Proċedura : 2014/0346(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0313/2015

Testi mressqa :

A8-0313/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/03/2016 - 6.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0070

RAPPORT     ***I
PDF 748kWORD 346k
26.10.2015
PE 564.902v03-00 A8-0313/2015

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2494/95

(COM(2014)0724 – C8‑0283/2014 – 2014/0346(COD))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur (għal opinjoni): Roberto Gualtieri

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2494/95

(COM(2014)0724 – C8‑0283/2014 – 2014/0346(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0724),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0283/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2015(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0313/2015),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(2)*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2494/95

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(3),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)  L-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (HICP) huma ddisinjati biex ikejlu l-inflazzjoni b’mod armonizzat fl-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew jużaw l-HICP fil-valutazzjoni tagħhom tal-istabbiltà tal-prezzijiet fl-Istati Membri skont l-Artikolu 140 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat).

(1a)  L-HICP jintużaw biex tiġi vvalutata l-kompetittività nazzjonali bħala parti mill-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku tal-Kummissjoni.

(1b)  L-istatistika tal-kwalità, kif ukoll il-komparabbiltà tagħha, huma ġid pubbliku ta' importanza fundamentali għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, ir-riċerkaturi u dawk responsabbli għall-politika pubblika fl-Unjoni.

(2)  Is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (is-SEBĊ) tuża l-HICP bħala indiċi sabiex tkejjel l-ilħuq tal-għan ta’ stabbiltà tal-prezzijiet tas-SEBĊ skont l-Artikolu 127(1) tat-Trattat, li huwa partikularment rilevanti għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni skont l-Artikolu 127(2) tat-Trattat. Skont l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar l-atti tal-Unjoni proposti fil-qasam ta' kompetenza tiegħu.

(2a)  Għalkemm it-Trattat ma jipprovdix għal definizzjoni ta' stabilità tal-prezzijiet, fl-1998 il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddikjara li l-istabilità tal-prezzijiet se tkun definita bħala żieda minn sena għall-oħra fl-HICP għaż-żona tal-euro ta' anqas minn 2 %. Fl-2003, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE qabel li, fl-insegwiment tal-istabbiltà tal-prezzijiet, kien se jimmira li jżomm ir-rati ta' inflazzjoni qrib iżda aktar baxxi minn 2 %, fuq żmien medju.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95(4) stabbilixxa qafas komuni għat-twaqqif ta’ indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur. Dan il-qafas legali jeħtieġ li jiġi adattat skont il-ħtiġijiet attwali u l-progress tekniku, inkluż billi jittejbu r-rilevanza u l-komparabilità tal-HICP kif ukoll billi jiġi mmoniterjat sett usa' ta' indikaturi supplimentarji meħtieġa għall-kejl, l-analiżi u t-tbassir tal-inflazzjoni, li jeħtieġ li jkunu disponibbli fuq bażi armonizzata.

(4)  Dan ir-Regolament iqis il-programm tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar u, b’mod partikulari, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar regolamentazzjoni intelliġenti fl-Unjoni(5). Fil-qasam tal-istatistika, il-Kummissjoni stabbiliet is-simplifikazzjoni u t-titjib tal-ambjent regolatorju fl-istatistika bħala prijorità(6).

(5)  L-HICP u l-indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur b'rati kostanti tat-taxxa (HICP-CT) għandhom jitqassmu skont il-kategoriji tal-klassifikazzjoni Ewropea tal-konsum individwali skont l-għan (l-ECOICOP). Din il-klassifikazzjoni għandha tiżgura li l-istatistika Ewropea kollha dwar il-konsum privat tkun konsistenti u komparabbli. L-ECOICOP għandha tkun konsistenti wkoll mal-COICOP tan-NU, li hija l-istandard internazzjonali li jikklassifika l-konsum individwali skont l-għan, u għalhekk għandha tiġi adattata għall-bidliet li saru fil-COICOP tan-NU.

(6)  L-HICP kif attwalment iddefiniti huma bbażati fuq il-prezzijiet osservati, li jinkludu wkoll it-taxxi fuq il-prodotti. Għaldaqstant, l-inflazzjoni tiġi affettwata mit-tibdiliet fir-rati tat-taxxa fuq il-prodotti. Għall-analiżi tal-inflazzjoni u għall-valutazzjoni tal-konverġenza fl-Istati Membri, jeħtieġ li jinġabar tagħrif ukoll dwar l-impatt tal-bidliet fit-taxxi fuq l-inflazzjoni. Għal dan il-għan, l-HICP għandhom jiġu kkalkulati wkoll abbażi ta’ prezzijiet b’rati tat-taxxa kostanti.

(7)  L-iffissar tal-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar u, b'mod partikulari, tad-djar okkupati mis-sidien stess (l-indiċijiet tad-DOS), huwa pass importanti biex jittejbu r-rilevanza u l-komparabbiltà tal-HICP fi ħdan l-Unjoni u fil-livell internazzjonali. L-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar huma bażi neċessarja għall-kumpilazzjoni tal-indiċijiet tad-DOS. Barra minn hekk, l-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar huma wkoll indikatur importanti minnhom infushom. Jekk id-djar okkupati mis-sidien stess jitħallew barra mill-HICP jista' jfisser li l-indiċijiet mhumiex adegwati għall-finijiet ta' paragun fl-Istati Membri, u għalhekk tiġi ppreġudikata s-sorveljanza ta' żviluppi ewlenin fl-Unjoni bħall-kompetittività u, b'mod aktar ġenerali, l-iżbilanċi makroekonomiċi. Abbażi tal-eżitu tar-rapport dwar l-adegwatezza tal-indiċijiet tad-djar okkupati mis-sidien għall-integrazzjoni fil-kopertura tal-HICP, kif previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 93/2013(7), għandu jiġi previst pjan direzzjonali li jintegra dawk l-indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar fil-qafas tal-HICP.

(7a)  L-informazzjoni proviżorja bikrija dwar l-HICP ta' kull xahar fil-forma ta' stimi rapidi hija kruċjali għall-politika monetarja fiż-żona tal-euro. Għalhekk, fejn ikun meħtieġ, l-Istati Membri fiż-żona tal-euro għandhom jipprovdu stimi rapidi.

