RAPPORT dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Il-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: miżuri baġitarji immedjati skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

12.10.2015 - (12511/2015 – C8-0297/2015 – 2015/2252(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Eider Gardiazabal Rubial


Proċedura : 2015/2252(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0289/2015
Testi mressqa :
A8-0289/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Il-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: miżuri baġitarji immedjati skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni

(12511/2015 – C8‑0297/2015 – 2015/2252(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, kif adottat b'mod definittiv fis-17 ta' Diċembru 2014[2],

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2015, kif adottat b'mod definittiv fit-28 ta' April 2015[3],

–  wara li kkunsidra l-baġits emendatorji Nru 2/2015, Nru 3/2015, Nru 4/2015 u Nru 5/2015, kif adottati b'mod definittiv fis-7 ta' Lulju 2015[4],

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[5],

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[6],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[7],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej[8],

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015, adottat mill-Kummissjoni fit-30 ta' Settembru 2015 (COM(2015)0485),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Ottubru 2015 u mibgħuta lill-Parlament fl-istess jum (12511/2015 - C8-0297/2015),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: miżuri operazzjonali, baġitarji u legali immedjati skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0490),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0289/2015),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 għandu l-għan li jsaħħaħ ir-riżorsi tal-Unjoni biex jifilħu għall-kriżi attwali tar-refuġjati u tal-migranti, u b'hekk jindirizzaw in-nuqqas ta' fondi taħt l-intestaturi 3 u 4;

B.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 jipprovdi tisħiħ tal-assistenza ta' emerġenza prevista taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Fond għas-Sigurtà Interna għal ammont totali ta' EUR 100 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn, filwaqt li jinżammu r-riżorsi neċessarji u programmi oħra ffinanzjati mill-AMIF;

C.  billi, barra minn hekk, l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 jipprevedi żieda totali ta' 120 fin-numru ta' pożizzjonijiet fi ħdan il-FRONTEX, l-EASO u l-EUROPOL, kif ukoll fl-approprjazzjonijiet relatati għas-salarji sal-aħħar tas-sena ta' EUR 1,3 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament;

D.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 jipprevedi wkoll finanzjament addizzjonali għall-Istrument Ewropew ta' Viċinat għal ammont totali ta' EUR 300 miljun;

E.  billi, barra minn hekk, l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 jżid l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Għajnuna Umanitarja għal ammont ta' EUR 55,7 miljun permezz ta' riallokazzjoni;

F.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 hu akkumpanjat minn proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà għal miżuri baġitarji immedjati taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2015)0486) għal ammont ta' EUR 66,1 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn;

G.  billi ż-żieda fin-numru ta' refuġjati u migranti ma kinitx prevedibbli meta kien qed jiġi adottat il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali għall-perjodu 2014-2020, u ma jistax jitqies bħala fenomenu temporanju u b'hekk jeħtieġ soluzzjonijiet aktar fit-tul li jridu jiġu indirizzati fil-proċeduri baġitarji annwali li jmiss u r-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali;

1.  Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015, kif ippreżentat mill-Kummissjoni, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;

2.  Jilqa' r-rispons rapidu mill-Kummissjoni fit-trattament tal-kriżi attwali tar-refuġjati; itenni r-rieda tal-Parlament Ewropew li jaġixxi fil-ħin b'konformità mar-responsabbiltajiet baġitarji tiegħu; jirrimarka li l-miżuri proposti għandhom ikunu marbutin ma' inizjattivi maħsuba biex jindirizzaw il-kawżi primarji li wasslu għall-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati;

3.  Huwa konvint li l-Unjoni jeħtiġilha tagħmel aktar biex tindirizza l-kriżi attwali tal-migrazzjoni u tar-refuġjati u biex tgħin fl-istabbilizzar tal-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' tranżitu, billi l-miżuri proposti żgur mhux se jkunu biżżejjed, meta wieħed iqis l-għadd kumplessiv ta' persuni li qed ifittxu protezzjoni fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan finanzjarju fit-tul ħalli tirrispondi għall-kriżi attwali tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, inklużi operazzjonijiet ta' tiftix u ta' salvataġġ, u tipproponi reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali kif meħtieġ;

4.  Jilqa' r-rieda tal-istituzzjonijiet kollha biex iżidu l-approprjazzjonijiet tal-baġit marbuta mal-migrazzjoni u l-asil, minħabba l-bżonn ċar u urġenti, kif ukoll biex jirrikorru għall-istrumenti ta' politika barranija biex jindirizzaw il-kawżi primarji li wasslu għall-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati;

5.  Jilqa' l-impenn meħud mill-Istati Membri waqt il-Kunsill Ewropew informali tat-23 ta' Settembru 2015 biex jimmobilizzaw EUR 1 biljun b'rispons għas-sitwazzjoni umanitarja tal-migranti u tar-refuġjati; jistieden lill-Istati Membri jestendu u jżidu l-impenn tagħhom biex jipprovdu l-fondi meħtieġa wkoll fis-snin li ġejjin;

6.  Ifakkar li din il-kwistjoni għandha bżonn tiġi indirizzata primarjament fil-baġit 2016 u jistieden lill-Kunsill isegwi l-kliem bil-fatti permezz ta' fondi korrispondenti fil-Konċiljazzjoni;

7.  Iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kunsill biex jaqbel mill-bidu nett fuq baġit adegwat għall-2016, inkluż għall-intestaturi 3 u 4, li se jipprovdu approprjazzjonijiet suffiċjenti għall-ġestjoni tal-kriżi attwali tar-refuġjati u l-migrazzjoni;

8.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fil-ftehim reċenti għal pjan ta' pagamenti maħsub biex il-baġit tal-Unjoni jerġa' jsir wieħed sostenibbli; jinnota li l-Kummissjoni ma pproponietx approprjazzjonijiet ta' pagament kumplessivi addizzjonali fil-baġit 2015 iżda marret lura għar-riallokazzjoni ta' riżorsi eżistenti; jenfasizza li dan jista' jżid il-piż fuq l-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2016 li jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet attwali ta' programmi finanzjarji bejn l-intestaturi;

9.  Jistenna, għalhekk, li, fl-Ittra Emendatorja 2/2016 tagħha, il-Kummissjoni tipproponi żieda adegwata fl-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu għall-impenji meħuda;

10.  Jenfasizza li jekk ikun hemm bżonn rinforzi addizzjonali matul is-sena kurrenti sabiex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, il-Parlament se jkun lest jaċċetta aktar mobilizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' flessibbiltà previsti fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda proposta ta' 120 pożizzjoni fil-pjanijiet ta' stabbiliment tal-aġenziji u jistenna li din id-deċiżjoni se jkollha impatt ukoll fuq il-baġit 2016 kif ukoll fuq il-baġits għas-snin li ġejjin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni aġġornata u konsolidata dwar il-ħtiġijiet tal-aġenziji qabel il-Konċiljazzjoni baġitarja; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġija fuq perjodu medju u twil għall-azzjonijiet tal-aġenziji fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni: l-għanijiet, il-missjonijiet, il-koordinazzjoni, l-iżvilupp taż-żoni sensittivi u r-riżorsi finanzjarji.

12.  Jafferma r-rieda tiegħu li jadotta l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015 kif ippreżentat mill-Kummissjoni kemm jista' jkun malajr, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni; jirrimarka li minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, il-Parlament kellu ħin limitat fil-formazzjoni tal-pożizzjoni tiegħu dwar dan il-baġit emendatorju;

13.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2015;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 7/2015 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.

ITTRA MILL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Il-President

IPOL-COM-LIBE D (2015) 46319

Is-Sur Jean ARTHUIS

President tal-Kumitat għall-Baġits

WIC M02024

Strasburgu

Suġġett:   Opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7 għall-baġit ġenerali 2015 u dwar il-proposta dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà b'rispons għas-sitwazzjoni tal-migrazzjoni (COM(2015) 485 u COM(2015) 486)

Sur Arthuis,

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jilqa' l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7 għall-baġit ġenerali 2015 "dwar il-ġestjoni tal-kriżi tar-refuġjati: miżuri baġitarji immedjati skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015) 485) u l-proposta għal deċiżjoni "dwar il-Mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità għal miżuri baġitarji immedjati taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015) 486 finali).

Dawn il-proposti jipprevedu tisħiħ tal-assistenza ta' emerġenza pprovduti taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) b'EUR 80 miljun u l-aspett tal-Fruntieri taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna (FSI) b'EUR 20 miljun. Barra minn hekk, il-proposti jipprevedu 120 pożizzjoni ulterjuri biex tiżdied il-kapaċità ta' tliet aġenziji: 60 pożizzjoni għall-Frontex, 30 għall-EASO u 30 għall-Europol fl-2015. Huwa previst ukoll tisħiħ ulterjuri għal għadd ta' miżuri esterni (finanzjament addizzjonali f'impenji għall-Istrument Ewropew ta' Viċinat u pagamenti addizzjonali għall-għajnuna umanitarja).

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ ulterjuri tal-finanzjament ta' emerġenza tal-Fondi tal-AMIF u tal-FSI għall-finanzjament tal-baġit attwali 2015 biex jiġu ffinanzjati talbiet li saru minn bosta Stati Membri. L-Istati Membri fejn attwalment qed jaslu numri kbar ta' migranti għandhom tabilħaqq ikunu jistgħu jibbenefikaw minn tali assistenza bħala wirja ta' solidarjetà fost l-Istati Membri tal-UE f'konformità mal-Artikolu 80 tat-TFUE.

Il-Kumitat jilqa' wkoll il-persunal addizzjonali għall-Frontex, l-EASO u l-EUROPOL. Ilu żmien jiddeplora n-nuqqas ta' persunal fl-aġenziji li b'mod kostanti qed jintalbu jagħmlu xogħol addizzjonali. Biss, f'dak li għandu x'jaqsam mal-EASO, il-Kumitat jemmen li l-aġenzija għandu jkollha saħansitra aktar persunal minn dak li s'issa ġie propost mill-Kummissjoni. L-EASO ngħata l-inkarigu li jassumi rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil. L-aħħar żviluppi politiċi wrew biċ-ċar li għad fadal ħafna xi jsir f'dan ir-rigward.

Il-Kumitat jaqbel li l-proposti tal-Kummissjoni għandhom jiġu trattati b'mod urġenti biex finanzjament u persunal addizzjonali jkunu disponibbli tul l-2015 stess. Fl-istess ħin, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda tħejji għal rieżami tad-dispożizzjonijiet legali rilevanti, speċjalment il-fond tal-AMIF, kif ukoll il-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014-2020.

Dejjem tiegħek,

Claude MORAES

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Siegfried Mureşan, Younous Omarjee, Paul Rübig, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ivan Štefanec, Nils Torvalds, Marco Valli

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jude Kirton-Darling

  • [1]  ĠU L 298, 26.10.2002, p. 1.
  • [2]  ĠU L 69, 13.3.2015, p. 1.
  • [3]  ĠU L 190, 17.7.2015, p. 1.
  • [4]  ĠU L 261, 7.10.2015.
  • [5]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [6]  ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.
  • [7]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [8]  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.