RAPPORT dwar ir-rwol tal-UE fin-NU - kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija
21.10.2015 - (2015/2104(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Paavo Väyrynen
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-rwol tal-UE fin-NU - kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-UE u n-NU, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni lill-Kunsill tat-2 ta' April 2014 dwar id-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[1] u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar "l-UE bħala attur globali: ir-rwol tagħha fl-ambitu tal-organizzazzjonijiet multilaterali"[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-70 Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti[3], li tagħti d-dritt lill-UE tintervjeni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU, tippreżenta proposti u emendi orali li jitressqu għall-votazzjoni fuq talba ta' Stat Membru, u teżerċita d-dritt ta' replika,
– wara li kkunsidra l-ewwel dikjarazzjoni tax-xorta tagħha tal-14 ta' Frar 2014, mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar ir-rwol li l-UE kellha fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali[4],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konferenza Dinija ta' Durban tal-2001 kontra r-Razziżmu, id-Diskriminazzjoni Razzjali, il-Ksenofobija u l-Intolleranza Relatata,
– wara li kkunsidra l-istudju ppublikat f'Marzu 2015 mid-Direttorat Ġenerali tal-Parlament Ewropew għall-Politiki Esterni tal-Unjoni, "Reforming the United Nations: Sate of Play, Ways Forward" (Ir-Riforma tan-Nazzjonijiet Uniti:is-sitwazzjoni attwali, kif nistgħu nimxu 'l quddiem),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0308/2015),
L-objettivi tal-UE u l-punti globali fejn l-UE hija b'saħħitha
A. billi l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea huwa marbut mal-paċi, mas-sigurtà u mal-iżvilupp globali, kif ukoll mad-drittijiet tal-bniedem; billi l-isfidi li qiegħda tiffaċċja l-UE jeħtieġu soluzzjonijiet globali, u l-kwistjonijiet globali jeħtieġu azzjoni Ewropea;
B. billi l-prinċipji u l-objettivi tal-politika esterna tal-UE huma minquxa fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u huma interkonnessi mill-qrib ma' dawk tan-NU; billi l-Artikolu 21 tat-TUE jappella b'mod espliċitu għar-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-NU u tad-dritt internazzjonali;
C. billi l-UE għandha potenzjal uniku li timmobilizza r-riżorsi mal-firxa kollha tal-istrumenti diplomatiċi, tas-siġurtà, tad-difiża, dawk ekonomiċi u umanitarji, f'konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU; billi l-użu ta' dawn l-istrumenti abbażi ta' approċċ komprensiv jippermetti l-UE flessibbiltà unika hija u tindirizza b'mod effikaċi l-objettivi tas-sigurtà li huma l-aktar ta' sfida;
D. billi l-UE tipparteċipa b'mod attiv, taħt l-awspiċi tan-NU, fil-promozzjoni tal-paċi, tas-sigurtà u tal-progress, permezz tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK);
E. billi l-UE tissalvagwarda l-valuri, l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tagħha u taġixxi għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-NU u tal-Att Finali ta' Helsinki tal-1975, u mal-għanijiet tal-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida, adottata fl-1990; billi l-UE hija parti mis-sistema ta' sigurtà kollettiva tan-NU, ukoll bħala wieħed mill-arranġamenti reġjonali previsti skont il-Kapitolu VIII tal-Karta tan-NU;
F. billi l-UE trawwem il-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp, bl-għanijiet primarji li jinqered il-faqar, jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà fit-tul u miġġielda l-inugwaljanzi soċjali, u billi tagħti għajnuna umanitarja lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni kkonfrontati b'kull tip ta' kriżijiet, naturali jew provokati mill-bniedem;
G. billi l-UE hija attur ewlieni fl-oqsma ta' politika differenti u interkonnessi: il-kummerċ, l-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja, l-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem;
H. billi l-UE taħdem għas-sostenibbiltà ambjentali billi tippromwovi miżuri u azzjonijiet internazzjonali għall-preservazzjoni u għat-titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;
I. billi l-UE tiżvolġi wkoll rwol ewlieni fil-politiki ambjentali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, mhux biss billi tadotta pożizzjoni avangardista u tistabbilixxi hija stess miri ambizzjużi, iżda wkoll billi fin-negozjati globali tiddefendi bla heda arranġamenti vinkolanti u azzjonijiet konkreti u li jistgħu jitkejlu;
J. billi l-UE ssaħħaħ il-pedament tas-sostenibbiltà soċjali u governanza tajba, billi tikkonsolida, tappoġġa u tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali;
K. billi, skont it-Trattati tagħha, l-UE tippromwovi sistema internazzjonali bbażata fuq kooperazzjoni multilaterali aktar b'saħħitha u governanza globali tajba, u hija impenjata għal multilateraliżmu effikaċi bin-NU fil-qalba tiegħu; billi dan l-impenn għandu l-għeruq tiegħu fil-konvinzjoni li, biex tkun kapaċi twieġeb b'suċċess għall-kriżijiet, l-isfidi u t-theddidiet globali, il-komunità internazzjonali teħtieġ sistema multilaterali effiċjenti, mibnija fuq drittijiet u valuri universali;
L. billi l-enfasi prinċipali tal-politika esterna tal-UE hija fuq ir-relazzjonijiet bilaterali, il-kooperazzjoni u s-sħubijiet ma' pajjiżi, gruppi ta' pajjiżi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali oħra madwar id-dinja kollha; billi matul l-aħħar għexieren ta' snin ingħatat attenzjoni speċjali lill-objettivi ġeopolitiċi u lit-tħassib fil-viċinat tal-UE tal-Lvant u tan-Nofsinhar; billi l-UE għandha relazzjonijiet speċjali mal-pajjiżi Afrikani, u fl-azzjonijiet tagħha tagħti attenzjoni partikolari lill-isfidi li huma jaffaċċaw;
M. billi, f'kuntest ta' interdipendenza globali dejjem tiżdied, l-UE jeħtiġilha ssaħħaħ ir-rwol tagħha kemm fir-relazzjonijiet bilaterali kif ukoll fil-fora multilaterali;
N. billi l-UE hija involuta, u għandha rwol importanti, fin-negozjati u medjazzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-każijiet tal-E3/EU3+3 u n-negozjati mal-Iran u tal-Proċess ta' Paċi tal-Lvant Nofsani;
O. billi, bħala l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja, l-UE għandha rwol b'saħħtu f'arranġamenti kummerċjali bilaterali u multilaterali, u żviluppat miżuri attivi ta' politika kummerċjali għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku, it-tnaqqis tal-faqar u l-ħarsien tal-ambjent u tar-riżorsi naturali;
P. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-ikbar kontributuri finanzjarji għall-baġit ġenerali tan-NU, kif ukoll għall-għajnuna umanitarja tagħha, għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) u għall-operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi; billi l-politiki tal-UE tal-iżvilupp huma ta' importanza kbira minħabba li jippromwovu b'mod attiv it-tnaqqis tal-faqar u s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali, b'hekk isaħħu l-paċi u s-sigurtà; billi l-UE hija firmatarja ta' aktar minn 50 ftehim u konvenzjoni multilaterali tan-NU, bħala l-unika parteċipant li mhuwiex Stat;
Q. billi l-UE hija waħda mill-aktar difensuri u promoturi dedikati tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tal-valuri u d-diversità kulturali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt; billi dispożizzjonijiet fir-rigward ta' dawk il-prinċipji huma inklużi fis-sħubijiet bilaterali kollha tagħha u għandhom pożizzjoni ċentrali fil-politika multilaterali tagħha; billi l-UE minn dejjem kienet tappoġġa b'mod qawwi l-ġustizzja internazzjonali;
R. billi l-UE għandha rwol importanti fl-appoġġ għall-operazzjonijiet tan-NU fl-oqsma ta' tħassib reċiproku, b'mod partikolari l-protezzjoni ta' persuni ċivili u speċjalment in-nisa u t-tfal affettwati mill-kunflitti armati;
S. billi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur bażiku tal-UE li huwa rikonoxxut fit-Tratti u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tagħha; billi l-UE assumiet ir-responsabbiltà għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet u fl-oqsma ta' politika kollha tagħha, inkluż fil-politiki esterni u ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp;
T. billi l-bnedmin għandhom valuri u interessi komuni; billi għandu jkun hemm qsim ġust tal-piż u tal-benefiċċji meta jiġu solvuti problemi komuni u meta jiġu promossi objettivi u valuri komuni;
Is-Sistema tan-Nazzjonijiet Uniti
U. billi s-sistema tan-NU hija l-forum globali ewlieni għat-titjib tal-governanza globali, u għalhekk tirrappreżenta l-aqwa forum fejn jiġu promossi l-valuri u l-interessi tal-UE;
V. billi l-objettiv ewlieni wara t-Tieni Gwerra Dinjija kien iż-żamma tal-paċi u s-sigurtà; billi l-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem kellha post ċentrali fil-Karta; billi t-tħassib ambjentali kien fuq l-aġenda tan-NU sa mill-bidu tas-snin sebgħin; billi fl-1987, ir-rapport Brundtland "Il-Futur Komuni Tagħna" ddefinixxa l-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli bħala żvilupp li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-preżent mingħajr ma jikkomprometti l-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom stess; billi fil-Konferenza ta' Rio (UNCED) fl-1992, il-politiki tal-iżvilupp u tal-ambjent ġew amalgamati f'taħlita ta' miżuri effikaċi għat-tnaqqis tal-faqar u għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja kollha;
W. billi s-sistema tan-NU tkopri l-oqsma kollha ta' kooperazzjoni, u billi fil-qalba tagħha għandha l-Kunsill tas-Sigurtà li huwa primarjament responsabbli għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, megħjun f'dan ir-rigward minn korpi sussidjarji u konsultattivi;
X. billi s-Sistema tan-NU hija magħmula minn 19-il aġenzija speċjalizzata, fosthom il-FAO, l-IFAD, l-ILO, l-FMI, il-UNESCO, il-UNIDO, id-WHO u l-Grupp tal-Bank Dinji, flimkien ma' 11-il fond u programm, fosthom il-UNCTAD, il-UNDP, il-UNEP, il-UNFPA, il-UNHCR, il-UNICEF, il-UN Women u d-WFP,[5] kif ukoll 9 kummissjonijiet funzjonali, 5 kummissjonijiet reġjonali u għadd ta' korpi oħra tal-istess tip; billi organizzazzjonijiet bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) huma marbutin ukoll mas-Sistema tan-NU;