(7b)  L-HICP kif attwalment definiti mhumiex indiċijiet tal-għoli tal-ħajja. Madankollu, it-tħeġġiġ ta' studji pilota dwar l-indiċijiet tal-għoli tal-ħajja armonizzati għandu jippermetti lill-HICP jiġu appoġġjati b'għodda analitika importanti għall-monitoraġġ ta' xejriet sottostanti fir-rigward ta' inflazzjoni, minħabba li x-xejriet ta' inflazzjoni fuq terminu medju jew twil huma relatati b'mod qawwi max-xejriet tal-għoli tal-ħajja.

(8)  Il-perjodu ta' referenza tal-indiċijiet tal-prezzijiet għandu jiġi aġġornat perjodikament. Għandhom jiġu stabbiliti regoli għal perjodi komuni ta’ referenza tal-indiċijiet għall-indiċijiet armonizzati u għas-subindiċijiet tagħhom li jkunu integrati f’mumenti differenti sabiex ikun żgurat li l-indiċijiet miksubin ikunu komparabbli u rilevanti.

(9)  Sabiex titjieb l-armonizzazzjoni gradwali tal-indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur, għandhom jitnedew studji pilota sabiex jivvalutaw kemm huwa fattibbli li jintuża tagħrif bażiku addizzjonali jew li jiġu applikati approċċi metodoloġiċi ġodda. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-azzjonijiet meħtieġa u ssib l-inċentivi xierqa, inkluż appoġġ finanzjarju, sabiex tħeġġeġ li jsiru studji pilota.

(10)  Għandha tingħata gwida dwar id-diversi stadji tal-produzzjoni ta’ indiċijiet armonizzati ta’ kwalità għolja f’manwal dwar il-metodoloġija, sabiex l-Istati Membri jiġu megħjuna jipproduċu indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur li jkunu komparabbli. Il-manwal dwar il-metodoloġija għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni (mill-Eurostat) f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Istatistika u għandu jiġi aġġornat b’mod regolari. Fl-inventarju annwali tal-HICP imsemmi fl-Artikolu 9(2)(b) ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) dwar id-differenzi bejn il-metodi statistiċi użati u dawk irrakkomandati fil-manwal dwar il-metodoloġija, jekk ikun hemm.

(11)  Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tivverifika s-sorsi u l-metodi li l-Istati Membri jużaw biex jikkalkulaw l-indiċijiet armonizzati u għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-qafas legali min-naħa tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tiddjaloga b’mod regolari mal-awtoritajiet tal-istatistika tal-Istati Membri.

(12)  Huwa essenzjali li jkun hemm tagħrif dwar il-kuntest sabiex jiġi vvalutat jekk l-indiċijiet armonizzati ddettaljati pprovduti mill-Istati Membri humiex komparabbli biżżejjed. Barra minn hekk, metodi u prattiki trasparenti tal-kumpilazzjoni użati fl-Istati Membri jgħinu lill-partijiet ikkonċernati kollha jifhmu l-indiċijiet armonizzati u jtejbu aktar il-kwalità tagħhom. Għalhekk, għandu jiġi stabbilit sett ta’ regoli għar-rappurtar tal-metadejta armonizzata.

(13)  Sabiex tkun żgurata l-kwalità tal-indiċijiet armonizzati, il-Kummissjoni (l-Eurostat), il-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jiskambjaw id-dejta u l-metadejta kunfidenzjali skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8).

(14)  Billi l-Istati Membri ma jistgħux jilħqu b’mod suffiċjenti l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħolqien ta’ standards komuni tal-istatistika għall-indiċijiet armonizzati, u dan jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta l-miżuri rilevanti għal dan skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan.

(15)  Sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà, fil-livell internazzjonali, tal-klassifikazzjoni tal-konsum individwali skont l-għan (COICOP) użata għat-tqassim tal-HICP u tal-HICP-CT, sabiex ikun żgurat li jkun hemm adattament għall-bidliet li saru fil-COICOP tan-NU, biex tiġi mmodifikata l-lista ta' subindiċijiet tal-ECOICOP li ma jeħtiġux li jiġu prodotti, biex jiġu introdotti kwalità ta' dejta u kompożizzjoni ta' informazzjoni bażika mtejba u metodoloġija mtejba għal rilevanza u komparabbiltà aħjar tal-indiċijiet abbażi tal-evalwazzjoni tal-istudji pilota, u biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-HICP bil-għan li jiġu inklużi indiċijiet tal-prezzijiet tad-djar, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti dwar l-indiċijiet armonizzati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Huwa partikularment importanti li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Hija u tħejji l-atti ddelegati u tfassalhom, il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dokument rilevanti jintbagħtu fl-istess ħin, fil-waqt u kif xieraq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(16)  Sabiex ikun żgurat li l-indiċijiet tal-prezzijiet għall-konsumatur ikunu jistgħu jitqabblu bis-sħiħ, hemm bżonn ta' kundizzjonijiet uniformi għat-tqassim tal-HICP u tal-HICP-CT skont il-kategoriji tal-ECOICOP, għall-metodoloġija użata għall-produzzjoni tal-indiċijiet armonizzati, għat-tagħrif ipprovdut mill-unitajiet tal-istatistika, għall-forniment tal-piżijiet u tal-metadejta dwar il-piżijiet, għall-istabbiliment ta' kalendarju annwali biex jintbagħtu l-indiċijiet armonizzati u s-subindiċijiet, għall-istandards għall-iskambju tad-dejta u tal-metadejta, għall-kundizzjonijiet uniformi għar-reviżjonijiet,▌ u għar-rekwiżiti tekniċi għall-iżgurar tal-kwalità marbutin mal-kontenut tar-rapporti annwali dwar il-kwalità, mal-iskadenza biex ir-rapport jintbagħat lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) u mal-istruttura tal-inventarju. Sabiex ikunu żgurati t-tali kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9).

(16a)  Xi subindiċijiet tal-ECOICOP m'għandhomx għalfejn ikunu ppreżentati mill-Istati Membri kollha jew minn uħud minnhom attwalment, minħabba li ma jkoprux in-nefqa monetarja finali tal-unitajiet domestiċi għall-konsum jew minħabba li l-grad ta' armonizzazzjoni metodoloġika għadha mhix suffiċjenti. Madankollu, huwa possibbli li fil-futur l-armonizzazzjoni metodoloġika tista' tittejjeb bis-saħħa tal-liġi tal-Unjoni jew permezz tal-konverġenza fattwali tal-approċċi metodoloġiċi. F'dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda dan ir-Regolament sabiex tinkludi l-preżentazzjoni obbligatorja tas-subinidiċijiet rilevanti tal-ECOICOP.

(17)  Hija u tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni u atti ddelegati skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-atti ddelegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u lanqas fuq l-unitajiet rispondenti, u lanqas ma jbiddlu l-qafas kunċettwali sottostanti applikabbli, għajr dak li huwa meħtieġ għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawk l-atti ddelegati, għandu jiġi kkunsidrat bis-sħiħ li titwettaq analiżi tal-kosteffettività.

(18)  Fil-kuntest tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika ntalab jagħti l-gwida professjonali tiegħu.

(19)  Ir-Regolament (KE) Nru 2494/95 għandu jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (l-HICP, l-HICP-CT, id-DOS) u tal-indiċi tal-prezzijiet tad-djar (l-HPI) fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll fil-livell nazzjonali u reġjonali.

Artikolu 2Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)  “l-iżvilupp tal-istatistika” tfisser li jiġu stabbiliti l-metodi, l-istandards u l-proċeduri tal-istatistika użati għall-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika u li dawn jittejbu, bil-għan li jitfasslu miżuri u indikaturi ġodda tal-istatistika;

(b)  “produzzjoni tal-istatistika” tfisser il-passi kollha li jridu jsiru biex tiġi kkumpilata l-istatistika, fosthom il-ġbir, il-ħażna, l-ipproċessar u l-analiżi tagħha;

(c)  “tixrid tal-istatistika” tfisser l-attività li permezz tagħha l-istatistika, l-analiżi tal-istatistika u t-tagħrif mhux kunfidenzjali jsiru aċċessibbli għall-utenti;

(d)  “prodotti” tfisser l-oġġetti u s-servizzi hekk kif iddefiniti fil-punt 3.01 tal-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament dwar is-SEK 2010”);

(e)  “prezzijiet għall-konsumatur” tfisser il-prezzijiet tax-xiri li l-unitajiet domestiċi jħallsu biex jixtru prodotti individwali permezz ta’ tranżazzjonijiet monetarji;

(ea)  "prezz tad-dar" tfisser il-prezz tal-akkwist ta' dar minn unità domestika;

(f)  “prezz tax-xiri” tfisser il-prezz li x-xerrej iħallas għall-prodotti fil-verità, inkluż kwalunkwe taxxa fuq il-prodotti bis-sussidji mnaqqsa, wara li mill-prezzijiet jew l-imposti standard jitnaqqsu l-iskontijiet għax-xiri bl-ingrossa jew għax-xiri fis-sigħat kwieti, minbarra l-imgħax jew l-imposti għas-servizzi miżjudin skont l-arranġamenti ta’ kreditu u kwalunkwe imposta oħra li jkun hemm minħabba li l-ħlas ma jkunx sar fil-perjodu speċifikat fil-mument tax-xiri;

(g)  “indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur (l-HICP)” tfisser l-indiċi komparabbli tal-prezzijiet għall-konsumatur li kull Stat Membru jipproduċi;

(h)  "indiċi armonizzat tal-prezzijiet għall-konsumatur b'rati tat-taxxa kostanti (l-HICP-CT)" tfisser l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur li jkejjel il-bidliet fil-prezzijiet għall-konsumatur fuq perjodu taż-żmien mingħajr l-impatt tal-bidliet fir-rati tat-taxxa fuq il-prodotti matul dak l-istess perjodu taż-żmien, li jkun komparabbli u prodott minn kull Stat Membru;

(i)  “prezzijiet amministrati” tfisser prezzijiet li jew huma stabbiliti direttament mill-gvern jew li huma influwenzati b’mod sinifikanti minnu;

(j)  "indiċi tal-prezzijiet tad-djar okkupati mis-sidien stess (l-indiċi tal-prezzijiet DOS)" tfisser l-indiċi prodott minn kull Stat Membru li jkejjel il-bidliet fil-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet tad-djar ġodda fis-settur tal-unitajiet domestiċi u ta' prodotti oħra li l-unitajiet domestiċi jixtru bħala sidien li joqogħdu f'darhom stess▌;

(k)  "indiċi tal-prezzijiet tad-djar" tfisser l-indiċi li jkejjel il-bidliet fil-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet tad-djar li l-unitajiet domestiċi jixtru, li jkunu komparabbli u prodotti minn kull Stat Membru;

(l)  "subindiċi tal-HICP jew tal-HICP-CT" tfisser indiċi tal-prezzijiet għal xi waħda mill-kategoriji tal-klassifikazzjoni Ewropea tal-konsum individwali skont l-għan (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-ECOICOP") kif stabbilit fl-Anness;

(m)  "indiċijiet armonizzati" tfisser l-HICP, l-HICP-CT, l-indiċijiet tad-DOS u l-HPI, li jkunu komparabbli u prodotti minn kull Stat Membru;

(ma)  "stima rapida tal-HICP" tfisser stima bikrija tal-HICP ipprovduta mill-Istati Membri fiż-żona tal-euro, li tista' tkun ibbażata fuq informazzjoni proviżorja u, jekk meħtieġ, immudellar xieraq;

(o)  “indiċi tat-tip ta’ Laspeyres” tfisser indiċi tal-prezzijiet li jkejjel il-bidla medja fil-prezzijiet mill-perjodu ta' referenza tal-prezzijiet għal perjodu ta' tqabbil bl-użu ta' ishma ta’ nefqa mill-istess perjodu ta' qabel il-perjodu ta’ referenza tal-prezzijiet, u fejn l-ishma ta' nefqa jkunu aġġustati biex jirriflettu l-prezzijiet tal-perjodu ta’ referenza tal-prezzijiet, u huwa ddefinit bħala:

 

  fejn is-sigma kapitali (∑) hija l-addizzjoni; P hija l-prezz ta' prodott; il-perjodu tal-prezz ta' referenza huwa 0, il-perjodu ta' tqabbil huwa t; u l-piżijiet w huma ishma ta' nefqa ta' perjodu b qabel il-perjodu tal-prezz ta' referenza u huma aġġustati sabiex jirriflettu l-prezzijiet tal-perjodu ta' referenza tal-prezzijiet 0;

(p)  “perjodu ta’ referenza tal-indiċi” tfisser il-perjodu li għalih l-indiċi jkun iffissat għal 100 punt tal-indiċi;

(pa)  "perjodu ta' prezz ta' referenza" tfisser il-perjodu li għalih jirreferi l-prezz ta' perjodu ta' tqabbil, u fejn, għall-indiċijiet ta' kull xahar il-perjodu ta' prezz ta' referenza huwa Diċembru tas-sena preċedenti u fejn għall-indiċijiet ta' kull kwart, il-perjodu tal-prezz ta' referenza huwa r-raba' kwart tas-sena preċedenti;

(q)  “tagħrif bażiku”, b’referenza għall-HICP u għall-HICP-CT, tfisser dejta li tkopri l-elementi li ġejjin:

–  il-prezzijiet kollha tax-xiri tal-prodotti li jridu jitqiesu sabiex jiġu kkalkulati s-subindiċijiet ▌skont dan ir-Regolament;

–  il-karatteristiċi kollha li jiddeterminaw il-prezz tal-prodott u kull karatteristika oħra li hija rilevanti għall-għan ikkonċernat tal-konsumatur;

–  tagħrif dwar it-taxxi u d-dazji tas-sisa imposti;

–  tagħrif dwar jekk prezz hux amministrat kompletament jew parzjalment jew le; u

–  il-piżijiet kollha li jirriflettu l-livell u l-istruttura tal-konsum tal-prodotti kkonċernati;

(r)  “tagħrif bażiku”, b’referenza għall-indiċi tal-prezz tad-DOS u għall-HPI, tfisser dejta li tkopri l-affarijiet li ġejjin:

–    il-prezzijiet kollha tat-tranżazzjonijiet tad-djar li l-unitajiet domestiċi jixtru li jeħtieġ li jitqiesu sabiex jiġu kkalkulati l-HPI skont dan ir-Regolament,

–    il-karatteristiċi kollha li jiddeterminaw il-prezz tad-djar jew karatteristiċi rilevanti oħrajn;

(s)  “unità domestika” tfisser unità domestika kif iddefinita fil-paragrafu 2.119(a) u (b) tal-Anness A tar-Regolament dwar is-SEK 2010, irrispettivament min-nazzjonalità jew mill-istatus ta’ residenza ta’ dik l-unità domestika;

(t)  “territorju ekonomiku tal-Istat Membru” tfisser it-territorju kif iddefinit fil-paragrafu 2.05 tal-Anne ss A tar-Regolament dwar is-SEK 2010, ħlief għall-fatt li ż-żoni li jinsabu ’l barra mit-territorju iżda li jkunu jinsabu fil-fruntieri tal-pajjiż huma inkluzi, filwaqt li dawk territorjali li jinsabu fil-bqija tad-dinja huma esklużi;

(u)  “nefqa monetarja finali tal-unitajiet domestiċi għall-konsum” tfisser dik il-parti tan-nefqa finali għall-konsum li jkunu għamlu:

–  l-unitajiet domestiċi,

–  fil-forma ta’ tranżazzjonijiet monetarji,

–  fit-territorju ekonomiku tal-Istat Membru,

–  għal prodotti użati għas-sodisfazzjon dirett tal-bżonnijiet jew tax-xewqat individwali, kif iddefinit fil-paragrafu 3.101 tal-Anness A tar-Regolament dwar is-SEK 2010,

–  f’wieħed mill-perjodi taż-żmien li jkunu qed jitqabblu jew fit-tnejn li huma;

(v)  “bidla sinifikanti fil-metodu ta’ produzzjoni” tfisser bidla li mistennija taffettwa r-rata annwali ta’ bidla ta’ indiċi armonizzat partikulari jew ta’ parti minnu, fi kwalunkwe perjodu, b’aktar minn:

–  0.1 punti perċentwali fil-każ tal-HICP kollu, l-HICP-CT, l-indiċi tal-prezz tad-DOS jew l-HPI,

–  0.3, 0.4, 0.5 jew 0.6 punti perċentwali fil-każ ta’ kull diviżjoni, grupp, klassi jew sottoklassi (ta’ ħames ċifri) tal-ECOICOP, rispettivament fil-każ tal-HICP jew tal-HICP-CT.

Artikolu 3Kumpilazzjoni tal-indiċijiet armonizzati

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-indiċijiet armonizzati kollha ddefiniti fl-Artikolu 2(m) lill-Kummissjoni (lill-Eurostat), fil-forma xierqa.

2.  L-indiċijiet armonizzati għandhom jiġu kkumpilati bl-użu ta’ formola tat-tip ta’ Laspeyres.

3.  L-HICP u l-HICP-CT għandhom jissejsu fuq il-bidliet fil-prezzijiet u l-piżijiet tal-prodotti inklużi fin-nefqa monetarja finali tal-unitajiet domestiċi għall-konsum.

4.  La l-HICP u lanqas l-HICP-CT m’għandhom ikopru t-tranżazzjonijiet bejn l-unitajiet domestiċi, ħlief fil-każ tal-kirjiet li l-inkwilini jħallsu lis-sidien privati, f’liema każ is-sidien privati jkunu qed jaġixxu qishom produtturi ta’ servizzi fis-suq li l-unitajiet domestiċi (l-inkwilini) jkunu qed jixtru.

4a.  L-indiċijiet tad-DOS għandhom jiġu kkumpilati, fejn ikun possibbli u dment li d-dejta tkun disponibbli, għall-10 snin ta' qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

5.  Is-subindiċijiet tal-HICP u tal-HICP-CT għandhom jiġu kkumpilati għall-kategoriji tal-ECOICOP. Għandhom jiġu adottati kundizzjonijiet uniformi għat-tqassim tal-HICP u tal-HICP-CT skont il-kategoriji tal-ECOICOP permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

5a.  Abbażi tal-eżitu tar-rapport dwar l-adegwatezza tal-indiċijiet tad-djar okkupati mis-sidien għall-integrazzjoni fil-kopertura tal-HICP, kif previst mill-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 93/2013, il-Kummissjoni tista' tadotta, fi żmien sena mill-publikazzjoni ta' dak ir-rapport, att delegat skont l-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament sabiex tintegra l-indiċi DOS fl-HICP, bl-aġġustamenti xierqa għall-metodoloġija ta' din tal-aħħar u fil-limiti tal-kamp ta' applikazzjoni tat-tnejn li huma kkombinati, kif stipulat f'dan ir-Regolament.

5b.  Il-Kummissjoni tista' testendi d-data tal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 5a bi tliet snin jekk tivvaluta li huwa meħtieġ aktar ħin sabiex jiġu adottati l-atti ddelegati msemmija fih jew għandha tipproponi, fejn ikun xieraq, reviżjoni ta' dan ir-Regolament.

5c.  It-tqassim tal-istima rapida tal-HICP fornuta mill-Istati Membri fiż-żona tal-euro għandu jkun adottat permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

5d.  It-tqassim tal-indiċi tal-prezz DOS u tal-HPI għandu jkun adottat permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 4Komparabbiltà tal-indiċijiet armonizzati

1.  Biex l-indiċijiet armonizzati jitqiesu bħala komparabbli, kull differenza bejn il-pajjiżi fil-livelli kollha ta' dettall għandha tirrifletti biss id-differenzi fil-bidliet fil-prezzijiet jew fix-xejriet tal-infiq.

2.  Kull subindiċi tal-indiċijiet armonizzati li jvarja mill-kunċetti jew mill-metodi mogħtija f’dan ir-Regolament għandu jitqies li huwa komparabbli jekk iwassal għal indiċi li huwa stmat li jvarja b’mod sistematiku:

(a)  b’punti perċentwali ta' 0.1 % jew inqas, bħala medja, f’sena waħda meta mqabbel mas-sena ta’ qabilha, minn indiċi kkumpilat abbażi tal-approċċ metodoloġiku mogħti f’dan ir-Regolament fil-każ tal-HICP u tal-HICP-CT;

(b)  b’punt perċentwali ta' 1 % jew inqas, bħala medja, f’sena waħda meta mqabbel mas-sena ta’ qabilha, minn indiċi kkumpilat abbażi tal-approċċ metodoloġiku mogħti f’dan ir-Regolament fil-każ tal-indiċi DOS u l-HPI.

Meta ma jkunx jista’ jsir kalkolu bħal dan, il-konsegwenzi tal-użu ta’ metodoloġija li tvarja mill-kunċetti jew mill-metodi mogħtija f’dan ir-Regolament għandhom jiġu spjegati fid-dettall.

3.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 10 għall-emendar tal-Anness sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà ▌fil-livell internazzjonali tat-tqassim tal-HICP skont il-kategoriji tal-ECOICOP.

4.  Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta' implimentazzjoni, u bil-għan li jinkisbu l-objettivi ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu ddefiniti dettalji ulterjuri għall-produzzjoni ta’ indiċijiet armonizzati komparabbli permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jikkonċernaw:

  (i)  it-teħid ta' kampjuni u r-rappreżentanza;

  (ii)  il-ġbir u t-trattament tal-prezzijiet;

  (iii)  is-sostituzzjonijiet u l-aġġustament tal-kwalità;

  (iv)  il-kumpilazzjoni tal-indiċijiet;

  (v)  ir-reviżjonijiet;

  (vi)  l-indiċijiet speċjali;

  (vii)  it-trattament ta' prodotti f'oqsma speċifiċi.

  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-atti ta’ implimentazzjoni ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri, u lanqas fuq l-unitajiet rispondenti.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

4a.   Meta l-evoluzzjonijiet xjentifikament appoġġjati ta' metodi statistiċi bbażati fuq ir-rapport dwar l-istudji pilota msemmija fl-Artikolu 8(4a) hekk jeħtieġu, bil-ħsieb tal-preżentazzjoni ta' indiċijiet armonizzati, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda, permezz ta' atti ddelegati adottati skont l-Artikolu 10, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4), billi żżid il-partiti mal-lista inkluża fih u li għalihom ikun jinħtieġ li jingħataw aktar dettalji tal-metodu statistiku, sakemm dawn il-partiti ma jirkbux fuq dawk diġà eżistenti, u lanqas ma jbiddlu l-ambitu jew in-natura tal-indiċijiet armonizzati kif stabbilit f'dan ir-Regolament.

Artikolu 5Rekwiżiti tad-dejta

1.  L-Istati Membri għandhom jiġbru tagħrif bażiku li jkun rappreżentattiv ta' pajjiżhom sabiex jipproduċu indiċijiet armonizzati u s-subindiċijiet tagħhom.

2.  It-tagħrif għandu jinkiseb mill-unitajiet tal-istatistika kif iddefinit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93(10).

3.  L-unitajiet tal-istatistika li jipprovdu t-tagħrif dwar il-prodotti inklużi fin-nefqa monetarja finali tal-unitajiet domestiċi għall-konsum għandhom jikkooperaw fil-ġbir jew fl-għoti tat-tagħrif bażiku skont il-bżonn. L-unitajiet tal-istatistika għandhom jagħtu tagħrif preċiż u komplut, inkluż f’forma elettronika jekk jintalbu jagħmlu dan. Fuq talba tal-korpi nazzjonali responsabbli għall-kumpilazzjoni tal-istatistika uffiċjali, l-unitajiet tal-istatistika għandhom jipprovdu tagħrif f’forma elettronika, bħad-dejta skennjata, li jkun iddettaljat biżżejjed biex jiġu prodotti l-indiċijiet armonizzati u biex jiġu evalwati l-konformità mar-rekwiżiti tal-komparabbilità u l-kwalità tal-indiċijiet armonizzati. Għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għall-forniment ta’ dan it-tagħrif permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

4.  L-indiċijiet armonizzati u s-subindiċijiet tagħhom għandhom jissejsu fuq il-perjodu komuni ta’ referenza tal-indiċijiet, jiġifieri l-2015. Dan it-tisjis għandu jibda jseħħ mill-indiċi għal Jannar tal-2016.

5.  L-indiċijiet armonizzati u s-subindiċijiet tagħhom għandhom jerġgħu jissejsu fuq perjodu komuni ta' referenza tal-indiċijiet ġdid f'każ ta' bidla kbira fil-metodoloġija tal-indiċijiet armonizzati, adottati skont dan ir-Regolament, jew kull għaxar snin wara l-aħħar tisjis mill-ġdid mill-2015 'il quddiem. Dan it-tisjis mill-ġdid fuq perjodu ta’ referenza tal-indiċijiet ġdid għandu jibda jseħħ:

(a)  għall-indiċijiet ta' kull xahar, mill-indiċi ta’ Jannar tat-tieni sena kalendarja ta’ wara l-perjodu ta' referenza tal-indiċi;

(b)  għall-indiċijiet ta' kull tliet xhur, mill-indiċi tal-ewwel kwart tat-tieni sena kalendarja ta’ wara l-perjodu ta' referenza tal-indiċi;

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 10 sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar it-tisjis mill-ġdid tal-iskali tal-indiċijiet armonizzati fil-każ ta' bidliet metodoloġiċi rikonoxxuti xjentifikament li, b'mod neċessarju u sostanzjali jwasslu għal tisjis mill-ġdid.

6.  ▌L-Istati Membri m'għandhomx għalfejn jipproduċu jew jipprovdu subindiċijiet HICP jew HICP-CT li l-ippeżar tagħhom ikun anqas minn parti waħda minn elf tan-nefqa totali koperta mill-HICP.

6a.  L-Istati Membri ma jeħtiġux jipproduċu jew jipprovdu subindiċijiet DOS jew HPI li għandhom piż li jkopri anqas minn parti waħda minn mija tan-nefqa totali tad-djar okkupati mis-sidien stess (0.1) u x-xiri totali ta' djar (H.1), rispettivament.

7.  Is-subindiċijiet tal-ECOICOP li l-Istati Membri mhumiex obbligati jipproduċu, minħabba li dawn is-subindiċijiet ma jkoprux in-nefqa monetarja finali tal-unitajiet domestiċi għall-konsum jew minħabba li dawn għadhom mhumiex armonizzati biżżejjed mil-lat tal-metodoloġija, għandhom ikunu kif ġej:

  02.3  Narkotiċi;

  09.4.3   Logħob tal-azzard;

  12.2  Prostituzzjoni;

  12.5.1  Assikurazzjoni fuq il-ħajja;

  12.6.1  FISIM.

F'każ li l-grad ta' armonizzazzjoni metodoloġika jitjieb suffiċjentement, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 10 sabiex temenda l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu billi tneħħi subindiċi wieħed jew aktar elenkati fih.

Artikolu 6Frekwenza

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-HICP, l-HICP-CT u s-subindiċijiet rispettivi tagħhom lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) kull xahar, inklużi dawk is-subindiċijiet li huma jipproduċu fuq intervalli itwal taż-żmien.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-indiċijiet tal-prezz tad-DOS u l-HPI lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) kull tliet xhur. Huma jistgħu jipprovduhomlha wkoll kull xahar fuq bażi volontarja.

3.  L-Istati Membri mhumiex obbligati jipproduċu s-subindiċijiet kull xahar jew kull tliet xhur f’każijiet fejn il-ġbir inqas frekwenti tad-dejta jissodisfa r-rekwiżiti tal-komparabbiltà mogħtija fl-Artikolu 4. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) dwar il-kategoriji tal-ECOICOP u tad-DOS li għalihom beħsiebhom jiġbru d-dejta f’intervalli ta’ iktar minn xahar jew tliet xhur rispettivament.

4.  Kull sena, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw mill-ġdid u jaġġornaw il-piżijiet tas-subindiċijiet għall-indiċijiet armonizzati. Għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għall-forniment tal-piżijiet u tal-metadejta dwar il-piżijiet permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

4a.  Sabiex tiżgura l-korrettezza tad-dejta statistika pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tuża l-prerogattivi u s-setgħat xierqa kollha previsti fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

Artikolu 7Skadenzi, standards għall-iskambju u reviżjonijiet

1.  Mhux aktar tard minn 20 jum kalendarju wara tmiem ix-xahar ta’ referenza għas-serje ta’ kull xahar u minn 85 jum kalendarju wara tmiem it-tliet xhur ta’ referenza għas-serje ta’ kull tliet xhur, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-indiċijiet armonizzati u s-subindiċijiet kollha lill-Kummissjoni (lill-Eurostat).

1a.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-piżijiet aġġornati tal-indiċijiet ta' kull xahar sa mhux aktar tard mit-13 ta' Frar kull sena. Il-piżijiet aġġornati għall-indiċijiet ta' kull tliet xhur għandhom jingħataw mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju kull sena.

1b.  Kull Stat Membru fiż-żona tal-euro għandu jipprovdi stima rapida tal-HICP mhux aktar tard mill-ġurnata kalendarja ta' qabel tal-aħħar tax-xahar li għalih jirreferi l-HICP.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) id-dejta u l-metadejta mitluba minn dan ir-Regolament f’konformità mal-istandards għall-iskambju tad-dejta u tal-metadejta.

3.  L-indiċijiet armonizzati u s-subindiċijiet tagħhom tal-indiċijiet armonizzati li jkunu diġà ġew ippubblikati jistgħu jiġu riveduti.

4.  L-istabbiliment ta’ kalendarju annwali għas-sottomissjoni tal-indiċijiet armonizzati u tas-subindiċijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, l-istandards għall-iskambju tad-dejta u tal-metadejta msemmijin fil-paragrafu 2 u l-kundizzjonijiet uniformi għar-reviżjoni kif imsemmi fil-paragrafu 3 għandhom jiġu speċifikati fid-dettall permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 8Studji pilota

1.  Kull meta jkun hemm bżonn ta’ titjib fit-tagħrif bażiku għall-kumpilazzjoni tal-indiċijiet armonizzati, jew meta jiġi identifikat il-bżonn ta’ titjib fil-komparabbiltà rilevanti u internazzjonali tal-indiċijiet fil-metodi msemmijin fl-Artikolu 4(4), il-Kummissjoni (l-Eurostat) tista’ tniedi studji pilota li l-Istati Membri għandhom iwettqu fuq bażi volontarja.

1a.  Il-baġit ġenerali tal-Unjoni għandu, fejn xieraq, jikkontribwixxi għall-finanzjament ta' studji pilota.

2.  L-istudji pilota għandhom jivvalutaw kemm huwa fattibbli u l-ispiża li jinkisbu kwalità tad-dejta u kompożizzjoni tat-tagħrif bażiku mtejba jew li jiġu adottati approċċi metodoloġiċi ġodda.

3.  Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tevalwa r-riżultati tal-istudji pilota f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-utenti ewlenin tal-indiċijiet armonizzati, filwaqt li tqis il-benefiċċji li jiġu mit-titjib tat-tagħrif bażiku jew approċċi metodoloġiċi ġodda meta mqabbla mal-ispejjeż addizzjonali li jinħolqu għall-ġbir u l-kumpilazzjoni tat-tali tagħrif.

4.  Abbażi tal-evalwazzjoni tal-istudji pilota, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 10, tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament b'rekwiżiti ta' kwalità tad-dejta u ta' kompożizzjoni biex tikseb it-tagħrif bażiku meħtieġ għall-kompilazzjoni tal-indiċijiet armonizzati li jirfinaw ir-rekwiżiti eżistenti jew metodi mtejba li fi kwalunkwe każ m’għandhomx jimmodifikaw is-suppożizzjonijiet bażiċi tal-metodi previsti f'dan ir-Regolament.

4a.  Sal-31 ta' Diċembru 2020 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tħejji rapport għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill li jevalwa, jekk ikun applikabbli, ir-riżultati ewlenin tal-istudji pilota.

Artikolu 9Żgurar ta' kwalità

1.  L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-kwalità tal-indiċijiet armonizzati li huma jipprovdu. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw il-kriterji standard tal-kwalità stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

2.  L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) l-affarijiet li ġejjin:

(a)  rapport annwali standard dwar il-kwalità li jkopri l-kriterji tal-kwalità msemmijin fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009;

(b)  inventarju annwali li jkun fih dettalji dwar is-sorsi tad-dejta, id-definizzjonijiet u l-metodi użati, fosthom dettalji dwar kwalunkwe differenza li jista’ jkun hemm bejn il-metodi statistiċi użati u dawk irrakkomandati fil-manwal dwar il-metodoloġija; and

(c)  tagħrif ieħor relatat li jkun iddettaljat biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu evalwati l-konformità mar-rekwiżiti tal-komparabbilità u l-kwalità tal-indiċijiet armonizzati, jekk il-Kummissjoni (l-Eurostat) titlob dan.

3.  Jekk Stat Membru jkun beħsiebu jibdel b’mod sinifikanti l-metodi tal-produzzjoni tal-indiċijiet armonizzati jew ta’ parti minnhom, huwa għandu jgħarraf lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) b’dan mill-inqas tliet xhur qabel ma tkun se tidħol fis-seħħ kwalunkwe bidla ta’ dan it-tip. L-Istat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) kwantifikazzjoni tal-impatt tal-bidla.

4.  Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tekniċi għall-iżgurar tal-kwalità marbutin mal-kontenut tar-rapport annwali standard dwar il-kwalità, l-iskadenza biex ir-rapport jintbagħat lill-Kummissjoni (lill-Eurostat) u l-istruttura tal-inventarju. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

Artikolu 10Eżerċizzju tad-delega

1.  Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta atti ddelegati bil-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.  Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 4(3), 4(4a), 5(5), 5(7) u 8(4) għandha tingħata għal perjodu ta’ żmien mhux determinat.

2a.  Meta tadotta atti ddelegati skont l-Artikoli 4(3), 4(4a), 5(5), 5(7) u 8(4), il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-atti ddelegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri, jew fuq l-unitajiet respondenti, u lanqas ma jbiddlu l-qafas kunċettwali sottostanti applikabbli. Fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawk l-atti ddelegati, għandu jiġi kkunsidrat bis-sħiħ li titwettaq analiżi tal-kosteffettività.

3.  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jirrevokaw id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikoli 4(3), 4(4a), 5(5), 5(7) u 8(4) f’kull mument. Deċiżjoni ta’ tħassir għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati li jkunu diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifik ah fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 4(3), 4(4a), 5(5), 5(7) u 8(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma joġġezzjonaw għalih fi żmien tliet xhur minn meta dak l-att jiġi nnotifikat lilhom jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhux beħsiebhom joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 11Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 12Tħassir

1.  Bla preġudizzju għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom ikomplu jipprovdu indiċijiet armonizzati skont ir-Regolament (KE) Nru 2494/95 sat-trażmissjoni tad-dejta li tirreferi għall-2015.

2.  Ir-Regolament (KE) Nru 2494/95 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 13Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jidħol fis-seħħ għall-ewwel darba għad-dejta li tirreferi għal Jannar tal-2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President          Il-President

NOTA SPJEGATTIVA

Il-proposta għal Regolament tal-Kummissjoni tistabbilixxi qafas legali uniformi għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tad-dejta dwar l-Indiċijiet Armonizzati tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (l-HICP) u tal-Prezzijiet tad-Djar (l-HPI) fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll fil-livelli nazzjonali u reġjonali. L-HICP jipprovdi miżura ta' inflazzjoni użata inter alia bħala input siewi għad-deflazzjoni ta' valuri ekonomiċi bħal salarji, kirjiet, rati ta' imgħax u għalhekk tifforma l-bażi għad-deċiżjonijiet tal-politika ekonomika u monetarja. Għalhekk huwa ta' importanza kruċjali li din l-istatistika tkun oġġettiva, imparzjali u komparabbli fl-Istati Membri u l-oqsma kollha tal-prodott.

Ir-Regolament applikabbli attwali dwar l-HICP jmur lura għall-1995: l-iżviluppi ġodda fl-istatistika tal-prezzijiet tal-konsumatur jeħtieġu reviżjoni tal-qafas biex ikun żgurat tqabbil massimu għall-utenti ewlenin tal-HICP. Ir-Regolament jieħu kont ukoll tal-innovazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, li jagħti lill-Kummissjoni (f'dan il-każ l-Eurostat) id-dritt li toħroġ miżuri ta' implimentazzjoni (atti ta' implimentazzjoni), jew miżuri leġiżlattivi li jistgħu jemendaw il-partijiet mhux essenzjali ta' regolament (atti ddelegati). Għaldaqstant, fil-proposta tal-Kummissjoni ħafna attivitajiet se jiġu stabbiliti b'atti ddelegati, bħad-definizzjoni tal-metodoloġija xierqa biex jiġu prodotti indiċijiet armonizzati bejn il-pajjiżi, jew biex taġġorna l-piżijiet tas-subindiċijiet tal-HICP.

Ir-Rapporteur jilqa' b'mod ġeneralment favorevoli l-proposta tal-Kummissjoni, b'mod partikolari biex l-analiżi tal-inflazzjoni tibda tinkludi informazzjoni dwar l-impatt ta' bidliet fit-taxxa fuq l-inflazzjoni. L-HICP-CT huwa għodda importanti għall-analiżi tal-kawżi tal-inflazzjoni u għat-tbassir tal-impatt tal-bidliet futuri tat-taxxa fuq l-inflazzjoni - b'hekk l-abbozz ta' rapport jipproponi li kemm l-HICP kif ukoll l-HICP-CT jinqasmu f'kategoriji tal-Klassifikazzjoni Ewropea tal-konsum individwali skont l-għan (ECOICOP). Madankollu, kif inhu l-każ għas-setgħa tal-Kummissjoni li tbiddel xi elementi b'atti ddelegati, żewġ kwistjonijiet huma esklużi u determinati direttament fir-Regolament. L-ewwel hija d-determinazzjoni tas-subindiċijiet tal-HICP li l-proporzjon tagħhom tal-basket totali tax-xiri huwa negliġibbli. It-tieni hija l-għażla ta' subindiċijiet li l-produzzjoni tagħhom tista' tiġi sospiża billi xi wħud minnhom ma jkoprux in-nefqa monetarja finali tal-unitajiet domestiċi għall-konsum jew minħabba li l-livell ta' armonizzazzjoni metodoloġika għadu mhux biżżejjed f'dan l-istadju.

Barra minn hekk, billi l-informazzjoni proviżorja bikrija dwar l-inflazzjoni hija kruċjali b'mod partikolari għat-twettiq tal-politika monetarja, l-abbozz ta' rapport jitlob li l-istimi rapidi dwar l-HICP jingħataw mill-Istati Membri taż-żona euro fuq bażi ta' kull xahar u li t-tqassim tal-istimi rapidi tal-HICP, l-indiċi tal-prezzijiet tad-djar okkupati mis-sidien stess (DOS) u tal-HPI jiġu adottati permezz ta' atti ta' implimentazzjoni.

Fl-aħħarnett, minħabba l-importanza tal-istudji pilota, ġie stabbilit li l-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tikkontribwixxi għall-finanzjament tagħhom. Kull ħames snin il-Kummissjoni għandha tħejji wkoll rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jevalwa r-riżultati ewlenin tal-istudji pilota.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

L-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (tħassir tar-Regolament (KE) Nru 2494/95

Referenzi

COM(2014)0724 – C8-0283/2014 – 2014/0346(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

9.12.2014

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

15.12.2014

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

IMCO

15.12.2014

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

IMCO

21.1.2015

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Roberto Gualtieri

13.1.2015

 

 

 

Eżami fil-kumitat

16.7.2015

13.10.2015

 

 

Data tal-adozzjoni

13.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

6

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Udo Bullmann, Esther de Lange, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Jonás Fernández, Elisa Ferreira, Doru-Claudian Frunzulică, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Ramón Jáuregui Atondo, Danuta Jazłowiecka, Petr Ježek, Eva Kaili, Georgios Kyrtsos, Philippe Lamberts, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Thomas Mann, Fulvio Martusciello, Michał Marusik, Marisa Matias, Emmanuel Maurel, Costas Mavrides, Bernard Monot, Siegfried Mureşan, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Alfred Sant, Andreas Schwab, Peter Simon, Renato Soru, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Paul Tang, Nils Torvalds, Ramon Tremosa i Balcells, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Cora van Nieuwenhuizen, Miguel Viegas, Beatrix von Storch, Pablo Zalba Bidegain, Marco Zanni

Data tat-tressiq

27.10.2015

(1)

ĠU C 209, 25.6.2015, p. 3.

(2)

* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

(3)

  ĠU C 209, 25.6.2015, p. 3.

(4)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 tat-23 ta’ Ottubru 1995 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur (ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1).

(5)

  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea (COM(2010) 543 finali).

(6)

  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar "il-metodu ta’ produzzjoni tal-istatistika tal-UE: viżjoni għad-deċennju li ġej", COM(2009) 404 finali.

(7)

  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 93/2013 tal-1 ta’ Frar 2013 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 dwar l-indiċijiet armonizzati tal-prezzijiet għall-konsumatur, fir-rigward tal-iffissar ta’ indiċijiet tal-prezzijiet tal-abitazzjonijiet okkupati mis-sidien (ĠU L 33, 2.2.2013, p. 14).

(8)

  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(9)

  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 tal-15 ta’ Marzu 1993 dwar l-unitajiet tal-istatistika għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta’ produzzjoni fil-Komunità (ĠU L 76, 30.3.1993, p. 1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza