Proċedura : 2014/2079(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0269/2015

Testi mressqa :

A8-0269/2015

Dibattiti :

PV 26/10/2015 - 18
CRE 26/10/2015 - 18

Votazzjonijiet :

PV 27/10/2015 - 5.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0373

IT-TIENI RAPPORT     
PDF 174kWORD 89k
29.9.2015
PE 560.695v02-00 A8-0269/2015

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2014/2079(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Ryszard Czarnecki

 1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW


1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2014/2079(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013 (COM(2014)0510) – C8-0148/2014)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2013, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015(5) li jipposponi d-deċiżjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2013, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li takkumpanjaha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(7), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0269/2015),

1.  Jiċħad il-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2013;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2014/2079(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0269/2015),

A.  billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni;

B.  billi l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom ikunu soġġetti għar-responsabbiltà demokratika fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni peress li huma benefiċjarji mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

C.  billi l-Parlament huwa l-uniku korp elett direttament fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għandu r-responsabbiltà li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

1.  Jenfasizza r-rwol tal-Parlament speċifikat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-kwittanza baġitarja;

2.  Jindika li, skont l-Artikolu 335 tat-TFUE, "[...] l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa tal-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom", u li, għaldaqstant, waqt li jitqies l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ir-Regolament Finanzjarju), l-istituzzjonijiet huma responsabbli b'mod individwali għall-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

3.  Jenfasizza r-rwol tal-Parlament u ta' istituzzjonijiet oħra fi ħdan il-proċedura ta' kwittanza hekk kif irregolat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu;

4.  Jinnota li, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, "id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta' għoti ta' kwittanza lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għandhom japplikaw bl-istess mod għall-proċedura ta' għoti ta' kwittanza [...] lill-persuni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġits ta' istituzzjonijiet u organi oħra tal-Unjoni Ewropea bħal ma huma l-Kunsill (f'dak li għandu x'jaqsam mal-attivitajiet tiegħu bħala eżekuttiv) [...]";

5.  Jiddispjaċih li l-Kunsill ma ta l-ebda spjegazzjoni dwar iż-żieda fis-sottoutilizzazzjoni u ta' riporti tal-impenji fil-baġit tagħhom tal-2013;

Kwistjonijiet pendenti

6.  Ifakkar lill-Kunsill bl-appell tal-Parlament għal rapporti ta' progress dwar proġetti ta' bini u analiżi dettaljata tal-ispejjeż li tħallsu s'issa;

7.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jipprovdi spjegazzjoni bil-miktub u dettaljata dwar l-ammont totali ta' approprjazzjonijiet użati fix-xiri tal-bini "Residence Palace", l-intestaturi baġitarji li minnhom ittieħdu dawn l-approprjazzjonijiet, il-pagamenti parzjali li tħallsu s'issa, u l-pagamenti parzjali li għad iridu jitħallsu;

8.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jipprovdi informazzjoni dwar il-proċess ta' modernizzazzjoni amministrattiva tiegħu, b'mod partikolari dwar il-miżuri konkreti ta' implimentazzjoni ta' dak il-proċess u l-impatt previst fuq il-baġit tal-Kunsill;

9.  Jiddispjaċih bid-diffikultajiet li tfaċċaw ripetutament fil-proċeduri ta' kwittanza sal-lum, li seħħew minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill; jirrimarka li l-Parlament ċaħad l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009, 2010, 2011 u 2012 għar-raġunijiet stabbliti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Mejju 2011(8), tal-25 ta' Ottubru 2011(9), tal-10 ta' Mejju 2012(10), tat-23 ta' Ottubru 2012(11), tas-17 ta' April 2013(12), tad-9 ta' Ottubru 2013(13), tat-3 ta' April 2014(14) u tat-23 ta' Ottubru 2014(15) u ppospona d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-sena finanzjarja 2013 għar-raġunijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015;

10.  Jinsisti li eżerċizzju ta' kontroll baġitarju effikaċi jeħtieġ kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015; jikkonferma li l-Parlament mhuwiex fil-qagħda li jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza;

11.  Ifakkar lill-Kunsill bil-fehmiet tal-Kummissjoni, kif espressi fl-ittra tagħha tat-23 ta' Jannar 2014, li l-istituzzjonijiet kollha huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-kummenti magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza u li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza;

12.  Jinnota li fl-ittra msemmija hawn fuq il-Kummissjoni sostniet li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits tal-istituzzjonijiet l-oħra u li l-fatt li tagħti risposta għal mistoqsijiet indirizzati lil istituzzjoni oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni li timplimenta t-taqsima tagħha stess tal-baġit;

13.  Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu qiegħed jonqos milli jagħti tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Parlament; ifakkar il-konklużjonijiet tas-sessjoni ta' ħidma tal-Parlament tas-27 ta' Settembru 2012 dwar id-Dritt tal-Parlament li Jagħti Kwittanza lill-Kunsill, li matulha l-biċċa l-kbira tal-esperti ġuridiċi u akkademiċi qablu dwar id-dritt tal-Parlament għall-informazzjoni; jirreferi f'dan ir-rigward għall-Artikolu 15(3) tat-TFUE li jipprevedi li kull istituzzjoni, korp, jew organu għandu jassigura t-trasparenza tal-ħidma tiegħu;

14.  Jinsisti li n-nefqa tal-Kunsill għandha tgħaddi minn skrutinju bħal dik tal-istituzzjonijiet l-oħra u li l-elementi fundamentali ta' dan l-iskrutinju huma stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tiegħu tas-snin li għaddew;

15.  Jenfasizza l-prerogattiva tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-TFUE, f'konformità mal-interpretazzjoni u l-prassi attwali, speċifikament li jagħti l-kwittanza għal kull intestatura tal-baġit b'mod individwali sabiex jinżammu t-trasparenza u l-obbligu demokratiku li jingħata rendikont lill-kontribwenti tal-Unjoni;

16.  Hu tal-fehma li n-nuqqas tal-Kunsill li jressaq id-dokumenti mitluba lill-Parlament jimmina għal kollox id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-informazzjoni u t-trasparenza, u qiegħed isir għajn ta' tħassib, peress li joħloq ċertu defiċit demokratiku fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

17.  Jemmen li huwa meħtieġ li jitqiesu possibbiltajiet differenti sabiex jiġu aġġornati r-regoli dwar l-għoti ta' kwittanza kif stabbiliti fit-TFUE;

18.  Iqis li kooperazzjoni sodisfaċenti bejn il-Parlament, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill bħala riżultat ta' proċedura ta' djalogu miftuħ u formali, tista' tkun sinjal pożittiv li jingħata liċ-ċittadini tal-Unjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

22.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Marian-Jean Marinescu, Markus Pieper, Julia Pitera, Miroslav Poche, Patricija Šulin

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Raymond Finch

(1)

ĠU L 66, 8.3.2013.

(2)

ĠU C 403, 13.11.2014, p. 1.

(3)

ĠU C 398, 12.11.2014, p. 1.

(4)

ĠU C 403, 13.11.2014, p. 128.

(5)

Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2015)0122.

(6)

ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(8)

  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 25.

(9)

  ĠU L 313, 26.11.2011, p. 13.

(10)

  ĠU L 286, 17.10.2012, p. 23.

(11)

  ĠU L 350, 20.12.2012, p. 71.

(12)

  ĠU L 308, 16.11.2013, p. 22.

(13)

  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 97.

(14)

  ĠU L 266, 5.9.2014, p. 26.

(15)

  ĠU L 334, 21.11.2014, p. 95.

Avviż legali - Politika tal-privatezza