Y. billi l-biċċa l-kbira ta' dawn l-aġenziji, fondi, programmi, kummissjonijiet u kumitati jaħdmu taħt l-awspiċi tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali u tal-Assemblea Ġenerali, li huma responsabbli għal xi wħud minnhom;
Z. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jiżvolġu rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-prinċipji u l-objettivi tan-NU u fis-soluzzjoni tal-problemi komuni tal-umanità; billi, mill-banda l-oħra, l-Ewropa teħtieġ sħab globali biex issolvi l-problemi tagħha stess f'oqsma bħas-sigurtà, il-ħarsien tal-ambjent, id-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni, is-salvagwardja tad-dritt għall-asil, u tal-instabbiltà finanzjarji;
AA. billi l-UE għandha responsabbiltà speċjali fiż-żamma tal-paċi, fl-iżvilupp u fid-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-viċinat tagħha;
AB. billi huwa fundamentali li l-azzjonijiet meħuda fi ħdan il-qafas tan-NU jirrispettaw id-dritt internazzjonali; billi d-delitti mwettqa taħt mandat tan-NU huma ta' dannu kbir ħafna għall-kredibbiltà tal-organizzazzjoni u m'għandhomx igawdu minn impunità;
AC. billi l-pajjiżi huma maqsuma f'żoni ġeografiċi, u dan ħafna drabi jwassal lill-pajjiżi biex jivvutaw b'mod kollettiv; billi l-Istati li huma membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) ħafna drabi huma stess jiksru d-drittijiet tal-bniedem b'mod sistematiku, b'hekk jimminaw l-effikaċja u l-kredibbiltà tal-UNHRC b'mod ġenerali;
AD. billi l-profitti mill-attivitajiet ta' sakkeġġ u ta' kuntrabandu fir-rigward ta' siti u oġġetti kulturali u reliġjużi fl-Iraq u s-Sirja min-naħa tal-ISIS/Da'esh qegħdin jintużaw biex jgħinu l-finanzjament tal-attivitajiet terroristiċi tal-ISIS/Da'esh; billi l-UNESCO u l-Konvenzjoni tagħha dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali għandhom rwol ċentrali biex tiġi żgurata protezzjoni ta' emerġenza tal-wirt kulturali Sirjan u Iraqi;
AE. billi l-UE u n-NU jieħdu sehem f'kooperazzjoni mill-qrib f'xenarji ta' kriżijiet l-aktar delikati, b'mod partikolari fil-Lvant Nofsani u fit-Tramuntana tal-Afrika; billi l-isforzi tagħhom għandhom jissaħħu aktar bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet politiċi paċifiċi għal dawn il-kriżijiet;
AF. billi d-diskussjoni u d-deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Forum ta' Governanza tal-Internet (IGF) huma skedati għall-2015 fl-Assemblea Ġenerali tan-NU; billi l-Parlament appella lill-Assemblea biex iġġedded il-mandat tal-IGF u ssaħħaħ kemm ir-riżorsi tiegħu kif ukoll il-mudell ta' partijiet ikkonċernati multipli tal-governaza tal-internet;
L-UE fi ħdan is-sistema tan-NU
1. Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkondividu valuri u prinċipji tal-Karta tan-NU kif iddikjarat fl-Artikolu 21(1) tat-TUE u għandhom rwol kruċjali fil-promozzjoni ta' dawn il-prinċipji kif ukoll tal-objettivi tan-NU, permezz tal-azzjoni esterna tal-Unjoni; iqis li l-UE teħtieġ is-sħab globali jekk hija trid tikseb b'suċċess l-objettivi tal-politika barranija tagħha, b'mod partikolari fl-oqsma tal-paċi u s-sigurtà, tat-terroriżmu, tal-kriminalità organizzata, tal-kunflitti reġjonali, tal-fallimenti tal-Istati u tat-tixrid tal-armi ta' qerda massiva;
2. Iqis li l-ambjent ta' sigurtà tal-UE qiegħed isir dejjem aktar instabbli u volatili minħabba għadd kbir ta' sfidi ta' sigurtà fuq żmien twil jew emerġenti; iqis li l-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna, il-kunflitti fis-Sirja u l-Iraq u l-qawmien tal-organizzazzjoni terroristika ISIS, il-kriżi Libjana u t-theddida terroristika fl-Afrika (b'mod partikolari fis-Saħel, il-Libja u l-Qarn tal-Afrika) huma theddid globali serju li jeħtieġ reazzjonijiet globali; iqis li l-UE ma tistax tindirizza dan it-theddid waħedha iżda teħtieġ l-appoġġ tas-sħab internazzjonali;
3. Jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom sehem attiv u jikkontribwixxu għall-ħidma tas-sistema tan-NU b'modi u strutturi differenti, li għandhom ikunu aktar viżibbli;
4. Jilqa' wkoll il-kontribut ewlieni tal-UE għall-għajnuna għall-iżvilupp u umanitarja madwar id-dinja; ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien huma l-akbar kontributuri tal-għajnuna għall-iżvilupp u umanitarja fid-dinja;
5. Ifakkar li l-UE saret attur internazzjonali reali u għaldaqstant għandha status ta' "osservatur privileġġat" fin-NU, bid-dritt li tipparteċipa fid-dibattiti waqt il-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU flimkien ma' rappreżentanti ta' gruppi maġġuri u Stati individwali, bid-dritt li tressaq proposti u emendi, bid-dritt ta' replika, u bid-dritt li tqajjem punti ta' ordni u tiċċirkola dokumenti;
6. Ifakkar, barra minn hekk, li l-UE hija rrappreżentata minn bosta atturi fi ħdan in-NU: il-President tal-Kunsill Ewropew, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-Kummissjoni Ewropea u d-delegazzjonijiet tal-UE, kif ukoll mit-28 Stat Membru tagħha, li tnejn minnhom (Franza u r-Renju Unit) huma membri permanenti bid-dritt tal-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC); jinsisti fuq il-fatt li skont it-Trattat, l-Istati Membri tal-UE għandhom l-obbligu li jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fil-fora internazzjonali kollha;
Kif l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija jistgħu jinkisbu aħjar fi ħdan in-NU
7. Jinsab konvint li, sabiex tilħaq b'mod aħjar l-objettivi tagħha tal-politika barranija, kif minquxa fit-Trattat, l-UE għandha tfittex li ssaħħaħ il-governanza globali fi ħdan is-sistema tan-NU u żżid l-influwenza tagħha u tal-Istati Membri tagħha f'dik is-sistema; ifakkar l-impenji tal-UE li tappoġġa b'mod attiv riforma komprensiva tas-sistema tan-NU sabiex tissaħħaħ il-leġittimità, ir-rappreżentanza reġjonali, u t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-effikaċja tagħha meta twieġeb għall-isfidi kumplessi u pluridimensjonali tal-lum il-ġurnata; jenfasizza b'mod partikolari l-importanza li tingħata spinta lill-ħidma tal-Assemblea Ġenerali;
8. Jenfasizza li, fi ħdan l-Assemblea Ġenerali, l-UE għandu jkollha rwol imsaħħaħ li jimplika biżżejjed viżibbiltà u influwenza fuq il-politika, li jippermettulha tesegwixxi b'mod aħjar l-obbligi internazzjonali, f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tat-3 ta' Mejju 2011[6];
9. Itenni l-appoġġ tiegħu għar-rwol tal-parlamenti u l-assemblej reġjonali fis-sistema tan-NU;
10. Jistieden lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà jirrieżaminaw u jirrevedu, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Assemblea Ġenerali, il-proċess mhux trasparenti tal-għażla tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, u jiżguraw opportunitajiet ekwi bejn il-kandidati rġiel u nisa għal din il-kariga; jistieden lill-korpi kollha tan-NU, b'mod partikolari lill-Kunsill tas-Sigurtà, jagħtu attenzjoni xierqa lill-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fi ħdan in-NU, u lill-Istati Membri tal-UE biex ikunu minn ta' quddiem f'dan l-isforz billi jinkoraġġixxu u jippromwovu kandidati femminili; jesprimi x-xewqa tiegħu li tiġi eletta mara bħala s-Segretarju Ġenerali tan-NU li jmiss; jistieden lill-UE tappoġġa lill-UN Women meta tqis id-diskriminazzjoni abbażi tal-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru;
11. Jenfasizza l-prijoritajiet attwali tal-UE stabbiliti għas-70 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li jtennu t-talba, li l-Unjoni ilha tisħaq fuqha, li n-NU għandha tissemplifika l-istrutturi, il-baġit u l-metodi ta' ħidma tagħha, mingħajr ma żżomm lura milli tindirizza kwistjonijiet diffiċli bħar-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà;
12. Jenfasizza li l-Assemblea Ġenerali, li tirrappreżenta lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri kollha, għandu jkollha l-mezzi meħtieġa biex tagħti direzzjoni lis-sistema tan-NU u tikkoordina l-attivitajiet kollha tagħha;
13. Jinsab konvint li l-Kunsill tas-Sigurtà għandu jiġi riformat sabiex jirrifletti b'mod aħjar ir-realtà l-ġdida tad-dinja u biex jilħaq b'mod aktar effikaċi l-isfidi attwali u futuri fil-qasam tas-sigurtà; jinkoraġġixxi lill-pajjiżi li għandhom id-dritt tal-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jżommu lura milli jużaw il-veto f'sitwazzjonijiet ta' ġenoċidju u delitti kontra l-umanità;
14. Ifakkar, filwaqt li jqis il-kontribut tal-UE għall-artikettitura għall-paċi u s-sigurtà fid-dinja u l-objettiv tat-Trattat ta' Lisbona li tissaħħaħ il-politika barranija Ewropea, l-objettiv fuq terminu twil tal-UE li jkollha siġġu f'Kunsill tas-Sigurtà estiż, u jtenni l-appell tiegħu għal dibattitu madwar l-Ewropa dwar ir-riforma tiegħu; itenni l-istedina tiegħu lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) biex tfittex pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar kwistjonijiet fir-rigward tal-kompetenza tal-Kunsill tas-Sigurtà, u ttejjeb il-mekkaniżmi eżistenti ta' kooperazzjoni bl-għan li tiżgura li l-Istati Membri tal-UE li huma membri tal-Kunsill tas-Sigurtà jiddefendu pożizzjonijiet komuni tal-UE f'dak il-forum; ifakkar li, skont l-Artikolu 34 tat-TUE, l-Istati Membri tal-UE li huma membri tal-UNSC għandhom iżommu lill-Istati Membri l-oħra u lill-Rappreżentant Għoli għal kollox informati, u jiddefendu l-pożizzjonijiet u l-interessi tal-UE; ifakkar ukoll li fejn l-UE għandha pożizzjoni ċara dwar kwistjoni fuq l-aġenda tal-UNSC, dawk l-Istati għandhom jitolbu li r-Rappreżentant Għoli tkun mistiedna tippreżenta l-pożizzjoni tal-Unjoni;
15. Ifakkar li l-Kapitolu VIII tal-Karta tan-NU jipprevedi rwol imsaħħaħ għall-organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali fi ħdan in-NU, u jistieden lill-UE u lill-OSKE jimmiraw li l-organizzazzjonijiet reġjonali tagħhom u organizzazzjonijiet oħra jkollhom involviment akbar fil-governanza globali;
16. Iqis li, permezz ta' aktar kooperazzjoni man-NU, l-UE għandha tieħu vantaġġ akbar minn sħubijiet mal-aġenziji speċjalizzati, mal-fondi, mal-programmi, mal-kummissjonijiet u mal-kumitati tan-NU; jappella għal tisħiħ tal-koordinament tal-UE fil-bordijijet ta' dawn il-korpi sabiex jiġi żgurat li l-UE titkellem b'vuċi waħda;
17. Jenfasizza li, minbarra dawn ir-riformi meħtieġa li għandhom jitwettqu fi ħdan in-NU, it-titjib fl-ilħiq tal-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija, inkluż il-promozzjoni tal-valuri fundamentali, jippresupponi koordinament aktar effikaċi tad-diversi dimensjonijiet tal-politika esterna kollha tagħha, kemm bilaterali kif ukoll multilaterali; itenni l-appell tiegħu għal viżibbiltà aktar b'saħħitha tal-azzjoni u l-għajnuna tal-UE fil-fora multilaterali kollha u fuq il-post;
18. Jistieden lill-UE tikkoordina b'mod aktar effikaċi l-ħidma tagħha fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, pereżempju permezz tad-DĠ ECHO, flimkien mal-aġenziji rispettivi tan-NU, sabiex toħloq effiċjenzja ottima b'riżorsi limitati u tevita it-trikkib li mhuwiex meħtieġ;
19. Jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE u tan-NU jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA); jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-FAFA u l-linji gwida relatati, u tidentifika l-oqsma li jeħtieġu titjib u tressaq proposti rilevanti f'dan ir-rigward;
20. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-UNDP dwar l-effikaċja tal-għajnuna; jissottolinja l-impenn tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effikaċi għall-Iżvilupp u jinkoraġġixxi lill-Istati kollha kif ukoll lill-atturi tas-settur privat jimpenjaw ruħhom għaliha;
21. Jemmen li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkontribwiet b'suċċess għall-progress li l-Ewropa għamlet fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u b'hekk tista' sservi bħala eżempju għal reġjuni oħra;
22. Jappella għal titjib tal-għodod ta' prevenzjoni u ta' twissija bikrija u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' medjazzjoni tan-NU, b'mandati koerenti u li jistgħu jintlaħqu għall-operazzjonijiet tal-bini tal-paċi u taż-żamma tal-paċi li jinkludu komponent dwar id-drittijiet tal-bniedem u strateġiji ta' ħruġ ċari; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE jagħtu appoġġ aktar sostanzjali għall-operazzjonijiet tal-bini tal-paċi u taż-żamma tal-paċi u jistieden lill-UE ssaħħaħ l-isforzi ta' medjazzjoni tagħha fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti; iqis l-atroċitajiet u l-ksur tad-drittijiet tal-bnidem reċenti mwettqa minn xi gruppi estremisti u terroristi, kif ukoll il-vjolenza sesswali fil-kunflitti li għaddejja, inkluż l-istupru bħala arma ta' gwerra; iħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà, f'konformità mad-duttrina "Responsabbiltà ta' Protezzjoni", biex jiddefenixxi sett ambizzjuż ta' għodod u mezzi sabiex jiżgura l-prevenzjoni effikaċi ta' dawn l-atroċitajiet u r-rispett tal-istat tad-dritt u tad-dritt umanitarju internazzjonali, u jġiegħel lill-Istati Membri tan-NU jiġġieldu kontra t-traffikar tal-bnedmin u jrażżnu r-reklutaġġ u l-finanzjament tal-gruppi terroristiċi permezz tal-prevenzjoni u s-soppressjoni tar-reklutaġġ, l-organizzazzjoni, it-trasport u l-forniment ta' ġellieda barranin u l-finanzjament tal-ivvjaġġar u l-attivitajiet tagħhom;
23. Jinsab konvint li l-UE għandha turi appoġġ b'saħħtu u impenjat lill-Qorti Kriminali Internazzjoni, b'mod partikolari billi ssaħħaħ u tkabbar ir-relazzjoni tagħha man-NU, speċjalment mal-Kunsill tas-Sigurtà, u billi tiżgura ratifikazzjoni ta' malajr mill-Istati Membri tal-UE tal-emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma li jiddefenixxu d-delitt ta' aggressjoni; ifakkar li l-Istati nnifishom għandhom ir-responsabbiltà primarja li jressqu lill-offensuri quddiem il-ġustizzja, u jappoġġa li l-QKI teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha meta l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jew ma jixtiequx jipproċedu ġenwinament kontra l-aktar reati ta' tħassib serji għall-komunità internazzjonali;
24. Jappoġġa t-tisħiħ tal-koperazzjoni operattiva bejn l-UE u n-NU fl-immaniġġar ta' kriżijiet, kif ukoll billi l-UE taħdem flimkien man-NU kemm fir-rigward tal-kondiviżjoni ta' analiżi (sabiex tintlaħaq analiżi konġunta) kif ukoll fl-ippjanar ta' operazzjonijiet ta' paċi u sigurtà (sabiex jiġu ffaċilitati l-aspetti operattivi);
25. Iqis li għandu jsir aktar biex jiġi żgurat li l-Istati Membri tan-NU jonoraw il-wegħdiet tagħhom li jagħtu għajnuna umanitarja billi jiġu ppublikati fuq bażi regolari ħarsiet ġenerali fir-rigward tal-konformità mal-obbligi;
26. Jilqa' l-impenn tal-UE għal responsabbiltà u trasparenza akbar fil-kummerċ tal-armi, u jappoġġa l-promozzjoni tal-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni sħiħa tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-eżitu tal-Ewwel Konferenza tal-Istati Partijiet; jitlob lill-UE tkompli tippromwovi t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), bħala l-pedament tar-reġim globali ta' nonproliferazzjoni nukleari, u b'hekk il-bażi essenzjali biex jinkiseb id-diżarm skont l-Artikolu VI tal-imsemmi Trattat; jitlob ukoll lill-UE biex b'mod attiv tieħu passi lejn id-diżarm globali;
27. Jissottolinja l-importanza li l-UE tkompli tippromwovi b'mod attiv l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni; jilqa' l-ewwel laqgħa tax-xorta tagħha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI, li saret fl-24 ta' Awwissu 2015, li kkundannat l-attakki u l-qtil mill-ISIS tal-persuni LGBTI fil-Lvant Nofsani; jinkoraġġixxi lill-Kunsill tas-Sigurtà jqis ulterjorment il-ksur tad-drittijiet tal-persuni LGBTI;
28. Ifakkar il-pożizzjoni tal-UE ta' tolleranza żero għall-piena tal-mewt; jissottolinja l-importanza li l-UE tkompli tavvanza l-moratorju dwar il-piena tal-mewt;
29. Jinsab konvint li d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u tal-iżvilupp tas-sistema tan-NU għandhom jissaħħu b'mod sostanzjali billi jiġi żgurat li l-korpi tan-NU jieħdu approċċ aktar politiku u jtejbu l-kooperazzjoni bejniethom, u billi jiġi żgurat użu aktar effikaċi u trasparenti tar-riżorsi disponibbli; jemmen li l-ewwel nett dan għandu jintlaħaq permezz ta' riforma strutturali u funzjonali tal-organu prinċipali responsabbli għal dan l-inkarigu skont il-Karta tan-NU, jiġifieri l-Kunsill Ekonomiku u Soċjali; jistieden lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE jqisu l-possibbiltà li jsaħħu r-rwol tagħhom fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali billi dan jiġi żviluppat f'Kunsill għall-Iżvilupp Sostenibbli;
30. Jilqa' l-ħolqien ta' Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li għandu r-rwol li jagħti tmexxija politika, gwida u rakkomandazzjonijiet dwar il-politika tal-iżvilupp fir-rigward tat-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli (dak soċjali, ekonomiku u ambjentali); jinsab konvint li l-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli għandu jkun il-korp deċiżjonali ewlieni għall-politika kollha tal-iżvilupp, b'hekk tiġi żgurata valutazzjoni koordinata u effiċjenti tal-ħtiġijiet, u adozzjoni ta' pjanijiet direzzjonali, deċiżjonijiet u miżuri vinkolati meħtieġa fir-rigward tal-qafas tal-iżvilupp sostenibbli ta' wara l-2015; jinsisti dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati b'mod effikaċi l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli adottati fis-Summit tan-NU f'Settembru 2015;
31. Jinsab konvint, fid-dawl tal-kriżijiet umanitarji rikorrenti marbuta mar-refuġjati u l-migranti li qegħdin jikkawżaw ħafna tbatija umana, u filwaqt li jqis li, l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi ta' oriġini jista' fl-aħħar mill-aħħar jagħti soluzzjoni għall-kriżi umanitarja, li għandha tiġi koordinata l-ħidma tal-aġenziji kollha relatati ma' dan it-tħassib;
32. Huwa tal-fehma li l-isfidi ppreżentati mill-kriżi umanitarja marbuta mar-refuġjati huma kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu mmanniġġjati b'mod komprensiv, fi spirtu ta' solidarjetà fi ħdan l-UE u b'kooperazzjoni mill-qrib man-NU u l-aġenziji tagħha;
33. Jistieden lill-UE u lin-NU jżidu l-isforzi konġunti tagħhom bl-għan li jintlaħaq ftehim ambizzjuż u ġuridikament vinkolanti fil-Konferenza tan-NU tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Pariġi, u biex jiżguraw li jkun hemm l-implimentazzjoni ta' malajr tal-COP21;
34. Huwa tal-fehma li l-ħidma tal-Grupp tal-Bank Dinji, tal-Fond Monetarju Internazzjoni u tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ukoll tista' tkun koordinata bħala parti mis-sistema tan-NU, filwaqt li jinżammu l-istrutturi deċiżjonali attwali tagħhom, sabiex jiġi żgurat li jittieħdu d-deċiżjonijiet rispettivi u jitwettqu l-azzjonijet tagħhom b'mod responsabbli, effiċjenti, koerenti u effikaċi; iqis li l-attivitajiet tal-G7 u tal-G20 għandhom fil-prinċipju jiġu integrati fil-ħidma tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali li jkun aktar b'saħħtu f'termini ta' politika u proċedura, aktar effiċjenti u mgħammar b'riżorsi aħjar;
35. Jappoġġa l-objettiv li, fil-livell multilaterali, jiġi stabbilit reġim ta' protezzjoni tal-investiment, b'sistema ġdida fejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali tkun rispettata, u jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora dan l-objettiv fl-aġenda ta' negozjar tagħha waqt l-abbozzar tal-ftehimiet dwar l-investiment; huwa tal-fehma li, fl-eventwalità li tinħoloq qorti internazzjonali permanenti għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar l-investiment, din tista' tiddaħħal fis-sistema tan-NU, u għandha tkun ibbażata fuq id-drittijiet u l-obbligi ta' dawk li huma suġġetti għall-qorti, b'enfasi fuq il-prinċipji tal-OECD għall-impriżi multinazzjonali u l-prinċipji tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; iqis li s-sistema tan-NU toffri mudelli utli għal tali sistema, b'mod partikolari rigward kwistjonijiet ta' finanzjament;
36. Iqis li huwa meħtieġ li ċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp tad-WTO jasal għal konklużjoni, u jemmen li n-NU tista' tuża l-pożizzjoni unika tagħha sabiex tiżgura li tali diskussjonijiet jkunu ta' suċċess għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jemmen li, f'dan ir-rigward, in-NU għandha taħdem flimkien mad-WTO, kif ukoll tagħti pariri u gwida lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, sabiex tippromwovi strateġija għall-kummerċ u l-investiment bl-involviment tal-UE bħala attur ewlieni;
37. Jinsab konxju tal-ħtieġa li jissaħħu u jiġu implimentati l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-UE tikkontribwixxi biex ix-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Korporazzjonijiet Transnazzjonali jkollu eżitu ta' suċċess.
