Proċedura : 2015/2092(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0328/2015

Testi mressqa :

A8-0328/2015

Dibattiti :

PV 14/12/2015 - 18
CRE 14/12/2015 - 18

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2015 - 4.24
CRE 15/12/2015 - 4.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0447

RAPPORT     
PDF 204kWORD 157k
16.11.2015
PE 560.736v02-00 A8-0328/2015

dwar PKS ġdida: struttura tal-miżuri tekniċi u l-pjanijiet multiannwali

(2015/2092(INI))

Kumitat għas-Sajd

Rapporteur: Gabriel Mato

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar PKS ġdida: struttura tal-miżuri tekniċi u l-pjanijiet multiannwali

(2015/2092(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013, dwar il-politika komuni tas-sajd, u, b'mod partikolari, l-Artikoli 7(2), 9 u 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0328/2015),

A.  billi s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut hija kundizzjoni sine qua non għall-ġejjieni tal-industrija tas-sajd;

B.  billi mill-2009 bilkemm sar progress fil-proposti leġiżlattivi kemm dwar il-miżuri tekniċi kif ukoll dwar il-pjanijiet multiannwali minħabba li, minn naħa waħda, il-proposti tal-Kummissjoni dwar dawn il-pjanijiet kienu joħolqu frizzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet Ewropej rigward is-setgħat rispettivi tagħhom fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet minħabba l-Artikolu 43 tat-TFUE, u li, min-naħa l-oħra, id-diffikultajiet kienu dovuti għall-allinjament ta' leġiżlazzjoni dwar miżuri tekniċi mat-Trattat ta' Lisbona;

C.  billi l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) (Regolament (UE) Nru 1380/2013) tinkludi fost l-objettivi tagħha li jiġu ripristinati u jinżammu popolazzjonijiet ta’ speċijiet 'il fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (MSY), bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq is-selettività u l-ekosistemi; billi l-miżuri tekniċi u l-pjanijiet multiannwali huma għodda prinċipali biex jinkisbu dawn l-objettivi;

D.  billi fost il-modifiki prinċipali introdotti mar-riforma tal-PKS tal-2013 hemm ukoll l-obbligu tal-ħatt u r-reġjonalizzazzjoni;

E.  billi l-kumplessità u d-diversità ta’ miżuri tekniċi kif ukoll il-fatt li dawn huma mifruxin f’bosta regolamenti differenti, ikkontribwixxew biex jagħmlu l-implimentazzjoni diffiċli għas-sajjieda, bir-riskju li s-sajjieda jitilfu l-fiduċja;

F.  billi l-prinċipju ta’ reġjonalizzazzjoni jinkludi konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi bil-għan li l-partijiet interessati jinġiebu aktar qrib il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u li jkun hemm evalwazzjoni aħjar tal-impatti soċjoekonomiċi possibbli tad-deċiżjonijiet;

G.  billi l-kumplessità tal-miżuri tekniċi u d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll in-nuqqas ta' riżultati pożittivi tanġibbli tal-PKS u n-nuqqas ta' inċentivi kkontribwew għall-ħolqien ta' nuqqas ta' fiduċja fost is-sajjieda;

H.  billi r-reviżjoni ta’ miżuri tekniċi, bi qbil mal-aħjar parir xjentifiku disponibbli u bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, għandhom ifittxu li jtejbu s-sostenibbiltà ambjentali tas-sajd u r-riżorsi tal-baħar b’mod li jkun konsistenti mal-vijabbiltà soċjoekonomika tas-settur;

I.  billi l-ilħiq tal-għanijiet tal-PKS il-ġdida jirrikjedi, fost l-oħrajn, l-użu ta’ tagħmir u prattiki tas-sajd iktar selettivi;

J.  billi innovazzjonijiet attwali li jtejbu s-selettività tal-irkaptu tas-sajd ta’ sikwit huma mxekkla minn leġiżlazzjoni;

K.  billi l-obbligu ta’ ħatt l-art jinvolvi bidla sostanzjali ta’ approċċ għall-ġestjoni tas-sajd, u b’mod partikolari s-sajd demersali, u għalhekk għal miżuri tekniċi f’oqsma ewlenin bħalma huma l-kompożizzjoni tal-qabdiet u d-daqs tal-malji;

L.  billi jeħtieġ li titqiegħed enfasi partikolari fuq l-importanza tas-sajd fuq skala żgħira għas-sostenibbiltà tal-komunitajiet kostali, u b’mod partikolari r-rwol tan-nisa u t-tfal; billi l-PKS għamlet riferiment għal skema differenzjata għas-sajd fuq skala żgħira fl-Ewropa;

M.  billi hemm bżonn ta’ definizzjoni ġenerali tal-kunċett ta’ sajd fuq skala żgħira, fid-dawl tar-rwol li dan għandu fir-rijabilitazzjoni tal-ibħra tagħna u fil-preservazzjoni u l-prattiki tradizzjonali u ambjentalment sostenibbli;

N.  billi d-definizzjoni ta’ prinċipji bażiċi komuni għall-baċini tal-baħar kollha permezz ta’ regolament qafas adottat bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont it-Trattat ta’ Lisbona hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-PKS fl-UE, biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi u sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ miżuri tekniċi;

O.  billi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja mhijiex dejjem meħtieġa fil-każ ta’ miżuri li jittieħdu fil-livell reġjonali jew soġġetti għal tibdil frekwenti, jew li huma bbażati fuq standards u objettivi deċiżi mill-koleġiżlaturi, iżda għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ regoli li huma komuni fil-baċini tal-baħar kollha kif ukoll għal miżuri li jinsabu f’regolamenti speċifiċi jew mhux probabbli li jiġu emendati fil-futur qarib;

P.  billi r-reġjonalizzazzjoni għandha tiżgura li miżuri tekniċi jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta' kull żona tas-sajd u ta' kull baċir, billi jagħtu flessibbiltà u jagħmlu possibbli reazzjoni mgħaġġla f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza; billi r-reġjonalizzazzjoni għandha tagħmel il-miżuri tekniċi aktar sempliċi u eħfef biex jinftiehmu, ikunu implimentati u infurzati; billi l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi fuq bażi reġjonali għandha ssegwi l-mudell miftiehem mill-koleġiżlaturi kif maqbul skont il-PKS riformata;

Q.  billi r-reġjonalizzazzjoni tista' tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni u t-titjib tal-fehim tal-istandards, li għaldaqstant jintlaqgħu tajjeb mis-settur tas-sajd u partijiet oħra interessati, speċjalment jekk jiġu assoċjati mal-proċess ta' adozzjoni tagħhom stess;

R.  billi r-reġjonalizzazzjoni m'għandhiex twassal għal nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid, peress li dan mhuwiex kompatibbli mal-PKS, bħala politika komuni fejn l-UE għandha l-kompetenza esklużiva minħabba n-natura kondiviża tar-riżorsi;

S.  billi l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi fuq bażi reġjonali għandha ssegwi l-mudell miftiehem mill-koleġiżlaturi skont il-PKS il-ġdida, jiġifieri li l-Kummissjoni tadotta atti delegati abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti mill-Istati Membri kkonċernati li jissodisfaw l-istandards u l-għanijiet deċiżi mill-koleġiżlaturi, jew, jekk l-Istati Membri kkonċernati ma jippreżentaw ebda rakkomandazzjoni konġunta fi żmien l-iskadenza, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni stess; billi, madankollu, il-Parlament iżomm id-dritt li joġġezzjona għal kwalunkwe att delegat skont it-Trattat ta’ Lisbona;

T.  billi r-reviżjoni tal-qafas ta’ miżuri tekniċi għandha tipprovdi opportunità biex tkompli ssir riflessjoni dwar ir-reġjonalizzazzjoni u jiġu kkunsidrati alternattivi għal atti ddelegati;

U.  billi ċerti proposti ta' regolamenti speċifiċi li fihom miżuri tekniċi (għażel tat-tisqif, qabdiet aċċidentali ta' ċetaċji, sajd f'ibħra fondi) ħolqu kontroversji; billi xi proposti - bħal dik tas-sajd ta' stokkijiet ta' ħut ta' ibħra fondi fl-Atlantiku tal-Grigal - ġew imblukkati għal aktar minn tliet snin; billi deliberazzjonijiet dwar is-sajd bix-xbieki bl-għeżula tat-tisqif huma wkoll wieqfa; billi għadd ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi dwar miżuri tekniċi ġew rifjutati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs);

V.  billi l-miżuri tekniċi għandhom jieħdu kont tal-fenomenu tas-sajd illegali li ta’ spiss ikunu akkumpanjati mill-użu illegali ta’ apparat tas-sajd, bħalma hu l-għażel tat-tisqif, u għandhom jiddeskrivu soluzzjoni effettiva għall-problema maħluqa mis-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (IUU);

W.  billi l-miżuri tekniċi applikabbli f’kull baċir tal-ħut tal-UE mhux dejjem ikunu adattati għall-ħtiġijiet ta’ attivitajiet innovattivi u sajd lokali differenti; billi, fid-dawl ta’ dan, is-sajjieda jeħtieġu sett ta’ miżuri tekniċi bbażati fuq approċċ reġjonali, li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet diversi ta’ kull baċin; billi l-ġestjoni ta’ stokkijiet ta’ ħut b’mod sostenibbli hija vitali u f’dak ir-rigward is-simplifikazzjoni u l-adattabbiltà tal-leġiżlazzjoni għar-realtajiet fuq il-post hija importanti; billi jinħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-baċini tas-sajd huma kondiviżi minn pajjiżi terzi, b’regoli ta’ preservazzjoni differenti ħafna minn dawk tal-Ewropa;

X.  billi fl-ilmijiet Ewropej, u b’mod partikolari fil-Mediterran, huwa kruċjali li l-Istati Membri jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa u jikkooperaw biex jidentifikaw dawk iċ-ċittadini li jwettqu sajd IUU, u b’hekk jiġi żgurat li s-sanzjonijiet applikabbli huma imposti u li jsiru kontrolli aktar stretti fil-fruntieri u fuq l-art;

Y.  billi l-pjanijiet multiannwali adottati bejn l-2002 u l-2009 ma kinux kollha ugwalment effettivi; billi l-pjanijiet multiannwali ġodda ser jiġu adottati skont ir-regoli l-ġodda tal-PKS;

Z.  billi n-negozjati ma’ dawk il-pajjiżi għandhom ikunu parti mill-isforzi biex tinkiseb is-sostenibbiltà;

AA.  billi r-riforma tal-PKS introduċiet ir-rekwiżiti tal-ħatt l-art u pprovdiet flessibbiltà, eċċezzjonijiet u appoġġ finanzjarju taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS);

billi x’aktarx ikun hemm diffikultajiet biex tiġi implimentata l-projbizzjoni ta' ħut skartat f’sajd imħallat, għal speċi bi kwota limitanti;

AC.  billi, wara t-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament għandu setgħat leġiżlattivi konġunti fir-rigward tas-sajd, minbarra qabdiet totali permissibbli (TACs) u l-kwoti;

AD.  billi mill-2009 ma ġie adottat l-ebda pjan multiannwali bħala konsegwenza tal-imblokk tal-proposti fil-Kunsill;

AE.  billi fi ħdan it-task force interistituzzjonali dwar il-pjanijiet multiannwali, il-koleġiżlaturi rrikonoxxew l-importanza li jaħdmu flimkien sabiex isibu mod prammatiku biex jimxu 'l quddiem fil-pjanijiet multiannwali filwaqt li jqisu l-opinjonijiet differenti fl-interpretazzjoni tal-qafas legali;

AF.  billi l-pjanijiet multiannwali għandhom jipprovdu qafas ta’ ġestjoni tas-sajd b’saħħtu u dejjiem, abbażi tal-aħjar u l-aħħar sejbiet xjentifiċi u soċjoekonomiċi, u għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jiġu adattati skont l-evoluzzjoni tal-ħażniet u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet annwali dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd;

AG.  billi ġew identifikati limitu ta’ rendiment massimu sostenibbli u skadenza għall-kisba ta’ dan il-limitu, mekkaniżmu ta’ azzjonar ta’ salvagwardja bħala prekawzjoni, mira minima tal-bijomassa, mekkaniżmu biex jadattaw għal bidliet imprevedibbli fl-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli u klawżola ta’ reviżjoni bħala l-elementi komuni għal pjanijiet multiannwali futuri;

AH.  billi l-pjanijiet multiannwali għandu jkollhom għan ġenerali li jista' jinkiseb f'termini amministrattivi u xjentifiċi; billi dawn għandhom jinkludu rendiment stabbli fit-tul, f’konformità mal-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli, xi ħaġa li għandha tiġi riflessa f’deċiżjonijiet annwali tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd; billi dawn id-deċiżjonijiet annwali għandhom ikunu strettament limitati għall-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd;

AI.  billi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Novembru 2014 dwar il-Kawżi C-103/12 PE/Kunsill u C-165/12 Kummissjoni/Kunsill, dwar l-għoti ta' opportunitajiet tas-sajd fl-ibħra tal-Unjoni Ewropea lill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklużiva 'l barra mill-kosta tal-Guyana Franċiża, tistabbilixxi preċedent billi tiċċara l-kontenut u l-limiti taż-żewġ bażijiet legali differenti li jinsabu fl-Artikolu 43 tat-TFUE; billi l-Artikolu 43(3) jista’ jintuża biss bħala bażi legali għall-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd taħt ir-regolamenti dwar it-TAC u l-kwoti;

AJ.  billi għadha pendenti s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-Kawża C-124/13 PE/Kunsill dwar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1243/2012, li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz, fejn il-Parlament isostni li, minħabba l-għan u l-kontenut tiegħu, ir-Regolament kellu jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) tat-TFUE, billi tintuża l-proċedura leġiżlattiva ordinarja mal-Parlament bħala koleġiżlatur; billi l-Parlament huwa wkoll kontra d-diviżjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, peress li l-Kunsill qasam il-proposta f'żewġ atti leġiżlattivi;

AK.  billi, fin-nuqqas ta’ pjani multiannwali, daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni jistgħu jiġu modifikati skont pjani għar-rimi adottati mill-Kummissjoni f’atti ddelegati dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati, jew, jekk l-Istati Membri kkonċernati ma jippreżentaw ebda rakkomandazzjoni konġunta fi żmien l-iskadenza, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess; jenfasizza l-importanza kemm tal-protezzjoni ta’ minorenni kif ukoll ta’ segwitu għal parir xjentifiku meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni;

AL.  billi l-pjanijiet għall-ħut skartat għandu jkollhom rwol essenzjali, minħabba li emenda fid-daqsijiet minimi ta' konservazzjoni tista' twassal għal tibdil fit-tekniki tas-sajd u, għaldaqstant, jinbidlu wkoll il-mortalità tas-sajd u l-bijomassa ta' individwi li jrabbu, iż-żewġ għanijiet kwantifikabbli tal-pjanijiet multiannwali; billi l-emenda tad-daqsijiet minimi permezz ta' atti delegati se twassal għal tibdil fil-parametri prinċipali tal-pjanijiet multiannwali minn barra;

AM.  billi x-xewqa tal-koleġiżlaturi kienet li dawn l-atti delegati jkollhom natura tranżitorja, għal perjodu li fl-ebda każ m'għandu jaqbeż it-tliet snin;

AN.  billi għall-istess speċi, id-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni jistgħu jvarjaw minn żona għal oħra biex jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tal-ispeċi u s-sajd; u li, fejn huwa possibbli, huwa mixtieq li jiġu stabbiliti deċiżjonijiet orizzontali għaż-żoni kollha sabiex jiġu ffaċilitati l-kompiti ta' kontroll;

1.  Iqis li, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-PKS, miżuri tekniċi futuri għandhom jiġu simplifikati sabiex titneħħa kwalunkwe kontradizzjoni u/jew duplikazzjoni f’qafas legali strutturat b’mod ċar u għandhom ikunu bbażati fuq data xjentifika soda analizzata mill-pari;

2   Iqis li huwa meħtieġ li titfassal lista eżawrjenti li jiġbor fil-qosor il-miżuri tekniċi kollha attwalment fis-seħħ, sabiex tagħti ħarsa ġenerali aħjar lil simplifikazzjonijiet u tħassir possibbli fir-rigward tal-miżuri tekniċi futuri;

3.  Jemmen li l-miżuri tekniċi għandhom jiġu riveduti bil-għan li jiġu implimentati l-objettivi tal-PKS, tittejjeb is-selettività, jitnaqqas ir-rimi tal-ħut u l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent, jiġu simplifikati r-regoli kurrenti, u tiżdied il-bażi xjentifika;

4.  Iqis li l-miżuri tekniċi għandhom jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta' kull żona tas-sajd u kull reġjun, u b'hekk jiżguraw livell ogħla ta' konformità mis-settur ikkonċernat;

5.  Isostni li s-semplifikazzjoni u r-reġjonalizzazzjoni tal-miżuri tekniċi għandhom dejjem ikunu konsistenti ma’ dak li huwa verament l-għan tar-regolament dwar miżuri tekniċi, jiġifieri l-minimizzazzjoni tal-qabdiet mhux mixtieqa u l-impatti fuq l-ambjent marittimu;

6.  Iqis li, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-regoli tal-PKS u biex ir-regoli tal-PKS isiru aktar aċċettabbli fis-settur tas-sajd u għal partijiet interessati oħra u biex tiġi żgurata konformità magħhom, is-sajjieda għandhom ikunu aktar involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari fi ħdan il-Kunsilli Konsultattivi u jingħataw inċentivi bħal appoġġ permezz tal-FEMS u strumenti oħra għall-innovazzjoni, taħriġ, tagħmir u l-użu ta’ tagħmir tas-sajd aktar selettiv;

7.  Iqis li l-qafas leġiżlattiv ġdid se jiffaċilita aktar l-użu ta’ rkaptu tas-sajd li jkun ġie ppruvat xjentifikament li jżid is-selettività u li jkollu impatt imnaqqas fuq l-ambjent;

8.  Iqis li l-innovazzjoni u r-riċerka ser jeħtieġ li jiġu promossi biex ikun żgurat li l-PKS tiġi implimentata kif suppost, b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards ta’ rimi, sabiex tiżdied is-selettività u jiġu modernizzati tekniki ta' sajd u ta' monitoraġġ;

9.  Jemmen li l-użu sostenibbli ta’ tagħmir tas-sajd innovattiv li wera li huwa aktar selettiv minn riċerka xjentifika indipendenti għandu jkun permess mingħajr restrizzjonijiet jew limitazzjonijiet kwantitattivi bla bżonn, irregolat mil-leġiżlazzjoni u — sa fejn hija kkonċernata r-riċerka ulterjuri — jingħata appoġġ finanzjarju;

10.  Iqis li huwa neċessarju li tinżamm il-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-adozzjoni ta’ regoli komuni fil-baċini kollha tal-baħar, inkluż l-istabbiliment ta’ standards u għanijiet għal miżuri tekniċi, inklużi miżuri tekniċi li jinsabu f’regolamenti speċifiċi, jew għal miżuri tekniċi li mhux probabbli li jiġu emendati fil-futur qarib u jqis li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja mhux dejjem tinħtieġ għal miżuri adottati fil-livell reġjonali jew li huma possibbilment soġġetti għal bidliet frekwenti; Huwa tal-opinjoni li dawn il-miżuri għandhom jiġu evalwati fuq bażi regolari sabiex ikun żgurat li jibqgħu rilevanti; Iqis li l-użu xieraq ta’ atti delegati jista’ jissodisfa din il-ħtieġa għal flessibbiltà u rispons; ifakkar, madankollu, li l-Parlament iżomm id-dritt li joġġezzjona għal kwalunkwe att delegat skont it-Trattat;

11.  Jirrakkomanda li qafas Ewropew ġenerali ċari għal miżuri tekniċi għandu jiġi definit, li jistabbilixxi għadd limitat ta’ prinċipji trażversali ewlenin; Jemmen li r-regoli kollha mhux applikabbli għall-parti l-kbira tal-ilmijiet Ewropej m’għandhomx ikunu inklużi f’dan il-qafas ġenerali, iżda għandhom minflok jaqgħu taħt ir-reġjonalizzazzjoni;

12.  Iqis li kull miżura adottata f’livell reġjonali għandha tkun konformi mar-regolament qafas dwar miżuri tekniċi u tkun konsistenti mal-objettivi tal-PKS u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD) 2008/56/KE;

13.  Iqis li r-regoli dwar il-miżuri tekniċi għandhom jiġu stabbiliti permezz tal-użu xieraq tal-proċess ta’ reġjonalizzazzjoni u jkunu bbażati fuq prinċipji u definizzjonijiet ċentralizzati komuni, inkluż objettivi komuni u standards li għandhom jiġu applikati madwar l-UE, inkluż lista ta’ speċi u rkaptu tas-sajd ipprojbiti, sett ta’ regoli speċifiċi tal-baċiri l-kbar tal-baħar u għadd ta’ regolamenti tekniċi speċifiċi, li kollha se jiġu adottati permezz tal-kodeċiżjoni; jinnota li r-reġjonalizzazzjoni tista’ tapplika għar-regoli applikabbli fil-livell reġjonali jew soġġetti għal tibdil frekwenti, u għandha tiġi evalwata fuq bażi regolari;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa għal regolament qafas ta’ miżuri tekniċi ġodda li għandu jiġi fformulat b’mod ċar, li se jeħtieġ sforz ta' kjarifika sinifikanti; konsegwentement jitlob li r-regolamenti eżistenti dwar il-miżuri tekniċi, b’mod partikolari r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 u (KE) Nru 1967/2006 jitħassru minn qabel sabiex tintemm il-proliferazzjoni ta’ regolamenti;

15.  Ifakkar li fir-rigward tal-atti delegati, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Bażiku, l-Istati Membri jistgħu, fi ħdan il-limitu ta’ żmien stabbilit fir-Regolament dwar il-miżuri tekniċi, iressqu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni, u li din tal-aħħar ma tkun tista’ tadotta ebda att qabel l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien;

16.  Iqis li jinħtieġ li jiġu vvalutati l-adegwatezza, l-effikaċja u l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi għall-flotot tal-UE u l-komunitajiet lokali ta’ regolamenti speċifiċi bbażati fuq miżuri tekniċi filwaqt li jiġu rispettati l-objettivi tal-PKS u tal-MSFD;

17.  Jemmen li l-miżuri tekniċi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu ta’ ċertu rkaptu tas-sajd sabiex jiġu protetti ħabitats u speċi marittimi;

18.  Jemmen li l-miżuri tekniċi għandhom jiżguraw li l-irkaptu tas-sajd distruttiv u mhux selettiv mhux użati, u li l-użu ġenerali ta’ sustanzi splussivi u velenużi għandhom ikunu pprojbiti;

19.  Jemmen li hemm bżonn urġenti li jiġi stabbilit sett koerenti ta’ miżuri tekniċi għal kull wieħed mit-tliet baċini, b’kont meħud tan-natura speċifika ta’ kull wieħed, fejn deċiżjonijiet tal-Unjoni jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut u l-ħarsien tal-ekosistemi u l-ġestjoni sostenibbli ta’ stokkijiet ta’ ħut kondiviżi;

20.  Iqis li skont id-definizzjoni xjentifika u l-klassifikazzjoni ta’ kategoriji ta’ rkaptu tas-sajd, jinħtieġ li, fil-każ tal-baċin tal-Mediterran, jinqasmu xbieki tat-tkarkir u tartaruni tax-xatt minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni li tirregola xbieki tat-tkarkir m’għandhiex tkun l-istess bħal dik li tirregola tartaruni tax-xatt kostali tradizzjonali minħabba li dawn jimmiraw prinċipalment speċi mhux fil-periklu li jinqerdu;

21.  Isostni li, minkejja l-obbligu tal-ħatt, fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2015 u li għandu jiġi applikat b’mod progressiv għall-istokkijiet kollha tal-ħut sal-2019, id-dispożizzjonijiet rigward il-miżuri tekniċi għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jadattaw għal progress f’ħin reali tas-sajd u biex jipprovdu aktar opportunitajiet għas-settur tas-sajd li jdaħħlu innovazzjonijiet rigward metodi ta’ sajd selettiv fil-prattika;

22.  Jemmen li l-obbligu tal-ħatt jikkostitwixxi bidla fundamentali għas-sajd, u li għalhekk il-miżuri tekniċi jeħtieġ li jiġu adattati sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw u jiffaċilitaw sajd aktar selettiv; Jirrakkomanda dawn it-tliet miżuri sabiex jinkiseb dan:

- jiġu modifikati sostanzjalment, jew saħansitra revokati, ir-regoli li jirregolaw il-kompożizzjoni tal-qabdiet,

- tingħata aktar flessibbiltà fir-rigward tad-daqsijiet tal-malji,

- isir possibbli li wieħed ikollu diversi tipi ta’ rkaptu abbord;

23.  Jieħu nota tad-diffikultajiet li jirriżultaw mill-koeżistenza ta’ dawk l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni stipulati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2406/96 u d-daqsijiet minimi ta’ qabda; jitlob li dawn jiġu armonizzati permezz tar-regolament qafas ġdid dwar miżuri tekniċi;

24.  Iqis li rieżami tal-miżuri tekniċi għandu jieħu kont tal-impatt tagħhom f’termini ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi, l-ambjent marittimu, l-ispejjeż operattivi tas-sajd, u l-qligħ f’termini soċjali u okkupazzjonali;

25.  Jemmen li l-objettiv ta' konservazzjoni tar-Regolament qafas dwar miżuri tekniċi jista' jintlaħaq b’mod aktar effikaċi permezz ta’ azzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-provvista u ġestjoni tad-domanda bl-għajnuna ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi;

26.  Iqis li sajd artiġjanali inċidentali fl-ilmijiet interni tal-Istati Membri u r-reġjuni għandu jitħalla barra t-TACs;

27.  Jemmen li l-pjanijiet multiannwali għandhom rwol vitali fil-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd taħt il-PKS, peress li huma l-aktar vettura adatta għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri tekniċi speċifiċi għal tipi differenti ta’ sajd;

28.  Jemmen li l-koleġiżlaturi għandhom ikomplu jfittxu ftehim dwar pjanijiet multiannwali fir-rigward tal-kompetenzi istituzzjonali skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fuq il-bażi tal-każistika rilevanti;

29.  Jemmen li l-pjanijiet multiannwali għandu jkollhom qafas solidu u dejjiemi għall-ġestjoni taż-żoni tas-sajd u għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar u l-aktar pariri xjentifiċi u soċjoekenomiċi riċenti disponibbli, u jiġu adattati għall-evoluzzjoni tal-istokkijiet, kif ukoll jipprovdu flessibbiltà għal deċiżjonijiet annwali tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd; jinnota li dawn id-deċiżjonijiet annwali m'għandhomx jaqbżu l-ambitu strett tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, u għandhom jevitaw, kemm jista' jkun, varjazzjonijiet kbar fihom;

30.  Isostni li għandu jsir progress dwar pjanijiet multiannwali futuri għar-restawr u ż-żamma ta’ stokkijiet f’livelli ogħla minn dawk li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, inkluża tabella taż-żmien bil-quddiem, attivazzjoni ta’ konservazzjoni ta’ salvagwardja, mekkaniżmu għall-adattament għal bidliet f’konsiderazzjonijiet xjentifiċi u klawsola ta’ reviżjoni;

31.  Iqis li, sabiex jiġu evitati problemi li jirriżultaw mill-obbligu ta’ ħatt l-art għal sajd imħallat, jinħtieġ titjib tas-selettività u minimizzar tal-qabdiet mhux mixtieqa; iqis li huwa xieraq li jiġu identifikati modi kif tintuża l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ flessibbiltà u jintużaw il-meded ta’ mortalità mis-sajd stabbiliti xjentifikament biex jiġu stabbiliti t-TACs;

32.  Itenni li huwa meħtieġ li tiżdied il-parteċipazzjoni mill-partijiet interessati fit-tfassil u l-iżvilupp tal-pjanijiet multiannwali permezz tal-Kunsilli Konsultattivi u fid-deċiżjonijiet kollha relatati mar-reġjonalizzazzjoni;

33.  Jemmen li l-Parlament għandu jwettaq b’mod partikolari skrutinju mill-qrib lil atti delegati dwar pjani għar-rimi u jirriżerva d-dritt li joġġezzjona għal kwalunkwe pjan jekk iqis li dan ikun meħtieġ;

34.  Iqis li l-validità tranżitorja tal-atti delegati relatati mal-pjanijiet għall-ħut skartat, inkluż l-emendi tad-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni, fl-ebda każ m'għandha taqbeż il-limitu ta' tliet snin, u dawn għandhom jiġu sostitwiti, fejn ikun xieraq, bi pjanijiet multiannwali, u li, għal dan l-għan, il-pjanijiet multiannwali għandhom jiġu adottati malajr kemm jista' jkun;

35.  Huwa tal-fehma li, fil-kuntest tar-reġjonalizzazzjoni, deċiżjonijiet dwar daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni għal kull speċi għandhom ikunu bbażati fuq parir xjentifiku; Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata l-kummerċjalizzazzjoni ta’ irregolaritajiet jew frodi li jistgħu jipperikolaw il-funzjonament tas-suq intern;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Introduzzjoni

Fost l-għanijiet tar-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) imwettqa fl-2013 kien hemm il-kisba tar-Rendiment Massimu Sostenibbli (RMS), permezz tal-użu ta' approċċ ekosistemiku. Kemm il-miżuri tekniċi kif ukoll il-pjanijiet multiannwali, bħala miżuri ta' preservazzjoni, huma l-għodda prinċipali li bihom jistgħu jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Madankollu, mill-2009, bilkemm sar progress fil-fajls leġiżlattivi relatati kemm mal-miżuri tekniċi kif ukoll mal-pjanijiet multiannwali. F'dan l-aħħar każ, waslu għal imblokk interistituzzjonali. Dan l-imblokk irriżulta minħabba li l-proposti leġiżlattivi tal-pjanijiet multiannwali kienu jinkludu d-distribuzzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost ir-regoli ta' kontroll tal-qabdiet. B'dan kollu l-proposti tal-Kummissjoni kienu joħolqu frizzjonijiet minħabba l-Artikolu 43 tat-TFUE. Fil-każ tal-miżuri tekniċi, id-diffikultajiet kienu dovuti għall-allinjament tal-leġiżlazzjoni mat-Trattat ta' Lisbona.

2. Il-miżuri tekniċi

L-għan tal-miżuri tekniċi huwa li jiġu evitati l-qabdiet ta' ħut li għadu qed jikber u qabdiet oħra sekondarji. Fil-prinċipju tagħha, il-bażi tas-sistema hija magħmula minn tliet regolamenti li jsegwu loġika ġeografika (il-Baltiku, il-Mediterran u l-Atlantiku u ibħra oħra). Il-miżuri tekniċi huma sett speċifiku ta' regoli, iżda xi kultant jiffurmaw parti minn sett usa' ta' strumenti ta' ġestjoni, bħall-pjanijiet multiannwali. Hemm ukoll regolamenti speċifiċi, bħal dak tal-projbizzjoni tal-għażel tat-tisqif, il-prevenzjoni tal-qabdiet aċċidentali ta' ċetaċji jew il-projbizzjoni tat-tneħħija tax-xewk tal-klieb il-baħar abbord. Għaldaqstant il-miżuri tekniċi huma mifruxa f'aktar minn tletin regolament differenti u jikkostitwixxu sistema kumplessa, eteroġena u diżorganizzata ta' dispożizzjonijiet, li spiss għandhom nuqqas ta' koerenza u saħansitra jistgħu jkunu kontradittorji.

Il-kumplessità tal-miżuri tekniċi hija parzjalment minħabba li ġew adottati taħt proċeduri leġiżlattivi differenti u jwieġbu għal motivazzjonijiet differenti. Uħud mill-miżuri tekniċi kienu promossi mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (OROP). F'okkażjonijiet oħra, ġew adottati fil-kuntest tar-Regolamenti annwali tat-TAC u l-kwoti. Madankollu ħafna mill-miżuri tekniċi ġew adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni wara l-proċedura tal-komitoloġija, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Parti mill-eteroġeneità u n-nuqqas ta' koerenza tal-miżuri tekniċi hija minħabba li ħafna minnhom ġew approvati progressivament mill-Kunsill bħala parti mir-regolamenti annwali li jistabbilixxu l-qabdiet totali permissibbli (TAC) u l-kwoti. Uħud mill-miżuri tekniċi huma għaldaqstant il-prodott tan-negozjati politiċi interstatali, b'bażi xjentifika baxxa u li joħolqu differenzi mhux ġustifikati bejn l-ibħra. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-miżuri differenti tat-TAC u l-kwoti għandhom jiġu adottati b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Il-fokus ġeografiku tal-miżuri tekniċi huwa rifless b'mod ċar fit-trattament differenzjat applikat fil-każ tal-Mediterran. F'dan il-każ, ġie adottat biss sett bejn wieħed u ieħor koerenti ta' miżuri fl-2006. Madankollu, il-Kunsill Konsultattiv tal-Mediterran ripetutament talab ir-reviżjoni ta' ċerti miżuri tekniċi. Ta' min wieħed jinnota li l-Kummissjoni, fl-istudju riċenti tagħha dwar il-miżuri tekniċi(1) ma inkludietx il-Mediterran minħabba l-kumplessità tiegħu.

Parti mill-miżuri tekniċi tikkonsisti f'regolamenti speċifiċi. Il-proċedura leġiżlattiva ta' ħafna minnhom ħolqot kontroversji. B'mod speċjali, il-proposta dwar is-sajd ta' stokkijiet ta' ibħra fondi fl-Atlantiku tal-Grigal(2) ġew imblukkata għal aktar minn tliet snin. Il-proċedura dwar is-sajd bl-għażel tat-tisqif(3) hija mwaqqfa wkoll. Dawn id-diffikultajiet u l-kontroversji jwieġbu għall-kontenut tal-proposti. F'xi każijiet, bħal dak tat-tneħħija tax-xewk tal-klieb il-baħar abbord il-bastimenti(4), ir-regola ġiet miċħuda mill-OROP, fejn il-flotta tal-Unjoni Ewropea tkun qiegħda f'sitwazzjoni ta' żvantaġġ fir-rigward ta' dawk ta' pajjiżi terzi. F'każijiet oħra, bħar-Regolament dwar il-qabdiet aċċidentali ta' ċetaċji(5), ikun meħtieġ li tiġi evalwata l-effikaċja tagħhom.

Min-naħa l-oħra, ir-regolamenti relatati mal-miżuri tekniċi fihom sensiela ta' eċċezzjonijiet u derogi u d-dispożizzjonijiet kollha ġew emendati. Pereżempju, ir-Regolament (KE) Nru 850/1998 ġie emendat erbatax-il darba. Il-kumplessità tal-miżuri tekniċi żdiedet ma' dawn l-emendi suċċessivi. Hemm numru ta' inkoerenzi u hemm nuqqas ta' definizzjoni ċara għall-oqsma rispettivi tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni, li jxekklu l-progress tad-dossiers leġiżlattivi. Konsegwentement, is-sett tal-miżuri tekniċi ilu jeħtieġ razzjonalizzazzjoni, simplifikazzjoni u adattament mat-Trattat ta' Lisbona.

Fl-2002 u l-2008 kien hemm tentattiv li jsiru reviżjonijiet tas-sett tal-miżuri tekniċi(6). Wieħed mit-tentattivi falla u l-ieħor sar wieħed mill-ħafna emendi. Lanqas id-dossiers leġiżlattivi relatati mal-allinjamenti mat-Trattat ta' Lisbona tat-tliet Regolamenti ġeografiċi prinċipali ma mxew 'il quddiem.

F'Mejju 2014 il-Kummissjoni għalqet konsultazzjoni pubblika dwar "qafas ġdid ta' miżuri tekniċi fil-Politika Komuni tas-Sajd riformata". Ħafna mill-Istati Membri li wieġbu qiesu li kien meħtieġ li jiġu ssimplifikati l-miżuri tekniċi fejn jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali fejn huwa meħtieġ li jinżammu uħud mir-regoli taħt il-kodeċiżjoni u li l-livell ta' reġjonalizzazzjoni fit-tfassil tal-miżuri tekniċi għandu jiffoka fuq l-applikazzjoni prattika u għandhom jitqiesu l-attivitajiet ta' kontroll u ta' monitoraġġ. Il-parteċipanti tas-settur tas-sajd qiesu li huwa meħtieġ li jintuża approċċ minimalista fl-istruttura ġdida tal-miżuri tekniċi, fejn tiġi eskluża l-kodeċiżjoni tad-deċiżjonijiet inerenti tal-mikroġestjoni. Sadanittant, l-NGOs qiesu bħala meħtieġ qafas ġenerali ta' miżuri tekniċi li jkollhom l-għanijiet ġenerali u l-istandards komuni minimi li għandhom jiġu applikati fl-UE kollha sabiex jiżguraw li ma jiġux prodotti nuqqasijiet fil-ġestjoni u għalhekk, simplifikazzjoni m'għandhiex issir għad-detriment tal-protezzjoni tal-ambjent.

Fir-regolamentazzjoni futura dwar il-miżuri tekniċi il-kodeċiżjoni għandha tkun meħtieġa sabiex tiżgura kundizzjonijiet ugwali u biex tiffaċilita l-implimentazzjoni u l-kontroll. Sadanittant, ir-reġjonalizzazzjoni tista' tissimplifika l-ġestjoni, fejn tiżgura li l-istandards jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta' kull żona tas-sajd u ta' kull baċir, li jagħtu flessibbiltà u jagħmlu possibbli reazzjoni mgħaġġla f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza; Barra minn hekk ir-reġjonalizzazzjoni tista' tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni u t-titjib tal-fehim tal-istandards, li għaldaqstamt jintlaqgħu tajjeb mill-industrija, speċjalment jekk jiġu assoċjati mal-proċess ta' adozzjoni tagħhom stess; Madankollu reġjonalizzazzjoni assoluta mhijiex kompatibbli mal-PKS, bħala politika komuni fejn l-UE għandha l-kompetenza esklużiva minħabba n-natura kondiviża tar-riżorsi;

Għaldaqstant ma jidhirx li huwa meħtieġ li tintuża l-kodeċiżjoni għall-miżuri ta' qasam reġjonali jew li jistgħu jkunu suġġetti għal bidliet frekwenti, iżda huwa meħtieġ li tinżamm għall-istandards komuni għall-baċiri kollha tal-baħar jew għal dawk li mhumiex se jinbidlu f'perjodu raġonevoli ta' żmien.

L-arkitettura tar-regolamentazzjoni relatata mal-miżuri tekniċi għandha tiġi artikolata fuq tliet pilastri. Tlieta minnhom għandhom jinkludu sett ta' standards komuni u ċentralizzati, sett ta' standards speċifiċi għall-baċiri tal-baħar l-aktar importanti, u ċertu numru ta' regolamentazzjonijiet speċifiċi adottati permezz tal-kodeċiżjoni. Ir-raba' pilastru taħt ir-reġjonalizzazzjoni għandu jiġi applikat għall-istandards ta' ambitu reġjonali jew għal dawk suġġetti għal tibdiliet frekwenti;

3. Il-pjanijiet multiannwali

Il-vokazzjoni tal-pjanijiet multiannwali hija l-ġestjoni tal-ispeċijiet ewlenin ta' interess għas-sajd. Il-punt komuni tagħhom huwa l-istabbiliment ta' objettivi tal-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut f'termini ta' daqs tal-bijomassa ta' individwi li jrabbu u tal-mortalità tas-sajd. Bħalissa hemm ħdax-il pjan multiannwali b'varjetà fl-istrumenti użati. B'mod ġenerali, jintużaw il-qabdiet totali permissibbli (TAC), iżda jeżistu wkoll tipi differenti ta' strumenti bħall-miżuri tekniċi, restrizzjonijiet tal-isforz tas-sajd jew standards speċifiċi ta' kontroll.

Il-pjanijiet multiannwali ġew stabbiliti wara r-riforma tal-PKS tal-2002. Fost il-pjanijiet eżistenti, tnejn minnhom jirregolaw l-istokkijiet tal-ħut ġestiti mill-OROP, it-tonn aħmar u l-ħalibatt tal-Groenlandja, filwaqt li l-bqija jirregolaw stokkijiet tal-ħut f'ibħra komunitarji li jsewgu l-pariri tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). Bejn l-2002 u l-2009 l-iżvilupp tagħhom kien miexi relattivament bil-mod, fejn ġiet irreġistrata evoluzzjoni fil-modalitajiet tagħhom. Mill-2009 ma ġie adottat l-ebda pjan, bħala konsegwenza ta' imblokk tal-proposti fil-Kunsill;

L-effikaċja tal-pjanijiet multiannwali ma kinitx ugwali. B'mod ġenerali, l-agħar riżultati ġew assoċjati mal-ineffikaċja tal-mekkaniżmi ta' tnaqqis tal-isforz tas-sajd u man-nuqqasijiet fil-kontroll. Għandu jiġi mfakkar li l-ġestjoni tal-flotta u għaldaqstant, tal-kapaċità attwali tas-sajd tilfet il-piż fil-PKS. Minkejja li l-kriżijiet differenti kkawżaw tnaqqis importanti fil-flotta, it-tnaqqis tal-kapaċità tas-sajd kienet ħafna inqas.

Minkejja l-importanza tagħhom, bilkemm saru magħrufa żviluppi fl-aħħar snin bħala konsegwenza tal-imblokk interistituzzjonali li ġej mid-differenzi ta' interpretazzjoni ta' dawk tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bażi legali li għandha tintuża fil-pjanijiet multiannwali u, b'mod partikolari, jekk huwiex xieraq li jintuża l-Artikolu 43(2) tat-TFUE jew l-Artikolu 43(3). L-Artikolu 43(3) jirriżerva s-setgħa kollha tad-deċiżjoni lill-Kunsill, u jeskludi lill-Parlament. Fis-26 ta' Novembru 2014 il-Qorti tal-Ġustizzja ħarġet sentenza komuni fuq żewġ każijiet(7) imressqa mill-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni kontra Deċiżjoni tal-Kunsill relatata mal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fl-ibħra tal-Unjoni Ewropea lill-bastimenti tas-sajd b'bandiera tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklużiva għall-Guyana Franċiża. Din is-sentenza tistabbilixxi preċedent fejn jiċċara li l-Artikolu 43(3) jista' jintuża biss bħala bażi legali għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd kif isir fir-regolamenti tat-TAC u l-kwoti.

Għadha mistennija s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kawża C-124/13 PE/Kunsill dwar ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1243/2012, li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz, fejn il-Parlament isostni li, minħabba l-għan u l-kontenut tiegħu, ir-Regolament kellu jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) tat-TFUE, billi tintuża l-proċedura leġiżlattiva ordinarja mal-Parlament bħala koleġiżlatur; Il-Parlament huwa wkoll kontra d-diviżjoni tal-proposta tal-Kummissjoni, peress li l-Kunsill qasam il-proposta f'żewġ atti leġiżlattivi;

Min-naħa l-oħra, f'April 2014 ġew konklużi x-xogħlijiet tal-grupp ta' ħidma ("task force") interistituzzjonali dwar il-pjanijiet multiannwali. Matul ix-xogħlijiet tagħhom ir-rappreżentazzjonijiet tal-koleġiżlaturi irrikonoxxew l-importanza li jaħdmu flimkien sabiex isibu mod prammatiku biex jimxu 'l quddiem fil-pjanijiet multiannwali filwaqt li jqisu l-opinjonijiet differenti dwar l-interpretazzjoni tal-qafas legali. Kien stmat li l-pjanijiet multiannwali għandu jkollhom qafas solidu u dejjiemi għall-ġestjoni taż-żoni tas-sajd, billi jiġi bbażat fuq l-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli. Barra minn hekk għandhom jiġu permessi adattamenti għall-evoluzzjoni tal-istokkijiet tal-ħut, u għandhom jipprovdu flessibbiltà għat-teħid ta' deċiżjonijiet annwali dwar l-opportunitajiet tas-sajd.

Ġew identifikati bħala elementi komuni tal-pjanijiet multiannwali futuri l-għan tar-Rendiment Massimu Sostenibbli u skeda sabiex jintlaħaq dan l-għan, punt ta' referenza ta' konservazzjoni għall-attivazzjoni tas-salvagwardji, mekkaniżmu ta' adattament għat-tibdil fil-konsulenza xjentifika u klawżola ta' reviżjoni;

Wara r-riforma tal-PKS tal-2013, il-pjanijiet multiannwali għandhom jinkludu bħala għan ir-Rendiment Massimu Sostenibbli u perjodu fejn dan l-għan għandu jintlaħaq. Għandu jkun fihom ukoll miżuri għall-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-ħut skartat u tal-obbligu tal-ħatt l-art(8), kif ukoll garanziji ta' applikazzjoni ta' miżuri korrettivi u klawżoli ta' reviżjoni. Jistabbilixxu wkoll żewġ għanijiet kwantifikabbli għall-pjanijiet multiannwali: il-mortalità tas-sajd u l-bijomassa tal-istokkijiet għat-tgħammir.

Ir-riforma tal-PKS introduċiet il-projbizzjoni ta' ħut skartat mingħajr ma ġew solvuti r-riġiditajiet inerenti fis-sistema tat-TAC u l-kwoti. Minħabba li huma prevedibbli problemi fiż-żoni tas-sajd imħallta li għandhom speċijiet ta' taħżim ("speċijiet bi kwota limitanti"), jidher li huwa raġonevoli li jiġu privileġġati ċerti strumenti, bħar-regolament tal-isforz tas-sajd, li ma jippreżentawx ir-riġiditajiet tas-sistema tat-TAC u l-kwoti. Barra minn hekk, ir-regolament tal-isforz tas-sajd għandu jiffaċilita l-kisba tal-għan tar-Rendiment Massimu Sostenibbli, fejn jitjiebu r-riżultati ekonomiċi tal-flotta għal mortalità tas-sajd partikolari.

4. Ir-riforma tal-PKS tal-2013

Element essenzjali tar-riforma tal-PKS li jaffettwa kemm lill-pjanijiet multiannwali kif ukoll lill-miżuri tekniċi huwa r-reġjonalizzazzjoni(9) jew il-kooperazzjoni reġjonali fuq il-miżuri ta' konservazzjoni. Il-pjanijiet multiannwali jidhru li huma l-aktar mezz xieraq għall-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' miżuri tekniċi speċifiċi fil-kuntest tar-reġjonalizzazzjoni.

Huwa stabbilit li meta tingħata d-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni relatati mal-pjanijiet multiannwali, il-miżuri ta' konservazzjoni meħtieġa għal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni jew l-obbligu tal-ħatt l-art, l-Istati Membri kkonċernati u affettwati minn dawn il-miżuri jistgħu jippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti f'perjodu speċifikat. Biex isiru dawn ir-rakkomandazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti. Il-Kummissjoni tista' tadotta l-miżuri rakkomandati permezz ta' atti delegati, iżda tista' wkoll tippreżenta proposti jekk l-Istati Membri kollha ma jaqblux fuq ir-rakkomandazzjonijiet konġunti fil-perjodu stabbilit. Il-Kummissjoni tista' wkoll tippreżenta proposti jekk ir-rakkomandazzjonijiet konġunti ma jitqisux kompatibbli mal-għanijiet u l-miri kwantifikabbli tal-miżuri ta' konservazzjoni. L-uniku rwol li jista' jkollu l-Parlament Ewropew huwa l-possibbiltà li jopponi att delegat fi żmien xahrejn.

Dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda għandhom konsegwenzi fuq il-miżuri tekniċi u ġeneralment huma marbuta mal-pjanijiet multiannwali jew ikunu ġejjin mill-assenza tagħhom u, jiġu solvuti bl-adozzjoni ta' atti delegati mill-Kummissjoni. Pereżempju, meta ma jkunx ġie adottat pjan multiannwali jew pjan ta' ġestjoni għal żona tas-sajd speċifika, il-Kummissjoni jkollha s-setgħa tadotta atti delegati fejn jistabbilixxu, fuq bażi temporanja u għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet snin, pjan speċifiku ta' ħut skartat li jista' wkoll jinkludi emenda tad-daqsijiet minimi(10).

Min-naħa l-oħra, mar-Regolament dwar l-obbligu tal-ħatt l-art(11), ġew introdotti modifiki għat-tliet Regolamenti reġjonali dwar il-miżuri tekniċi (l-Atlantiku, il-Mediterran u l-Baltiku). Il-pjanijiet għall-ħut skartat saru l-mezz ewlieni għall-introduzzjoni ta' tibdiliet permezz tad-delega ta' setgħat lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tistabbilixxi daqsijiet minimi ta' referenza għall-finijiet tal-konservazzjoni għall-ispeċijiet suġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art permezz ta' atti delegati u, fejn xieraq, li tistabbilixxi eċċezzjonijiet dwar id-daqsijiet minimi ta' referenza. Dan il-każ diġà ngħata fil-pjan għall-ħur skartat tal-Baltiku(12), li naqqas id-daqs minimu tal-merluzz minn 38 ċm għal 35 ċm.

F'ħafna każijiet, id-daqsijiet minimi ta' konservazzjoni għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta' atti delegati. Dan se jiffaċilita l-adozzjoni ta' ċerti miżuri fl-ambitu reġjonali, iżda d-daqsijiet minimi ta' konservazzjoni għandhom rwol li jittraxxendi b'mod konsiderevoli r-reġjonalizzazzjoni, u b'hekk jista' jiġi emendat b'mod konsiderevoli l-iżvilupp tal-pjanijiet multiannwali. Bl-emenda ta' daqs minimu, is-sajjieda għandhom jemendaw it-tekniki tas-sajd, u għandhom jiġu modifikati wkoll il-mortalità tas-sajd u l-piramida ta' etajiet tal-individwi li jrabbu. Fir-Regolament tal-bażi tal-PKS huwa stabbilit li dawn iż-żewġ parametri għandhom ikunu l-għanijiet kwantifikabbli tal-pjanijiet multiannwali(13). B'emenda tad-daqsijiet minimi f'att delegat se jiġu emendati l-parametri prinċipali tal-pjanijiet multiannwali minn barra tal-pjanijiet infushom. Għandu jitqies li d-daqsijiet minimi għandhom rwol essenzjali fil-kummerċjalizzazzjoni u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd.

5. Il-pożizzjoni tar-rapporteur

5.1.  Pjanijiet multiannwali

Il-koleġiżlaturi għandhom isibu mod prammatiku biex jagħmlu progress rapidu fil-pjanijiet multiannwali fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Barra minn hekk, huwa meħtieġ li tiżdied il-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet interessati fit-tfassil u l-iżvilupp tal-pjanijiet multiannwali.

Fl-aħħar nett, il-pjanijiet multiannwali għandhom jiġu adottati malajr kemm jista' jkun. B'hekk jiġi evitat li l-miżuri fit-tul jiġu rregolati permezz ta' pjanijiet għall-ħut skartat li, minħabba n-natura tagħhom għandu jkun fihom biss miżuri ta' natura provviżorja.

5.2.  Miżuri tekniċi

Fir-rigward tal-miżuri tekniċi futuri, għandhom ikunu sempliċi u ċari, sabiex jiffaċilitaw il-fehim mis-sajjieda.

Sa fejn huwa possibbli għandhom jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet ta' kull żona tas-sajd u kull reġjun (reġjonalizzazzjoni).

Madankollu, l-adozzjoni ta' standards komuni għall-baċiri kollha tal-baħar jew għal dawk li mhumiex se jinbidlu f'perjodu raġonevoli ta' żmien għandha ssir mill-koleġiżlaturi tal-UE billi tintuża l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jiġifieri l-kodeċiżjoni.

Fil-fatt, reġjonalizzazzjoni assoluta ma tkunx kompatibbli mal-PKS, bħala politika komuni fejn l-UE għandha l-kompetenza esklużiva minħabba n-natura kondiviża tar-riżorsi

Fl-aħħar nett, hija meħtieġa parteċipazzjoni akbar u aktar effettiva mis-sajjieda fil-proċess deċiżjonali sal-aħħar dettall tal-miżuri tekniċi, kif ukoll il-ħolqien ta' inċentivi biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tagħhom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

2

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, David Coburn, Diane Dodds, Linnéa Engström, João Ferreira, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, António Marinho e Pinto, Gabriel Mato, Liadh Ní Riada, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Ole Christensen, Verónica Lope Fontagné, Lidia Senra Rodríguez

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Tim Aker

(1)

Studju fl-appoġġ tal-iżvilupp ta' qafas ta' miżuri ġodda tekniċi ta' konservazzjoni f'PKS riformata (A study in support of the development of a new technical conservation measures framework within a reformed CFP). Nru tal-proġett: ZF1455_S02. 7 ta' Lulju 2014

(2)

COM(2012)0371 finali - 2012/0179 (COD)

(3)

COM(2014)0265 finali - 2014/0138 (COD)

(4)

Regolament (UE) Nru 605/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013

(5)

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004, tas-26 ta' April 2004

(6)

COM(2002) 672 u COM(2008) 324

(7)

Kawżi C-103/12 PE/Kunsill u C-165/12 Kummissjoni/Kunsill

(8)

L-obbligu ta' ħatt l-art. L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013

(9)

Kooperazzjoni reġjonali dwar miżuri ta' konservazzjoni Artikolu 18. Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013

(10)

Artikolu 15(6), Regolament (KE) Nru 1380/2013

(11)

L-Artikoli 1(10), 2(5) u 3(5), tar-Regolament (UE) Nru 2015/812 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015

(12)

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1396/2014 tal-20 ta' Ottubru 2014

(13)

L-Artikolu 10(1)(c), tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013

Avviż legali - Politika tal-privatezza