RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács
12.10.2015 - (2014/2044(IMM))
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Tadeusz Zwiefka
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla KOVÁCS b'rabta ma' investigazzjoni li għandha titwettaq mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Prosekuzzjoni Għolja tal-Ungerija, mibgħuta fit-12 ta' Mejju 2014 minn Dr Péter Polt, il-Prosekutur Ġenerali tal-Ungerija, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-3 ta' Lulju 2014; wara li kkunsidra l-ispjegazzjonijiet ulterjuri mogħtijin minn Dr Polt fl-ittri tiegħu tas-16 ta' Ottubru 2014 u tat-23 ta' Marzu 2015, kif ukoll l-iskambju ta' fehmiet ma' Dr Polt fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-14 ta' Lulju 2015,
– wara li sema' lil Béla Kovács skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, it-Taqsimiet 10(2) u 12(1) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus tal-Membri Ungeriżi tal-Parlament Ewropew, u t-Taqsima 74(1) u (3) tal-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali tal-Ungerija,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2), 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0291/2015),
A. billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Ungerija talab it-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Béla Kovács, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet, abbażi ta' suspetti raġonevoli, ħalli jiġi stabbilit jekk għandux jitqiegħed taħt akkuża kwantu għar-reat ta' spjunaġġ fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea skont it-termini tat-Taqsima 261/A tal-Att C tal-2012 tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż; billi, skont dik it-Taqsima, kull persuna li twettaq attivitajiet ta' intelligence għal pajjiż li ma jkunx membru tal-Unjoni Ewropea kontra l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea jew il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jkun punibbli skont it-termini tat-Taqsima 261; billi, skont il-paragrafu (1) tat-Taqsima 261, kwalunkwe persuna li twettaq attivitajiet ta' intelligence għal forza barranija jew organizzazzjoni barranija kontra l-Ungerija tkun ħatja ta' reat punibbli bi priġunerija ta' bejn sentejn u tmien snin;
B. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom stess l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta' dak l-Istat Membru;
C. billi, skont l- Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, il-Membri tal-Parlament nazzjonali huma intitolati għall-immunità; billi, skont it-Taqsima 10(2) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus tal-Membri Ungeriżi tal-Parlament Ewropew, il-Membri tal-Parlament Ewropew huma intitolati għal immunità li tkun daqs l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ungeriż; billi, skont it-Taqsima 74(1) tal-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali, proċediment kriminali jista' jiġi istitwit jew imwettaq u miżura ta' koerċizzjoni skont proċedura kriminali tista' tiġi applikata kontra Membru biss bil-kunsens minn qabel tal-Assemblea Nazzjonali; billi skont it-Taqsima 74(3) tal-istess Att, it-talba għat-tneħħija tal-immunità għandu jagħmilha l-Prosekutur-Ġenerali bil-għan li titnieda l-investigazzjoni;
D. billi fil-kawża Bf.I.2782/2002, il-Qorti Suprema tal-Ungerija ddikjarat li l-immunità parlamentari hija limitata għall-proċedimenti kriminali u ma testendix għal miżuri mhux regolati mill-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali li għandhom l-għan tal-prevenzjoni, il-kxif jew id-dimostrazzjoni ta' reat;
E. billi, skont it-Taqsima 261/A tal-Att C tal-2012 dwar il-Kodiċi Kriminali Ungeriż, ir-reat li l-investigazzjonijiet dwaru jistgħu jitwettqu fil-konfront ta' Béla Kovács huwa punibbli mill-1 ta' Jannar 2014 'il quddiem;
F. billi, għaldaqstant, l-investigazzjoni u kwalunkwe akkuża sussegwenti li għalihom qed tintalab it-tneħħija tal-immunità huma limitati għal ġrajjiet li jkunu seħħew wara l-1 ta' Jannar 2014;
G. billi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema tal-Ungerija, il-ġbir ta' provi skont l-Att CXXV tal-1995 dwar is-Servizzi tas-Sigurtà Nazzjonali qabel dik id-data kien legali u ma kienx jirrikjedi tneħħija tal-immunità;
H. billi l-investigazzjoni kriminali se ssir mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Prosekuzzjoni Għolja tal-Investigazzjonijiet; billi skont l-Artikolu 29(1) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, il-Prosekutur Ġenerali u s-Servizz tal-Prosekuzzjoni huma indipendenti, iwettqu l-kompiti kostituzzjonali tagħhom b'mod indipendenti minn organizzazzjonijiet esterni, u jipproċedu f'konformità mal-preżunzjoni ta' innoċenza;
I. billi t-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura;
J. billi, fil-każ preżenti, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li t-talba għat-tneħħija tal-immunità ġiet imressqa fil-kuntest ta' proċedimenti mibdijin bl-intenzjoni li jikkawżaw ħsara politika lill-Membru kkonċernat;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Béla Kovács;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Ungerija u lil Béla Kovács.
NOTA SPJEGATTIVA
1. Sfond
Fis-seduta tat-3 ta' Lulju 2014, il-President ħabbar li, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta' Proċedura, kien irċieva ittra mill-Prosekutur Ġenerali tal-Ungerija, Dr Polt, li fiha talab li titneħħa l-immunità ta' Béla Kovács.
Il-President irrefera t-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 9(1).
Fid-dawl tal-fatt li l-Parlament Ewropew ma setax jaċċetta l-Anness ikklassifikat mehmuż mal-ewwel ittra ta' Dr Polt, dan tal-aħħar ta aktar spjegazzjonijiet fl-ittri tiegħu tas-16 ta' Ottubru 2014 u tat-23 ta' Marzu 2015 u sar skambju ta' fehmiet miegħu waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali li saret fl-14 ta' Lulju 2015.
It-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács qed issir sabiex ikunu jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet, abbażi ta' suspetti raġonevoli, ħalli jiġi stabbilit jekk għandux jitqiegħed taħt akkuża kwantu għar-reat ta' spjunaġġ kontra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea skont it-termini tat-Taqsima 261/A tal-Att C tal-2012 tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż. Skont dik it-Taqsima, kull persuna li twettaq attivitajiet ta' intelligence għal pajjiż terz li ma jkunx membru tal-Unjoni Ewropea kontra l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea jew il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jkun punibbli skont it-termini tat-Taqsima 261; il-paragrafu (1) ta' dik it-Taqsima jiddisponi li kwalunkwe persuna li twettaq attivitajiet ta' intelligence għal forza barranija jew organizzazzjoni barranija kontra l-Ungerija tkun ħatja ta' reat punibbli bi priġunerija ta' bejn sentejn u tmien snin.
Skont it-Taqsima 261/A tal-Att C tal-2012 dwar il-Kodiċi Kriminali Ungeriż, ir-reat li l-investigazzjonijiet dwaru jistgħu jitwettqu fil-konfront ta' Béla Kovács huwa punibbli mill-1 ta' Jannar 2014 'il quddiem.
Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Prosekutur Ġenerali, il-kuntatti moħbija tas-Sur Kovács ma' uffiċjali tal-intelligence Russa kienu osservarti għall-ewwel darba fl-2010 mill-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni Ungeriża matul l-investigazzjonijiet tagħha dwar l-attivitajiet ta' ċerti ċittadini barranin. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema tal-Ungerija, dan il-ġbir ta' provi skont l-Att CXXV tal-1995 dwar is-Servizzi tas-Sigurtà Nazzjonali qabel l-1 ta' Jannar 2014 kien legali u ma kienx jirrikjedi tneħħija tal-immunità.
Il-Prosekutur għamilha ċara li l-investigazzjoni u kwalunkwe kap ta' akkuża sussegwenti li għalihom qed tintalab it-tneħħija tal-immunità huma limitati għal ġrajjiet li seħħew wara l-1 ta' Jannar 2014.
Huwa nnotat ukoll li investigazzjoni kriminali titwettaq mill-Uffiċċju Ċentrali ta' Prosekuzzjoni Għolja għall-Investigazzjonijiet u li, skont l-Artikolu 29(1) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, il-Prosekutur Ġenerali u s-Servizz tal-Prosekuzzjoni huma indipendenti, iwettqu l-kompiti kostituzzjonali tagħhom b'mod indipendenti minn organizzazzjonijiet esterni u jipproċedu f'konformità mal-preżunzjoni ta' innoċenza.
Is-Sur Kovács isostni li, peress li t-Taqsima 261/A tal-Att C tal-2012 ilha fis-seħħ biss mill-1 ta' Jannar 2014, ma jistax jitqiegħed taħt att ta' akkuża għal atti mwettqa qabel dik id-data minħabba l-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li jirrifletti l-prinċipju ġenerali ta' nullum crimen sine lege u jiddisponi li l-ebda persuna m'għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. Is-Sur Kovács isostni wkoll li l-attivitajiet tiegħu fl-2014 ma jinkwadrawx ruħhom fit-Taqsima 261/A.
Barra minn hekk, is-Sur Kovács isostni li s-sorveljanza mwettqa fuqu kienet illegali, li kien hemm ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza, li t-Taqsima 118(5) tal-Att CLXXXVI tal-2013 li tikkriminalizza l-ispjunaġġ kontra l-istituzzjonijiet tal-UE ġiet adottata speċifikament sabiex imġibet is-Sur Kovács issir punibbli u li l-klassifikazzjoni tal-każ kollu hija illegali u mhix raġonevoli.
2. Il-liġi u l-proċedura dwar l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew
L-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jgħid kif ġej:
Artikolu 9
Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu għandhom igawdu:
a. fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;
b. fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.
L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.
L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta' reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta' xi wieħed mill-membri tiegħu.
Ladarba t-tneħħija tal-immunità qed tintalab għall-Ungerija, il-liġi Ungeriża dwar l-immunità parlamentari tapplika skont it-termini tal-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, il-punt a. Skont it-termini tal-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, il-Membri tal-Parlament nazzjonali huma intitolati għall-immunità; Skont it-Taqsima 10(2) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus tal-Membri Ungeriżi tal-Parlament Ewropew, il-Membri tal-Parlament Ewropew huma intitolati għall-immunità daqs l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ungeriż, u t-Taqsima 74(1) tal-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali tiddisponi li proċedura kriminali tista' tiġi istitwita jew imwettqa u miżura ta' koerċizzjoni skont proċedura kriminali tista' tiġi applikata kontra Membru biss bil-kunsens minn qabel tal-Assemblea Nazzjonali. Fl-aħħar nett, skont it-Taqsima 74(3), it-talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tkun magħmula mill-Prosekutur Ġenerali.
L-Artikoli 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew jgħidu kif ġej:
Artikolu 6
Tneħħija tal-immunità
1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġislattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. Kull talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tkun ivvalutata skont it-termini tal-Artikoli 7, 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u skont il-prinċipji li hemm riferiment għalihom f'dan l-Artikolu.
(...)
Artikolu 9
Proċeduri dwar l-immunità
1. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta' xi Membru, jew minn Membru jew xi ħadd li kien Membru sabiex jitħarsu l-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tkun riferuta lill-kumitat responsabbli.
Il-Membru jew l-ex-Membru jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor. It-talba ma tistax issir minn Membru ieħor mingħajr il-qbil tal-Membru kkonċernat.
2. Il-kumitat għandu jikkunsidra mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet.
3. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija ta' l-immunità jew għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet.
4. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa.
5. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta
dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor.
Il-Membru ma għandux ikun preżenti matul id-dibattiti dwar it-talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tiegħu, ħlief għas-smigħ innifsu.
Il-President tal-Kumitat għandu jistieden lill-Membru għas-smigħ, billi jindika d-data u l-ħin. Il-Membru jista' jirrinunzja d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-smigħ.
Jekk il-Membru ma jipparteċipax fis-smigħ wara dik l-istedina, jitqies li rrinunzja dak il-jedd li jkun mismugħ, sakemm ma jitlobx li jkun eżonerat mis-smigħ f'dik id-data u ħin kif proposti, u jagħti r-raġunijiet. Il-President tal-Kumitat għandu jagħti deċiżjoni dwar jekk tali talba li dak li jkun ikun skużat tintlaqax fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija, u ma jkun permess l-ebda appell fuq dan il-punt.
Jekk il-President tal-Kumitat jilqa' t-talba għal eżoneru, allura jistieden lill-Membru jinstema' f'data u ħin ġodda. Jekk il-Membru jonqos li jimxi mat-tieni stedina li jinstema', il-proċedura tissokta mingħajr ma jinstema' l-Membru. Ebda talba oħra għal eżoneru, jew għas-smigħ, ma tintlaqa' minn dan l-istadju 'l quddiem.
(...)
7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.
(...)
3. Ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni proposta
Fuq il-bażi tal-fatti msemmija hawn fuq, dan il-każ jikkwalifika għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.
Skont dik id-dispożizzjoni, il-Membri jgawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-Parlament ta' dak l-Istat.
Sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok jew le li titneħħa l-immunità parlamentari ta' Membru, il-Parlament Ewropew japplika l-prinċipji konsistenti tiegħu. Wieħed minn dawn il-prinċipji huwa li l-immunità normalment titneħħa meta r-reat jiġi inkwadrat fl-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, sakemm ma jkunx hemm fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-każ ikun tqajjem bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru kkonċernat.
Wara skambji ta' ittri mal-awtoritajiet nazzjonali, is-smigħ tal-Membru kkonċernat, iċ-ċirkolazzjoni ta' sottomissjonijiet bil-miktub, dibattitu eżawrjenti fil-kumitat kompetenti u skambju addizzjonali u rikjest ta' fehmiet mal-Prosekutur Ġenerali, huwa kkunsidrat li ma hemmx fumus persecutionis f'dan il-każ.
B'mod aktar speċifiku għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq il-prinċipju nullum crimen sine lege, jidher ċar mill-istqarrijiet tal-Prosekutur Ġenerali li l-investigazzjoni u kwalunkwe akkuża sussegwenti li għalihom qed tintalab it-tneħħija tal-immunità huma limitati għal ġrajjiet li jkunu seħħew wara l-1 ta' Jannar 2014, id-data li fiha t-Taqsima 261/A tal-Att C tal-2012 dwar il-Kodiċi Kriminali Ungeriż daħlet fis-seħħ. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 29(1) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, il-Prosekutur Ġenerali u s-Servizz tal-Prosekuzzjoni huma indipendenti, iwettqu l-kompiti kostituzzjonali tagħhom b'mod indipendenti minn organizzazzjonijiet esterni, u jipproċedu f'konformità mal-preżunzjoni ta' innoċenza. Fl-aħħar nett, mhuwiex il-kompitu tal-Parlament li jiġġudika fi proċedimenti dwar l-immunità jekk hijiex ġustifikata l-pretiża tas-Sur Kovács li l-attivitajiet tiegħu fl-2014 ma jinkwadrawx ruħhom fit-Taqsima 261/A.
Bl-istess mod, l-argumenti l-oħrajn tas-Sur Kovács li fihom jallega fumus persecutionis jidhru infondati jew li jmorru lil hinn mill-ambitu ta' proċedura għat-tneħħija tal-immunità parlamentari.
L-ewwel nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija tal-Qorti Suprema Ungeriża l-immunità parlamentari hija limitata għal proċedimenti kriminali u ma testendix għal miżuri mhux regolati mill-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali li jkollhom l-għan tal-prevenzjoni, il-kxif jew id-dimostrazzjoni ta' reat, il-pretiża tiegħu li s-sorveljanza mwettqa kontrih kienet illegali ma għandha l-ebda effett fuq il-proċediment għat-tneħħija tal-immunità tiegħu, partikolarment billi l-allegati kuntatti sigrieti tiegħu ma' uffiċjali tal-intelligence Russa ġew osservati l-ewwel darba mill-Uffiċċju tal-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni Ungeriża matul l-investigazzjoni tiegħu dwar l-attivitajiet ta' ċerti ċittadini barranin, mhux tas-Sur Kovács innifsu.
It-tieni nett, il-pretiżi li kien hemm ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza, li t-Taqsima 118(5) tal-Att CLXXXVI tal-2013 li tikkriminalizza l-ispjunaġġ kontra l-istituzzjonijiet tal-UE ġiet adottata speċifikament sabiex imġibet is-Sur Kovács tkun punibbli u li l-klassifikazzjoni tal-każ kollu hija illegali u mhux raġonevoli ma jinkwadrawx ruħhom mat-talba għat-tneħħija tal-immunità li saret bil-għan li l-investigazzjonijiet jistgħu jitwettqu, fuq il-bażi ta' suspetti raġonevoli, biex jiġi determinat jekk ikunx hemm kap ta' akkuża kontra tiegħu.
Fuq il-bażi ta' analiżi xierqa, dawn il-pretiżi jikkostitwixxu biss oġġezzjonijiet jew difiżi għal proċedimenti kriminali ipotetiċi, li għadhom ma nbdewx u għandu mnejn qatt mhuma sejrin jinbdew. Fil-fatt, is-Sur Kovács stess jammetti li huwa uffiċjalment mhux suspettat. Il-fatt, għal darb' oħra, li l-Prosekutur Ġenerali huwa kostituzzjonalment indipendenti u jimxi f'konformità mal-preżunzjoni ta' innoċenza huwa biżżejjed biex jitneħħa kull biża' ta' fumus persecutionis.
Fl-aħħar nett, qed jiġi sottolinjat li t-tneħħija tal-immunità ma timplika bl-ebda mod ġudizzju dwar il-ħtija jew l-innoċenza ta' Membru.
4. Konklużjoni
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq u skont it-termini l-Artikolu 9(3) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità parlamentari tas-Sur Béla Kovács.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI
FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
12.10.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
14 2 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Kostas Chrysogonos, Mady Delvaux, Laura Ferrara, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Tadeusz Zwiefka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Heidi Hautala, Virginie Rozière |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Birgit Collin-Langen, Péter Niedermüller |
||||
- [1] Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, C-101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, C-149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenrali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenrali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.