38. Jemmen li n-NU għandha saħħaħ il-materji kollha relatati mal-benessri tal-bniedem; huwa tal-fehma li dawn jinkludu s-sostenibbiltà kulturali u l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjoni kulturali, billi l-edukazzjoni, it-turiżmu, id-diplomazija kulturali, il-protezzjoni tal-wirt, is-settur kreattiv u r-riċerka xjentifika jiġu integrati fl-approċċ tat-tfassil tal-politika;
39. Jirrakkomanda li tiġi żgurata l-kooperazzjoni għall-edukazzjoni bejn l-UE u n-NU fi programmi ta' emerġenzi f'każ ta' kriżijiet umanitarji, kunflitti armati u diżastri naturali, billi jibqgħu jiġu appoġġati programmi bħal Edukazzjoni f'Emerġenzi u Tranżizzjoni Wara Kriżi tal-UNICEF, programm ta' edukazzjoni ta' kwalità fil-kampijiet tar-refuġjati tal-UNHCR u x-xogħol edukattiv tal-UNRWA;
40. Jilqa' l-organizzazzjoni fi gruppi tal-ħidma tal-Kummissjoni li ġiet maħtura fl-2014, li tagħti lill-VP/RGħ ir-responsabbiltà msaħħa li tikkoordina l-politika esterna tal-UE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijet l-oħra tal-UE; jenfasizza li l-politiki ta' dimensjoni globali jridu jkunu fil-qalba tal-ħidma ta' dan il-grupp speċifiku;
41. Jistieden lill-VP/RGħ tinkludi fir-rapport annwali tagħha dwar il-PESK taqsima komprensiva dwar il-promozzjoni tal-objettivi globali tal-politika barranija tal-UE;
42. Huwa tal-fehma li l-Parlament jeħtieġ li jkun f'pożizzjoni li jindirizza l-isfidi globali bl-istess mod komprensiv u globali bħall-Kummissjoni, u li jorganizza l-ħidma tiegħu b'mod li jirrifletti dan; jinkoraġġixxi lill-kumitati kollha tal-Parlament li l-kompetenza tagħhom tkopri politiki li għandhom dimensjoni estera u globali biex iressqu l-opinjonijiet tagħhom dwar it-taqsima rilevanti tar-rapport tal-VP/RGħ lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, li huwa responsabbli għal dan ir-rapport;
43. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
24.9.2015
OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar ir-rwol tal-UE fin-NU - kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija
Rapporteur għal opinjoni: Anna Záborská
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Itenni li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandu jkollhom rwol ewlieni fl-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015 u għandhom jaħdmu man-NU u mal-partijiet interessati kollha biex jiżguraw li jittieħdu impenji ambizzjużi lejn il-kisba tal-Ġħanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) futuri; jenfasizza li f'dan l-isforz l-UE hija marbuta bil-valuri kondiviżi mill-Istati Membri kollha tagħha;
2. Jemmen li l-UE u l-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) jeħtieġ li jżidu l-isforzi konġunti tagħhom biex jippromwovu valuri kondiviżi u jappoġġaw lill-gvernijiet, lis-soċjetà ċivili u lill-popolazzjonijiet f'pajjiżi ifqar f'oqsma ta' politika importanti, bħall-iżvilupp tal-kapaċità, l-iżvilupp istituzzjonali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, l-assistenza elettorali, il-prevenzjoni tal-kriżijiet u l-irkupru, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u t-tibdil fil-klima;
3. Jistieden lill-aġenziji speċjalizzati, lill-fondi u lill-programmi tal-Kummissjoni u tan-NU jistabbilixxu djalogu ta' livell għoli dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs, bl-għan li jikkoordinaw il-politiki, il-programmi u l-operazzjonijiet tal-UE u tan-NU; jissottolinja l-importanza ta' data diżaggregata u aċċessibbli għall-monitoraġġ tal-progress u għall-evalwazzjoni tar-riżultati tas-sħubija bejn l-UE u n-NU;
4. Jistieden lill-UE u lill-UNDP jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-attivitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali f'pajjiżi ifqar ikunu soġġetti għal monitoraġġ mill-qrib, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' importanza sistemika għall-iżvilupp, bħad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-ħarsien tal-ambjent;
5. Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-UNDP dwar l-effikaċja tal-għajnuna; jissottolinja l-impenn tas-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effikaċi għall-Iżvilupp u jħeġġeġ lill-Istati kollha kif ukoll lill-atturi tas-settur privat jimpenjaw ruħhom lejha;
6. Jenfasizza kemm huwa importanti għall-iżvilupp tal-pajjiżi ifqar li n-NU tadotta regoli vinkolanti dwar l-attivitajiet tal-kumpaniji multinazzjonali u azzjonijiet li jiġġieldu kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;
7. Jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NU fil-qasam taż-żamma tal-paċi, it-tnaqqis ta' tensjoni u l-medjazzjoni, u jilqa' t-tisħiħ tar-rabtiet f'dawn l-aħħar snin bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-Dipartiment tan-NU għall-Affarijiet Politiċi (DPA); jappella għal żieda fl-appoġġ tal-UE, inkluż għall-Unità ta' Appoġġ għall-Medjazzjoni; jiddispjaċih għax-xejra attwali fost l-Istati Membri li jnaqqsu l-kontributi tagħhom għall-missjonijiet tan-NU f'termini ta' persunal;
8. Jappella għal aktar kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU fil-qasam tas-saħħa, tal-HIV/AIDS, tal-edukazzjoni, tal-ikel u n-nutrizzjoni, tal-ilma, tas-sanità u l-iġene, tal-protezzjoni tat-tfal, tal-ugwaljanza bejn is-sessi, tal-inklużjoni soċjali, tal-azzjoni dwar il-klima, tal-għajnuna umanitarja, tal-migrazzjoni, tad-drittijiet tal-bniedem, tan-nondiskriminazzjoni fil-forom kollha, tal-governanza tajba u l-bini tad-demokrazija, partikolarment biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa u l-flussi finanzjarji illeċiti u jingħata appoġġ għal miżuri għall-prevenzjoni ta' kunflitti;
9. Jilqa' s-sħubija li ġiet stabbilita fl-2012 bejn l-UE u l-UN Women sabiex issaħħaħ l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja; jappella għal evalwazzjoni ta' din is-sħubija bl-għan ta' tisħiħ possibbli ta' dawn ir-rabtiet;
10. Jappella għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-UE u n-NU sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess politiku, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa, li għadhom fil-biċċa l-kbira emarġinati mill-isfera politika;
11. Jissottolinja l-importanza tas-sħubija bejn l-UE u n-NU għat-titjib tal-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri, u jenfasizza l-vulnerabbiltà speċjali tat-tfal, kif ukoll ir-rwol ċentrali tagħhom fil-kisba ta' żvilupp sostenibbli u ekwu għal kulħadd; jirrikonoxxi l-kooperazzjoni twila bejn l-UE u l-UNICEF bħala waħda kruċjali għall-protezzjoni tat-tfal f'każijiet ta' emerġenza u għall-kisba tal-SDGs kollha li huma relatati mat-tfal;
12. Itenni li l-UE jeħtiġilha tkun minn ta' quddiem fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u tikkoopera aktar man-NU f'dan il-qasam, filwaqt li tieħu kont tas-sitwazzjoni partikolari tal-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-iżvilupp, speċjalment qabel l-adozzjoni tal-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi COP21;
13. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tas-sħubija bejn l-UE u n-NU biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin u l-konsegwenzi tal-kriżijiet globali tar-refuġjati u l-emerġenzi umanitarji; itenni l-importanza fundamentali tal-użu trasparenti tal-għajnuna għall-iżvilupp u l-azzjoni koordinata mill-atturi internazzjonali kollha, fl-istess waqt li tingħata l-assistenza teknika u jiġu mobilizzati riżorsi adegwati, sabiex jiġu protetti l-gruppi l-aktar vulnerabbli, inklużi t-tfal, u jiġi żgurat ir-rispett għad-dritt tal-migranti għall-protezzjoni internazzjonali; jappella, għalhekk, għal aktar kooperazzjoni u djalogu fit-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji tal-2016.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
22.9.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
22 2 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Louis Aliot, Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Nirj Deva, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Eleni Theocharous |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Liliana Rodrigues, Estefanía Torres Martínez |
||||
22.9.2015
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar ir-rwol tal-UE fin-NU - kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija
Rapporteur għal opinjoni: Ska Keller
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jisħaq fuq il-fehma li l-kummerċ ħieles u ġust fih innifsu huwa l-aktar għodda utli li tgħin lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jgħinu lilhom infushom; jiġbed l-attenzjoni għall-impatt kbir li l-kummerċ u l-investiment jista' jkollhom fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi foqra u l-anqas żviluppati u fuq il-ġlieda kontra l-faqar u kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem meta jkunu mfasslin kif meħtieġ, meta jitwettqu b'objettivi fit-tul, meta jkollhom mira ċara u qafas ta' regoli ta' prestazzjoni ċari, u meta jkunu marbutin ma' miżuri ta' kontrobilanċ għall-perjodi ta' tranżizzjoni, pereżempju permezz ta' programmi speċifiċi għall-preferenzi kummerċjali, sanzjonijiet kummerċjali, ir-regolazzjoni tal-kummerċ f'ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew it-trattamenti u l-pieni inumani jew degradanti, u sistemi ta' ċertifikazzjoni li jirregolaw il-kummerċ fil-minerali ta' kunflitt; jistieden, għalhekk, lill-UE tiżviluppa miżuri ta' politika kummerċjali ambizzjużi, effikaċi u attivi għall-promozzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) tan-NU; jemmen, fir-rigward tal-konklużjoni taċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp, li n-NU tista' tuża l-pożizzjoni unika tagħha fl-aġenda multilaterali sabiex tiżgura li tali diskussjonijiet jkunu ta' suċċess għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; iqis li, f'dan ir-rigward, in-NU għandha taħdem flimkien mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), kif ukoll tagħti pariri u gwida lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, sabiex tippromwovi strateġija għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-investiment bl-involviment tal-UE bħala attur ewlieni;
2. Jisħaq fuq il-bżonn ta' aġenda ambizzjuża fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli min-naħa tan-NU, u, f'konformità mal-Artikolu 21(2)(d) tat-TUE, huwa tal-fehma li l-politika kummerċjali tal-UE għandha bżonn tkun aktar koordinata u implimentata b'mod konsistenti bil-għan li s-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali tingħata ħajja ġdida u tiġi promossa; jappella sabiex jissaħħu l-isforzi internazzjonali mmirati lejn l-implimentazzjoni ta' valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi tal-impatt tal-kummerċ dinji fuq il-kwalità tal-ħajja u l-opportunitajiet indaqs għall-popolazzjoni dinjija, kif ukoll fuq l-ambjent; jappella għall-promozzjoni ta' spazji għad-djalogu bejn l-entitajiet pubbliċi u dawk privati, inklużi l-impriżi, it-trade unions u s-soċjetà ċivili, sabiex jiġu promossi l-iskambju tal-aħjar prattiki u sinerġiji li jwasslu għall-iżvilupp sostenibbli;
3. Jifhem li l-politika kummerċjali għandha rwol x'tiżvolġi fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, u għalhekk iħeġġeġ lill-UE tiżgura li d-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-politika kummerċjali huma f'konformità mal-impenji meħuda mill-mexxejja tal-G7 waqt il-laqgħa tagħhom fi Schloss Elmau (il-Ġermanja) fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta' Ġunju 2015 biex "jiddekarbonizzaw l-ekonomija globali matul dan is-seklu" u biex jillimitaw iż-żidiet fit-temperaturi globali għal massimu ta' 2°C, f'konformità mal-objettivi tal-ftehim li wasal biex jiġi ffinalizzat fil-Konferenza COP21 f'Pariġi; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirratifikaw l-Emenda ta' Doha li tkopri l-perjodu sal-2020;
4. Iħeġġeġ lill-UE biex, bħala l-akbar blokk kummerċjali tad-dinja, tiżvolġi rwol ċentrali fid-diskussjonijiet internazzjonali dejjem aktar numerużi dwar kwistjonijiet purament globali, u fost l-oħrajn biex tieħu sehem prominenti fil-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2015, kif ukoll biex issaħħaħ impenn qawwi fil-konfront tal-migranti u r-rifuġjati fil-qafas tan-NU, filwaqt li tiżviluppa wkoll miżuri ta' politika kummerċjali ambizzjużi, effikaċi u attivi għall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli, it-tnaqqis tal-faqar u l-ħarsien tal-ambjent u tar-riżorsi naturali, f'konformità mal-konvenzjonijiet rilevanti tan-NU;
5. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw l-implimentazzjoni tad-dritt għall-ikel, inkluż fi ftehimiet kummerċjali kif deskritt fir-riżoluzzjoni tan-NU tal-2011 dwar id-dritt għall-ikel (A/66/158); jirrikonoxxi r-rwol essenzjali tal-UE fl-indirizzar tal-isfidi globali marbutin mas-sigurtà tal-ikel;
6. Ikompli jappoġġa l-konklużjonijiet tar-rapport tal-2011 tal-UNCTAD dwar l-investiment dirett barrani (FDI) fil-pajjiżi anqas żviluppati (LDCs) li jirrakkomandaw pjan ta' azzjoni li jappella għal aktar investiment permezz ta' liberalizzazzjoni bir-reqqa fis-setturi tal-infrastruttura, il-promozzjoni ta' sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) b'investituri barranin, l-inkoraġġiment ta' self lill-SMEs, żieda fil-forniment ta' standards sodi fir-rigward tal-ipproċessar u l-protezzjoni tal-investimenti, u aktar sforzi biex jiġu ttrattati kwistjonijiet ta' governanza ħażina u r-rispett għall-oqsfa ġuridiċi;
7. Jikkondividi l-fehma espressa fir-Rapport dwar l-Investiment Dinji 2015 tal-UNCTAD li l-ambjent ta' politika regolatorja għall-investiment irid jiġi riformat u li l-prattiki ta' frodi tat-taxxa, evitar tat-taxxa u ppjanar aggressiv tat-taxxa kif definit mill-OECD fir-rapport tal-2011, intitolat "Corporate Loss Utilisation through Aggressive Tax Planning" (Użu tat-telf tal-kumpaniji permezz ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa), min-naħa tal-impriżi multinazzjonali jridu jieqfu sabiex tiġi appoġġata l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali għall-SDGs, u li l-potenzjal sħiħ ta' investiment, it-tnaqqis tal-ostakoli għall-kummerċ, u l-liberalizzazzjoni tal-ekonomiji tagħna għandhom il-potenzjal li jwasslu għal żvilupp ekonomiku sostenibbli, speċjalment fil-pajjiżi l-anqas żviluppati, meta jitwettqu b'objettivi fit-tul, meta jkollhom mira ċara u qafas ta' regoli ta' prestazzjoni ċari, u meta jkunu marbutin ma' miżuri ta' kontrobilanċ għall-perjodi ta' tranżizzjoni; iqis li l-implimentazzjoni effikaċi ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (FTT) fil-livell dinji, li għaliha l-UE tiżvolġi rwol ta' avangwardja, tkun mezz addizzjonali biex ħafna pajjiżi jilħqu dawn l-objettivi; jistieden lill-UE tmexxi l-ġlieda globali kontra r-rifuġji fiskali, li jxekklu l-qerda tal-kummerċ illeċitu b'effetti devastanti fuq l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE, f'dan ir-rigward, tindirizza l-evitar tat-taxxa u l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt (BEPS) minn impriżi multinazzjonali, permezz ta' dispożizzjonijiet adegwati fil-ftehimiet kummerċjali tagħha ma' pajjiżi terzi, fir-regoli tal-BEI, fil-Faċilità ta' Investiment għall-Amerika Latina (FIAL) u fi programmi oħra għall-faċilitazzjoni tal-investiment, eċċ.;
8. Ifakkar fil-ħtieġa li jingħaqdu u jissaħħu l-isforzi biex jinqered l-isfruttament tal-ħaddiema, b'mod partikolari tan-nisa u t-tfal, li jintemmu l-prattiki ta' dumping soċjali li jheddu l-iżvilupp tal-bniedem, u li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-katina tal-valur globali bl-involviment kemm tax-xerrejja kif ukoll tal-produtturi, kif implimentat dan l-aħħar fil-Bangladesh u l-Myanmar; ifakkar fil-ħtieġa li l-Kummissjoni żżomm l-ogħla livell ta' kooperazzjoni mal-ILO, mhux l-anqas fil-kuntest tas-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta' Settembru 2015; jistieden lill-UE tippromwovi, fix-xena internazzjonali, l-integrazzjoni fil-politika kummerċjali tal-objettivi tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO, kif maqbul mill-istati membri tal-ILO fid-Dikjarazzjoni dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta, li ġiet approvata b'mod unanimu fl-2008; jistieden ukoll lill-UE tagħmel użu sħiħ mill-għarfien espert ipprovdut mill-korpi kollha tal-ILO, b'mod partikolari l-Kumitat tal-Esperti u l-Kumitat dwar l-Applikazzjoni tal-Istandards; iħeġġeġ lill-UE tinkludi kapitolu ambizzjuż u effikaċi dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kollha fil-qasam tal-politika kummerċjali; ifakkar ukoll, f'dan il-kuntest, ir-rwol vitali li l-ftehimiet kummerċjali konklużi mill-UE kif ukoll strumenti oħra, bħalma huma l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi, jista' jkollhom biex jippromwovu l-implimentazzjoni tal-istandards tal-ILO u biex b'hekk iħeġġu kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fil-livell dinji;
9. Jappoġġa l-għan li, fil-livell multilaterali, jiġi stabbilit reġim ta' protezzjoni tal-investiment, b'sistema ġdida fejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali tkun rispettata, u jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora dan l-objettiv fl-aġenda ta' negozjar tagħha waqt l-abbozzar tal-ftehimiet dwar l-investiment; huwa tal-fehma li, fl-eventwalità li tinħoloq qorti internazzjonali permanenti għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar l-investiment, din tista' tiġi inserita fis-sistema tan-NU, u għandha tkun ibbażata fuq id-drittijiet u l-obbligi ta' dawk li huma suġġetti għall-qorti, b'enfasi fuq il-prinċipji tal-OECD għall-impriżi multinazzjonali u l-prinċipji tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem; iqis li s-sistema tan-NU toffri mudelli utli għal tali sistema, b'mod partikolari rigward kwistjonijiet ta' finanzjament;
10. Ifakkar li l-Mandat ta' Doha, approvat mill-istati parteċipanti kollha waqt it-13-il sessjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (XIII UNCTAD, Doha, mill-21 sas-26 ta' April 2012), jinsisti fuq ir-rabtiet bejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp inklużiv, jitlob lill-UNCTAD issaħħaħ il-ħidma tagħha dwar ir-rabtiet bejn l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, u l-kummerċ u l-iżvilupp, u jinkludi l-kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi u mat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fil-lista ta' objettivi essenzjali għall-pajjiżi kollha; jistieden lill-UE tintensifika l-isforzi tagħha u tkun minn ta' quddiem fl-integrazzjoni tal-perspettivi tal-ġeneru fil-politiki kummerċjali; jappella għall-integrazzjoni sistematika tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-politika kummerċjali ta' UN Women li jirreferu għall-eżistenza ta' evidenza konklużiva li l-iżvilupp ekonomiku u l-ugwaljanza soċjali jimxu id f'id, minbarra li jikkonstataw il-korrelazzjoni qawwija bejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kompetittività u l-PDG per capita; jappella, għaldaqstant, sabiex l-inugwaljanza bejn is-sessi tibqa' tintuża bħala indikatur tas-sostenibbiltà fir-reviżjoni tal-Manwal tal-UE dwar il-Valutazzjonijiet tal-Impatt għas-Sostenibbiltà;
11. Jistieden lill-UE tħeġġeġ u tappoġġa l-adeżjoni mal-prinċipji tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) tal-Patt Globali tan-NU; jitlob lill-UE tippromwovi, fil-fora tan-NU, l-adozzjoni ta' politiki kummerċjali li jinċentivaw b'mod effikaċi r-rispett għal dawn il-prinċipji, pereżempju billi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għall-akkwist pubbliku;
12. Jinsab konxju tal-ħtieġa li l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs) jissaħħu u jiġu implimentati; iħeġġeġ lill-UE tikkontribwixxi għall-eżitu pożittiv tal-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv dwar il-Korporazzjonijiet Transnazzjonali u Impriżi Kummerċjali Oħrajn fir-rigward tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-għan tiegħu huwa li joħloq strument ġuridikament vinkolanti għan-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jirrikonoxxi r-responsabbiltà konġunta tan-negozji u l-gvernijiet fl-appoġġ ta' dawn il-prinċipji;
13. Jistieden lill-UE ssaħħaħ ir-rwol u l-parteċipazzjoni tagħha fil-gruppi ta' ħidma fil-qasam regolatorju tal-korpi tan-NU, bħall-grupp WP.29 li jopera taħt l-awspiċji tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), u tinkoraġġixxi lil stati membri oħra tan-NU jieħdu azzjoni simili; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir ħidma favur il-ħolqien ta' standards tekniċi globali li jippromwovu l-kummerċ ħieles u t-tkabbir ekonomiku filwaqt li jkunu kompatibbli mas-suq uniku Ewropew;
14. Jirrikonoxxi li l-ftehimiet kummerċjali u l-aċċess għas-saħħa huma relatati mill-qrib, speċjalment fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jikkonstata li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed taħdem fuq il-ħolqien ta' għodod maħsubin biex jevalwaw din ir-relazzjoni b'mod oġġettiv; iħeġġeġ lill-UE tappoġġa l-inizjattiva tad-WHO u tieħu inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet tal-ħidma tagħha.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
22.9.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
29 8 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
William (The Earl of) Dartmouth, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Campbell Bannerman, Salvatore Cicu, Marielle de Sarnez, Santiago Fisas Ayxelà, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, Gabrielius Landsbergis, Bernd Lange, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Matteo Salvini, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler, Jan Zahradil |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Klaus Buchner, Dita Charanzová, Edouard Ferrand, Agnes Jongerius, Sander Loones, Gabriel Mato, Fernando Ruas, Jarosław Wałęsa |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marco Affronte, Andrejs Mamikins |
||||
24.9.2015
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar ir-rwol tal-UE fin-NU - kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija
Rapporteur għal opinjoni: Ryszard Czarnecki
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA) bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti (2003) u l-Addendum Nru 1 (2014) tiegħu,
A. billi l-2015 hija sena iebsa għad-definizzjoni mill-ġdid tal-mod kif l-atturi u l-istituzzjonijiet globali jaħdmu flimkien, billi jiġu definiti forom ġodda ta' momentum u modus operandi, b'mod partikolari sabiex jinkisbu riżultati aħjar mill-impenji relatati mal-politiki esterni tal-UE;
B. billi l-UE kiseb riżultati tajbin fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-indirizzar ta' sfidi globali u fl-għoti ta' appoġġ għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja lil ħafna partijiet tad-dinja;
C. billi l-baġit tal-UE fil-qasam tad-difiża hu sinifikanti, u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tiegħu għall-missjonijiet ta' paċi tan-NU huma konsiderevoli;
D. billi l-interventi esterni tal-UE jiġu direzzjonati permezz tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jew jimplimentaw il-fondi tal-UE jew jikkofinanzjaw proġetti flimkien mal-UE, inklużi sfidi f'termini ta' superviżjoni u governanza;
1. Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza, ir-responsabbiltà, l-effikaċja u t-trasparenza tan-NU, speċjalment fir-rigward tal-użu tar-riżorsi tal-UE u l-prestazzjoni fl-implimentazzjoni tal-orjentamenti strateġiċi u l-għanijiet ta' żvilupp li jkun intlaħaq qbil dwarhom fil-livell internazzjonali;
2. Jappella lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE u tan-NU jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA); jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-FAFA u l-linji gwida relatati, u biex tidentifika l-oqsma li jeħtieġu titjib u tressaq proposti rilevanti f'dan ir-rigward;
3. Jemmen li l-approssimazzjoni tas-sistemi ta' governanza rispettivi għandha tiffoka fuq id-definizzjoni u l-iskambju kontinwu ta' prattiki tajba bil-għan li jiġu stabbiliti prinċipji fundamentali ta' assigurazzjoni simili u sostenibbli bi qbil mar-Regolament Finanzjarju tal-UE; jappella f'dan ir-rigward għal ftuħ fuq iż-żewġ naħat, sabiex l-awdituri jkunu jistgħu jiksbu aċċess dettaljat għall-kontijiet tan-NU;
4. Ifakkar li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma kollettivament l-akbar donatur finanzjarju għall-baġit tan-NU; jinsisti, għaldaqstant, fl-ispirtu tal-inizjattiva "Magħqudin fl-Azzjoni" (mexxej wieħed, baġit wieħed, programm wieħed, uffiċċju wieħed), fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati livell ogħla ta' viżibbiltà għall-finanzjament tal-UE mwassal permezz tan-NU, kif ukoll użu effiċjenti ta' dawn il-fondi; jesiġi li n-NU u l-Kummissjoni jżommu lill-Parlament Ewropew kompletament informat dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-UE min-naħa tan-NU;
5. Jinkoraġġixxi lin-NU u lill-istituzzjonijiet rilevanti tagħha jkomplu japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom mal-UE b'mod li jitqarrbu kontinwament iż-żewġ mekkaniżmi ta' governanza permezz, inter alia, tal-iżvilupp kontinwu ta' sistemi eżawrjenti u sodi ta' monitoraġġ, rappurtar u kontroll; ifakkar li l-kooperazzjoni strutturata bejn l-UE u n-NU hija l-unika mezz effiċjenti biex jiġi evitat l-użu ineffikaċi ta' fondi u d-duplikazzjoni tal-attivitajiet;
6. Hu tal-fehma li, bħala parti mis-sħubija interistituzzjonali, in-NU u l-UE għandhom itejbu l-metodi tagħhom għall-ġestjoni tar-riskji, is-superviżjoni finanzjarja kumplessiva u l-qafas maniġerjali tagħhom, u li l-funzjonijiet ta' awditjar għandhom jikkumparaw id-data, il-metodoloġiji u l-eżiti tagħhom;
7. Jemmen li approċċi innovattivi għall-finanzjament joffru mezz importanti biex jiġu massimazzati d-disponibbiltà u l-impatt tal-finanzjament għall-iżvilupp, billi jidentifikaw għejun ta' finanzjament, mekkaniżmi u strumenti ta' inġinerija finanzjarja ġodda; jikkunsidra, b'mod partikolari, li l-approċċi innovattivi għall-finanzjament jistgħu jużaw il-finanzjament pubbliku biex jgħinu jiġġeneraw flussi ġodda ta' finanzjament u jikkatalizzaw l-investiment privat u l-finanzjament tas-suq, kif ukoll jimmassimizzaw l-impatt tal-fondi pubbliċi u privati eżistenti;
8. Japprezza l-fatt li l-indirizzar tal-għajnuna tal-Unjoni permezz tan-NU jippermetti li l-UE tasal fir-reġjuni tad-dinja fejn inkella ma tkunx tista' tasal waħedha; huwa konxju mir-riskju inerenti għoli involut biex titwassal l-għajnuna fir-reġjuni milquta mill-kunflitti; jiddispjaċih, madankollu, li r-rapporti li jsiru lill-Kummissjoni mill-organizzazzjonijiet sħabha fdati bl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni indiretta ħafna drabi jingħataw tard, ma jkunux kompluti jew ma jkunux orjentati biżżejjed lejn ir-riżultati, biex b'hekk jipprevjenu lill-Kummissjoni milli teżerċita b'mod xieraq il-funzjoni ta' monitoraġġ tagħha;
9. Jilqa', f'dan il-kuntest, il-ftehim reċenti tal-koleġiżlaturi dwar emenda għar-Regolament Finanzjarju, li tobbliga lin-NU u lill-organizzazzjonijiet sħab l-oħra ta' dan it-tip jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe każ ta' irregolarità jew frodi li jsibu li jkun jaffettwa l-baġit tal-Unjoni; jikkunsidra, madankollu, li għandhom jissaħħu l-possibbiltajiet li għandha l-Kummissjoni biex tivvaluta l-korrettezza, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni indirizzat permezz tan-NU;
10. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jinkiseb l-ogħla livell ta' trasparenza u responsabbiltà istituzzjonali fil-livelli kollha billi jiġi żgurat l-aċċess għal informazzjoni baġitarja u data finanzjarja eżawrjenti u affidabbli relatati mal-proġetti b'finanzjament mill-UE, b'mod li l-Parlament ikun jista' jeżerċita l-funzjoni ta' skrutinju tiegħu; jappella biex tissaħħaħ il-politika ta' divulgazzjoni tan-NU rigward l-intenzjonjiet, il-benefiċjarji u l-finanzjamenti, b'mod partikolari għar-rapporti ta' awditjar u evalwazzjoni tan-NU, bil-għan li jkun hemm amministrazzjoni aħjar tal-fondi tal-UE;
11. Jikkunsidra li l-iżgurar tal-viżibbiltà tal-Unjoni hu xi ħaġa fundamentali, speċjalment fl-inizjattivi kofinanzjati u b'diversi donaturi fejn ikun involut il-finanzjament tal-UE; hu tal-fehma li hemm bżonn li informazzjoni regolari dwar ir-raggruppament ta' fondi (inklużi fondi fiduċjarji) tingħata rapidament peress li l-funġibbiltà u t-traċċabbiltà tal-fondi tal-UE huma kwistjonijiet ewlenin;
12. Jinsisti li l-kooperazzjoni u l-qafas tal-ġejjieni għandhom jinkoraġġixxu u jinċentivaw studju u implimentazzjoni ulterjuri ta' għejun, mekkaniżmi u strumenti innovattivi mill-partijiet interessati rilevanti kollha, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-banek multilaterali u donaturi oħra, u jiżguraw li dawn l-għejun ta' finanzjament ġodda jkunu kompletament konformi mal-prinċipji ta' trasparenza, responsabbiltà u effikaċja;
13. Ifakkar li jeħtieġ li n-NU jieħdu l-miżuri xierqa biex jippubbliċizzaw il-fatt li l-azzjonijiet ikunu rċevew finanzjament mill-UE, b'mod li tiġi żgurata viżibbiltà u rikonoxximent paragunabbli ma' dawk ta' donaturi internazzjonali oħrajn, filwaqt li jixxerrdu wkoll il-valuri tal-Unjoni kondiviżi bejn l-UE u n-NU, bħall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, it-titjib tal-istandards ambjentali u soċjali, u l-appoġġ kumplessiv għall-iżvilupp sostenibbli kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku inklużiv fl-interventi kollha tan-NU;
14. Jenfasizza li l-attivitajiet kofinanzjati kollha jridu jsegwu akkuratament u jkunu konsistenti mal-istrateġija ġenerali u l-oqsma prijoritarji tal-UE, abbażi ta' preferenzi politiċi, kif ukoll ta' kriterji ta' effiċjenza ekonomika u finanzjarja, li għandhom jiġu riflessi fil-prestazzjoni maniġerjali;
15. Jissottolinja l-fatt li l-UE tappoġġa l-kunċett li n-NU jridu jkunu adatti għall-iskop tagħhom, kif ukoll dejjem aktar effikaċi u effiċjenti; jemmen li l-isfidi li qed ifeġġu u dejjem jobbligaw lin-NU jassumu funzjonijiet ġodda, li min-naħa tagħhom se jirrikjedu eżami mill-ġdid tal-governanza u l-modalitajiet ta' finanzjament; jikkunsidra li l-iżgurar tal-ġestjoni tajba tar-riżorsi finanzjarji u l-persunal tan-NU, inkluż fin-negozjati dwar il-baġit regolari tan-NU u l-baġits tan-NU għaż-żamma tal-paċi li jmiss, għandu jkompli jkun prijorità għall-UE;
16. Jappella kemm lill-UE kif ukoll lin-NU jinvolvu ruħhom fl-aħjar koordinament operattiv possibbli f'termini ta' komplementarjetà, sabiex jirriċerkaw b'mod sistematiku l-aħjar opportunitajiet, l-effetti multiplikaturi ottimali u s-sinerġiji għall-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politiki tal-UE, b'mod partikolari bejn il-politiki tal-UE dwar l-iżvilupp u oqsma oħra ta' azzjoni esterna bħad-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni u r-rifuġjati, is-sigurtà, l-istabbiltà u l-prevenzjoni tal-kunflitti;
17. Jinkoraġġixxi lill-UE u lin-NU jsaħħu, mill-aktar stadju bikri possibbli, l-għarfien espert tagħhom, kif ukoll l-approċċi strateġiċi u programmattivi tagħhom fid-diversi oqsma ta' intervent, u b'mod partikolari, il-kooperazzjoni tagħhom fir-rigward tal-istrumenti għall-ġestjoni tar-riskji (riskji finanzjarji, operattivi jew tal-pajjiż), b'mod li l-għajnuna tiġi indirizzata fejn tkun l-aktar meħtieġa; jappella biex jiġu applikati b'mod xieraq kundizzjonalitajiet stretti, b'mod partikolari l-preżenza jew l-iżvilupp ta' indikaturi ta' governanza tajba fis-settur pubbliku fil-pajjiżi sħab;
18. Ifakkar li l-prinċipju tal-valur miżjud japplika wkoll għall-finanzjament tal-UE għall-attivitajiet tan-NU, u jappella lill-Kummissjoni biex tirrapporta b'mod sistematiku u fid-dettall dwar x'valur miżjud iġib miegħu kull finanzjament ta' dan it-tip meta mqabbel ma' finanzjament dirett mill-Istati Membri u jekk l-UE u/jew l-Istati Membri jassumu huma nnifishom r-responsabbiltà li jwettqu l-attivitajiet ikkonċernati;
19. Jemmen li l-approċċ orjentat lejn ir-riżultati, fid-dawl tal-attenzjoni mogħtija lill-prestazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni, għandu jittejjeb permezz tal-introduzzjoni ta' qafas għar-responsabbiltà u l-kejl tar-riżultati li jippermetti l-valutazzjoni tas-solidità tal-proġetti f'termini ta' sostenibbiltà ekonomika u soċjali, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-proġetti f'termini ta' effikaċja u effiċjenza;
20. Jappoġġa djalogu permanenti dwar il-kwalità u s-sostenibbiltà tar-riżultati miksuba fi ħdan is-sħubija NU-UE, marbut ukoll mal-kwistjoni ġenerali tal-konsistenza u l-koerenza tal-interventi; jikkunsidra li l-indikaturi tar-riżultati u l-konverġenza tagħhom għandhom jiġu żviluppati ulterjorment sabiex tiżdied l-effikaċja tal-proġetti, jiġi żgurat valur miżjud reali u jinkiseb impatt akbar fil-qasam tal-iżvilupp;
21. Jissottolinja, bħala prinċipju fundamentali, l-importanza għall-UE tal-politika ta' tolleranza żero fil-konfront tal-frodi u l-korruzzjoni u t-tisħiħ tar-regoli dwar l-integrità u l-etika; jinkoraġġixxi l-approfondiment tar-relazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-korpi tan-NU mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) billi jadottaw il-linji gwida tal-OLAF dwar l-iskambju ta' informazzjoni u strateġiji.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
22.9.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
26 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Nedzhmi Ali, Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Rina Ronja Kari, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Richard Ashworth, Cătălin Sorin Ivan, Karin Kadenbach, Marian-Jean Marinescu, Markus Pieper, Julia Pitera, Miroslav Poche, Patricija Šulin |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Raymond Finch |
||||
23.9.2015
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar ir-rwol tal-UE fin-NU - kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija
Rapporteur għal opinjoni: Fernando Maura Barandiarán
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
Dimensjoni kulturali tal-politika barranija tal-UE
1. Jenfasizza li l-kultura, flimkien mad-djalogu interkulturali u interreliġjuż hi strument qawwi ħafna għar-relazzjonijiet esterni Ewropej, li jrawwem djalogu politiku ma' pajjiżi terzi, il-koeżjoni, il-paċi u s-sigurtà, filwaqt li jippromwovi l-kuntatti bejn il-persuni, id-djalogu parteċipattiv ma' atturi kulturali f'oqsma differenti, u t-tisħiħ taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili; jenfasizza fl-istess ħin, li l-kultura hi l-ewwel u qabel kollox valur awtoteliku u għandha tkun appoġġjata bħala tali;
2. Jenfasizza l-fatt li l-politiki kulturali huma bbażati fuq valuri ewlenin tal-UE bħall-fehim reċiproku, il-kooperazzjoni u l-idea taċ-ċittadinanza kulturali globali, u għalhekk għandhom jiġu inkorporati b'mod konsistenti u strateġiku fl-azzjoni esterna tal-UE - inkluż fil-politika tal-viċinat tagħha - bħala strumenti għall-promozzjoni tal-valuri u tad-drittijiet fundamentali Ewropej, b'rispett sħiħ ta' kulturi u valuri oħrajn;
3. Iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni - speċjalment id-Direttorat Ġenerali (DĠ) tagħha għall-Edukazzjoni u l-Kultura u d-DĠ għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp - biex jagħtu lill-kultura rwol aktar strateġiku fir-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi terzi;
4. Jitlob li jkun hemm approċċ aktar integrat u kooperazzjoni aktar produttiva bejn il-Kummissjoni, is-SEAE, il-Parlament u n-NU f'oqsma bħall-promozzjoni tal-kultura, il-preservazzjoni ta' patrimonju kulturali f'riskju, il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta' proprjetà kulturali (inkluż barra mill-UE) il-prevenzjoni tal-kunflitti, il-proċessi ta' rikonċiljazzjoni, il-bini tal-paċi, il-mitigazzjoni ta' wara l-kunflitti, strumenti ta' soljiev rapidu f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, l-iżvilupp ta' industriji kreattivi, il-mobilità ta' professjonisti, beni u servizzi kulturali, l-edukazzjoni u l-iżvilupp, programmi ta' skambju ta' studenti, il-bini tal-kapaċità, l-edukazzjoni u t-taħriġ f'emerġenzi u l-aċċess għall-kultura u l-edukazzjoni;
5. Jenfasizza l-ħtieġa għal skambji u fora kulturali bl-għan ta' fehim reċiproku u kooperazzjoni fil-livell bilaterali u multilaterali u l-bżonn li tissaħħaħ ġabra komuni ta' valuri universali; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, dwar il-proġetti organizzati mis-SEAE u mid-DĠ Edukazzjoni u Kultura tal-Kummissjoni dwar id-diplomazija kulturali u jitlob li titfassal komunikazzjoni konġunta li tippromwovi it-tagħlim u l-fehim reċiproku - bil-kunsiderazzjoni ta' proġetti appoġġjati mill-Istati Membri - u l-iżvilupp ta' netwerks tal-organizzazzjonijiet kulturali u NGOs;
6. Jindika li l-l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol xi jwettqu f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza minħabba kunflitti, u għalhekk jirrappreżentaw aspett li għandu jiġi nkluż fit-taqsima ġenerali usa' dwar l-attivitajiet ta' akkoljenza, appoġġ u awtonomizzazzjoni;
7. Jenfasizza l-importanza tad-diplomazija kulturali u l-fatt li politika barranija kulturali Ewropea komuni żżid b'mod sinifikanti l-viżibbiltà tal-UE f'organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tiddedika kapitolu separat dwar id-diplomazija kulturali fil-politika barranija u ta' sigurtà globali tal-UE tagħha li qed tiġi mfassla għas-summit tal-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2016;
8. Jinnota li l-edukazzjoni għandha rwol importanti fl-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku u hija għodda kruċjali biex jinkisbu l-miri ewlenin tal-politika barranija tal-UE, bħall-bini tal-paċi u l-istabbiltà fid-dinja, l-iżvilupp dejjiemi, id-djalogu interkulturali u l-ġlieda kontra l-faqar, kemm fil-konfini tagħha u kemm fil-livell globali; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni effikaċi bejn l-UE u n-NU bl-għan li tappoġġja l-Edukazzjoni għal Kulħadd, ittejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kwalità tagħhau li ssaħħaħ is-sistemi edukattivi madwar id-dinja kollha;
9. Jirrikonoxxi li l-kultura tinsab fil-qalba tal-iżvilupp uman, u twettaq rwol importanti fil-bini ta' soċjetà, fil-promozzjoni tad-demokrazija u l-inklużjoni soċjali u fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; jistieden lill-UE, f'konformità mas-setgħat u r-responsabbiltajiet tagħha, biex tinkorpora d-diversità kulturali u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem bħala wieħed mill-elementi ewlenin tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħha u b'mod partikolari, fil-kooperazzjoni tal-iżvilupp Ewropew komuni, u tiżgura li kwalunkwe persuna li tallega li d-drittijiet kulturali tagħha ġew miksura jkollha aċċess effettiv għal rimedju;
10. Jenfasizza li l-interkulturalità u l-fehim reċiproku huma essenzjali għal politiki ta' żvilupp b'suċċess u għalhekk iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu politiki ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar l-iżvilupp li jinkludu din id-dimensjoni;
11. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu interessi komuni flimkien mal-pajjiżi terzi, permezz ta' sħubija fuq bażi ta' ugwaljanza ffukata fuq l-iskambju reċiproku u l-kooperazzjoni interkulturali; jirrakkomanda l-iżvilupp ta' rwol dinamiku għall-kultura fid-dimensjoni internazzjonali bħala "soft power" li jista' jkun ta' benefiċċju għall-UE u l-Istati Membri tagħha fir-relazzjonijiet tagħhom mal-kumplament tad-dinja;
12. Jenfasizza l-potenzjal li għandha l-kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-Istati Membri sabiex jiżdied l-impatt tad-diplomazija kulturali tal-UE, partikolarment permezz ta' koordinament aħjar fost l-attachés kulturali tad-delegazzjonijiet tal-UE u tar-rappreżentanzi tal-Istati Membri, u l-ġbir flimkien tar-riżorsi mill-entitajiet kulturali tal-Istati Membri f'pajjiżi terzi;
13. Jilqa', f'dan ir-rigward, l-Azzjoni Preparatorja dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE bħala strument importanti fit-titjib tar-rwol tal-kultura bħala fattur strateġiku għall-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku li jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-politika barranija;
14. Jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex taħtar professjonist kulturali f'kull rappreżentanza tal-UE f'pajjiżi sħab terzi (bħal fid-delegazzjoni ta' bejn l-UE u ċ-Ċina) u biex tipprovdi lill-persunal tas-SEAE b'taħriġ dwar id-dimensjoni kulturali tal-politika barranija;
15. Iħeġġeġ kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet kulturali u s-soċjetà ċivili, is-sħubiji bejn l-ibliet u l-ħolqien ta' "ċentri kreattivi" Ewropej f'pajjiżi terzi;
16. Jitlob strateġija iktar koerenti għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-Patrimonju Dinji u kooperazzjoni internazzjonali msaħħa f'żoni ta' kunflitt f'kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-International Committee of the Blue Shield (ICBS - Kumitat Internazzjonali tat-Tarka Blu);
17. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni tikkoopera b'mod proattiv mal-gruppi kulturali bbażati fuq netwerks tal-Istituti Nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-Kultura (EUNIC), b'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet lokali, mal-prattikanti kulturali u mas-soċjetà ċivili, flimkien mal-istituti kulturali tal-Istati Membri;
18. Jiddikjara li l-proġetti kulturali u l-inizjattivi ta' diplomazija kulturali għandhom ikunu sorveljati u evalwati sabiex jiġi żgurat l-użu tajjeb tal-fondi, kif ukoll biex tkun ivverifikata l-kwalità u l-impatt tal-inizjattivi;
19. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita dejta statistika dwar il-kultura u l-industriji kulturali biex tikkontribwixxi fid-dibattitu tal-politika kulturali u jiġi enfasizzat aktar il-potenzjal ekonomiku tal-industriji kulturali u kreattivi u l-impatt tagħhom fuq il-benesseri soċjali;
20. Jenfasizza r-rwol tal-kultura biex trawwem id-demokratizzazzjoni, il-bini tal-paċi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja l-impenn tal-UE biex tappoġġja l-libertà artistika u l-libertà tal-espressjoni kulturali kontra ċ-ċensura u l-fastidju ta' artisti, riċerkaturi, ġurnalisti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ id-definizzjoni ta' prijoritajiet marbuta mad-dimensjoni kulturali fi ħdan l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);
21. Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tad-"Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni" adottata f'Pariġi f'Marzu 2015, li tenfasizza l-ħtieġa li jitrawwem djalogu attiv bejn il-kulturi, kif ukoll solidarjetà globali u rispett reċiproku;
Kooperazzjoni u governanza UE-NU
22. Jilqa' l-kooperazzjoni kkonsolidata bejn l-UE u l-UNESCO, abbażi tal-adozzjoni tal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti (FAFA) tal-2003, il-Memorandum ta' Ftehim bejn il-UNESCO u l-UE tal-2012 u l-parteċipazzjoni tal-UE fl-Assemblea Ġenerali tan-NU wara r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU adottata fl-2011; jitlob, madankollu, rappreżentazzjoni aktar effikaċi tal-UE fi ħdan in-NU, partikolarment fl-oqsma tal-kultura, l-edukazzjoni, iċ-ċittadinanza u d-drittijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ u bi qbil mat-Trattat ta' Lisbona; jenfasizza li sħubija strateġika UE-NU ġenwina tista' tinkiseb billi jkun hemm rappreżentanti tal-UE bi drittijiet tal-vot fuq il-bordijiet tal-aġenziji tan-NU fl-oqsma tal-kultura, l-edukazzjoni, iċ-ċittadinanza u d-drittijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ u billi tittieħed azzjoni konġunta mal-UNESCO - u mal-UNICEF, UNDP, UNHCR, UNRWA u UNWOMAN - fil-forma ta' kooperazzjoni finanzjarja u ġestjoni komuni tal-proġetti bi qbil mal-pajjiżi sħab benefiċjarji;
23. Jenfasizza l-fatt li sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-UNESCO, hemm bżonn li dawn imorru lil hinn mill-assistenza finanzjarja u l-ġestjoni konġunta ta' proġetti billi tissaħħaħ is-sħubija fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura f'perspettiva fit-tul; jitlob, għalhekk l-istabbiliment ta' djalogu strateġiku annwali ta' livell għoli fir-rigward tal-indirizzar ta' sfidi komuni b'mod iktar sostenibbli;
24. Jenfasizza l-fatt li l-kultura hija l-mutur ewlieni għall-bini ta' soċjetajiet sostenibbli u jitlob l-integrazzjoni sistematika tad-dimensjoni kulturali fl-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli post-2015 tan-NU u għalhekk, fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li għandhom jinkisbu sal-2030, peress li l-kultura għandha impatt kbir fuq l-iżvilupp ekonomiku, l-inklużjoni soċjali, is-sostenibbiltà ambjentali, il-paċi u s-sigurtà;
25. Jirrikonoxxi li l-patrimonju kulturali jirrappreżenta d-diversità tal-espressjonijiet kulturali u għalhekk dan għandu rwol importanti fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni; jitlob li jiġu adottati leġiżlazzjoni armonizzata u ftehimiet internazzjonali biex jipproteġu l-patrimonju kulturali u jiġġieldu kontra t-traffikar illeċitu ta' beni kulturali, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNESCO;
26. Jenfasizza l-impatt tal-industriji kulturali u kreattivi (CCIs) fuq l-iżvilupp lokali u reġjonali u jitlob li jitkomplew u jiġu estiżi l-Proġetti tal-Faċilitajiet Esperti tal-UE/UNESCO u biex l-Indikaturi tal-Kultura għall-Iżvilupp tal-UNESCO (CDIS) jiġu meqjusa bħala referenza metodoloġika għall-evalwazzjoni tar-rwol multidimensjonali tal-kultura fil-proċessi tal-iżvilupp;
27. Jenfasizza l-fatt li t-turiżmu kulturali jiffaċilita l-kuntatti bejn in-nies madwar id-dinja u jilqa' l-isforzi konġunti biex jissaħħaħ it-turiżmu bbażat fuq il-patrimonju tal-UNESCO f'kooperazzjoni mal-UE, li jħeġġeġ investiment fis-settur kulturali u joffri kontribut sostenibbli u ta' kwalità għolja għall-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali;
28. Jenfasizza l-bżonn li jitneħħew l-ostakli u titjieb il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura permezz ta' forom differenti ta' trattamenti preferenzjali, bħal viża għal raġunijiet edukattivi u kulturali, l-iffaċilitar tal-iskambju kulturali, il-proġetti ta' riċerka, ir-residenzi tal-artisti u l-għotjiet għall-ħallieqa u l-artisti, bi qbil mal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-UNESCO tal-2005, iffirmata b'mod konġunt mill-UE;
29. Jirrakkomanda li tiġi żgurata l-kooperazzjoni għall-edukazzjoni bejn l-UE u n-NU fi programmi ta' emerġenzi f'każ ta' kriżijiet umanitarji, kunflitti armati u diżastri naturali, billi jkomplu jappoġġjaw programmi bħal Edukazzjoni f'Emerġenzi u Tranżizzjoni Wara Kriżi tal-UNICEF, programm ta' edukazzjoni ta' kwalità fil-kampijiet tar-refuġjati tal-UNHCR u x-xogħol edukattiv tal-UNRWA;
Strumenti legali
30. Ifakkar li l-UE rratifikat il-Konvenzjoni tal-UNESCO 2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali u jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-1970 dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali, u tal-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 dwar l-Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment, li jirrappreżentaw għodod importanti għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-patrimonju kulturali u d-diversità kulturali globali, kif ukoll il-Konvenzjoni tal-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Konflitt Armat u ż-żewġ protokolli tagħha, il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali ta' Taħt l-Ilma tal-2001 u l-Konvenzjoni tal-UNESCO għall-Ħarsien tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli tal-2003; jitlob li jkun hemm armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni u ftehim internazzjonali dwar il-patrimonju kulturali u t-traffikar illeċitu;
31. Jitlob li jkun hemm titjib fl-istrateġiji tal-komunikazzjoni fl-iżvilupp tal-kooperazzjoni kulturali bl-użu u l-iżvilupp ta' riżorsi diġitali, bħal pjattaformi ta' informazzjoni multilingwi bbażati fuq l-internet u riżorsi edukattivi onlajn, biex titrawwem l-aċċessibbiltà, tixxerred l-informazzjoni fil-lingwi lokali u jiġu mħeġġa l-iskambji u n-netwerking fost l-artisti, il-prattikanti kulturali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;
32. Jenfasizza l-importanza simbolika tal-patrimonju kulturali, li sar mira politika, kif intwera mill-qerda reċenti ta' siti kulturali fis-Sirja u fl-Irak, u li tagħmel il-koordinament u sensibilizzazzjoni akbar indispensabbli għall-protezzjoni tiegħu;
33. Jitlob f'dan ir-rigward li jiġu intensifikanti l-isforzi biex titwaqqaf il-qerda ta' patrimonju kulturali globali f'kooperazzjoni mal-UNESCO u l-istati membri l-oħra tan-NU.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT
Data tal-adozzjoni |
15.9.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
20 4 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Silvia Costa, Angel Dzhambazki, Jill Evans, Petra Kammerevert, Rikke Karlsson, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Stefano Maullu, Fernando Maura Barandiarán, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Yana Toom, Helga Trüpel, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Sylvie Guillaume, Dietmar Köster, Paul Nuttall, Hermann Winkler |
||||
30.9.2015
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar ir-rwol tal-UE fin-NU - kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija
Rapporteur għal opinjoni: David McAllister
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jikkunsidra kemm l-istruttura istituzzjonali kumplessa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) bħala organizzazzjoni internazzjonali ta' stati kif ukoll in-natura speċifika tal-Unjoni Ewropea (UE) bħala unjoni sovranazzjonali li għandha status ta' osservatur privileġġat fi ħdan in-NU sa mill-2011, bi dritt li tipparteċipa f'dibattiti, tressaq proposti u emendi, tqajjem punti ta' ordni u tiċċirkula dokumenti abbażi tar-Riżoluzzjoni tan-NU 65/276 dwar "Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti" tat-3 ta' Mejju 2011; jissottolinja li s-suġġetti ġuridiċi attwali tan-NU huma stati sovrani tal-komunità internazzjonali, inklużi l-Istati Membri tal-UE; jappella, bil-għan li tiżdied il-kooperazzjoni globali effikaċi, biex ikun hemm kuntatt aħjar bejn il-parteċipanti tan-NU kif ukoll l-istrutturi differenti tan-NU (aġenziji, fondi, programmi, Kummissjoni u kumitati) billi jitjiebu b'mod globali l-koordinazzjoni u l-koerenza; jemmen, f'dan il-kuntest, li l-UE għandha taġixxi bħala attur globali ġenwin fi ħdan in-NU u għandha tfittex li tkompli ttejjeb l-effett ta' lieva u l-viżibbiltà tagħha fix-xena internazzjonali, bi qbil mal-ittra u l-ispirtu tat-Trattat ta' Lisbona;
2. Jemmen li l-istatus privileġġat tal-UE fi ħdan in-NU għandu jwitti t-triq għal koeżjoni u kooperazzjoni aktar mill-qrib; jistieden lill-Istati Membri, bil-għan li jkun possibbli li jingħata aktar piż lir-rwol tal-Unjoni fil-politika barranija billi l-UE tieħu pożizzjoni bħala attur internazzjonali uniku ħalli ttejjeb il-koordinazzjoni interna f'dak il-qasam, biex jaqblu minn qabel fuq pożizzjoni komuni dwar il-kwistjonijiet relevanti kollha u jqisu modi li bihom jipprovdu l-għodod kollha meħtieġa ħalli tinkiseb Politika għall-Affarijiet Barranin u ta' Sigurtà verament komuni; ifakkar li l-pożizzjoni ta' Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kienet introdotta, skont l-Artikolu 18 tat-TUE, bil-għan li l-Unjoni tkun tista' titkellem b'vuċi waħda fil-forums internazzjonali, u mhux b'inqas fin-NU, u li għalhekk ir-Rappreżentant Għoli għandha tingħata l-opportunità li twettaq ir-rwol tagħha b'mod sħiħ, bħala r-rappreżentant estern prinċipali tal-UE;
3. Jitlob lin-NU, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżommu lill-Parlament informat b'mod sħiħ dwar il-koordinazzjoni ta' bejniethom, sabiex jinvolvu lill-Parlament fid-definizzjoni u r-reviżjoni tal-għanijiet tal-politika barranija tal-UE;
4. Jappoġġa l-aġenda ta' riforma tan-NU għall-espressjoni ta' multilateraliżmu effikaċi, filwaqt li jirrikonoxxi l-istatus privileġġat tal-UE fl-Assemblea Ġenerali tan-NU wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009 u l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tan-NU 65/276 tat-3 ta' Mejju 2011 dwar "Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti";
5. Jappella biex isiru n-negozjati, il-proċeduri u r-riforma meħtieġa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ħalli l-UE tkun tista' ssir membru permanenti ta' dak il-korp, b'siġġu permanenti u vot uniku;
6. Ifakkar li l-prinċipji bażiċi taż-żewġ entitajiet internazzjonali huma komuni għat-tnejn, u jenfasizza li dawn il-valuri kondiviżi għandhom ikunu meqjusa bħala l-bażi ewlenija għal ħidma konġunta; jenfasizza li sħubija soda u stabbli bejn l-UE u n-NU hija fundamentali għall-ħidma tan-NU taħt it-tliet pilastri – il-paċi u s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli – u hija importanti ħafna wkoll għar-rwol tal-UE bħala protagonist globali attiv; jafferma mill-ġdid ir-rwol ċentrali li jiżvolġu l-prevenjoni tal-kawżi ta' kunflitti vjolenti u l-ġlieda kontrihom u t-tiftix ta' soluzzjonijiet għal sfidi ġodda;
7. Jissottolinja li Assemblea Parlamentari tan-NU (UNPA), maħluqa skont l-Artikolu 22 tal-Karta tan-NU, tista' tkun il-punt tat-tluq għad-demokratizzazzjoni tan-NU, sabiex tissaħħaħ ir-responsabbiltà demokratika u t-trasparenza tal-governanza globali u sabiex il-pubbliku jkun jista' jipparteċipa aktar fl-attivitajiet tan-NU;
8. Huwa impenjat biex jagħmel is-sistema tan-NU u l-istituzzjonijiet u l-istrutturi multipli tagħha aktar adatti għal sfidi u żviluppi globali ġodda, u biex iżid it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-effikaċja tagħha billi tiġi evitata d-duplikazzjoni u billi l-istrutturi differenti tan-NU jintużaw b'mod aktar razzjonali; jissuġġerixxi li l-esperjenza tal-UE fit-teħid ta' deċiżjonijiet transnazzjonali tista' tipprovdi perspettivi li jistgħu jkunu ta' għajnuna għall-proċess ta' riforma tan-NU, speċjalment fir-rigward tal-Kunsill tas-Sigurtà;
9. Jappella biex il-kandidati nisa għall-pożizzjoni ta' Segretarju Ġenerali tan-NU jkunu appoġġati fl-elezzjonijiet li ġejjin;
10. Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien huma l-akbar donatur finanzjarju għall-baġit tan-NU; ifakkar li l-impenn tal-UE hu rifless mhux biss fl-ammont finanzjarju iżda wkoll fil-kollaborazzjoni permezz tal-kapital uman u l-għarfien tekniku; jinsisti, għaldaqstant, fl-ispirtu tal-inizjattiva "Magħqudin fl-Azzjoni" (mexxej wieħed, baġit wieħed, programm wieħed, uffiċċju wieħed), fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat livell ogħla ta' viżibbiltà għall-finanzjament tal-UE mwassal permezz tan-NU, kif ukoll li jkun hemm użu effiċjenti tal-fondi kkonċernati; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE jagħmlu pressjoni fuq in-NU biex tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-Inizjattiva ta' Trasparenza u Responsabbiltà tan-NU, u jitlobhom iżommu lill-Parlament infurmat b'mod sħiħ u fil-ħin dwar l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-UE min-NU;
11. Japprezza l-fatt li t-twassil tal-għajnuna tal-Unjoni permezz tan-NU jippermetti li l-UE tappoġġa reġjuni tad-dinja fejn għandha mnejn ma tkunx tista' tasal waħedha; huwa konxju mir-riskju inerenti għoli involut biex l-għajnuna titwassal fir-reġjuni milquta mill-kunflitti; jiddispjaċih, madankollu, li r-rapporti li jsiru lill-Kummissjoni mill-organizzazzjonijiet sħabha fdati bl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni taħt ġestjoni indiretta ħafna drabi jingħataw tard, ma jkunux kompluti jew ma jkunux orjentati biżżejjed lejn ir-riżultati, u b'hekk jimpedixxu lill-Kummissjoni milli teżerċita b'mod xieraq il-funzjoni ta' monitoraġġ tagħha;
12. Iqis li kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU fir-rigward tal-appoġġ għall-paċi hija essenzjali sabiex jiġu assistiti missjonijiet politiċi u attivitajiet marbuta mal-medjazzjoni, kif ukoll sabiex jiġu semplifikati l-proċeduri tal-ippjanar, u f'dan ir-rigward jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lir-rieżami tal-operazzjonijiet tal-paċi tan-NU;
13. Jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-UE li tagħmel is-sistema tan-NU aktar adatta għal konfigurazzjonijiet tal-poter globali ġodda, imma jqis li l-isforzi tagħha favur ir-riformi ġew imfixkla min-nuqqas ta' pożizzjoni komuni fost l-Istati Membri, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-paċi u s-sigurtà fil-livell internazzjonali, u kkontribwew lejn – jew tal-inqas ma rrisolvietx – l-impass attwali dwar ir-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà;
14. Jenfasizza l-prijoritajiet attwali tal-UE stabbiliti għad-69 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li jtennu t-talba li l-Unjoni ilha tisħaq fuqha li n-NU għandha tissemplifika l-istrutturi, il-baġit u l-metodi ta' ħidma tagħha, mingħajr ma tibqa' lura milli tittratta kwistjonijiet diffiċli bħar-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà;
15. Jenfasizza li l-Assemblea Ġenerali, li tirrappreżenta lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri kollha, irid ikollha l-mezzi meħtieġa biex tagħti direzzjoni lis-sistema tan-NU u tikkoordina l-attivitajiet kollha tagħha;
16. Jirrakkomanda lill-Kunsill: li jappoġġa b'mod attiv riforma komprensiva tas-sistema tan-NU, u b'mod speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tagħha, sabiex jissaħħu l-leġittimità, ir-rappreżentazzjoni reġjonali, ir-responsabbiltà u l-effikaċja tas-sistema tagħha; li jwettaq ħidma lejn l-għan fuq terminu twil li l-UE jkollha siġġu f'Kunsill tas-Sigurtà estiż; li jiżgura l-koerenza u l-effikaċja tal-UE bħala attur globali, bil-għan li jkun hemm azzjoni rapida u komprensiva u li jitwassal "messaġġ b'leħen wieħed", billi jittejbu il-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn is-SEAE u l-Istati Membri; u li jħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lis-SEAE, b'mod partikolari permezz tad-delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra, biex jaħdem lejn koerenza akbar tal-UE.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
28.9.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
16 3 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Elmar Brok, Fabio Massimo Castaldo, Pascal Durand, Danuta Maria Hübner, Ramón Jáuregui Atondo, Constance Le Grip, Jo Leinen, György Schöpflin, Josep-Maria Terricabras, Kazimierz Michał Ujazdowski, Rainer Wieland |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Gerolf Annemans, Sylvie Goulard, Enrique Guerrero Salom, Sylvia-Yvonne Kaufmann, David McAllister, Viviane Reding, Helmut Scholz |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrea Bocskor, Mady Delvaux, Ulrike Rodust, Iuliu Winkler |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
13.10.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
48 8 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Arnaud Danjean, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Alyn Smith, Jaromír Štětina, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Boris Zala |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Marielle de Sarnez, Antonio López-Istúriz White, David Martin, Urmas Paet, Soraya Post, Helmut Scholz, György Schöpflin, Igor Šoltes, Dubravka Šuica, Bodil Valero, Paavo Väyrynen |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Maria Grapini, Pavel Poc |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
48 |
+ |
|
ALDE |
Petras Auštrevičius, Iveta Grigule, Javier Nart, Urmas Paet, Jozo Radoš, Ivo Vajgl, Paavo Väyrynen, Marielle de Sarnez |
|
ECR |
Mark Demesmaeker |
|
EFDD |
Fabio Massimo Castaldo |
|
PPE |
Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Alojz Peterle, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jacek Saryusz-Wolski, György Schöpflin, László Tőkés, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica |
|
S&D |
Nikos Androulakis, Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Eugen Freund, Maria Grapini, Richard Howitt, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, David Martin, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Pavel Poc, Soraya Post, Boris Zala |
|
Verts/ALE |
Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Bodil Valero, Igor Šoltes |
|
8 |
- |
|
ECR |
Amjad Bashir, Bas Belder, Anna Elżbieta Fotyga, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden |
|
EFDD |
James Carver |
|
ENF |
Mario Borghezio |
|
NI |
Georgios Epitideios |
|
4 |
0 |
|
GUE/NGL |
Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Helmut Scholz |
|
Verts/ALE |
Klaus Buchner |
|
Tifsira tas-simboli użati
+ : favur
- : kontra
0 : astensjonijiet
- [1] ĠU C 100, 26.3.2015, p. 27.
- [2] ĠU C 377, 7.12.2012, p. 66.
- [3] 65/276 tat-3 ta' Mejju 2011 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti
- [4] S/PRST/2014/4 tal-14 ta' Frar 2014 - dikjarazzjoni mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-kooperazzjoni bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-organizzazzjonijet reġjonali u subreġjonali fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali
- [5] FAO: Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti; IFAD: Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu; ILO: Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol; FMI: Fond Monetarju Internazzjonali; UNESCO: Organizzazzjoni tan-NU għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura; UNIDO: Organizzazzjoni tan-NU għall-Iżvilupp Industrijali; WHO: Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; UNCTAD: Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp; UNDP: Programm ta' Żvilupp tan-NU; UNEP: Programm tan-NU għall-Ambjent; UNFPA: Fond tan-NU għall-Popolazzjoni; UNHCR: Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati; UNICEF: Fond tan-NU għat-Tfal; WFP: Programm Dinji tal-Ikel.
- [6] Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/65/276 tat-3 ta' Mejju 2011 dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti