Proċedura : 2011/0901B(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0296/2015

Testi mressqa :

A8-0296/2015

Dibattiti :

PV 27/10/2015 - 17
CRE 27/10/2015 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/10/2015 - 7.3
CRE 28/10/2015 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0377

RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI     ***II
PDF 773kWORD 339k
14.10.2015
PE 567.628v02-00 A8-0296/2015

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

(09375/1/2015 – C8‑0166/2015 – 2011/0901B(COD))

Kumitat għall-Affarijiet Legali

Rapporteur (għal opinjoni): António Marinho e Pinto

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

(09375/1/2015 – C8‑0166/2015 – 2011/0901B(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari(09375/1/2015 – C8‑0166/2015),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1) fuq it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja mressqa lill-Parlament u lill-Kunsill (02074/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 69 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0296/2015),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fit-tieni qari li tidher hawn taħt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

Pożizzjoni tal-Kunsill

Premessa 1

Pożizzjoni tal-Kunsill

Emenda

(1) Bħala konsegwenza tal-espansjoni progressiva tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sa minn meta nħolqot, l-għadd ta' kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali ilu jiżdied b'mod stabbli matul is-snin, li maż-żmien irriżulta f'żieda fl-għadd ta' kawżi pendenti quddiem dik il-Qorti. Dan għandu impatt fuq it-tul ta' żmien tal-proċedimenti.

(1) Bħala konsegwenza tal-espansjoni progressiva tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sa minn meta nħolqot, l-għadd ta' kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali żdied matul is-snin, li maż-żmien irriżulta f'żieda fl-għadd ta' kawżi pendenti quddiem dik il-Qorti. Sakemm ma jitteħdux miżuri adegwati, kemm ta' natura proċedurali kif ukoll ta' natura organizzattiva, inkluża żieda fl-għadd ta' Mħallfin f'dik il-Qorti, dan jaf ikollu impatt fuq it-tul ta' żmien tal-proċedimenti.

Emenda    2

Pożizzjoni tal-Kunsill

Premessa 3

Pożizzjoni tal-Kunsill

Emenda

(3) Is-sitwazzjoni li l-Qorti Ġenerali tinsab fiha għandha kawżi strutturali relatati, inter alia, maż-żieda u mal-varjetà tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll mal-volum u l-kumplessità tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, b'mod partikolari fl-oqsma tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat.

(3) Is-sitwazzjoni li l-Qorti Ġenerali tinsab fiha għandha kawżi relatati, inter alia, maż-żieda u mal-varjetà tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, mal-volum u l-kumplessità tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, b'mod partikolari fl-oqsma tal-kompetizzjoni, l-għajnuna mill-Istat u l-proprjetà intellettwali, u mal-fatt li l-qrati speċjalizzati relevanti ma ġewx stabbiliti kif previst fl-Artikolu 257 tat-TFUE.

Emenda    3

Pożizzjoni tal-Kunsill

Premessa 5

Pożizzjoni tal-Kunsill

Emenda

(5) B'kont meħud tal-evoluzzjoni probabbli tal-volum ta' xogħol tal-Qorti Ġenerali, l-għadd ta' Mħallfin għandu jiġi ffissat għal 56 fi tmiem proċess fi tliet stadji, bil-fehim li fl-ebda mument ma jista' jkun hemm aktar minn żewġ Imħallfin li jippresiedu fil-Qorti Ġenerali maħtura fuq proposta mill-istess Stat Membru.

(5) B'kont meħud tal-evoluzzjoni tal-volum ta' xogħol tal-Qorti Ġenerali, l-għadd ta' Mħallfin għandu jiġi ffissat għal 56 fi tmiem proċess fi tliet stadji, jiġifieri żewġ Imħallfin maħtura fuq proposta minn kull wieħed mill-Istati Membri, bil-fehim li fl-ebda mument ma jista' jkun hemm aktar minn żewġ Imħallfin li jippresiedu fil-Qorti Ġenerali maħtura fuq proposta mill-istess Stat Membru.

Emenda    4

Pożizzjoni tal-Kunsill

Premessa 5a (ġdida)

Pożizzjoni tal-Kunsill

Emenda

 

(5a) Il-ħatra tal-Imħallfin addizzjonali għandha tkun ibbażata fuq l-indipendenza, l-imparzjalità u l-għarfien espert tagħhom, filwaqt li titqies l-idoneità professjonali u personali tagħhom kif ukoll l-għarfien tagħhom dwar l-ordinamenti ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri, u barra minn hekk, għandha tiżgura bilanċ bejn is-sessi fil-kompożizzjoni kumplessiva tal-Qorti.

Emenda    5

Pożizzjoni tal-Kunsill

Premessa 7

Pożizzjoni tal-Kunsill

Emenda

(7) F'Settembru 2016, il-kompetenza fil-prim istanza f'kawżi tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, u s-seba' postijiet ta' Mħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu ttrasferiti għall-Qorti Ġenerali, abbażi ta' talba leġislattiva futura mill-Qorti tal-Ġustizzja.

(7) Bħalma diġà ħabbret il-Qorti tal-Ġustizzja, se tiġi ppreżentata t-tieni proposta leġiżlattiva sabiex jiġu determinati l-arranġamenti ddettaljati kollha għat-trasferiment tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, inklużi s-seba' postijiet ta' Mħallfin u l-persunal u r-riżorsi tiegħu.

Emenda    6

Pożizzjoni tal-Kunsill

Premessa 8a (ġdida)

Pożizzjoni tal-Kunsill

Emenda

 

(8a) Is-sostituzzjonijiet parzjali fil-Qorti Ġenerali għandhom jiġu organizzati b'tali mod li l-gvernijiet tal-Istati Membri jibdew gradwalment jinnominaw żewġ Imħallfin għall-istess sostituzzjoni parzjali. Għaldaqstant, bil-għan li jiġi żgurat bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fi ħdan dik il-Qorti [dikjarazzjoni konġunta ta'... * ], il-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom jimmiraw li jagħżlu mara waħda u raġel wieħed, dment li jkunu rispettati l-kundizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fit-Trattat. L-Artikolu 19(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinkludi mill-inqas Imħallef wieħed minn kull Stat Membru. Peress li din is-sistema diġà tiżgura bilanċ ġeografiku definit, l-Imħallfin addizzjonali għandhom jinħatru primarjament abbażi tal-ħiliet professjonali u personali tagħhom, u fid-dawl tal-għarfien tagħhom dwar l-ordinamenti ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha; huwa biss wara li jkunu ġew ikkunsidrati dawn il-kriterji li tista' titqies in-nazzjonalità tagħhom.

 

__________________

 

* ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Emenda    7

Pożizzjoni tal-Kunsill

Premessa 9a (ġdida)

Pożizzjoni tal-Kunsill

Emenda

 

(9a) Għandhom jinħatru 19-il segretarju legali bil-għan li kull Imħallef ikun jista' jkollu segretarju legali addizzjonali (filwaqt li jitqiesu d-disa' segretarji li nħatru fl-2014), arranġament li diġà jeżisti fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja.

Emenda    8

Pożizzjoni tal-Kunsill

Artikolu 1 – punt 1a (ġdid)

Protokoll Nru 3

Artikolu 48

 

Pożizzjoni tal-Kunsill

Emenda

 

(2a) Il-paragrafu li ġej jiżdied mal-Artikolu 48:

 

'Fl-2019, qabel is-sostituzzjoni tal-Qorti Ġenerali li tikkonferma d-deċiżjoni li jiġu allokati disa' Mħallfin addizzjonali lill-istess Qorti, għandu jsir studju tal-impatt biex jiddetermina ikunx neċessarju li dawk id-disa' Mħallfin jiġu allokati lil dik il-Qorti, fid-dawl tal-volum ta' xogħol.

Emenda    9

Pożizzjoni tal-Kunsill

Artikolu 1 – punt 1a (ġdid)

Protokoll Nru 3

Artikolu 48a (ġdid)

 

Pożizzjoni tal-Kunsill

Emenda

 

(2b) Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

 

"Artikolu 48a

 

In-nomini minn Stat Membru għandhom ikunu ammissibbli biss jekk jikkonċernaw jew kandidat wieħed ta' kull sess f'każ li jkunu jridu jsiru żewġ nomini fl-istess ħin fuq proposta ta' dak l-Istat Membru, jew inkella kandidat tas-sess oppost għal kwalunkwe Mħallef li jkun għadu fil-kariga fi ħdan il-Qorti Ġenerali f'każ li n-nomina għall-kariga tat-tieni Mħallef ma ssirx fl-istess ħin li fih tkun saret in-nomina għall-kariga tal-ewwel Imħallef.'

Ġustifikazzjoni

Ara l-paragrafu 15 tar-Rapport dwar in-Nisa fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet Politiċi (2011/2295(INI)) (PIETIKÄINEN), adottat fil-plenarja fit-3.2.2012, li jistieden "lill-Istati Membri jippromwovu miżuri ta' azzjoni pożittiva, inkluż miżuri leġiżlattivi vinkolanti, bil-għan li jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-korpi ta' governanza u fil-karigi pubbliċi u biex jiżviluppaw għodod għall-monitoraġġ tal-ġeneru f'nominazzjonijiet u f'elezzjonijiet;"

Emenda    10

Pożizzjoni tal-Kunsill

Artikolu 2

Pożizzjoni tal-Kunsill

Emenda

Il-mandat tal-Imħallfin addizzjonali tal-Qorti Ġenerali li għandhom jinħatru taħt l-Artikolu 48 tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkun kif ġej:

Il-mandat tal-Imħallfin addizzjonali tal-Qorti Ġenerali li għandhom jinħatru taħt l-Artikolu 48 tal-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkun kif ġej:

(a) Il-mandat ta' sitta mit-12-il Imħallef addizzjonali li għandhom jinħatru minn … 4, għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2016. Dawk is-sitt Imħallfin għandhom jintgħażlu bil-polza. Il-mandat tas-sitt Imħallfin l-oħra għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2019;

a) Il-mandat ta' sitta mit-12-il Imħallef addizzjonali li għandhom jinħatru minn … 4, għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2016 Dawk is-sitt Imħallfin għandhom jintgħażlu b'tali mod li l-gvernijiet ta' sitt Stati Membri jinnominaw żewġ Imħallfin kull wieħed għas-sostituzzjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali fl-2016. Il-mandat tas-sitt Imħallfin l-oħra għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2019;

(b) Il-mandat ta' tlieta mis-seba' Mħallfin addizzjonali li għandhom jinħatru mill-1 ta' Settembru 2016 għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2019. Dawk it-tliet Imħallfin għandhom jintgħażlu bil-polza. Il-mandat tal-erba' Mħallfin l-oħra għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2022;

(b) Il-mandat ta' tlieta mis-seba' Mħallfin addizzjonali li għandhom jinħatru mill-1 ta' Settembru 2016 għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2019. Dawk it-tliet Imħallfin għandhom jintgħażlu b'tali mod li l-gvernijiet ta' tliet Stati Membri jinnominaw żewġ Imħallfin kull wieħed għas-sostituzzjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali fl-2019. Il-mandat tal-erba' Mħallfin l-oħra għandu jintemm fil-31 ta' Awissu 2022;

(c) Il-mandat ta' erba' mid-disa' Mħallfin addizzjonali li għandhom jinħatru mill-1 ta' Settembru 2019 għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2022. Dawk l-erba' Mħallfin għandhom jintgħażlu bil-polza. Il-mandat tal-ħames Imħallfin l-oħra għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2025.

(c) Il-mandat ta' erba' mid-disa' Mħallfin addizzjonali li għandhom jinħatru mill-1 ta' Settembru 2019 għandu jintemm fil-31 ta' Awwissu 2022. Dawk l-erba' Mħallfin għandhom jintgħażlu b'tali mod li l-gvernijiet ta' erba' Stati Membri jinnominaw żewġ Imħallfin kull wieħed għas-sostituzzjoni parzjali tal-Qorti Ġenerali fl-2022. Il-mandat tal-ħames Imħallfin l-oħra għandu jintemm fil-31 ta' Awissu 2025.

__________________

__________________

4 OJ: daħħal il-kliem "l-1 ta' Settembru 2015", jew id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jekk id-data hija wara l-1 ta' Settembru 2015.

* ĠU: jekk jogħġbok daħħal il-kliem "l-1 ta' Settembru 2015", jew id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jekk dik id-data tkun wara l-1 ta' Settembru 2015

Emenda    11

Pożizzjoni tal-Kunsill

Artikolu 2a (ġdid)

Pożizzjoni tal-Kunsill

Emenda

 

Artikolu 2a

 

1. Sa mhux aktar tard minn [ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tfassal rapport, bl-użu ta' konsulent estern, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-funzjonament tal-Qorti Ġenerali.

 

B'mod partikolari, dan ir-rapport għandu jiffoka fuq l-effiċjenza tal-Qorti Ġenerali, il-ħtieġa u l-effikaċja taż-żieda fl-għadd ta' Mħallfin tagħha għal 56, l-użu u l-effikaċja tar-riżorsi u l-istabbiliment ulterjuri ta' awli speċjalizzati u/jew tibdiliet strutturali oħrajn.

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tippreżenta proposti leġiżlattivi sabiex temenda l-Istatut tagħha kif meħtieġ.

 

2. Sa mhux aktar tard minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament], il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tfassal rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar tibdiliet possibbli fid-distribuzzjoni tal-kompetenza għas-sentenzi preliminari skont l-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, meta xieraq, bi proposti leġiżlattivi.

NOTA SPJEGATTIVA

Nota ta' introduzzjoni u nota spjegattiva

1 - Fl-2011, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tat bidu għal inizjattiva leġiżlattiva biex tibdel l-istatus tagħha bil-għan li tippermetti l-ħatra ta' 12-il Imħallef ieħor fil-Qorti Ġenerali (QĠ). Dak iż-żmien, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sostniet li kien hemm il-ħtieġa li jitnaqqas kemm l-għadd ta' kawżi għal kull Imħallef, kif ukoll it-tul ta' żmien tal-kawżi fil-Qorti Ġenerali. Fl-2013, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea naqqset it-talba tagħha għal disa' Mħallfin, għadd li dwaru ntlaħaq qbil bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem il-Kunsill), il-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-Parlament Ewropew (PE). Minkejja dan, fis-sessjoni preċedenti, il-PE kien approva fl-ewwel qari 12-il Imħallef addizzjonali. Madankollu, il-Kunsill qatt ma ħatar lil dawn it-12-il Imħallef, mid-dehra minħabba l-fatt li l-Istati Membri ma laħqux ftehim dwar l-għażla tal-Imħallfin, peress li kull Stat Membru ried jaħtar l-Imħallef 'tiegħu stess', u l-għadd ta' Mħallfin li kellhom jinħatru (12) ma jikkorrispondix mal-għadd ta' Stati li kienu qed iressqu n-nomini (28). Għaldaqstant, f'Ottubru 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea pproponiet li l-għadd ta' Mħallfin tal-Qorti Ġenerali jiġi rduppjat (28 aktar) fi tliet stadji, u li jiġi abolit it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-Kunsill qabel minnufih ma' dawn l-proposti l-ġodda. Dan ir-rapport jittratta din il-proposta l-ġdida.

2 - L-ewwel kwistjoni li għandha tiġi indirizzata fir-rigward tal-proposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija li jiġi stabbilit liema kwistjoni biħsiebha tindirizza. Jeħtieġ jiġi stabbilit jekk din hix problema minħabba l-fatt li l-Qorti Ġenerali għandha nuqqas ta' Mħallfin, jew jekk hix pjuttost kwistjoni li tirriżulta mill-Kunsill stess minħabba li mhux jirnexxilu jaħtar għadd li ma jikkorrispondix mal-għadd ta' membri tiegħu. Fil-fatt, huwa inspjegabbli l-fatt li ż-żieda ta' biss disa' Mħallfin oħra kienet biżżejjed biex issolvi l-problemi tal-Qorti Ġenerali fl-2013, filwaqt li fl-2014 f'daqqa waħda kien meħtieġ jinħatru 28 Imħallef oħrajn, u barra minn hekk kellha tiġi abolita qorti oħra. Fi kliem ieħor, fl-2011 il-Qorti Ġenerali talbet 12-il Imħallef oħrajn, fl-2013 qablet li disgħa kienu biżżejjed waqt li fl-2014 qalet li kienu meħtieġa 28 Imħallef oħrajn, flimkien mal-abolizzjoni ta' qorti. Ħadd ma jista' jemmen, b'rieda tajba, li bidla bħal din fl-għadd ta' Mħallfin hija marbuta mal-problema ta' kawżi pendenti fil-Qorti Ġenerali. Li kieku kien hemm 38 membru tal-Kunsill, kienu jitolbu l-istess għadd ta' Mħallfin; li kieku kien hemm 21, kienu jagħżlu dak l-għadd. Naturalment, il-problema hija tal-Kunsill, li jista' jasal għal soluzzjoni vijabbli għall-Qorti Ġenerali biss jekk dik is-soluzzjoni tipprevedi li kull Stat Membru jkun jista' jaħtar l-Imħallef 'tiegħu stess', anki fil-każ li l-għadd ta' Mħallfin li jirriżulta jeċċedi b'mod evidenti l-ħtiġijiet reali tal-Qorti Ġenerali (ara l-aktar statistika reċenti tal-Qorti Ġenerali, fl-anness).

3 - Għaldaqstant, il-PE għandu jirrifjuta l-pożizzjoni tal-Kunsill għal numru ta' raġunijiet. L-ewwel nett, din il-pożizzjoni turi nuqqas ta' rispett kbir lejn flus il-kontribwenti Ewropej. Fi żmien meta l-UE qed timponi miżuri ta' awsterità severi biex tibbilanċja l-baġits tal-Istati Membri u tappella lil dawn l-Istati biex inaqqsu n-nefqa pubblika, ma jagħmel ebda sens li l-UE żżid in-nefqa b'mod daqshekk frivolu, u ċertament din iż-żieda ma tintlaqax tajjeb mill-pubbliku Ewropew. L-irduppjar propost tal-għadd ta' Mħallfin iżid l-għadd ta'segretarji u assistenti legali b'aktar minn 100. Fid-dawl tal-fatt li t-tmexxija ta' kull uffiċċju tiswa aktar minn EUR 1 miljun fis-sena, ir-rimunerazzjoni totali tirrikjedi żieda fin-nefqa strutturali tal-UE ta' aktar minn EUR 20 miljun fis-sena.

Huwa inspjegabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea żżid il-baġit tagħha bil-kbir mingħajr ebda ġustifikazzjoni, filwaqt li l-istituzzjonijiet l-oħra kollha qablu li jnaqqsu l-għadd tal-persunal tagħhom b'madwar 5 % u jimplimentaw tnaqqis ieħor ta' madwar 0.5 % tal-baġits tagħhom.

Raġuni oħra li għaliha l-PE jirrifjuta l-proposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha x'taqsam mad-dinjità tas-setgħa ġudizzjarja nfisha, b'mod partikolari l-prestiġju u r-rispett dovut lill-qrati. Fil-fatt, l-UE m'għandhiex taħtar Imħallfin bil-mod li bih taħtar il-kummissarji politiċi. L-Imħallfin mhumiex kummissarji mill-Istati Membri u m'għandhomx jinħatru bħala tali. L-Imħallfin għandhom jintgħażlu għall-kompetenzi tekniċi u legali tagħhom, li jiggarantixxu l-kwalità tad-deċiżjonijiet li jieħdu, iżda għandhom jintgħażlu wkoll għall-kwalità tal-karattru tagħhom bil-għan li jiġi żgurat li dawn iwettqu dmirhom b'integrità, onestà, imparzjalità u reżiljenza meta jiġu esposti għal kwalunkwe pressjoni. Fi ftit kliem, għandhom jinħatru għall-kuraġġ u l-indipendenza tagħhom. Għaldaqstant, l-ebda Mħallef m'għandu jiġi nnominat mill-ġdid; minflok, huma għandhom jinħatru għal mandat wieħed ta' disa' snin. Teżisti biża' ġustifikabbli ħafna li Mħallef li jista' jiġi nnominat mill-ġdid tista' tiġih it-tentazzjoni li jwettaq dmirijietu b'mod li jiffavorixxi lil dawk li ħatruh u b'hekk jikseb nomina mill-ġdid. Barra minn hekk, anki f'din it-taqsima dwar il-ħatriet għandha ssir enfasi partikolari fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi. Huwa inkomprensibbli li l-ġustizzja tal-UE ssir b'mod predominanti mill-irġiel. L-għadd ta' Mħallfin irġiel fil-qrati tal-UE għandu jkun strettament indaqs bħal dak ta' Mħallfin nisa.

4 - Barra minn hekk, it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mhijiex proposta leġiżlattiva vera u proprja, qabel xejn peress li tressqet permezz ta' sempliċi ittra f'Ottubru 2014, indirizzata lill-Presidenza Taljana tal-Kunsill. Ittra mhijiex proċedura adegwata biex tiġi formalizzata inizjattiva leġiżlattiva. Minkejja dan, anki jekk din il-proċedura titqies adegwata, il-proposta għandha, minħabba l-kontenut tagħha, titqies bħala inizjattiva leġiżlattiva ġdida u għaldaqstant għandu jingħata bidu għal proċedura ġdida għalkollox. Fil-fatt, dak li qed jiġi diskuss issa mhijiex il-ħatra ta' 12-il Imħallef ieħor, iżda pjuttost il-ħatra ta' 28 Imħallef u l-abolizzjoni ta' qorti speċjalizzata. F'każijiet bħal dawn, ta' proposti leġiżlattivi b'kontenut ġdid (peress li din hija għalkollox ġdida u, għaldaqstant, qatt ma ġiet ikkunsidrata), hija mhedda l-legalità proċedurali tal-proċess sħiħ (ara l-korrispondenza fl-anness rigward il-konformità mal-obbligi proċedurali). Il-forma hija l-akbar għadu tal-arbitrarjetà.

5 - Barra minn hekk, riforma ta' din in-natura – tal-ambitu u l-profondità maħsuba – għandha tiġi preċeduta minn studju tal-impatt li jispjega lill-koleġiżlaturi (il-Kunsill u l-PE) in-neċessità, l-ambitu, l-ispejjeż u konsegwenzi oħrajn tagħha. Madankollu, dan l-istudju, minkejja li ilu mwiegħed mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mill-2011, qatt ma sar. Għaldaqstant huwa evidenti li din l-inizjattiva leġiżlattiva hija nieqsa mit-trasparenza, kemm internament kif ukoll esternament (mill-ġdid, ara l-korrispondenza fl-anness rigward il-konformità mal-obbligi proċedurali).

Fil-fatt, il-proċess leġiżlattiv kollu juri li l-ebda waħda mill-entitajiet li għandhom jiġu kkonsultati ma kkummentat dwar il-proposti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (28 Imħallef oħrajn u l-abolizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku). Il-KE stess ikkummentat biss fl-2011 (dwar iż-żieda ta' 12-il Imħallef) u lanqas l-Imħallfin taż-żewġ qrati (Qorti Ġenerali u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku) milquta direttament mill-proposta jew l-impjegati tagħhom ma ġew ikkonsultati. Kif, mela, tista' tiġi introdotta riforma li tabolixxi qorti partikolari u żżid l-għadd ta' Mħallfin għal aktar minn 28 fil-qorti l-oħra, meta entità li għandha tiġi kkonsultata awtomatikament fir-rigward ta' dawn il-proposti ġiet ikkonsultata biss b'rabta maż-żieda ta' 12-il Imħallef u qatt ma kkummentat dwar l-abolizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku? Jista' jkun li sempliċi ittra mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kienet biżżejjed biex il-Kunsill u l-PE japprovaw minnufih dak kollu li ġie propost – jiġifieri, it-tneħħija ta' qorti tal-UE u l-irduppjar tal-għadd ta' Mħallfin f'qorti oħra – mingħajr ebda analiżi oġġettiva tal-implikazzjonijiet kollha tagħha, b'mod partikolari dawk finanzjarji?

Din il-proposta leġiżlattiva, jekk tiġi approvata, tati eżempju ħażin ħafna peress li turi standard doppju. L-UE qed tirriżerva d-dritt li żżid in-nefqa tagħha bla ħtieġa, filwaqt li timponi tnaqqis qawwi fin-nefqa fuq uħud mill-Istati Membri, li jinkludi sensji u tnaqqis fil-pagi u f'rimunerazzjoni oħra.

6 - Madankollu, lil hinn min-nuqqasijiet inerenti tal-proposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jekk tiġi implimentata din ikollha konsegwenzi fit-tul u serji fuq is-sistema ġudizzjarja tal-UE. Tabilħaqq, ħafna mill-elementi f'din il-proposta (struttura tal-qorti, impatt finanzjarju) jirrikjedu analiżi u valutazzjoni serji u imparzjali, li ma sarux. Lanqas ma saret analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji jew xi valutazzjoni tal-impatt. It-twettiq ta' studju estern u indipendenti huwa prerekwiżit biex il-leġiżlatur ikun jista' jiżen il-konsegwenzi kollha tal-istatuti tiegħu. Mingħajr dan l-istudju, il-Parlament m'għandux jipproċedi bl-irduppjar tal-għadd ta' Mħallfin u l-abolizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Riformi bħal dawn m'għandhomx jiġu introdotti minn taħt.

Għandu jiġi nnotat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ilu jeżisti għal aktar minn 10 snin u dejjem kien meqjus bħala suċċess ġuridiku, anke mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea nnifsu. Barra minn hekk, it-Trattati tal-UE jipprevedu l-ħolqien ta' qrati speċjalizzati, u għaldaqstant huwa inspjegabbli li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku issa, f'daqqa waħda, għandu jiġi abolit. Minflok, għandha tiġi studjata l-possibilità tal-ħolqien ta' qrati speċjalizzati ġodda, b'mod partikolari għall-marki kummerċjali u l-privattivi.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea nfisha tagħti x'wieħed jifhem li l-abolizzjoni proposta tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija dovuta għal problema fil-Kunsill relatata mal-ħatra u man-nomina mill-ġdid tal-Imħallfin. Barra mid-deċiżjoni tal-irduppjar tal-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali, ir-raġuni għall-abolizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija, għal darb'oħra, l-inabilità tal-Kunsill li jagħmel ħatriet, u mhux il-funzjonament tal-qorti li jaf tiġi abolita. Minħabba li ma jistax jadatta ruħu għar-realtà, il-Kunsill qed jipprova jadatta r-realtà għall-metodi ta' ħidma xejn flessibbli tiegħu.

L-abolizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għaldaqastant tkun tfisser l-abbandun tas-sistema ta' qrati speċjalizzati prevista fit-Trattati ta' Nizza u ta' Lisbona, meta huwa fatt magħruf li l-ġustizzja speċjalizzata hi ġustizzja ta' kwalità aqwa, biex ma nsemmux il-kwistjoni tan-nuqqas ta' bażi legali għall-abolizzjoni ta' qorti. It-Trattat jipprevedi l-ħolqien ta' qrati speċjalizzati, mhux l-abolizzjoni tagħhom.

7 - Teżisti kontradizzjoni bejn iċ-ċifri provduti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-kawżi pendenti tal-Qorti Ġenerali u t-tul medju ta' dawn il-kawżi, u ċ-ċifri provduti mill-President u mill-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali waqt is-smigħ tagħhom quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali fi Strasburgu, fuq l-istedina tar-rapporteur. B'mod inspjegabbli, il-Kunsill injora kompletament dokument tal-Qorti Ġenerali li jesprimi oppożizzjoni għar-riforma proposta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-ispjegazzjonijiet mogħtija fi Strasburgu, li jirreferu għal fatti u ċifri li jikkontradixxu dawk li ppreżentat il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara d-dokumentazzjoni fl-anness). L-aktar prudenza bażika tissuġġerixxi li, minħabba li ż-żewġ qrati ppreżentaw fatti reċiprokament kontradittorji, qabel ma tittieħed deċiżjoni għandu jiġi stabbilit liema fatti huma korretti u liema mhumiex. Sfortunatament, il-Kunsill ma ħax il-prekawzjoni ta' din l-investigazzjoni u pproċeda bir-riforma ġudizzjarja b'mod temerarju. Il-komunità legali u l-pubbliku Ewropew innifsu mhux ser jaċċettaw deċiżjoni li jiġi rduppjat l-għadd ta' 28 Imħallef tal-Qorti Ġenerali meta l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali nfishom huma kontra din iż-żieda u jgħidu li għadd żgħir addizzjonali ta' uffiċjali jkun biżżejjed biex il-problema tissolva. F'kull każ, fil-preżent, l-għadd ta' każijiet imressqa quddiem it-tliet qrati naqas minħabba l-għadd ta' każijiet li ttieħdet deċiżjoni dwarhom minn dawn l-istess qrati. Għaldaqstant, l-urġenza allegata li l-għadd ta' Mħallfin jiġi rduppjat ma teżistix.

Tajjeb intennu li l-produttività tal-Qorti Ġenerali tjiebet b'mod sinifikanti mill-2013 'l hawn, speċjalment tul l-2014, mingħajr ma nħatar ebda Mħallef ġdid. Dan jista' jkun li hu dovut purament għar-reklutaġġ ta' disa' segretarji legali ġodda, biex b'hekk kien possibbli li fl-2014 biss ingħalqu aktar minn 100 każ. Skont l-informazzjoni tal-Qorti Ġenerali stess, l-għadd ta' każijiet li ttieħdet deċiżjoni dwarhom fl-ewwel nofs ta' din is-sena huwa ogħla mill-għadd ta' każijiet ġodda mressqa quddiemha. Għal darb'oħra: l-urġenza allegata invokata ta' sikwit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea m'għadhiex teżisti. Soluzzjoni preferibbli tkun, għaldaqstant, li jinħatar aktar persunal fir-Reġistru u fis-servizzi tat-traduzzjoni, kif ukoll, fuq kollox, li jinħatru 19-il segretarju legali ieħor, biex kull Imħallef ikollu segretarju legali addizzjonali, filwaqt li jitqiesu d-disa' segretarji li diġà ġew reklutati fl-2014. Din is-soluzzjoni tillimita b'mod sinifikanti l-impatt fiskali tal-miżura proposta u hija faċilment riversibbli (ara d-dokumentazzjoni fl-anness).

8 - Il-kwistjoni ta' kumpens għal dewmien possibbli fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali hija daħqa fil-wiċċ, għax, biex jinħoloq l-obbligu ta' danni, jeħtieġ li (i) ikun hemm ħsara effettiva, u li (ii) din il-ħsara tirriżulta minn att illegali (azzjoni jew ommissjoni) u (iii) tkun imwettqa b'nuqqas ta' diliġenza, u li, bejn dan il-fatt u din il-ħsara, ikun hemm (iv) rabta ta' kawżalità adegwata; dan kollu jrid jiġi allegat u pprovat minn dawk li jitolbu kumpens. L-esperjenza ġuridika turi kemm hu diffiċli li jitressqu dawn il-pretiżi. Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) hi tal-fehma li d-dritt ta' kumpens għal dewmien fil-ġustizzja jeżisti biss fejn id-dewmien ikun itwal minn ħames snin. Safejn nafu, bħala medja, il-każijiet pendenti tal-Qorti Ġenerali ma jaqbżux dan it-tul ta' żmien: għall-kuntrarju.

9 - Huwa sorprendenti li riforma daqstant kbira ssir bla tħejjija minn qabel u mingħajr ma jintiżnu l-konsegwenzi kollha tagħha. Kif jista' jiġi ġġustifikat mal-pubbliku l-ħolqien ta' aktar minn 100 impjieg b'pagi għoljin (imħallfin, segretarji legali, assistenti), meta huwa ċert li ftit wara l-ħatra tagħhom ħafna minnhom, inklużi l-Imħallfin, mhux se jkollhom biżżejjed xogħol? Meta nafu li kull Imħallef tal-Qorti Ġenerali bħalissa jsegwi medja ta' 25 każ fis-sena (li hija medja ħafna aktar baxxa minn dik ta' kwalunkwe qorti superjuri fl-Istati Membri), din l-inizjattiva mhix offiża lill-kontribwenti Ewropej? Minħabba li l-għadd ta' kawżi naqas, l-Imħallfin kemm-il deċiżjoni se jagħtu kull sena? Il-pubbliku kif se jħares lejn l-UE inkwantu tar-responsabilità għal din iż-żieda possibbli?

Fis-sitwazzjoni attwali, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qed titlob lill-koleġiżlatur jasal għal deċiżjoni mingħajr bażi fil-fatti jew fil-liġi, u li jadotta soluzzjoni li tiswa ħafna flus, hija kumplessa ħafna u mhix faċilment riversibbli.

Huwa d-dmir tal-koleġiżlatur li jadotta miżuri bilanċjati b'mod proporzjonat għall-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom, u jirrispetta profondament flus il-kontribwenti Ewropej. Dawn il-miżuri għandhom ikunu sostenibbli fuq perjodu ta' żmien twil.

Jekk tiġi adottata, il-proposta leġiżlattiva l-ġdida jaf tagħmel ħsara lill-arkitettura tal-ġustizzja Ewropea, l-immaġni tal-UE u l-mod ta' kif jintefqu flus il-kontribwenti Ewropej.

Għaldaqstant tfasslu dawn il-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

Abbażi tal-Artikoli 66(6), 69(1) u 69(2)(a), (c) u (d), tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, ir-rapporteur jixtieq jagħmel il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

1 - Li tiġi rifjutata l-proposta tal-irduppjar tal-għadd ta' Mħallfin tal-Qorti Ġenerali u l-abolizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, skont l-Artikolu 69(2)(a) u (d) u għall-fini tiegħu, il-pożizzjoni adottata mill-Parlament fl-ewwel qari tiegħu għandha tiġi riformulata. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġġustifika l-għadd preċiż ta' Mħallfin li huma verament meħtieġa, filwaqt li tqis il-bidla sussegwenti fiċ-ċirkostanzi, fosthom it-tnaqqis fl-għadd ta' każijiet ġodda li jitressqu u li tingħata deċiżjoni dwarhom.

2 - Tiġi rifjutata l-proposta li jiġi abolit it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, minħabba nuqqas ta' bażi ġuridika fit-Trattat. Minflok, l-Imħallfin diġà maħtura għandhom jieħdu l-ġurament minnufih u dawk nieqsa għandhom jinħatru; għandu jinħoloq kumitat ta' esperti li janalizza l-vantaġġi u l-iżvantaġġ tal-ħolqien ta' qorti ġdida li tispeċjalizza fil-marki kummerċjali, il-privattivi u l-proprjetà intellettwali.

3 - Skont l-Artikolu 69(2)(c) tar-Regoli ta' Proċedura u għall-finijiet tal-istess Artikolu, il-ħatra ta' 19-il segretarju legali hija rakkomandata, bil-għan li kull Imħallef ikollu aktar minn segretarju legali wieħed (filwaqt li jitqiesu d-disa' segretarji li diġà nħatru fl-2014); din is-soluzzjoni diġà tinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa rakkomandat ukoll li jiżdied il-persunal tar-Reġistru u tas-servizzi tat-traduzzjoni.

4 - Il-ħolqien mill-Parlament u l-Kunsill ta' kumitat konġunt ta' esperti hu rakkomandat biex janalizza l-funzjonament ġenerali tal-ġustizzja fl-UE u jissuġġerixxi kif għandha titjieb, fil-qies tal-aspetti li ġejjin, fost oħrajn:

a) a) - Ir-reklutaġġ ta' Mħallfin permezz ta' proċedura miftuħa minn fost professuri tal-liġi distinti u mħallfin mill-qrati għolja ta' kull Stat Membru;

b) - Il-ħatra ta' kull Imħallef għal mandat ta' disa' snin biss, li ma jistax jiġġedded jew jiġi estiż.

c) - Rispett assolut għall-parità bejn is-sessi fir-reklutaġġ tal-Imħallfin.

5 - Jirrakkomanda li l-qrati kollha tal-UE issa jkunu soġġetti għal skrutinju min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ) bl-istess mod bħall-qrati tal-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa.

Annessi: Bil-għan li l-proċess ikun jista' jinftiehem b'mod komprensiv, id-dokumentazzjoni u l-korrispondenza kollha skambjata rigward dan il-każ mill-bidu tal-parlament s'issa tinsab fl-anness.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea billi jiżdied in-numru ta’ mħallfin fil-Qorti Ġenerali

Referenzi

09375/1/2015 – C8-0166/2015 – 2011/0901B(COD)

Data tal-1 qari tal-PE - Numru P

15.4.2014                     T7-0358/2014

Proposta tal-Kummissjoni

02074/2011 - C7-0126/2012

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

9.7.2015

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

9.7.2015

 

 

 

Rapporteur

       Data tal-ħatra

António Marinho e Pinto

3.9.2014

 

 

 

Eżami fil-kumitat

24.9.2014

11.11.2014

23.3.2015

14.7.2015

 

15.9.2015

 

 

 

Data tal-adozzjoni

8.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Laura Ferrara, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mary Honeyball, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Jiří Maštálka, Julia Reda, József Szájer, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Angel Dzhambazki, Jytte Guteland, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Constance Le Grip, Stefano Maullu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jarosław Wałęsa

Data tat-tressiq

14.10.2015

(1)

Testi adottati tal-15.4.2014, P7_TA(2014)0358.

Avviż legali - Politika tal-privatezza