RAPPORT dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej
7.10.2015 - (2014/2257(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
Rapporteur: György Schöpflin
Rapporteur għal opinjoni (*):
Beatriz Becerra Basterrechea, Committee on Petitions
(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 24(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (COM(2010)0119 – C7-0089/2010 – 2010/0074(COD)),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini,
– wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku tas-26 ta' Frar 2015 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, organizzat mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali flimkien mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-istudju mid-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament intitolat 'L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej — l-ewwel tagħlimiet tal-implimentazzjoni', maħruġ fl-2014,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 li tagħlaq l-inizjattiva proprja tagħha dwar il-Kummissjoni (OI/9/2013/TN),
– wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Frar 2015 intitolat 'L-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej',
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2015 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0284/2015),
A. billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE) huwa dritt politiku ġdid għaċ-ċittadini kif ukoll għotta unika u innovattiva għat-twaqqif ta' aġenda għal demokrazija parteċipattiva fl-Unjoni Ewropea, li tippermetti liċ-ċittadini jieħdu sehem b'mod attiv fi proġetti u proċessi li jaffettwawhom, u l-potenzjal tagħha għandha tiġi sfruttata mingħajr dubju bis-sħiħ u mtejba b'mod sinifikanti sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati u biex kemm jista' jkun ċittadini tal-UE jitħeġġu jipparteċipaw fl-iżvilupp ulterjuri tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea; billi t-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tagħha għandu jkun wieħed mill-objettivi ewlenin tal-UE;
B. billi, tliet snin wara li beda japplika r-Regolament (UE) Nru 211/2011 fl-1 ta' April 2012, jeħtieġ li l-implimentazzjoni tiegħu tiġi evalwata bir-reqqa sabiex jiġu identifikati kwalunkwe nuqqasijiet u jiġu proposti soluzzjonijiet vijabbli għal reviżjoni immedjata tiegħu;
C. billi l-esperjenza wriet li l-maġġoranza ta' organizzaturi ta' ECI sabu għadd ta' diffikultajiet fit-twaqqif ta' IĊE, f'dak li għandu x'jaqsam kemm ma' aspetti prattiċi kif ukoll ma' oħrajn legali, u billi l-organizzaturi ta' diversi ECI rrifjutati konsegwentement ressqu lmenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Ombudsman Ewropew kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tirreġistrax l-ECI tagħhom; billi r-regoli għalhekk għandhom jiġu ddiżinjati b'tali mod li jagħmlu l-ECI kemm jista' jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini u l-organizzaturi;
D. billi l-Parlament huwa l-uniku korp elett direttament tal-Unjoni Ewropea, u bħali tali jirrappreżenta, bid-definizzjoni tiegħu stess, liċ-ċittadini tal-UE;
E. billi għadd ta' istituzzjonijiet, NGOs, think tanks u gruppi tas-soċjetà ċivili kkunsidraw id-diversi nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini u l-organizzazzjoni ta' IĊE, ipproponew bosta modi kif tista' tittejjeb u f'bosta okkażjonijiet indikaw liema aspetti tar-regolament għandhom jiġu riformati bħala kwistjoni urġenti;
F. billi l-aspetti prattiċi stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament, b'mod partikolari t-twaqqif ta' sistema online ta' ġbir u ċ-ċertifikazzjoni tiegħu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, f'bosta każijiet iħallu lill-organizzaturi inqas minn 12-il xahar biex jiġbru l-firem meħtieġa;
G. billi t-tressiq ta' inizjattiva ta' suċċess lill-Kummissjoni ladarba jiskadi l-perjodu għall-ġbir tal-firem mhuwiex soġġett għal skadenza speċifika u għalhekk dan huwa sors ta' konfużjoni u inċertezza kemm għall-istituzzjonijiet kif ukoll għall-pubbliku;
1. Jilqa’ l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) - kif definit fl-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 24(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) - bħala l-ewwel strument transnazzjonali għad-demokrazija parteċipattiva li jippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw direttament mal-istituzzjonijiet tal-UE u li jkunu involuti b’mod attiv fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropej, li jikkumplementaw id-dritt tagħhom li jressqu petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew u li jirrikorri għall-Ombudsman Ewropew;
2. Jissottolinja l-fatt li l-ECI hija l-ewwel għodda għal demokrazija parteċipattiva li tagħti d-dritt liċ-ċittadini tal-UE, fuq il-bażi ta' tal-anqas miljun dikjarazzjoni ta' appoġġ, minn tal-inqas kwart tal-Istati Membri, biex jieħdu l-inizjattiva, u b'hekk jenfasizzaw il-prerogattiva politika ġdida tagħhom, u jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta, fi ħdan il-qafas tas-setgħat tagħha, proposta xierqa dwar materji li dwarhom ċittadini jqisu li att leġiżlattiv huwa meħtieġ biex jiġu implimentati t-Trattati;
3. Jenfasizza li l-ECI hija opportunità eċċezzjonali biex iċ-ċittadini jidentifikaw u jartikolaw l-aspirazzjonijiet tagħhom u jitolbu azzjoni tal-UE, u li l-Inizjattiva trid tiġi inkoraġġuta u appoġġjata il-mezzi kollha disponibbli; jirrikonoxxi madankollu li hemm nuqqasijiet sinifikanti li għandhom jiġu megħluba u solvuti sabiex l-ECI jkunu iktar effettivi; jenfasizza li kull valutazzjoni ulterjuri tal-istrument għandha tkun immirata lejn l-ilħiq ta' faċilità ta' użu massima, peress li dan huwa mezz ewlieni ta' konnessjoni bejn iċ-ċittadini tal-Ewropa u l-UE; jenfasizza ulterjorment li l-użu tal-lingwa ta' dak li jkun huwa dritt ċiviku, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jesploraw alternattivi sabiex joffru l-għażla li dan iseħħ fl-attivitajiet kollha konnessi ma' IĊE, billi dan iħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jirrimarka dwar l-importanza ta' kuxjenza pubblika tal-IĊE, filwaqt li jiddispjaċih dwar l-għarfien limitat ta' din l-għodda fost iċ-ċittadini tal-UE; jitlob biex għal dan l-għan, l-UE torganizza u tippromwovi kampanji bl-għan li tagħti lill-ECI profil ogħla fil-midja u fost il-pubbliku;
4. Jenfasizza barra minn hekk li l-impenn ċiviku fost iż-żgħażagħ huwa fundamentali għall-ġejjieni ta' kull demokrazija, u jitlob lill-Kummissjoni biex tislet lezzjonijiet mill-esperjenzi nazzjonali ta' ECI li kisbu suċċess ġenwin;
5. Jikkunsidra li hija essenzjali li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jikkontribwixxu fl-eżerċizzju tal-prerogattivi leġiżlattivi tal-Unjoni u jkunu involuti b'mod dirett fil-bidu tal-proposti leġiżlattivi;
6. Jirrimarka dwar l-importanza ta' kuxjenza pubblika tal-ECI sabiex dawn ikunu għodda effettiva għal parteċipazzjoni demokratika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'rabta ma' dan, biex iżidu l-isforzi ta' komunikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-istrument sabiex jinformaw bl-eżistenza tiegħu lil kemm jista' jkun ċittadini u jħeġġu parteċipazzjoni attiva fih;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-kanali kollha ta' komunikazzjoni pubbliċi biex iżżid is-sensibilizzazzjoni u tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura t-trasparenza tal-ECI u tiffaċilita l-komunikazzjoni dwar l-ECIs attwali, pereżempju bil-ħolqien ta' applikazzjonijiet li jipprovdu informazzjoni, jibagħtu notifiki u jippermettu l-possibbiltà ta' ffirmar onlajn; jenfasizza li parteċipazzjoni popolari attiva fl-ECI tiddependi b'mod kruċjali wkoll fuq il-fatt li jiġu rreklamati fl-Istati Membri, u għaldaqstant jissuġġerixxi li l-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri għandhom isemmu l-ECI fuq is-siti web uffiċjali tagħhom;
8. Jinnota li iktar minn sitt miljun ċittadin tal-UE pparteċipaw f'IĊE, li kien hemm 51 talba biex titnieda inizjattiva, li minnhom tlieta biss, l-inizjattivi "Right2Water", "One of Us" u "Stop Vivisection", kienu meqjusa ammissibbli, u li sitt organizzaturi tal-ECI, li jikkorrispondu għal 30 % tar-rifjuti kollha, sfidaw ir-rifjut tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li juri li għad baqa' ħafna xi jsir biex ikun żgur li l-ECI ssegwi l-potenzjal sħiħ tagħha; jinnota d-diversi diffikultajiet prattiċi li l-organizzaturi ltaqgħu magħhom sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament f'April 2012, u l-fatt li l-għadd ta' inizjattivi qed jonqos;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi gwida adegwata u komprensiva - speċjalment ta' natura legali - malajr kemm jista' jkun lill-organizzaturi ta' ECI permezz taċ-Ċentru Ewropew ta' Kuntatt Dirett, sabiex l-organizzaturi jkunu konxji mill-possibilitajiet li jkollhom u ma jfallux billi jipproponu ECI li tkun ċarament lilhinn mis-setgħat tal-Kummissjoni u ma tkunx konformi mal-kriterji ta' ammisibilità legali; jitlob biex titqies il-possibilità li jitwaqqaf korp ieħor indipendenti biex jipprovdi konsulenza; jinnota, madankollu, li skont it-Trattat ta' Lisbona l-kwistjonijiet imqajma minn ECI jistgħu ma jikkorrispondux kompletament mal-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni; huwa tal-fehma barra minn hekk li l-Kummissjoni għandha tqis li twaqqaf uffiċċju dedikat tal-ECI fir-rappreżentazzjonijiet tagħha f'kull Stat Membru biex jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa, pariri u appoġġ lill-IĊE;
10. Jenfasizza barra minn hekk li uffiċċju tal-ECI jista' jikkontribwixxi biex iqajjem kuxjenza pubblika u fil-midja dwar l-IĊE; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-ECI bħala strument uffiċjali tal-UE sabiex jintlaħaq dan l-għan; jenfasizza li din il-miżura tista' wkoll tgħin biex jingħeleb in-nuqqas ta' fiduċja taċ-ċittadini li jaqsmu d-data personali meħtieġa biex tiġi appoġġata IĊE;
11. Jitlob biex jinħarġu linji gwida aktar dettaljati dwar l-interpretazzjoni ta' bażijiet legali, u li tingħata aktar informazzjoni dwar rekwiżiti ta' protezzjoni tad-data f'kull Stat Membru li fih l-organizzaturi jagħmlu l-kampanji tagħhom, sabiex tingħatalhom sigurtà legali, u wkoll dwar il-possibbiltà li l-organizzaturi jieħdu assigurazzjonijiet bi prezz raġonevoli;
12. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni ċara dwar l-istrument tal-ECI fl-istadji bikrija, li wassal għal fehim żbaljat ġenerali dwar in-natura tiegħu u ħoloq frustrazzjoni meta l-ewwel ECI ġew irrifjutati mill-Kummissjoni; ifakkar li l-istrument għandu jkun sempliċi, ċar, faċli li jintuża mill-utent u ppubbliċizzat b’mod wiesa’; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tappoġġa rappreżentanti eletti nazzjonali u lokali biex ikunu fuq quddiem fiż-żieda fl-espożizzjoni tal-IĊE;
13. Jappoġġa barra minn hekk il-parteċipazzjoni attiva ta' ċittadini tal-UE fl-użu ta' dan l-istrument b'mod adegwat għal skopijiet ta' stabbiliment ta' aġenda; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward kunflitt potenzjali tal-interessi, peress li l-Kummissjoni nnifisha għandha r-responsabbiltà esklussiva li twettaq il-kontroll ta' ammissibilità u jitlob biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata b’mod xieraq fil-futur; jinnota fl-istess waqt li t-trasparenza u r-responsabilità għandhom ikunu objettiv għall-partijiet kollha interessati sabiex tiġi protetta ċ-ċarezza tal-attivitajiet taċ-ċittadini;
14. Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tqis lill-Parlament ukoll bħala istituzzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet, b'mod partikolari billi hija l-unika istituzzjoni li l-membri tagħha jiġu eletti b'mod dirett miċ-ċittadini tal-UE;
15. Jenfasizza li, skont it-termini tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, fejn il-Kummissjoni tirrifjuta li tirreġistra IĊE, 'il-Kummissjoni għandha tinforma lill-organizzaturi bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut u bir-rimedji ġuridiċi u extraġuridiċi kollha possibbli disponibbli għalihom'; jirrikonoxxi b'rabta ma' dan il-bosta lmenti minn organizzaturi dwar il-fatt li ma rċevewx raġunijiet dettaljati u eżawrjenti għar-rifjut tal-ECI tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tispjega fid-dettall ir-raġunijiet għar-rifjut ta' ECI jekk fil-fehma tagħha, ECI li tkun tressqet tkun "b'mod ċar barra s-setgħat tal-Kummissjoni", u biex fl-istess waqt tinforma lill-organizzaturi bil-miktub u b'mod li jiffaċilitalhom ħidmithom, dwar il-kunsiderazzjonijiet rilevanti – li għandhom ikunu pubbliċi bis-sħiħ f'ġieħ it-trasparenza – sabiex il-validità u l-oġġettività totali ta' dawk l-elementi jistgħu jiġu soġġetti għal skrutinju legali, sabiex titnaqqas kemm jista' jkun is-setgħa ta' diskrezzjoni tal-Kummissjoni bħala awtorità li tiddeċiedi u parti fl-evalwazzjoni tal-ammissibilità ta' inizjattiva, u biex l-organizzaturi jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk jirrevedux l-ECI tagħhom u jressquha mill-ġdid f'forma modifikata;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà tar-reġistrazzjoni ta' parti biss mill-inizjattiva meta l-ECI ma taqax għal kollox taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-organizzaturi, fil-waqt tar-reġistrazzjoni, indikazzjoni dwar liema parti jistgħu jirreġistraw, billi jiġi rikonoxxut li d-djalogu u l-impenn mal-organizzaturi ta' ECI huma essenzjali tul il-proċess, u biex tinforma lill-Parlament dwar id-deċiżjoni tagħha dwar ir-reġistrazzjoni tal-IĊE; jistieden lill-Kummissjoni tesplora wkoll modi kif tirreferi inizjattivi, jew dawk il-partijiet ta' inizjattivi li ma jaqgħux taħt is-setgħat tal-Kummissjoni, lill-awtoritajiet kompetenti, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll reġjonali;
17. Jirrimarka dwar l-importanza ta' teknoloġija bħala għodda għat-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-użu tas-softwer tagħha għall-ġbir onlajn ta' firem, biex dan ikun aċċessibbli għal persuni b'diżabilitajiet, biex toffri s-servers tagħha stess għall-ħżin ta' firem onlajn mingħajr ħlas fuq bażi permanenti, bl-użu ta' baġits tal-UE eżistenti, u biex tissemplifika u tirrevedi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-ġbir onlajn ta' firem sabiex l-indirizzi tal-email ikunu jistgħu jinġabru fuq bażi mhux obbligatorja fuq l-istess skrijn bħall-formola ta' appoġġ, iżda maħżuna f'bażi tad-data separata;
18. Jemmen li, jekk jiġi rivedut, l-istrument għandu l-potenzjal li jinvolvi lill-pubbliku u li jippromwovi d-djalogu fost iċ-ċittadini u bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta’ rabta tal-ġbir onlajn tal-firem mal-istrumenti tal-kampanji tal-midja diġitali u soċjali rilevanti ġodda, fuq l-eżempju ta' pjattaformi oħra ta' kampanji onlajn li rnexxew;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tqis mill-ġdid ir-rabta awtomatika bejn ir-reġistrazzjoni ta' ECI u l-bidu tal-perjodu ta' 12-il xahar, li matulu jistgħu jinġabru l-espressjonijiet ta' appoġġ, sabiex l-organizzaturi ta' ECI stess ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk jixtiqux jibdew jiġbru l-espressjonijiet ta' appoġġ;
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw l-Għodda tal-Validazzjoni tal-ECI għad-Dikjarazzjonijiet tal-Appoġġ, żviluppata taħt is-Soluzzjonijiet tal-Interoperabbiltà għall-programm tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej;
21. Jenfasizza li, fl-ambitu tal-istrumenti disponibbli biex itejbu d-demokrazija parteċipattiva fl-Unjoni, l-għodod tal-IT għandhom ikunu disponibbli wkoll għar-reġjuni, biex b’hekk jippermettu involviment ikbar taċ-ċittadini fl-affarijiet pubbliċi;
22. Jilqa' tajjeb ħafna l-offerta tal-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali ta' traduzzjoni mingħajr ħlas ta' testi ta' ECI biex titnaqqas l-ispiża ta' organizzazzjoni ta' IĊE;
23. Jitlob għal kooperazzjoni interistituzzjonali mtejba fil-livell tal-UE, kif ukoll fil-livell nazzjonali u lokali, fl-għoti ta’ informazzjoni u appoġġ għal organizzaturi tal-ECI meta jkunu qed jittrattaw l-IĊE; jappella għat-titjib tal-websajt multilingwi tal-ECI mmexxija mill-Kummissjoni u għal sett uniku ta’ linji gwida fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ organizzaturi tal-ECI u dwar il-proċeduri amministrattivi applikabbli tul il-proċess tal-IĊE;
24. Jitlob li fil-futur jiġi stabbilit punt uniku ta’ servizz fiżiku u onlajn li jipprovdi, fuq bażi permanenti, informazzjoni, servizzi ta’ traduzzjoni, u appoġġ tekniku, legali u politiku għall-IĊE, u jqis li jista’ juża r-riżorsi tal-punt ta’ kuntatt ibbażat fiċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct u r-rappreżentanzi tal-Kummissjoni u l-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament fl-Istati Membri; iqis li tali arranġament iġib il-proġett tal-ECI eqreb iċ-ċittadini;
25. Iqis li huwa kkumplikat wisq għall-organizzaturi li jipprovdu data personali differenti b'appoġġ għall-ECI fit-28 Stat Membru, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 211/2011 abbażi tal-bosta dispożizzjonijiet nazzjonali, u jitlob għall-introduzzjoni ta' proċedura uniformi biex isiru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, billi jiġi emendat l-Anness III mar-Regolament (UE) Nru 211/2011 biex tiġi standardizzata n-natura tad-data miġbura fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinnegozja ulterjorment mal-Istati Membri bl-għan li jitnaqqas l-għadd ta' rekwiżiti ta' data, u bhekk jitnaqqas ir-rekwiżit għan-numri ta' identifikazzjoni personali u biex ikun hemm iktar faċilità ta' użu, u jfakkar li ECI tikkonċerna l-parteċipazzjoni u t-twaqqif ta' aġenda, u mhux proposti vinkolanti; jissuġġerixxi li għandha titqies il-possibilità li titwaqqaf ċittadinanza diġitali tal-UE, u jirrakkomanda l-provvista ta' soluzzjoni interim sakemm tiġi stabbilita din iċ-ċittadinanza diġitali tal-UE, bl-għan li jissolvew il-problemi attwali maħluqa minn reġistrazzjoni multipla; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tesplora din il-kwistjoni fl-aġenda diġitali tagħha bħala kwistjoni urġenti;
26. Jistieden lill-Kummissjoni temenda l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 u tirrakkomanda lill-Istati Membri li jnaqqsu l-età permessa għall-appoġġ u l-parteċipazzjoni f'ECI minn 18 għal 16, u li dan ma jkunx marbut mad-dritt ta' votazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, biex bhekk iż-żgħażagħ b'mod partikolari jingħataw il-possibilità li jsiru involuti attivament fl-avvanzar tal-proġett Ewropew;
27. Jirrikonoxxi d-delikatezza tal-problema tar-responsabbiltà personali tal-organizzaturi rigward il-protezzjoni tad-data huma u jiġbru d-data personali tal-firmatarji, u jipproponi li l-firxa ta' data meħtieġa titnaqqas u li d-diċitura tal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011, dwar ir-responsabbiltà, tinbidel biex tagħmilha ċara li r-responsabbiltà personali mhijiex illimitata; jipproponi, għal dan l-għan, li l-kumitat taċ-ċittadini jkun jista' jikseb personalità ġuridika u li tittieħed ispirazzjoni mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali, bil-ħsieb li jkun stabbilit li l-organizzaturi huma responsabbli għal atti li jkunu 'illegali u mwettqa b'mod intenzjonali jew tal-anqas b'negliġenza serja';
28. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar rekwiżiti ta' ġbir tad-data iktar armonizzati u faċli li jintużaw; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jinformaw lill-kumitati għall-affarijiet Ewropej tal-parlamenti nazzjonali tagħhom fuq bażi perjodika dwar l-ECI pendenti li jkunu diġà ġabru ammont sostanzjali ta' firem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tipproponi reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 bl-għan li tiggarantixxi liċ-ċittadini l-possibilità li jiffirmaw ECI fil-pajjiż ta' residenza tagħhom;
29. Jesprimi t-tħassib tiegħu li, mill-2012, 3 biss minn 31 ECI reġistrata laħqu l-fażi finali; jirrimarka dwar kif it-tnaqqis drastiku fl-għadd ta’ inizjattivi ġodda huwa wieħed mill-konsegwenzi ta’ rekwiżiti sproporzjonati u ta’ sistema kumplessa bla bżonn; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ impatt leġiżlattiv u l-iskoraġġiment ta’ segwitu mill-Kummissjoni ta’ inizjattivi li jirnexxu; jesprimi differenzi ta’ opinjonijiet mal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni b’suċċess tar-Regolament biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-IĊE; jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jippromwovu l-ECI u biex irawmu l-fiduċja taċ-ċittadini f’dan l-istrument;
30. Jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi d-diċitura tal-Artikolu 10(c) tar-Regolament 211/2011 biex tippermetti li ECI li tkun irnexxiet tingħata segwitu xieraq, inkluż dibattitu parlamentari fil-plenarja segwit minn votazzjoni dwar l-IĊE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda tipprepara att legali dwar ECI li jirnexxu fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha jiġu aċċettati;
31. Huwa tal-fehma li, sabiex id-dimensjoni politika tal-ECI tiġi enfasizzata, smigħ pubbliku li jseħħ skont it-termini tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 għandu jkun strutturat b'tali mod li jippermetti lill-organizzaturi jidħlu fi djalogu ma' Membri tal-Parlament Ewropew u l-uffiċjali rilevanti tal-Kummissjoni; jenfasizza li s-seduti ta' smigħ dwar l-ECI għandhom jiġu organizzati taħt l-awspiċi ta' kumitat 'newtrali' li ma jkollux ir-responsabilità ewlenija għas-suġġett tagħhom f'termini ta' kontenut, u barra minn hekk li jiġu involuti esperti esterni tul il-proċess kollu;
32. Iħeġġeġ fejn meħtieġ lill-Parlament u lill-kumitati tiegħu, skont it-termini tal-Artikolu 225 TFUE, biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jitolbu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta li tkun tqis il-kontenut ta' kwalunkwe ECI ta' suċċess;
33. Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li ECI jkunu ffinanzjati mill-baġit tal-UE, permezz ta' programmi Ewropej bħalma huma l-programm Ewropa għaċ-Ċittadini u l-programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza, inkluża l-possibilità ta' finanzjament ta' riklami fuq ir-radju u ta' programmi tat-televiżjoni, billi titqies il-ħtieġa reali għal appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjoni ta' IĊE, u li għal dan l-għan tressqu għadd ta' emendi għall-baġit tal-UE;
34. Jistieden lill-Kummissjoni biex, billi tieħu kull prekawzjoni possibbli, tiġġieled is-serq, inkluż permezz ta' għodda tal-internet, ta' data sensittiva rigward il-firmatarji, speċjalment meta dan ikun ġestit fil-forma ta' data aggregata;
35. Jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 2015 dwar l-IĊE, u d-Deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew OI/9/2013/TN, u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li, fir-rieżami tagħha ta' dan l-istrument, jiġu implimentati l-miżuri legali kollha xierqa sabiex jiġi provdut segwitu xieraq, meta jitqies li ECI tkun ġiet ikkompletata b'suċċess; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-bosta nuqqasijiet li tqajmu, tressaq malajr kemm jista' jkun proposta għal emendar tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 u tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1179/2011;
36. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iwettqu ħidma essenzjali ta' komunikazzjoni permezz ta' kampanja ta' informazzjoni dwar l-IĊE;
37. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament dwar l-istat attwali tal-ECIs għaddejjin, sabiex il-Parlament - bħala parti mill-impenn tiegħu lejn iċ-ċittadini tal-UE - ikun jista’ jiskrutinizza jekk l-istrument ikunx qed jaħdem bl-aktar mod effettiv possibbli; jenfasizza li l-proċess tal-ECI għandu jittejjeb kontinwament abbażi tal-esperjenza prattika miksuba u, barra minn hekk, għandu jkun konformi mas-sentenzi li ser jingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja;
38. Jirrakkomanda l-użu ta’ kull mezz ta’ komunikazzjoni disponibbli, b’mod partikolari l-pjattaformi ta’ midja diġitali u soċjali rilevanti tal-istituzzjonijiet tal-UE rilevanti kollha, biex iwettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni kontinwi, bl-involviment tal-uffiċċji u r-rappreżentanzi tal-UE kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ programm ta' softwer ECI dedikat ta’ sors miftuħ għal apparat mobbli; jilqa’ l-fatt li xi ECI irnexxielhom ikollhom impatt fil-livell lokali;
39. Iqis li użu xieraq ta’ din l-għodda tad-demokrazija parteċipattiva miċ-ċittadini huwa kruċjali u sabiex jiġi evitat l-abbuż possibbli tagħha minn interessi privati, biex tiżdied it-trasparenza u l-kwalità tal-kontrolli fuq il-finanzjament u l-isponsorizzazzjoni tal-IĊE;
40. Jinnota r-rwol importanti tal-Ombudsman Ewropew fl-investigazzjoni tal-immaniġġjar tat-talbiet għal ECI mill-Kummissjoni, u b'mod speċjali każijiet ta' rifjut ta' reġistrazzjoni ta' IĊE;
41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
NOTA SPJEGATTIVA
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej toriġina mill-Konvenzjoni u ġiet maħsuba bħala strument li jagħti liċ-ċittadini Ewropej l-opportunità biex jipparteċipaw fit-tnedija ta' inizjattivi leġiżlattivi. Għaldaqstant, wara dan l-istrument hemm l-idea li, ladarba dan jidħol fis-seħħ, l-istrument itejjeb il-mobilizzazzjoni soċjali tal-popolazzjoni ċivili u jsaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea, b'mod partikolari dik transnazzjonali.
Huwa evidenti, kemm mill-għadd kbir ta' talbiet li ntbagħtu mis-soċjetà ċivili kif ukoll mir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-ewwel tliet snin tal-istrument, li huma x'inhuma l-kriterji ta' suċċess, s'issa għadhom ma ntlaħqux, minħabba l-fatt li l-ebda inizjattiva għadha ma ġiet segwita minn leġiżlazzjoni. Ir-rapport tal-Kummissjoni jinnota 51 inizjattiva (COM(2015)145 final).
L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jtejjeb il-funzjonament tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, jagħmilha aktar faċli biex tintuża, u jelimina wħud mill-ostakli li kienu sors ta' diffikultà għall-organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.
Huwa rikonoxxut li wħud minn dawn il-problemi ma setgħux jiġu previsti, iżda l-esperjenza tal-aħħar tliet snin toffri possibilitajiet għal innovazzjoni. X'aktarx, fl-2016 il-Kummissjoni se tkun qed taħdem fuqrieżami fil-fond tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropeju l-fehma tal-Parlament fir-rigward tal-istrument se tkun influwenti, b'mod partikolari billi tittrażmetti l-perspettiva taċ-ċittadini, il-fehmiet ta' dawk li għamlu użu mill-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (1.7.2015)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej
(2014/2257(INI))
Rapporteur għal opinjoni: (*): Beatriz Becerra Basterrechea
(*) Kumitati Assoċjati – l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa’ l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) - kif definit fl-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 24(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) - bħala l-ewwel strument transnazzjonali għad-demokrazija parteċipattiva li jippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw direttament mal-istituzzjonijiet tal-UE u li jkunu involuti b’mod attiv fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropej, li jikkumplementaw id-dritt tagħhom li jressqu petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew u li jirrikorri għall-Ombudsman Ewropew;
2. Jilqa’ r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-ECI li jirrikonoxxi li għad hemm lok għal titjib u promozzjoni tal-istrument; bl-istess mod jilqa’ b’sodisfazzjon l-inkjesta fuq inizjattiva proprja tal-Ombudsman Ewropew dwar il-funzjonament tal-ECI; jiġbed l-attenzjoni lejn l-esperjenza prattika akkwistata f’ħafna oqsma mill-2012 mill-organizzaturi tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;
3. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta b’mod regolari lill-Parlament dwar l-istat attwali tal-ECIs għaddejjin, sabiex il-Parlament ikun jista’ jiskrutinizza li l-istrument jaħdem bl-aktar mod effettiv possibbli, bħala parti mill-impenn tiegħu lejn iċ-ċittadini tal-Ewropa; jenfasizza li l-proċess tal-ECI għandu jittejjeb kontinwament skont l-esperjenza prattika miksuba u għandu, barra minn hekk, ikun konformi mas-sentenzi li ser jingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
4. Ifakkar li, fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu u fir-rapporti annwali mħejjija mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, il-Parlament kien diġà enfasizza xi wħud mid-dgħufijiet tal-qafas legali eżistenti u l-piżijiet burokratiċi fl-operat prattiku tal-ECI minħabba nuqqas ta’ appoġġ tal-informatika u użu differenti fl-amministrazzjonijiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tibda, kemm jista’ jkun malajr, reviżjoni komprensiva tar-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1179/2011 sabiex jiġu eliminati l-ostakli kollha li fadal u jinħolqu proċeduri ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati;
5. Jitlob għas-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni ta’ rekwiżiti u ta’ proċeduri għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ, permezz ta’ formoli standardizzati, billi jitneħħa l-obbligu ta’ ġbir ta’ numri ta’ identifikazzjoni personali, peress li dan joħloq differenzi skont l-Istat Membru; ifakkar li l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ddikjara li tali rekwiżiti mhumiex meħtieġa; jissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta’ strument ta' identifikazzjoni komuni għall-appoġġ tal-ECI, sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess għall-firmatarji u biex tiġi esplorata aktar il-possibbiltà tal-ħolqien ta’ reġistru tal-UE onlajn volontarja simplifikata;
6. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tniedi u ttejjeb is-sistema ta’ ġbir ta’ firem onlajn (OCS); jirrikonoxxi, madankollu, li hemm bżonn aktar sforzi għad-disinn mill-ġdid u l-personalizzazzjoni tal-OCS; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-kumitati taċ-ċittadini b’aċċess għal server ħieles, ċentralizzat u permanenti li jippermetti l-ħażna ta’ firem onlajn f’konformità mal-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE, biex tissimplifika s-softwer tal-OCS u biex jiġi żgurat li gruppi speċifiċi ta’ nies bħal ċittadini li jgħixu barra l-pajjiż, il-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani ma jkunux imċaħħda mid-dritt tagħhom li jiffirmaw inizjattiva;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-għażliet l-aktar xierqa relatati mal-perjodu ta’ ġbir ta' firem f’reviżjoni futura tar-Regolament ECI, tali li jiżdied il-perjodu ta' ġbir ta' firem għal 18-il xahar, jew biex l-organizzaturi jingħataw il-possibbiltà li jiddeċiedu dwar id-data tal-bidu tal-perjodu ta’ ġbir ta’ firem, jew jiġi ffissat il-bidu tad-dekorrenza tal-perjodu ta’ 12-il xahar wara li titlesta ċ-ċertifikazzjoni tal-OCS;
8. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li, mill-2012, 3 biss minn 31 ECI reġistrata laħqu l-fażi finali; jenfasizza kif it-tnaqqis drastiku fl-għadd ta’ inizjattivi ġodda huwa wieħed mill-konsegwenzi ta’ rekwiżiti sproporzjonati u ta’ sistema kumplessa bla bżonn; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ impatt leġiżlattiv u l-iskoraġġiment ta’ segwitu mill-Kummissjoni ta’ inizjattivi li jirnexxu; jesprimi differenzi ta’ opinjonijiet mal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni b’suċċess tar-Regolament biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-ECIs; jenfasizza li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jippromwovu l-ECI u biex irawmu l-fiduċja taċ-ċittadini f’dan l-istrument;
9. Jemmen li, jekk jiġi rivedut, l-istrument għandu l-potenzjal li jinvolvi lill-pubbliku u li jippromwovi d-djalogu fost iċ-ċittadini u bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta’ rabta tal-OCS mal-istrumenti tal-kampanji tal-midja diġitali u soċjali rilevanti ġodda, fuq l-eżempju ta' pjattaformi oħra ta' kampanji onlajn li rnexxew;
10. Jirrakkomanda l-użu ta’ kull mezz ta’ komunikazzjoni disponibbli, b’mod partikolari l-pjattaformi ta’ midja diġitali u soċjali rilevanti tal-istituzzjonijiet Ewropej rilevanti kollha, biex iwettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni kontinwi, bl-involviment tal-uffiċċji u r-rappreżentanzi tal-UE kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-iżvilupp ta’ programm ta' softwer ECI dedikat ta’ sors miftuħ għal apparat mobbli; jilqa’ l-fatt li xi ECIs irnexxielhom ikollhom impatt fil-livell lokali;
11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jużaw l-Għodda tal-Validazzjoni tal-ECI għad-Dikjarazzjonijiet tal-Appoġġ, żviluppata taħt is-Soluzzjonijiet tal-Interoperabbiltà għall-programm tal-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej;
12. Jenfasizza li, fl-ambitu tal-istrumenti disponibbli biex itejbu d-demokrazija parteċipattiva fl-Unjoni, l-għodod tal-IT għandhom ikunu disponibbli wkoll għar-reġjuni, biex b’hekk jippermettu involviment ikbar taċ-ċittadini fl-affarijiet pubbliċi;
13. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni ċara dwar l-istrument tal-ECI fl-istadji bikrija, li wassal għal fehim żbaljat ġenerali dwar in-natura tiegħu u ħoloq frustrazzjoni meta l-ewwel ECIs ġew irrifjutati mill-Kummissjoni; ifakkar li l-istrument għandu jkun sempliċi, ċar, faċli li jintuża mill-utent u ppubbliċizzat b’mod wiesa’; jenfasizza li r-rappreżentanti eletti nazzjonali u lokali għandhom jiġu mħeġġa u appoġġjati mill-Kummissjoni biex imexxu din iż-żieda fl-esponiment tal-ECIs;
14. Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-kunflitt potenzjali tal-interessi, peress li l-Kummissjoni nnifisha għandha r-responsabbiltà esklussiva li twettaq il-kontroll legali inizjali u jitlob biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata b’mod xieraq fil-futur;
15. Iqis li r-reviżjoni tar-Regolament dwar l-ECI għandha tintuża wkoll bħala opportunità biex tenfasizza d-differenzi ewlenin bejn l-ECI u d-dritt għal petizzjoni, u li din tista’ sseħħ permezz ta’ informazzjoni armonizzata fuq il-websajts tal-istituzzjonijiet Ewropej u fil-politiki ta’ reklamar tagħhom;
16. Jitlob għal kooperazzjoni interistituzzjonali mtejba fil-livell tal-UE, kif ukoll fil-livell nazzjonali u lokali, meta jkunu qed jittrattaw l-ECIs fl-għoti ta’ informazzjoni u appoġġ għal organizzaturi tal-ECI; jappella għat-titjib tal-websajt multilingwi tal-ECI mmexxija mill-Kummissjoni u għal sett uniku ta’ linji gwida fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet u l-obbligi ta’ organizzaturi tal-ECI u dwar il-proċeduri amministrattivi matul il-proċess tal-ECI; jilqa’ l-proposta tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li jiġu pprovduti traduzzjonijiet b'xejn tat-testi sottomessi tal-ECI;
17. Jitlob li fil-futur jiġi stabbilit punt uniku ta’ servizz fiżiku u onlajn li jipprovdi, fuq bażi permanenti, informazzjoni, servizzi ta’ traduzzjoni, u appoġġ tekniku, legali u politiku rigward l-ECIs, li jista’ juża r-riżorsi tal-punt ta’ kuntatt ibbażat fiċ-Ċentru ta’ Kuntatt Europe Direct u r-rappreżentanzi tal-Kummissjoni u l-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament fl-Istati Membri; iqis li tali arranġament iġib il-proġett tal-ECI eqreb iċ-ċittadini;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra għażliet differenti għall-provvista ta' appoġġ amministrattiv u finanzjarju lill-proġetti ECI permezz tal-linji tal-baġit eżistenti tal-Programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” u l-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadini;
19. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tnaqqas b’mod uniformi l-età minima għall-appoġġ tal-ECI għal 16-il sena, biex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ċivika tal-ġenerazzjoni żagħżugħa fl-affarijiet tal-UE;
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrevedi r-Regolament dwar l-ECI biex jiżgura wkoll it-trasparenza u l-bilanċ istituzzjonali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tiġi ċċarata l-proċedura tal-ammissibbiltà legali; jieħu nota tal-każijiet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) u huwa kunfidenti li l-QtĠ-UE se tiddeċiedi jekk il-Kummissjoni tapplikax l-ammissibilità b’mod strett wisq, u sadanittant tissuġġerixxi li l-assistenza tingħata lill-organizzaturi fit-tfassil tal-bażi legali tal-proposta tagħhom;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tirreaġixxi għal ECIs li jirnexxu b'aktar azzjonijiet konkreti u b’livell ogħla ta’ parteċipazzjoni u biex tipprovdi raġunament aktar robust, konsistenti u li jinftiehem għar-rifjut tal-ECIs meqjusa bħala mhux ammissibbli; ifakkar lill-Kummissjoni li għandha tikkunsidra proposta leġiżlattiva għal kull ECI li tirnexxi; jistieden lill-Kummissjoni, f’każijiet tal-ammissibbiltà legali parzjali biss, biex tissuġġerixxi l-abbozzar mill-ġdid ta’ ECI jew li taċċetta l-partijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-Kummissjoni;
22. Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkunsidraw il-possibbiltà li jiddibattu l-kwistjonijiet li tqajmu minn inizjattivi li ma laħqux miljun firma iżda jkollhom aktar minn nofs l-għadd meħtieġ; ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jista’ jeżamina inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej li ma rnexxewx skont ir-regola 218 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, jekk iqis li segwitu huwa xieraq;
23. Jitlob għat-tfassil ta’ rapport fuq inizjattiva proprja mill-Parlament dwar kull inizjattiva li tirnexxi segwit minn dibattitu u votazzjoni fil-plenarja; jissuġġerixxi li, jekk il-Kummissjoni ma tipprovdix proposta leġiżlattiva fi żmien 12-il xahar wara s-sottomissjoni ta’ ECI li tirnexxi, il-kumitat kompetenti tal-Parlament għandu jniedi rapport ġdid sabiex jesprimi t-talbiet konkreti leġiżlattivi tiegħu, li għalih ir-rapporteur magħżul għandu jikkonsulta organizzaturi tal-ECI waqt seduta ta' smigħ oħra;
24. Iqis li użu xieraq ta’ din l-għodda tad-demokrazija parteċipattiva miċ-ċittadini huwa kruċjali u sabiex jiġi evitat l-abbuż possibbli tagħha minn interessi privati, biex tiżdied it-trasparenza u l-kwalità tal-kontrolli fuq il-finanzjament u l-isponsorizzazzjoni tal-ECIs;
25. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara jekk iċ-ċittadini tal-UE jistax ikollhom is-setgħa li jipproponi emendi tat-Trattat abbażi ta’ sentenza futura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) u biex tikkunsidra, f’reviżjoni futura tar-Regolament, il-proposta li jkunu permessi l-ECIs li jeħtieġu emendi tat-Trattat skont l-Artikolu 48 tat-TUE;
26. Ifakkar li s-seduti ta’ smigħ dwar l-ECIs li jirnexxu bħalissa qed jiġu organizzati mill-kumitat kompetenti, skont is-suġġett tal-ECI, mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet assoċjat; jipproponi li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jieħu f’idejh ir-rwol tal-organizzazzjoni ta’ seduti ta’ smigħ, bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, bħala forum newtrali bl-akbar esperjenza fit-trattament taċ-ċittadini, sabiex tkun żgurata l-konsistenza u t-trattament ugwali fis-seduti ta’ smigħ ta’ ECIs differenti. jinnota li l-Kumitat taċ-Ċittadini tal-ECIs għandhom jirċievu rimborż għal spejjeż tal-membri kollha tiegħu li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fis-seduti ta’ smigħ.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
23.6.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
30 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken, Beatriz Becerra Basterrechea, Heinz K. Becker, Soledad Cabezón Ruiz, Andrea Cozzolino, Pál Csáky, Miriam Dalli, Rosa Estaràs Ferragut, Eleonora Evi, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvie Goddyn, Daniel Hannan, Peter Jahr, Jude Kirton-Darling, Svetoslav Hristov Malinov, Roberta Metsola, Marlene Mizzi, Julia Pitera, Gabriele Preuß, Yana Toom, Bodil Valero, Jarosław Wałęsa, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Elisabetta Gardini, Kostadinka Kuneva, Jérôme Lavrilleux, Kazimierz Michał Ujazdowski, Ángela Vallina, Axel Voss, Rainer Wieland |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Amjad Bashir, Rosa D’Amato |
||||
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (16.7.2015)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej
(2014/2257(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Sylvia-Yvonne Kaufmann
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jissottolinja l-fatt li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini hija l-ewwel għodda ta' demokrazija parteċipattiva li tagħti d-dritt liċ-ċittadini tal-UE, fuq il-bażi ta' tal-anqas miljun dikjarazzjoni ta' appoġġ, minn tal-inqas kwart tal-Istati Membri tal-UE, biex jieħdu l-inizjattiva, u b'hekk jenfasizzaw il-prerogattiva politika ġdida tagħhom, u jitolbu lill-Kummissjoni tippreżenta, fi ħdan il-qafas tas-setgħat tagħha, proposta xierqa dwar materji li dwarhom ċittadini jqisu li att leġiżlattiv huwa meħtieġ biex jiġu implimentati t-Trattati;
2. Jilqa' r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) tal-31 ta' Marzu 2015 li jirrikonoxxi li għad hemm lok għal titjib tal-ECI u li jidentifika numru ta' kwistjonijiet possibbli bil-ħsieb li jittejjeb l-istrument; jilqa' wkoll l-investigazzjoni dwar l-inizjattiva proprja tal-Ombudsman Ewropew dwar il-funzjonament tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li tressaq 11-il proposta konkreta għat-titjib tal-proċess tal-ECI;
3. Jikkunsidra li hija essenzjali li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jikkontribwixxu fl-eżerċizzju tal-prerogattivi leġiżlattivi tal-Unjoni u jkunu involuti b'mod dirett fil-bidu tal-proposti leġiżlattivi;
4. Jinnota li iktar minn sitt miljun ċittadin tal-UE pparteċipaw f'Inizjattiva taċ-Ċittadini, li kien hemm 51 talba biex titnieda inizjattiva, li minnhom tliet inizjattivi biss, jiġifieri "Right2Water", "One of Us" u "Stop Vivisection", kienu meqjusa ammissibbli, u li sitt organizzaturi tal-ECI, li jikkorrispondu għal 30 % tar-rifjuti kollha, sfidaw ir-rifjut tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, li juri li għad baqa' ħafna xi jsir biex ikun żgur li l-ECI ssegwi l-potenzjal sħiħ tagħha; jinnota d-diversi diffikultajiet prattiċi li l-organizzaturi ltaqgħu magħhom sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament f'April 2012, u l-fatt li l-għadd ta' inizjattivi qed jonqos;
5. Jitlob li ssir reviżjoni tar-rwol doppju tal-Kummissjoni, li jista' joħloq kunflitt ta' interess, meta jitqies li għadd ta' organizzaturi tal-ECI jirrikonoxxu s-sinifikat u l-valur tal-input tagħha; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tqis lill-Parlament ukoll bħala istituzzjoni li tieħu d-deċiżjonijiet, b'mod partikolari billi hija l-unika istituzzjoni li l-membri tagħha jiġu eletti b'mod dirett miċ-ċittadini tal-UE;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura appoġġ komprensiv, inklużi pariri legali mhux vinkolanti – pereżempju, billi jinħoloq punt ta' kuntatt identifikat b'mod ċar, responsabbli għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini fir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni u ċ-ċentri ta' informazzjoni tal-Europe Direct fl-Istati Membri kollha li jkollu l-kompitu li jipprovdi informazzjoni u l-pariri u l-għajnuna meħtieġa għal Inizjattivi taċ-Ċittadini – meta titqies id-diffikultà li jiffaċċjaw l-organizzaturi fl-identifikazzjoni tat-trattat u d-dispożizzjonijiet legali rilevanti li fuqhom jistgħu jibbażaw inizjattiva valida; madankollu, jenfasizza li f'każ ta' rifjut, il-Kummissjoni għandha tispjega l-għażliet politiċi tagħha lill-pubbliku b'mod dettaljat, trasparenti u komprensibbli u li fl-istess ħin tinforma lill-organizzaturi bil-kunsiderazzjonijiet legali rilevanti;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà tar-reġistrazzjoni ta' parti biss mill-inizjattiva meta l-ECI ma taqax għal kollox taħt il-kompetenzi tal-Kummissjoni; jikkunsidra li, għal din ir-reġistrazzjoni, ikun biżżejjed li ssir konsultazzjoni minn qabel mal-kumitat taċ-ċittadini applikanti;
8. Barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-portal tal-internet tagħha sabiex tagħmlu iktar komprensibbli u faċli għall-utent, speċjalment fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-kompetenzi tagħha u l-appoġġ li jista' jinkiseb għal applikazzjoni ta' suċċess; jikkunsidra li l-Kummissjoni, minbarra li tipprovdi lista ċara tal-kompetenzi tagħha, għandha tiċċara l-proċedura tar-reġistrazzjoni, meta jitqies li r-reġistrazzjoni ta' numru kbir ta' inizjattivi taċ-ċittadini ppreżentati ġiet irrifjutata għar-raġuni li manifestament ma jaqgħux fil-qafas ta' kompetenza tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tinvolvi ruħha b'mod attiv, u tipprovdi lill-organizzaturi tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej b'linji gwida dettaljati dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti;
9. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi esplorata l-possibbiltà ta' proċedura armonizzata u iktar effiċjenti għat-tressiq ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, peress li huwa inaċċettabbli li ċ-ċittadini tal-UE jiġu esklużi milli jappoġġjaw Inizjattivi taċ-Ċittadini minħabba rekwiżiti ta' preżentazzjoni ta' dejta personali differenti fl-Istati Membri; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipproponi rekwiżiti eħfef tas-sottomissjoni tad-dejta madwar l-Istati Membri kollha, sabiex tagħmilha iktar faċli għall-iffirmar tal-ECI, irrispettivament mill-pajjiż tar-residenza; jissuġġerixxi, sabiex jiffaċilita l-proċess tal-iffirmar, li tingħata kunsiderazzjoni għal applikazzjoni fuq il-mowbajl, it-tfassil mill-ġdid tal-Online Collection Software u b'mod partikolari, il-possibbiltà tal-użu ta' firem diġitali bħala mezz ta' identifikazzjoni, filwaqt li jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabbiltà; jistieden lill-Istati Membri, b'mod urġenti, biex jirrevedu r-rekwiżit li jipprovdu numru ta' identifikazzjoni personali għal dikjarazzjoni ta' appoġġ, bil-ħsieb tal-possibbiltà ta' tneħħija ta' dan ir-rekwiżit, peress li rekwiżit ta' dan it-tip jista' jirrappreżenta piż burokratiku bla bżonn għall-ġbir ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ u anke mod bla bżonn biex tiġi ċċekkjata l-identità ta' firmatarju;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-kanali kollha ta' komunikazzjoni pubbliċi biex iżżid is-sensibilizzazzjoni u tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura t-trasparenza tal-ECI u tiffaċilita l-komunikazzjoni dwar l-ECIs attwali, pereżempju bil-ħolqien ta' applikazzjonijiet b'informazzjoni, notifiki u l-possibbiltà ta' ffirmar onlajn; jenfasizza li parteċipazzjoni popolari attiva fl-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej tiddependi b'mod kruċjali wkoll fuq il-fatt li jiġu rreklamati fl-Istati Membri, u għaldaqstant jissuġġerixxi li l-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri għandhom isemmu l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fuq is-siti web uffiċjali tagħhom;
11. Jenfasizza l-pożizzjoni tiegħu li r-rabta awtomatika bejn ir-reġistrazzjoni ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini u d-data tal-bidu tal-perjodu ta' tnax-il xahar għall-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għandhom jitneħħew, u li l-organizzaturi tal-ECI għandu jkollhom il-possibbiltà li jiddeterminaw id-data għat-tnedija tal-ECI tagħhom, fi żmien tliet xhur mir-reġistrazzjoni tagħha mill-Kummissjoni;
12. Jinnota wkoll li l-perjodu ta' ġbir għal dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jista' jiġi estiż għal 18-il xahar;
13. Jinnota li rriżultaw kwistjonijiet ta' responsabbiltà għall-organizzaturi tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini minħabba l-fatt li l-kumitati taċ-ċittadini m'għandhomx personalità ġuridika u li din il-problema tista' tissolva biss permezz ta' reviżjoni tar-Regolament; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tagħti personalità ġuridika lill-kumitati taċ-ċittadini msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament; madankollu, jitlob biex jittieħdu miżuri ta' tnaqqis tar-riskju sabiex jinkoraġġixxu lill-membri tal-kumitat tal-ECI biex jieħdu inizjattivi konkreti;
14. Jilqa' r-rieda tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li jipprovdi servizzi ta' traduzzjoni b'xejn għall-inizjaturi, biex b'hekk jiġi ffaċilitat it-tixrid tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini fil-lingwi uffiċjali kollha, b'mod partikolari safejn l-użu tal-lingwa nazzjonali jikkostitwixxi dritt ċivili; jirrikonoxxi f'dan kontribut sinifikanti lejn l-appoġġ taċ-ċittadini billi huma jkunu jistgħu jmexxu 'l quddiem il-preokkupazzjonijiet tagħhom b'mod iktar effettiv fost il-popolazzjoni tal-UE;
15. Jenfasizza l-importanza tal-bilanċ istituzzjonali fil-proċess tal-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet wara r-reġistrazzjoni, wara s-sottomissjoni ta' ECI lill-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tinvolvi l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej rilevanti, bħall-Parlament Ewropew, l-Ombudsman Ewropew, l-ECOSOC u l-Kumitat tar-Reġjuni;
16. Jinnota r-rwol importanti tal-Ombudsman Ewropew fl-investigazzjoni tal-immaniġġjar tat-talbiet għal ECI mill-Kummissjoni, u b'mod speċjali każijiet ta' rifjut ta' reġistrazzjoni ta' ECI;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta xierqa u f'waqtha għar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1179/2011, sabiex jintlaħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej, u biex l-Inizjattiva taċ-Ċittadini ssir iktar faċli biex tintuża sabiex il-potenzjal tagħha jkun jista' jiġi żviluppat bis-sħiħ.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
13.7.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
17 2 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Angel Dzhambazki, Evelyne Gebhardt, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Virginie Rozière |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Ángela Vallina, Bogdan Brunon Wenta |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI
FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
28.9.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Elmar Brok, Fabio Massimo Castaldo, Pascal Durand, Danuta Maria Hübner, Ramón Jáuregui Atondo, Constance Le Grip, Jo Leinen, György Schöpflin, Josep-Maria Terricabras, Kazimierz Michał Ujazdowski, Rainer Wieland |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Gerolf Annemans, Sylvie Goulard, Enrique Guerrero Salom, Sylvia-Yvonne Kaufmann, David McAllister, Viviane Reding, Helmut Scholz |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrea Bocskor, Mady Delvaux, Ulrike Rodust, Iuliu Winkler |
||||