbu r-riprogrammazzjoni tal-fondi jew is-sospensjoni tal-pagamenti għall-programmi, f'konformità mal-prinċipju ta' solidarjetà tal-UE, li huwa parzjalment espress permezz tal-mekkaniżmu tat-tqassim tal-finanzjament tal-UE u li għandu jibqa' element ċentrali tal-politika tal-UE;

2.  Jenfasizza l-fatt li, sabiex jiġi massimizzat l-impatt fuq it-tkabbir, l-iżvilupp, il-koeżjoni u l-ħolqien tal-impjiegi u jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u ekonomiċi ġodda li jkun hemm, l-investiment appoġġjat mill-Fondi SIE għandu jseħħ f'qafas makroekonomiku sod; ifakkar, madankollu, li l-allokazzjonijiet fil-qafas tal-Fondi SIE huma bbażati fuq kriterji ta' eliġibbiltà speċifiċi marbuta mal-livell ta' żvilupp tar-reġjuni tal-UE, u għaldaqstant deċiżjonijiet ta' riprogrammazzjoni jew sospensjoni abbażi ta' kriterji oħra jistgħu jkunu inkonsistenti mar-raġunament wara dawn il-fondi;

3.  Jirrimarka li, f'ċerti każijiet, ir-riprogrammazzjoni jew is-sospensjoni, kif regolati fl-Artikolu 23 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR), jistgħu jipperikolaw l-ilħuq tal-objettivi tal-Fondi SIE fl-Istati Membri kollha, u speċjalment f'dawk li qed iħabbtu wiċċhom ma' żbilanċi makroekonomiċi u soċjali profondi; jistieden lill-Kummissjoni tirrikorri biss għall-mekkaniżmu meta l-Istati Membri jkunu naqsu b'mod persistenti milli jieħdu azzjoni effikaċi biex jindirizzaw it-talbiet tagħha għal riprogrammazzjoni, u meta jkun hemm evidenza b'saħħitha li r-riprogrammazzjoni jista' jkollha impatt dirett konsiderevoli fuq il-potenzjal tal-programm fir-rigward tal-ħolqien ta' impjiegi; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha turi biċ-ċar li l-modifiki ma jaffettwawx ħażin il-miri dwar l-impjiegi u l-affarijiet soċjali kif previsti mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, twettaq valutazzjoni tal-impatt fuq ir-rata tal-qgħad u l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi kkonċernati; jenfasizza li kull programm b'effetti pożittivi fit-tul b'rabta mal-investiment soċjali m'għandux jintmess;

4.  Iqis li huwa kontroproduttiv li l-Fondi SIE li jappoġġjaw l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħolqien tal-impjiegi jistgħu jiġu sospiżi, ladarba dawn il-fondi qed jilħqu l-objettivi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tkun prudenti fl-applikazzjoni tal-ewwel parti tal-Artikolu 23 tas-CPR għall-programmi kollha li jaqgħu taħt xi wieħed mill-objettivi tematiċi tal-Fondi SIE, b'mod partikolari l-objettivi tematiċi (8), (9) jew (10), jew il-miri tal-impjiegi u dawk soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020, u takkumpanja kwalunkwe modifika fil-programmi ffinanzjati mill-Fondi SIE b'garanziji xierqa dwar ir-rispett tal-objettivi tal-koeżjoni soċjali; jitlob lill-Kummissjoni timpenja ruħha b'mod rigoruż li tapplika s-sehem minimu tal-FSI previst fl-Artikolu 92(4) tas-CPR;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri proporzjonati u tqis iċ-ċirkustanzi ekonomiċi u soċjali tal-Istati Membri sabiex tevita s-sospensjoni ta' impenji jew pagamenti prevista fit-tieni parti tal-Artikolu 23 tas-CPR meta l-Istati Membri jkunu involuti f'xi waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fis-subparagrafi (a) sa (e) tal-paragrafu 1 tal-Anness III tas-CPR; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kull darba l-impatt tas-sospensjoni fuq il-qgħad u tipprova ttaffi l-effetti mhux mixtieqa li jista' jkun hemm fuq il-popolazzjoni kkonċernata;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tas-CPR, tfassal proċess deċiżjonali trasparenti, effikaċi u demokratiku li għandu jiġi applikat b'mod konsistenti, b'konformità mal-Artikolu 23(15) tas-CPR, li jinkludi l-introduzzjoni ta' sistema ta' twissija bikrija biex tinforma lill-pajjiż ikkonċernat dwar il-possibbiltà li tinbeda proċedura ta' riprogrammazzjoni immedjatament wara l-pubblikazzjoni tas-CSRs, u tippermetti lill-Parlament, abbażi ta' proċess formalizzat, ikun infurmat fl-istadji kollha tal-adozzjoni dwar talbiet għal riprogrammazzjoni jew kwalunkwe proposta jew deċiżjoni dwar is-sospensjoni ta' impenji jew pagamenti;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi skadenza sa meta għandha titneħħa s-sospensjoni skont l-Artikolu 23(8) tas-CPR.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

23.6.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

8

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, David Casa, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Marian Harkin, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Yana Toom, Ulla Tørnæs, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Inês Cristina Zuber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Georges Bach, Heinz K. Becker, Paloma López Bermejo, António Marinho e Pinto, Edouard Martin, Tamás Meszerics, Csaba Sógor, Helga Stevens, Monika Vana, Tom Vandenkendelaere

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Flavio Zanonato, Branislav Škripek

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

17.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

3

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, José Blanco López, Franc Bogovič, Mercedes Bresso, Steeve Briois, Edward Czesak, Rosa D’Amato, Bill Etheridge, Michela Giuffrida, Krzysztof Hetman, Constanze Krehl, Andrew Lewer, Louis-Joseph Manscour, Martina Michels, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Julia Reid, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Maria Spyraki, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ángela Vallina, Monika Vana, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Demetris Papadakis, Maurice Ponga

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Brando Benifei, Andrejs Mamikins, Soraya Post