RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' mgħax
29.9.2015 - (08266/1/2015 – C8‑0169/2015 – 2015/0076(NLE)) - *
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Jeppe Kofod
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Emendatorju għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' mgħax
(08266/1/2015 – C8‑0169/2015 – 2015/0076(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (08266/1/2015),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera li jipprevedi miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil fil-forma ta' pagamenti ta' mgħax (08297/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115 u kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (b) u l-paragrafu (8), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema Artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0169/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0271/2015),
1. Japprova l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill kif emendat u japprova l-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jiddispjaċih li ma jista' jsir l-ebda titjib, b'mod partikolari rigward l-informazzjoni pprovduta u n-natura awtomatika, vinkolanti u mhux ristretta tal-iskambji ta' informazzjoni;
3. Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat f'każ ta' bidla jew żvilupp ġdid fl-aħħar stadji tal-konklużjoni ta' dan il-ftehim;
4. Ifakkar lill-Kunsill dwar l-obbligu tiegħu li jikkonsulta mal-Parlament kemm-il darba jimmodifika l-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu;
5. Jenfasizza l-importanza li tittieħed azzjoni effikaċi kontra l-frodi u l-evitar tat-taxxa u b'mod partikolari l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa minn persuni fiżiċi u ġuridiċi bbażati fl-Unjoni bl-involviment ta' istituzzjonijiet finanzjarji bbażati f'pajjiżi terzi;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa, tmintax-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim u l-eżitu tiegħu, u tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat fejn xieraq bi proposti għar-rieżami tagħha;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Konfederazzjoni Żvizzera.
Emenda 1 Abbozz ta' deċiżjoni Artikolu 2 – paragrafu 1 | |
Abbozz ta' deċiżjoni |
Emenda |
1. Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 2(1) tal-Protokoll Emendatorju4 . |
1. Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4 tal-Protokoll Emendatorju4 sabiex jiġi żgurat li r-regoli dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet rapportabbli qed jiġu segwiti u li l-kollaborazzjoni dwar il-konformità u l-infurzar hi permessa. |
__________________ |
__________________ |
4 Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Emendatorju għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. |
4 Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Emendatorju għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. |
Emenda 2 Abbozz ta' deċiżjoni Artikolu 2 – paragrafu 2 | |
Abbozz ta' deċiżjoni |
Emenda |
2. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Konfederazzjoni Żvizzera u lill-Istati Membri dwar in-notifikazzjonijiet mogħtija skont il-punt (d) tal-Artikolu 1(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali kif tirriżulta mill-Protokoll Emendatorju. |
2. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Konfederazzjoni Żvizzera u lill-Istati Membri dwar in-notifikazzjonijiet mogħtija skont il-punt (d) tal-Artikolu 1(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji sabiex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f'konformità mal-Protokoll Emendatorju. |
NOTA SPJEGATTIVA
Introduzzjoni
L-Unjoni Ewropea u l-Iżvizzera ffirmaw Ftehim fis-27 ta' Mejju 2015 dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji, bil-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni u l-konformità fiskali internazzjonali.
Il-Ftehim jirrappreżenta pass importanti fl-isforzi li għaddejjin biex jitrażżnu l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa u jtejjeb il-Ftehim tal-2004 li żgura li l-Iżvizzera tapplika miżuri ekwivalenti għal dawk fid-Direttiva tal-UE dwar it-tassazzjoni ta' dħul minn tfaddil.
Skont il-Ftehim, mill-2018, l-UE u l-Iżvizzera se jiskambjaw informazzjoni b'mod awtomatiku dwar il-kontijiet finanzjarji tar-residenti ta' xulxin. L-għan huwa li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn kontribwent ifittex li jaħbi kapital li jirrappreżenta dħul jew assi li għalihom it-taxxi ma tħallsux.
Il-Ftehim għandu l-għan li jiżgura li l-Iżvizzera tapplika miżuri msaħħa li huma ekwivalenti għad-Direttiva tal-UE, kif aġġornata f'Marzu 2014 (li temenda d-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva, "DAC2") u li tikkonforma mal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji promossi mill-istandards globali tal-OECD tal-2014.
Hemm dispożizzjonijiet ulterjuri intiżi li jillimitaw l-opportunitajiet għall-kontribwenti biex jevitaw li jiġu rrapportati lill-awtoritajiet tat-taxxi billi jittrasferixxu l-assi jew jinvestu fi prodotti li huma barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-fethim. Informazzjoni li għandha tiġi skambjata tikkonċerna mhux biss dħul bħal mgħax u dividendi, iżda wkoll bilanċi tal-kontijiet u rikavati mill-bejgħ ta' assi finanzjarji.
L-amministrazzjonijiet tat-taxxa fl-Istati Membri u fl-Iżvizzera se jkunu kapaċi
- jidentifikaw b'mod korrett u inekwivoku lill-kontribwenti kkonċernati;
- jamministraw u jinforzaw il-liġijiet tat-taxxa tagħhom f'sitwazzjonijiet transkonfinali;
- jivvalutaw il-probabilità li jkun hemm evażjoni tat-taxxa;
- jevitaw aktar investigazzjonijiet mhux meħtieġa.
Ir-rapporteur jilqa' l-Ftehim, iżda jemmen ukoll li hemm spazju għal titjib. Peress li din il-proċedura ma tippermettix għal emendi għall-ftehim internazzjonali propost, dawn għandhom jiġu riflessi fi ftehimiet simili futuri li attwalment qed jiġu nnegozjati ma' pajjiżi terzi oħra, u qrib il-finalizzazzjoni:
Artikolu 2 - Skambju Awtomatiku ta' Informazzjoni dwar kontijiet rapportabbli
• Punt 2 a). Żieda ta' żvelar sħiħ obbligatorju tal-isem sħiħ u n-numru ta' identifikazzjoni - Il-proposta ma teħtieġx informazzjoni sħiħa u dettaljata dwar is-sidien tal-kont, jiġifieri l-isem sħiħ tagħhom u l-iżvelar obbligatorju tan-numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa tagħhom. F'konformità mal-isforz biex tinkiseb trasparenza assoluta u żvelar sħiħ tal-informazzjoni, dan għandu jkun rekwiżit obbligatorju.
Artikolu 3 - Iż-żmien u l-mod tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni
• Punt 3. Frekwenza tar-rappurtar minn bażi annwali għal bażi trimestrali - Skont dan il-Ftehim, l-informazzjoni għandha tiġi skambjata fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti fuq bażi annwali. Fl-ispirtu ta' twassil ta' informazzjoni rapidu u effiċjenti, ir-rapporteur iqis il-perjodu taż-żmien oriġinali bħala restrittiv wisq u ħali u konsegwentement jissuġġerixxi li jiqsar iċ-ċiklu tar-rappurtar minn bażi annwali għal waħda trimestrali.
Artikolu 5 - Skambju ta' Informazzjoni fuq Talba
• Punt 1. Skambju ta' informazzjoni mhux kondizzjonat - F'konformità mal-isforz biex jinkisbu t-trasparenza assoluta u l-iżvelar sħiħ tal-informazzjoni bejn il-partijiet, huwa meħtieġ li tiġi enfasizzata l-konsenja mhux kondizzjonata u obbligatorja tal-informazzjoni sabiex dan il-Ftehim jiġi salvagwardat mir-restrizzjonijiet ġuridiċi u d-dikjarazzjoni unilaterali mill-Iżvizzera li żżomm kwalunkwe informazzjoni li tista' tinkiseb illegalment (aqra dwar is-sejbiet tal-whistleblower).
U
• Punt 2 c). Ir-rapporteur jissuġġerixxi li titħassar l-eżenzjoni ta' żvelar ta' informazzjoni li hija "kuntrarja għall-ordre public". - Fl-istess spirtu bħal fl-emenda preċedenti, l-eżenzjoni tal-iżvelar ta' informazzjoni li tista' tkun kuntrarja għall-politika pubblika ("ordre public") hija kundizzjonalità wiesa' u ambigwa wisq u għandha, għaldaqstant, tiġi mħassra.
Artikolu 6 - Kunfidenzjalità u protezzjoni ta' data personali
• Punt 3. Ir-rapporteur jissuġġerixxi li titħassar il-kundizzjoni għall-iskambju ta' informazzjoni abbażi tal-approvazzjoni preċedenti tal-awtoritajiet kompetenti - Jinżamm l-ispirtu ta' skambju ta' informazzjoni sħiħ u mhux kondizzjonat, ir-rapporteur jissuġġerixxi li titneħħa l-kundizzjonalità li kienet tobbliga lill-Istati Membri jew lill-Iżvizzera jitolbu l-kunsens għall-użu tal-informazzjoni skambjata u/jew għall-kondiviżjoni ma' ġurisdizzjoni terza.
Artikolu 7 - Konsultazzjonijiet u sospensjoni tal-Ftehim
• Punt 1. Il-Kummissjoni bħala medjatur vinkolanti għal tilwim - Fil-każ ta' tilwim dwar l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim, ir-rapporteur iqis il-proposta preżenti bħala wisq klementi fuq il-partijiet involuti. Sabiex tiġi promossa implimentazzjoni u eżekuzzjoni bla xkiel ta' dan il-Ftehim, ir-rapporteur jemmen li l-arbitraġġ vinkolanti tal-Kummissjoni Ewropea huwa soluzzjoni ċara u ċerta għal kwalunkwe tilwima.
Artikolu 8 - Emendi
• Punt 1. Flessibbiltà biex ikun hemm aġġustament mal-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti (mhux biss l-istandards tal-OECD) - Minkejja s-salvagwardja ta' dan il-Ftehim għall-konsultazzjonijiet meta jseħħu bidliet rilevanti dwar ir-regolamentazzjoni fil-livell tal-OECD, peress li l-qafas ġuridiku Ewropew huwa f'evoluzzjoni kostanti, ir-rapporteur ħaseb biex f'dan il-Ftehim ikun hemm l-istess konsultazzjonijiet għal meta l-leġiżlazzjoni jew ir-regolament rilevanti fuq livell Ewropew jiġu adottati.
Artikolu 9 - Ħlas ta' dividendi, mgħax u royalties bejn il-kumpaniji
• Punt 2. It-tneħħija tal-eżenzjonijiet. Direttiva ta' mgħax emulat u ta' royalties għall-koerenza u l-konsistenza mal-leġiżlazzjoni tal-UE - Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/49/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' mgħax u ta' royalties, ir-rapporteur iqis li dan il-Ftehim żied aktar kondizzjonalità li hija kontroproduttiva u tnaqqas il-kamp ta' applikazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata. Fid-dawl ta' dan, il-kamp ta' applikazzjoni għall-pagamenti ta' dividendi, ta' mgħax u ta' royalties għandu jkun allinjat mal-leġiżlazzjoni Ewropea attwali bħala kwistjoni ta' koerenza u konsistenza.
Artikolu 10 - Terminazzjoni tal-Ftehim
• L-istess kwistjoni bħal fl-Artikolu 7. It-terminazzjoni għandha tiġi ddeterminata wara l-medjazzjoni vinkolanti mill-Kummissjoni - B'konsistenza mal-emendi mwettqa għall-Artikolu 7, it-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim ma għandhiex tissejjaħ b'mod unilaterali u għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni mill-medjazzjoni vinkolanti tal-Kummissjoni Ewropea.
F'żieda ma':
Artikolu 12 - Meħud mid-Dikjarazzjoni sabiex jissaħħu l-iskadenzi tal-implimentazzjoni vinkolanti - Il-proposta attwali nieqsa minn mira vinkolanti għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, peress li l-qafas ta' implimentazzjoni tagħha jikkonsisti biss f'dikjarazzjoni mhux vinkolanti. F'konformità mal-ġlieda li dan il-korp qed iwettaq kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, hemm ħtieġa kbira għal mira ta' implementazzjoni vinkolanti.
L-UE u l-Iżvizzera qablu li jikkonkludu l-Ftehim fil-ħin biex jippermettu d-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017, u r-rapporteur iħeġġeġ ħafna biex din l-iskadenza tiġi rispettata.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
23.9.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
46 0 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Burkhard Balz, Hugues Bayet, Udo Bullmann, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Jonás Fernández, Elisa Ferreira, Sven Giegold, Neena Gill, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Alain Lamassoure, Philippe Lamberts, Sander Loones, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Notis Marias, Fulvio Martusciello, Costas Mavrides, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Peter Simon, Renato Soru, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Paul Tang, Marco Valli, Jakob von Weizsäcker, Pablo Zalba Bidegain |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Philippe De Backer, Ildikó Gáll-Pelcz, Marian Harkin, Ramón Jáuregui Atondo, Eva Joly, Jeppe Kofod, Thomas Mann, Andreas Schwab, Antonio Tajani, Beatrix von Storch |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Joachim Starbatty |
||||